KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 ( 1 )

Kawża C‑307/22

FT

vs

DW

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 12, 15 u 23 – Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għal data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata – Dritt li tinkiseb kopja tad-data personali mingħajr ħlas – Rimbors tal-ispejjeż – Rekords mediċi ta’ pazjent – Tabib li jipproċessa d-data”

I. Introduzzjoni

1.

L-Artikoli 12 u 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD” ( 2 )) jagħtu lis-suġġetti tad-data drittijiet estensivi ta’ aċċess fir-rigward ta’ data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Fost l-oħrajn, dawn id-dispożizzjonijiet jirrikjedu li l-kontrolluri jipprovdu lis-suġġetti tad-data kopja ta’ din id-data mingħajr ħlas.

2.

Is-suġġetti tad-data jistgħu jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, għal skopijiet oħra għajr dawk relatati mal-protezzjoni tad-data? L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu d-dritt li tinkiseb kopja tad-data billi jeħtieġu li s-suġġetti tad-data jħallsu, f’xi każijiet speċifiċi, l-ispejjeż sostnuti mill-kontrollur tad-data għall-produzzjoni tal-kopji? Il-kontrolluri għandhom jipprovdu kopji tad-dokumenti kollha li fihom data personali, jew jistgħu jikkompilaw id-data mitluba mis-suġġetti tad-data?

3.

Dawn huma essenzjalment il-kwistjonijiet prinċipali mqajma mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), f’kawża dwar il-kapaċità ta’ pazjent li jikseb, mingħajr ħlas, kopji ta’ dokumenti li jinsabu fir-rekords mediċi tiegħu.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

4.

Il-premessi 4, 13 u 63 tar-RĠPD jiddikjaraw li:

“(4)

[…] Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu […] jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari […] il-libertà tal-intrapriża […]

(13)

[…] [L]-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u l-Istati Membri […] huma mħeġġa jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta’ daqs medju fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament […]

(63)

Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru, u li jeżerċita dak id-dritt faċilment u f’intervalli raġonevoli, sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar. Dan jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data dwar saħħithom, pereżempju d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qed jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut. Kull suġġett tad-data għandu għalhekk ikollu d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata d-data personali, fejn possibbli il-perijodu li għalih id-data personali tiġi pproċessata, ir-riċevituri tad-data personali, il-loġika involuta fi kwalunkwe pproċessar awtomatiku tad-data personali […] Dak id-dritt ma għandux jaffettwa negattivament id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ persuni oħrajn […]”

5.

L-Artikolu 12 tar-RĠPD, intitolat “Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”, jipprovdi:

“1.   Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi […]

2.   Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. […]

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. […]

[…]

5.   L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista’ jew:

(a)

jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew

(b)

jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

[…]”

6.

Skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

[…]

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista’ jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. […]

4.   Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

7.

L-Artikolu 23(1) tar-RĠPD, li jikkonċerna “Restrizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 […] meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

(e)

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari […] is-saħħa pubblika […];

[…]

(i)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

[…]”

B.   Id‑dritt nazzjonali

8.

L-Artikolu 630f tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Dokumentazzjoni tat-trattament”, jipprovdi li:

“(1)   Il-persuna li tipprovdi t-trattament hija obbligata żżomm rekords mediċi bil-miktub jew elettronikament għall-iskop ta’ dokumentazzjoni b’konnessjoni temporali diretta mat-trattament. […]

(2)   Il-persuna li tipprovdi t-trattament hija obbligata tirreġistra fir-rekords mediċi l-miżuri kollha li, mil-lat professjonali, huma essenzjali għat-trattament attwali u futur, u r-riżultati ta’ dawn il-miżuri, b’mod partikolari l-istorja tal-pazjent, id-dijanjosi, l-eżamijiet, ir-riżultati tal-eżamijiet, is-sejbiet, it-terapiji u l-effetti tagħhom, il-proċeduri u l-effetti tagħhom, il- unsensi u kwalunkwe spjegazzjoni mogħtija. L-ittri tat-tobba għandhom jiġu inklużi fir-rekords mediċi.

[…]”

9.

L-Artikolu 630g tal-BGB, intitolat “Aċċess għar-rekords mediċi”, jgħid li:

“(1)   Fuq talba, il-pazjent għandu jingħata aċċess immedjat għar-rekords mediċi sħaħ li jikkonċernawh, sakemm dan l-aċċess ma jkunx prekluż minn raġunijiet sinjifikattivi relatati mat-trattament jew minn drittijiet sinjifikattivi oħra ta’ partijiet terzi. […]

(2)   Il-pazjent jista’ wkoll jitlob kopji elettroniċi tar-rekords mediċi. Huwa għandu jirrimborsa lill-persuna li tipprovdi t-trattament għall-ispejjeż sostnuti.

[…]”

III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

10.

DW (ir-rikorrent fil-kawża prinċipali) irċieva kura dentali mingħand FT (il-konvenuta fil-kawża prinċipali). Minħabba suspett ta’ trattament mhux xieraq, DW talab lil FT tipprovdilu, mingħajr ħlas, kopja tar-rekords mediċi tiegħu kollha li kienu qegħdin jinżammu minnha. FT kienet tal-fehma li hija tkun meħtieġa tipprovdi kopja tar-rekords mediċi biss f’każ li l-pazjent jirrimborsaha għall-ispejjeż.

11.

DW ippreżenta rikors kontra FT quddiem l-Amtsgericht (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja), li laqgħet it-talba tiegħu. FT ippreżentat appell quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja), li ġie miċħud għar-raġuni li l-fatt li DW talab l-informazzjoni sabiex jivverifika jekk kellux pretensjonijiet taħt il-liġi dwar ir-responsabbiltà medika ma annullax id-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 15 tar-RĠPD.

12.

Fl-appell tagħha fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), FT talbet l-annullament tas-sentenza tal-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) u ċ-ċaħda tar-rikors ta’ DW. Skont il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), is-suċċess tal-appell fuq punt ta’ liġi jiddependi minn jekk il-qorti li ddeċidiet dwar l-appell fuq il-mertu wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li – kif sostna DW – ir-rikors huwa fondat abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD.

13.

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tiddikjara li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, FT ma hijiex obbligata tipprovdi lil DW, mingħajr ħlas, kopji tar-rekords mediċi li jikkonċernawh. Madankollu, id-dritt ta’ DW li jiksibhom mingħajr ħlas jista’ jirriżulta – kif iddikjarat il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) – direttament mill-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, moqri flimkien mal-Artikolu 12(5) tiegħu. Għalhekk, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-[RĠPD], moqrija flimkien mal-Artikolu 12(5) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kontrollur (f’dan il-każ: it-tabib li qiegħed jipprovdi t-trattament) ma huwiex marbut jipprovdi mingħajr ħlas lis-suġġett tad-data (f’dan il-każ: il-pazjent) l-ewwel kopja tad-data personali tiegħu pproċessata mill-imsemmi kontrollur meta s-suġġett tad-data ma jitlobx il-kopja għall-finijiet iċċitati fl-ewwel sentenza tal-premessa 63 tar-RĠPD, jiġifieri li jkollu għarfien tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu u l-possibbiltà li jivverifika l-legalità ta’ dan l-ipproċessar, iżda għal fini differenti, li ma hijiex relatata mal-protezzjoni tad-data iżda hija leġittima (f’dan il-każ: il-verifika tal-eżistenza tad-drittijiet fil-qasam tar-responsabbiltà medika)?

(2)(a)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: Skont l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD, dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tkun ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-RĠPD tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni tad-dritt li tiġi pprovduta mingħajr ħlas kopja tad-data personali pproċessata mill-kontrollur, kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3), moqrija flimkien mal-Artikolu 12(5) tar-RĠPD?

(b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2a: l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn li hemm riferiment għalihom hemmhekk jinkludu wkoll l-interess tagħhom li jiġu lliberati mill-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ kopja tad-data skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD u minn spejjeż oħra sostnuti minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kopja?

(c)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2b: leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent, tipprovdi li t-tabib dejjem għandu dritt għar-rimbors tal-ispejjeż fil-konfront tal-pazjent fil-każ ta’ provvista ta’ kopja tad-data personali tal-pazjent mill-fajl mediku tiegħu, u dan indipendentement miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, tikkostitwixxi restrizzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi skont l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD, li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, moqrija flimkien mal-Artikolu 12(5) tar-RĠPD?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u għad-domandi 2a, 2b jew 2c: fil-kuntest tar-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent, id-dritt skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD ikopri d-dritt għall-provvista ta’ kopji tal-partijiet kollha tal-fajl mediku tal-pazjent li jinkludu d-data personali tal-pazjent jew ikopri biss il-provvista ta’ kopja tad-data personali tal-pazjent bħala tali, fejn it-tabib kontrollur jibqa’ liberu li jiddeċiedi l-modalità ta’ kumpilazzjoni tad-data għall-pazjent ikkonċernat?”

14.

F’din il-kawża tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Latvjan u mill-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A.   L‑ewwel domanda: aċċess għad‑data għal skopijiet mhux relatati mal‑protezzjoni tad-data

15.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 12(5) u 15(3) tar-RĠPD għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li kontrollur tad-data jipprovdi lis-suġġett tad-data, mingħajr ħlas, kopja tad-data personali tiegħu fejn is-suġġett tad-data ma jitlobx il-kopja għall-finijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-premessa 63 tar-RĠPD (jiġifieri, li jkollu għarfien tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu u l-possibbiltà li jivverifika l-legalità ta’ dan l-ipproċessar), iżda għal fini differenti, bħal ma hija l-verifika tal-eżistenza tad-drittijiet fil-qasam tar-responsabbiltà medika.

16.

Essenzjalment, din id-domanda tqajjem il-kwistjoni dwar jekk suġġett tad-data għandux id-dritt li jirċievi, skont id-dispożizzjonijiet tar-RĠPD, kopja tad-data personali tiegħu mingħand il-kontrollur tad-data meta t-talba tiegħu ssir għal finijiet li huma leġittimi, iżda mhux relatati mal-protezzjoni tad-data.

17.

Fil-fehma tiegħi, id-dritt ta’ aċċess li r-RĠPD jagħti lis-suġġetti tad-data ma huwiex ikkundizzjonat mill-intenzjoni tagħhom li jużaw id-data kkonċernata għal finijiet relatati mal-protezzjoni tad-data, bħalma huma dawk stabbiliti fil-premessa 63 tiegħu. Qari testwali, kuntestwali u sistemiku tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RĠPD jappoġġja din l-interpretazzjoni.

18.

L-ewwel u qabel kollox, ebda restrizzjoni bħal din ma tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12 jew tal-Artikolu 15 tar-RĠPD. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu – f’tip ta’ “logħba bil-mirja” – l-obbligu tal-kontrollur tad-data li jipprovdi, u d-dritt tas-suġġett tad-data li jitlob, aċċess għad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata ( 3 ). L-ebda waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet ma teħtieġ li s-suġġett tad-data jindika r-raġunijiet għat-talba tiegħu għal aċċess u lanqas ma tagħti lill-kontrollur tad-data d-diskrezzjoni li jitlob u jevalwa dawn ir-raġunijiet.

19.

L-Artikolu 12 tar-RĠPD jirrikjedi li l-kontrollur “jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni […] u kwalunkwe komunikazzjoni” inkwistjoni, u “jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data” ( 4 ). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 huma, fil-fatt, prinċipalment ikkonċernati mal-mod kif, u l-perijodu ta’ żmien li fih, il-kontrollur tad-data għandu, inter alia, jagħti aċċess ( 5 ). L-uniċi eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-kontrollur li jaġixxi fil-pront huma: (i) li jitlob informazzjoni addizzjonali jew jirrifjuta li jaġixxi f’każ ta’ dubji raġonevoli dwar l-identità tas-suġġett tad-data ( 6 ); u (ii) li jitlob ħlas raġonevoli jew jirrifjuta li jaġixxi f’każ ta’ talbiet manifestament bla bażi jew eċċessivi ( 7 ).

20.

L-Artikolu 15 tar-RĠPD huwa fformulat ukoll f’termini wesgħin ħafna, li jagħtu lis-suġġetti tad-data forom ta’ aċċess estensivi: biex jiksbu mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċernahom hijiex qiegħda tiġi pproċessata jew le u, fl-affermattiv, jirċievu informazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward ( 8 ); u biex jiksbu kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata ( 9 ). L-ebda kundizzjoni jew limitu espressi ma huma pprovduti għall-eżerċizzju tas-suġġett tad-data tad-dritt ta’ aċċess tiegħu taħt l-Artikolu 15 tar-RĠPD.

21.

Dan huwa għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit f’dispożizzjonijiet oħra tar-RĠPD, li jittrattaw drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data. Pereżempju, l-Artikolu 17(3) tar-RĠPD jipprevedi s-sitwazzjonijiet li fihom id-dritt li wieħed jintesa, stabbilit fl-Artikolu 17(1) u (2) tal-istess regolament, “ma għand[ux] japplika”. L-Artikolu 20 tar-RĠPD, li jikkonċerna d-dritt għall-portabbiltà tad-data, huwa strutturat bl-istess mod, u l-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt huma previsti fil-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 21(6) tar-RĠPD jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, is-suġġetti tad-data huma intitolati jeżerċitaw id-dritt tagħhom li joġġezzjonaw, kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) tiegħu.

22.

F’dan l-isfond, il-premessa 63 ma tistax tinqara, fil-fehma tiegħi, bħala li tintroduċi kundizzjoni jew limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess minqux fl-Artikolu 15 tar-RĠPD, li ma hemm ebda traċċa tagħhom fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni (lanqas fid-“dispożizzjoni tewmija”, jiġifieri l-Artikolu 12 tar-RĠPD).

23.

Fil-fehma tiegħi, il-premessa 63 hija pjuttost maħsuba biex tenfasizza s-sinjifikat, fi ħdan l-iskema tar-RĠPD, tad-dritt ta’ aċċess. Dan id-dritt huwa fil-fatt strumentali u indispensabbli għall-eżerċizzju effettiv ta’ ħafna drittijiet oħra li r-RĠPD jagħti lis-suġġetti tad-data ( 10 ). Huwa diffiċli għall-individwi li jkollhom “kontroll tad-data personali tagħhom” – kif tenfasizza l-premessa 7 tar-RĠPD – jekk ma jkunux jafu d-dettalji dwar l-ipproċessar tad-data, inkluż jekk sarx, x’sar u għalfejn. Dan jista’ jispjega għaliex il-premessa 63 tiddikjara li s-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess “sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar” ( 11 ). Il-kliem tal-premessa 63 jaf ma huwiex daqstant ċar iżda, fil-fehma tiegħi, minn din il-premessa ma jirriżultax li d-dritt ta’ aċċess jingħata biss għall-finijiet imsemmija fiha.

24.

Ninnota, fil-qasir, li ħafna drabi, jkun impossibbli għall-kontrollur li jivverifika kundizzjoni bħal din, u għalhekk ikun faċli għas-suġġett tad-data li jevitaha, peress li tiddependi mill-intenzjoni suġġettiva tal-individwu kkonċernat ( 12 ).

25.

Barra minn hekk, naqbel mal-qorti tar-rinviju li interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 15 tar-RĠPD ma tistax tiġi dedotta mill-punt 44 tas-sentenza YS et ( 13 ). F’din is-silta, il-Qorti tal-Ġustizzja – b’referenza għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE ( 14 ), il-prekursura tar-RĠPD – iddikjarat li, “[k]if jirriżulta mill-premessa […] ta’ din id-direttiva, huwa sabiex tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji li l-persuna kkonċernata għandha […] dritt ta’ aċċess għad-data li tikkonċernaha li tkun qed tiġi pproċessata” ( 15 ).

26.

B’dan il-mod, dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja kien essenzjalment li ċċitat it-test tal-premessa 41 tad-Direttiva 95/46, li l-kliem tagħha kien simili għal dak tal-premessa 63 tar-RĠPD. Barra minn hekk – kif innotat ġustament il-qorti tar-rinviju – fis-sentenza YS et il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiċċara l-kunċett ta’ “data personali” sabiex tiddetermina l-portata tal-aċċess. Id-domanda fil-kawża preżenti tqajjem kwistjoni legali differenti – jekk il-fini li għaliha jintalab l-aċċess mitlub tistax tinfluwenza l-possibbiltà li jingħata aċċess – kwistjoni li fir-rigward tagħha ma naħsibx li tista’ tinstab xi gwida utli f’dik is-sentenza.

27.

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-RĠPD ippreżentata f’dawn il-konklużjonijiet hija kkorroborata wkoll mill-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), dwar “Il-protezzjoni tad-data personali”, li jipprovdi: “Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha” ( 16 ). Id-dritt ta’ aċċess jidher li huwa, fil-Karta, identifikat bħala dritt awtonomu, loġikament relatat ma’, iżda bl-ebda mod neċessarjament dipendenti fuq, il-kapaċità jew l-intenzjoni tad-detentur tad-dritt li jeżerċita drittijiet oħra (bħad-dritt ta’ rettifika ( 17 )).

28.

Jiena nżid, fl-aħħar nett, li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-RĠPD ġiet ukoll issuġġerita mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fil-“Linji Gwida 01/2022 dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data – Dritt ta’ aċċess” ( 18 ). Il-punt 13 ta’ dawn il-linji gwida jgħid: “Il-kontrolluri ma għandhomx jevalwaw ‘għaliex’ is-suġġett tad-data qed jitlob aċċess, iżda biss ‘x’inhu’ qed jitlob is-suġġett tad-data […] u jekk għandhomx data personali relatata ma’ dan l-individwu […] Pereżempju, il-kontrollur ma għandux jiċħad aċċess minħabba li jew abbażi ta’ suspett li d-data mitluba tista’ tintuża mis-suġġetti tad-data biex jiddefendu lilhom infushom fil-qorti fil-każ ta’ tkeċċija jew tilwima kummerċjali mal-kontrollur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29.

Huwa interessanti li l-eżempju mogħti f’dawn il-linji gwida jikkorrispondi fil-biċċa l-kbira għall-fatti tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali talab aċċess għad-data personali tiegħu li tinsab fir-rekords mediċi – sitwazzjoni speċifikament prevista fil-premessa 63 tar-RĠPD ( 19 ) – sabiex jiġi eżaminat jekk għandux iressaq proċeduri relatati mar-responsabbiltà medika – għan li l-qorti tar-rinviju ġustament tidentifika bħala “leġittimu” ( 20 ) – għalhekk ma jawtorizzax lill-kontrollur jirrifjuta t-talba tas-suġġett tad-data.

30.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandhom jiġu interpretati bħala li jeħtieġu li kontrollur tad-data jipprovdi lis-suġġett tad-data kopja tad-data personali tiegħu, anki fejn is-suġġett tad-data ma jitlobx il-kopja għall-finijiet imsemmija fil-premessa 63 tar-RĠPD, iżda għal fini differenti, li ma hijiex relatata mal-protezzjoni tad-data.

B.   It‑tieni domanda: aċċess għal kopji mingħajr ħlas

31.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD jippermettix li leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-RĠPD, tillimita d-dritt tas-suġġetti tad-data li tingħatalhom, mingħajr ħlas, kopja tad-data personali pproċessata mill-kontrollur, billi teħtieġ li s-suġġetti tad-data jħallsu l-ispejjeż sostnuti mill-kontrollur tad-data f’dan ir-rigward.

1. Il‑prinċipju u l‑eċċezzjoni

32.

Mill-bidu nett, għandu jiġi enfasizzat li ma hemm l-ebda dubju li, skont ir-regoli tar-RĠPD, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt, bħala prinċipju, li jirċievu mingħand il-kontrollur, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja tad-data tagħhom li tkun qed tiġi pproċessata. Dan jirriżulta espressament mill-Artikolu 12(5) tar-RĠPD, li jgħid li l-informazzjoni pprovduta skont, inter alia, l-Artikolu 15 tiegħu “għandh[a] [t]ingħata mingħajr ħlas”, u li huwa biss għal talbiet “manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom”, li l-kontrollur jista’ “jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba”.

33.

Dan jirriżulta wkoll, għalkemm b’mod impliċitu, mill-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, li jipprovdi li “[g]ħal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista’ jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi” ( 21 ). Dan ifisser, b’mod pjuttost evidenti, li ma tistax tiġi imposta tariffa għall-ewwel kopja mitluba mis-suġġett tad-data.

34.

Madankollu, skont l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru “tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 […] meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja” ta’ wieħed mill-għanijiet elenkati hemmhekk. Wieħed minn dawn l-għanijiet huwa, taħt il-punt (e), is-saħħa pubblika, u għan ieħor, stabbilit taħt il-punt (i), huwa “id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn”.

35.

Wara li enfasizzajt dan il-punt, issa ser indur għall-kwistjoni ewlenija mqajma mid-domanda preżenti li, fil-fehma tiegħi, titlob risposta fl-affermattiv.

2. Ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 23(1) tar‑RĠPD

36.

L-ewwel, huwa paċifiku li d-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data għad-data personali tagħhom – stabbilit fl-Artikolu 15 tar-RĠPD – huwa wieħed mid-drittijiet li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-RĠPD u, konsegwentement, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jista’ jiġi ristrett permezz ta’ miżura leġiżlattiva tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru ( 22 ).

37.

It-tieni, jekk l-Istati Membri jistgħu b’mod ġenerali jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess, pereżempju billi jeskluduh f’xi sitwazzjonijiet jew fir-rigward ta’ ċerta data, huma għandhom ikunu permessi wkoll – skont il-massima a maiore ad minus ( 23 ) – li jintroduċu restrizzjoni pjuttost limitata għall-eżerċizzju tiegħu. Tabilħaqq, hija forma waħda biss ta’ aċċess li ġiet ristretta (id-dritt li tinkiseb kopja tad-data), u dan biss billi saret kundizzjonali għall-ħlas, mis-suġġetti tad-data, tal-ispejjeż sostnuti mill-kontrolluri.

38.

It-tielet, restrizzjoni bħal dik inkwistjoni – prevista espressament minn kodiċi ċivili jew strument legali ekwivalenti – hija prevista f’“miżura leġiżlattiva”, kif meħtieġ mill-Artikolu 23(1) tar-RĠPD. Din il-kundizzjoni tirrifletti dik stabbilita fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprovdi li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali għandhom ikunu “previst[i] mil-liġi”.

39.

F’dan il-kuntest, inżid li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ppreċediet id-dħul fis-seħħ tar-RĠPD, fil-fehma tiegħi, huwa manifestament irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-RĠPD. Kif irrilevat il-Kummissjoni, la din id-dispożizzjoni u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-RĠPD ma jirrikjedu li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jkunu inklużi fi strumenti leġiżlattivi ad hoc, a fortiori strumenti adottati wara d-dħul fis-seħħ tar-RĠPD. L-Istati Membri għalhekk huma permessi li jżommu u li jintroduċu restrizzjonijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23(1) tar-RĠPD. Paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni jikkonferma din l-interpretazzjoni ( 24 ).

40.

Ir-raba’, minħabba n-natura relattivament innokwa tar-restrizzjoni inkwistjoni, deskritta fil-punt 37 iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni b’mod ċar ma taffettwax l-“essenza” ta’ dan id-dritt (rekwiżit ieħor stabbiliti kemm fl-Artikolu 23(1) tar-RĠPD kif ukoll fl-Artikolu 52(1) tal-Karta). Din il-leġiżlazzjoni ma ċċaħħadx lill-individwi min-nucleus durus tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data. B’mod partikolari, huwa saħansitra diffiċli li wieħed jimmaġina sitwazzjonijiet – fost dawk irregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni – fejn l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ikun tant sinjifikattiv li l-obbligu tas-suġġetti tad-data li jsostnuhom ikun jammonta, fil-prattika, għal ċaħda ta’ aċċess.

41.

Il-ħames, jidhirli li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni għandha għanijiet li huma ammissibbli taħt l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD u, b’mod iktar wiesa’, li huma leġittimi skont id-dritt tal-Unjoni.

42.

Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, nifhem li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għandha l-għan li tiskoraġġixxi talbiet mhux meħtieġa jew frivoli ta’ kopji, sabiex (i) jiġu protetti l-interessi ekonomiċi tat-tobba, li ħafna drabi jaħdmu waħedhom jew f’timijiet żgħar, u, b’dan il-mod, (ii) jiġi żgurat li, waqt li jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom, it-tobba jqattgħu l-ħin tagħhom (prinċipalment) fuq il-kompiti mediċi ewlenin tagħhom, pjuttost milli jwettqu kompiti amministrattivi li jistgħu jiġu evitati.

43.

It-tieni għan huwa marbut mal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-punt (e) tiegħu, l-Artikolu 23(1) jipprevedi espressament restrizzjonijiet meħtieġa biex jiġu salvagwardjati “objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru” bħalma hija s-“saħħa pubblika”. Dan huwa konformi mal-Artikolu 35 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni tas-saħħa”, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika u l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni” ( 25 ).

44.

L-ewwel għan huwa, ċertament, intiż sabiex jipproteġi interess (privat) ta’ ċerti individwi – it-tobba li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, jaġixxu bħala kontrolluri tad-data – u huwa ta’ natura ekonomika. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jfisser li restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess hija, bħala prinċipju, inaċċettabbli.

45.

Tabilħaqq, fil-punt (i) tiegħu, l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD jippermetti restrizzjonijiet meħtieġa biex jiġu protetti “id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn”. Huwa interessanti li l-istess termini jistgħu jinstabu wkoll fl-Artikolu 15(4) u fil-premessa 63 tar-RĠPD li, preċiżament fir-rigward tad-dritt li tinkiseb kopja tad-data li tkun qed tiġi pproċessata, jiddikjaraw li dan id-dritt ma għandux “jaffettwa negattivament id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ persuni oħrajn”.

46.

L-ewwel nett, infakkar li l-Artikolu 15(4), l-Artikolu 23(1)(i), u l-premessa 63 tar-RĠPD jirreferu għad-“drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn” ( 26 ) u mhux – bħal ma jagħmlu dispożizzjonijiet oħra tar-regolament – “ta’ parti terza” ( 27 ). Dan ifisser ukoll, loġikament, li r-restrizzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu ċerti drittijiet tal-kontrollur jistgħu jkunu aċċettabbli taħt din id-dispożizzjoni ( 28 ).

47.

Sussegwentement, il-fatt li wieħed mill-interessi protetti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa ta’ natura ekonomika ma jfissirx, fih innifsu, li ma jistax ikun tali li jiġġustifika restrizzjonijiet taħt l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD. Il-premessa 4 tar-RĠPD hija pjuttost ċara li: “[i]d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut [u għandu] jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari […] il-libertà tal-intrapriża […]” ( 29 ).

48.

F’dan ir-rigward, infakkar li t-Titolu II tal-Karta (“Libertajiet”) jinkludi diversi drittijiet ta’ natura ekonomika: lil hinn mil-libertà ta’ intrapriża li diġà ssemmiet (l-Artikolu 16 tagħha), wieħed isib ukoll il-“libertà professjonali u dritt għax-xogħol” (l-Artikolu 15 tagħha) u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17 tagħha). Id-drittijiet fundamentali ta’ natura ekonomika ma jistgħux jitqiesu bħala “ulied ta’ alla iżgħar”, meta mqabbla ma’ drittijiet oħra (ċivili, soċjali jew politiċi). Ma huwiex meħtieġ li wieħed ikun familjari mal-kitbiet ta’ Ludwig von Mises ( 30 ) biex japprezza li dawn id-drittijiet huma kollha marbuta b’mod inseparabbli: it-tgawdija tagħhom ma tistax ma tmurx id f’id peress li t-tneħħija tad-drittijiet ekonomiċi inevitabbilment taffettwa l-kapaċità tal-individwi li jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet ċivili, soċjali u politiċi tagħhom, u vice versa.

49.

Barra minn hekk, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-premessa 13 tar-RĠPD tħeġġeġ lill-Istati Membri biex “jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta’ daqs medju fl-applikazzjoni [tar-RĠPD]”. L-Istati Membri huma għalhekk permessi jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ impriżi ta’ daqs limitat u ta’ professjonisti li jaħdmu għal rashom, kif spiss ikun il-każ fir-rigward tat-tobba.

50.

Għaldaqstant, ma għandi l-ebda diffikultà biex nasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD mhux biss jippermetti restrizzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, iżda wkoll dawk maħsuba biex jipproteġu xi drittijiet ekonomiċi fundamentali tal-individwi ( 31 ), inklużi dawk tal-kontrolluri.

51.

Fl-aħħar nett, madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess għal data personali hija permissibbli biss taħt l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD jekk tista’ titqies bħala “miżura meħtieġa u proporzjonata” biex tissalvagwardja interess pubbliku elenkat hemmhekk. Din id-dispożizzjoni għalhekk tirrikjedi – f’konformità ma’ prinċipju stabbilit – li jitwettaq “test ta’ proporzjonalità” tar-restrizzjoni li teħtieġ ġustifikazzjoni.

3. Proporzjonalità tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali

52.

Sabiex tiġi vverifikata n-natura proporzjonata tar-restrizzjoni, għandhom jiġu eżaminati tliet rekwiżiti kumulattivi. Il-miżura għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq (“xierqa”), u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (“meħtieġa”). Barra minn hekk, il-miżura nazzjonali għandha tkun “proporzjonata stricto sensu”, jiġifieri għandha toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni (l-interessi segwiti mill-Istat bil-miżura inkwistjoni u dawk tal-persuni milquta minnha) ( 32 ).

53.

Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni ta’ jekk miżuri nazzjonali speċifiċi li jidderogaw mir-regoli ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jikkonformawx mal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija, ta’ spiss, evalwazzjoni li l-qrati nazzjonali huma fl-aħjar pożizzjoni biex iwettqu. Madankollu, bil-għan li ngħin lill-qorti tar-rinviju fir-riżoluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha, ser nagħmel il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

54.

L-ewwel nett, jidhirli li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni hija, bħala prinċipju, xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur nazzjonali, jiġifieri tidher li hija kapaċi tagħti kontribut sinjifikattiv għat-twettiq tagħhom. Tabilħaqq, ir-rekwiżit li s-suġġetti tad-data jħallsu l-ispejjeż amministrattivi assoċjati mal-produzzjoni tal-kopji mitluba jista’ fil-fatt jiskoraġġixxihom milli jagħmlu talbiet għal aċċess frivoli jew bla bżonn. Dan ifisser li hemm inqas ċans li t-tobba jkollhom jinvestu l-ħin u r-riżorsi tagħhom f’kompiti amministrattivi li jistgħu jiġu evitati.

55.

Sussegwentement, il-kwistjonijiet dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha u/jew jekk tonqosx milli toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni huma kwistjonijiet li, fil-fehma tiegħi, ma humiex daqshekk sempliċi, u għalhekk jeħtieġu evalwazzjoni iktar profonda mill-qorti tar-rinviju.

56.

F’dan ir-rigward, nerġa’ nenfasizza ( 33 ) n-natura relattivament innokwa tar-restrizzjoni inkwistjoni. Filwaqt li l-Artikolu 15 tar-RĠPD jagħti diversi forom ta’ aċċess lis-suġġetti tad-data, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirrestrinġi biss waħda minn dawn il-forom (id-dritt li tinkiseb kopja tad-data), u dan billi tagħmilha kundizzjonali biss għall-ħlas mis-suġġetti tad-data tal-ispejjeż sostnuti mill-kontrolluri f’dan ir-rigward.

57.

Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji dwar in-neċessità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni billi rrilevat li din tal-aħħar tapplika fir-rigward tat-talbiet kollha ta’ aċċess għar-rekords mediċi, irrispettivament mill-istatus professjonali u t-tip ta’ attività tat-tabib ikkonċernat: huwa jista’ jkun qiegħed jaħdem għal rasu, waħdu jew f’ċentri ma’ ħafna tobba, jew bħala impjegat, pereżempju fi sptar pubbliku jew fi klinika privata kbira.

58.

Irrid nammetti li ċerti argumenti tal-Kummissjoni għandhom ċertu saħħa. Jista’ tabilħaqq ikun minnu li mhux is-sitwazzjonijiet kollha koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huma kompletament paragunabbli għall-finijiet tal-Artikolu 23(1)(e) u (i) tar-RĠPD. Pereżempju, ċentri mediċi kbar, sptarijiet u kliniki privati normalment ikollhom persunal u tagħmir iddedikat biex iwettqu l-kompiti amministrattivi kollha assoċjati mal-provvista tas-servizzi mediċi. Għalhekk, ma huwiex ovvju li, f’dawn il-każijiet ukoll, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni għandha l-effett li teħles lit-tobba milli jkollhom isostnu spejjeż bla bżonn jew li jużaw il-ħin prezzjuż tagħhom biex iwettqu kompiti klerikali li jistgħu jiġu evitati.

59.

Barra minn hekk, għall-kuntrarju tat-tobba li huma marbuta li japplikaw tariffi stabbiliti pubblikament, it-tobba li huma liberi li jiffissaw it-tariffi tagħhom fil-livell li jidhrilhom xieraq jistgħu, jekk iqisu li jkun xieraq, jirkupraw l-ispejjeż żejda billi jgħollu t-tariffi tagħhom, u b’hekk “iqassmu” dawn l-ispejjeż fost il-pazjenti kollha tagħhom. Għaldaqstant, jista’ jingħad li xi tobba jistgħu jeħtieġu livell ogħla ta’ “protezzjoni leġiżlattiva” minn oħrajn.

60.

Min-naħa l-oħra, madankollu, m’iniex ċert li regola li tittratta b’mod differenti lit-tobba u, bħala konsegwenza, lill-pazjenti skont jekk it-tobba, pereżempju, (a) jaħdmux għal rashom jew bħala impjegati, (b) jaħdmux – biex nuża t-termini tal-premessa 13 tar-RĠPD – f’“mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju”, jew fi sptarijiet u kliniki kbar, u/jew (ċ) humiex marbuta b’tariffi pubbliċi jew jistgħux liberament jistabbilixxu t-tariffi tagħhom, tkun regola prattika jew raġonevoli u ġusta.

61.

L-identifikazzjoni tal-kriterji xierqa li jiddistingwu s-sitwazzjonijiet fejn il-pazjenti għandhom iħallsu l-ispejjeż, minn dawk fejn huma t-tobba li għandhom iħallsu l-ispejjeż, sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali, ma hijiex biċċa xogħol faċli. Iktar importanti minn hekk, kwalunkwe differenzjazzjoni bħal din tkun qed tintroduċi ċertu kumplessità (u, possibbilment, sors ta’ konfużjoni) fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li, minħabba l-ammont pjuttost limitat ta’ flus li normalment ikun involut, huma probabbilment iktar faċilment irregolati minn regola ċara ta’ applikazzjoni awtomatika.

62.

Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jilħqu għanijiet ta’ interess pubbliku bl-introduzzjoni ta’ regoli ġenerali u sempliċi li jinftiehmu u li huma faċli sabiex jiġu applikati mill-utenti, u kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti ( 34 ). B’mod iktar ġenerali, kif iddikjarajt f’konklużjonijiet reċenti, Stati Membri ma jistgħux ikunu meħtieġa jadottaw – għal raġunijiet ta’ proporzjonalità – miżuri alternattivi, meta dawn il-miżuri jkunu ta’ fattibbiltà jew ta’ effettività inċerta, jew meta dawn il-miżuri jwasslu għal piż (organizzattiv jew finanzjarju) intollerabbli fuq l-Istati Membri inkwistjoni ( 35 ).

63.

Fl-aħħar nett, wieħed lanqas jista’ jeskludi effett pervers ta’ regola b’kamp ta’ applikazzjoni iktar limitat minn waħda bħal dik inkwistjoni: din tista’ tħeġġeġ lill-pazjenti biex imorru fi kliniki ikbar (li jipprovdu kopji tar-rekords mediċi mingħajr ħlas) pjuttost milli f’ċentri mediċi iżgħar (li jeħtieġu ħlas addizzjonali għal dawn il-kopji).

64.

Tabilħaqq, l-ekwità ġenerali jew, fi kliem ieħor, in-natura raġonevoli ta’ regoli alternattivi tista’ wkoll tiġi kkontestata. Jekk tiġi evalwata mill-perspettiva tat-tobba, regola mfassla apposta li tipproteġi biss lit-tobba indipendenti u lill-kliniki żgħar minn tali spejjeż tista’ tidher raġonevoli: din ir-regola tipproteġi lill-professjonisti “l-iktar dgħajfa”. Madankollu, jekk tiġi evalwata mill-perspettiva tal-pazjenti, l-istess miżura tista’ tidher b’mod differenti. Tabilħaqq, il-pazjenti li jfittxu servizzi mediċi minn sptarijiet u kliniki kbar, speċjalment dawk fejn it-tobba huma liberi li jistabbilixxu t-tariffi tagħhom fil-livell li jidhrilhom xieraq, ikunu dawk li jibbenefikaw minn din ir-regola. Dan ikun il-każ minkejja l-fatt li (i) dawn il-pazjenti spiss ikunu iktar sinjuri minn dawk li jużaw is-servizzi ta’ tobba lokali li jaħdmu għal rashom, u (ii) l-ispejjeż sostnuti għall-kopji tar-rekords mediċi x’aktarx li jikkostitwixxu parti minuri ħafna (possibbilment negliġibbli) mill-ispejjeż globali mħallsa minnhom għas-servizzi mediċi, kuntrarjament għall-pazjenti li jfittxu servizzi mediċi fil-kuntest tas-sistema tas-saħħa nazzjonali (tipikament mingħajr ħlas, jew bi ħlas ta’ tariffi nominali). Għalhekk, wieħed jista’ jargumenta li l-protezzjoni tal-“iktar professjonisti dgħajfa” tiġi għad-detriment tal-“konsumaturi l-iktar dgħajfa”.

65.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, jien m’iniex konvint li l-approċċ uniformi li japplika għal kulħadd, magħżul mil-leġiżlatur Ġermaniż, imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Ma stajt nidentifika l-ebda miżura alternattiva li tkun inqas restrittiva fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tad-data tal-individwi, filwaqt li tkun ugwalment effettiva biex tissalvagwardja l-interessi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża li tipproteġi.

66.

Lanqas ma nara xi element li jissuġġerixxi li l-leġiżlatur Ġermaniż naqas milli jsib il-bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni.

67.

Ċertament, jista’ jiġi argumentat li l-bilanċ bejn id-diversi interessi involuti fir-rigward tal-provvista ta’ kopji ta’ data personali ġie stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni: il-kontrollur tad-data għandu jagħti l-ewwel kopja mingħajr ħlas, u jista’ jitlob il-ħlas biss għal kopji eċċessivi u/jew ulterjuri. Madankollu, it-test wiesa’ tal-Artikolu 23(1) u tal-premessa 13 tar-RĠPD ma jipprestax ruħu għal tali qari restrittiv. Lanqas il-premessa 63, li tirreferi speċifikament għad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data għal data li tikkonċerna “saħħithom” ma tinkludi riferiment speċifiku f’dan ir-rigward.

68.

Iktar importanti minn hekk, ma jistax jiġi injorat li, fil-qasam tal-protezzjoni u tat-titjib tas-saħħa tal-bniedem, l-Unjoni għandha biss kompetenza ta’ appoġġ ( 36 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri ( 37 ).

69.

Wara li bbilanċja d-diversi interessi inkwistjoni, il-leġiżlatur Ġermaniż iddeċieda li, fir-rigward tat-talbiet għal kopji ta’ rekords mediċi mressqa minn pazjenti lit-tobba, kien hemm raġunijiet biex jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż sostnuti għandhom jitħallsu mis-suġġetti tad-data u mhux mill-kontrolluri. Naħseb li din hija deċiżjoni ta’ politika li, peress li ma hijiex manifestament irrazzjonali jew implawżibbli, taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, l-istħarriġ ta’ din l-għażla huwa kompitu li jappartjeni lill-qorti tar-rinviju u mhux lill-Qorti tal-Ġustizzja.

70.

Madankollu, hemm ċertament element li, fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika. F’sitwazzjonijiet bħal dawk irregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, fil-fehma tiegħi huwa imperattiv li l-ispejjeż li għalihom it-tobba jistgħu jitolbu rimbors mill-pazjenti jkunu strettament limitati għall-ispejjeż reali għall-produzzjoni u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kopji mitluba. Dan ifisser li l-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati huma biss dawk relatati mal-materjal (bħal karta, toner tal-magni tal-printer jew magni tal-kopji, u/jew USB sticks, eċċ) u x-xogħol meħtieġ għal dan il-għan. Fil-fehma tiegħi, dawn l-ispejjeż ma għandhom jinkludu l-ebda profitt għall-professjonisti ( 38 ). Minħabba l-istat attwali tad-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti u tal-arkivji, inkun sorpriż (u għalhekk suspettuż) jekk l-ammont normalment mitlub mit-tobba għal dan il-għan jaqbeż ftit ewro.

71.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-pazjenti li jitolbu kopji tad-data personali tagħhom li tinsab fir-rekords mediċi l-obbligu li jirrimborsaw lit-tobba għall-ispejjeż sostnuti, sakemm ir-restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, hija meħtieġa u proporzjonata għall-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-libertà tal-intrapriża tat-tobba. B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-ispejjeż li għalihom it-tobba jistgħu jitolbu rimbors mill-pazjenti huma strettament limitati għall-ispejjeż reali sostnuti f’dan ir-rigward.

C.   It‑tielet domanda: il‑kunċett ta’ “kopja tad-data”

72.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn tabib u pazjent, l-espressjoni “kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”, li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, għandhiex tiġi interpretata bħala li tagħti lis-suġġett tad-data dritt ġenerali li jikseb kopja sħiħa tad-dokumenti inklużi fil-fajl mediku tiegħu.

73.

Il-kwistjoni prinċipali mqajma minn din id-domanda ġiet indirizzata – fil-fehma tiegħi b’mod konvinċenti – mill-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-konklużjonijiet reċenti tiegħu fl-kawża F.F. ( 39 ).

74.

F’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju talbet kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess mogħti lis-suġġetti tad-data mill-Artikolu 15 tar-RĠPD. Sabiex jindirizza din il-kwistjoni, l-Avukat Ġenerali Pitruzzella iddiskuta, inter alia, il-kunċett ta’ “kopja” fis-sens tal-Artikolu 15(3) u (4) tar-RĠPD. Wara interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tad-dispożizzjoni, huwa wasal għall-konklużjonijiet li ġejjin, li huma rilevanti għal din il-kawża.

75.

L-ewwel, il-kunċett ta’ “kopja”, imsemmi fl-Artikolu 15(3) u (4) tar-RĠPD, għandu jinftiehem bħala “riproduzzjoni fidila f’forma li tinftiehem tad-data personali mitluba mis-suġġett tad-data, f’forma materjali u permanenti, li tippermetti lis-suġġett tad-data jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu ta’ aċċess għad-data personali tiegħu b’għarfien sħiħ tad-data personali kollha tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata”. Żied jgħid li “l-forma eżatta tal-kopja hija ddeterminata miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, it-tip ta’ data personali li għaliha jintalab aċċess u l-ħtiġijiet tas-suġġett tad-data” ( 40 ).

76.

It-tieni, l-Artikolu 15(3) tar-RĠPD “ma jagħtix lis-suġġett tad-data dritt ġenerali li jikseb kopja parzjali jew sħiħa tad-dokument li jkun fih id-data personali tiegħu jew, jekk id-data personali tiġi pproċessata f’database, estratt minn din id-database”. Madankollu, huwa għamilha ċara wkoll li “din id-dispożizzjoni ma teskludix […] li s-suġġett tad-data jkollu jiġi pprovdut b’partijiet ta’ dokumenti, jew dokumenti sħaħ jew estratti minn databases, jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li d-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata u li fir-rigward tagħha jintalab aċċess tkun kompletament intelliġibbli” ( 41 ).

77.

Għal raġunijiet ta’ ekonomija ġudizzjarja, m’iniex ser nirriproduċi r-raġunijiet li wassluh biex jieħu din il-pożizzjoni. Biżżejjed ngħid li jiena naqbel bis-sħiħ mal-fehmiet tiegħu f’dan ir-rigward. Wara kollox, ir-RĠPD ma huwiex leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti, iżda dwar il-protezzjoni tad-data. Konsegwentement, l-enfasi primarja tiegħu hija li jiżgura aċċess għad-data, mhux għal dokumenti li fihom data. Għalkemm f’xi każijiet dan tal-aħħar neċessarjament jimplika tal-ewwel, dan mhux dejjem ikun il-każ.

78.

B’dan premess, jidhirli li, konsistentement mal-prinċipju ta’ trasparenza ( 42 ) u mar-rekwiżit li l-informazzjoni tiġi pprovduta f’“forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli” ( 43 ), huwa possibbli li, sa fejn id-dokumenti li jinsabu fir-rekords mediċi huma kkonċernati, id-dritt li tinkiseb kopja tad-data li tkun qiegħda tiġi pproċessata jista’ ta’ spiss jirriżulta fid-dritt li tingħata kopja (parzjali jew sħiħa) tad-dokumenti oriġinali. Speċjalment fejn jidħlu r-riżultati ta’ analiżi jew testijiet (li tipikament jinkludu bosta data teknika u/jew immaġini), naħseb li jekk it-tobba (jew il-persunal tagħhom) jitħallew jiġbru fil-qosor jew jikkompilaw din id-data, sabiex jipprovduha f’forma aggregata, dan jista’ joħloq ir-riskju li ċerta data rilevanti titħalla barra ( 44 ) jew tiġi rrapportata ħażin ( 45 ) jew, fi kwalunkwe każ, tagħmilha iktar diffiċli għas-suġġetti tad-data (jiġifieri l-pazjenti) biex jivverifikaw l-eżattezza u l-kompletezza tagħha.

79.

Huwa probabbilment għal din ir-raġuni li, kif diġà ssemma, il-premessa 63 tar-RĠPD tindika espressament li d-dritt ta’ aċċess għal data personali “jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data dwar saħħithom, pereżempju d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qed jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut”.

80.

Għalhekk jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu enfasizza l-importanza li l-aċċess mill-individwi għal data personali dwar saħħithom ikun mhux biss faċli li jinftiehem, iżda wkoll komplet u preċiż kemm jista’ jkun. Fl-istess waqt, huwa ċar li r-rekords mediċi jista’ jkun fihom varjetà ta’ dokumenti li ma jinkludux data personali tal-pazjenti (pereżempju, artikli xjentifiċi dwar patoloġiji jew trattamenti mediċi). Ovvjament, il-pazjenti ma għandhom l-ebda dritt li jaċċessaw l-informazzjoni li tinsab f’dawn l-artikli u, konsegwentement, l-ebda dritt li jkollhom kopja tagħhom, abbażi tar-RĠPD.

81.

F’dan ir-rigward, ninnota li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni – li r-riforma tagħha, sa fejn nifhem, qiegħda tiġi diskussa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 46 ) – tista’ tkun qed tagħti lill-pazjenti dritt ta’ aċċess għar-rekords mediċi u, b’mod partikolari, ta’ kisba ta’ kopji ta’ dokumenti inklużi fihom, li jmur lil hinn minn dak rikonoxxut taħt ir-RĠPD.

82.

Ma nara l-ebda raġuni għalfejn dan ma għandux ikun possibbli taħt id-dritt tal-Unjoni, peress li jaqa’ f’qasam tad-dritt li ma huwiex irregolat fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma jidher li hemm l-ebda kwistjonijiet ovvji ta’ kunflitt mar-regoli tar-RĠPD. Madankollu, bilkemm għandi bżonn nirrimarka li dritt ta’ aċċess għal rekords mediċi li jmur lil hinn minn dak irrikonoxxut mir-RĠPD ikun, sa dan il-punt, irregolat biss mid-dritt nazzjonali. Dan ifisser li l-portata ta’ dan id-dritt (pereżempju, it-tip ta’ dokumenti kkonċernati) u l-mod li bih għandu jiġi pprovdut l-aċċess (pereżempju, mingħajr ħlas jew kontra rimbors tal-ispejjeż sostnuti) jikkostitwixxu materja li għandha tiġi ddeterminata mil-leġiżlatur nazzjonali.

83.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn tabib u pazjent, l-espressjoni “kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”, li tinsab fl-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ma tistax tiġi interpretata bħala li tagħti lis-suġġett tad-data dritt ġenerali li jikseb kopja sħiħa tad-dokumenti kollha inklużi fil-fajl mediku tiegħu. Dan ma jeskludix il-possibbiltà li l-kontrollur jista’ jkun meħtieġ jipprovdi lis-suġġetti tad-data kopja parzjali jew sħiħa ta’ ċerti dokumenti. Dak ikun il-każ meta kopja tad-dokument tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li d-data pprovduta hija intelliġibbli, u li s-suġġett tad-data jkun jista’ jivverifika li d-data pprovduta hija kompluta u preċiża.

V. Konklużjoni

84.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) għandhom jiġu interpretati bħala li jeħtieġu li kontrollur tad-data jipprovdi lis-suġġett tad-data kopja tad-data personali tiegħu, anki fejn is-suġġett tad-data ma jitlobx il-kopja għall-finijiet imsemmija fil-premessa 63 tar-RĠPD, iżda għal fini differenti, li ma hijiex relatata mal-protezzjoni tad-data.

L-Artikolu 23(1) tar‑RĠPD jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-pazjenti li jitolbu kopji tad-data personali tagħhom li tinsab fir-rekords mediċi l-obbligu li jirrimborsaw lit-tobba għall-ispejjeż sostnuti, sakemm ir-restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess tinstab, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li hija meħtieġa u proporzjonata għall-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-libertà tal-intrapriża tat-tobba. B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-ispejjeż li għalihom it-tobba jistgħu jitolbu rimbors mill-pazjenti huma strettament limitati għall-ispejjeż reali sostnuti f’dan ir-rigward.

Fil-kuntest tar-relazzjoni bejn tabib u pazjent, l-espressjoni “kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”, li tinsab fl-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ma tistax tiġi interpretata bħala li tagħti lis-suġġett tad-data dritt ġenerali li jikseb kopja sħiħa tad-dokumenti kollha inklużi fil-fajl mediku tiegħu. Madankollu, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data kopja parzjali jew sħiħa tad-dokumenti, meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li d-data pprovduta hija intelliġibbli, u li s-suġġett tad-data jkun jista’ jivverifika li d-data pprovduta hija kompluta u preċiża.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

( 3 ) Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-RĠPD huwa, madankollu, usa’ minn dak tal-Artikolu 15 tar-RĠPD peress li jikkonċerna l-obbligi tal-kontrollur mhux biss taħt l-Artikolu 15 iżda wkoll taħt dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament.

( 4 ) L-Artikolu 12(1) u (2) tar-RĠPD (enfasi miżjud).

( 5 ) Ara, partikolarment, l-Artikolu 12(3) u (4) tar-RĠPD.

( 6 ) L-Artikolu 12(6) tar-RĠPD.

( 7 ) L-Artikolu 12(5) tar-RĠPD.

( 8 ) L-Artikolu 12(1) tar-RĠPD.

( 9 ) L-Artikolu 12(3) tar-RĠPD.

( 10 ) F’dan is-sens, ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57).

( 11 ) Enfasi miżjuda.

( 12 ) Bl-istess mod, ikun impossibbli li s-suġġetti tad-data jiġu preklużi milli, ladarba d-data personali tinkiseb taħt ir-RĠPD għal finijiet ta’ protezzjoni tad-data, sussegwentement iressqu proċedurali legali kontra l-kontrollur għal finijiet oħra.

( 13 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014 (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081).

( 14 ) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Din id-direttiva tħassret b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018 permezz tal-Artikolu 94 tar-RĠPD.

( 15 ) Enfasi miżjuda.

( 16 ) Enfasi miżjuda.

( 17 ) Fir-RĠPD, stabbilit fl-Artikolu 16 tiegħu.

( 18 ) Linji Gwida adottati fit‑28 ta’ Jannar 2022 u ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu.

( 19 ) Kif issemma fil-punt 4 iktar ’il fuq, din il-premessa tiddikjara li “d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru […] jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data dwar saħħithom, pereżempju d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qed jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut”. Ara wkoll l-Artikolu 4(4), (13) u (15) tar-RĠPD.

( 20 ) Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-fini li għaliha r-rikorrent fil-kawża prinċipali talab aċċess għad-data personali tiegħu ma tistax titqies li tagħti lok għal “abbuż ta’ dritt” li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprevjeni lil dan ir-rikorrent milli jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni. Ara, inter alia, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Climate Corporation Emissions Trading (C‑641/21, EU:C:2022:842, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Enfasi miżjuda. Ara wkoll il-premessa 59 tar-RĠPD.

( 22 ) Ara iktar ’il fuq, punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Il-massima tfisser, litteralment, “mill-ikbar għall-iżgħar”: jekk titħalla tagħmel iktar, a fortiori tista’ tagħmel inqas.

( 24 ) Ara pereżempju, il-verżjoni Ingliża (“Union or Member State law […] may restrict by way of a legislative measure”), il-verżjoni Ġermaniża (“Durch Rechtsvorschriften der Union oder der Mitgliedstaaten […] können […] im Wege von Gesetzgebungsmaßnahmen beschränkt werden”), il-verżjoni Franċiża (“Le droit de l’Union ou le droit de l’État membre […] peuvent, par la voie de mesures législatives”), il-verżjoni Taljana (“Il diritto dell’Unione o dello Stato membro […] può limitare, mediante misure legislative”), il-verżjoni Spanjola (“El Derecho de la Unión o de los Estados miembros […] podrá limitar, a través de medidas legislativas”), u l-verżjoni Griega (“Το δίκαιο της ένωσης ή του κράτους-μέλους […] μπορεί να περιορίζει μέσω νομοθετικού μέτρου”).

( 25 ) Bl-istess mod, l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijeit tal-Bniedem jiddikjara li l-indħil minn awtorità pubblika fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ persuna u tal-familja tagħha – li, skont il-Konvenzjoni, ikopri aspetti tal-protezzjoni tad-data – jista’ jkun permess meta jkun skont il-liġi u meħtieġ fl-interess ta’, inter alia, “il-protezzjoni tas-saħħa”.

( 26 ) Enfasi miżjuda. Dan jgħodd għall-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-RĠPD.

( 27 ) Jiġifieri, l-Artikolu 6(1)(f), l-Artikolu 13(1)(d) u l-Artikolu 14(2)(b) tar-RĠPD. Ara wkoll id-definizzjoni ta’ “parti terza” fl-Artikolu 4(10) tar-RĠPD.

( 28 ) B’mod simili, Gawronski, M. (editur), Guide to the GDPR, Wolters Kluwer, 2019, p. 138.

( 29 ) Enfasi miżjuda.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, von Mises, L., Human Action: A Treatise on Economics, Yale University Press, ippubblikat għall-ewwel darba fl‑1949.

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv tat-televiżjoni pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punti 7374).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 178179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara iktar ’il fuq, punti 37 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Portugiża (C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑601/21, EU:C:2023:151, punt 65).

( 36 ) L-Artikolu 6(a) TFUE.

( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung (C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) F’dan ir-rigward, huwa ta’ dispjaċir li l-Gvern Ġermaniż ma ppreżentax osservazzjonijiet f’din il-kawża.

( 39 ) C‑487/21, EU:C:2022:1000.

( 40 ) Ibid., punt 70.

( 41 ) Ibid.

( 42 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 39, 58 u l-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD.

( 43 ) L-Artikolu 12(1) tar-RĠPD.

( 44 ) Pereżempju, l-identità tal-laboratorju u/jew tat-tabib li għamlu l-analiżi, it-tip ta’ magna jew teknika użati għall-analiżi u oħrajn jistgħu xi drabi jidhru (u possibbilment huma) ta’ ftit rilevanza meta jintalab aċċess, filwaqt li sussegwentement jista’, f’xi ċirkustanzi, jirriżulta li jkunu importanti għal evalwazzjoni xierqa tad-data.

( 45 ) Dan jista’ jiġri faċilment meta, pereżempju, jiġu kkupjati settijiet kbar ta’ data numerika.

( 46 ) Ara, pereżempju, “Lauterbachs «Turbo»-Plan für digitale Patientenakten”, Frankfurter Allgemeine, 9 ta’ Marzu 2023.