SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Regolament (KE) Nru 1107/2009– Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Artikolu 53(1) – Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-protezzjoni tal-pjanti – Deroga – Kamp ta’ applikazzjoni – Żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Neonikotinojdi – Sustanzi attivi li huma ta’ riskju kbir għan-naħal – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu estern taż-żrieragħ ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi attivi – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/784 u Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/785. – Nuqqas ta’ applikabbiltà tad-deroga – Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Prinċipju ta’ prekawzjoni”

Fil-Kawża C‑162/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2021, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

Pesticide Action Network Europe ASBL,

Nature et Progrès Belgique ASBL,

TN

vs

État belge,

fil-preżenza ta’:

Sesvanderhave SA,

Confédération des Betteraviers Belges ASBL,

Société Générale des Fabricants de Sucre de Belgique ASBL (Subel),

Isera & Scaldis Sugar SA (Iscal Sugar),

Raffinerie Tirlemontoise SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pesticide Action Network Europe ASBL, Nature et Progrès Belgique ASBL u TN, minn A. Bailleux, avocat,

għal Sesvanderhave SA, minn P. de Jong u S. Lens, avocats,

għall-Confédération des Betteraviers Belges ASBL, għas-Société Générale des Fabricants de Sucre de Belgique ASBL (Subel), Isera & Scaldis Sugar SA (Iscal Sugar) u għar-Raffinerie Tirlemontoise SA, minn L. Swartenbroux u L. Vervier, avocats,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn S. Depré, M. Lambert de Rouvroit u G. Ryelandt, avocats,

għall-Gvern Grieg minn E. Tsaousi u A–E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain, A.–L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras, A. Dawes u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, żewġ assoċjazzjonijiet li jiġġieldu kontra l-pestiċidi u jippromwovu l-bijodiversità, Pesticide Action Network Europe ASBL u Nature et Progrès Belgique ASBL, kif ukoll TN, persuna li trabbi n-naħal u, min-naħa l-oħra, l-État belge (l-Istat Belġjan), irrappreżentat mill-ministre des Classes moyennes, des Indépendants, des P.M.E., de l’Agriculture et de l’Intégration sociale, chargé des Grandes villes (il-Ministru għall-Klassi Medji, il-Persuni li Jaħdmu għal Rashom, is-SMEs, l-Agrikoltura u l-Integrazzjoni Soċjali, responsabbli mill-Ibliet il-Kbar) dwar deċiżjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw, minn naħa, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ u ż-żrigħ ta’ żerriegħa ttrattati b’dawn il-prodotti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑Direttiva 2009/128/KE

3

Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU 2009, L 309, p. 71, rettifika fil-ĠU 2010, L 161, p. 11), jipprovdi fl-Artikolu 14(1):

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi, filwaqt li, fejn ikun possibbli, tingħata prijorità lil metodi mhux kimiċi, sabiex l-utenti professjonali tal-pestiċidi jaqilbu għal prodotti u prattika bl-aktar riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fost dawk disponibbli għall-istess problema ta’ organiżmi ta’ ħsara. Ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi tinkludi Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara kif ukoll biedja organika […]”.

Ir-Regolament Nru 1107/2009

4

Il-premessi 8, 24, 32 u 33 tar-Regolament 1107/2009 huma fformulati kif ġej:

“(8)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja. […] Għandu jkun applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni u dan ir-Regolament għandu jassigura li l-industrija turi li s-sustanzi jew il-prodotti maħduma jew imqiegħda fis-suq ma jkollhomx effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew kwalunkwe effett inaċċettabbli fuq l-ambjent.

[…]

(24)

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw standard għoli ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent għandu jieħu prijorità fuq l-objettiv li titjieb il-produzzjoni tal-pjanti. Għalhekk, għandu jintwera, qabel ma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq, li dawn joffru benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li m’għandhom ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, inkluż dik ta’ gruppi vulnerabbli, jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

[…]

(32)

F’każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom jingħataw permess jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jikkonformawx mal-kondizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament, fejn dan ikun meħtieġ minħabba periklu jew theddida għall-produzzjoni tal-pjanti jew għall-ekosistemi li ma tistax tiġi mrażżna bi kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor. Tali awtorizzazzjonijiet temporanji għandhom ikunu riveduti fil-livell Komunitarju.

(33)

Il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar iż-żrieragħ tipprevedi l-moviment liberu taż-żrieragħ fil-Komunità iżda ma fihiex dispożizzjoni speċifika rigward iż-żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Tali dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi inkluża f’dan ir-Regolament. Jekk iż-żrieragħ trattati huma riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jieħdu miżuri protettivi.”

5

L-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“3.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni sabiex ikun żgurat li s-sustanzi attivi jew il-prodotti mqiegħda fis-suq ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew lill-ambjent. […]”

6

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti, fil-forma li fiha jiġu forniti lill-utent, li jikkonsistu fi jew li fihom sustanzi attivi, aġenti protettivi jew sinerġisti, u li huma maħsuba għal wieħed mill-użi li ġejjin:

a)

il-protezzjoni tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti mill-organiżmi li jagħmlu l-ħsara, jew il-prevenzjoni tal-azzjoni ta’ organiżmi bħal dawn, ħlief meta l-iskop prinċipali ta’ dawn il-prodotti jitqies li huwa għal raġunijiet ta’ iġjene pjuttost milli għall-protezzjoni tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti;

[…]

Dawn il-prodotti huma msejħa ‘prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti’.”

7

Il-punti (5), (9), (10) u (17) tal-Artikolu 3 tal-istess regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva [dan ir-regolament], id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(5)

‘pjanti’ tfisser pjanti ħajjin u partijiet ħajjin minn pjanti, inkluż frott frisk, ħxejjex u żrieragħ;

[…]

(9)

‘tqegħid fis-suq’ tfisser iż-żamma bl-iskop ta’ bejgħ fil-Komunità, inkluża l-offerta għall-bejgħ jew kwalunkwe forma oħra ta’ trasferiment, sew jekk bla ħlas u sew jekk le, u l-bejgħ, id-distribuzzjoni, u forom oħra ta’ trasferiment infushom, iżda mhux l-għoti lura lill-bejjiegħ preċedenti. Ir-rilaxx għaql ċirkolazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Komunità għandu jikkostitwixxi tqegħid fis-suq għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament;

(10)

‘awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti’ tfisser att amministrattiv li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħha;

[…]

(17)

[…]

Għall-għan tal-użu f’serer, bħala trattament ta’ wara l-ħsad, għat-trattament ta’ mħażen vojta u għat-trattament ta’ żrieragħ iż-żona tfisser iż-żoni kollha definiti fl-Anness I”.

8

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament.”

9

L-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 50 prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat biss meta skont il-prinċipji uniformi msemmija fil-paragrafu 6 dan jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

is-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti tiegħu ġew approvati”.

10

Taħt it-titolu “Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni”, l-Artikolu 33, fil-paragrafu (2)(b) tiegħu, ikopri t-trattament taż-żrieragħ.

11

L-Artikolu 40 tal-istess regolament, dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet, isemmi, fil-paragrafu 1(c) tiegħu, it-trattament taż-żrieragħ.

12

Skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ trattati”:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għal dak l-użu f’mill-inqas Stat Membru wieħed.

2.   Fejn ikun hemm tħassib sostanzjali li ż-żrieragħ trattati kif imsemmija fil-paragrafu 1 x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew l-annimali jew għall-ambjent u li tali riskju ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), għandhom jittieħdu immedjatament miżuri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu u/jew il-bejgħ ta’ tali żrieragħ trattati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3). Qabel ma tieħu miżuri bħal dawn il-Kummissjoni [Ewropea] għandha teżamina l-evidenza u tista’ titlob opinjoni mingħand l-Awtorità [Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA)]. Il-Kummissjoni tista’ tiffissa limitu ta’ żmien li fih għandha tkun prevista opinjoni bħal din.

3.   Għandhom japplikaw l-Artikoli 70 u 71.

4.   Mingħajr preġudizzju għal leġislazzjoni Komunitarja oħra dwar it-tikkettar taż-żrieragħ, it-tikketta u d-dokumenti li jakkumpanjaw iż-żrieragħ trattati għandhom jinkludu l-isem tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li bih ġew trattati ż-żrieragħ, l-isem(ismijiet) tas-sustanza/i attiva/i f’dak il-prodott, frażijiet standard għall-prekawzjonijiet tas-sigurtà […] u l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju mniżżla fl-awtorizzazzjoni għal dak il-prodott fejn ikun il-każ.”

13

L-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-protezzjoni tal-pjanti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 28, f’ċirkostanzi speċjali Stat Membru jista’ jawtorizza, għal perijodu li ma jaqbiżx il-120 jum, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għal użu limitat u kkontrollat, fejn miżura bħal din tidher li hija meħtieġa minħabba periklu li ma jistax jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-miżura li ttieħdet, fejn jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni u kwalunkwe miżura meħuda biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-konsumatur.

[…]

4.   Il-paragrafi 1 sa 3 m’għandhomx japplikaw għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom jew li huma magħmulin minn organiżmi ġenetikament modifikati, sakemm rilaxx bħal dan ma jkunx ġie aċċettat skont id-Direttiva 2001/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitollu 15, Vol. 6, p. 77)]”

14

L-Artikolu 66(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li l-kliem “prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti” jistgħu jiġu ssostitwiti b’deskrizzjoni iktar preċiża tat-tip ta’ prodott, bħal, b’mod partikolari, “insettiċida”.

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/784

15

Il-premessi 6, 11 u 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad‑29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU 2018, L 132, p. 35), jipprovdu:

“6)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-[EFSA], li ppreżentat il-konklużjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-klotijanidin fit‑13 ta’ Ottubru 2016 […]. L-[EFSA] identifikat riskji akuti għoljin għan-naħal mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva klotijanidin. B’mod partikulari, l-[EFSA] identifikat riskji akuti għoljin għan-naħal fil-każ taċ-ċereali tax-xitwa u ma tistax teskludi riskji kroniċi għoljin għan-naħal fil-każ tal-pitravi ħelu b’rabta mal-esponiment permezz tat-trab. B’rabta mal-konsum tar-residwi fit-trab tad-dakra u fin-nektar ikkontaminati, ġew identifikati riskji akuti u kroniċi għoljin jew ma jistax jiġi eskluż riskju għoli għal ħafna mill-użijiet tar-raba’. Ġew identifikati riskji akuti u kroniċi għan-naħal ukoll fl-għelejjel sussegwenti fil-każ tal-użijiet kollha tar-raba’. L-applikanti ma pprovdew l-ebda dejta dwar il-mixtliet tas-siġar, u għalhekk ma jistax jiġi eskluż ir-riskju għan-naħal. Barra minn hekk, l-[EFSA] identifikat għadd ta’ lakuni fid-dejta.

(11)

[…] Filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat livell ta’ sikurezza u ta’ ħarsien li jkun konsistenti mal-livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-annimali li tfittex li jkollha l-Unjoni [Ewropea], huwa xieraq li l-użijiet kollha fuq barra jiġu pprojbiti. Għalhekk huwa xieraq li l-użu tal-klotijanidin jiġi limitat għal ġos-serer permanenti u li jkun hemm l-obbligu li l-għelejjel li jitkabbru f’dawn is-serer iqattgħu ċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom f’dawn it-tip ta’ serer u ma jitħawlux barra.

[…]

(13)

Filwaqt li jitqiesu r-riskji għan-naħal miż-żerriegħa ttrattata, jenħtieġ li fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu taż-żerriegħa ttrattata bil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klotijanidin ikun hemm l-istess restrizzjonijiet li hemm fuq l-użu tal-klotijanidin. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li ma għandhiex titqiegħed fis-suq jew tintuża ż-żerriegħa ttrattata bil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klotijanidin ħlief meta din iż-żerriegħa tkun maħsuba biss għall-użu fis-serer permanenti u l-għelejjel li jitkabbru minnha f’dawn is-serer iqattgħu ċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom f’dawn it-tip ta’ serer.”

16

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu taż-żerriegħa ttrattata”:

“Iż-żerriegħa ttrattata bil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klotijanidin ma għandhiex titqiegħed fis-suq jew tintuża ħlief meta:

a)

din iż-żerriegħa tkun maħsuba biss għall-użu fis-serer permanenti; u

b)

l-għelejjel li jitkabbru minnha f’dawn is-serer iqattgħu ċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom f’dawn it-tip ta’ serer.”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/785

17

Il-premessi 11 u 13, kif ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad‑29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU 2018, L 132, p. 40), huma fformulati bi kliem identiku għal dak tal-premessi 11 u 13 kif ukoll tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/784, b’eċċezzjoni tar-riferiment għas-sustanza attiva tijametossam minflok is-sustanza attiva klotijanidin f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-klotijanidin u t-tijametossam huma sustanzi attivi tal-familja tan-neonikotinojdi, użati bħala insettiċidi fl-agrikoltura, għall-kisi taż-żrieragħ.

19

Approvati mill-Kummissjoni fl‑1991, dawn is-sustanzi, minħabba li huma ta’ riskju għan-naħal, u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi ggarantit livell ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni skont il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali mfittxija fi ħdan l-Unjoni, kienu suġġetti għal restrizzjonijiet sa mis-sena 2013, qabel kollox, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013, tal‑24 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa ttrattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi (ĠU 2013, L 139, p. 12), sussegwentement mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2018/784 u 2018/785. Dawn tal-aħħar jipprevedu b’mod partikolari projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u tal-użu taż-żrieragħ ittrattati permezz tas-sustanzi attivi klotijanidin u tijametossam, ħlief għall-finijiet tal-għelejjel f’serer permanenti, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

20

Mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-approvazzjoni tal-klotijanidin skadiet fil‑31 ta’ Jannar 2019 u li dik tat-tijamettossam skadiet fit‑30 ta’ April 2019, peress li l-applikanti rtiraw l-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dawn is-sustanzi attivi, b’tali mod li l-użu tagħhom huwa issa pprojbit fl-Unjoni.

21

Fid‑19 ta’ Ottubru 2018, l-awtoritajiet Belġjani, bl-invokazzjoni tas-sistema derogatorja u temporanja stabbilita fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 awtorizzaw, temporanjament, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klotijanidin (“Poncho Beta” prodott minn Bayer AG) u t-tijametossam (“Cruiser 600 FS” prodott minn Syngenta), għat-trattament tal-pitravi taz-zokkor.

22

Permezz ta’ ittri tas‑7 ta’ Diċembru 2018, ingħataw erba’ awtorizzazzjonijiet temporanji oħra ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi fid-dawl taż-żrigħ taż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ dawn il-prodotti, jiġifieri żrieragħ ta’ pitravi taz-zokkor, karroti, ħass, selq, radicchio rosso u ħobż taz-zokkor.

23

Fil‑21 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż għas-sospensjoni u għall-annullament ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet.

24

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, essenzjalment, li n-neonikotinojdi bdew jintużaw dejjem iktar permezz tat-teknika tal-kisi taż-żrieragħ, fis-sens li, minflok ma jinbex fuq l-għelejjel, dawn huma applikati b’mod preventiv fuq iż-żrieragħ qabel iż-żrigħ. Għalhekk, il-bdiewa jixtru żrieragħ diġà ttrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi, irrispettivament mill-preżenza pprovata jew le ta’ insetti li dawn il-prodotti huma intiżi li jeliminaw.

25

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni esprimew tħassib dwar l-użu dejjem jikber mill-Istati Membri tad-deroga prevista fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jagħtu awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza b’mod abbużiv, għal diversi snin wara xulxin, fl-assenza ta’ kwalunkwe perikolu pprovat għall-għelejjel, u dan bil-għan li jiġi rregolat it-tkabbir tal-pjanti jew li jiġi ffaċilitat il-ħsad jew il-ħażna tagħhom. Fid-dawl tad-data xjentifika ġdida relatata mal-effetti tossiċi tal-klotijanidin u tat-tijametossam fuq in-naħal, il-Kummissjoni pprojbixxiet il-bejgħ u l-użu estern taż-żrieragħ miksija bil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi.

26

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Ministru għall-Klassi Medji, il-Persuni li Jaħdmu għal Rashom, is-SMEs, l-Agrikoltura u l-Integrazzjoni Soċjali, responsabbli mill-Ibliet il-Kbar, isostni b’mod partikolari li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma wrewx ir-rilevanza tad-data li huma jinvokaw u, barra minn hekk, ma pprovdew ebda element li jiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu ta’ dawn il-prodotti taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni.

27

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1107/2009 kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-portata tad-deroga li huwa jipprevedi.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament [Nru 1107/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni relatata mat-trattament, mal-bejgħ jew maż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 53 [tar-Regolament Nru 1107/2009] jista’ japplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li l-bejgħ u l-użu tagħhom huwa ristrett jew ipprojbit fit-territorju tal-Unjoni […]?

3)

Iċ-‘ċirkostanzi speċjali’ meħtieġa mill-Artikolu 53 tar-Regolament [Nru 1107/2009] ikopru sitwazzjonijiet li għalihom l-okkorrenza ta’ perikolu ma hijiex ċerta iżda sempliċement plawżibbli?

4)

Iċ-‘ċirkostanzi speċjali’ meħtieġa mill-Artikolu 53 tar-Regolament [Nru 1107/2009] ikopru sitwazzjonijiet li għalihom l-okkorrenza ta’ perikolu hija prevedibbli, komuni u anki ċiklika?

5)

L-espressjoni ‘li ma jistax jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor’ użata fl-Artikolu 53 tar-Regolament [Nru 1107/2009] għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti importanza ugwali, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-termini tal-premessa 8 [ta’ dan ir-]Regolament, minn naħa, lill-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent, u, min-naħa l-oħra, lis-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

29

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnu, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għat-trattament ta’ żrieragħ, kif ukoll it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ dawn il-prodotti, meta t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati b’dawn il-prodotti jkunu ġew espressament ipprojbiti permezz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni.

30

Għandu jitfakkar li, kif ġie ppreċiżat fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, it-tqegħid fis-suq u l-użu estern ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi b’mod partikolari s-sustanzi attivi klotijanidin u tijametossam, li huma s-suġġett tal-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġew ipprojbiti, rispettivament, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/784 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/785.

31

B’mod iktar speċifiku, dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni jipprevedu, fl-Artikolu 2 rispettiv tagħhom, li ż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi attivi ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw, ħlief meta din iż-żerriegħa tkun intiża biss għall-użu fis-serer permanenti u l-għelejjel li jitkabbru minnha jqattgħu ċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom f’serra permanenti.

32

Tali limitazzjoni tal-użu ta’ dawn is-sustanzi attivi għas-serer permanenti, li għandha l-effett li l-għelejjel miksuba ma jitħawlux esternament, hija mmotivata, kif huwa rifless fil-premessi 11 u 13 tal-imsemmija regolamenti ta’ implimentazzjoni, mir-riskji li huma għan-naħal iż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-imsemmija sustanzi attivi u mill-ħtieġa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali mfittxija fi ħdan l-Unjoni.

33

Il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw għalhekk il-possibbiltà li jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għat-trattament ta’ żrieragħ u t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ dawn il-prodotti b’deroga minn miżura espliċita ta’ projbizzjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1107/2009.

34

Għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jitqiegħed fis-suq jew jintuża biss jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat konformement mal-imsemmi regolament. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, fir-rigward ta’ deroga, din għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Agrimotion, C‑912/19, EU:C:2021:173, punt 28).

35

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et, C‑528/16, EU:C:2018:583, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, għandu jiġi kkonstatat li minnha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika “[b]’deroga mill-Artikolu 28” ta’ dan ir-regolament.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jitqiegħed fis-suq jew jintuża biss jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat, konformement mal-imsemmi regolament, peress li l-Artikolu 28(2) tiegħu jesponi l-każijiet meta l-ebda awtorizzazzjoni ma hija meħtieġa.

38

Konformement mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, indikata fl-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li jikkomponuh.

39

Minn dan isegwi li l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li huwa jipprevedi, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi li ma humiex koperti minn regolament ta’ approvazzjoni. Għall-kuntrarju, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li dawn l-Istati Membri jistgħu għalhekk jidderogaw mir-regolamenti tal-Unjoni li huma intiżi espressament sabiex jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-premessa 33 tar-Regolament Nru 1107/2009, “dispożizzjoni speċifika” ta’ dan ir-regolament ġiet stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni għaż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jiġifieri l-Artikolu 49 tal-imsemmi regolament. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, meta jkun hemm tħassib reali li ż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għal dan l-użu fi Stat Membru jistgħu jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent u meta tali riskju ma jkunx jista’ jitwaqqaf b’mod sodisfaċenti minn miżuri meħuda mill-Istat Membru jew mill-Istati Membri kkonċernati, għandhom jittieħdu immedjatament miżuri intiżi li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu u/jew il-bejgħ ta’ tali żrieragħ ittrattati.

41

Il-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1107/2009 huma għaldaqstant miżuri speċifiċi li jirrigwardaw iż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jirriżultax li dan jidderoga mill-Artikolu 49(2) ta’ dan ir-regolament jew mill-miżuri adottati skont din l-aħħar dispożizzjoni peress li din l-ewwel dispożizzjoni tkopri biss l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament.

42

Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment, fil-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jawtorizzaw, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament.

43

Għalkemm minn din il-premessa jirriżulta li dan il-leġiżlatur ried jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jew, f’dan il-każ, żrieragħ ittrattati permezz ta’ tali prodotti, mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-istess regolament, l-imsemmija premessa bl-ebda mod ma tindika r-rieda ta’ dan il-leġiżlatur li jippermettilhom jidderogaw minn projbizzjoni espliċita ta’ tali żrieragħ.

44

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, mogħtija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, hija sostnuta mill-obbligu tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/128 li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jippromwovu l-ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi, billi jiffavorixxu kull darba possibbli l-metodi mhux kimiċi, b’tali mod li l-utenti professjonali tal-pestiċidi jaqilbu għal prodotti u prattiki bl-iktar riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fost dawk disponibbli sabiex tingħeleb l-istess problema ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-għelejjel.

45

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri ta’ projbizzjoni previsti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2018/784 u 2018/785 ġew adottati fid-dawl tan-neċessità li jiġi ggarantit livell ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali li tfittex li jkollha l-Unjoni, kif indikat fil-premessi 11 ta’ dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni.

46

Tali projbizzjonijiet jissodisfaw għalhekk l-għan tar-Regolament Nru 1107/2009 li huwa, kif indikat fl-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dan ir-regolament, u kif rifless fil-premessa 8 tiegħu, b’mod partikolari li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli segwita mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE, sabiex jiġi evitat li sustanzi attivi jew prodotti mqiegħda fis-suq jippreġudikaw is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew l-ambjent.

48

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif indikat fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1107/2009, li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni u li, għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent, b’mod partikolari, “għandu jieħu prijorità” fuq l-għan ta’ titjib tal-produzzjoni tal-pjanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, R. (Użu agrikolu ta’ prodott mhux awtorizzat), C‑189/21, EU:C:2022:360, punti 4243).

49

Konsegwentement, kif tippreċiża din il-premessa, għandu jintwera, qabel it-tqegħid tagħhom fis-suq, mhux biss li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jippreżentaw interess manifest għall-produzzjoni tal-pjanti, iżda li, barra minn hekk, ma għandhomx effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali.

50

Issa, li kieku l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 kellu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, meta dan it-tqegħid fis-suq u dan l-użu kienu s-suġġett, wara evalwazzjoni mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel, ta’ miżura ta’ projbizzjoni espressa, tali interpretazzjoni twassal, minn naħa, sabiex tmur kontra l-għan ta’ dan ir-regolament, kif imfakkar fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni twassal sabiex tingħata prijorità lit-titjib tal-produzzjoni tal-pjanti fuq il-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent li jistgħu jirriżultaw mill-użu taż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li l-ħsara tagħhom tkun ġiet ipprovata, u dan bi ksur tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri ta’ projbizzjoni, bħal dawk previsti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2018/784 u 2018/785, jittieħdu mill-Kummissjoni b’osservanza ta’ kundizzjonijiet stretti peress li ż-żrieragħ ittrattati permezz ta’ tali prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jkunu ta’ riskju serju għall-ambjent, għas-saħħa tal-bniedem jew għall-annimali.

52

Fil-fatt, kif huwa stabbilit fil-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/784, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel ikkonstatat b’mod partikolari li, għall-parti l-kbira tal-għelejjel, in-naħal kienu esposti għal riskji kbar u għal riskji kroniċi kbar minħabba l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva klotijanidin, b’mod partikolari permezz tal-espożizzjoni għat-trab u l-konsum ta’ residwi preżenti fil-pollen u fin-nektar ikkontaminati. Il-premessa 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/785 tenfasizza wkoll ir-riskji għan-naħal minn żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tijametossam.

53

Għandu, barra minn hekk, jingħad ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 tapplika mhux biss għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ġew espressament ipprojbiti minn regolamenti ta’ implimentazzjoni, f’dan il-każ għaż-żrigħ ta’ dawn iż-żrieragħ, iżda wkoll għat-tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għat-trattament tal-imsemmija żrieragħ.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għat-trattament taż-żrieragħ, kif ukoll it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ dawn il-prodotti, peress li t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ dawn l-istess prodotti kienu ġew espressament ipprojbiti permezz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni.

Fuq it‑tielet sal‑ħames domanda

55

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jippermettix lil Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għat-trattament taż-żrieragħ, kif ukoll it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ dawn il-prodotti, peress li t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ ittrattati permezz ta’ dawn l-istess prodotti kienu ġew espressament ipprojbiti permezz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.