KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )
Kawża C‑21/22
OP
fil-preżenza ta’:
Justyna Gawlica, Nutar
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole, il-Polonja)]
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet u aċċettazzjoni u infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet causa mortis — Regolament (UE) Nru 650/2012 — Kamp ta’ applikazzjoni — Għażla tal-liġi applikabbli — Ftehim bilaterali bejn Stat Membru u pajjiż terz”
1. |
F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija, għat-tieni darba fir-rigward tal-istess fatti ( 2 ), sabiex tagħti interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 ( 3 ). |
2. |
B’mod speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, skont l-Artikoli 22 u 75, fost oħrajn, ta’ dan ir-regolament:
|
3. |
Fuq indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-konklużjonijiet tiegħi għat-tieni domanda, li jfisser l-analiżi tal-effett tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012 fuq il-kawża ( 4 ). |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
1. TFUE
4. |
L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 351 jipprovdu: “Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Sa fejn dawn il-ftehim ma’ jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista’ tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.” |
2. Ir-Regolament Nru 650/2012
5. |
Il-premessa 37 tistipula: “Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.” |
6. |
Il-premessa 38 tistabbilixxi: “Dan ir-Regolament għandu jippermetti liċ-ċittadini biex jorganizzaw minn qabel is-suċċessjoni tagħhom billi jagħżlu l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Din l-għażla għandha tkun limitata għal-liġi ta’ Stat taċ-ċittadinanza tagħhom sabiex tkun żgurata konnessjoni bejn id-deċedut u l-liġi magħżula u sabiex jiġi evitat li tingħażel liġi bl-intenzjoni li jixxekklu l-aspettattivi leġittimi ta’ persuni intitolati għal sehem riżervat.” |
7. |
Il-premessa 73 tispjega: “Ir-rispett għall-impenji internazzjonali assunti mill-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru, jew aktar, ikunu Parti fil-mument li dan ir-Regolament jiġi adottat. […] Il-konsistenza mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament teħtieġ, madankollu, li dan ir-Regolament ikollu preċedenza, bħal bejn Stati Membri, fuq konvenzjonijiet konklużi esklużivament bejn żewġ Stati Membri jew aktar sa fejn dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.” |
8. |
L-Artikolu 12 (“Limitazzjoni tal-proċedimenti”), paragrafu 1, jipprovdi: “Meta l-patrimonju tad-deċedut ikun jinkludi assi li jinsabu fi Stat terz, il-qorti invokata biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni tista’, fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar wieħed jew aktar minn dawn l-assi jekk jista’ jiġi mistenni li d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ dawk l-assi mhux ser tiġi rikonoxxuta u, fejn applikabbli, iddikjarata infurzabbli f’dak l-Istat terz.” |
9. |
L-Artikolu 22 (“Għażla ta’ liġi”), il-paragrafu 1, jistabbilixxi: “Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.” |
10. |
L-Artikolu 75 (“Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti”) jistipula: “1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar huma parti fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament u li jittrattaw kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament. […] 2. Irrispettivament mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu, bejn Stati Membri, ikollu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi esklużivament bejn żewġ Stati Membri jew aktar sa fejn dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament. […].” |
B. Id-dritt Pollakk
11. |
Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ukraina dwar l-assistenza ġudizzjarja u r-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili u kriminali tal‑24 ta’ Mejju 1993 (iktar ’il quddiem “Ftehim” jew “Ftehim bilaterali”), tistabbilixxi fl-Artikolu 37 tagħha: “Ir-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materja ta’ suċċessjoni ta’ oġġetti mobbli huma rregolati mil-liġi tal-parti kontraenti li d-deċedut kien ċittadin tagħha fil-mument tal-mewt tiegħu. Ir-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materja ta’ wirt ta’ proprjetà immobbli huma rregolati mil-liġi tal-parti kontraenti li dawk l-assi jinsabu fit-territorju tagħha. Il-klassifikazzjoni tal-oġġetti li huma parti mill-wirt bħala oġġetti mobbli jew proprjetà immobbli hija rregolata mil-liġi tal-parti kontraenti li l-oġġetti jew il-proprjetà jinsabu fit-territorju tagħha.” |
II. Il‑fatti, it‑tilwima u d‑domandi preliminari
12. |
OP, ċittadina Ukraina u residenti fil-Polonja, hija l-koproprjetarja ta’ akkomodazzjoni li tinsab fil-pajjiż imsemmi l-aħħar. Hija talbet nutar fil-Polonja għall-awtorizzazzjoni ta’ testment li kien jinkludi, fost klawżoli oħra, l-għażla tal-liġi tal-Ukraina sabiex tirregola s-suċċessjoni tagħha. |
13. |
In-nutar, billi qieset li l-għażla tal-liġi fit-testment kienet tmur kontra l-liġi ( 5 ), irrifjutat li tawtorizza t-testment. Hija pprovdiet ir-raġunijiet li ġejjin għar-rifjut tagħha:
|
14. |
OP ikkontestat ir-rifjut tan-nutar quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li dan kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 22 u 75 tar-Regolament Nru 650/2012. B’mod partikolari, hija argumentat li:
|
15. |
Fir-risposta tagħha, in-nutar insistiet li l-Ftehim bilaterali joħloq sistema tagħha stess sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Din is-sistema tipprevali fuq dik prevista fir-Regolament Nru 650/2012, inkluż l-Artikolu 22 tiegħu. |
16. |
Fuq dan l-isfond, is-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole), li għandha tiddeċiedi l-kawża, tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
17. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Jannar 2022. |
18. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub min-nutar, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Ungeriż u mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
19. |
Iż-żamma ta’ seduta ma ġietx ikkunsidrata bħala essenzjali. |
IV. Analiżi
20. |
Fis-sitwazzjoni li tat lok għat-tilwima, bħala prinċipju, jistgħu japplikaw kemm ir-Regolament Nru 650/2012 kif ukoll il-Ftehim bilaterali bejn il-Polonja u l-Ukraina ( 6 ). |
21. |
L-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn regoli tobbliga li jiġi deċiż liema minnhom tipprevali. L-effetti ta’ din l-għażla ntwerew bit-traskrizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti:
|
22. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju titlob li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012 jiġi interpretat flimkien mal-Artikolu 22 tiegħu. |
23. |
B’mod ġenerali, l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jiffokaw fuq l-Artikolu 75(1) (b’mod partikolari, l-ewwel sentenza tiegħu) ( 8 ). Madankollu, nemmen li sabiex jinftiehem b’mod korrett il-paragrafu 1 jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-paragrafu 2 ukoll. |
24. |
Flimkien, iż-żewġ paragrafi jistabbilixxu klawżola ta’ kompatibbiltà jew ta’ koordinazzjoni:
|
25. |
Fil-każ ta’ ftehim bilaterali ffirmat bejn Stat Membru u Stat terz ( 10 ) qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, it-tifsira eżatta tal-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar tista’ tkun dik derivata, sempliċement, mill-qari testwali tiegħu. |
26. |
Fil-fatt, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-kombinazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 75 issostni t-teżi li ftehim b’dawn il-karatteristiċi awtomatikament jieħu preċedenza fuq ir-Regolament Nru 650/2012, f’każ li jkun hemm kunflitt bejniethom it-tnejn ( 11 ). Skont dan l-artikolu, fil-paragrafu 1 tiegħu, “ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar huma parti fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament u li jittrattaw kwistjonijiet koperti minn dan.” |
27. |
Din it-teżi tista’, madankollu, tiġi deskritta bħala mgħaġġla jekk, kif isostnu osservazzjonijiet oħra ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ), ikollha tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza mogħtija fir-rigward tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 13 ) u l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 14 ). |
28. |
Ser neżamina din id-differenza tal-approċċi qabel nindirizza d-domanda preliminari nfisha. |
A. Kompatibbiltà tar‑Regolament Nru 650/2012 ma’ ftehimiet internazzjonali ta’ qablu
29. |
L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012 ma huwiex dispożizzjoni iżolata fl-istrumenti Ewropej dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. |
30. |
Ftehimiet u regolamenti oħrajn dwar ir-relazzjonijiet bejn individwi fiż-żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jinkorporaw dispożizzjonijiet fuq l-istess linja. Dan huwa l-każ fl-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 15 ); l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 16 ) u l-istess artikolu tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 17 ); l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 4/2009 ( 18 ), jew l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 2016/1103 ( 19 ). |
31. |
Rigward dawn il-klawżoli, għandu jingħad li huma essenzjalment identiċi ( 20 ), fis-sens li:
|
32. |
Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-klawżola ta’ koordinazzjoni tal-Artikoli 57 u 71 rispettivi tiegħu:
|
33. |
Antiċipajt li xi osservazzjonijiet ta’ dawk li intervjenew f’din il-proċedura huma favur it-trasferiment ta’ din il-ġurisprudenza (iktar preċiżament, il-modus operandi tagħha) għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012. |
34. |
Għandi xi dubji dwar dan. |
35. |
Ma nqisx li hija problema kbira li l-klawżola ta’ koordinazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-regolamenti li jsegwuha tikkontempla r-relazzjoni bejniethom u l-ftehimiet speċjali minħabba l-materja tagħhom, filwaqt li dik prevista fir-Regolament Nru 650/2012 tapplika għal kwalunkwe ftehim li jittratta materji li huwa stess jirregola wkoll. |
36. |
Ma naħsibx li din id-diverġenza tikkundizzjona r-relazzjonijiet bejn il-ftehimiet internazzjonali u r-Regolament Nru 650/2012 sal-punt li twassal għal riżultati differenti minn dawk stabbiliti fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-regolamenti sussegwenti. |
37. |
Fil-fehma tiegħi:
|
38. |
It-traspożizzjoni ta’ aspetti oħra tal-ġurisprudenza ċċitata tqajjimli iktar diffikultajiet. |
39. |
L-ewwel, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali fuq ir-Regolament Nru 650/2012, f’każ ta’ kompetizzjoni bejn ir-regoli tagħhom it-tnejn, ġiet eskluża mill-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għal ftehimiet li huma parti għalihom Stati Membri biss ( 27 ). Dwar dan il-punt, ir-Regolament Nru 650/2012 jitbiegħed minn dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li rreferiet għalihom iktar ’il fuq ( 28 ). |
40. |
It-tieni, ma iniex ċert dwar jekk, u kif, tista’ tiġi estrapolata d-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja li, b’interpretazzjoni tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001, tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Istati Membri għall-fatt li ma jippreġudikawx “[i]l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea” ( 29 ). |
41. |
Id-dubji tiegħi huma dovuti, parzjalment, għall-fatt li l-portata ta’ din id-duttrina ma hijiex ċara ħafna ( 30 ). Fis-sentenza TNT Express Nederland, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimitaha għar-“relazzjonijiet bejn l-Istati Membri” ( 31 ); f’dik l-istess sentenza, kif ukoll fis-sentenza Nipponkoa Insurance, hija tirreferi għall-applikazzjoni tal-ftehimiet “fi ħdan l-Unjoni” ( 32 ), espressjoni li hija saħansitra iktar impreċiża minn dik preċedenti. Finalment, ma hemm l-ebda riferiment simili fis-sentenza Nickel & Goeldner Spedition ( 33 ). |
42. |
Inżid li dawn is-sentenzi ma jipprevedu l-ebda inflessjoni f’każ li l-Istat Membru firmatarju ta’ ftehim internazzjonali jinjora impenji, derivati minn dan tal-aħħar, sabiex jippreġudika l-prinċipji li hija bbażata fuqhom il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
43. |
Madankollu, insibha diffiċli nemmen li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-Unjoni jipprevali awtomatikament, sal-punt li jpoġġi f’dubju l-operat tal-ftehim internazzjonali fir-rigward ta’ Stati terzi. Pjuttost naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċement, għadha ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar dan fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali ( 34 ). |
44. |
Min-naħa l-oħra, hija għamlet dan f’kuntesti oħra, li fihom:
|
45. |
Naħseb li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma trasferibbli għall-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali f’materji ċivili u kummerċjali. |
46. |
Il-konklużjoni ta’ ftehim f’dan il-qasam tirriżulta minn negozjar li fil-kuntest tiegħu huma ddefiniti d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati kontraenti, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ reċiproċità. |
47. |
Għalija, dan jidher partikolarment ċar fi ftehimiet b’firxa wiesgħa, bħal dak bilaterali tal‑1993 bejn il-Polonja u l-Ukraina, li, f’mument storiku speċifiku ħafna, għandhom it-tendenza li jistabbilixxu struttura ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka f’materji ċivili u kriminali, minbarra li jagħtu prerogattivi liċ-ċittadini tagħhom reċiprokament. |
48. |
Anki jekk, minħabba ċ-ċirkustanzi eżistenti, l-applikazzjoni tal-Ftehim bilaterali fil-Polonja għandha tinftiehem bħala magħmula “fi ħdan l-Unjoni”, nemmen li, qabel tingħata prijorità lir-regoli Ewropej, għandu jiġi ddeterminat jekk, meta josserva dawn ir-regoli, dan l-Istat Membru jipperikolax il-bilanċ tal-obbligi u d-drittijiet derivati mill-ftehim għaż-żewġ partijiet ( 37 ). |
49. |
Jekk ikun hemm kontradizzjoni bejn il-prinċipji jew ir-regoli ( 38 ) ta’ strument Ewropew (ir-Regolament Nru 650/2012) fis-seħħ fi Stat Membru (il-Polonja), u dawk ta’ ftehim bilaterali li jorbot lil dan l-Istat, minn qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni ( 39 ), ma’ Stat terz (l-Ukraina), l-issuġġettar inkundizzjonat tal-Istat Membru għall-prinċipji u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni jista’ ma jkunx ir-risposta korretta fil-każijiet kollha ( 40 ). |
50. |
Madankollu, ma nemminx li teżisti kontradizzjoni reali bejn ir-Regolament Nru 650/2012 u l-Ftehim bilaterali f’dak li huwa importanti f’dan il-każ. Hawn taħt ser nispjega għalfejn. |
B. Nuqqas ta’ kontradizzjoni
1. Is‑soluzzjoni fil‑Ftehim bilaterali
51. |
Kif diġà spjegajt, il-Ftehim bilaterali ġie konkluż qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni, kif ukoll qabel ma din tal-aħħar talbet il-ġurisdizzjoni esklużiva f’din il-materja ( 41 ). |
52. |
Fir-rigward tas-suċċessjonijiet causa mortis, il-Ftehim bilaterali ħaddan mudell dualistiku jew ta’ diviżjoni: tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tad-deċedut fil-ħin tal-mewt għall-oġġetti mobbli; u dik tal-post fejn jinsabu l-assi, għall-proprjetà immobbli. |
53. |
Dawn ir-regoli ta’ kunflitt huma allinjati ma’ oħrajn ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, b’tali mod li l-awtorità ta’ kull Stat tapplika l-liġi tagħha stess għall-beni tas-suċċessjoni li hija responsabbli li tittratta ( 42 ). |
54. |
Fir-raġunament li ġej se nuża bħala premessa (jew, aħjar, bħala xenarju) li s-silenzju tal-Ftehim bilaterali dwar l-għażla tal-liġi f’materji ta’ suċċessjoni jfisser li din l-għażla ma hijiex inkluża għal suċċessjoni koperta mill-Ftehim innifsu ( 43 ). |
2. Is‑soluzzjoni fir‑Regolament Nru 650/2012
55. |
Ir-Regolament Nru 650/2012 ġie adottat sabiex ikun iktar faċli għall-persuni jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’sitwazzjonijiet ta’ suċċessjoni causa mortis b’implikazzjonijiet transkonfinali. |
56. |
Il-leġiżlatur Ewropew stabbilixxa, fil-fatt, regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli f’materji ta’ suċċessjonijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali, kif ukoll oħrajn dwar ir-rikonoxximent (jew l-aċċettazzjoni) u l-infurzar fi Stat Membru tad-deċiżjonijiet meħuda u strumenti awtentiċi maħruġa fi Stat Membru ieħor. |
57. |
Ir-Regolament Nru 650/2012 jirrifletti ċerti għażliet leġiżlattivi, li wħud minnhom jistgħu jiġu deskritti bħala “prinċipji” tas-sistema ( 44 ). F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk humiex prinċipji l-awtonomija tal-għażla u l-unità tas-suċċessjoni. |
a) Libertà ta’ għażla tal‑liġi
58. |
Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara “jekk il-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli tifformax parti mill-prinċipji relatati mal-operat tar-Regolament Nru 650/2012”. Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, tixtieq tkun taf jekk ftehim li jeskludi tali libertà “imurx kontra l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fl-Unjoni”. |
59. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun fin-negattiv. |
60. |
Fis-suċċessjonijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali, l-awtonomija tal-għażla (kunċettwalment) għandha rwol limitat, skont id-dritt tal-Unjoni. |
61. |
Sabiex tiġi identifikata l-liġi applikabbli, ir-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi punt ta’ konnessjoni oġġettiv: ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-ħin tal-mewt. Il-possibbiltà li tiġi magħżula liġi differenti, bis-saħħa tal-Artikolu 22, hija limitata f’termini tal-għan tagħha (huwa possibbli biss li tiġi magħżula l-liġi tan-nazzjonalità tad-deċedut) u, barra minn hekk, hija suġġetta għal rekwiżiti formali tipiċi ta’ dispożizzjoni causa mortis. |
62. |
F’dawn il-kundizzjonijiet, ma naħsibx li l-awtonomija tal-għażla kunfliġġenti tista’ tingħata l-istatus ta’ prinċipju gwida tar-Regolament Nru 650/2012. |
63. |
Nikkunsidra għalhekk li ma hemm ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jimpedixxi ftehim bilaterali milli jiċħad lid-deċedut il-libertà li jagħżel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni causa mortis tiegħu. A fortiori, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax b’mod ineżorabbli li dan il-ftehim bilaterali jiġi interpretat, jekk ma jsemmix l-għażla tal-liġi, sabiex jiġi deċiż li, fir-realtà, jippermettiha. |
b) Unità tas-suċċessjoni
1) Bħala prinċipju strutturali
64. |
L-unità tas-suċċessjoni (jew, iktar preċiżament, l-unità tar-regolamentazzjoni tas-suċċessjoni causa mortis), b’differenza minn dik preċedenti, hija wieħed mill-prinċipji li huwa bbażat fuqhom ir-Regolament Nru 650/2012. Fost il-ħafna manifestazzjonijiet tagħha hemm:
|
65. |
Fl-Unjoni Ewropea, li ma għandhiex dritt dwar is-suċċessjoni materjali, l-għażla ta’ mudell unitarju jew ta’ livell wieħed ma hijiex ir-riżultat ta’ estensjoni għall-kuntest internazzjonali ta’ kunċetti fis-seħħ f’dan il-qasam. Fl-istat attwali tal-affarijiet, l-unità tas-suċċessjoni, fil-forom enumerati, hija s-soluzzjoni teknika li tixraq l-iktar għall-għanijiet ta’ integrazzjoni tal-Unjoni:
|
66. |
It-trattament unitarju tas-suċċessjoni ma kienx l-unika soluzzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri fiż-żmien tan-negozjar tar-Regolament Nru 650/2012. Il-leġiżlatur Ewropew kien kompletament konxju dwar dan ( 52 ). |
67. |
Din in-novità relattiva tas-soluzzjoni ma tnaqqasx in-natura strutturali tas-sistema. Fis-sentenzi mogħtija sal-lum dwar ir-Regolament Nru 650/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja tirratifika l-kwalità tiegħu ta’ “prinċipju” ( 53 ). |
68. |
Minn dan ir-rikonoxximent jirriżulta:
|
2) Prinċipju mhux assolut
69. |
Għandu jiġi speċifikat, madankollu, li l-unità tas-suċċessjoni hija ’l bogħod milli tkun prinċipju inflessibbli fi kwalunkwe qasam li tapplika fih. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evitar tal-frammentazzjoni hija xi ħaġa li r-Regolament Nru 650/2012 għandu l-għan li jippromwovi ( 56 ), iżda ma huwiex ħtieġa assoluta ( 57 ). |
70. |
Il-każijiet ta’ ksur tat-trattament unitarju tas-suċċessjoni huma numerużi fir-Regolament Nru 650/2012. Mingħajr aspirazzjoni li huma eżawrjenti, dan li ġej huwa attestat:
|
3) L-effett tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 650/2012
71. |
Mid-derogi kollha mill-prinċipju ta’ unità tas-suċċessjoni fir-Regolament Nru 650/2012, nixtieq nenfasizza, minħabba r-rilevanza tagħha għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, dik inkluża fl-Artikolu 12(1). Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tinvolvi konċessjoni (meħtieġa) mil-leġiżlatur Ewropew għall-pluralità ta’ mudelli fit-trattament tas-suċċessjoni b’elementi internazzjonali ( 65 ). |
72. |
Fil-prattika, huwa kkonstatat li l-adozzjoni ta’ mudell ta’ regolamentazzjoni unitarja mingħajr sfumaturi hija soluzzjoni kkundannata għall-falliment kull meta s-suċċessjoni tinvolvi proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stati li għażlu l-mudell oppost (dualistiku jew ta’ diviżjoni). |
73. |
F’dawn il-pajjiżi:
|
74. |
Fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri marbuta bir-Regolament Nru 650/2012 aċċettaw il-mudell unitarju u ma jistgħux joġġezzjonaw għall-fatt li s-suċċessjoni relatata ma’ proprjetajiet immobbli fit-territorju tagħhom tkun suġġetta għal liġi barranija ( 67 ) jew li l-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jieħdu deċiżjonijiet dwar dawk l-assi. |
75. |
Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 650/2012 jaċċetta inflessjonijiet sinjifikanti meta jippermetti, permezz tal-Artikolu 12(1), li l-ġurisdizzjoni kompetenti fl-applikazzjoni tar-regoli tiegħu ma tiddeċidix fuq assi li jinsabu fi Stati terzi, minħabba apprensjoni li d-deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta jew, fejn xieraq, iddikjarata infurzabbli f’dawk l-Istati. |
76. |
L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa maħsub, qabel kollox, bl-idea ta’ Stati terzi li jitolbu ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni causa mortis ta’ proprjetà immobbli fit-territorju tagħhom. Madankollu, il-previżjoni li deċiżjoni mhux ser ikollha effett fl-Istat terz tista’ tkun ibbażata fuq kwalunkwe raġuni oħra kkontemplata mil-liġi ta’ dak l-Istat: pereżempju, li l-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà ma tkunx ġiet applikata ( 68 ). |
77. |
Konsegwenza potenzjali tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 650/2012 hija l-falliment tat-trattament unitarju ta’ suċċessjoni mortis causa:
|
78. |
Il-falliment tat-trattament unitarju jfisser li jiġi ammess li hemm iktar għażliet sabiex tiġi rregolata s-suċċessjoni causa mortis mill-mudell unitarju. Permezz tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 650/2012 il-leġiżlatur Ewropew juri li huwa konxju li Stati terzi għażlu l-mudell tad-diviżjoni tas-suċċessjoni u juri r-rieda tiegħu li jirrispetta dan, għal raġunijiet prattiċi, minkejja l-konsegwenzi li dan iġib miegħu u li jien diġà ddeskrivejt. |
79. |
Fil-fehma tiegħi, ir-rispett muri fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 650/2012 (regola unilaterali) ma jonqosx, anzi tiżdied, meta s-soluzzjoni dualistika tiġi inkorporata fi ftehim bilaterali bejn Stat Membru u Stat terz, bħal dak fil-każ preżenti, iffirmat qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk ir-Regolament Nru 650/2012 stess jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet internazzjonali. |
C. Sussidjarjament: jekk ikun hemm kontradizzjoni
80. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li teżisti kontradizzjoni bejn il-prinċipji tar-Regolament Nru 650/2012 u l-Ftehim bilaterali, nipproponi li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012 jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 351 TFUE. |
81. |
L-Artikolu 351 TFUE jirregola l-kompetizzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u ċerti ftehimiet li huma partijiet għalihom l-Istati Membri u Stati terzi. Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l-Artikolu 351 TFUE] huwa regola li tista’, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti, tippermetti derogi mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tad-dritt primarju” ( 69 ). |
82. |
Il-kompetizzjoni bejn ftehim li sar qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru u regola tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jikkostitwixxu waħda minn dawn il-kawżi ta’ derogi ( 70 ). |
83. |
Madankollu, qabel ma tinġibed tali konsegwenza, l-Istati Membri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, għandhom jirrikorru għall-mezzi kollha xierqa sabiex jeliminaw kull inkompatibbiltà eżistenti bejn id-dritt tal-Unjoni u l-ftehim internazzjonali inkwistjoni ( 71 ). |
84. |
Minn din il-premessa jirriżulta:
|
85. |
Meta nittrasferixxu dan għall-kawża preżenti, dak li ntqal hawn fuq ifisser li l-Polonja għandha tipprova tadatta l-interpretazzjoni tal-Ftehim bilaterali skont ir-Regolament Nru 650/2012, filwaqt li tirrispetta d-dritt internazzjonali ( 74 ). |
86. |
Jekk dan it-tentattiv ifalli, għandha tikkunsidra l-modifika tal-Ftehim, jew id-denunzja tiegħu. Sadanittant, id-dritt tal-Unjoni jawtorizzaha tapplikah, b’mod li tissodisfa l-obbligu internazzjonali kkuntrattat. |
V. Konklużjoni
87. |
Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li tingħata r-risposta lis-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja) kif ġej: “L-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, fir-rigward tal-Artikolu 22 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li Ma jipprekludix li, bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali konkluż bejn Stat Membru u Stat terz qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, ċittadin tal-Istat terz, residenti fl-Istat Membru marbut bil-ftehim bilaterali, ma għandux is-setgħa li jagħżel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni causa mortis tiegħu”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari preċedenti tressqet direttament minn nutar. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħditlu l-istatus ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk iddikjarat ir-rinviju inammissibbli. Ara d-digriet tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Domanda preliminari magħmula minn nutar) (C‑387/20, EU:C:2021:751).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, u rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 060, p. 140).
( 4 ) Fir-rigward tal-ewwel domanda, jekk redazzjoni mhux preċiża tal-preambolu tar-Regolament Nru 650/2012 tiġġustifika d-dubju tal-qorti nazzjonali, ir-risposta ma tidhirx li toffri dubji. Diversi premessi f’dan ir-regolament jirreferu għaċ-“ċittadini” (inkluż, f’xi verżjonijiet, “ċittadini Ewropej”) bħala destinatarji ta’ dokument maħsub sabiex jiffaċilita l-organizzazzjoni tas-suċċessjoni causa mortis b’implikazzjonijiet transkonfinali, u l-aċċess għall-benefiċċji tas-suq intern. Li wieħed jifhem dan ir-riferiment bħala li jeskludi ċittadini ta’ Stati terzi li s-suċċessjoni tagħhom, għal xi raġuni jew oħra, għandu jiġi applikat għaliha r-Regolament Nru 650/2012 ma jmurx biss kontra t-tifsira letterali tal-Artikolu 22 tiegħu, iżda wkoll dispożizzjonijiet oħrajn, bħall-Artikolu 20, li jiddikjaraw in-natura universali tagħhom.
( 5 ) B’mod speċifiku, l-Artikolu 81 tal-Liġi dwar id-dritt tan-Nutara, tal‑14 ta’ Frar 1991 (Dz. U. 1991 nr 22, poz. 91), li bis-saħħa tiegħu n-nutar għandu jirrifjuta li jippreżenta atti illegali.
( 6 ) Ngħid “bħala prinċipju” għax teżisti kontroversja dwar jekk il-Ftehim bilaterali jeskludix verament l-għażla tal-lex successionis, jew ma jieħu ebda pożizzjoni rigward din il-kwistjoni: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7. Id-deċiżjoni dwar dan il-punt għandha tittieħed esklużivament mill-qorti tar-rinviju u mhux għall-Qorti tal-Ġustizzja, li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dak il-ftehim.
( 7 ) Dan huwa kif jifhmu l-Ftehim bilaterali in-nutar, il-Kummissjoni u l-Gvern Ungeriż. Bħal OP fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk, fil-punti 27 sa 30 tal-osservazzjonijiet tiegħu, isostni li dan il-ftehim sempliċement jirriproduċi l-istatus quo fir-rigward tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fil-mument tal-konklużjoni tiegħu; in-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-għażla tal-liġi sempliċement tindika li ma jirregolax din il-kwistjoni. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex konklużiva f’dan ir-rigward. Madankollu, jekk in-nuqqas ta’ riferiment għall-possibbiltà ta’ għażla (kemm sabiex tiġi awtorizzata kif ukoll sabiex tiġi miċħuda) għandu jinftiehem bħala indifferenza min-naħa tal-Istati firmatarji tal-Ftehim bilaterali, ma hemmx lok li nitkellmu dwar in-nuqqas ta’ kompatibbiltà mar-Regolament Nru 650/2012.
( 8 ) Bl-eċċezzjoni ta’ dawk ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja, li jirreferi wkoll għall-paragrafu 2 fil-punti 27 et seq. tal-osservazzjonijiet tiegħu.
( 9 ) Ir-Regolament Nru 650/2012 ma huwiex applikabbli fl-Irlanda u lanqas fid-Danimarka. Iktar ’il quddiem, l-espressjoni “Stat Membru” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-oħrajn kollha.
( 10 ) Ma huwiex ikkontestat li strumenti ta’ dan it-tip huma koperti mill-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
( 11 ) Din hija d-difiża fl-osservazzjonijiet bil-miktub magħmulin mill-Gvern Spanjol (punti 28 u 30) u mill-Gvern Ungeriż (punti 10 sa 16).
( 12 ) L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punti 34 et seq. u tan-nutar, punt 23 et seq.
( 13 ) Konvenzjoni ta’ Brussell, tas‑27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; EE 01/01, p. 186; test ikkonsolidat fil-ĠU 1998, C 27, p. 1).
( 14 ) Regolament tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1). Id-dispożizzjonijiet jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira: id-differenzi ma jaffettwawx dak li hu ta’ interess għalina hawnhekk.
( 15 ) Flimkien mal-Artikoli 55 u 56.
( 16 ) Flimkien mal-Artikoli 69 u 70.
( 17 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Bħal fir-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 71 għandu jinqara flimkien mal-Artikoli 69 u 70.
( 18 ) Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2019, L 7, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 008, p. 19 u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29).
( 19 ) Regolament tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU 2016, L 183, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2017, L 113, p. 62 u fil-ĠU 2018, L 167, p. 36).
( 20 ) Madankollu, hemm ċerti differenzi bejniethom. Uħud minnhom, fl-opinjoni tiegħi, ma humiex rilevanti. Dan huwa l-każ tan-nuqqas, fl-Artikolu 75 tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet, tal-punt “bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu [307] 351 tat-TFUE”, li huwa ddikjarat espressament f’regolamenti oħrajn. Ir-riferiment deher fil-proposta tal-Kummissjoni, COM(2009) 154 final, fl-Artikolu 45, iżda tneħħa waqt li kienet għaddejja mill-Parlament. Ma nemminx li r-riferiment għat-TFUE f’dawn l-atti għandu għan ikbar minn dak ta’ tfakkira: fi kliem ieħor, in-nuqqas tiegħu ma jeħlisx lill-Istati Membri mill-obbligi previsti fit-TFUE fil-qasam tas-suċċessjonijiet causa mortis koperti mir-Regolament (ara, f’dan is-sens, il-punti 80 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet). Min-naħa l-oħra, kif nispjega iktar ’il quddiem, id-delimitazzjoni differenti tas-sitwazzjonijiet li fihom jipprevali regolament Ewropew fuq konvenzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem in-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, għall-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-regolamenti sussegwenti, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, għal oħrajn) jista’ jkollha konsegwenzi meta wieħed jiġi sabiex jittrasferixxi l-interpretazzjoni ta’ xi klawżoli ta’ koordinazzjoni għal oħrajn.
( 21 ) Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Brite Strike Technologies (C‑230/15, EU:C:2016:560), punti 49 u 50. Fil-parti l-kbira, il-konvenzjonijiet konklużi esklużivament bejn l-Istati Membri ma għadux ikollhom effetti bejniethom fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali kopert mill-Konvenzjoni ta’ Brussell jew mir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012: ara l-Artikoli 55 u 56 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 44/2001 u tar-Regolament Nru 1215/2012.
( 22 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400), punt 25.
( 23 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243; iktar ’il quddiem, “sentenza TNT Express Nederland”), punti 45 sa 48.
( 24 ) Sentenzi TNT Express Nederland, punti 49 et seq; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponkoa Insurance (C‑452/12, EU:C:2013:858), punt 36; tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145), punt 38. Iktar ’il quddiem nispjega l-inċertezza dwar il-portata ġeografika (biex ngħidulha hekk) ta’ din il-ġurisprudenza: iktar ’il quddiem, il-punt 41. Minn dan isegwi, fi kwalunkwe każ, li r-regola ta’ “nuqqas ta’ effett” ma tfissirx, kif wieħed jista’ jaħseb mal-ewwel daqqa ta’ għajn, it-trasferiment awtomatiku tal-istrument Ewropew kull darba li jikkoinċidi ma’ konvenzjoni internazzjonali.
( 25 ) Sentenza TNT Express Nederland, punt 51; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponkoa Insurance (C‑452/12, EU:C:2013:858), punt 37. It-traduzzjoni, f’termini prattiċi, hija dik espressa fil-punt 55 tal-ewwel sentenza: il-konvenzjoni “ [tista’ tiġi applikata] fi ħdan l-Unjoni biss jekk [tippermetti] li jintlaħqu l-għanijiet tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll tal-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni f’kundizzjonijiet li għall-inqas huma daqstant favorevoli bħal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001”. Ara wkoll il-punt 38 tat-tieni sentenza, u l-kliem finali fil-punt 39: l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 “għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li konvenzjoni internazzjonali tiġi interpretata b’mod li ma tiġix żgurata, f’kundizzjonijiet li għall-inqas huma daqstant favorevoli bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, l-osservanza tal-għanijiet u tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi regolament”.
( 26 ) Meta d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u regoli simili, relatati mas-suċċessjonijiet causa mortis, jinstabu f’konvenzjoni ta’ portata ġenerali li jinkludi regoli ġeneriċi dwar, pereżempju, lis pendens, il-konnessjoni, jew ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat jekk dawn ir-regoli ġeneriċi humiex iddisinjati wkoll għal suċċessjonijiet koperti mill-konvenzjoni, qabel ma ssir tranżizzjoni għal dawk tar-Regolament Nru 650/2012.
( 27 ) Ir-Regolament Nru 650/2012 ma jgħid xejn dwar x’jiġri bi ftehimiet li l-Istati Membri u l-Istati terzi huma parti għalihom fir-relazzjoni ta’ bejniethom, kif setgħet tinftiehem li għamlet il-proposta tal-Kummissjoni, COM(2009) 154 final, l-Artikolu 45, u għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 4/2009.
( 28 ) Iktar ’il fuq, punt 32, l-ewwel inċiż.
( 29 ) Iktar ’il fuq, punt 32, l-aħħar inċiż.
( 30 ) Qiegħed nirreferi għall-portata ġeografika. Mill-perspettiva tal-prinċipji, f’dawn is-sentenzi huma pparifikati fuq l-istess livell dawk li “fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni” u dawk li jirregolaw ir-regolament speċifiku li l-klawżola ta’ kompatibbiltà tiegħu hija inkwistjoni.
( 31 ) Punt 52.
( 32 ) Sentenza TNT Express Nederland, punti 53 u 54; u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, (C‑452/12, EU:C:2013:858), punt 38.
( 33 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014 (C‑157/13, EU:C:2014:2145).
( 34 ) Fis-sentenzi TNT Express Nederland u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponkoa Insurance (C‑452/12, EU:C:2013:858), ir-regoli ta’ lis pendens, rikonoxximent u eżekuzzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq, magħmula f’Ġinevra fid‑19 ta’ Mejju 1956, fil-verżjoni tagħha mmodifikata bil-Protokoll magħmul f’Ġinevra fil‑5 ta’ Lulju 1978, (CMR), fl-applikazzjoni tagħha għal proċessi (jew deċiżjonijiet) ta’ żewġ Stati Membri. Il-fatti tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145), affettwaw Stat wieħed: il-kwistjoni kienet jekk għandhiex tiġi applikata regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali taċ-CMR jew waħda tar-Regolament Nru 44/2001.
( 35 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs il-Ġermanja (C‑546/07, EU:C:2010:25), punt 42, u ċ-ċitazzjonijiet fiha.
( 36 ) Idem, punti 43 u 44.
( 37 ) Ir-regolamentazzjoni tal-Ftehim bilaterali dwar kwistjonijiet ta’ suċċessjoni hija notevolment differenti mir-Regolament Nru 650/2012: dan tal-aħħar jagħżel il-mudell unitarju tat-trattament tas-suċċessjoni, u tal-ewwel, għall-kuntrarju, bil-konsegwenzi kollha tiegħu (jiġifieri, f’termini tal-liġi applikabbli, il-ġurisdizzjoni internazzjonali u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet barranin). Jekk l-awtoritajiet Pollakki jiġu obbligati jippromwovu l-prinċipju ta’ unità tas-suċċessjoni minħabba li huwa bbażat fuqu r-Regolament Nru 650/2012, dan ikun jimplika li l-Ftehim bilaterali jitħalla mingħajr effett fiċ-ċirkustanzi li fihom, probabbilment, hija tal-ikbar interess: jiġifieri, kull meta s-suċċessjoni ta’ ċittadin Pollakk tinkludi proprjetà immobbli fl-Ukraina. Minħabba li l-Ftehim bilaterali ma jistabbilixxix biss l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tad-deċedut għal oġġetti mobbli u l-lex rei sitae għal proprjetà immobbli (l-Artikolu 37), iżda jipprovdi wkoll ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ dawn ir-regoli (l-Artikoli 49 u 50(6)), id-deċiżjoni Pollakka ma tkunx rikonoxxuta fl-Ukraina. Għall-kuntrarju, il-Polonja tibqa’ obbligata li tirrikonoxxi d-deċiżjonijiet tal-Ukraina dwar proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju Pollakk.
( 38 ) Jew ir-riżultat tal-applikazzjoni tagħhom.
( 39 ) Għall-finijiet tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012, id-data limitu rilevanti hija d-data tal-adozzjoni tar-Regolament. Fi kwalunkwe każ, fiż-żmien meta ġie ffirmat il-Ftehim bilaterali, il-Polonja u l-Ukraina kienu Stati terzi, peress li l-Polonja kienet għadha ma sseħbitx mal-Unjoni. It-tbassir li l-Ukraina se tagħmel dan fil-futur ġie evokat mill-qorti tar-rinviju u minn xi partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-għażla li jissaħħu r-rabtiet espressi fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU 2014, L 161, p. 3) bħala argument sabiex titqarreb l-interpretazzjoni tal-Ftehim bilaterali mar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, jekk, meta u kif dawn l-intenzjonijiet ser isiru realtà huwa inċert, u, għalhekk, huwa inutli sabiex jiġi ddeterminat il-fehim tat-test tal-konvenzjoni f’dan il-każ.
( 40 ) Iktar ’il quddiem, punti 80 et seq.
( 41 ) F’xi punt din l-informazzjoni setgħet tingħata lil dan l-element temporali xi sinjifikat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE. Is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852), punt 126, tikkjarifika li dan ma huwiex il-każ. Infakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012, id-data rilevanti hija d-data tal-adozzjoni tar-Regolament innifsu.
( 42 ) L-Artikolu 41 tal-Ftehim bilaterali. Eċċezzjonalment, jekk l-oġġetti mobbli kollha tal-wirt jinstabu fi Stat kontraenti, immedjati bi ftehim bejn is-suċċessuri, u wieħed minnhom jitlob hekk, is-suċċessjoni tiġi ttrattata fl-intier tagħha quddiem l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat. Sakemm ma iniex żbaljat, ir-regola tal-kunflitt tibqa’ l-istess.
( 43 ) Kif diġà għidt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-aspett tal-Ftehim bilaterali għall-Istati Kontraenti.
( 44 ) Ma huwiex rari li s-soluzzjonijiet tekniċi tar-Regolament Nru 650/2012 jiġu ppreżentati b’riferiment għall-prinċipji li huwa bbażat fuqhom: P. Lagarde, “Les principes de base du nouveau règlement européen sur les successions”, Revue Critique de Droit International Privé, 2012, p. 691 sa 732. Il-metodu għandu r-riskji tiegħu, kif jidher f’dan il-każ: li r-Regolament jawtorizza l-għażla tal-liġi jew tal-forum mhux bilfors jagħmel l-awtonomija tal-għażla prinċipju strutturali tal-istrument.
( 45 ) Premessi 23 u 27. Fid-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 21(1).
( 46 ) Artikolu 4, l-Artikolu 10.
( 47 ) Premessa 37 in fine, u l-Artikolu 21.
( 48 ) Premessa 42 u l-Artikolu 23.
( 49 ) Nuża t-terminu użat mir-Regolament Nru 650/2012 stess f’diversi premessi.
( 50 ) In-natura differenti tal-assi jew il-lokazzjoni tagħhom fi Stati differenti mhux se jirrappreżentaw diffikultà żejda għalihom.
( 51 ) Il-ġbir taħt sistema waħda tal-aspetti kollha jew, mill-inqas, ammont imdaqqas ta’ aspetti relatati ma’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali jnaqqas in-numru u l-intensità ta’ problemi tipiċi fir-rikostruzzjoni tas-sistema legali tagħha.
( 52 ) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, SEC(2009) 410, p. 12. Jista’ jingħad li l-Artikolu 75(1) [l-Artikolu 45(1) fil-proposta tal-Kummissjoni, COM(2009) 154 final], ġie adottat ukoll bl-għarfien li ċ-ċaħda tas-soluzzjoni f’livell wieħed f’diversi Stati Membri kienet (hija) ukoll is-soluzzjoni fi ftehimiet internazzjonali konklużi ma’ Stati terzi.
( 53 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755), punt 43; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485), punti 54 sa 56; tas‑7 ta’ April 2022, V A u Z A (Ġurisdizzjoni sussidjarja fil-qasam tas-suċċessjoni) (C‑645/20, EU:C:2022:267), punt 38; tad‑9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis) (C‑277/20, EU:C:2021:708), punt 33.
( 54 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni internazzjonali u liġi applikabbli għas-suċċessjoni) (C‑80/19, EU:C:2020:569), punt 41.
( 55 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755); tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C-20/17, EU:C:2018:485); tad‑9 ta’ Settembru 2021, UM (Kuntratt li jittrasferixxi proprjetà causa mortis) (C‑277/20, EU:C:2021:708). F’dawn il-kawżi, l-alternattiva għar-Regolament kienet tkun liġi nazzjonali, u mhux strument Ewropew ieħor.
( 56 ) Sentenza tas‑7 ta’ April 2022, V A u Z A (Ġurisdizzjoni sussidjarja fil-qasam tas-suċċessjoni) (C-645/20, EU:C:2022:267), punt 37.
( 57 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni internazzjonali u liġi applikabbli għas-suċċessjoni) (C‑80/19, EU:C:2020:569), punt 69; tas‑7 ta’ April 2022, V A u Z A (Ġurisdizzjoni sussidjarja fil-qasam tas-suċċessjoni) (C‑645/20, EU:C:2022:267), punti 44 u‑45.
( 58 ) Premessa 28 in fine u l-premessa 32; l-Artikolu 13.
( 59 ) Artikolu 12(1).
( 60 ) Ukoll, fil-każijiet rari li fihom il-liġi normalment applikabbli għandha tagħti lok għal liġi oħra bis-saħħa tal-klawżola ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 21(2).
( 61 ) Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti: jekk l-għażla tal-liġi mitluba minn OP tiġi aċċettata, in-nutar Pollakka u, eventwalment, imħallef, għandhom japplikaw liġi barranija.
( 62 ) L-Artikoli 5 sa 7.
( 63 ) Pereżempju, il-ħatra u s-setgħat tal-amministraturi tal-wirt f’ċerti sitwazzjonijiet: il-premessa 44 u l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 650/2012.
( 64 ) Il-premessa 54 u l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 650/2012.
( 65 ) Il-kliem ta’ dan l-artikolu ma dehrux fil-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni [COM(2009) 154 final]. L-inklużjoni sussegwenti tagħhom ma tidhirx li hija spjegata fir-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, tas‑6 ta’ Marzu 2013, dokument A7‑0045/2012.
( 66 ) B’mod grafiku ħafna, A. Bonomi, “Successions internationales: conflits de lois et de juridictions”, Cursos de la Academia de La Haya de Derecho Internacional, vol. 350, p. 71 sa 418, speċjalment p. 107 sa 108: “La prétention d’un Etat étranger à soumettre, selon l’approche unitaire, les immeubles à la loi nationale ou à la loi du dernier domicile (ou de la dernière résidence habituelle) du de cujus, est […] entièrement irréaliste” [Il-pretensjoni ta’ Stat barrani li jissuġġetta, skont l-approċċ unitarju, il-proprjetà immobbli għal-liġi nazzjonali jew għal-liġi tal-aħħar domiċilju (jew tal-aħħar residenza abitwali) tad-de cujus, hija […] kompletament irrealista [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 67 ) Il-possibbiltajiet li s-suċċessjoni ta’ dawn l-assi tiġi suġġetta għal din il-liġi, inkwantu lex rei sitae u minħabba li din għandha din il-kwalità, huma limitati. L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 juri dan: meta d-dritt in rem invokat bis-saħħa tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma jeżistix fis-sistema legali tal-Istat Membru li fih ikun invokat (li, normalment, ikun dak fejn tinsab il-proprjetà li fuqha jaqa’ d-dritt), il-lex rei sitae ma tissostitwixxix il-lex successionis; huma l-Istati Membri li għandhom id-dmir li jiżguraw il-kontinwità tad-dritt in rem li ma huwiex magħruf, permezz tal-adattament tiegħu għad-dritt in rem l-iktar qrib dak fis-sistema legali tagħhom stess.
( 68 ) Iż-żewġ raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent huma inklużi fl-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni bilaterali bejn il-Polonja u l-Ukraina tal‑24 ta’ Mejju 1993.
( 69 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852), punti 119 u 121.
( 70 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari (C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854), fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), u l-Konvenzjoni bejn l-Isvizzera u l-Ġermanja dwar il-protezzjoni reċiproka tal-brevetti, trade marks u disinni, iffirmata f’Berlin fit‑13 ta’ April 1892, kif emendata.
( 71 ) Fost oħrajn, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari (C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854), punt 67; tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852), punt 122.
( 72 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari (C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854), punt 68.
( 73 ) Loc. ult. cit., punti 69 u 72.
( 74 ) F’dan il-kuntest, il-Ftehim bilaterali jista’ jiġi interpretat (sakemm, nerġa’ nirrepeti, tali interpretazzjoni tkun konformi mad-dritt internazzjonali) fis-sens li n-nuqqas ta’ riferiment għall-għażla tal-liġi mid-deċedut huwa ekwivalenti għal indifferenza f’dan ir-rigward, li jħalli lil kull Stat parti għall-Ftehim ħieles sabiex jirregola dan il-punt kif jidhirlu li huwa xieraq.