DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

10 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni fil-qasam tal-kumpens u tal-assistenza lill-passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘trasportatur tal-ajru li jopera’ – Titjira bbukkjata ma’ operatur tat-tours – Titjira allegatament ineżistenti”

Fil-Kawża C‑607/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Settembru 2022, fil-kawża

Eurowings GmbH

vs

Flightright GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU 2004, L 46, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eurowings GmbH, trasportatur tal-ajru, u Flightright GmbH, li passiġġieri tal-ajru ttrasferixxewlha d-drittijiet tagħhom għal kumpens li dawn hemm imnejn ikollhom, dwar il-kumpens mitlub minn Flightright minħabba allegat kanċellazzjoni tat-titjira bbukkjata minn dawn il-passiġġieri.

Il‑kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)

‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

[…]”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

(i)

huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma informati [ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

4.   L-onus tal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[…]

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

6

Flightright, li lilha ġew ittrasferiti minn passiġġieri tal-ajru d-drittijiet li dawn jista’ jkollhom għal kumpens, talbet mingħand Eurowings kumpens fl-ammont totali ta’ EUR 1600, skont l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

7

Dawn il-passiġġieri kienu bbukkjaw ma’ operatur tat-tours pakkett tal-ivvjaġġar li jinkludi trasport bl-ajru lejn Mallorca (Spanja). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn dan l-operatur tat-tours, l-imsemmija passiġġieri kellhom jiġu ttrasportati fl‑14 ta’ Lulju 2018 fuq it-titjira bin-numru EW6850, li kellha tkun operata minn Eurowings, bi tluq previst fit-19.45 minn Palma de Mallorca (Spanja) u nżul previst fl-22.15 f’Hannover (il-Ġermanja). Madankollu, Eurowings ma operatx din it-titjira, b’tali mod li l-istess passiġġieri waslu f’Hannover fil‑15 ta’ Lulju 2018 fis-2.22, b’titjira differenti bin-numru DE1529.

8

Eurowings issostni li hija qatt ma skedat titjira bin-numru EW6850 li titlaq minn Palma de Mallorca fl‑14 ta’ Lulju 2018 u tasal Hannover. Peress li tali titjira qatt ma eżistiet, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

9

Flightright ressqet azzjoni quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) intiża għall-ħlas tal-kumpens previst minn dan ir-regolament. Din il-qorti laqgħet din l-azzjoni, minħabba li l-passiġġieri kkonċernati kellhom riżerva kkonfermata, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għat-titjira bin-numru EW6850, li titlaq minn Palma de Mallorca u tasal Hannover. Hija qieset li d-dikjarazzjoni ġenerali ta’ Eurowings, li t-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali qatt ma eżistiet, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit li tintwera r-raġuni għalfejn il-konferma ta’ riżerva semmiet titjira u numru ta’ titjira speċifiku.

10

Peress li Eurowings appellat mis-sentenza tal-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) quddiem il-qorti tar-rinviju, il‑Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il‑Ġermanja), din tal-aħħar tistaqsi jekk trasportatur tal-ajru jistax jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, anki jekk, skont dan it-trasportatur tal-ajru, it-titjira bbukkjata permezz ta’ operatur tat-tours qatt ma kienet skedata.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(b) tar-Regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘trasportatur tal-ajru li jopera’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta’ passiġġier li jkun ikkonkluda kuntratt ma’ operatur tat-tours għal titjira speċifika operata minn dan it-trasportatur tal-ajru mingħajr ma l-imsemmi trasportatur tal-ajru jkun qatt skeda titjira b’dan in-numru u b’din id-data, jiġifieri fejn tali titjira ma tkun qatt eżistiet?”

Fuq id‑domanda preliminari

12

Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għad-domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

13

Hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni f’din il-kawża.

14

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru jista’ jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-passiġġier ikun ikkonkluda kuntratt ma’ operatur tat-tours għal titjira speċifika, b’numru tat-titjira u data, li suppost hija operata minn dan it-trasportatur tal-ajru mingħajr ma dan tal-aħħar ikun qatt skeda titjira b’dan in-numru u b’din id-data.

15

Skont l-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” għandu jinftiehem bħala li jfisser “trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

16

Għalhekk, din id-definizzjoni tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex trasportatur tal-ajru jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, marbuta, minn naħa, mat-twettiq tat-titjira inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, mal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż ma’ passiġġier (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 18).

17

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, din tenfasizza l-kunċett ta’ “titjira” li jikkostitwixxi l-element ċentrali tagħha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala “operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, ‘unità’ ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu” (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Minn dan isegwi li għandu jitqies bħala t-trasportatur tal-ajru li jopera t-trasportatur li, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ trasport ta’ passiġġieri, jieħu d-deċiżjoni li jopera titjira partikolari, inkluż jistabbilixxi kemm l-itinerarju kif ukoll il-ħinijiet tagħha u, b’dan il-mod, jikkostitwixxi, għall-persuni kkonċernati, offerta ta’ trasport bl-ajru. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni timplika fil-fatt li dan it-trasportatur jassumi r-responsabbiltà għat-twettiq tal-imsemmija titjira, inkluż, b’mod partikolari, kwalunkwe kanċellazzjoni jew dewmien twil mal-wasla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 20).

19

Issa, meta trasportatur tal-ajru ma jiħux tali deċiżjoni li jopera titjira speċifika u ma jikkostitwixxix offerta ta’ trasport bl-ajru, ma jistax jitqies li dan it-trasportatur tal-ajru kellu l-intenzjoni li jopera tali titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, b’tali mod li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

20

Madankollu, għandha tinsilet distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u dik li fiha tkun teżisti offerta kkostitwita mit-trasportatur tal-ajru, iżda tkun is-suġġett ta’ bidliet sussegwenti min-naħa ta’ dan it-trasportatur, li jagħtu lok, jekk ikun il-każ, għal dewmien jew għal kanċellazzjoni tat-titjira.

21

Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li trasportatur tal-ajru li kkostitwixxa offerta ta’ trasport bl-ajru li tikkorrispondi għal dik ta’ operatur tat-tours fil-kuntest tar-relazzjoni tiegħu ma’ passiġġier, anki jekk jistgħu jsiru xi bidliet fir-rigward ta’ din l-offerta, għandu jitqies li għandu l-intenzjoni li jopera titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, b’tali mod li jista’ jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Azurair et, C‑146/20, C‑188/20, C‑196/20 u C‑270/20, EU:C:2021:1038, punti 5962).

22

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha, li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 18 sa 21 ta’ dan id-digriet, Eurowings kinitx ikkostitwixxiet xi offerta ta’ trasport bl-ajru jew kinitx ikkostitwixxiet offerta li hija kienet, skont il-każ, sussegwentement emendat.

23

Għandu jingħad ukoll li fl-ipoteżi li t-trasportatur tal-ajru ma jkollux il-kwalità ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, b’tali mod li ma huwiex responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens skont dan ir-regolament, il-passiġġier ma jitlifx madankollu d-dritt li, konformement mad-dritt nazzjonali, iħarrek lill-parti kontraenti tiegħu, jiġifieri, f’dan il-każ, l-operatur tat-tours, sabiex jitlob kumpens għad-dannu li huwa jġarrab minħabba l-aġir ta’ dan l-operatur.

24

Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur tal-ajru ma jistax jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-passiġġier ikun ikkonkluda kuntratt ma’ operatur tat-tours għal titjira speċifika, b’numru tat-titjira u data, li suppost hija operata minn dan it-trasportatur tal-ajru mingħajr ma dan tal-aħħar ikun qatt skeda titjira b’dan in-numru u b’din id-data, iżda jista’ jitqies bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta jikkostitwixxi offerta li, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ bidliet sussegwenti min-naħa ta’ dan it-trasportatur.

Fuq l‑ispejjeż

25

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

trasportatur tal-ajru ma jistax jiġi kklassifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-passiġġier ikun ikkonkluda kuntratt ma’ operatur tat-tours għal titjira speċifika, b’numru tat-titjira u data, li suppost hija operata minn dan it-trasportatur tal-ajru mingħajr ma dan tal-aħħar ikun qatt skeda titjira b’dan in-numru u b’din id-data, iżda jista’ jitqies bħala “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta jikkostitwixxi offerta li, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ bidliet sussegwenti min-naħa ta’ dan it-trasportatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.