SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)
9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Artikolu 3(2)(a) – Evalwazzjoni ambjentali – Att mhux statutorju ppreparat minn kunsill komunali u minn kuntrattur – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Artikolu 3(1) – Obbligu ta’ identifikazzjoni, ta’ deskrizzjoni u ta’ evalwazzjoni b’mod xieraq, skont kull każ partikolari, tal-effetti diretti u indiretti ta’ proġett – Linji Gwida Ministerjali vinkolanti dwar l-għoli tal-bini”
Fil-Kawża C‑9/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura
NJ,
OZ
vs
An Bord Pleanála,
Ireland,
Attorney General,
fil-preżenza ta’:
DBTR‑SCR1 Fund, a Sub Fund of TWTC Multi‑Family ICAV
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal NJ u OZ, minn P. Bland, SC, u M. O Donnell, BL, awtorizzati minn O. Clarke, solicitor, |
|
– |
għall-An Bord Pleanála, minn B. Foley, SC, S. Hughes, BL, awtorizzati minn R. E. Minch, SC, u A. Whittaker, solicitor, |
|
– |
għal Ireland u għall-Attorney General, minn M. Browne, C. Dullea, A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. Egan McGrath, BL, u N. J. Travers, SC, |
|
– |
għad-DBTR‑SCR1 Fund, a Sub Fund of TWTC Multi‑Family ICAV, minn A. Carroll, BL, J. Kelly, solicitor u R. Mulcahy, SC, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll‑Ehlers, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157), kif ukoll tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”) |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, NJ u OZ u, min-naħa l-oħra, l-An Bord Pleanála (l-Aġenzija tal-Ippjanar Territorjali, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), Ireland (l-Irlanda) u l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) dwar proġett ta’ kostruzzjoni ta’ djar residenzjali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2001/42
|
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42, bit-titolu “Għanijiet”: “L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi: “1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
[…] 3. Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, bit-titolu “Teħid tad-deċiżjonijiet”, jipprovdi: “Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat skond l-Artikolu 5, l-opinjonijiet espressi skond l-Artikolu 6 u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet bejn it-transkonfini skond l-Artikolu 7għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni matul il-preparazzjoni tal-pjan jew programm u qabel l-adozzjoni tiegħu jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.” |
Id‑Direttiva 2011/92
|
7 |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.” |
|
8 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali, l-effetti sinifikattivi, diretti u indiretti, ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:
|
|
9 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, din ħassret id-Direttiva 85/337. Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu, “[r]eferenzi għad-Direttiva [85/337] għandhom jinftiehmu bħala referenzi għa[d-Direttiva 2011/92]”. |
Id‑dritt Irlandiż
|
10 |
Skont l-Artikolu 15(1) tal-Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp Territorjali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2000”): “Huwa d-dmir ta’ awtorità tal-ippjanar li tieħu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tal-pjan relatat mal-ippjanar.” |
|
11 |
L-Artikolu 28 tal-Liġi tal‑2000, bit-titolu “Linji Gwida Ministerjali”, jipprevedi: “(1) Il-Ministru jista’, f’kull mument, jindirizza lill-awtoritajiet tal-ippjannar Linji Gwida dwar waħda mill-funzjonijiet tagħhom taħt din il-liġi u l-awtoritajiet tal-ippjanar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-linji gwida fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. […] (1C) Bla ħsara għall-ġeneralità tal-paragrafu 1, il-Linji Gwida msemmija f’dan il-paragrafu jistgħu jinkludu rekwiżiti speċifiċi fil-qasam tal-politika tal-ippjanar li magħhom l-awtoritajiet tal-ippjanar, l-assemblej reġjonali u [l-Aġenzija] għandhom jikkonformaw fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. (2) Jekk ikun il-każ, [l-Aġenzija] għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-Linji Gwida indirizzati lill-awtoritajiet tal-ippjanar skont il-paragrafu 1 fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. […]” |
|
12 |
Il-Parti X tal-Liġi tal‑2000, bit-titolu “Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”, hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2011/92 fl-ordinament ġuridiku Irlandiż u tipprevedi, għalhekk, ir-regoli dwar it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
13 |
Fil‑25 ta’ Mejju 2020, id-DBTR‑SCR1 Fund, a sub Fund of TWTC Multi‑Family ICAV (iktar ’il quddiem id-“DBTR”), applika għal permess għal proġett ta’ kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni residenzjali li tinkludi 416 unità residenzjali maqsuma f’ħames binjiet ta’ minn 2 sulari sa 16‑il sular, tagħmir għall-kerrejja, spazji miftuħa komuni, ċentri għall-kura tat-tfal, żoni kummerċjali u faċilitajiet anċillari fuq is-sit ta’ fabbrika preċedenti magħluqa, li tinsab fin-nofsinhar taċ-ċentru tal-belt ta’ Dublin (l-Irlanda). |
|
14 |
Fl‑20 ta’ Awwissu 2020, l-ispettur prinċipali tal-ippjanar tal-Aġenzija rrakkomanda ċ-ċaħda tal-applikazzjoni. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2020, l-Aġenzija madankollu tat il-permess mitlub, bla ħsara għal lista ta’ 24 kundizzjoni. |
|
16 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni. Huma jfittxu wkoll li jiksbu dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 28 tal-Liġi tal‑2000 inkwantu dan imur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
|
17 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, minn naħa, li d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2020 tikser id-Direttiva 2001/42 sa fejn din hija bbażata fuq il-pjan gwida tal-iStrategic Development and Regeneration Area (SDRA) 12 – St Teresa’s Gardens and Environs (iż-Żona ta’ Żvilupp Strateġiku U Ta’ Riġenerazzjoni 12, Ġonna ta’ Santa Tereża U Nħawi) (iktar ’il quddiem il-“pjan gwida”). Fil-fatt, dan il-pjan gwida ma kienx is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali, minkejja r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-direttiva. |
|
18 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pjan gwida tfassal b’mod konġunt mill-konsulenti tad-DBTR u mid-Dublin City Council (il-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin, l-Irlanda) u li dan ġie adottat minn dan tal-aħħar. |
|
19 |
Barra minn hekk, it-tfassil ta’ pjan gwida huwa espressament previst mid-Dublin City Development Plan 2016‑2022 (il-Pjan Ta’ Żvilupp Ta’ Dublin 2016–2022), li jipprovdi, fil-punt 2.2.8.1 tiegħu, li “[i]l-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin għandu jipprepara linji gwida speċifiċi għaż-żona għaż-żoni ta’ żvilupp strateġiku u ta’ riġenerazzjoni u għaċ-ċentri prinċipali tal-kwartier, billi juża […] pjanijiet gwida skematiċi […]”. |
|
20 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm il-pjan gwida ma huwiex strument ġuridiku vinkolanti, dan huwa madankollu espressament previst minn strument vinkolanti li t-tfassil tiegħu huwa previst mil-Liġi tal‑2000, jiġifieri l-Pjan Ta’ Żvilupp Ta’ Dublin 2016‑2022. Barra minn hekk, dan il-pjan ta’ żvilupp, min-naħa tiegħu, kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali. |
|
21 |
Fl-aħħar, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pjan gwida jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ żviluppi li ma humiex konformi mal-imsemmi pjan ta’ żvilupp, b’tali mod li dan ikun jirriżulta f’deroga minn dan tal-aħħar, b’mod partikolari fil-qasam tal-għoli tal-bini. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, l-obbligu legali, previst fl-Artikolu 28(1C) tal-Liġi tal‑2000, li skontu l-Aġenzija hija meħtieġa tikkonforma ruħha ma’ linji gwida Ministerjali, f’dan il-każ l-Urban Development and Building Heights Guidelines for Planning Authorities (December 2018) (il-Linji Gwida Dwar l-Ippjanar Urban U Dwar l-Għoli tal-Bini Indirizzati lill-Awtoritajiet tal-Ippjanar (Diċembru 2018), iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2018”) u, b’mod partikolari, mal-iSpecific Planning Policy Requirement 3 tagħhom (ir-Rekwiżit Speċifiku ta’ Politika tal-Ippjanar tat-Territorju Nru 3, iktar ’il quddiem ir-“Rekwiżit Speċifiku Nru 3”), jikser id-Direttiva 2011/92. |
|
23 |
Mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Linji Gwida tal‑2018 ġew adottati bil-għan ta’ tbegħid minn mudelli ta’ żvilupp b’konsum għoli ta’ enerġija u li jinħolqu bliet iktar imħallta, iktar dinamiċi u iktar sostenibbli. Għal dan il-għan, fil-punt 3.1 ta’ dawn il-linji gwida huwa stabbilit li, “[f[ir-rigward tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal żvilupp individwali u tal-appelli, il-politika governattiva hija li l-għoli tal-bini għandu b’mod ġenerali jiżdied fiż-żoni urbani xierqa. Għalhekk teżisti preżunzjoni favur bini iktar għoli fiċ-ċentri tal-ibliet tagħna u f’żoni urbani oħra moqdija tajjeb mit-trasport pubbliku”. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva għalhekk li l-imsemmija linji gwida, li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42, joriġinaw minn politika motivata prinċipalment, għalkemm mhux esklużivament, minn kunsiderazzjonijiet mhux ambjentali. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda
|
26 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li pjan ikun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta, l-ewwel, ikun tħejja minn awtorità fuq livell lokali b’kollaborazzjoni ma’ żviluppatur ikkonċernat minn dan il-pjan u jkun ġie adottat minn din l-awtorità, it-tieni, ikun ġie adottat abbażi ta’ dispożizzjoni inkluża f’pjan jew programm ieħor u, it-tielet, ikun jipprevedi żviluppi differenti minn dawk previsti fi pjan jew programm ieħor. |
|
27 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-“pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, bħala dawk li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fih, jiġifieri, minn naħa, li jkunu tħejjew u/jew ġew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew tħejjew minn awtorità bil-għan tal-adozzjoni tagħhom mill-Parlament jew mill-Gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva (l-ewwel kundizzjoni) u, min-naħa l-oħra, li jkunu meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi (it-tieni kundizzjoni) (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern, C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Peress li l-pjan gwida ġie adottat mill-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin, li huwa awtorità lokali, din l-ewwel kundizzjoni għandha titqies bħala li hija ssodisfatta f’dan il-każ. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li dan il-pjan tfassal b’mod konġunt mill-konsulenti tad-DBTR u mill-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin huwa irrilevanti, peress li l-pjan għandu, skont il-kliem tal-imsemmija l-ewwel kundizzjoni, ikun “[…] [suġġett] għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali”. |
|
30 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għat-tħejjija tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tal-iskop tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, u sabiex tiġi ppreżervata l-effett utli tiegħu, pjan jew programm għandu jitqies bħala li huwa “meħtieġ” meta fid-dritt nazzjonali tkun teżisti bażi legali speċifika li tkun tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jadottawh, anki jekk din l-adozzjoni ma tkunx ta’ natura obbligatorja (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern, C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Sa fejn din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax biss il-pjanijiet u l-programmi meħtieġa jew irregolati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari, iżda wkoll dawk li huma meħtieġa jew irregolati minn dispożizzjonijiet amministrattivi, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tkopri wkoll, bħala prinċipju, pjanijiet adottati abbażi ta’ bażi legali prevista fi pjan ieħor, bħal, f’dan il-każ, il-Pjan Ta’ Żvilupp Ta’ Dublin 2016‑2022. |
|
32 |
Hekk kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea, jekk il-pjanijiet u l-programmi adottati minn awtoritajiet fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, bħal dan il-pjan ta’ żvilupp, kienu, bħala prinċipju, esklużi mill-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, l-Istati Membri jkunu jistgħu faċilment jevitaw l-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali billi jipprevedu fi pjan jew fi programm, pereżempju, li ċerti elementi tal-kuntest li dan il-pjan jew dan il-programm ikun intiż li jiddefinixxi ser jiġu ddefiniti f’dokument ieħor. |
|
33 |
Barra minn hekk, hekk kif jirrilevaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 15(1) tal-Liġi tal‑2000, huwa d-dmir tal-awtoritajiet tal-ippjanar li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan ta’ żvilupp. |
|
34 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, pjan adottat abbażi ta’ bażi legali prevista fi pjan bħall-Pjan Ta’ Żvilupp ta’ Dublin 2016‑2022 jista’ jikkostitwixxi pjan li l-adozzjoni tiegħu hija rregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, anki, fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi tal‑2000, pjan meħtieġ minn tali dispożizzjonijiet. |
|
35 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-pjan gwida jistax jitqies bħala li ġie adottat abbażi tad-dispożizzjoni tal-Pjan Ta’ Żvilupp Ta’ Dublin 2016‑2022 iċċitata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. |
|
36 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u għall-programmi kollha li jkunu jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri jkunu tħejjew għas-setturi previsti minn din id-dispożizzjoni (l-ewwel kundizzjoni) u jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 tista’ tiġi awtorizzata fil-futur (it-tieni kundizzjoni). |
|
37 |
Peress li l-pjan gwida jirrigwarda s-setturi tal-ippjanar tat-territorju urban u/jew tal-użu tal-artijiet u peress li dawn is-setturi huma msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, l-ewwel kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni tidher li hija ssodisfatta. |
|
38 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern, C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jinkludi mhux biss it-tħejjija tagħhom, iżda wkoll il-modifika tagħhom, sabiex b’hekk jiġi żgurat li dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2019, CFE, C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Konformement mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42, dan il-kunċett jinkludi wkoll, bħala prinċipju, modifiki minuri tal-pjanijiet u tal-programmi msemmija f’dan l-Artikolu 3(2). Fil-fatt, fir-rigward b’mod partikolari ta’ tali modifiki minuri, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu jekk dawn jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
|
41 |
B’hekk, l-imsemmi kunċett għandu neċessarjament jinkludi wkoll atti li, mingħajr ma jimmodifikaw pjan jew programm, jippermettu madankollu li ssir deroga minn ċerti elementi tal-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 tkun tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, hekk kif iddefinit minn dan il-pjan jew minn dan il-programm. |
|
42 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42, din hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tħejjija u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi bil-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli billi tipprevedi li, skont din id-direttiva, ċerti pjanijiet u programmi li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali. |
|
43 |
Issa, dan l-għan ikun kompromess kieku kien possibbli li ssir deroga mill-qafas iddefinit minn pjan jew minn programm li kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali, fis-sens tad-Direttiva 2001/42, u tħejja b’teħid inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, tat-tagħlim li jirriżulta minn din l-evalwazzjoni, mingħajr ma tali deroga tkun suġġetta, tal-inqas, għall-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, li jiġi stabbilit jekk din id-deroga jistax ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
|
44 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, qabel l-adozzjoni tal-pjan gwida, l-iżvilupp futur taż-żona inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien is-suġġett tal-Pjan Ta’ Żvilupp Ta’ Dublin 2016–2022 kif ukoll ta’ pjan qafas ta’ żvilupp, adottat mill-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin f’Lulju 2017 u li l-għan tiegħu kien, skont il-kliem tiegħu stess, li “jiġu riflessi r-rekwiżiti u l-prinċipji [ta’ dan il-Pjan Ta’ Żvilupp Ta’ Dublin 2016‑2022] fl-ippjanar u fl-iżvilupp [taż-żona inkwistjoni fil-kawża prinċipali]”. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li, għalkemm dan il-pjan qafas kien jinkludi proposta għal park ta’ 0.2 ettaru fi ħdan din iż-żona, il-pjan gwida jipprevedi t-tneħħija ta’ dan l-ispazju pubbliku. |
|
46 |
Min-naħa l-oħra, din il-qorti tirrileva li, għalkemm il-pjan gwida ma jimmodifikax formalment il-Pjan Ta’ Żvilupp Ta’ Dublin 2016‑2022, dan jipprevedi li jiġu awtorizzati żviluppi mhux konformi ma’ dan tal-aħħar u jwassal fir-realtà għal deroga minnu sa fejn dan jipprevedi espressament sett differenti ta’ żviluppi, b’mod partikolari fil-qasam tal-għoli tal-bini. |
|
47 |
Tali elementi jistgħu jiġu analizzati fis-sens li l-pjan gwida jikkostitwixxi pjan jew programm li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42, sakemm ma għandux jitqies, jekk ikun il-każ, li dawn l-elementi diġà jirriżultaw minn atti oħra li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali fis-sens ta’ din id-direttiva, bħal-Linji Gwida tal‑2018. |
|
48 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-pjan gwida ma huwiex “vinkolanti fih innifsu”. |
|
49 |
Issa, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, dispożizzjonijiet ta’ valur purament indikattiv ma jissodisfawx it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42. Sabiex din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, dawn għandhom tal-inqas ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal proġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’AALTER u f’NEVELE), C‑24/19, EU:C:2020:503, punti 76 u 77). |
|
50 |
Fil-fatt, huma biss l-atti ta’ natura obbligatorja li jistgħu jillimitaw il-marġni ta’ manuvra li dawn l-awtoritajiet għandhom u b’hekk li jeskludu mill-modalitajiet tal-implimentazzjoni proġetti li jistgħu jkunu iktar favorevoli għall-ambjent, raġuni li għaliha tali atti għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali fis-sens tad-Direttiva 2001/42. |
|
51 |
Minn dan isegwi li huwa biss jekk, skont id-dritt Irlandiż, il-pjan gwida jkun impost fuq l-awtorità kompetenti sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Aġenzija, fatt li għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju, li jkun neċessarju li jitqies, suġġett għar-riżerva msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li dan il-pjan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 u li għalhekk kellu jkun suġġett, tal-inqas, għall-obbligu, li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxu jekk dan jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
|
52 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2001/42 għandhom jiġu interpretati fis-sens li pjan ikun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta, l-ewwel, ikun tħejja minn awtorità fuq livell lokali b’kollaborazzjoni ma’ żviluppatur ikkonċernat minn dan il-pjan u jkun ġie adottat minn din l-awtorità, it-tieni, ikun ġie adottat abbażi ta’ dispożizzjoni inkluża fi pjan jew programm ieħor u, it-tielet, ikun jipprevedi żviluppi differenti minn dawk previsti fi pjan jew programm ieħor, bil-kundizzjoni madankollu li dan ikun tal-inqas ta’ natura vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal proġetti. |
Fuq ir‑raba’ domanda
|
53 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2011/92 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, meta huma jiddeċiedu jekk jagħtux jew le awtorizzazzjoni għal proġett, jaġixxu b’mod konformi ma’ linji gwida li jeżiġu ż-żieda, jekk ikun possibbli, tal-għoli tal-bini u li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42. |
|
54 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkritikaw lill-Aġenzija li ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha tal‑14 ta’ Settembru 2020, il-Linji Gwida tal‑2018. |
|
55 |
Hekk kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, dawn il-linji gwida huma intiżi, essenzjalment, li jżidu l-għoli tal-bini f’ċerti żoni urbani. Huwa f’dan il-kuntest li dawn jipprevedu r-Rekwiżit Speċifiku Nru 3, li jipprovdi: “Il-politika tal-ippjanar tat-territorju tirrikjedi speċifikament li:
l-awtorità tal-ippjanar tat-territorju tista’ tapprova dan l-iżvilupp, anki meta għanijiet speċifiċi tal-pjan ta’ żvilupp jew tal-pjan lokali rilevanti ikunu jindikaw il-kuntrarju. […]”. |
|
56 |
Taħt l-Artikolu 28(1C) tal-Liġi tal‑2000, l-awtoritajiet tal-ippjanar għandhom barra minn hekk l-obbligu, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, li jikkonformaw ruħhom ma’ rekwiżiti speċifiċi bħal dan ir-Rekwiżit Speċifiku Nru 3. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, jista’ jkun hemm regoli jew rekwiżiti li għalihom ikun suġġett it-tfassil ta’ proġetti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2011/92 u li jistgħu, jekk ikun il-każ, jeskludu ċerti għażliet, anki dawk iktar favorevoli, fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, għall-ambjent. |
|
58 |
Din hija r-raġuni għaliex id-Direttiva 2001/42 ġiet adottata, hekk kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju tagħha. Fil-fatt, mill-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM(96) 511 final) (ĠU 1997, C 129, p. 14) jirriżulta li l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/42 kienet immotivata, b’mod partikolari, mill-fatt li l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 kienet uriet li, fil-mument tal-evalwazzjoni ta’ proġetti, effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent kienu diġà ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ miżuri tal-ippjanar tat-territorju preċedenti u li, konsegwentement, għalkemm kien possibbli li dawn l-effetti jiġu studjati fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, ma kienx iktar possibbli li dawn jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni waqt l-awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, b’mod li kien jirriżulta iktar prudenti li tali effetti jiġu eżaminati fl-istadju tal-miżuri preparatorji u li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest. |
|
59 |
Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-Linji Gwida tal‑2018 kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali fis-sens tad-Direttiva 2001/42. |
|
60 |
It-tieni, minn naħa, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, f’dawn il-linji gwida, huwa enfasizzat li, “[s]abiex jiġu ssostanzjati l-proposti […], jistgħu jkunu meħtieġa evalwazzjonijiet speċifiċi u dawn jistgħu jinkludu […] rekwiżiti rilevanti fil-qasam tal-evalwazzjoni ambjentali, inkluża, skont il-każ, [evalwazzjoni ambjentali strateġika fis-sens tad-Direttiva 2001/42], [evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 2011/92], evalwazzjoni xierqa [fis-sens tad-Direttiva 92/43] u evalwazzjoni tal-impatt ekoloġiku”. |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, ma jidhirx, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-obbligu previst fl-Artikolu 28(1C) tal-Liġi tal‑2000, għall-awtoritajiet tal-ippjanar, li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti speċifiċi fil-qasam tal-politika ta’ żvilupp, eventwalment inklużi f’linji gwida bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jinterferixxi, b’mod jew ieħor, mal-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti Irlandiżi taħt il-Parti X ta’ din il-liġi, li hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2011/92 fl-ordinament ġuridiku Irlandiż, u b’mod partikolari mal-obbligu, previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ identifikazzjoni, ta’ deskrizzjoni u ta’ evalwazzjoni b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ partikolari, tal-effetti sinjifikattivi, diretti u indiretti, ta’ proġett fuq il-fatturi kollha elenkati f’din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
62 |
Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, jidher li jirriżulta mill-formulazzjoni tar-Rekwiżit Speċifiku Nru 3, sa fejn dan jindika li l-awtorità tal-ippjanar tat-territorju “tista’” tapprova żvilupp, li dan ir-rekwiżit ma huwiex ta’ natura assoluta u għalhekk ma jeħtieġx li jiżdied l-għoli tal-bini, meta mqabbel mal-għoli eventwalment previst fil-pjan ta’ żvilupp applikabbli, fi kwalunkwe każ, fatt li madankollu għandu wkoll jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 2011/92 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, meta huma jiddeċiedu jekk jagħtux jew le awtorizzazzjoni għal proġett, jaġixxu b’mod konformi ma’ linji gwida li jeżiġu ż-żieda, jekk ikun possibbli, tal-għoli tal-bini u li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42. |
Fuq l‑ispejjeż
|
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.