SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Kundizzjonijiet sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika minn status ta’ refuġjat – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 10(1)(e) u (2) – Raġunijiet ta’ persekuzzjoni – Kunċetti ta’ ‘opinjoni politika’ u ta’ ‘opinjoni politika attribwita’ – Tentattivi ta’ applikant għall-ażil li jiddefendi ruħu, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, permezz ta’ mezzi legali kontra atturi mhux Statali li jaġixxu illegalment u li huma f’pożizzjoni li jistrumentalizzaw l-istrutturi repressivi tal-Istat ikkonċernat”
Fil-Kawża C‑280/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ April 2021, fil-proċedura
P.I.
vs
Migracijos departamentas prie Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerijos,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal P.I., minn L. Biekša, advokatas, |
|
– |
għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u A. Steiblytė, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn P.I. u l-Migracijos departamentas prie Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerijos (id-Dipartiment tal-Migrazzjoni fil-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem id-“Dipartiment tal-Migrazzjoni”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil P.I. l-istatus ta’ refuġjat. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
|
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), tipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tagħha, li t-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjoni politika tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
4 |
Il-premessi 4, 12, 16 u 29 tad-Direttiva 2011/95 jiddikjaraw:
[…]
[…]
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jirriproduċi, għall-finijiet tagħha, id-definizzjoni ta’ “refuġjat” mogħtija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“istatus ta’ refuġjat” bħala “ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat”. |
|
6 |
L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħala “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz […] għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja”, u l-Artikolu 2(i) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikant” bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz […] li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali”. |
|
7 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu: “3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…] 5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
8 |
L-Artikolu 6(a) u (c) tal-istess direttiva jidentifika bħala “atturi ta’ persekuzzjoni” l-Istat u l-“atturi mhux tal-Istat”, li fir-rigward tagħhom jista’ jintwera li l-Istat ma jistax jew ma jixtieqx jagħti protezzjoni kontra l-persekuzzjoni jew il-perikoli serji. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”: “1. Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:
2. Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’: […]
[…] 3. Bi qbil ma’ punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn.” |
|
10 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(e) u fil-paragrafu 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]
2. Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.” |
|
11 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.” |
Id-dritt Litwan
|
12 |
L-Artikolu 83(2) tal-Lietuvos Respublikos įstatymas dėl užsieniečių teisinės padėties Nr. IX‑2206 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Istatus Legali tal-Barranin Nru IX‑2206), tad‑29 ta’ April 2004 (Žin., 2004, Nru 73‑2539), li jittrasponi fid-dritt Litwan, b’mod partikolari, id-Direttiva 2011/95, jipprevedi, fil-verżjoni tagħha kif emendata bil-Liġi Nru XII‑1396 tad‑9 ta’ Diċembru 2014 (TAR, 2014, Nru 19923): “Meta jiġi stabbilit, matul l-eżami tal-applikazzjoni, li l-elementi relattivi għad-determinazzjoni tal-istatus tal-applikant għall-ażil ma jistgħux jiġu stabbiliti bi provi bil-miktub, minkejja l-isforzi sinċieri tiegħu, dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati għall-benefiċċju tal-applikant u l-applikazzjoni għall-ażil għandha titqies fondata, jekk din l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata mill-iktar fis possibbli, sakemm l-applikant ma jagħtix raġunijiet tajbin għaliex ma għamilx dan, jekk l-applikant għall-ażil ikun ippreżenta l-elementi rilevanti kollha li huwa għandu u pprovda spjegazzjoni sodisfaċenti dwar l-assenza ta’ evidenza oħra, u jekk id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jitqiesu plawsibbli u koerenti u ma humiex kontradetti mill-informazzjoni speċifika u ġenerali magħrufa u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu.” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
13 |
Fil‑15 ta’ Lulju 2019, P.I., ċittadin ta’ pajjiż terz, ippreżenta applikazzjoni għall-ażil mad-Dipartiment tal-Migrazzjoni. Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa espona li, fl‑2010, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa kien ikkonkluda kuntratt ta’ xiri ta’ azzjonijiet ma’ impriża miżmuma minn persuna marbuta mal-isferi tal-poter, inklużi s-servizzi ta’ intelligence. Huwa ħallas lil din l-impriża l-ammont ta’ 690000 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 647500). Peress li dan il-kuntratt ma ġiex eżegwit, P.I. talab lill-parti kontraenti l-oħra tħallsu lura dan l-ammont. Sussegwentement, huwa kien is-suġġett ta’ proċedura kriminali mibdija fuq l-inizjattiva tal-proprjetarju tal-imsemmija impriża u, f’Diċembru 2015, huwa kellu jirrinunzja għall-parti l-kbira ta’ proġett żviluppat mill-impriża tiegħu, li l-kontroll tagħha kien għadda għand ċerti impriżi li jappartjenu lil persuni oħra. |
|
14 |
Din il-proċedura kriminali ġiet sospiża f’Jannar 2016. Madankollu, wara t-tentattiv ta’ P.I. li jiddefendi ruħu quddiem il-qrati kontra l-qbid illegali tal-proġett tiegħu, din il-proċedura reġgħet infetħet, f’April 2016, bħala konsegwenza tax-xhieda ppreżentata kontra P.I. minn persuna marbuta mal-proprjetarji l-ġodda tal-impriża tiegħu. F’Diċembru 2016 u f’Jannar 2017, l-imsemmija proċedura kriminali wasslet għal digrieti ta’ akkuża u ta’ detenzjoni provviżorja ta’ P.I., li sadanittant itteħditlu l-parti tal-proġett li kien għad fadallu. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2020, id-Dipartiment tal-Migrazzjoni ċaħad l-applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ippreżentata minn P.I.. Fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu, dan id-dipartiment qies li, għalkemm kienu ġew identifikati u għalkemm kienu tqiesu li huma plawżibbli, ir-raġunijiet li jikkawżaw ir-riskju ta’ proċeduri kriminali u ta’ detenzjoni ma kienu jikkorrispondu għal ebda raġuni prevista fil-Konvenzjoni ta’ Genève, inkluża, b’mod partikolari, ir-raġuni dwar il-kunċett ta’ “opinjoni politika”. |
|
16 |
Wara ċ-ċaħda tar-rikors tiegħu ppreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), P.I. appella mis-sentenza ta’ dik il-qorti quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju. Huwa jikkontesta d-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Migrazzjoni, ikkonfermata fl-ewwel istanza, billi jsostni li, meta, bħal f’dan il-każ, l-atti ta’ persekuzzjoni jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti ma jkunux marbuta ma’ “attività politika”, fis-sens tradizzjonali, jew ma’ ideat politiċi espressi pubblikament, iżda jkunu marbuta mar-reżistenza opposta, permezz ta’ atti konkreti, għal grupp li jaġixxi illegalment u li jinfluwenza lill-Istat permezz tal-korruzzjoni, din ir-reżistenza taqa’ taħt il-kunċett ta’ “opinjoni politika”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, bħala “opinjoni politika attribwita”. Huwa jippreċiża li r-reat kriminali imputat lilu (estorsjoni sabiex jakkwista beni ta’ valur kbir ħafna li jappartjeni lil ħaddieħor) huwa fir-realtà kawża ċivili ta’ natura patrimonjali bejn operaturi ekonomiċi. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li P.I. ddikjara b’mod konsistenti, matul l-investigazzjoni kollha, li negozjanti marbuta mal-poter Statali permezz ta’ atti ta’ korruzzjoni kienu ħadu l-beni tiegħu, li, wara l-oppożizzjoni min-naħa tiegħu għall-operazzjoni kkonċernata, kienet infetħet proċedura kriminali kontrih, fuq l-inizjattiva ta’ wieħed minn dawn in-negozjanti u li din il-proċedura kriminali, intiża li tintimidah, wara li ġiet sospiża, kienet infetħet mill-ġdid wara tentattiv ta’ P.I. sabiex jiddefendi ruħu quddiem il-qrati u kienet wasslet b’mod partikolari għal digriet ta’ detenzjoni kontra tiegħu. Dik il-qorti żżid li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-ażil, prosekuzzjoni jew sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu atti ta’ persekuzzjoni jekk ikunu sproporzjonati u diskriminatorji u tippreċiża li jidhrilha probabbli li l-imsemmija proċedura kriminali kienet “infetħet artifiċjalment”, b’tali mod li, jekk jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, hemm mnejn P.I. jkompli jkun is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni. |
|
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-oppożizzjoni għal grupp li jopera illegalment u li huwa influwenti minħabba korruzzjoni li jopprimi lil applikant għal ażil permezz tal-makkinarju tal-Istat u li fir-rigward tiegħu difiża leġittima hija impossibbli minħabba l-korruzzjoni estensiva fl-Istat għandha titqies li hija ekwivalenti għal opinjoni politika attribwita [(bl-Ingliż ‘attributed political opinjon’)] fis-sens tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2011/95]?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
19 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “opinjoni politika” jkopri t-tentattivi ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(h) u (i) ta’ din id-direttiva, li jiddefendi l-interessi patrimonjali u ekonomiċi personali tiegħu permezz ta’ mezzi legali kontra atturi mhux Statali li jaġixxu illegalment, meta dawn, minħabba r-rabtiet li għandhom mal-Istat ikkonċernat minħabba l-korruzzjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistrumentalizzaw l-istrutturi repressivi ta’ dan tal-aħħar għad-detriment ta’ dan l-applikant. |
|
20 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2011/95, kif tiddikjara l-premessa 12 tagħha, ġiet adottata sabiex, b’mod partikolari, l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. |
|
21 |
Din id-direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, b’osservanza mhux biss tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tikkostitwixxi l-ġebla tax-xewka tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati, kif imfakkar fil-premessa 4 tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll, kif jirriżulta mill-premessa 16 tal-istess direttiva, b’rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punti 19 u 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, il-kunċett ta’ “refuġjat” ikopri, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tiegħu, mar-reliġjon tiegħu, man-nazzjonalità tiegħu, mal-opinjoni politika tiegħu jew mal-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali partikolari jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx jista’ jew, minħabba din il-biża’, ma jkunx jixtieq jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. |
|
23 |
Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 9 u l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva. |
|
24 |
L-applikant għal tali status għandu għalhekk, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun ikkonfrontat bil-biża’ fondata li jġarrab “atti ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2011/95, eżerċitati fuq il-persuna tiegħu mill-“atturi ta’ persekuzzjoni”, imsemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, kemm-il darba jkun hemm rabta kawżali, fis-sens tal-Artikolu 9(3), moqri fid-dawl tal-premessa 29 tal-imsemmija direttiva, bejn dawn l-atti jew l-assenza ta’ protezzjoni kontrihom u minn tal-inqas waħda mill-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni elenkati fl-Artikolu 10 tal-istess direttiva, liema raġunijiet jinkludu l-“opinjoni politika” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 51). |
|
25 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “opinjoni pubblika”, li dwaru għandha dubji l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li dan il-kunċett “għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le”. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, huwa irrilevanti jekk l-applikant għandux effettivament il-karatteristika marbuta mal-opinjoni politika li tkun il-kawża tal-persekuzzjoni kemm-il darba l-awtur tal-persekuzzjoni jattribwixxilu tali karatteristika. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-formulazzjoni stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet timplika li l-kunċett ta’ “opinjoni politika” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Din il-premessa hija bbażata fuq diversi elementi. Dan huwa l-każ, qabelxejn, tal-użu tal-kelma “partikolarment” sabiex jiġu elenkati, b’mod mhux eżawrjenti, l-elementi li jistgħu jidentifikaw dan il-kunċett. Sussegwentement, ma jissemmewx biss l-“opinjonijiet” iżda wkoll il-“ħsieb” u t- “twemmin” fl-oqsma marbuta mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni, kif ukoll fl-oqsma marbuta mal-“politika” u mal-“metodi” ta’ dawn l-atturi, mingħajr ma huwa meħtieġ li dawn l-opinjonijiet, ħsieb jew twemmin ikunu rriżultaw f’atti min-naħa tal-applikant. Fl-aħħar nett, l-enfasi hija mqiegħda fuq il-perċezzjoni tan-natura “politika” tagħhom min-naħa tal-awturi ta’ persekuzzjoni. |
|
27 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Gwida dwar il-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat u l-prinċipji ta’ gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-Konvenzjoni tal‑1951 u tal-Protokoll tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), 1979, kif irreveduta u aġġornata fi Frar 2019, HCR/1P/4/FRE/REV.4), li għaliha għandu jsir riferiment fid-dawl tar-rilevanza partikolari tagħhom minħabba r-rwol li l-Konvenzjoni ta’ Genève tagħti lill-UNHCR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali,C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, dawn il-prinċipji ta’ gwida jirrakkomandaw huma wkoll aċċettazzjoni f’sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “opinjoni pubblika” sa fejn dan il-kunċett jista’ jinkludi kull opinjoni jew kull kwistjoni li jimplikaw l-istruttura Statali, il-gvern, is-soċjetà jew politika. |
|
28 |
Fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “opinjoni politika”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, sa fejn huwa intiż li jipproteġi d-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta, li jissemma espliċitament fil-premessa 16 ta’ din id-direttiva bħala wieħed mill-artikoli li l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva hija intiża li tippromwovi. |
|
29 |
Skont l-Artikolu 11 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew li tikkomunika informazzjoni jew ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri. Kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) u mill-Artikolu 52(3) ta’ din tal-aħħar, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 11 tagħha għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u dan bla ħsara għall-eventwalità li d-dritt tal-Unjoni jagħtihom protezzjoni iktar estiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 44). |
|
30 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-libertà ta’ espressjoni tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u waħda mill-kundizzjonijiet primordjali għall-progress tagħha u għall-iżvilupp ta’ kull individwu u li din il-libertà, bħala prinċipju, ma tipproteġix biss l-“informazzjoni” jew l-“ideat” milqugħa b’mod pożittiv jew meqjusa li huma inoffensivi jew indifferenti, iżda tipproteġi wkoll dawk li jikkawżaw offiża, xokk jew tħassib, u dan sabiex jiġu ggarantiti l-pluraliżmu, it-tolleranza u l-ispirtu ta’ trasparenza li mingħajrhom ma jkunx hemm soċjetà demokratika (Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punt 196(i)). |
|
31 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ftit li xejn iħalli lok għal restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni fil-qasam tad-diskors politiku jew ta’ kwistjonijiet ta’ interess ġenerali u li normalment jingħata livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni meta l-kummenti magħmula jikkonċernaw suġġett ta’ interess ġenerali (Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punti 196(i), 197, 230 u 231). Hija ppreċiżat ukoll li l-korruzzjoni fil-kuntest tal-ġestjoni tal-affarijiet pubbliċi fi ħdan l-Istat tikkostitwixxi suġġett ta’ interess ġenerali u li d-diskussjoni dwarha tikkontribwixxi għad-dibattitu politiku (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 31 ta’ Mejju 2016, Nadtoka vs Ir-Russja, CE:ECHR:2016:0531JUD003801005, punt 43). |
|
32 |
Din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta, tikkorrobora l-interpretazzjoni wiesgħa li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “opinjoni politika” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95. Skont din l-interpretazzjoni, il-kunċett ta’ “opinjoni politika” jkopri kull opinjoni, ħsieb jew twemmin li, mingħajr ma jkollhom neċessarjament natura direttament u immedjatament politika, jiġu espressi permezz ta’ att jew ta’ ommissjoni li jiġu pperċepiti mill-atturi ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva bħala li jaqgħu f’qasam marbut ma’ dawn l-atturi jew mal-politiki tagħhom u/jew mal-metodi tagħhom u li jesprimu oppożizzjoni jew reżistenza għalihom. |
|
33 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “opinjoni politika” bħala “raġuni ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva 2011/95, timplika li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali opinjoni kif ukoll ir-rabta kawżali bejn din tal-aħħar u l-atti ta’ persekuzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-istatus ta’ refuġjat, b’mod partikolari mill-perspettiva politika, ġuridika, ġudizzjarja, storika u soċjokulturali tiegħu. |
|
34 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-manifestazzjoni, permezz ta’ att jew ta’ ommissjoni, ta’ ċerti opinjonijiet, ħsibijiet jew twemmin li ma jkunux ta’ natura direttament u immedjatament politika, tista’, skont il-kuntest speċifiku tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan l-applikant, twassal lill-“atturi ta’ persekuzzjoni” sabiex jagħtu lil tali opinjonijiet, ħsibijiet jew twemmin in-natura ta’ “opinjoni politika” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(e) u (2) ta’ din id-direttiva. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat, minn naħa, li, f’kuntest ta’ kunflitt armat, b’mod partikolari ta’ gwerra ċivili, u fl-assenza ta’ possibbiltà legali li wieħed jaħrab mill-obbligi militari, ikun hemm preżunzjoni qawwija li r-rifjut li jitwettaq is-servizz militari jiġi interpretat mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat bħala att ta’ oppożizzjoni politika irrispettivament mill-motivazzjonijiet personali tal-persuna kkonċernata, li jistgħu jkunu iktar kumplessi, u bla ħsara għall-verifika, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, tan-natura plawżibbli tar-rabta ta’ tali rifjut mar-raġuni ta’ persekuzzjoni kkonċernata (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punti 47, 48, 60 u 61). |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-parteċipazzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali fil-preżentata ta’ rikors kontra l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-libertajiet fundamentali mir-reġim li huwa fil-poter f’dak il-pajjiż, għandha tiġi kklassifikata bħala raġuni ta’ persekuzzjoni abbażi ta’ “opinjoni politika” jekk jeżistu raġunijiet fondati li wieħed jibża’ li din il-parteċipazzjoni tiġi pperċepita minn dan ir-reġim bħala att ta’ dissidenza politika li kontrih jista’ jikkunsidra li jeżerċita ritaljazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 90). |
|
37 |
L-istess japplika għat-tentattivi ta’ applikant għall-istatus ta’ refuġjat li jiddefendi l-interessi tiegħu permezz ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kontra atturi mhux Statali li jaġixxu illegalment kontra tiegħu, meta dawn l-atturi, minħabba r-rabtiet li huma għandhom mal-Istat minħabba l-korruzzjoni, ikunu jistgħu jistrumentalizzaw l-istrutturi repressivi tiegħu għad-detriment ta’ dan l-applikant, u dan anki jekk l-azzjoni ta’ dan tal-aħħar kienet immotivata mid-difiża tal-interessi patrimonjali u ekonomiċi personali tiegħu. |
|
38 |
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li għandha, skont il-paragrafu 3 tiegħu, issir fuq bażi individwali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha, u b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li jista’ jkun partikolarment diffiċli li tiġi prodotta l-prova diretta li ċertu att jew ċerta ommissjoni min-naħa tal-applikant jistgħu jiġu pperċepiti mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini bħala manifestazzjoni ta’ “opinjoni politika”. L-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi, fil-fatt, li applikant mhux dejjem ikun f’pożizzjoni li jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu permezz ta’ provi fil-forma ta’ dokumenti jew permezz ta’ provi oħra u jelenka l-kundizzjonijiet kumulattivi meta tali provi ma humiex meħtieġa (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 55). |
|
39 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni li għandha ssir minn dawn l-awtoritajiet għandha għalhekk tirrigwarda, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, in-natura plawżibbli tal-opinjoni politika attribwita lill-applikant mill-atturi ta’ persekuzzjoni. |
|
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “opinjoni politika” jkopri t-tentattivi ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(h) u (i) ta’ din id-direttiva, li jiddefendi l-interessi patrimonjali u ekonomiċi personali tiegħu permezz ta’ mezzi legali kontra atturi mhux Statali li jaġixxu illegalment, meta dawn, minħabba r-rabtiet li għandhom mal-Istat ikkonċernat minħabba l-korruzzjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistrumentalizzaw l-istrutturi repressivi ta’ dan tal-aħħar għad-detriment ta’ dan l-applikant, sa fejn dawn it-tentattivi jiġu pperċepiti mill-atturi ta’ persekuzzjoni bħala oppożizzjoni jew reżistenza f’qasam marbut ma’ dawn l-atturi jew mal-politiki tagħhom u/jew mal-metodi tagħhom. |
Fuq l‑ispejjeż
|
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 10(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-kunċett ta’ “opinjoni politika” jkopri t-tentattivi ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(h) u (i) ta’ din id-direttiva, li jiddefendi l-interessi patrimonjali u ekonomiċi personali tiegħu permezz ta’ mezzi legali kontra atturi mhux Statali li jaġixxu illegalment, meta dawn, minħabba r-rabtiet li għandhom mal-Istat ikkonċernat minħabba l-korruzzjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistrumentalizzaw l-istrutturi repressivi ta’ dan tal-aħħar għad-detriment ta’ dan l-applikant, sa fejn dawn it-tentattivi jiġu pperċepiti mill-atturi ta’ persekuzzjoni bħala oppożizzjoni jew reżistenza f’qasam marbut ma’ dawn l-atturi jew mal-politiki tagħhom u/jew mal-metodi tagħhom |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.