SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

8 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċess tiegħu waqt il-kors tal-proċeduri kriminali – Artikolu 8(1) – Dritt ta’ persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ xieraq u drittijiet tad-difiża – Interrogazzjoni tax-xhieda tal-prosekuzzjoni fl-assenza tal-persuna akkużata u tal-avukat tagħha fl-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali – Impossibbiltà ta’ smigħ tax-xhieda tal-prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti kriminali tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq id-depożizzjonijiet preċedenti tal-imsemmija xhieda”

Fil-Kawża C‑348/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura kriminali kontra

HYA,

IP,

DD,

ZI,

SS,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IP, minn H. Georgiev, advokat,

għal DD, minn V. Vasilev, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra HYA, IP, DD, ZI u SS (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konvenuti inkwistjoni”) minħabba reati imwettqa fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Dritt għal smigħ xieraq”, jipprovdi:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, li għandha tiddeċiedi, jew dwar il-kontestazzjonijiet marbuta mad-drittijiet u mal-obbligi ta’ natura ċivili tagħha, jew dwar il-fondatezza ta’ kull akkuża fil-qasam kriminali mressqa kontriha. […]

[…]

3.   Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

[…]

d)

li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;

[…]”

Id‑dritt tal‑Unjoni

4

Il-premessi 22, 33, 34, 36, 41 u 47 tad-Direttiva 2016/343 jaqraw kif ġej:

“(22)

L-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta’ persuni suspettati u akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni, u kwalunkwe dubju għandu jibbenefika lill-persuna suspettata jew akkużata. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jkun trasferit mill-prosekuzzjoni għad-difiża, mingħajr preġudizzju għal kull setgħa ex officio għad-determinazzjoni tal-fatti mill-qorti, għall-indipendenza tal-ġudikatura meta tiġi vvalutata l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għall-użu ta’ preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna suspettata jew akkużata. […]

[…]

(33)

Id-dritt għal proċess ġust huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni kollha.

(34)

Jekk, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom, il-persuni suspettati jew akkużati ma jkunux f’pożizzjoni li jkunu preżenti waqt il-proċess, huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu data ġdida għall-proċess fiż-żmien previst fil-liġi nazzjonali.

[…]

(36)

F’ċerti ċirkostanzi għandu jkun possibbli li deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata tingħata minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-proċess. […]

[…]

(41)

Id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess jista’ jiġi eżerċitat biss jekk isseħħ seduta ta’ smigħ jew aktar. Dan ifisser li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess ma jistax japplika jekk ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali rilevanti ma jipprovdux għal seduta ta’ smigħ. […]

[…]

(47)

Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta u fil-KEDB, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġu kkunsidrat, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 [TUE], li jgħid li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, u li jgħid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.”

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Oneru tal-prova”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.”

7

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)

il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)

il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.”

Id‑dritt Bulgaru

Il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern

8

Mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 72(1) u tal-Artikolu 73 taż-zakon za Ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern), tat‑28 ta’ Mejju 2014 (DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014, p. 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jirriżulta li persuna ssuspettata li wettqet reat tista’ tiġi arrestata matul perijodu ta’ 24 siegħa qabel ma tiġi interrogata.

In‑NPK

9

Skont l-Artikolu 12 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), il-proċedura ġudizzjarja hija inter partes u d-difiża għandha l-istess drittijiet bħall-prosekuzzjoni.

10

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 52 tan-NPK, l-istadju ta’ qabel il-proċedura jiġi ġestit mis-servizzi ta’ investigazzjoni, taħt is-superviżjoni tal-prosekutur.

11

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, skont l-Artikolu 107(1), u fl-Artikoli 139 u 224 tan-NPK, xhud li jiġi interrogat matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, sabiex jinġabru l-provi, jiġi interrogat ġeneralment mingħajr ma l-persuna akkużata u l-avukat tagħha jkunu preżenti. Skont l-Artikolu 280(2) tan-NPK, moqri flimkien mal-Artikolu 253 tiegħu, ix-xhud huwa, sussegwentement, mismugħ mill-ġdid matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, waqt is-seduta, fil-preżenza tal-persuna akkużata u tal-avukat tagħha li b’hekk jistgħu jagħmlu d-domandi tagħhom lix-xhud.

12

L-Artikolu 223 tan-NPK, intitolat “Smigħ ta’ xhud quddiem imħallef”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Fejn ikun hemm riskju li x-xhud ma jkunx jista’ jidher quddiem il-qorti minħabba mard gravi, perijodu prolongat ta’ assenza mill-pajjiż jew għal raġunijiet oħra li jagħmluha impossibbli li huwa jidher għas-seduta, u wkoll meta jkun neċessarju li jiġu vverifikati dikjarazzjonijiet ta’ xhud li huma ta’ importanza kbira għall-istabbiliment tal-verità oġġettiva, is-smigħ għandu jsir quddiem imħallef tal-qorti kompetenti tal-ewwel istanza jew tal-qorti tal-ewwel istanza li fid-distrett tiegħu jitwettaq l-att. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-proċess ma jiġix sottomess lill-imħallef.

2.   L-awtorità responsabbli għall-proċedura preliminari għandha tiżgura d-dehra tax-xhud u l-possibbiltà li l-konvenut kif ukoll l-avukat difensur tiegħu, jekk jeżisti, jipparteċipaw fis-smigħ.”

13

L-Artikolu 281 tan-NPK, intitolat “Qari ta’ dikjarazzjonijiet ta’ xhud”, jipprovdi, fil-punt 4 tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 3 tiegħu:

“1.   Dikjarazzjonijiet ta’ xhud magħmula fl-istess kawża quddiem imħallef fl-istadju ta’ qabel il-proċedura jew quddiem il-qorti diversament ippreseduta għandhom jinqraw [fis-seduta], fejn:

[…]

4)

ix-xhud ma jistax jinstab sabiex jitħarrek biex jixhed, jew miet;

[…]

3.   Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 sa 6 tal-paragrafu 1, id-dikjarazzjonijiet ta’ xhud magħmula quddiem l-awtorità responsabbli għall-proċedura preliminari għandhom jinqraw [fis-seduta] jekk il-konvenut kif ukoll l-avukat difensur tiegħu (jekk tali jkun ingħata mandat jew ġie innominat) ħadu sehem fis-smigħ. Jekk hemm diversi konvenuti, il-qari tad-dikjarazzjonijiet jista’ jseħħ biss bil-kunsens ta’ dawk minnhom li ma ġewx imħarrka għas-smigħ jew li taw raġunijiet iġġustifikati għall-assenza tagħhom u fejn l-allegat reat ikun is-suġġet tax-xhieda li għandhom jinqraw.”

Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

14

Il-konvenuti inkwistjoni, li fosthom hemm aġenti tal-pulizija tal-fruntieri tal-ajruport ta’ Sofija (il-Bulgarija), huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal reati fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali.

15

IP, DD, SS u HYA ġew arrestati filgħaxija tal‑25 ta’ Mejju 2017 u bdew jiġu interrogati l-għada. ZI ġie arrestat fil‑31 ta’ Mejju 2017 u ġie interrogat fl-istess jum. Sussegwentement il-konvenuti inkwistjoni tqiegħdu f’detenzjoni provviżorja u ngħataw l-assistenza ta’ avukat.

16

Matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, diversi ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jiġifieri MM, RB, KH, HN u PR (iktar ’il quddiem, flimkien, ix-“xhieda kkonċernati”), li d-dħul illegali tagħhom fit-territorju Bulgaru ġie ffaċilitat mill-konvenuti inkwistjoni, ġew interrogati mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku.

17

Uħud mill-eżaminazzjonijiet saru quddiem imħallef. Għalhekk, MM u RB instemgħu quddiem imħallef rispettivament fit‑30 ta’ Marzu 2017 u fit‑12 ta’ April 2017, KH fis‑26 ta’ Mejju 2017, HN fit‑30 ta’ Marzu 2017, u PR fit‑30 ta’ Marzu 2017 kif ukoll fit‑12 ta’ April 2017.

18

Minħabba r-residenza illegali tagħhom fit-territorju Bulgaru, ix-xhieda kkonċernati kienu s-suġġett ta’ proċeduri amministrattivi bil-għan tat-tneħħija tagħhom.

19

Matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, SS u DD espressament talbu sabiex ikunu jistgħu jinterrogaw lil MM. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ma weġibx għal dawn it-talbiet.

20

Fid‑19 ta’ Ġunju 2020, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija), billi qies li l-fatti allegati fil-konfront tal-konvenuti inkwistjoni kienu fondati, adixxa lill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) għall-finijiet tal-kundanna kriminali tagħhom.

21

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tentattivi ta’ din il-qorti li ssejjaħ lix-xhieda kkonċernati għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tagħhom fil-preżenza tal-konvenuti inkwistjoni u tad-difiża tagħhom ma rnexxewx, jew għaliex ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza tagħhom, jew minħabba li kienu tneħħew mit-territorju Bulgaru jew kienu telqu b’mod volontarju. Għalhekk, skont l-imsemmija qorti, ma teżisti l-ebda possibbiltà li x-xhieda kkonċernati jkunu jistgħu jiġu eżaminati personalment matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura.

22

Waqt is-seduta li nżammet quddiem il-qorti tar-rinviju fid‑9 ta’ April 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku talab li jinqraw, konformement mal-Artikolu 281(1) tan-NPK, dikjarazzjonijiet magħmula mix-xhieda kkonċernati matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, sabiex dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu parti mill-provi li abbażi tagħhom il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fuq il-mertu.

23

Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u tistaqsi jekk hijiex obbligata li twarrabha fil-kawża prinċipali.

24

F’dan ir-rigward, hija tindika li d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda kkonċernati jikkostitwixxu element determinanti għall-evalwazzjoni tal-ħtija tal-konvenuti inkwistjoni u li s-sentenza tagħha ser tiddependi, fil-parti l-kbira, mill-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn hija tista’ tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni inkluża f’dawn id-dikjarazzjonijiet.

25

Hija tippreċiża li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali hija intiża sabiex tevita r-riskju li xhud ma jkunx jista’ jiġi eżaminat matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali billi jipprevedi li dan jista’ jiġi eżaminat, matul il-fażi preliminari ta’ din il-proċedura, quddiem imħallef. Ir-rwol ta’ dan tal-aħħar, li ma għandux aċċess għall-proċess, ikun jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-garanzija tal-legalità formali tal-eżaminazzjoni. F’dan il-każ, meta persuna suspettata tkun diġà ġiet interrogata, din għandha tiġi informata bl-eżaminazzjoni tax-xhud u tingħata l-possibbiltà li tipparteċipa fiha.

26

Madankollu, kif kien il-każ hawnhekk, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi evitata fil-prattika. Fil-fatt, ikun biżżejjed li, matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, l-eżaminazzjoni tax-xhud titmexxa quddiem imħallef fit-terminu ta’ 24 siegħa inkluż bejn l-arrest tal-persuna ssuspettata u l-eżaminazzjoni tagħha, sabiex la din tal-aħħar, sa fejn ma tkunx għadha ġiet interrogata formalment, u lanqas l-avukat tagħha ma jkollhom id-dritt li jipparteċipaw.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa konformi mal-Artikolu 8(1), kif ukoll mal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-premessi 33 u 34 tad-Direttiva 2016/343 u l-Artikolu 47(2) tal-Karta, li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li d-dritt tal-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali, li tkun preżenti waqt il-proċess, ikun irrispettat u l-prosekutur ikun issodisfa b’mod korrett l-obbligu tiegħu li jipprova l-ħtija tal-persuna akkużata jekk, fil-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali, meta minħabba raġunijiet oġġettivi x-xhieda ma jkunux jistgħu jiġu interrogati, jiddaħħlu fil-proċess id-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn ix-xhieda waqt il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali (meta dawn ix-xhieda jkunu ġew interrogati biss mill-prosekuzzjoni u mingħajr il-parteċipazzjoni tad-difiża, iżda quddiem qorti, u meta l-prosekuzzjoni tkun setgħet, sa mill-fażi preliminari, tiggarantixxi lid-difiża l-possibbiltà li tipparteċipa għall-imsemmi interrogatorju iżda din ma tkunx għamlet dan)?”

28

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li xi wħud mill-kawżi kriminali mressqa quddiem din l-aħħar qorti, inkluża l-kawża prinċipali, ġew ittrasferiti minn din id-data lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija).

Fuq id‑domanda preliminari

29

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni. Issa, kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), l-Artikolu 48(2) tal-Karta, li jipprovdi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ggarantit lil kull akkużat, jikkorrispondi għall-Artikolu 6(3) tal-KEDB. Konsegwentement, id-domanda preliminari għandha wkoll tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 48(2) tal-Karta.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil qorti nazzjonali, meta ma jkunx possibbli li ssir eżaminazzjoni ta’ xhud ta’ prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċedura kriminali, tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna akkużata fuq id-depożizzjonijiet tal-imsemmi xhud miksuba waqt smigħ li seħħ quddiem mħallef waqt l-istadju ta’ qabel din il-proċedura, iżda mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata jew tal-avukat tagħha.

31

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prosekuzzjoni tbati l-oneru tal-prova intiż sabiex tiġi stabbilita l-ħtija tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati.

32

Huwa ċertament minnu li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, li jirregola t-tqassim tal-oneru ta’ tali prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura, C‑653/19 PPU, EU:C:2019:1024, punt 31), tipprekludi, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva, li l-imsemmi oneru jiġi ttrasferit mill-prosekuzzjoni għad-difiża. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-Artikolu 6(1) ma jistabbilixxix il-modalitajiet li skonthom l-prosekuzzjoni għandha tistabbilixxi l-ħtija ta’ persuna akkużata u lanqas dawk li skonthom din il-persuna għandha, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha, tkun f’pożizzjoni li tikkontesta l-provi prodotti mill-prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u l-persuni akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti għall-proċess tagħhom.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343, din id-dispożizzjoni tapplika għall-persuni fiżiċi li huma ssuspettati jew persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedura kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni finali dwar id-determinazzjoni jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.

36

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-premessi 36 u 41 tagħha, jirriżulta li, skont id-dritt tagħha li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha, persuna akkużata għandha tkun f’pożizzjoni li tidher personalment fis-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li hija s-suġġett tiegħu.

37

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kontenut u l-modalitajiet għall-eżerċizzju, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu. Fil-fatt, huwa ċertament minnu li t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna akkużata, tad-dikjarazzjoni ta’ xhud tal-prosekuzzjoni interrogat fl-assenza ta’ din il-persuna u tal-avukat tagħha matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jeżaminaw jew li jaraw li jiġi eżaminat dan ix-xhud matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura, ma jċaħħadx lill-persuna akkużata mill-possibbiltà li tidher personalment fis-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li tiegħu din il-persuna hija s-suġġett. Madankollu, f’każ bħal dan, lir-rwol tal-persuna akkużata huwa limitat sabiex tkun preżenti b’mod passiv għall-qari tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dan ix-xhud kif riprodotti fil-proċess verbal ta’ smigħ li hija ma setgħetx tipparteċipa fih matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk, minbarra d-dritt li wieħed jidher personalment fis-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li tiegħu persuna akkużata hija s-suġġett, id-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, jagħtix ukoll lil din il-persuna d-dritt li teżamina jew li tara li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2016/343, din tal-aħħar tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta u mill-KEDB, inkluż id-dritt għal smigħ xieraq, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża.

40

Kif jirriżulta mill-premessa 33 ta’ din id-direttiva, id-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom huwa bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq, li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB, li għalih jikkorrispondu, kif jippreċiżaw l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 47, kif ukoll l-Artikolu 48 tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, DD (Repetizzjoni tas-smigħ ta’ xhud), C‑347/21, EU:C:2022:692, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dehra tal-persuna akkużata għandha importanza kbira fl-interess ta’ proċess kriminali xieraq, l-obbligu li jiġi ggarantit lil din il-persuna d-dritt li tkun preżenti fis-sala tas-seduta huwa, f’dan ir-rigward, wieħed mill-elementi essenzjali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L-Italja, CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, punt 58).

42

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, wara li kkunsidrat id-drittijiet tad-difiża ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB, l-għażla għall-persuna akkużata li tieħu sehem fis-seduta jimplika d-dritt ta’ din il-persuna li tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess tagħha (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2006, Marcello Viola vs L-Italja, CE:ECHR:2006:1005JUD004510604, punti 52 u 53, kif ukoll Qorti EDB. 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punt 142), fejn id-dritt ta’ tali persuna li teżamina jew li tara li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni, koperti minn din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi aspett speċifiku tad-dritt għal proċess xieraq iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Gani vs Spanja, CE:ECHR:2013:0219JUD006180008, punt 36).

43

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-possibbiltà għal persuna akkużata li tikkonfronta lix-xhieda fil-preżenza tal-imħallef li, fl-aħħar, jiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ din il-persuna, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi importanti ta’ proċess kriminali xieraq, peress li l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ xhud hija kompitu kumpless, li, normalment, ma tistax titwettaq permezz ta’ sempliċi qari tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tiegħu, kif riprodotti fil-proċessi verbali tas-smigħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punti 4243).

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, għandu jiġi ggarantit b’mod li jkun jista’ jiġi eżerċitat, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, skont modalitajiet li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq. Għalhekk, dan id-dritt ma huwiex limitat sabiex jiggarantixxi s-sempliċi preżenza tal-persuna akkużata waqt is-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li hija s-suġġett tiegħu, iżda jeżiġi li din il-persuna tkun f’pożizzjoni li tipparteċipa b’mod effettiv fih u li teżerċita, għal dan il-għan, id-drittijiet tad-difiża, fosthom id-dritt li teżamina jew li tara li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni matul din il-fażi ġudizzjarja.

45

Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni iktar restrittiva tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 fis-sens li d-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu huwa limitat sabiex jiggarantixxi li l-persuna akkużata tista’ tkun preżenti personalment għas-seduti li jinżammu fil-kuntest tal-proċess li hija s-suġġett tiegħu, jkollu bħala konsegwenza ċ-ċaħda tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq mill-kontenut essenzjali tiegħu.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fit-tieni lok, jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta, jipprekludix li qorti kriminali tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, meta xhud, għal raġunijiet oġġettivi, ma jkunx jista’ jattendi għall-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, din il-qorti tista’ taqra d-dikjarazzjonijiet, magħmula minn dan ix-xhud, quddiem imħallef matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, sabiex tiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna akkużata, inkluż meta din tal-aħħar ma tkunx għada ġiet interrogata fil-mument fejn is-smigħ ta’ dan ix-xhud ikun seħħ u li la hi u lanqas l-avukat tagħha ma setgħu jipparteċipaw fih.

47

Issa, l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tippreġudika d-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess tiegħu, kif iddefinit fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

48

Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont l-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

49

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-artikolu u fuq il-bażi tal-elementi fil-proċess, tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunulha utli fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et. (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u sakemm, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw b’mod effettiv l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

51

Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rekwiżit li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi, dan jimplika li l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni dikjarazzjonijiet ta’ xhieda assenti għandha tkun prevista mill-qafas legali nazzjonali rilevanti. Bla ħsara għall-evalwazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, dan jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

52

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rispett tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali tal-persuna akkużata, għandu jitqies li dan il-kontenut essenzjali huwa osservat sakemm dikjarazzjonijiet ta’ xhieda assenti jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss f’ċirkustanzi limitati, għal raġunijiet leġittimi u b’osservanza tal-ekwità tal-proċedura kriminali meħuda fit-totalità tagħha.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li tali evalwazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li minnha jirriżulta li l-użu bħala prova tad-depożizzjonijiet tax-xhieda miġbura matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB, bla ħsara għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, peress li dawn jeżiġu, bħala regola ġenerali, li jagħtu lill-akkużat possibbiltà adegwata u suffiċjenti sabiex jikkontestaw ix-xhieda tal-prosekuzzjoni u li jeżaminaw lill-awturi ta’ din ix-xhieda kemm fil-mument tad-depożizzjoni tagħhom, kif ukoll fi stadju ulterjuri (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-limitazzjonijiet li jistgħu b’mod partikolari jiġu imposti minn atti tad-dritt tal-Unjoni għal drittijiet u libertajiet stabbiliti fil-Karta ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et., C‑694/20, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Sabiex tivverifika l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk teżisti raġuni serja li tiġġustifika n-nuqqas ta’ dehra ta’ xhud u jekk, fil-każ fejn id-depożizzjoni ta’ dan tal-aħħar tista’ tikkostitwixxi l-bażi unika jew determinanti ta’ eventwali kundanna tal-persuna akkużata, jeżistu elementi kumpensatorji, b’mod partikolari garanziji proċedurali b’saħħithom, suffiċjenti sabiex jikkontrobilanċjaw id-diffikultajiet ikkawżati lil din il-persuna u lill-avukat tagħha minħabba l-fatt tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija depożizzjoni u sabiex tiġi żgurata n-natura ekwa tal-proċedura kriminali fl-intier tagħha (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2011, Al-Khawaja u Tahery vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2011:1215JUD002676605, punt 152, Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 107, kif ukoll Qorti EDB, 7 ta’ Ġunju 2018, Dimitrov u Momin vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2018:0607JUD003513208, punt 52).

56

F’dan ir-rigward, hija, qabelxejn, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-assenza ta’ xhud tal-prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali hijiex iġġustifikata minn raġuni serja bħall-mewt, l-istat ta’ saħħa, il-biża’ li jixhed jew l-impossibbiltà li jiġi misjub, peress li din il-qorti hija marbuta, fir-rigward ta’ din l-aħħar ipoteżi, li tagħmel l-isforzi kollha li wieħed jista’ raġonevolment jistenna mingħandha sabiex tiżgura d-dehra ta’ dan ix-xhud (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punti 119 sa 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Sussegwentement, għandu jitqies li d-depożizzjoni ta’ xhud assenti matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, meta tiġi aċċettata bħala prova matul din il-fażi iżda miġbura qabel din il-fażi, tikkostitwixxi l-unika bażi tal-kundanna tal-persuna akkużata jekk din il-prova permezz tax-xhieda tkun l-unika waħda li tista’ tiġi prodotta kontriha. Din il-bażi għandha titqies li hija determinanti fil-każ fejn l-imsemmija prova permezz tax-xhieda tkun ta’ importanza tali li tista’ twassal għad-deċiżjoni fil-kawża, peress li jekk id-depożizzjoni ta’ xhud assenti tkun tista’ tiġi kkorroborata minn provi oħra, l-evalwazzjoni tan-natura determinanti ta’ din id-depożizzjoni tiddependi fuq is-saħħa probatorja ta’ dawn il-provi l-oħra, fejn iktar ma jkunu importanti, inqas id-depożizzjoni tax-xhud assenti tista’ titqies bħala determinanti (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ elementi kumpensatorji, tali elementi għandhom jippermettu evalwazzjoni korretta u ekwa tal-affidabbiltà ta’ xhieda mhux ivverifikata u jikkonċernaw, b’mod iktar partikolari, il-mod li bih il-qorti tal-proċess tevalwa d-depożizzjoni mhux ivverifikata ta’ xhud assenti, il-produzzjoni ta’ provi konkordanti matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali u s-saħħa probatorja tagħhom, kif ukoll il-miżuri proċedurali adottati sabiex jiġi kkumpensat il-fatt li x-xhud ma setax jiġi direttament kontroeżaminat matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2015, Schatschaschwili vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2015:1215JUD000915410, punti 125 sa 131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Qorti EDB, 7 ta’ Ġunju 2018, Dimitrov u Momin vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2018:0607JUD003513208, punt 53). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, garanzija proċedurali li tista’ tikkumpensa d-diffikultajiet ikkawżati lid-difiża minħabba l-assenza tax-xhud matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali tista’ tikkonsisti f’li tkun tat lil din il-persuna jew lill-avukat tagħha l-possibbiltà li jeżaminaw xhud fl-istadju tal-fażi preliminari ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2022, Al Alo vs. Is-Slovakkja, CE:ECHR:2022:0210JUD003208419, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-impossibbiltà li jinstab xhud fid-dawl tat-taħrika tiegħu għas-seduta matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali tikkostitwixxi, bħala prinċipju, raġuni serja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari meta dan ix-xhud ma jibqax jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li t-tentattivi sabiex jinstab, b’mod partikolari permezz tal-Interpol, baqgħu mingħajr suċċess.

60

It-tieni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-każ ta’ kundanna tal-konvenuti inkwistjoni, id-deċiżjoni tagħha tistax tkun ibbażata esklużivament jew b’mod determinanti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, fuq id-depożizzjonijiet mogħtija mix-xhieda kkonċernati matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali.

61

It-tielet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk jeżistux, f’dan il-każ, elementi kumpensatorji suffiċjenti sabiex jikkontrobilanċjaw id-diffikultajiet ikkawżati lill-konvenuti inkwistjoni u għad-difiża tagħhom minħabba l-fatt tat-teħid inkunsiderazzjoni eventwali, bħala prova, tad-depożizzjonijiet magħmula mix-xhieda kkonċernati matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari l-possibbiltà għall-konvenuti inkwistjoni u d-difiża tagħhom li jeżaminaw lix-xhieda kkonċernati matul l-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali u l-eżistenza ta’ possibiltà ta’ kawża kontra eventwali deċiżjoni ta’ rifjut.

62

Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil qorti nazzjonali, meta ma jkunx possibbli li ssir eżaminazzjoni ta’ xhud ta’ prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċedura kriminali, tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza ta’ din il-persuna fuq id-depożizzjoni tal-imsemmi xhud miksuba waqt smigħ li seħħ quddiem mħallef waqt l-istadju ta’ qabel din il-proċedura, iżda mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata jew tal-avukat tagħha, sakemm ma jkunx hemm raġuni serja li tiġġustifika n-nuqqas ta’ dehra ta’ xhud matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, li d-depożizzjoni ta’ dan ix-xhud ma tikkostitwixxix l-bażi unika jew determinanti ta’ kundanna tal-persuna akkużata u li jeżistu elementi kumpensatorji suffiċjenti sabiex jikkontrobilanċjaw id-diffikultajiet ikkawżati lil din il-persuna jew l-avukat tagħha minħabba l-fatt tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija depożizzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil qorti nazzjonali, meta ma jkunx possibbli li ssir eżaminazzjoni ta’ xhud ta’ prosekuzzjoni matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċedura kriminali, tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza ta’ din il-persuna fuq id-depożizzjoni tal-imsemmi xhud miksuba waqt smigħ li seħħ quddiem mħallef waqt l-istadju ta’ qabel din il-proċedura, iżda mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata jew tal-avukat tagħha, sakemm ma jkunx hemm raġuni serja li tiġġustifika n-nuqqas ta’ dehra ta’ xhud matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, li d-depożizzjoni ta’ dan ix-xhud ma tikkostitwixxix l-bażi unika jew determinanti ta’ kundanna tal-persuna akkużata u li jeżistu elementi kumpensatorji suffiċjenti sabiex jikkontrobilanċjaw id-diffikultajiet ikkawżati lil din il-persuna jew l-avukat tagħha minħabba l-fatt tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija depożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.