SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
22 ta’ Novembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Artikoli 4, 7 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Protezzjoni fil-każ ta’ tneħħija, ta’ tkeċċija u ta’ estradizzjoni – Dritt ta’ residenza għal raġunijiet mediċi – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi – Kura medika maħsuba sabiex jitnaqqas l-uġigħ – Kura indisponibbli fil-pajjiż tal-oriġini – Kundizzjonijiet li taħthom it-tneħħija għandha tiġi posposta”
Fil-Kawża C‑69/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2021, fil-proċedura
X
vs
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), E. Regan, M. Safjan, P. G. Xuereb, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, F. Biltgen, I. Ziemele, J. Passer, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal X, minn J. W. F. Noot, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. J. O. Van Nuffel, C. Cattabriga u A. Katsimerou, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 4 u 7 kif ukoll tal-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u dik tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, is-“Segretarju tal-Istat”), dwar il-legalità tal-proċedura ta’ ritorn mibdija minn dan tal-aħħar kontra X. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
|
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, no2545 (1954)), hekk kif emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, tinkludi Artikolu 33, intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulement”, li jipprevedi, fl-paragrafu 1 tiegħu: “Ebda Stat kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, refuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, is-sħubija tiegħu f’ċertu grupp soċjali jew minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
4 |
Il-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu:
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:
|
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 4(3) tal-istess direttiva jipprevedi: “Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.” |
|
8 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi: “Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:
jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.” |
|
9 |
L-Artikolu 6(1) u (4) tal-istess direttiva jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5. […] 4. L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.” |
|
10 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 9 tal-istess direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:
2. L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu kont ta’:
[…]” |
Id‑dritt Olandiż
|
12 |
L-Artikolu 64 tal-wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Vreemdelingenwet 2000) (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin tal‑2000), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), jipprovdi: “L-akkumpanjament lejn il-fruntiera għandu jiġi pospost sakemm l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa”. |
|
13 |
Il-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari dwar il-Barranin tal‑2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar il-barranin”), tipprevedi: “[…] 7. Assenza ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera għal raġunijiet ta’ saħħa 7.1 Dispożizzjonijiet ġenerali L-[Immigratie- en naturalisatiedienst (IND) (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi)] jista’ jikkonċedi l-posponiment tat-tluq skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin meta:
7.1.1 Il-barrani ma jkunx fi stat li jivvjaġġa Il-barrani jikseb posponiment abbażi tal‑Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin jekk il-[Bureau Medische Advisering (BMA) (l-Uffiċċju tal-Kunsill Mediku tal-Ministeru għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi)] jindika li, mill-perspettiva medika, l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa. […] 7.1.3 Riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali għal raġunijiet mediċi Il-barrani jikseb posponiment tat-tluq abbażi tal-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin meta jkun hemm riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali għal raġunijiet mediċi. Jeżisti riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni biss meta:
Sitwazzjoni ta’ emerġenza medika B’‘sitwazzjoni ta’ emerġenza medika’, l-IND għandu jifhem is-sitwazzjoni li fiha l-barrani jbati minn kundizzjoni li fir-rigward tagħha huwa stabbilit, fl-istat attwali tal-għarfien medikoxjentifiku, li l-assenza ta’ kura twassal f’terminu ta’ tliet xhur għall-mewt, l-invalidità jew forma oħra ta’ dannu fiżiku jew psikiku gravi. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14 |
X huwa ċittadin Russu, imwieled fl‑1988, li żviluppa, fl-età ta’ sittax-il sena, forma rari ta’ kanċer tad-demm li għalih huwa attwalment qiegħed jirċievi l-kura fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-kura medika tiegħu tikkonsisti, b’mod partikolari, fil-flebotomiji u fis-somministrazzjoni tal-kannabis terapewtika għall-finijiet analġeżiċi. Is-somministrazzjoni ta’ din il-kura medika ibbażata fuq il-kannabis terapewtika ma hijiex awtorizzata fir-Russja. |
|
15 |
Fil‑31 ta’ Ottubru 2013, X ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, is-Segretarju tal-Istat ikkunsidra li r-Renju tal-Isvezja kien l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni. |
|
16 |
Fit‑13 ta’ Diċembru 2013, X talab, abbażi tal-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, il-posponiment tat-tluq tiegħu minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Diċembru 2013, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni. |
|
17 |
Fid‑19 ta’ Mejju 2016, X ippreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li t-terminu li fih seta’ jiġi ttrasferit lejn l-Isvezja kien sadattant skada. Insostenn ta’ din it-talba l-ġdida, X sostna li l-kura medika li kienet ġiet issomministrata lilu fir-Russja sabiex jiġġieled l-uġigħ marbut mal-marda tiegħu kienet ikkawżatlu effetti sekondarji u li kien skopra li t-teħid tal-kannabis terapewtika kien aħjar għall-istat ta’ saħħa tiegħu. Peress li l-użu tal-kannabis terapewtika ma kienx awtorizzat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, X kien ikkultiva pjanti tal-kannabis f’dan il-pajjiż għal finijiet mediċinali, fatt li kien esponih għal tali diffikultajiet fl-imsemmi pajjiż li issa kien qed jitlob għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Fl-okkażjoni ta’ din l-applikazzjoni għall-ażil, X, barra minn hekk, talab posponiment tat-tneħħija tiegħu, abbażi tal-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin. |
|
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2018, wara li ħa l-opinjoni tal-BMA, is-Segretarju tal-Istat ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ X billi kkunsidra li l-problemi li huwa allega li ltaqa’ magħhom fir-Russja, minħabba l-kultivazzjoni tal-kannabis għall-użu personali tiegħu, ma kinux kredibbli. Huwa ddeċieda wkoll li X ma setax jikseb permess ta’ residenza ieħor u rrifjuta li jilqa’ t-talba tiegħu li jissospendi, abbażi tal-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin, l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn tiegħu. |
|
19 |
Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2018, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat parzjalment din id-deċiżjoni. Għalkemm din il-qorti ammettiet li X ma setax la jinvoka l-istatus ta’ refuġjat, u lanqas dak ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, hija madankollu ordnat lis-Segretarju tal-Istat jeżamina mill-ġdid kemm l-argument ta’ X ibbażat fuq id-dritt tiegħu li jikseb permess ta’ residenza, abbażi tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll l-applikazzjoni tiegħu abbażi tal-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) tat‑28 ta’ Marzu 2019. |
|
20 |
Fid‑19 ta’ Frar 2020, is-Segretarju tal-Istat, mill-ġdid, irrifjuta li jagħti lil X permess ta’ residenza għal żmien limitat, abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB, kif ukoll posponiment tat-tneħħija tiegħu. Barra minn hekk, huwa adotta deċiżjoni ta’ ritorn li ordnat lil X jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’terminu ta’ erba’ ġimgħat. |
|
21 |
X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ritorn quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jqis li permess ta’ residenza għandu jinħariġlu skont l-Artikolu 8 tal-KEDB jew li, tal-inqas, għandu jingħatalu posponiment ta’ tneħħija tiegħu skont l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-kura analġeżika ibbażata fuq il-kannabis terapewtika, li ġiet issomministrata lilu fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija tant essenzjali li ma jkunx jista’ jibqa’ jgħix ħajja deċenti li kieku din il-kura kellha tiġi interrotta. Huwa jindika, b’mod iktar partikolari, li, fil-każ ta’ interruzzjoni tal-imsemmija kura, l-uġigħ tant ikun kbir li la jkun jista’ jorqod iktar u lanqas jiekol u jixrob, u dan ikollu konsegwenzi kbar mhux biss fuq l-istat fiżiku tiegħu, iżda wkoll fuq l-istat psikiku tiegħu, billi jrendih depressiv u suwiċidali. |
|
22 |
Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452), jirriżulta li l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jiġġustifika li jingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, huwa paċifiku li X ma għadux jitlob l-istatus ta’ refuġjat. |
|
23 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, din il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, tneħħija tista’ tiġi posposta meta, minn perspettiva medika, ċittadin barrani kkonċernat ma jkunx fi stat li jivvjaġġa jew meta jkun hemm riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB għal raġunijiet mediċi. |
|
24 |
It-tieni xenarju jassumi li mill-opinjoni tal-BMA jirriżulta, minn naħa, li l-interuzzjoni ta’ kura medika kkonċernata tiġġenera għall-persuna kkonċernata, probabbilment, “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens tal-punt 7.1.3 taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, u, min-naħa l-oħra, li l-kura medika idoneja ma hijiex disponibbli fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew li ċ-ċittadin barrani kkonċernat ma jkunx jista’ jaċċedi għaliha. |
|
25 |
Fl-opinjoni tiegħu mogħtija fuq talba tas-Segretarju tal-Istat, il-BMA indika, b’mod partikolari, li għalkemm kien prevedibbli li, fl-assenza ta’ flebotomiji, X kien jinsab, fi żmien qasir, f’tali “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, tali kura kienet madankollu disponibbli fir-Russja. Għall-kuntrarju, il-BMA kkunsidra li, peress li l-effett mediċinali tal-kannabis ma ġiex ipprovat, kien impossibbli li tingħata deċiżjoni dwar il-konsegwenzi, għal X, ta’ interruzzjoni tal-kura analġeżika tiegħu ibbażata fuq il-kannabis terapewtika. Huwa indika wkoll li l-ebda problema marbuta mal-uġigħ li seta’ jwassal għall-biża’ tal-mewt ta’ X jew kwalunkwe stat ta’ dipendenza fl-atti ordinarji tal-ħajja tiegħu ma kienet ġiet indikata. Għaldaqstant, huwa qies li ma setax jiġi affermat li l-użu tal-kannabis terapewtika jipprevjeni li sseħħ, fi żmien qasir, tali “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”. Huwa kkunsidra wkoll li fis-suq kienu jeżistu biżżejjed mezzi oħra kontra l-uġigħ li jistgħu jiġu ssomministrati lil X. |
|
26 |
Skont il-qorti tar-rinviju, mill-informazzjoni ppreżentata minn X jirriżulta madankollu li t-tobba li qegħdin jagħtu kura lil dan tal-aħħar jikkunsidraw li l-użu ta’ kannabis terapewtika jikkostitwixxi l-uniku trattament xieraq kontra l-uġigħ għall-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, din il-qorti tqis li X wera li l-kura ibbażata fuq il-kannabis terapewtika hija preskritta u użata biss meta s-soluzzjonijiet l-oħra kontra l-uġigħ jirriżultaw mhux biss ineffettivi, iżda wkoll kontroindikati. |
|
27 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ebda kura analġeżika xierqa ma hija disponibbli fir-Russja. Għalhekk, jekk it-tneħħija ta’ X ma tiġix posposta, il-kura ssomministrata lilu kontra l-uġigħ tiġi interrotta u l-intensità tal-uġigħ tiżdied. Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk iż-żieda fl-uġigħ ta’ X, minħabba l-interruzzjoni tal-kura tiegħu, tikkawżax aggravazzjoni tal-marda tiegħu, anki jekk, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha din il-qorti, huwa probabbli li dan mhux ser ikun il-każ. Qabel ma titlob it-twettiq ta’ perizja medika marbuta maż-żieda tal-uġigħ li X jirriskja li jsofri wara l-waqfien tal-kura abbażi tal-kannabis terapewtika, l-imsemmija qorti tqis li hemm lok, permezz ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġi stabbilit il-mod kif għandu jittieħed inkunsiderazzjoni tali parametru. |
|
28 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), billi tibbaża ruħha fuq ir-rekwiżit ta’ deterjorament rapidu tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Paposhvili vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2016:1213JUD004173810) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Paposhvili”), huma biss il-konsegwenzi mediċi li jqumu fit-tliet xhur wara l-interruzzjoni tal-kura medika ssomministrata lill-persuna kkonċernata li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk tali interruzzjoni twassalx għal “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens tal-punt 7.1.3 taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin. |
|
29 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem madankollu ma stabbilixxietx terminu espliċitu fl-imsemmija sentenza Paposhvili. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-konsegwenzi marbuta mal-interruzzjoni ta’ kura medika ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz marid b’mod gravi, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tal-Karta biss jekk dawn iseħħu f’perijodu ta’ tliet xhur, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet mediċi u jkunu xi jkunu l-konsegwenzi mediċi li jistgħu jseħħu wara din l-interuzzjoni. |
|
30 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, skont is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C.K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), li l-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Barranin jeżiġi wkoll li jiġi eżaminat jekk it-tneħħija, bħala tali, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu kundizzjoni fiżika jew psikika partikolarment gravi tistax twassal għal riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Madankollu, din l-evalwazzjoni għandha ssir biss fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadin barrani kkonċernat jista’ jivvjaġġa. Minn dan isegwi, minn naħa, li qatt ma huwa mitlub li l-BMA jevalwa jekk il-proċess ta’ tneħħija, bħala tali, ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirriskja li jkollu konsegwenzi mediċi li jidhru wara li dan ikun tneħħa fil-pajjiż ta’ destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn il-konsegwenzi ma jittiħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens tal-punt 7.1.3 taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, tipprekludix tali tneħħija. |
|
31 |
Għaldaqstant, huwa diffiċli li tali eżami jkun ta’ ostakolu sabiex it-tneħħija tal-persuna kkonċernata tiġi posposta anki meta jkun hemm biża’ ta’ aggravazzjoni tal-istat ta’ saħħa mentali tagħha, bħal riskju ta’ suwiċidju kkawżat mit-tneħħija stess. |
|
32 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija tistax sempliċement tevalwa jekk il-konsegwenzi mediċi tat-tneħħija tal-persuna kkonċernata jibqgħux limitati, permezz ta’ ċerti aġġustamenti, matul din it-tneħħija. Barra minn hekk, hija tirrileva li, fil-każ ta’ X, il-kura bbażata fuq il-kannabis terapewtika ma tistax tiġi ssomministrata matul it-tneħħija fil-veru sens tal-kelma u li X sostna li ż-żieda fl-uġigħ tiegħu għandha l-effett li trendih depressiv u suwiċidali. |
|
33 |
Fir-raba’ lok, dik il-qorti tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk il-gravità tal-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u l-fatt li huwa jirċievi kura medika fl-Istat Membru fejn jirrisjedi b’mod irregolari, jistgħux jikkostitwixxu elementi tal-ħajja privata li r-rispett tagħhom għandu jiġi żgurat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 tal-KEDB. |
|
34 |
B’mod iktar partikolari, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhomx jeżaminaw jekk għandux jingħata, abbażi tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, dritt ta’ residenza lil tali ċittadin u jekk ir-rispett tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata jikkostitwixxix element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba tiegħu intiża sabiex il-miżura ta’ tneħħija li hija s-suġġett tagħha tiġi posposta. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq il‑ġuriżdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari
|
36 |
Il-Gvern Olandiż jikkontesta, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula sa fejn dawn huma prematuri. Fil-fatt, qabel ma staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kellha tiċħad it-talba ta’ X intiża sabiex jiġi rrikonoxxut lilu dritt ta’ residenza fit-territorju Olandiż, peress li d-Direttiva 2008/115 tapplika għalih biss jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi b’mod irregolari f’dan it-territorju. |
|
37 |
Madankollu, il-qrati nazzjonali huma liberi li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kull stadju tal-proċedura li huma jikkunsidraw xieraq, anki fi stadju bikri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26, u tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia, C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 33). |
|
38 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li X kellu l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu miċħuda mis-Segretarju tal-Istat, b’tali mod li huwa, bħala prinċipju, f’residenza irregolari fit-territorju Olandiż u jaqa’, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, sakemm ma jkunx eliġibbli għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza f’dan it-territorju abbażi, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni, li huwa preċiżament is-suġġett tar-raba’ domanda preliminari. |
|
39 |
Minn dan isegwi li l-argument tal-Gvern Olandiż ibbażat fuq in-natura allegatament prematura tad-domandi preliminari għandu jiġi miċħud. |
|
40 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Olandiż iqis li t-tieni domanda preliminari ma hijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax jeżiġi li d-deterjorament tal-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li dwaru hemm biża’ f’każ ta’ ritorn, jimmanifesta ruħu f’terminu fiss wara r-ritorn. Issa, tali terminu ma huwiex element determinanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li r-rifjut li tiġi posposta t-tneħħija ta’ X kien ġie essenzjalment iġġustifikat minħabba li ebda “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens tal-punt 7.1.3 taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, ma kienx ta’ min jibża’ li ser sseħħ, għal żmien qasir, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minħabba l-fatt li l-uġigħ ta’ X ma huwiex marbut mas-sintomi tal-marda tiegħu u li jeżistu kuri alternattivi f’dan il-pajjiż. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni, ir-rilevanza tad-domanda li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fil-każ li d-domanda magħmula tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punti 41 u 42). |
|
42 |
Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba fit-tieni domanda preliminari ma tidhirx li hija manifestament nieqsa minn rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
|
43 |
Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza, essenzjalment, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa stabbilit li d-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ X kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li ebda “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens tal-punt 7.1.3 taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, ma sseħħ fi żmien qasir f’każ ta’ ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, l-eżistenza ta’ tali “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika” għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fiċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, peress li tali terminu huwa preċiżament is-suġġett tat-tieni domanda preliminari. |
|
44 |
Barra minn hekk, mill-kuntest fattwali ddefinit mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-uġigħ ta’ X għandu jitqies li huwa kkawżat mill-marda li jbati minnha u li, fir-rigward ta’ dan l-uġigħ, ebda kura alternattiva ma hija disponibbli fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Madankollu, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu. Għaldaqstant, irrispettivament mill-kritika espressa mill-Gvern Olandiż fil-konfront tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ din it-tieni domanda preliminari għandu jsir abbażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Caixabank, C‑385/20, EU:C:2022:278, punti 34 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Minn dan isegwi li t-tieni domanda preliminari hija ammissibbli. |
|
46 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tar-raba’ domanda preliminari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż, din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni, mhux tal-Artikolu 8 tal-KEDB, iżda tal-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tagħha kif ukoll tad-Direttiva 2008/115. |
|
47 |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal din id-domanda. |
|
48 |
Min-naħa l-oħra, dan l-istess gvern isostni li l-imsemmija domanda hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk l-Artikolu 7 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li X għandu jiġi rrikonoxxut lilu dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li ebda dispożizzjoni materjali tad-dritt tal-Unjoni ma tippermettilu li jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tal-Karta, tistax twassal sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jingħata dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru taqa’, fi kwalunkwe każ, taħt l-evalwazzjoni tal-mertu ta’ din il-kwistjoni. |
|
50 |
Għaldaqstant, ir-raba’ domanda preliminari hija ammissibbli. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
|
51 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 4 kif ukoll l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija tittieħed fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jsofri minn marda gravi, li jkun espost, fil-pajjiż terz li lejh ikun ser jitneħħa, għal riskju ta’ żieda sinjinfikattiva tal-uġigħ ikkawżat minn din il-marda, minħabba l-projbizzjoni, f’dan il-pajjiż, tal-unika kura analġeżika effettiva. Hija tistaqsi wkoll jekk Stat Membru jistax jipprevedi terminu strett li matulu tali żieda għandha timmaterjalizza sabiex tkun tista’ tiġi ostakolata din id-deċiżjoni ta’ ritorn jew din il-miżura ta’ tneħħija. |
|
52 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, l-ewwel, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Għalhekk, hekk kif ċittadin ta’ pajjiż terż jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minn din id-direttiva, għar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, skont il-każ, irregolarizzata (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punti 29 u 31 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
F’din il-perspettiva, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 li, ladarba tiġi stabbilita n-natura irregolari tar-residenza, kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 tal-imsemmi artikolu u fl-osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/115, dak li lejh għandu jitneħħa (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punti 32 u 39 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax jipproċedi bit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, mingħajr ma tkun ġiet adottata, minn qabel, deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin b’osservanza tal-garanziji materjali u proċedurali li din id-direttiva tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 253). |
|
55 |
It-tieni, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jikkostitwixxi regola ġenerali li hija imposta fuq l-Istati Membri hekk kif jimplimentaw din id-direttiva, jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tosserva, fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn, il-prinċipju ta’ non-refoulement, iggarantit, bħala dritt fundamentali, fl-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, hekk kif emendata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif ukoll fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, meta din l-awtorità tipprevedi, wara li tkun semgħet lill-persuna kkonċernata, li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 250 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta din id-deċiżjoni tkun tirrigwarda, bħala pajjiż ta’ destinazzjoni, pajjiż fejn jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, dan iċ-ċittadin ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 19(2) tal-Karta. |
|
57 |
Skont dan l-Artikolu 19(2), ħadd ma jista’ jitneħħa lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett mhux biss għall-piena tal-mewt, iżda wkoll għat-tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Il-projbizzjoni tal-pieni jew tat-trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4, għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Karta (sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85). |
|
58 |
Minn dan isegwi li, meta jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun espost, fil-każ ta’ ritorn lejn pajjiż terz, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, u tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, dan iċ-ċittadin ma jistax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn lejn dan il-pajjiż, sakemm jibqa’ tali riskju. |
|
59 |
Bl-istess mod, l-imsemmi ċittadin ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija matul dan il-perijodu, kif barra minn hekk jipprevedi espressament l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/115. |
|
60 |
It-tielet, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, peress li d-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 4 tagħha jikkorrispondu għal dawk iggarantiti fl-Artikolu 3 tal-KEDB, is-sens u l-portata ta’ dawn id-drittijiet huma l-istess bħal dawk mogħtija mill-imsemmi Artikolu 3 tal-KEDB (sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati), C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 37). |
|
61 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB jirriżulta li l-uġigħ dovut għal marda li seħħet b’mod naturali, kemm jekk din tkun fiżika jew mentali, jista’ jaqa’ taħt dan l-Artikolu 3 jekk dan jista’ jew hemm riskju li jista’ ssir iktar gravi minħabba trattament, kemm jekk dan jirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, ta’ tkeċċija jew ta’ miżuri oħra, li għalihom l-awtoritajiet jistgħu jitqiesu responsabbli, u dan bil-kundizzjoni li l-uġigħ li jirriżulta jilħaq il-limitu ta’ gravità meħtieġa taħt l-imsemmi Artikolu 3 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Paposhvili, § 174 u 175, kif ukoll is-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati), C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 38). |
|
62 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li, sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB, it-trattament għandu jilħaq minimu ta’ gravità, liema evalwazzjoni ta’ dan il-minimu hija relattiva u tiddependi fuq l-informazzjoni kollha tal-kawża (Qorti EDB, 20 ta’ Ottubru 2016, Muršić vs Il‑Kroazja, ECLI:CE:ECHR:2016:1020JUD000733413, punt 97; Qorti EDB, 7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:2021:1207JUD005746715, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-KEDB jipprekludi t-tneħħija ta’ persuna marida b’mod gravi li tkun tinsab f’riskju ta’ mewt imminenti jew li għaliha jkunu jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li, għalkemm ma tkunx qiegħda tgħaddi minn riskju imminenti li tmut, hija tkun ser taffaċċja, minħabba l-assenza ta’ trattamenti adegwati fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew fin-nuqqas ta’ aċċess għal dawn it-trattamenti, riskju reali li tiġi esposta għal deterjorament gravi, rapidu u irreversibbli fl-istat tas-saħħa tagħha b’uġigħ intensiv jew bi tnaqqis sinjifikattiv fl-aspettattivi ta’ ħajja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Paposhvili, § 178 u 183, kif ukoll is-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati), C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 40). |
|
64 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li din is-sentenza Paposhvili tistabbilixxi standard li jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet kollha rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 3 tal-KEDB sa fejn dan jippreżerva d-dritt ġenerali tal-Istati li jikkontrollaw id-dħul, ir-residenza u t-tneħħija tal-persuni mhux ċittadini, filwaqt li jirrikonoxxi n-natura assoluta ta’ dan l-artikolu (Qorti EDB, 7 ta’ Diċembru 2021, Savran vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:2021:1207JUD 005746715, punt 133). |
|
65 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod stabbilit li l-limitu ta’ gravità meħtieġ f’dan il-qasam għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta huwa ekwivalenti għal-limitu ta’ gravità meħtieġ, fl-istess ċirkustanzi, skont l-Artikolu 3 tal-KEDB (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 67, kif ukoll tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi passati), C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 37). |
|
66 |
Mill-punti 52 sa 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 4, kif ukoll l-Artikolu 19(2) tal-Karta, jipprekludi li Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ ritorn jew jipproċedi għat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li jsofri minn marda gravi, meta jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu biex wieħed jemmen li r-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin jesponi lil dan tal-aħħar, minħabba n-nuqqas ta disponibbiltà ta’ kura xierqa fil-pajjiż tad-destinazzjoni, għal riskju reali ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja tiegħu jew ta’ deterjorament rapidu, sinjifikattiv u irremedjabbli fl-istat ta’ saħħa tiegħu, li jirriżulta f’uġigħ qawwi. |
|
67 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat, għall-bżonnijiet tal-kawża prinċipali, jekk Stat Membru għandux jastjeni milli jadotta deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li jsofri minn marda gravi, meta jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu biex wieħed jemmen li dan iċ-ċittadin ser ikun espost, fil-każ ta’ ritorn, għal riskju reali ta’ żieda fl-uġigħ tiegħu, minħabba l-projbizzjoni, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, tal-unika kura analġeżika effettiva, mingħajr madankollu ma tali ritorn jesponih għar-riskju li l-marda li minnha jbati tmur għall-agħar. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punti 61, 63 u 65 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jista’ jikser il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani u degradanti, stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn jew il-miżura ta’ tneħħija adottata mill-awtoritajiet tiegħu tirriskja li taggrava l-uġigħ ikkawżat lil ċittadin ta’ pajjiż terz minn marda li seħħet b’mod naturali b’tali mod li dan l-uġigħ jilħaq il-limitu ta’ gravità msemmi f’dawn il-punti. |
|
69 |
Għaldaqstant, il-fatt li huwa biss l-uġigħ marbut mal-marda gravi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, li jista’ jaggrava, fil-każ ta’ ritorn ta’ dan iċ-ċittadin, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li tali ritorn jista’ jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li żieda fl-uġigħ marbut ma’ marda tista’, fiha nnifisha, twassal għal deterjorament tal-istat ta’ saħħa fiżika jew mentali, fil-veru sens tal-kelma, tal-persuna kkonċernata. |
|
70 |
Madankollu, kull riskju ta’ żieda fl-uġigħ, li jirriżulta mir-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jesponix lil dan tal-aħħar għal trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta. Fil-fatt, b’analoġija għal dak li ġie espost fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ ukoll li jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ ritorn, dan iċ-ċittadin ikun espost għar-riskju reali li l-uġigħ tiegħu jiżdied b’mod rapidu, sinjifikattiv u irremedjabbli. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, l-ewwel, li jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li ċittadin ta’ pajjiż terz jirriskja li jiġi espost, fil-każ ta’ ritorn, għal żieda sinjifikattiva u irremedjabbli tal-uġigħ ikkawżat mill-marda tiegħu, b’mod partikolari, meta jiġi stabbilit li, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, l-unika kura analġeżika effettiva ma tistax tiġi legalment issomministrata lilu u li l-assenza ta’ tali kura tkun tesponih għal uġigħ ta’ intensità tali li jmur kontra d-dinjità umana fis-sens li tista’ tikkawżalu problemi psikiċi gravi u irreversibbli, li saħansitra jwassluh biex jagħmel suwiċidju, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti kollha, speċjalment dik medika. B’mod partikolari, għandha tiġi evalwata n-natura irreversibbli taż-żieda tal-uġigħ b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru ta’ fatturi, inkluż l-effetti diretti u l-konsegwenzi iktar indiretti ta’ tali żieda (ara, b’analoġija, Qorti EDB, sentenza Savran vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:2021:1207JUD 005746715, punt 138). |
|
72 |
Fir-rigward, it-tieni, tar-rekwiżit skont liema r-ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jirriskja li jikkawża lill-persuna kkonċernata żieda rapida fl-uġigħ tagħha, għandu jiġi enfasizzat li tali kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod daqshekk strett tant li tipprekludi r-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz marid b’mod gravi ħlief fil-każijiet estremi fejn dan tal-aħħar isofri żieda sinjifikattiva u irremedjabbli tal-uġigħ tiegħu mal-wasla tiegħu fit-territorju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni jew fl-estensjoni immedjata ta’ din il-wasla. Għall-kuntrarju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żieda fl-uġigħ tal-persuna kkonċernata, ikkawżata mir-ritorn tagħha lejn pajjiż li fih ma hijiex disponibbli l-kura xierqa, tista’ tkun progressiva u li ċertu perijodu ta’ żmien jista’ jkun neċessarju sabiex din iż-żieda ssir sinjifikattiva u irremedjabbli. |
|
73 |
Barra minn hekk, il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-limitu ta’ gravità meħtieġ f’dan il-qasam skont l-Artikolu 4 tal-Karta, bħall-parti ta’ spekulazzjoni inerenti għal tali eżami prospettiv, jipprekludu li, sabiex din titqies bħala rapida, iż-żieda tal-uġigħ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, fil-każ ta’ ritorn, għandha tkun tista’ sseħħ f’terminu stabbilit minn qabel fid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat b’mod assolut. |
|
74 |
L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, fil-fatt, tkun tista’ tibbilanċja, skont il-kundizzjoni medika li jbati minnha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, il-ħeffa li biha, fil-każ ta’ ritorn, tali żieda tista’ sseħħ, minn naħa, u l-livell ta’ intensità taż-żieda tal-uġigħ li wieħed għandu jibża’ li jintlaħaq f’tali ipoteżi, min-naħa l-oħra. |
|
75 |
Jekk l-Istati Membri jistabbilixxu terminu, dan għandu jkun purament indikattiv u ma jeżentax lill-awtorità nazzjonali kompetenti minn eżami konkret tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari ta’ dawk imsemmija fil-punt preċedenti, fid-dawl tal-kundizzjoni medika li jkun qed ibati minnha dan iċ-ċittadin. |
|
76 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 19(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija tittieħed fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jsofri minn marda gravi, meta jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser tiġi esposta, fil-pajjiż terz li lejh tkun ser titneħħa, għal riskju reali ta’ żieda sinjifikattiva, irremedjabbli u rapida tal-uġigħ tagħha, fil-każ ta’ ritorn, minħabba l-projbizzjoni, f’dan il-pajjiż, tal-unika kura analġeżika effettiva. Stat Membru ma jistax jipprevedi terminu strett li matulu tali żieda għandha timmaterjalizza ruħha sabiex tkun tista’ tiġi ostakolata din id-deċiżjoni ta’ ritorn jew din il-miżura ta’ tneħħija. |
Fuq it‑tielet domanda preliminari
|
77 |
Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 4 u 19 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija, fil-veru sens tal-kelma, fuq l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti biss sabiex jiġi eżaminat jekk dan huwiex fi stat li jivvjaġġa. |
|
78 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-leġiżlazzjoni Olandiża kkonċernata tiddistingwixxi, minn naħa, l-evalwazzjoni tar-riskju li l-interruzzjoni tal-kura ssomministrata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, ikkawżat mir-ritorn tiegħu, twassal fi żmien qasir għal “sitwazzjoni ta’ emerġenza medika”, fis-sens tal-punt 7.1.3 taċ-Ċirkulari dwar il-Barranin, u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija fil-veru sens tal-kelma, li għandha tagħmel part minn fil-kuntest tal-eżami tal-kapaċità ta’ dan iċ-ċittadin li jivvjaġġa u li tissoponi, għalhekk, li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-konsegwenzi mediċi li jistgħu jseħħu matul din it-tneħħija, bl-esklużjoni ta’ dawk li jistgħu jidhru, fit-tmiem tagħha, fil-pajjiż tad-destinazzjoni. |
|
79 |
Il-Gvern Olandiż jikkontesta li din hija l-prattika tal-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata. Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun ibbażata fuq il-premessa esposta mill-qorti tar-rinviju. |
|
80 |
Taħt il-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni, mill-motivi tar-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda jirriżulta li l-Artikolu 5 u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115 jeżiġu li, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn jew għat-twettiq tat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jsofri minn marda gravi, l-Istati Membri jistgħu jeskludu kull dubju serju fir-rigward tar-riskju li r-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin iwassal għal aggravazzjoni rapida, sinjifikattiva u irremedjabbli ta’ din il-marda jew tal-uġigħ ikkawżat minn din tal-aħħar. Meta tali dubju ma jkunx jista’ jiġi eskluż, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tkunx tista’ tadotta deċiżjoni ta’ ritorn u lanqas tipproċedi bit-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. |
|
81 |
Jekk tali projbizzjoni tapplika wkoll sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx f’pożizzjoni li jorganizza t-tneħħija fil-veru sens tal-kelma taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat b’mod li jiġi żgurat, b’mod partikolari, li dan iċ-ċittadin ma jkunx espost għal riskju ta’ żieda sinjifikattiva u irremedjabbli tal-marda jew tal-uġigħ tiegħu matul din it-tneħħija, ma jistax jiġi konkluż li huwa biżżejjed li dan l-Istat Membru jiggarantixxi li l-imsemmi ċittadin jibbenefika minn kura xierqa matul it-tneħħija tiegħu sabiex ikun jista’ jadotta deċiżjoni li jirritornah jew jipproċedi bit-tneħħija tiegħu. Fil-fatt, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li, meta l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata jeżiġi dan, din tirċievi mhux biss kura tas-saħħa matul it-tneħħija fil-veru sens tal-kelma, iżda wkoll fi tmiem tagħha fil-pajjiż ta’ destinazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 76 sa 82). |
|
82 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5 u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 19(2) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ tneħħija, fil-veru sens tal-kelma, fuq l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti biss sabiex jiġi eżaminat jekk dan huwiex fi stat li jivvjaġġa. |
Fuq ir‑raba’ domanda preliminari
|
83 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, kif ukoll mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u l-kura li dan iċ-ċittadin jirċievi f’dan it-territorju, minħabba l-marda gravi li huwa jbati minnha, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dan l-Istat Membru sabiex jiġi evalwat jekk, abbażi tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, il-persuna kkonċernata għandhiex tingħata dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew id-data tat-tneħħija tagħha għandhiex tiġi posposta. |
|
84 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 jirrigwardaw biss l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, peress li din id-direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza ta’ ċittadini barranin. Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva la tirregola l-mod kif dritt ta’ residenza għandu jingħata liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u lanqas il-konsegwenzi tar-residenza irregolari, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom ebda deċiżjoni ta’ ritorn lejn pajjiż terz ma tista’ tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju),C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 44 u 45, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punti 43 u 44). |
|
85 |
Minn dan isegwi li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li hija teżiġi li Stat Membru jagħti permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu, meta dan iċ-ċittadin ma jkunx jista’ jkun suġġett la għal deċiżjoni ta’ ritorn, u lanqas għal miżura ta’ tneħħija, minħabba li jkunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, għal riskju reali ta’ żieda rapida, sinjifikattiva u irremedjabbli tal-uġigħ ikkawżat mill-marda tagħha. |
|
86 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, din id-dispożizzjoni sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jagħtu, għal raġunijiet ta’ kompassjoni jew umanitarji, dritt ta’ residenza, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, u mhux tad-dritt tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom. |
|
87 |
Issa, skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jestendux il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, skont l-Artikolu 7 tal-Karta, Stat Membru jista’ jkun obbligat jagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
88 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2008/115 jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, fl-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Minn dan isegwi li, meta jimplimentaw id-Direttiva 2008/115, inkluż meta jkollhom l-intenzjoni jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment, l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali li huma rrikonoxxuti lil dan iċ-ċittadin mill-Karta (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 69). |
|
90 |
Dan japplika wkoll b’mod partikolari għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tal-imsemmi ċittadin, kif iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Dan id-dritt, imsemmi b’mod iktar speċifiku mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda tagħha, jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u għandu, konsegwentement, jingħata l-istess sens u l-istess portata (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza Assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
91 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi Stat Membru milli jadotta deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 104). |
|
92 |
Barra minn hekk, u minkejja li dan l-Artikolu 5 ma jsemmix il-ħajja privata taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fost l-elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jimplimentaw id-Direttiva 2008/115, xorta jibqa’ l-fatt li mill-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza jirriżulta li deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija ma tistax tiġi adottata jekk tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. |
|
93 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kura medika li jibbenefika minnha ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru, anki jekk dan iċ-ċittadin jirrisjedi fih b’mod irregolari, jagħmlu parti mill-ħajja privata tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
94 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 114 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-integrità fiżika u mentali ta’ persuna tipparteċipa fl-iżvilupp personali tagħha u, għaldaqstant, fit-tgawdija effettiva tad-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata, li tkopri wkoll, sa ċertu livell, id-dritt għall-individwu li jistabbilixxi u jiżviluppa relazzjonijiet mal-pari tiegħu (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza tat‑8 ta’ April 2021, Vavricka u oħrajn vs Ir‑Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2021:0408JUD004762113, punt 261). |
|
95 |
Għaldaqstant, kif jikkonfermaw il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tadotta deċiżjoni ta’ ritorn jew tipproċedi bit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz biss wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa tiegħu. |
|
96 |
Madankollu, għandu jitfakkar li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt u li, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
97 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-implimentazzjoni ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, li hija segwita mid-Direttiva 2008/115, kif tenfasizza l-premessa 2 ta’ din tal-aħħar, tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni. |
|
98 |
Madankollu, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jeżiġi wkoll li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi u li jibbenefika, fl-Istat Membru kkonċernat, minn kura analġeżika mhux disponibbli fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, taffettwax il-kontenut essenzjali tad-dritt tiegħu għall-ħajja privata u tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
99 |
Tali eżami jippreżumi li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet soċjali kollha li dan iċ-ċittadin ħoloq fi ħdan l-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi irregolarment, billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fraġilità u l-istat ta’ dipendenza partikolari li huwa kkawżat mill-istat ta’ saħħa tiegħu. Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta dan iċ-ċittadin ikun żviluppa l-ħajja privata tiegħu, fi ħdan dan l-Istat Membru, mingħajr ma jkollu permess ta’ residenza, huma biss raġunijiet eċċezzjonali li jistgħu jipprekludu li huwa jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn (ara, b’analoġija, Qorti EDB, sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2020, Pormes vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, CE:ECHR:2020:0728JUD002540214, punti 53 u 58). |
|
100 |
Barra minn hekk, il-fatt li, fil-każ ta’ ritorn, dan iċ-ċittadin ma jkollux iktar l-istess kura bħal dik li hija ssomministrata lilu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jirrisjedi irregolarment u jista’, minħabba f’hekk, jaffettwa, b’mod partikolari, l-iżvilupp tar-relazzjonijiet soċjali tiegħu fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, ma jistax, waħdu, jostakola, skont l-Artikolu 7 tal-Karta, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ miżura ta’ tneħħija fir-rigward tiegħu. |
|
101 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 60 u 64 ta’ din is-sentenza, huwa f’kundizzjonijiet stretti li l-Artikolu 4 tal-Karta jipprekludi r-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, b’residenza irregolari u li jbati minn marda gravi. |
|
102 |
Minn dan isegwi li, mingħajr ma jċaħħad lil dawn il-kundizzjonijiet mill-effettività tagħhom, l-Artikolu 7 tal-Karta ma jistax jeżiġi lil Stat Membru jirrinunzja milli jadotta deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin, biss minħabba r-riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa ta’ dan tal-aħħar fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, meta tali kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti. |
|
103 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, kif ukoll l-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li:
|
Fuq l‑ispejjeż
|
104 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Olandiż.