DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

16 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi l-importanza ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni tal-appell”

Fil-Kawża C‑337/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑23 ta’ Mejju 2022,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája, D. Hanf, E. Markakis u V. Ruzek, bħala aġenti,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża hija:

Nowhere Co. Ltd, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, D. Gratsias (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet l-Avukata Ġenerali, T. Ćapeta,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Marzu 2022, Nowhere vs EUIPO – Ye (APE TEES) (T‑281/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:139), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑10 ta’ Frar 2021 (Każ R 2474/2017‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Nowhere Co. Ltd u J. Ye (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ Nowhere.

Fuq it‑talba għall‑ammissjoni tal‑appell

2

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli li jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell indipendenti tal-EUIPO huwa suġġett għall-ammissjoni minn qabel tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut, l-appell għandu jiġi ammess, kompletament jew parzjalment, skont ir-regoli ddettaljati previsti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

4

Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi Statut, l-appellant għandu jannetti mar-rikors tal-appell tiegħu talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jesponi l-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.

5

Skont l-Artikolu 170b(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi t-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.

L‑argumenti tal‑appellant

6

Insostenn tat-talba tiegħu għall-ammissjoni tal-appell, l-EUIPO jsostni li l-aggravju uniku tal-appell tiegħu jqajjem kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

7

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-EUIPO jfakkar il-kontenut tal-aggravju uniku tiegħu u tas-sitt partijiet tiegħu.

8

L-ewwel, l-EUIPO jindika li, permezz tal-aggravju uniku tiegħu, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1). Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punti 28 sa 31 tas-sentenza appellata, li, peress li d-dritt sostantiv applikabbli ratione temporis kien iddeterminat mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata kienet ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikoli 126 u 127 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), li kien adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, il-Bord tal-Appell kien imissu ħa inkunsiderazzjoni t-trade marks preċedenti Brittaniċi mhux irreġistrati li kienu ġew invokati mill-konvenuta fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, l-argument fis-sens li d-data rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni hija d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

9

It-tieni, l-EUIPO jesponi li, permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 28 sa 31 tas-sentenza appellata, naqset li tagħmel distinzjoni bejn il-kwistjoni preliminari tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli ratione temporis u l-kwistjoni proċedurali u materjali tal-validità tad-dritt preċedenti għad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni.

10

It-tielet, l-EUIPO jsostni li, permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, huwa jsostni li, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ibbażat ruħha fuq ġurisprudenza mhux applikabbli f’dan il-każ peress li kienet tirrigwarda l-għajbien potenzjali tad-dritt preċedenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, għajbien li ma għandux impatt fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

11

Ir-raba’, l-EUIPO jsemmi li, permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’mod żbaljat, ibbażat ruħha fuq l-assenza, fil-Ftehim dwar il-ħruġ, ta’ kwalunkwe dispożizzjoni dwar l-oppożizzjonijiet magħmula qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, minflok ma applikat ir-regola ġenerali, li tipprovdi li d-dritt preċedenti għandu jkun validu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar l-oppożizzjoni.

12

Il-ħames, l-EUIPO jindika li, permezz tar-raba’ parti tal-aggravju uniku, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn l-azzjonijiet għal kontrafazzjoni u l-proċeduri amministrattivi relatati mat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilita, b’mod partikolari, fil-punt 47 tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Fédération Cynologique Internationale (C‑561/11, EU:C:2013:91), u fil-punti 61 u 62 tas-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs EUIPO (C‑226/15 P, EU:C:2016:582), meta ppreżumiet, b’mod żbaljat, li r-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata kien ser jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti kontra l-użu illegali ta’ din it-trade mark, matul il-perijodu bejn id-data tal-preżentazzjoni ta’ din it-trade mark u t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Għaldaqstant, skont l-EUIPO, dan l-iżball ta’ liġi wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi, b’mod żbaljat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, minn naħa, li kien jeżisti kunflitt bejn l-imsemmija applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea u d-drittijiet preċedenti Brittaniċi inkwistjoni matul dan il-perijodu u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha interess leġittimu fis-suċċess tal-oppożizzjoni tagħha.

13

Is-sitt, l-EUIPO jesponi li, permezz tal-ħames parti tal-aggravju uniku tiegħu, huwa jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija riflessa fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009, u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ territorjalità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali meta qieset, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li eventwali trasformazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata f’applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali ma għandhiex effett fuq l-interess tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fis-suċċess tal-oppożizzjoni u lanqas fuq l-eżistenza ta’ kunflitt bejn id-drittijiet Brittaniċi preċedenti u t-trade mark tal-Unjoni Ewropea li hija s-suġġett ta’ din l-applikazzjoni, kif ukoll bejn dawn id-drittijiet u l-eventwali trade marks nazzjonali li joħorġu mit-trasformazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni.

14

Is-seba’, l-EUIPO jsostni li, permezz tas-sitt parti tal-aggravju uniku tiegħu, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma interpretatx, fil-punti 30, 31, 34 u 36 sa 39 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 fid-dawl tat-termini, tal-kuntest u tal-għanijiet tiegħu, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, kisret l-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jiġu protetti l-interessi tal-proprjetarji tad-drittijiet preċedenti permezz taż-żamma tal-funzjoni essenzjali ta’ dawn id-drittijiet fir-rigward ta’ kunflitti ma’ eventwali trade marks tal-Unjoni Ewropea sussegwenti.

15

Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li l-appell iqajjem il-kwistjoni tal-impatt tal-għajbien ex nunc tad-dritt preċedenti, matul il-proċedura amministrattiva, fuq l-iskop tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fuq l-interess tal-parti li tressaq l-oppożizzjoni fis-suċċess tagħha u fuq l-obbligu jew le tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni dan id-dritt, kwistjoni din li hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

16

F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-EUIPO jallega li l-appell iqajjem kwistjoni orizzontali, jiġifieri dik dwar jekk il-kundizzjoni fundamentali tal-interess ġuridiku u tal-interess li titkompla l-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, stabbilita b’mod partikolari fil-punt 42 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322), u mfakkra fil-punti 63 sa 68 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni (C‑560/18 P, EU:C:2019:1052), hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet, bħalma huwa l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li jirregolaw il-proċeduri amministrattivi marbuta mat-trade marks tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, din il-kwistjoni kienet marbuta mal-finalità tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fid-dawl tal-funzjoni essenzjali tad-dritt preċedenti li tikkostitwixxi waħda mill-bażijiet tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

17

It-tieni, l-EUIPO jsostni li l-kwistjoni mqajma permezz tal-appell tmur lil hinn mill-aggravji stess, b’tali mod li kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa kemm għall-individwi kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, l-ewwel nett, din il-kwistjoni ma hijiex marbuta esklużivament mal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, iżda testendi għal kull każ ieħor ta’ għajbien ex nunc tad-dritt preċedenti matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ipoteżijiet frekwenti ta’ skadenza ta’ dan id-dritt, tar-revoka tiegħu jew tar-rinunzja għalih matul din il-proċedura. Sussegwentement, l-imsemmija kwistjoni ma hijiex limitata għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jew għall-għajbien tat-trade marks preċedenti mhux irreġistrati, iżda testendi għar-raġunijiet relattivi kollha għal rifjut u għal invalidità, previsti fl-Artikoli 8 u 53 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għall-għajbien ta’ kull dritt preċedenti invokat abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet, peress li dan id-dritt preċedenti jista’ jkun dritt li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, trade mark tal-Unjoni Ewropea, trade mark nazzjonali, dritt tal-awtur jew anki disinn jew privattiva. Fl-aħħar nett, din l-istess kwistjoni ma tikkonċernax biss il-proċeduri quddiem l-EUIPO, iżda l-proċeduri kollha quddiem l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut u r-raġunijiet għal invalidità bbażati fuq drittijiet preċedenti, konformement mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1), b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha.

18

It-tielet, l-EUIPO jqis li l-kwistjoni mqajma mill-appell tikkonċerna l-problema diġà eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-differenza fundamentali bejn il-proċeduri amministrattivi relatati mat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u l-azzjonijiet għal kontrafazzjoni, kwistjoni din li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fis-sentenza appellata.

19

Ir-raba’, l-EUIPO jallega li l-imsemmija kwistjoni tirrigwarda l-prinċipju fundamentali tat-territorjalità tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, prinċipju li l-Qorti Ġenerali kisret meta kkonkludiet li kien hemm kunflitt potenzjali bejn id-drittijiet Brittaniċi preċedenti u t-trade marks nazzjonali li joħorġu minn eventwali trasformazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata.

20

Il-ħames, l-EUIPO jqis li din l-istess kwistjoni hija s-suġġett ta’ trattament diverġenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, sa perijodu reċenti, mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari mis-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2006, MIP Metro vs UASI – Tesco Stores (METRO) (T‑191/04, EU:T:2006:254, punti 30 sa 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑2 ta’ Ġunju 2021, Style & Taste vs EUIPO – The Polo/Lauren Company (Rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo) (T‑169/19, EU:T:2021:318, punti 22 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll mid-digriet tal‑20 ta’ Lulju 2021, Coravin vs EUIPO – Cora (CORAVIN) (T‑500/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:493, punti 32 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), kien jirriżulta b’mod kostanti li d-dritt preċedenti għandu jkun validu fil-mument meta l-EUIPO jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni jew dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ma segwietx din il-ġurisprudenza f’sensiela ta’ sentenzi mogħtija fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, b’mod partikolari fis-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Grupo Textil Brownie vs EUIPO – The Guide Association (BROWNIE) (T‑598/18, EU:T:2020:22), u tat‑23 ta’ Settembru 2020, Bauer Radio vs EUIPO – Weinstein (MUSIKISS) (T‑421/18, EU:T:2020:433), li minnhom jirriżulta, essenzjalment, li hija rilevanti biss il-validità ta’ dan id-dritt preċedenti fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat l-eżistenza ta’ dawn il-linji ta’ ġurisprudenza diverġenti u ma spjegatx l-approċċ użat f’din is-sentenza, sitwazzjoni din li tqajjem, fiha nnifisha, kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

21

Is-sitt, l-EUIPO jiddikjara li l-appell jirrigwarda l-prinċipju fundamentali tal-unità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, li jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi sistema unitarja tat-trade marks tal-Unjoni, bħala alternattiva għat-trade marks nazzjonali, għall-impriżi li jixtiequ jiżviluppaw l-attività tagħhom fil-livell tal-Unjoni, u jqajjem il-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-poter leġiżlattiv u l-poter ġudizzjarju, peress li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet b’regola ġdida r-regola ġenerali li d-dritt preċedenti għandu jkun validu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-EUIPO dwar l-oppożizzjoni.

22

Is-seba’, l-EUIPO jsostni li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jinvolvi riskju ta’ inċertezza legali u ta’ assenza ta’ reċiproċità, sa fejn dan l-approċċ imur kontra l-effetti tal-Artikolu 50(3) TUE u tal-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ u jimponilu l-obbligu li jeżamina raġuni relattiva għal rifjut fir-rigward ta’ territorju li fih it-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata ma tibbenefika minn ebda protezzjoni. Fil-fatt, tali approċċ jirriskja li joħloq għalhekk żbilanċ inġust favur id-drittijiet Brittaniċi, li jkunu protetti aħjar fl-Unjoni milli huma t-trade marks tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu l-obbligu juri li l-kwistjonijiet imqajma permezz tal-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170a(1) u mal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tiddetermina, fil-każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li fir-rigward tagħhom għandha ssir ir-risposta. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut huwa intiż li jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li jkunu stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 21, u tas‑7 ta’ Ġunju 2022, Magic Box Int. Toys vs EUIPO, C‑194/22 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:463, punt 14).

25

Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tiddikjara b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom huwa bbażat l-appell, tidentifika bl-istess preċiżjoni u bl-istess ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tippreċiża jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tesponi b’mod speċifiku r-raġunijiet għaliex l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aggravji, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tippreċiża d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza allegatament miksura mis-sentenza appellata jew mid-digriet appellat, għandha tesponi b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali u għandha tindika sa fejn dan l-iżball eżerċita influwenza fuq l-eżitu tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat. Meta l-iżball ta’ liġi invokat jirriżulta minn ksur tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tesponi, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat li l-appellant jikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li kienu allegatament ġew miksura, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti għaliex tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, mill-punti 28 sa 31 tas-sentenza appellata, iċċitati mill-EUIPO, jirriżulta li, skont il-Qorti Ġenerali, minn ġurisprudenza tagħha, “li issa hija stabbilita”, joħroġ li, l-istess bħall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li hija d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li kontriha saret oppożizzjoni li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal rifjut għandha tiġi evalwata fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li t-trade mark preċedenti tista’ titlef l-istatus ta’ trade mark fi Stat Membru f’mument wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari wara l-eventwali ħruġ tal-Istat Membru kkonċernat mill-Unjoni, huwa irrilevanti. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, minn naħa, li, peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, jew saħansitra qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-ħruġ, it-trade marks preċedenti mhux irreġistrati invokati insostenn tal-oppożizzjoni mressqa kontra din l-applikazzjoni kienu, sa fejn dawn kienu ntużaw fil-kummerċ fir-Renju Unit, bħala prinċipju, ta’ natura li jservu ta’ bażi għal tali oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Bord tal-Appell kien imissu ħadha inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tiegħu, ħaġa li huwa rrifjuta li jagħmel għas-sempliċi raġuni li l-perijodu ta’ tranżizzjoni kien skada fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

27

Barra minn hekk, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li huwa wkoll iċċitata mill-EUIPO, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk jiġi aċċettat li, wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, ma jistax ikun hemm iktar kunflitt bejn it-trade marks inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każ ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tali kunflitt jista’ madankollu jeżisti matul il-perijodu bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, kif ifakkar l-EUIPO, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha interess leġittimu fis-suċċess tal-oppożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ dan il-perijodu.

28

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u tal-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali, kif ifakkar l-EUIPO, iddeċidiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn dan tal-aħħar ma seta’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu fis-sens li d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-uniku element f’dan il-każ li kien seħħ wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, kienet id-data rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u li għalhekk kien hemm lok li jintlaqa’ l-motiv uniku u li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża, konformement mal-ewwel talba mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

29

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-EUIPO jiddeskrivi bi preċiżjoni u b’ċarezza l-aggravju uniku tiegħu, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, filwaqt li jippreċiża, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni bejn il-kwistjoni preliminari tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli ratione temporis u l-kwistjoni proċedurali u materjali tal-validità tad-dritt preċedenti għad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni, sussegwentement, li l-Qorti Ġenerali injorat id-distinzjoni, stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bejn l-azzjonijiet għal kontrafazzjoni u l-proċeduri amministrattivi dwar it-trade marks tal-Unjoni, billi ppreżumiet li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata kien ser jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet preċedenti kontra l-użu illegali ta’ din it-trade mark matul il-perijodu bejn il-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni u t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, u, fl-aħħar nett, li l-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għan, previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li jiġu protetti l-interessi tal-proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti permezz tal-ħarsien tal-funzjoni essenzjali ta’ dawn id-drittijiet fir-rigward ta’ kunflitti mat-trade marks tal-Unjoni Ewropea sussegwenti.

30

B’mod partikolari, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argumenti fis-sens li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn l-azzjonijiet għal kontrafazzjoni u l-proċeduri amministrattivi dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea, kif tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Fédération Cynologique Internationale (C‑561/11, EU:C:2013:91, punt 47), u tal‑21 ta’ Lulju 2016, Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs EUIPO (C‑226/15 P, EU:C:2016:582, punti 6162), il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali dwar l-effetti tal-għajbien tad-dritt preċedenti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ invalidità quddiem l-EUIPO, kif tirriżulta mis-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2006, MIP Metro vs UASI – Tesco Stores (METRO) (T‑191/04, EU:T:2006:254, punti 3034), kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2021, Style & Taste vs EUIPO – The Polo/Lauren Company (Rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo) (T‑169/19, EU:T:2021:318, punti 22 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll l-għan tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, intiż li jipproteġi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-EUIPO identifika kemm il-punti inkwistjoni tas-sentenza appellata kif ukoll il-punti tad-deċiżjonijiet u d-dispożizzjonijiet allegatament miksura.

31

Fit-tieni lok, l-EUIPO jikkritika, b’mod partikolari, lill-Qorti Ġenerali talli kkonkludiet, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li t-trade marks preċedenti Brittaniċi mhux irreġistrati inkwistjoni kienu, bħala prinċipju, ta’ natura li jservu ta’ bażi għall-oppożizzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u li għalhekk il-Bord tal-Appell kien imissu ħadhom inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tiegħu, minkejja l-fatt li l-perijodu ta’ tranżizzjoni kien skada fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, u talli ppreċiżat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, bi tweġiba għal argument tal-EUIPO, li din ir-rikorrenti kellha interess leġittimu fis-suċċess tal-oppożizzjoni tagħha fir-rigward tal-perijodu bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata u d-data li fiha skada l-perijodu ta’ tranżizzjoni. Kif ifakkar l-EUIPO, huwa abbażi, b’mod partikolari, ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. Għalhekk, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta b’mod ċar li l-interpretazzjoni allegatament żbaljata tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi applikabbli għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-EUIPO, adottata mill-Qorti Ġenerali, kellha impatt determinanti fuq l-eżitu tas-sentenza appellata.

32

Fit-tielet lok, konformement mal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni ta’ appell, l-appellant għandu juri li, indipendentement mill-punti ta’ liġi li jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fejn il-portata ta’ dan il-kriterju tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, dak tal-appell tiegħu (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 27).

33

Din il-prova timplika fiha nnifisha li għandhom jiġu stabbiliti kemm l-eżistenza kif ukoll in-natura sinjifikattiva ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement permezz ta’ argumenti ta’ natura ġenerali (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 28).

34

Issa, f’dan il-każ, l-EUIPO jidentifika l-kwistjoni mqajma permezz tal-uniku aggravju tiegħu, li tikkonsisti, essenzjalment, fid-determinazzjoni tad-data u taċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġu evalwati l-interess leġittimu tal-proprjetarju ta’ dritt preċedenti fis-suċċess ta’ oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-obbligu tal-EUIPO li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmi dritt preċedenti, f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, it-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali tikkonċerna deċiżjoni adottata fi tmiem proċedimenti ta’ oppożizzjoni bbażati fuq dritt preċedenti protett biss fir-Renju Unit u, min-naħa l-oħra, il-perijodu ta’ tranżizzjoni kien skada fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. B’mod iktar ġenerali, din il-kwistjoni tikkonċerna, skont l-EUIPO, l-impatt tal-għajbien ex nunc tad-dritt preċedenti matul proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ invalidità quddiem l-EUIPO fuq l-eżitu ta’ dawn il-proċedimenti.

35

Barra minn hekk, l-EUIPO jesponi r-raġunijiet konkreti għalfejn tali kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

36

B’mod partikolari, l-EUIPO jispeċifika li l-imsemmija kwistjoni tirrigwarda l-applikabbiltà għall-proċeduri amministrattivi dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea tal-kundizzjoni fundamentali tal-interess ġuridiku u tal-interess li titkompla l-proċedura u l-prinċipji li jikkostitwixxu l-pilastri tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri l-prinċipju ta’ territorjalità, il-prinċipju tan-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-kunċett fundamentali tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, fil-kuntest tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, tali kwistjoni tikkonċerna d-differenza essenzjali, stabbilita fil-ġurisprudenza, bejn, minn naħa, il-proċeduri amministrattivi dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, l-azzjonijiet għal kontrafazzjoni.

37

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-EUIPO jenfasizza n-natura orizzontali tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni tal-interess ġuridiku u tal-interess li titkompla l-proċedura, applikata fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hijiex rilevanti fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea u tal-kwistjoni jekk, fl-aħħar mill-aħħar, l-interess leġittimu fis-suċċess ta’ azzjoni amministrattiva għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u, b’estensjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament li jikkonċerna tali proċeduri.

38

Sussegwentement, huwa jispeċifika li kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa kemm għall-utenti tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kwistjoni mqajma ma tikkonċernax biss l-effett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni iżda wkoll is-sitwazzjonijiet kollha, li huma frekwenti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, ta’ għajbien ta’ dritt preċedenti matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari fil-każ ta’ revoka jew ta’ skadenza ta’ dan id-dritt. F’dan id-dawl, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt preċedenti għandux ikun validu fil-mument tad-deċiżjoni finali tal-EUIPO jew biss fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, l-EUIPO jesponi l-ġurisprudenza kontradittorja tal-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam u jenfasizza r-rabta bejn din il-kwistjoni u dik tal-għajbien ex nunc ta’ tali dritt preċedenti matul il-proċedura ġudizzjarja, filwaqt li jenfasizza li huwa invoka din l-aħħar kwistjoni fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Fl-aħħar nett, huwa jirrileva, essenzjalment, li l-kwistjoni li huwa jqajjem tikkonċerna l-prinċipju fundamentali tan-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta’ din it-trade mark fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, f’kuntest fejn, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi previsti fir-Regolament Nru 207/2009 jew fil-Ftehim dwar il-ħruġ, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, iddikjarat regola li, filwaqt li tinjora l-effetti tal-Artikolu 50(3) TUE u tal-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, tobbliga lill-EUIPO jeżamina raġuni relattiva għal rifjut fir-rigward ta’ territorju li fih, fi kwalunkwe każ, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li għaliha saret applikazzjoni ma hija ser tibbenefika minn ebda protezzjoni. Huwa jżid jgħid li, minbarra r-riskji maħluqa minn dan l-approċċ fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-imsemmi approċċ jippreżenta wkoll riskji fir-rigward tal-prinċipju ta’ reċiproċità, peress li dan jista’ joħloq żbilanċ bejn il-protezzjoni tad-drittijiet Brittaniċi preċedenti fl-Unjoni u l-protezzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit.

40

B’hekk, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta li l-kwistjoni mqajma mill-appell ineżami tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, dak ta’ dan l-appell.

41

Fid-dawl tal-elementi esposti mill-EUIPO, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell imressqa minnu turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell għandu jiġi ammess fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

43

Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura għandha titkompla skont l-Artikoli 171 sa 190a ta’ dawn ir-Regoli.

44

Skont l-Artikolu 137 tal-imsemmija Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza.

45

Għaldaqstant, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell intlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:

 

1)

L-appell huwa ammess.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.