SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Direttiva 2008/98/KE – Artikolu 3(1) – Artikolu 5(1) – Prodott sekondarju – Artikolu 6(1) – Materjali skavati – Kunċetti ta’ ‘skart’ u ta’ ‘prodott sekondarju’ – Tmiem tal-istatus ta’ skart”

Fil-Kawża C‑238/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styria, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ April 2021, fil-proċedura

Porr Bau GmbH

vs

Bezirkshauptmannschaft Graz-Umgebung

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Porr Bau GmbH, minn M. Walcher, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn F. Boldog, A. Kögl, A. Posch, J. Schmoll u E. Wolfslehner, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Bourgois, C. Hermes u M. Ioan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Porr Bau GmbH, (iktar ’il quddiem “Porr bau”), u l-Bezirkshauptmannschaft Graz-Umgebung (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Graz-Umgebung) dwar il-konstatazzjoni, magħmula minn din tal-aħħar, skont liema l-materjali skavati imxerrda fuq żoni agrikoli kienu jikkostitwixxu skart.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat‑18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3, (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”), li skont it-tielet premessa tagħha, kellha bħala għan essenzjali l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti dannużi kkawżati mill-ġbir, it-trasport, it-trattament, il-ħażna u d-depożitu tal-iskart. Id-Direttiva 75/442 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9) li ħi stess tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/98.

4

Il-premessi 6, 8, 11, 22 u 29 tad-Direttiva 2008/98 jistabbilixxu:

“(6)

L-ewwel objettiv ta’ kwalunkwe politika dwar l-iskart għandu jkun li jiġu mminimizzati l-effetti negattivi li għandhom il-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-politika ta’ l-iskart għandha timmira wkoll li tnaqqas l-użu ta’ riżorsi, u li tiffavorixxi l-applikazzjoni prattika tal-ġerarkija ta’ l-iskart.

[…]

(8)

[…] Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed jinkoraġixxi l-irkupru ta’ l-iskart u l-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jiġu ppreservati r-riżorsi naturali. […]

[…]

(11)

L-istatus ta’ skart ta’ ħamrija skavata mhux kontaminata u ta’ materjal ieħor li jirriżulta b’mod naturali, li jintużaw f’siti differenti minn dak li minnu jkunu ġew skavati,għandhom jitqiesu skond id-definizzjoni ta’ l-iskart u d-dispożizzjonijiet dwar prodotti sekondarji jew dwar l-istatus ta’ tmiem ta’ l-iskart taħt din id-Direttiva.

[…]

(22)

[…] Sabiex jiġu speċifikati ċerti aspetti tad-definizzjoni ta’ l-iskart, din id-Direttiva għandha tikkjarifika:

[…]

meta ċertu skart ma jibqax skart, l-istabbiliment ta’ kriterji dwar it-tmiem ta’ l-iskart li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u benefiċċju ambjentali u ekonomiku; kategoriji possibbli ta’ skart li għalihom speċifikazzjonijiet u kriterji dwar ‘it-tmiem ta’ l-iskart’ għandhom jiġu żviluppati huma, fost oħrajn, skart mill-bini u d-demolizzjoni, xi rmied u fdalijiet, metalli skreppjati, aggregati, tyres, tessuti, kompost, skart ta’ karti u ħġieġ. Għall-finijiet li jintlaħaq status ta’ tmiem ta’ l-iskart, operazzjoni ta’ rkupru tista’ tkun sempliċi daqs l-ikkontrollar ta’ l-iskart biex ikun verifikat li jissodisfa l-kriterji tat-tmiem ta’ l-iskart.

[…]

(29)

L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-użu tal-materjali riċiklabbli, bħall-karta rkuprata, skond il-ġerarkija ta’ l-iskart u bil-għan li tinħoloq soċjetà riċiklatriċi, u meta jkun possibbli m’għandhomx jappoġġaw ir-rimi f’radam jew l-inċinerazzjoni ta’ materjali riċiklabbli bħal dawn.”

5

Il-Kapitolu I ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett, Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 7 tagħha.

6

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u permezz tat-tnaqqis ta’ l-impatti ġenerali ta’ l-użu ta’ riżorsi u t-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ tali użu.”

7

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]

(15)

‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru;

(16)

‘preparazzjoni għal użu mill-ġdid’ tfisser il-verifika, it-tindif jew it-tiswija ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru li biha prodotti jew komponenti ta’ prodotti li saru skart jiġu ppreparati sabiex jintużaw mill-ġdid mingħajr ebda proċessar bil-quddiem ieħor;

[…]

(19)

‘rimi’ tfisser kull operazzjoni li mhijiex irkupru anki meta l-operazzjoni għandha bħala konsegwenza sekondarja r-reklamazzjoni ta’ sustanzi jew enerġija. L-Anness I fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rimi;

[…]”

8

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Ġerarkija ta’ l-iskart”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

(a)

prevenzjoni;

(b)

preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(ċ)

riċiklaġġ;

(d)

irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e)

rimi.

2.   Fl-applikazzjoni tal-ġerarkija ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-għażliet li jagħtu l-aqwa riżultat ambjentali ġenerali […].

[…]”

9

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prodotti sekondarji”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“1. Sustanza jew oġġett, li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tagħhom mhuwiex il-produzzjoni ta’ dak l-artikolu, jista’ jitqies li mhuwiex skart kif imsemmi fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 iżda bħala prodott sekondarju biss jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-użu ulterjuri tas-sustanza jew l-oġġett ikun ċert;

(b)

is-sustanza jew l-oġġett jistgħu jiġu wżati direttament mingħajr kwalunkwe proċessar ulterjuri ħlief prattika industrijali normali;

(ċ)

is-sustanza jew l-oġġett huma prodotti bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni; u

(d)

l-użu ulterjuri jkun skond il-liġi, i.e. is-sustanza jew l-oġġett jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti kollha tal-prodott, dawk ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-użu speċifiku, u mhuwiex ser jirriżulta f’impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.”

10

Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Tmiem ta’ l-istatus ta’ skart”:

“1.   Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)

ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(ċ)

is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

(d)

l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

[…]

4.   Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli. […]”

11

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Użu mill-ġdid u riċiklaġġ”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Sabiex ikun hemm konformità ma’ l-objettivi ta’ din id-Direttiva, u biex isir progress lejn soċjetà Ewropea riċiklatriċi b’livell għoli ta’ effiċjenza fir-riżorsi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jinkisbu l-miri li ġejjin:

[…]

(b)

sa l-2020, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għal irkupru materjali ieħor, inklużi operazzjonijiet ta’ radam li jużaw l-iskart biex jissostitwixxu materjali oħra, ta’ skart mhux perikoluż ta’ kostruzzjoni u ta’ twaqqigħ, minbarra l-materjal li jokkorri naturalment li hu definit fil-kategorija 17 05 04 fil-lista ta’ skart għandha tiżdied sa minimu ta’ 70 % skond il-piż.”

12

Fost l-operazzjonijiet ta’ rkupru elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2008/98 hemm, b’mod partikolari, dik ta’ “[t]rattament ta’ l-art li jirriżulta f’benefiċċju għall-agrikoltura jew f’titjib ekoloġiku”.

Id-dritt Awstrijak

13

L-Artikolu 2(1) tal-Abfallwirtschaftsgesetz 2002 (il-Liġi Federali dwar l-Immaniġġar ta’ Skart tal-2002) jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi federali, skart ifisser oġġetti mobbli:

1.

li d-detentur tiegħu jkollu l-intenzjoni li jarmi jew jarmi, jew

2.

li l-ġbir, il-ħażna, it-trasport u t-trattament tagħhom bħala skart huma neċessarji sabiex ma jiġux ippreġudikati l-interessi pubbliċi (Artikolu 1(3)).”

14

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi:

“Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’regolament imsemmi fil-paragrafu 5(2) jew f’regolament imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, is-sustanzi eżistenti għandhom jitqiesu bħala skart sakemm huma jew sustanzi miksuba direttament minnhom jintużaw bħala sostitut għal materja prima jew għal prodotti miksuba minn materja prima primarja. Fil-każ ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2(5), it-tmiem tal-istatus ta’ skart iseħħ fit-tmiem ta’ dik l-operazzjoni ta’ rkupru.

Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Diversi bdiewa marru għand Porr Bau sabiex jiksbu minnha materjali skavati sabiex jinżergħu l-ħamrija jew għal titjib ta’ żoni agrikoli fil-produzzjoni. F’dan il-mument, ma kienx ċert li din l-impriża kienet f’pożizzjoni li tissodisfa t-talba tagħhom. Din tal-aħħar wasslet lil Porr Bau sabiex tagħżel, sussegwentement, proġett ta’ kostruzzjoni xieraq u sabiex tieħu minnu dawn il-materjali. Din il-kumpannija b’hekk ipprovdiet il-materjali mitluba, jiġifieri materjal għat-tħaffir mhux ikkontaminat tal-klassi ta’ kwalità A 1, li huwa, skont id-dritt Awstrijak, l-ogħla klassi ta’ kwalità għall-iskavar tal-art. Skont dan id-dritt, l-użu ta’ tali materjal huwa adattat għal tali żvilupp tal-art u l-użu tagħhom huwa legali.

16

Fl‑4 ta’ Mejju 2018, Porr Bau talbet lill-awtorità amministrattiva tad-distrett ta’ Graz-Umgebung tikkonstata li l-materjali skavati li hija kienet ipprovdiet ma kinux jikkostitwixxu skart u, sussidjarjament, li x-xogħlijiet previsti ma kinux jikkostitwixxu attività suġġetta għal obbligu ta’ kontribuzzjoni għas-sit ikkontaminat.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2020, din l-awtorità kkonstatat li l-imsemmija materjali kienu jikkostitwixxu skart, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi Federali dwar l-Immaniġġar ta’ Skart tal-2002, u li l-istatus tagħhom ta’ skart ma kienx intemm, minħabba r-raġuni prinċipali li kriterji formali previsti mill-pjan federali għall-immaniġġar tal-iskart ma kinux ġew osservati.

18

Adita minn Porr Bau b’rikors kontra din id-deċiżjoni, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija) tistaqsi jekk il-materjali skavati inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 2008/98. Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li, f’din l-ipoteżi, hija jkollha teżamina jekk dan l-istatus ntemmx.

19

L-imsemmija qorti tenfasizza li l-imsemmija materjali ġew suġġetti għal operazzjoni ta’ kontroll, b’tali mod li dawn jistgħu jintużaw direttament. Hija tindika li, f’dan il-każ, huma ntużaw bil-għan li tittejjeb l-istruttura agrikola, li kien hemm bżonn materjali, li r-rekwiżiti tekniċi ġew osservati u li, barra minn hekk, ma kienx hemm effetti dannużi fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa. Barra minn hekk, tali approċċ ikollu bħala għan il-prevenzjoni tal-iskart u s-sostituzzjoni ta’ tali materjali b’materja prima.

20

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt Awstrijak, huma biss żewġ attivitajiet li jtemmu l-istatus ta’ skart, jiġifieri, minn naħa, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid permezz ta’ kontroll, tindif jew tiswija, u, min-naħa l-oħra, l-użu effettiv tal-materjal ikkonċernat sabiex jissostitwixxi l-materja prima. Fir-rigward tal-materjali skavati, il-kriterji applikabbli huma iktar restrittivi, peress li l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid ma ttemmx l-istat ta’ skart tagħhom. Għalhekk, din il-qorti tqis li, skont l-istat tad-dritt attwalment fis-seħħ fl-Awstrija u skont l-interpretazzjoni adottata b’mod komuni, it-tmiem tal-istatus ta’ skart huwa ristrett b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

21

Fil-fatt, għalkemm il-materjali skavati inkwistjoni jaqgħu taħt l-ogħla klassi ta’ kwalità u li jkunu xierqa, fil-livell tekniku u ġuridiku, għall-finijiet tat-titjib tas-superfiċi agrikoli inkwistjoni, il-kriterji formali previsti mill-pjan federali tal-immaniġġar tal-iskart, interpretati b’mod strett, jistgħu jipprekludu t-tmiem tal-istatus ta’ skart ta’ dawn il-materjali.

22

B’dan il-mod, skont il-qorti tar-rinviju, attività, bħal titjib ta’ superfiċji agrikoli permezz ta’ materjali skavati, li sservi għas-sostituzzjoni ta’ materja prima u hija imposta skont il-ġerarkija tal-iskart prevista mid-Direttiva 2008/98, hija prekluża. Dan joħloq inċentiv, li jmur kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva, li tintuża materja prima primarja u li materja prima sekondarja, bħal materjali skavati jkunu perfettament adattati għall-irkupru.

23

F’dan il-kuntest, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istatus ta’ tmiem tal-iskart jintlaħaq biss meta l-iskart jew is-sustanzi residwali jew is-sustanzi li jirriżultaw minnhom jintużaw direttament bħala sostituti ta’ materja prima jew ta’ prodotti magħmula minn materja prima jew meta jiġu ppreparati bil-għan ta’ użu mill-ġdid, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2008/98]?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istatus ta’ tmiem tal-iskart, fir-rigward ta’ materjal estratt, jista’ biss jintlaħaq l-iktar kmieni permezz tas-sostituzzjoni ma’ materja prima jew ma’ prodotti mmanifatturati minn materja prima, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda:

3)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istatus ta’ tmiem tal-iskart, fir-rigward ta’ materja estratta, ma jistax jintlaħaq jekk kriterji formali (b’mod partikolari obbligi ta’ reġistrazzjoni u dokumentazzjoni) li ma għandhomx influwenza ambjentali rilevanti fuq il-miżura implimentata, ma jiġux osservati jew ma jiġux osservati kompletament, minkejja li l-materja estratta taqa’ b’mod verifikabbli taħt il-valuri limiti previsti għall-użu konkret (klassi ta’ kwalità) preskritti minħabba l-użu speċifiku previst, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98?”

Fuq id‑domandi preliminari

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima adita biha. Minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li ġiet sottomessa lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Uniqa Asigurări, C‑267/21, EU:C:2022:614, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Hija wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirrispondi għad-domandi magħmula billi tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kuntest fattwali ddefiniti mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti f’dan ir-rigward, u li tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Philips Orătrati tie, C‑487/20, EU:C:2022:92, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk il-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux “skart”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98. Din il-qorti tirrileva, fil-fatt, li wieħed mill-għanijiet tal-kawża li għandha quddiemha huwa jekk materjali skavati mhux ikkontaminati, li jaqgħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, taħt il-klassi ta’ kwalità l-iktar għolja għandhomx jiġu kklassifikati bħala “skart”.

27

Il-Gvern Awstrijak isostni li, skont id-dritt Awstrijak, meta materjali jkunu skavati jew iddemoliti matul proġett ta’ kostruzzjoni, il-promotur tal-kostruzzjoni għandu ġeneralment bħala għan prinċipali li jwettaq dan il-proġett mingħajr ma jkun ostakolat minn dawn il-materjali, b’tali mod li dawn tal-aħħar jitneħħew mis-sit inkwistjoni bl-intenzjoni li jarmihom.

28

Porr Bau tqis li dan ma huwiex il-każ hawnhekk u ssostni li l-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 u b’hekk jiġu kklassifikati bħala “prodotti sekondarji”.

29

Fil-każ fejn dawn il-materjali jkollhom madankollu jiġu kklassifikati bħala “skart”, il-qorti tar-rinviju tindika li dawn għandhom ikunu suġġetti għal kontribuzzjoni għal sit ikkontaminat u li jiġi eżaminat jekk kif ukoll, jekk ikun il-każ, f’liema mument, l-istatus ta’ skart tal-imsemmija materjali ntemm.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/98, l-istatus ta’ skart ta’ ħamrija skavata mhux ikkontaminata u ta’ materjal ieħor li jirriżulta b’mod naturali, li jintużaw f’siti differenti minn dak li minnu jkunu ġew skavati, għandhom jitqiesu skont id-definizzjoni tal-iskart u d-dispożizzjonijiet dwar prodotti sekondarji jew dwar l-istatus ta’ tmiem tal-iskart skont l-istess direttiva.

31

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha materjali skavati mhux ikkontaminati, li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, fil-klassi ta’ kwalità l-iktar għolja, minn naħa waħda, għandhom jiġu kklassifikati bħala materjali skavati mhux ikkontaminati, li jappartjenu, taħt il-liġi nazzjonali, għall-ogħla klassi ta’ kwalità, minn naħa, għandhom jiġu kklassifikati bħala skart anki jekk jinstab li dawn il-materjali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prodotti sekondarji” u, min-naħa l-oħra, jitilfu biss dan l-istatus ta’ “skart” meta jintużaw direttament bħala sostituti u meta d-detentur tagħhom jissodisfa kriterji formali li huma irrilevanti għall-finijiet tal-protezzjoni ambjentali.

Fuq il‑kwalifika tal‑materjali skavati bħala “skart” jew bħala “prodott sekondarju”

32

Il-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart” kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew biħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi.

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-klassifikazzjoni bħala “skart” tirriżulta qabel kollox mill-aġir tad-detentur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u Wasserverband Region Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għal dak li jirrigwarda l-espressjoni “jarmi”, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 2008/98, li huwa, skont il-premessa 6 tagħha, li jiġu mminimizzati l-effetti negattivi li għandhom il-ġenerazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 191(2) TFUE, li jipprovdi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha l-għan li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Minn dan isegwi li l-kelma “jarmi”, u għalhekk il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C-624/17, EU:C:2019:564, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

B’mod iktar speċifiku, l-eżistenza ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2008/98, għandha tiġi vverifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, li wħud minnhom jistgħu jikkostitwixxu indizji tal-eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li tintrema sustanza jew oġġett, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jikkostitwixxu tali indizji hemm il-fatt li s-sustanza kkunsidrata hija fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, jiġifieri prodott li ma ġiex imfittex bħala tali, u li l-użu eventwali tiegħu għandu jsir f’kundizzjonijiet partikolari ta’ prekawzjoni minħabba n-natura perikoluża tal-kompożizzjoni tagħha għall-ambjent (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punti 4647 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-metodu ta’ trattament jew il-mod ta’ użu ta’ sustanza ma jiddeterminawx jekk din is-sustanza tiġix ikklassifikata bħala “skart” u li l-kunċett ta’ “skart” la jeskludi s-sustanzi u lanqas l-oġġetti li jistgħu jintużaw mill-ġdid ekonomikament. Is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ mmaniġġar stabbilita mid-Direttiva 2008/98 hija, fil-fatt, intiża li tkopri s-sustanzi kollha u l-oġġetti kollha li l-proprjetarju jarmi, anki jekk għandhom valur kummerċjali u jinġabru fuq bażi kummerċjali għall-finijiet ta’ riċiklaġġ, ta’ rkupru jew ta’ użu mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li s-sustanza jew l-oġġett inkwistjoni ma hijiex jew ma tistax tibqa’ tiġi użata mid-detentur tagħha, b’mod li din is-sustanza jew dan l-oġġett jikkostitwixxu piż li dan id-detentur ifittex li jeħles minnu. Jekk dan huwa fil-fatt il-każ, hemm riskju li d-detentur jarmi s-sustanza jew l-oġġett fil-pussess tiegħu b’mod li jista’ jikkawża ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari billi jabbandunah, jirrilaxxah jew jarmih b’mod li ma huwiex ikkontrollat. Billi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2008/98, din is-sustanza jew dan l-oġġett huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li jimplika li l-irkupru jew ir-rimi tal-imsemmija sustanza jew tal-imsemmi oġġett għandu jsir b’mod li s-saħħa tal-bniedem ma titqegħidx f’perikolu u mingħajr ma jintużaw proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan ir-rigward, il-grad ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ sustanza jew ta’ oġġett mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel jikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dawn jikkostitwixxux jew le skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tas-sustanza jew tal-oġġett ikkonċernati, jeżisti vantaġġ ekonomiku għad-detentur li jagħmel hekk, il-probabbiltà ta’ tali użu mill-ġdid hija kbira. F’każ bħal dan, is-sustanza jew l-oġġett inkwistjoni ma jistgħu jibqgħu jiġu analizzati mhux bħala piż li d-detentur jixtieq “jarmi”, iżda bħala prodott awtentiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet, sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta’ estrazzjoni jew ta’ manifattura li ma huwiex intiż prinċipalment sabiex jipproduċih jista’ jikkostitwixxi mhux residwu, iżda prodott sekondarju, li d-detentur tiegħu ma jipprovax “jarmi”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, iżda li huwa għandu l-intenzjoni li jisfrutta jew jikkummerċjalizza — inkluż, jekk ikun il-każ, għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi minbarra dak li pproduċih — f’kundizzjonijiet vantaġġużi għalih, fi proċess sussegwenti, sakemm dan l-użu mill-ġdid ma jkunx biss possibbiltà iżda ċert, mingħajr trasformazzjoni minn qabel, u fit-tkomplija tal-proċess ta’ produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C-629/19, EU:C:2020:824, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat li jiġu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/98, li huma intiżi sabiex jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi tal-iskart jiġu implimentati mingħajr ma titqiegħed f’perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jiġu użati proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, sustanzi jew oġġetti li d-detentur jixtieq juża jew jikkummerċjalizza f’kundizzjonijiet vantaġġużi, irrispettivament minn kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru. Madankollu, fid-dawl tal-obbligu li l-kunċett ta’ “skart” jingħata interpretazzjoni wiesgħa, għandu jitqies li huma koperti biss is-sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid tas-sustanza jew tal-oġġett inkwistjoni ma jikkostitwixxix biss possibbiltà, iżda ċertezza, mingħajr il-ħtieġa li tintuża bil-quddiem waħda mill-proċeduri ta’ rkupru tal-iskart imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2008/98, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C-629/19, EU:C:2020:824, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, “prodott sekondarju” huwa sustanza jew oġġett li jirriżulta minn proċess ta’ produzzjoni li l-għan prinċipali tiegħu ma huwiex li tiġi prodotta din is-sustanza jew dan l-oġġett u li jissodisfa numru ta’ kundizzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu 5(1)(a) sa (d).

43

Hekk kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni li l-ewwel għan tiegħu ma huwiex il-produzzjoni ta’ din is-sustanza jew ta’ dan il-prodott jista’ jiġi kkunsidrat mhux bħala skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, iżda bħala “prodott sekondarju” biss jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin ikunu ssodisfatti. L-ewwel, l-użu ulterjuri tas-sustanza jew l-oġġett għandu jkun ċert; It-tieni, is-sustanza jew l-għan għandu jkun jista’ jintuża direttament mingħajr trattament addizzjonali minbarra l-prattiċi industrijali normali. It-tielet, is-sustanza jew l-oġġett huma prodotti bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni; Ir-raba’, l-użu ulterjuri jkun skont il-liġi, jiġifieri is-sustanza jew l-oġġett jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti kollha tal-prodott, dawk ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-użu speċifiku, u ma huwiex ser jirriżulta f’impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.

44

Sustanza jew oġġett li jikkostitwixxi “prodott sekondarju”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, ma jitqiesx li huwa skart li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, il-kwalità ta’ “prodott sekondarju” u l-istatus ta’ “skart” jeskludu lil xulxin reċiprokament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 71).

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx jikkostitwixxi skart, fis-sens ta’ din id-direttiva, tal-kokk taż-żejt prodott volontarjament, jew li jirriżulta mill-produzzjoni simultanja ta’ sustanzi oħra kombustibbli taż-żejt, f’raffinerija taż-żejt u użat b’ċertezza bħala kombustibbli għall-bżonnijiet tal-enerġija ta’ dan ir-raffinerija u dawk ta’ industriji oħra. Id-demel tal-annimali jista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, jevita l-klassifikazzjoni ta’ “skart”, jekk jintuża bħala fertilizzant tal-art fil-kuntest ta’ prattika legali ta’ tifrix fuq artijiet identifikati sew u jekk il-ħażna li hija s-suġġett tagħha hija limitata għall-ħtiġijiet ta’ dawn ix-xogħlijiet ta’ fertilizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑121/03, EU:C:2005:512, punti 59 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Hija l-qorti tar-rinviju, li unikament għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża adita biha, li tivverifika, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 32 sa 39 ta’ din is-sentenza, Porr Bau kellhiex effettivament l-intenzjoni li “(t)armi” l-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li jikkostitwixxu skart, fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98.

47

B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk dawn il-materjali skavati kinux jikkostitwixxu piż li din l-impriża ta’ kostruzzjoni fittxet li tarmihom, b’tali mod li jeżisti riskju li din tal-aħħar tarmihom b’mod li jista’ jikkawża dannu lill-ambjent, b’mod partikolari billi tabbanduna, tneħħi jew tarmi tali oġġett b’mod li ma jkunx ikkontrollat.

48

B’dan premess, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-imsemmija qorti kull indikazzjoni utli sabiex taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u WasserverbandRegion Gratkorn-Gratwein, C‑629/19, EU:C:2020:824, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, mill-informazzjoni miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki qabel ġie skavat il-materjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet teżisti talba espressa, magħmula mill-operaturi agrikoli lokali, għall-provvista ta’ tali materjali. Wara li ġew ippreżentati proġetti ta’ kostruzzjoni xierqa, li rrendew il-materjali skavati mitluba disponibbli, din it-talba wasslet għal impenn, min-naħa ta’ Porr Bau, li tqiegħed għad-dispożizzjoni dawn il-materjali skavati, flimkien ma’ ftehim li permezz tiegħu din l-impriża kienet ser twettaq, permezz tagħhom, xogħlijiet ta’ kultivazzjoni u ta’ titjib ta’ artijiet u ta’ superfiċji agrikoli debitament identifikati. Dawn l-elementi, jekk ippruvati, ħaġa li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju, ma jidhrux li huma ta’ natura li jistabbilixxu l-intenzjoni tal-impriża ta’ kostruzzjoni kkonċernata li tarmi l-imsemmija materjali.

50

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala “prodott sekondarju”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98.

51

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni, imfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, huma ssodisfatti.

52

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, li tgħid li l-użu ulterjuri tas-sustanza jew tal-oġġett huwa ċert, f’dan il-każ hija din il-qorti li għandha tivverifika li l-operaturi agrikoli kkonċernati impenjaw ruħhom bil-qawwa, fuq Porr Bau, li tieħu l-kunsinna tal-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali bil-għan li tużahom biex isir xogħol ta’ kultivazzjoni mill-ġdid u titjib ta’ art u żoni agrikoli, iżda wkoll li dawn il-materjali u l-kwantitajiet ikkunsinnati kienu fil-fatt maħsuba għat-twettiq tal-imsemmi xogħol u strettament limitati għal bżonnijiet tiegħu.

53

Fil-każ li l-imsemmija materjali ma jkunux ġew ipprovduti immedjatament, għandha tiġi aċċettata ħażna ta’ tul raġonevoli li tippermetti l-ħażna temporanja tagħhom, sat-twettiq tax-xogħlijiet li huma intiżi għalihom. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, dan il-perijodu ta’ ħażna ma għandux madankollu jeċċedi dak li huwa meħtieġ sabiex l-impriża kkonċernata tkun f’pożizzjoni li teżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady, C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2008/98, li tgħid li s-sustanza jew l-oġġett għandhom ikunu jistgħu jintużaw direttament mingħajr ipproċessar addizzjonali minbarra l-prattiki industrijali normali, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ kontroll ta’ kwalità li juri li dawn huma materjali mhux ikkontaminati li jaqgħu fil-klassi ta’ kwalità l-iktar għolja u huma rrikonoxxuti bħala tali mid-dritt nazzjonali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li dawn il-materjali ma jkunu jeħtieġu ebda proċessar jew trattament qabel l-użu ulterjuri tagħhom.

55

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/98, u dwar jekk l-imsemmija materjali jifformawx parti integrali mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ Porr Bau, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-art skavata tirriżulta minn waħda mill-ewwel stadji normalment imwettqa f’operazzjoni ta’ kostruzzjoni bħala attività ekonomika li għandha bħala konsegwenza t-trasformazzjoni tal-art.

56

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-użu ulterjuri tas-sustanza jew tal-oġġett inkwistjoni għandu jkun skont il-liġi, l-Artikolu 5(1)(d) tad-Direttiva 2008/98 jirrikjedi, b’mod partikolari, li s-sustanza jew l-oġġett inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti kollha tal-prodott, dawk ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-użu speċifiku, u ma huwiex ser jirriżulta f’impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew ikklassifikati, wara analiżi ta’ kwalità mwettqa qabel l-użu mill-ġdid tagħhom, bħala li jaqgħu taħt l-ogħla klassi ta’ kwalità ta’ materjali skavati mhux ikkontaminati, kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pjan federali tal-immaniġġar tal-iskart, li jipprevedi rekwiżiti speċifiċi dwar it-tnaqqis tal-kwantitajiet ta’ skart, tas-sustanzi li jniġġsu u l-effetti dannużi tagħhom fuq l-ambjent. Dan il-pjan jipprevedi wkoll li l-użu ta’ materjal skavat mhux ikkontaminat tal-ogħla klassi ta’ kwalità huwa xieraq u awtorizzat għall-finijiet ta’ restawr u ta’ titjib ta’ art.

58

Dan l-użu huwa, bħala prinċipju, konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-użu ta’ art skavata fil-forma ta’ materjal tal-bini, sa fejn dawn jissodisfaw rekwiżiti stretti ta’ kwalità, jippreżenta vantaġġ sinjifikattiv għall-ambjent għaliex jikkontribwixxi, kif jeżiġi l-Artikolu 11(2)(b) ta’ din id-direttiva, għat-tnaqqis tal-iskart, għall-preżervazzjoni tar-riżorsi naturali kif ukoll għall-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkulari.

59

Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, hemm lok li jitqies li l-użu ta’ materjal skavat li jaqa’ fil-klassi ta’ kwalità l-iktar għolja, għall-finijiet ta’ adattament u ta’ titjib tal-art agrikola, jippermetti li tiġi osservata l-ġerarkija tal-iskart stabbilita fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

60

Fl-ipoteżi kuntrarja, fejn tasal għall-konklużjoni li l-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu “skart”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istatus ta’ skart ta’ tali materjali jintemm biss meta jintużaw direttament bħala sostituti u meta d-detentur tagħhom jissodisfa kriterji formali li ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent.

Fuq it‑tmiem tal‑istatus ta’ skart tal‑materjali skavati

61

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, ċertu skart speċifiku ma jibqax skart meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ. It-tmiem tal-istatus ta’ skart huwa wkoll suġġett għal kriterji speċifiċi li għandhom jiġu ddefiniti fl-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet. L-ewwel, is-sustanza jew l-oġġett inkwistjoni għandhom jintużaw komunement għal finijiet speċifiċi. It-tieni għandu jkun hemm suq jew domanda għal tali sustanza jew oġġett; It-tielet, is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-finijiet speċifiċi u għandhom josservaw l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; Ir-raba’, l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma għandux ikollhom impatti ġenerali li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

62

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 5(1) tal-Liġi Federali dwar l-immaniġġar ta’ Skart tal-2002 jipprevedi li l-istatus ta’ skart tas-sustanzi użati jew tas-sustanzi li jirriżultaw minnu jintemm meta dawn is-sustanzi jintużaw direttament bħala sostituti għal materja prima jew għal prodotti miksuba minn materja prima primarji, jew wara l-preparazzjoni tagħhom għall-użu mill-ġdid.

63

Madankollu, fir-rigward tal-materjali skavati, din il-qorti tenfasizza li dan l-istatus ta’ skart jintemm biss meta dawn il-materjali jkunu ntużaw bħala sostituti għal materja prima jew għal prodotti miksuba minn materja prima primarja.

64

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva, minn naħa, li l-irkupru permezz ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid ma jtemmx l-istatus ta’ skart ta’ tali materjali. Min-naħa l-oħra, sabiex dan status jintemm, għandhom jiġu ssodisfatti rekwiżiti formali, bħal obbligi fil-qasam ta’ rekords u ta’ dokumenti, li ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu ssodisfatti, skont il-pjan federali għall-immaniġġar tal-iskart.

65

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-istatus ta’ skart ta’ materjali skavati mhux ikkontaminati, li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, taħt l-ogħla klassi ta’ kwalità jintemm biss meta jkunu ntużaw bħala sostitut għal materja prima u wara li jkunu ġew issodisfatti tali rekwiżiti formali.

66

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, fost l-operazzjonijiet ta’ rkupru elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2008/98 hemm dik ta’ “[t]rattament ta’ l-art li jirriżulta f’benefiċċju għall-agrikoltura jew f’titjib ekoloġiku”, mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, għall-finijiet tal-kisba tal-istatus ta’ tmiem il-kwalità ta’ skart, operazzjoni ta’ rkupru tista’ sempliċement tikkonsisti fil-kontroll tal-iskart sabiex jiġi vverifikat jekk din tissodisfax il-kriterju determinanti minn liema mument ma jibqax skart.

67

Din il-premessa tingħata espressjoni konkreta fl-Artikolu 3(16) tad-Direttiva 2008/98, li formalment jiddefinixxi “preparazzjoni għall-użu mill-ġdid” bħala operazzjoni li tikkonsisti fil-“verifika, it-tindif jew it-tiswija” ta’ prodotti jew komponenti ta’ prodotti li saru skart sabiex jiġu ppreparati sabiex jintużaw mill-ġdid mingħajr ebda pproċessar bil-quddiem ieħor. Din id-dispożizzjoni tikklassifika espressament operazzjonijiet ta’ “preparazzjoni għal użu mill-ġdid” bħala rkupru.

68

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li eżami intiż sabiex jiġu ddeterminati l-kwalità u l-preżenza ta’ tniġġis jew ta’ kontaminazzjoni f’materjali skavati jista’ jiġi kklassifikat bħala “verifika” li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “preparazzjoni għall-użu mill-ġdid”, kif iddefinit fl-Artikolu 3(16) tad-Direttiva 2008/98. Għaldaqstant, l-iskart li huwa s-suġġett ta’ tali operazzjoni ta’ “preparazzjoni għall-użu mill-ġdid” jista’ jitqies li jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jekk l-użu mill-ġdid tiegħu ma jeħtieġ ebda operazzjoni oħra ta’ pproċessar bil-quddiem ieħor.

69

Fit-tieni lok, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, il-kriterji speċifiċi ddefiniti fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 6(1) humiex osservati fi tmiem l-operazzjoni ta’ skrutinju.

70

Fir-rigward tal-kriterji formali previsti mill-pjan federali għall-immaniġġar tal-iskart li għalih kienu suġġetti l-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, il-kriterji relatati mat-tmiem tal-istatus ta’ skart għandhom jinkludu valuri ta’ limitu għall-inkwinanti, jekk ikun neċessarju, u jieħdu inkunsiderazzjoni kull effett ambjentali li jista’ jkun ta’ ħsara għas-sustanza jew l-oġġett. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest previst fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dawn il-kriterji.

71

Għalhekk, għalkemm kriterji formali bħal dawk invokati mill-qorti tar-rinviju jistgħu jkunu neċessarji, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-kwalità u s-sigurtà tas-sustanza inkwistjoni, dawn għandhom jiġu ddefiniti b’mod li jintlaħqu l-għanijiet tagħhom mingħajr ma jiġi kompromess it-twettiq ta’ dawk tad-Direttiva 2008/98.

72

F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-deċiżjoni msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni li l-istatus ta’ skart tal-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx intemm kienet essenzjalment dovuta għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ kriterji formali irrilevanti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent.

73

Issa, hemm riskju li l-għanijiet tad-Direttiva 2008/98 jiġu injorati jekk, minkejja l-osservanza tagħhom tal-kriterji speċifiċi ddefiniti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, materjali skavati mhux ikkontaminati tal-klassi ta’ kwalità l-iktar għolja, li l-proprjetajiet tagħhom jistgħu jservu sabiex itejbu l-istrutturi agrikoli ma kinux ikkunsidrati bħala li tilfu l-istatus ta’ skart wara kontroll ta’ kwalità li jippermetti li tiġi żgurata s-sigurtà tal-użu tagħhom fl-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.

74

Fil-fatt, jekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-użu mill-ġdid ta’ tali materjali skavati kien ostakolat minn kriterji formali li huma irrilevanti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li jmorru kontra l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/98, li, kif jirriżulta mill-premessi 6, 8 u 29 tagħha, jikkonsistu f’li tiġi inkoraġġita l-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart prevista fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva kif ukoll l-irkupru tal-iskart u l-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jippreżervaw ir-riżorsi naturali u jippermettu l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari. Jekk ikun il-każ, tali miżuri jippreġudikaw l-effettività ta’ din id-direttiva.

75

Ma jistax jiġi aċċettat li tali kriterji formali għandhom l-effett li jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98. Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ f’dan il-każ.

76

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, jekk il-materjali skavati inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ operazzjoni ta’ rkupru u jissodisfaw il-kriterji speċifiċi kollha ddefiniti fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) sa (d) tad-Direttiva 2008/98, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jitqies li l-istatus skart ta’ dawn l-materjali ntemm.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha materjali skavati mhux ikkontaminati, li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, taħt l-ogħla klassi ta’ kwalità,

għandhom jiġu kklassifikati bħala skart filwaqt li d-detentur tiegħu la għandu l-intenzjoni u lanqas l-obbligu li jarmih u li dawn il-materjali jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva sabiex jiġu kklassifikati bħala prodotti sekondarji, u

jitilfu dan l-istatus ta’ skart biss meta jintużaw direttament bħala sostituti u d-detentur tagħhom ikun issodisfa kriterji formali li ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent, jekk dawn tal-aħħar għandhom l-effett li jikkompromettu l-kisba tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

Fuq l‑ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt (1) tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha materjali skavati mhux ikkontaminati, li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, fil-klassi ta’ kwalità l-iktar għolja,

 

għandhom jiġu kklassifikati bħala skart filwaqt li d-detentur tiegħu la għandu l-intenzjoni u lanqas l-obbligu li jarmih u li dawn il-materjali jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva sabiex jiġu kklassifikati bħala “prodotti sekondarji”, u

 

jitilfu dan l-istatus ta’ skart biss meta jintużaw direttament bħala sostituti u d-detentur tagħhom ikun issodisfa kriterji formali li ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent, jekk dawn tal-aħħar għandhom l-effett li jikkompromettu l-kisba tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.