SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Aċċess għall-ġustizzja – Artikolu 9(3) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent – Locus standi ta’ tali assoċjazzjoni quddiem qorti nazzjonali sabiex tiġi kkontestata l-approvazzjoni tat-tip tal-KE mogħtija lil ċerti vetturi – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2)(a) – Vetturi bil-mutur – Magna diżil – Emissjonijiet ta’ tniġġis – Valv għar-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost (valv EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘tieqa tat-temperaturi’ – 101772/Tagħmir ta’ manipulazzjoni – Awtorizzazzjoni ta’ tali tagħmir meta l-bżonn ikun iġġustifikat fir-rigward ta’ protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura – Livell tat-teknoloġija”

Fil-Kawża C‑873/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva tas-Schleswig-Holstein, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Deutsche Umwelthilfe eV

vs

Bundesrepublik Deutschland,

fil-preżenza ta’:

Volkswagen AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, P. G. Xuereb (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Deutsche Umwelthilfe eV, minn R. Klinger, Rechtsanwalt,

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn F. Liebhart, bħala aġent,

għal Volkswagen AG, minn B. Wolfers u R. B. A. Wollenschläger, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker, G. Gattinara u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus (id-Danimarka) fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (EUR 5 u EUR 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Deutsche Umwelthilfe eV, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Kraftfahrt-Bundesamt (l-Uffiċċju Federali għat-Traffiku tal-Vetturi bil-Mutur, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“KBA”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha awtorizza, għal ċerti vetturi prodotti minn Volkswagen AG, l-użu ta’ software li jnaqqas ir-riċirkolazzjoni ta’ gass li jniġġes skont it-temperatura esterna.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

It-tmintax-il premessa tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprovdi li:

“Filwaqt li jixtiequ li l-pubbliku, inkluż l-organizzazzjonijiet, ikollhom aċċess għal mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tagħhom u sabiex il-liġi tiġi osservata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.   Il-kelma ‘pubbliku’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mwaqqfa minn dawn il-persuni.

5.   L-espressjoni ‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku li huwa affettwat jew li jista’ jiġi affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fi kwistjonijiet ambjentali jew li jkollu interess x’jinvoka fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa mid-dritt intern huma meqjusa li għandhom interess.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprevedi fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ rikors imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 [ta’ dan l-artikolu], kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom joffru rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ ordni jekk ikun il-każ, u dawn ir-rimedji għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u rapidi, mingħajr ma jkunu jinvolvu spejjeż projbittivi. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew jiġi rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati u, sa fejn ikun possibbli, dawk ta’ korpi oħra għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006

6

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt [il-Konvenzjoni ta’ Aarhus], billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi:

[…]

d)

jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell Komunitarju [Ewropew] taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.”

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(f) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

f)

‘liġi ambjentali’, tfisser leġislazzjoni Komunitarja li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat: il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali ta’ risorsi naturali, u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija”.

Id-Direttiva Qafas

8

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU 2007, L 263, p. 1) kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1060/2008 tas‑7 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 292, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”) tħassret bir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2020. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-Direttiva Qafas tibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva Kwadru jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.

[…]

Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV.”

10

Il-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva qafas jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk:

[…]

5.

‘approvazzjoni tat-tip tal-KE’ tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI”.

11

L-Anness IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi”, kien jipprevedi, fil-Parti I tiegħu, intitolata “Atti regolatorji għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi prodotti f’serje mhux limitati”, ir-Regolament Nru 715/2007 f’dak li jikkonċerna l-“[e]missjonijiet (Euro 5 u 6) vetturi mhux ta’ strapazz/aċċess għal informazzjoni”.

Ir-Regolament Nru 715/2007

12

Skont il-premessi 1, 6, 7 u 12 tar-Regolament Nru 715/2007:

“(1)

[…] Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ emissjonijiet għandhom […] jiġu armonizzati biex jiġu evitati rekwiżiti li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

[…]

(6)

B’mod partikulari, hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu [ta’ NOx] biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità malvaluri ta’ limitu għat-tniġġis. […]

(7)

Fl-iffissar ta’ l-istandards għall-emissjonijiet huwa importanti li jitqiesu l-implikazzjonijiet għas-swieq u l-kompetittività tal-manifatturi, in-nefqiet diretti u indiretti imposti fuq in-negozju u l-benefiċċji li jinħolqu f’termini ta’ tħeġġiġ ta’ l-innovazzjoni, titjib fil-kwalità ta’ l-arja, tnaqqis fin-nefqiet għas-saħħa, u żieda fil-medja ta’ l-għomor, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ l-impatt globali fuq l-emissjonijiet [ta’ diossidu tal-karbonju (CO2)].

[…]

(12)

Għandhom jitkomplew l-isforzi għall-implimentazzjoni ta’ limiti aktar stretti fuq l-emissjonijiet, li jinkludu tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju, u sabiex jiġi żgurat li dawk il-limiti jirrelataw mar-rendiment fil-fatt tal-vetturi meta dawn ikunu qed jintużaw.”

13

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur (“vetturi”) u ‘spare parts’ bħal ma hu tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom.”

14

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

10)

‘tagħmir ta’ riduzzjoni [manipulazzjoni]’ jfisser kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

15

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“1.   Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li t-tagħmir ġdid, użat biex jibdel tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, kollu li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati.

Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati. […]

[…]”

16

L-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 jipprevedi:

“1.   Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.   L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’ għandiex tapplika fejn:

a)

il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

[…]”

17

L-Anness I ta’ dan ir-regolament intitolat, “Limiti ta’ Emissjoni”, jipprevedi b’mod partikolari l-valuri limitu tal-emissjonijiet ta’ NOx.

Id‑dritt Ġermaniż

18

L-Artikolu 42 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi tal‑Ġustizzja Amministrattiva), tal‑21 ta’ Jannar 1960 (BGBl. 1960 I, p. 17), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 1991 I, p. 686) (iktar ’il quddiem il-“VwGO”), jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi kontenzjużi f’dawn it-termini:

“1.   Rikors jista’ jitlob l-annullament ta’ att amministrattiv (rikors għal annullament) jew sabiex tiġi adottata miżura amministrattiva ordnata f’każ ta’ rifjut jew nuqqas li tittieħed azzjoni (rikors għal inġunzjoni).

2.   Ħlief fejn il-liġi tipprovdi mod ieħor, tali rikors huwa ammissibbli biss jekk ir-rikorrent jasserixxi li d-drittijiet tiegħu ġew indebboliti mill‑miżura amministrattiva jew mir-rifjut jew nuqqas li tittieħed azzjoni.”

19

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 113(1) tal-VwGO jipprovdi:

“Sa fejn il-miżura amministrattiva tkun illegali u d-drittijiet tar-rikorrent ikun ġew indebboliti minnha, il-qorti għandha tannulla l-miżura amministrattiva flimkien ma’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ appell interna fejn dan ikun propizju.”

20

L-Artikolu 1(1) tal-Gesetz über ergänzende Vorschriften zu Rechtsbehelfen in Umweltangelegenheiten nach der EG-Richtlinie 2003/35/EG (Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz – UmwRG) (il-Liġi dwar Dispożizzjonijiet Supplimentari fir-Rigward tal-Kawżi fi Kwistjonijiet Ambjentali Previsti mid-Direttiva 2003/35/KE, tas‑7 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2816), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2017 I, p. 3290) (iktar ’il quddiem l-“UmwRG”), jipprovdi:

“Din il-liġi hija applikabbli għall-kawżi kontra d-deċiżjonijiet segwenti:

[…]

5)

atti amministrattivi jew kuntratti ta’ dritt pubbliku li jawtorizzaw proġetti minbarra dawk imsemmija fil-punti 1 sa 2b skont dispożizzjonijiet li jittrattaw l-ambjent tad-dritt Federali, tad-dritt tal-Land, jew ta’ atti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. […]

Din il-liġi tapplika wkoll meta, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet fis‑seħħ, ma tkunx ġiet meħuda deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza, […]

[…]”

21

Il-paragrafu 2(1) tal-UmwRG jiddikjara li:

“Assoċjazzjoni nazzjonali jew barranija awtorizzata skont l-Artikolu 3 tista’, mingħajr ma hija meħtieġa ssostni indebboliment tad-drittijiet tagħha stess, tippreżenta kawża skont il-VwGO kontra deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), jew kontra n-nuqqas ta’ teħid ta’ tali deċiżjoni, meta l-assoċjazzjoni

1)

issostni li deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 1(1), jew in-nuqqas ta’ teħid ta’ din id-deċiżjoni, hija kuntrarja għal dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għall‑finijiet tad-deċiżjoni;

2)

issostni li hija affettwata mid-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), jew min-nuqqas ta’ teħid ta’ din id‑deċiżjoni, fil-kamp tal-attività statutorja tagħha li tippromwovi l‑għanijiet tal-protezzjoni ambjentali, u

[…]

F’każ ta’ kawża kontra deċiżjoni msemmija fil-punti 2a sa 6 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1, jew kontra n-nuqqas ta’ teħid ta’ din id‑deċiżjoni, l-assoċjazzjoni, barra minn hekk, għandha tinvoka l-ksur ta’ dispożizzjonijiet li jittrattaw l-ambjent.”

22

L-Artikolu 3 tal-UmwRG jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jew barranin għandhom jissodisfaw sabiex ikunu approvati sabiex jippreżentaw rikorsi skont applikazzjoni ta’ din il-liġi kif ukoll il-proċedura ta’ approvazzjoni, Skont dan l-Artikolu 3(1) tal-UmwRG, tali assoċjazzjoni hija, fuq talba, approvata meta, essenzjalment, hija tippromwovi, konformement mal-istatuti tagħha, b’mod ideali u mhux temporanju prinċipalment l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, tkun ilha teżisti għal mill-inqas tliet snin fid-data tal-approvazzjoni u kienet attiva matul dan il-perijodu, toffri l-garanzija ta’ eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti tagħha, b’mod partikolari parteċipazzjoni adegwata fil-proċeduri deċiżjonali tal-awtoritajiet, hija ssegwi għanijiet ta’ interess ġenerali u tippermetti lil kull persuna li ssostni l-għanijiet tagħha li taderixxi magħhom bħala membru.

23

Skont l-Artikolu 25(2) tal-Verordnung über die EG-Genehmigung für Kraftfahrzeuge und ihre Anhänger sowie für Systeme, Bauteile und selbstständige technische Einheiten für diese Fahrzeuge (EG-Fahrzeuggenehmigungsverordnung – EG-FGV) (ir-Regolament dwar l‑approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom u sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati destinati għal dawn il-vetturi (Regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vetturi bil-mutur, tat‑3 ta’ Frar 2011 (BGBl. 2011 I, p. 126), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“1.   Jekk [il-KBA] jikkonstata li vetturi, sistemi, komponenti jew entitajiet tekniċi ma humiex konformi mat-tip approvat, jista’ jieħu l-miżuri neċessarji skont dik mid-Direttivi [2007/46], 2002/24/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Marzu 2002 li għandha x’taqsam ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 29 p. 399)] u 2003/37/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 311)] li hija applikabbli għat-tip ikkonċernat, sabiex il-produzzjoni tkun konformi mat-tip approvat.

2.   Sabiex jirrimedja għal difetti li jkunu tfaċċaw u biex jiżgura l-konformità ta’ vetturi li diġà jkunu tqiegħdu fis-servizz, ta’ komponenti jew ta’ unitajiet tekniċi, [il-KBA] jista’ jadotta a posteriori dispożizzjonijiet addizzjonali.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

24

Volkswagen hija manifattur awtomobilistiku li kien jikkummerċjalizza vetturi bil-mutur, b’mod partikolari l-vetturi ta’ mudell VW Golf Plus TDI, li kienu mgħammra b’mutur diżil ta’ tip EA 189 ta’ ġenerazzjoni EUR 5. Dawn il-vetturi kellhom valv għar-riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost (iktar ’il quddiem il-“valv EGR”), waħda mit-teknoloġiji użati mill-manifatturi awtomobilistiċi, fosthom Volkswagen, sabiex jikkontrollaw u jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ NOx.

25

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dawn il-vetturi kienu jinkludu, oriġinarjament, software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna li tħaddem is-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost b’żewġ modi, jiġifieri mod 0, li jattiva ruħu waqt iċ-ċirkulazzjoni fit-triq ta’ dawn il-vetturi, u mod 1, li jaħdem waqt it-test ta’ approvazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, imsejjaħ “New European Driving Cycle” (NEDC), imwettaq fil-laboratorju. Meta kien japplika l-mod 0, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost kienet tonqos. F’kundizzjonijiet ta’ użu normali, il-vetturi kkonċernati kienu kważi esklużivament fil-mod 0 u ma kinux josservaw il-valuri limitu ta’ emissjoni ta’ NOx previsti mir-Regolament Nru 715/2007.

26

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ dawn il-vetturi, Volkswagen ma ddikjaratx lill-KBA il-preżenza ta’ tali software.

27

Fil‑15 ta’ Ottubru 2015, il-KBA adotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vetturi bil-mutur, tal-karrijiet, tal-komponenti u tal-unitajiet tekniċi tagħhom maħsuba għal tali vetturi (ir-Regolament dwar l-Approvazzjoni tat-Tip tal-KE tal-Vetturi bil-Mutur), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal kawża prinċipali, li permezz tagħha huwa qies li dan is-software kien jikkostitwixxi “tagħmir ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, li ma kienx konformi mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament u ordna lil Volkswagen tneħħi dan it-tagħmir u li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-konformità tal-imsemmija vetturi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u ma’ dik tal-Unjoni Ewropea.

28

Wara din id-deċiżjoni, Volkswagen wettqet l-aġġornament tal-imsemmi software. Dan l-aġġornament kellu l-effett li jiġi installat il-valv EGR sabiex jirregola r-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost b’tali mod li din ir-rata ta’ riċirkolazzjoni kienet ta’ 0 % meta t-temperatura esterna kienet inqas minn – 9°Celsius, ta’ 85 % meta din kienet tinsab bejn – 9° u 11°Celsius, u kienet tiżdied għal iktar minn 11°Celsius sabiex tkun operattiva għal 100 % biss f’temperatura esterna iktar minn 15°Celsius. B’hekk, il-purifikazzjoni tal-gassijiet tal-egżost permezz ta’ din is-sistema ta’ riċirkolazzjoni kienet kompletament effettiva biss jekk it-temperatura esterna kienet ogħla minn 15°Celsius (iktar ’il quddiem il-“tieqa tat-temperaturi”).

29

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-KBA awtorizza s-software inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, huwa qies li t-tagħmir ta’ manipulazzjoni li għadu preżenti fil-vetturi kkonċernati (iktar ’il quddiem il-“vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) kien legali.

30

Fil‑15 ta’ Novembru 2016, Deutsche Umwelthilfe, assoċjazzjoni, awtorizzata sabiex ikollha locus standi in judicio konformement mal-Artikolu 3 tal-UmwRG, ippreżentat appell amministrattiv kontra d-deċiżjoni kkontestata, li, madankollu, ma kienx is-suġġett ta’ deċiżjoni.

31

Fl‑24 ta’ April 2018, Deutsche Umwelthilfe ppreżentat rikors quddiem is-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva tas-Schleswig-Holstein, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu għadhom mgħammra b’tagħmir ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, peress li dan it-tagħmir jiġi attivat meta t-temperaturi medji kkonstatati fil-Ġermanja jintlaħqu. Minbarra dan, hija tqis li l-manifatturi awtomobilistiċi għandhom il-possibbiltà li joħolqu magni li ma jirrikjedux li titnaqqas, għal raġunijiet tekniċi, il-prestazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet għal temperaturi medji, u li għalhekk jaħdmu f’kundizzjonijiet normali ta’ użu.

32

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, konvenuta fil-kawża prinċipali, issostni, minn naħa, li Deutsche Umwelthilfe ma għandhiex locus standi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata u li r-rikors tagħha, konsegwentement, huwa inammissibbli. Min-naħa l-oħra, it-tieqa tat-temperaturi li għandhom il-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali wara l-aġġornament tas-software ikkonċernat hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

33

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, fl-ewwel lok, li Deutsche Umwelthilfe ma għandhiex locus standi skont l-Artikolu 42(2) tal-VwGO, li jistipula li, ħlief fejn il-liġi tipprovdi mod ieħor, ir-rikors huwa ammissibbli biss jekk ir-rikorrent isostni li huwa leż fid-drittijiet tiegħu mill-att amministrattiv inkwistjoni. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk l-espressjoni tal-fatt li s-sistema ta’ azzjonijiet individwali prevista mill-VwGO hija bbażata fuq id-drittijiet suġġettivi. Issa, il-kawża prinċipali ma tidhirx li tikkonċerna dritt suġġettiv li kien ġie ppreġudikat mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-użu ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 u invokata minn Deutsche Umwelhilfe, ma tagħtix dritt suġġettiv lil persuna fiżika, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tipproteġi ċittadini kkunsidrati individwalment.

34

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li din l-assoċjazzjoni ma tistax tislet locus standi mill-Artikolu 2(1) tal-UmwRG, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tal-UmwRG, li jipprevedi deroga legali mir-rekwiżit ta’ dritt suġġettiv, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 42(2) tal-VwGO. Din il-qorti tesponi, f’dan ir-rigward, li huma biss id-deċiżjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu 1(1) li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ta’ assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent b’applikazzjoni tal-UmwRG. Fost dawn id-deċiżjonijiet huma l-uniċi rilevanti, f’dan il-każ, dawk imsemmija fil-punt 5 tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri “atti amministrattivi jew kuntratti ta’ dritt pubbliku li jawtorizzaw proġetti […] skont dispożizzjonijiet li jittrattaw l-ambjent tad-dritt federali, tad-dritt tal-Land, jew ta’ atti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni”.

35

Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix deċiżjoni, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1(1) tal-UmwRG, peress li, permezz tagħha, ma kienx ġie awtorizzat “proġett” iżda “prodott”. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa bbażat fuq id-dritt tal-urbaniżmu u tal-ippjanar tat-territorju u ġie ddefinit abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. p. 248), li tipprovdi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, li t-terminu “proġett” jindika l-“eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra” u “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali”. F’dan ir-rigward, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-imsemmi kunċett jikkonċerna biss installazzjonijiet fissi jew miżuri li jikkostitwixxu intervent dirett fil-madwar jew il-pajsaġġ naturali. Konsegwentement, l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri kif ukoll il-bidla ta’ tali approvazzjoni KE li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jitqiesu bħala l-awtorizzazzjoni ta’ “proġett” fis-sens tad-dritt nazzjonali, peress li ma jinkludu l-ebda installazzjoni fissa u ma jwasslu għal ebda intervent dirett mal-madwar jew il-pajsaġġ naturali.

36

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-UmwRG ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija peress li, waqt id-diskussjoni li wasslet għall-emenda tal-UmwRG, li seħħet matul is-sena 2017, kien ġie espliċitament ippreċiżat li din ma tikkonċernax il-qasam tal-prodotti, inkluż fir-rigward tal-vetturi bil-mutur.

37

Fit-tielet lok, skont il-qorti tar-rinviju, Deutsche Umwelthilfe lanqas ma tista’ tislet locus standi mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, peress li, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 45), din id-dispożizzjoni, bħala tali, ma għandhiex effett dirett. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 9 ma jikkostitwixxix deroga legali mir-rekwiżit ta’ dritt suġġettiv, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 42(2) tal-VwGO.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk Deutsche Umwelthilfe tistax tislet locus standi direttament mid-dritt tal-Unjoni. Hija tirrileva f’dan ir-rigward li, fid-dawl tas-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15 EU:C:2017:987, punt 45), il-locus standi ta’ Deutsche Umwelthilfe jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

39

Din il-qorti tindika li, fid-dawl tad-diverġenzi fil-ġurisprudenza li jeżistu bejn il-qrati nazzjonali fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din is-sentenza, ikun neċessarju għaliha li tkun taf jekk hemmx lok li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jiġi interpretat fis-sens li huwa possibbli għal assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, lil hinn mill-possibbiltajiet ta’ rikors diġà previsti mill-UmwRG, li tikkontesta l-awtorizzazzjoni amministrattiva ta’ prodott, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk ir-rikors ippreżentat minn din l-assoċjazzjoni huwa intiż li jiżgura l-osservanza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt dwar l-ambjent tal-Unjoni li ma jagħtu lok għal ebda dritt suġġettiv.

40

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dubji tagħha jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kriterji previsti mid-dritt intern”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, minn naħa, jista’ jiġi kkunsidrat li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss kriterji li jservu sabiex jiġi ddefinit iċ-ċirku tad-detenturi ta’ dritt għal azzjoni legali u li, konsegwentement, il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri huwa limitat biss għall-kwistjoni dwar għal liema assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent huma jixtiequ jagħtu d-dritt li jiddefendu l-interess ġenerali fi kwistjonijiet ambjentali. Jekk din l-interpretazzjoni kellha tiġi segwita, Deutsche Umwelthilfe jkollha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, locus standi, peress li l-leġiżlatur Ġermaniż kien stabbilixxa dawn il-kriterji fl-Artikolu 3 tal-UmwRG u peress li Deutsche Umwelthilfe ġiet approvata konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

41

Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li l-imsemmi kunċett jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddeterminaw kriterji wkoll fir-rigward tas-suġġett tar-rikors u b’hekk jeskludu ċerti deċiżjonijiet amministrattivi minn kull stħarriġ ġudizzjarju fuq l-inizjattiva ta’ assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent. Skont il-qorti tar-rinviju, tali limitazzjoni tal-locus standi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet għal ċerti deċiżjonijiet, b’mod partikolari dawk li għandhom konsegwenzi gravi għall-ambjent, tista’ tiġi ġġustifikata minħabba n-numru kbir ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li għandhom rabta mal-ambjent. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-awtorizzazzjonijiet ta’ prodott, din il-qorti tirrileva li, ċertament, ma jistax jitqies li dawn qatt ma għandhom importanza kbira għall-ambjent. Madankollu, fid-dawl tan-numru kbir ta’ awtorizzazzjonijiet individwali ta’ prodotti, kunsiderazzjonijiet prattiċi jaħdmu favur dak li għandu jkun possibbli għall-Istati Membri, permezz ta’ analiżi ġeneralizzata, li jeskludu ċerti deċiżjonijiet individwali mill-inċertezza ta’ rikors ippreżentat minn terzi, bħalma huma assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent.

42

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent għandha locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007.

43

Il-qorti tar-rinviju tqis li t-tieqa tat-temperaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tagħmir ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007. Hija tikkunsidra li, minkejja li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 715/2007, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari tal-premessi 4 u 6 tiegħu, li huma biss il-kundizzjonijiet veri ta’ ċirkulazzjoni fit-triq li jistgħu jitqiesu bħala kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim. F’dan ir-rigward, hija tqis li l-għan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NOx jista’ jintlaħaq biss jekk dawn l-emissjonijiet ikunu effettivament imnaqqsa waqt il-użu veru tal-vettura u mhux biss f’kundizzjonijiet artifiċjali. Hija tfakkar li, fl-Ewropa, temperaturi inqas minn 15°Celsius jagħmlu parti mill-“kundizzjonijiet normali” li “wieħed jista’ raġonevolment jiltaqa’ magħhom”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, għas-sena 2018, it-temperatura medja annwali fil-Ġermanja kienet ta’ 10.4°Celsius. Għalhekk, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost tal-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet diġà tkun ġiet imnaqqsa u s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet parzjalment diżattivata, filwaqt li t-temperaturi kienu effettivament jinsabu fil-medja.

44

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk il-kunċett ta’ “bżonn” tat-tagħmir ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, għandux jiġi interpretat fid-dawl tal-livell attwali tat-teknoloġija sabiex jiġi stabbilit jekk tagħmir ta’ manipulazzjoni huwiex effettivament neċessarju f’termini ta’ protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura kkonċernata. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi oħra, bħall-ispejjeż għall-manifatturi u l-effett fuq il-kompetittività tagħhom.

45

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva tas-Schleswig-Holstein) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 9(3) tal-[Konvenzjoni ta’ Aarhus], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom, bħala prinċipju, ikunu jistgħu jikkontestaw quddiem il-qrati deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza – eventwalment bi ksur tal-Artikolu 5(2) tar-[Regolament Nru 715/2007] – il-manifattura ta’ vetturi għal passiġġieri b’mutur tad-diesel li għandhom tagħmir ta’ manipulazzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-bżonn tat-tagħmir ta’ manipulazzjoni f’termini ta’ protezzjoni tal-magna minn ħsarat jew minn inċidenti u għall-funzjonament sigur tal-vettura għandu jiġi evalwat, bħala prinċipju, fid-dawl tal-livell attwali tat-teknoloġija, fis-sens ta’ dak li huwa teknikament fattibbli fid-data tal-għoti tal-approvazzjoni tat-tip KE?

b)

Minbarra l-livell tat-tekonoloġija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, li jistgħu jirrendu legali tagħmir ta’ manipulazzjoni minkejja li, fid-dawl biss tal-livell tat-teknoloġija fid-data rilevanti, ma hemmx “bżonn” għal dan it-tagħmir fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

46

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, li għandha locus standi in judicio skont id-dritt nazzjonali, ma tkunx tista’ tikkontesta quddiem qorti nazzjonali deċiżjoni amministrattiva li tagħti jew li temenda approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tmur kontra l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

47

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ewwel domanda hija mmotivata mill-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tagħtix lil Deutsche Umwelthilfe locus standi kontra deċiżjoni amministrattiva li tagħti jew li temenda approvazzjoni tat-tip tal-KE, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iffirmata mill-Komunità, sussegwentement approvata permezz tad-Deċiżjoni 2005/370, u li d-dispożizzjonijiet tagħha għaldaqstant jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 30 u tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, bla ħsara għall-proċeduri ta’ rikors imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 9, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

50

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni amministrattiva li tagħti jew li temenda approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tmur kontra l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, peress li tikkostitwixxi “att” ta’ awtorità pubblika li allegatament imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-“dritt nazzjonali dwar l-ambjent”.

51

Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:1040, punti 678687) kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest (C‑128/20,EU:C:2022:570, punt 43) u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen (C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 50), li l-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 715/2007 jikkonsisti, hekk kif dan jirriżulta mill-premessi 1 u 6 tiegħu, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, li jitnaqqsu kunsiderevolment l-emissjonijiet ta’ NOx tal-vetturi b’magna diżil sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja u jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis.

52

Issa, il-konstatazzjoni li r-Regolament Nru 715/2007, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, għandu tali għan ambjentali u għalhekk jagħmel parti mid-“dritt dwar l-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-KBA, bl-ebda mod ma hija invalidata mill-fatt li dan ir-regolament ġie adottat abbażi tal-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE, li jikkonċerna l-miżuri dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 114(3) TFUE jipprovdi li l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha ta’ miżuri dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri previsti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-ogħla livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Konsegwentement, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li r-Regolament Nru 715/2007 ma kienx ġie adottat fuq il-bażi ta’ bażi legali speċifika għall-ambjent, bħall-Artikolu 175 KE, li sar l-Artikolu 192 TFUE, ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-għan ambjentali ta’ dan ir-regolament u l-appartenenza tiegħu fid-“dritt dwar l-ambjent”.

54

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata, l-ewwel, mir-Regolament Nru 1367/2006 li, konformement mal-punt (d) tal-Artikolu 1(1) tiegħu, għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet intiżi li japplikawha għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, billi jiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li d-dritt dwar l-ambjent għall-finijiet tiegħu huwa ddefinit bħala kull dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni li, “irrispettivament mill-bażi legali tagħha”, tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent kif previsti mit-Trattat FUE, inkluż il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni.

55

It-tieni, l-imsemmija konstatazzjoni hija sostnuta mill-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġifieri d-dokument ippubblikat mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Gwida ta’ Implimentazzjoni” (it-tieni edizzjoni, 2014), li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jitqies bħala dokument ta’ spjega li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi rilevanti oħra, għall-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, anki jekk l-analiżijiet li jinsabu fih ma għandhom ebda saħħa vinkolanti u ma għandhomx il-portata normattiva marbuta mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjonijiet interni), C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fil-fatt, din il-gwida tikkonferma l-interpretazzjoni wiesgħa li għandha tingħata għall-espressjoni “dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent”, kif tinsab fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, sa fejn, fil-paġna 197 tal-imsemmija gwida, huwa indikat li “l-liġijiet nazzjonali fi kwistjonijiet ambjentali la huma limitati għad-drittijiet ta’ informazzjoni jew għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku ggarantiti mill-Konvenzjoni, u lanqas għat-testi tal-liġi li jsemmu l-ambjent fit-titolu jew fit-taqsima tagħhom. Il-kwistjoni determinanti hija pjuttost jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni hijiex marbuta b’xi mod jew ieħor mal-ambjent. Għalhekk, l-atti u l-ommissjonijiet li jistgħu jiksru d-dispożizzjonijiet dwar, b’mod partikolari, l-urbaniżmu, it-taxxi ambjentali, il-kontroll tal-prodotti kimiċi jew tal-iskart, l-użu tar-riżorsi naturali u t-tniġġis mill-bastimenti jaqgħu wkoll taħt il-paragrafu 3, kemm jekk id-dispożizzjonijiet jinsabux jew le fil-leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar tat-territorju, il-liġijiet fiskali jew il-liġijiet marittimi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57

Barra minn hekk, in-natura allegatament teknika tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li tipprevedi li l-użu ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit, ma tbiddel xejn mill-fatt li din id-dispożizzjoni hija intiża, permezz ta’ tali projbizzjoni, preċiżament sabiex tillimita l-emissjonijiet ta’ gass li jniġġes u li tikkontribwixxi għalhekk għall-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, imfittex minn dan ir-regolament.

58

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 bħala dispożizzjoni tad-dritt dwar l-ambjent li, barra minn hekk, huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, għandu jitqies bħala li jagħmel parti mid-“dritt nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

59

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent li għandha locus standi in judicio taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex ikun detentur tad-drittijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, rikorrent għandu b’mod partikolari jkun “membru tal-pubbliku” u jissodisfa “kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern”.

60

Skont l-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-kelma “pubbliku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mwaqqfa minn dawn il-persuni. Għalhekk, mill-Artikolu 2(4) u mill-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li l-partijiet tagħha jistgħu jipprevedu fid-dritt intern tagħhom kriterji li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tgawdi mid-drittijiet previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni.

61

Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fid-dritt Ġermaniż, dawn il-kriterji huma stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tal-UmwRG u li Deutsche Umwelthilfe, li, skont l-istatut tagħha, għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tan-natura u tal-ambjent kif ukoll għall-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn hija tirrigwarda l-ambjent u s-saħħa, tissodisfa l-imsemmija kriterji u li, fil-fatt, hija ġiet approvata bħala assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent li għandha locus standi in judicio, konformement mal-Artikolu 3 tal-UmwRG.

62

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali assoċjazzjoni tagħmel parti wkoll mill-“pubbliku kkonċernat”, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jfisser il-pubbliku li huwa affettwat jew li jista’ jiġi affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fi kwistjonijiet ambjentali jew li jkollu interess x’jinvoka fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, Għalhekk, skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jistgħu jintalbu fid-dritt nazzjonali, huma meqjusa li għandhom tali interess.

63

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju li huma intiżi, partikolarment, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “kriterji previsti mid-dritt intern”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jippermettix lill-partijiet għal din il-konvenzjoni li jipprevedu tali kriterji mhux biss fir-rigward taċ-ċirku ta’ detenturi ta’ dritt għal azzjoni legali iżda wkoll fir-rigward tas-suġġett tar-rikors, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari mill-fatt li, skontha, ir-rikorsi li tagħmel riferiment għalihom jistgħu jkunu suġġetti għal “kriterji”, li l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom f’dan ir-rigward, jistabbilixxu regoli tad-dritt proċedurali dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġu eżerċitati tali rikorsi (sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 86, kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar 2021, Stichting Varkens in Nood et, C‑826/18, EU:C:2021:7, punt 49).

64

Madankollu, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tali kriterji jirrigwardaw id-determinazzjoni taċ-ċirku ta’ detenturi ta’ dritt għal azzjoni legali, u mhux dik tas-suġġett tar-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent. Isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux inaqqsu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan l-Artikolu 9(3) billi jeskludu mis-suġġett tar-rikors ċerti kategoriji ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

65

It-tieni, meta Stat Membru jistabbilixxi regoli tad-dritt proċedurali applikabbli għar-rikorsi msemmija fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-drittijiet li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent tislet mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, sabiex deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu mistħarrġa fid-dawl tal-obbligi tagħhom taħt dan l-artikolu, dan l-Istat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u għalhekk għandu b’mod partikolari jiżgura r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punti 44 u 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma għandux effett dirett fid-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma jistax jiġi invokat, bħala tali, fil-kuntest ta’ tilwima li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni twassal sabiex tingħata, sa fejn huwa possibbli, għad-dritt nazzjonali interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tagħhom u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dispożizzjonijiet tad-dritt dwar l-ambjent (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 45).

67

Issa, id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li għandu bħala għan li jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-ambjent (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 46), ikun mingħajr kwalunkwe effett utli, jew saħansitra nieqes mis-sustanza tiegħu stess, jekk kellu jiġi aċċettat li, permezz tal-impożizzjoni ta’ kriterji previsti mid-dritt intern, ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku”, a fortiori“membri tal-pubbliku kkonċernat” bħall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġu miċħuda minn kull dritt għal azzjoni legali kontra atti jew ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra ċerti kategoriji ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 46).

68

L-impożizzjoni ta’ dawn il-kriterji ma tistax b’mod partikolari ċċaħħad lill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent mill-possibbiltà li jistħarrġu l-osservanza tar-regoli li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent, peress ukoll li tali regoli, ta’ spiss, jiffavorixxu l-interess ġenerali u mhux is-sempliċi protezzjoni tal-interessi tal-individwi kkunsidrati individwalment u li dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom bħala missjoni li jiddefendu l-interess ġenerali (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69

Fil-fatt, għalkemm il-kliem “kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha” li jinsabu fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jimplikaw li l-Istati Membri jżommu setgħa diskrezzjonali fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huma ma jistgħux jippermettu li dawn jimponu kriterji li huma tant stretti li jkun effettivament impossibbli għall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jikkontestaw atti jew ommissjonijiet li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 48).

70

F’dan il-każ, mill-elementi esposti mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza jidher li jirriżulta li, skont id-dritt Ġermaniż, fin-nuqqas ta’ locus standi kontra deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ “prodott”, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, anki jekk tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tal-UmwRG, ma tistax tippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali sabiex tikkontesta deċiżjoni li tagħti jew temenda approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tkun kuntrarja għall-probizzjoni tal-użu ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

71

Billi b’hekk jeskludi l-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent mill-eżerċizzju ta’ kwalunkwe dritt għal azzjoni legali kontra tali deċiżjoni li tagħti jew temenda approvazzjoni tat-tip tal-KE, id-dritt proċedurali nazzjonali kkonċernat imur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw minn qari konġunt tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 47 tal-Karta. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 52).

72

B’mod partikolari, l-impossibbiltà għal assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, għalkemm awtorizzata li tibda l-proċeduri ġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li taċċedi ġuridikament sabiex tikkontesta deċiżjoni li tagħti jew temenda l-approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tmur kontra l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 u għalhekk għal “dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 9(3), tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Tali limitazzjoni ma tistax titqies bħala ġġustifikata.

73

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-argument li tali limitazzjoni tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent għal ċerti deċiżjonijiet, b’mod partikolari dawk li għandhom konsegwenzi gravi għall-ambjent, tista’ tiġi ġġustifikata minħabba n-numru kbir ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li għandhom rabta mal-ambjent, għandu jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, li ma jirriżultax mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li d-dritt għal azzjoni legali li jipprevedi jista’ jiġi limitat biss għal deċiżjonijiet li għandhom konsegwenzi importanti għall-ambjent. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet li jagħtu jew li jemendaw approvazzjoni tat-tip tal-KE jistgħu jikkonċernaw diversi vetturi u għalhekk ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala li għandhom importanza żgħira għall-ambjent. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li b’mod partikulari huwa neċessarju li jkomplu jintaqqsu kunsiderevolment l-emissjonijiet ta’ NOx tal-vetturi diżil sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja u biex jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis. Issa, deċiżjonijiet li jagħtu jew li jemendaw approvazzjoni tat-tip tal-KE bi ksur tal-projbizzjoni tal-użu ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, prevista fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, jistgħu jostakolaw li dawn l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent jintlaħqu.

74

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-KBA jsostni, l-impossibbiltà għal assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Deutsche Umwelthilfe, li tippreżenta rikors kontra deċiżjonijiet li jagħtu jew li jemendaw approvazzjoni tat-tip tal-KE bl-ebda mod ma hija neċessarja sabiex jiġi evitat actio popolaris. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li assoċjazzjoni kienet ġiet approvata konformement mal-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, ingħatat locus standi in judicio fi kwistjonijiet ambjentali, hija għandha titqies bħala li hija suffiċjentement ikkonċernata mill-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt dwar l-ambjent tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tinvoka tali ksur quddiem il-qrati nazzjonali.

75

Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rikors konformement kemm mal-għanijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll skont l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, sabiex assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Deutsche Umwelthilfe, tkun tista’ tikkontesta quddiem qorti deċiżjoni li tagħti jew temenda l-approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tkun kontra l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation, C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 54).

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju semmiet, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, sentenza mogħtija fil-Ġermanja wara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987), li kienet irrikonoxxiet, permezz ta’ tali interpretazzjoni konformi tat-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 42(2) tal-VwGO, il-locus standi lil tali assoċjazzjoni meta din tal-aħħar tfittex li tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq id-dritt dwar l-ambjent tal-Unjoni. Għalhekk, ma jidhirx a priori eskluż li dan il-locus standi jista’ jiġi rrikonoxxut lil assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Deutsche Umwelthilfe, abbażi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż li tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

77

Jekk tali interpretazzjoni konformi kellha tirriżulta impossibbli, għandu jitfakkar li kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li tħalli mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett fit-tilwima li titressaq quddiemha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 161 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Hekk kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa, bħala tali, mingħajr effett dirett b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax iġġiegħel lill-qorti tar-rinviju li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra tiegħu.

79

Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu regoli li jirregolaw id-dritt għal azzjoni legali msemmi fl-imsemmija dispożizzjoni ma jaffettwax l-obbligu tagħhom li jiżguraw dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, kif ifakkar, barra minn hekk, ukoll l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Issa, l-Artikolu 47 huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt li jista’ jiġi invokat bħala tali (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, dan l-artikolu jista’ jiġi invokat bħala limitu għas-setgħa diskrezzjonali li titħalla lill-Istati Membri skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

80

Għaldaqstant, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprekludu li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, bħal Deutsche Umwelthilfe, ikollha l-possibbiltà li tikkontesta deċiżjoni li tagħti jew li temenda l-approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tmur kontra l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l‑Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, li għandha locus standi in judicio konformement mad-dritt nazzjonali, ma tkunx tista’ tikkontesta quddiem qorti nazzjonali deċiżjoni amministrattiva li tagħti jew li temenda approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tkun kontra l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

Fuq it‑tieni domanda

82

Permezz tat-tieni domanda tagħha, taħt (a) u (b), li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“bżonn” ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-livell ta’ teknoloġija eżistenti fid-data tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE u jekk hemmx lok li jiġu kkunsidrati ċirkustanzi oħra minbarra dan il-“bżonn” sabiex tiġi eżaminata l-legalità ta’ dan it-tagħmir ta’ manipulazzjoni.

83

L-ewwel, għandu jitfakkar li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jiddefinixxi “tagħmir ta’ riduzzjoni” [tagħmir ta’ manipulazzjoni] bħala “kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

84

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-software inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien stabbilixxa tieqa tat-temperaturi li permezz tagħha r-rata ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost hija ta’ 0 % meta t-temperatura esterna tkun inqas minn – 9°Celsius, ta’ 85 % meta din tkun tinsab bejn – 9° u 11° Celsius, u tiżdied lil hinn minn 11° Celsius sabiex tkun operattiva għal 100 % biss b’temperatura esterna ta’ iktar minn 15° Celsius. Hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ir-rata ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost hija għalhekk imnaqqsa għal 85 % meta t-temperaturi medji kkonstatati fil-Ġermanja, li għas-sena 2018 kienu 10.4° Celsius, jintlaħqu.

85

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ tieqa tat-temperaturi identika għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir li jiżgura l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet previsti mill-imsemmi regolament biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15° u 33° Celsius u li l-altitudni ta’ sewqan tkun inqas minn 1000 jikkostitwixxi “tagħmir ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 3 (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 47, u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 54).

86

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, l-użu ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit. Madankollu, din il-projbizzjoni għandha tliet eċċezzjonijiet, fosthom dik li tinsab fl-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna l-każ fejn “il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura”.

87

Peress li tistabbilixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’ mod strett (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 50; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 63 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 61).

88

Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, li l-bżonn ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni għandu jkun iġġustifikat mhux biss għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew minn inċidenti, iżda wkoll għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura. Fil-fatt, fid-dawl tal-użu, fl-imsemmija dispożizzjoni, tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u”, din għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kundizzjonijiet li hija tipprevedi huma kumulattivi (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 61; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 73 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 72).

89

Għaldaqstant, u fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li din l-eċċezzjoni għandha tirċievi, tagħmir ta’ manipulazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi ġġustifikat taħt l-imsemmija eċċezzjoni biss sa fejn jiġi stabbilit li dan it-tagħmir jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ komponent tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi tagħmir. Madankollu, tali verifika taqa’, fil-kawża prinċipali, taħt l-evalwazzjoni tal-fatti li hija l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biss (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 62; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 74 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 73).

90

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda tieqa tat-temperaturi identika għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 ma jimponix formalment kundizzjonijiet oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tagħmir ta’ manipulazzjoni li għandu, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, jitħaddem fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tiġi protetta minn ħsara jew minn inċident u li t-tħaddim fis-sigurtà sħiħa tal-vettura jiġi żgurat imur manifestament kontra l-għan imfittex minn dan ir-regolament, li l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li ssir deroga minnu f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna biss, u jwassal sabiex jiġi ppreġudikat b’mod sproporzjonat il-prinċipju nnifsu tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ NOx mill-vetturi (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 63; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 75 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 74).

91

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lil dan l-Artikolu 5(2)(a), tali tagħmir ta’ manipulazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, li jiġi aċċettat li tali tagħmir ta’ manipulazzjoni jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni jwassal sabiex jirrendi din l-eċċezzjoni applikabbli matul il-parti l-kbira tas-sena fil-kundizzjonijiet reali ta’ sewqan li jipprevalu fit-territorju tal-Unjoni, b’tali mod li l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ tali tagħmir ta’ manipulazzjoni, stabbilit f’dan l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, ikun jista’, fil-prattika, jiġi applikat inqas ta’ spiss mill-imsemmija eċċezzjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punti 6465; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punti 7677 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punti 7576).

92

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, minn naħa, li mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun stabbilixxa l-valuri limitu ta’ emissjoni ta’ tniġġis, huwa jkun ħa inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi tal-manifatturi u, b’mod partikolari, tal-ispejjeż imposti fuq l-impriżi min-neċessità li jiġu osservati dawn il-valuri. Huwa għalhekk l-obbligu tal-manifatturi li jadattaw ruħhom u li japplikaw tagħmir tekniku xieraq sabiex jiġu osservati l-imsemmija valuri, peress li dan ir-regolament bl-ebda mod ma jimponi l-użu ta’ teknoloġija partikolari (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 67; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 79 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 78).

93

Min-naħa l-oħra, dan l-għan imsemmi fir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti li jiġi żgurat livell għoli tal-protezzjoni tal-ambjent u li titjieb il-kwalità tal-arja fi ħdan l-Unjoni, jimplika li effettivament jintaqqsu l-emissjonijiet ta’ NOx matul il-ħajja normali tal-vetturi, Issa, awtorizzazzjoni ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni skont l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament għas-sempliċi raġuni li, pereżempju, l-ispejjeż tar-riċerka huma kbar, li t-tagħmir tekniku jiswa ħafna flus jew li l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni tal-vettura huma iktar frekwenti u jiswew iktar għall-utent, tista’ jippreġudika dan l-għan (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 68; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 80 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 79).

94

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, għandu jitqies li l-“bżonn” ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jeżisti biss meta, fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ dan it-tagħmir jew tal-vettura li hija mgħammra bih, ebda soluzzjoni teknika oħra ma tippermetti li jiġu evitati riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident tal-magna li jiġġeneraw perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest, C‑128/20, EU:C:2022:570, punt 69; tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 81 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen, C‑145/20, EU:C:2022:572, punt 80).

95

Konsegwentement, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ manipulazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat, skont din id-dispożizzjoni, ħlief bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li dan it-tagħmir jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ komponent tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi tagħmir. Minbarra dan, il-“bżonn” ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeżisti biss meta, fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ dan it-tagħmir jew tal-vettura li hija mgħammra bih, ebda soluzzjoni teknika oħra ma tippermetti li jiġu evitati riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident tal-magna li jiġġeneraw perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura.

Fuq l‑ispejjeż

96

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L‑Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas‑17 ta’ Frar 2005, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, li għandha locus standi in judicio konformement mad-dritt nazzjonali, ma tkunx tista’ tikkontesta quddiem qorti nazzjonali deċiżjoni amministrattiva li tagħti jew li temenda approvazzjoni tat-tip tal-KE li tista’ tkun kontra l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (EUR 5 u EUR 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

 

2)

L‑Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ manipulazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat, skont din id-dispożizzjoni, ħlief bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li dan it-tagħmir jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ komponent tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi tagħmir. Minbarra dan, il-“bżonn” ta’ tagħmir ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jeżisti biss meta, fil-mument tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ dan it-tagħmir jew tal-vettura li hija mgħammra bih, ebda soluzzjoni teknika oħra ma tippermetti li jiġu evitati riskji immedjati ta’ ħsara jew ta’ inċident tal-magna li jiġġeneraw perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.