SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur – Regolament (UE) 2018/858 – Artikolu 61 – Obbligu tal-produtturi tal-vetturi li jipprovdu l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur – Portata – Dritt ta’ aċċess għal din l-informazzjoni – Operaturi indipendenti – Pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika – Artikolu 63 – Spejjeż ta’ aċċess proporzjonati u raġonevoli”

Fil-Kawża C‑390/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

ADPA European Independent Automotive Data Publishers,

Gesamtverband Autoteile-Handel e.V.

vs

Automobiles PEUGEOT SA,

PSA Automobiles SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ADPA European Independent Automotive Data Publishers u Gesamtverband Autoteile‑Handel e.V., minn E. Macher, M. Sacré u P. Schmitz, Rechtsanwälte,

għal Automobiles PEUGEOT SA u PSA Automobiles SA, minn F. Hübener, B. Lutz u A. Wendel, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 61(1) u tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ADPA European Independent Automotive Data Publishers, assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Belġjan, u Gesamtverband Autoteile-Handel e.V., assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ġermaniż, (iktar ’il quddiem “Gesamtverband”) minn naħa u Automobiles PEUGEOT SA (iktar ’il quddiem “Peugeot”) u PSA Automobiles SA (iktar ’il quddiem “PSA”) min-naħa l-oħra, dwar il-ħlas li dawn tal-aħħar jiffatturaw għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi tat-trade mark li huma jimmanifatturaw.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 50 u 52 tar-Regolament Nru 2018/858 jipprovdu:

“(50)

L-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, permezz ta’ format standardizzat li jista’ jintuża sabiex tiġi rkuprata l-informazzjoni teknika, kif ukoll il-kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi li jipprovdu tali informazzjoni, huma meħtieġa sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà fil-forniment tas-servizzi. Ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni sa issa kienu stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU 2009, L 188, p. 1). Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiġu kkonsolidati f’dan ir-Regolament u jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 jiġu emendati kif xieraq.

[…]

(52)

Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-suq għal servizzi ta’ informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi, u sabiex jiġi ċċarat li l-informazzjoni kkonċernata tkopri wkoll l-informazzjoni li jeħtieġ li tingħata lil operaturi indipendenti minbarra s-sewwejja, sabiex jiġi żgurat li s-suq indipendenti tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi inġenerali jkun jista’ jikkompeti ma’ negozjanti awtorizzati, irrispettivament minn jekk il-manifattur tal-vettura jagħtix tali informazzjoni direttament lil negozjanti u sewwejja awtorizzati jew jużax huwa stess tali informazzjoni għar-raġunijiet ta’ tiswija u manutenzjoni, jenħtieġ li jiġu stipulati d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tingħata għall-finijiet ta’ aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“1.   ‘approvazzjoni tat-tip’ tfisser il-proċedura li biha awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi rilevanti;

[…]

45.   ‘operatur indipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant jew sewwej awtorizzat, li hija direttament jew indirettament involuta fit-tiswija u fil-manutenzjoni tal-vetturi, u inklużi sewwejja, manifatturi jew distributuri ta’ tagħmir tat-tiswija, għodod jew spare parts, kif ukoll pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, assoċjazzjonijiet tal-karozzi, operaturi tal-assistenza fit-triq, operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar, operaturi li joffru taħriġ għall-installaturi, il-manifatturi u sewwejja ta’ tagħmir għall-vetturi li jaħdmu b’karburanti alternattivi; tfisser ukoll sewwejja, negozjanti u distributuri awtorizzati fi ħdan is-sistema tad-distribuzzjoni ta’ manifattur ta’ vettura partikolari sakemm huma jipprovdu servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi li fir-rigward tagħhom mhumiex membri tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-manifattur tal-vettura;

[…]

47.   ‘sewwej indipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi u li ma toperax fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-manifattur;

48.   ‘informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura’ tfisser l-informazzjoni kollha, inklużi l-emendi u supplimenti sussegwenti kollha tagħha, li tkun meħtieġa għad-dijanjożi, l-għoti ta’ service u l-ispezzjoni ta’ vettura, it-tħejjija tagħha għall-kontroll tekniku, it-tiswija, l-ipprogrammar mill-ġdid jew l-inizjalizzazzjoni mill-ġdid ta’ vettura jew li tkun meħtieġa għall-appoġġ djanjostiku mill-bogħod ta’ vettura jew għall-immuntar fuq vettura ta’ parts u tagħmir, u li tiġi pprovduta mill-manifattur lis-sħab, negozjanti jew sewwejja awtorizzati tiegħu u li tintuża mill-manifattur għal finijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni;

[…]”

5

L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, intitolat, “L-obbligi tal-manifatturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi [on board diagnostics] u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi” jipprovdi

“1.   Il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi, tagħmir dijanjostiku u tagħmir ieħor, għodod, inklużi r-riferenzi kompluti, u d-downloads disponibbli, tas-softwer applikabbli, u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament. L-operaturi indipendenti għandu jkollhom aċċess għas-servizzi dijanjostiċi remoti użati mill-manifatturi u min-negozjanti u s-sewwejja awtorizzati.

Il-manifatturi għandhom jipprovdu faċilità standardizzata, sigura u remota li tippermetti lis-sewwejja indipendenti jwettqu operazzjonijiet li jinvolvu l-aċċess għas-sistema tas-sigurtà tal-vettura.

2.   […]

L-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għandha ssir disponibbli fuq is-siti web tal-manifatturi bl-użu ta’ format standardizzat jew, jekk dan ma jkunx fattibbli, minħabba n-natura tal-informazzjoni, f’format ieħor xieraq. Għal operaturi indipendenti għajr is-sewwejja, l-informazzjoni għandha tingħata wkoll f’format li jkun jista’ jinqara minn magna, li jkun jista’ jiġi pproċessat elettronikament b’għodod u softwer tat-teknoloġija informatika disponibbli b’mod komuni u li jippermetti lil operaturi indipendenti jwettqu l-kompitu assoċjat man-negozju tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq ta’ wara l-bejgħ.

[…]

9.   Fejn ir-rekords tat-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vettura jinżammu f’bażi tad-data ċentrali tal-manifattur tal-vettura jew f’ismu, is-sewwejja indipendenti għandu jkollhom aċċess mingħajr ħlas għal dawn ir-rekords u għandhom ikunu jistgħu jdaħħlu informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni li jkunu għamlu.

[…]”

6

L-Artikolu 63 tal-istess regolament, intitolat “Ħlasijiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni tal-vetturi:

“1.   Il-manifattur jista’ jitlob ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati għall-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għajr ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 61(10). Dawk il-ħlasijiet ma għandhomx jiskoraġġixxu l-aċċess għal tali informazzjoni billi ma jikkunsidrawx il-punt sa fejn din tintuża mill-operatur indipendenti. […]

2.   Il-manifattur għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, inkluż is-servizzi tranżazzjonali bħal ipprogrammar mill-ġdid jew assistenza teknika, fuq bażi ta’ kull siegħa, ta’ kuljum, kull xahar u kull sena, bil-ħlasijiet għall-aċċess għal tali informazzjoni jvarjaw skont il-perijodi ta’ żmien rispettivi li għalihom jingħata l-aċċess.

Minbarra l-aċċess temporali, il-manifatturi jistgħu joffru aċċess ibbażat fuq it-tranżazzjoni, li l-ħlasijiet għalih jintalbu għal kull tranżazzjoni u mhux abbażi tat-tul ta’ żmien li għalih jingħata l-aċċess.

Fejn il-manifattur joffri ż-żewġ sistemi ta’ aċċess, is-sewwejja indipendenti għandhom jagħżlu sistemi ta’ aċċess li jistgħu jkunu temporali jew ibbażati fuq it-tranżazzjoni.”

7

Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 2018/858 intitolat “Emendi għar-Regolament (KE) Nru 715/2007”:

“1.   Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 huwa emendat kif ġej:

[…]

4.

il-Kapitolu III huwa mħassar;

[…]

2.   Ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet imħassrin tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-Anness XI għal dan ir-Regolament.”

8

L-Artikolu 89 ta’ dan ir-regolament, dwar dispożizzjonijiet tranżitorji, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[d]an ir-Regolament ma għandu jinvalida l-ebda approvazzjoni tat-tip tal-vettura kollha jew approvazzjoni tat-tip tal-UE mogħtija lil vetturi jew lil sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati sal-31 ta’ Awwissu 2020.”

9

L-Anness X tal-imsemmi regolament, intitolat “Aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”, jipprevedi, fil-punt 6.1 tiegħu, li “[d]awk li jeħtieġu d-dritt li jidduplikaw jew jippubblikaw mill-ġdid l-informazzjoni għandhom jinnegozjaw direttament mal-manifattur ikkonċernat”.

Id‑dritt Ġermaniż

10

L-Artikolu 3a tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-kompetizzjoni żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1414), kif emendata bil-Liġi tas‑17 ta’ Frar 2016 (BGBI. 2016 I, p. 233)], jipprovdi li “kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu, jikkommetti att ta’ kompetizzjoni żleali meta l-ksur ikun ta’ natura li jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-konsumaturi, ta’ atturi oħra tas-suq jew ta’ kompetituri”.

11

Il-punt 2 tal-Artikolu 8(3) ta’ din il-liġi jippermetti li tinbeda azzjoni għall-eliminazzjoni ta’ prattika kummerċjali żleali għall-“assoċjazzjonijiet li għandhom il-kapaċità ġuridika ta’ promozzjoni tal-interessi kummerċjali jew professjonali indipendenti, sakemm ikunu affiljati fih numru kbir ta’ imprendituri li jiddistribwixxu fl-istess suq prodotti jew servizzi identiċi jew relatati, meta jkunu f’pożizzjoni, b’mod partikolari permezz tar-riżorsi umani, materjali u finanzjarji tagħhom, li jwettqu effettivament il-missjonijiet statutorji tagħhom li jfittxu l-interessi kummerċjali jew professjonali indipendenti tagħhom u sakemm il-ksur jaffettwa l-interessi tal-membri tagħhom”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Peugeot u PSA huma proprjetarji tal-approvazzjonijiet tat-tip imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858, f’dak li jirrigwarda l-vetturi tat-trade mark Peugeot. F’dan ir-rigward, huma jagħtu l-aċċess għall-informazzjoni, imsemmija fl-Anness X ta’ dan ir-regolament, dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi approvati, permezz ta’ bank tad-data, disponibbli fuq portal tal-internet, li l-“operaturi indipendenti”, fis-sens tal-punt 45 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, jistgħu jikkonsultaw permezz tal-ħlas ta’ somma f’daqqa applikabbli għal dawn l-operaturi kollha, aġġustat skont it-tul tal-aċċess mogħti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni ebda parametru individwali ieħor.

13

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, dawn għandhom jikkonkludu kull sena ma’ Peugeot u PSA ftehim li jagħtihom id-dritt li jaċċedu għal din id-data, li minnhom tinġabar l-informazzjoni dwar il-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi u li jużawha sabiex jiżviluppaw u jiddistribwixxu skedi ta’ informazzjoni intiżi għal utenti bħal workshops tat-tiswija ta’ vetturi bil-mutur, tal-bejjiegħa bl-ingrossa u tal-manifatturi tal-ispare parts. L-ammont tal-ispejjeż mitlub għandu jiġi ffissat individwalment għal kull pubblikatur u għal perijodu speċifiku, abbażi tal-prezz bażiku. Dan il-prezz jikkorrispondi għall-ispejjeż fissi mitluba mingħand operaturi indipendenti oħra, immultiplikat bin-numru ta’ klijenti finali tal-pubblikaturi u bis-sehem mis-suq medju fis-suq tal-vetturi fl-aħħar għaxar snin. Kollox huwa maqsum b’rata ta’ tnaqqis li tiddependi min-numru ta’ utenti finali kif ukoll mill-qligħ miksub mill-ipproċessar tad-data.

14

Skont ADPA European Independent Automotive Data Publishers u Gesamtverband Autoteile-Handel, l-ispejjeż hekk ikkalkolati la huma “raġonevoli” u lanqas “proporzjonati”, fis-sens tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2018/858. It-teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ utenti finali jikkostitwixxi remunerazzjoni illeċita tal-użu tal-informazzjoni, sa fejn dan iwassal sabiex il-manifatturi tal-vetturi jingħataw sehem fil-profitti magħmula. Huma jqisu li tali metodu ta’ kalkolu, sa fejn jikser ir-Regolament Nru 2018/858, jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali pprojbita mid-dritt Ġermaniż. Konsegwentement, huma ppreżentaw azzjoni kontra Peugeot u PSA intiża sabiex tobbligahom jiffatturaw lill-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika l-istess spejjeż bħal dawk iffatturati lis-sewwejja indipendenti, fis-sens tal-punt 47 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

15

Peugeot u PSA isostnu, qabel xejn, li r-regolament applikabbli huwa r-Regolament Nru 715/2007, peress li l-vetturi inkwistjoni ġew approvati qabel l‑1 ta’ Settembru 2020, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2018/858. Huma jqisu, sussegwentement, li l-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż ma għandux jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 63 tar-Regolament 2018/858, peress li l-ispejjeż inkwistjoni ma humiex intiżi sabiex jirremuneraw sempliċi aċċess għall-informazzjoni dwar “it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament, iżda jikkostitwixxu l-korrispettiv ta’ liċenzja ta’ użu kummerċjali ta’ din l-informazzjoni. Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-imsemmija spejjeż jaqgħu taħt l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 2018/858, Peugeot u PSA jsostnu li din id-dispożizzjoni tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-produtturi tal-vetturi fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż iffatturati.

16

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis, fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni dwar vetturi approvati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2018/858.

17

Hija tistaqsi, fit-tieni lok, jekk huwiex possibbli għall-manifatturi tal-vetturi inkwistjoni, fid-dawl tal-kunċett ta’ “aċċess għall-informazzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, interpretat fid-dawl tal-premessi 50 u 52 kif ukoll tal-Artikolu 63 tal-punt 6.1 tal-Anness X tal-imsemmi regolament, li jeżiġu mill-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika ż-żamma ta’ liċenzja operattiva speċifika għall-finijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

18

Fit-tielet lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-punt jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponix li l-istess metodi ta’ kalkolu tal-ispejjeż iffatturati skont l-Artikolu 63 tar-Regolament 2018/858 jiġu applikati għas-sewwejja indipendenti u għall-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika. Fil-fehma tagħha, jimmilita favur sistema tariffarja uniformi l-fatt li t-tul tal-aċċess għall-informazzjoni huwa l-uniku kriterju ta’ differenzazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament, bejn il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għal din l-informazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar ta’ dawn l-ispejjeż. Għall-kuntrarju, hija tenfasizza li l-kunċett ta’ “spejjeż raġonevoli u proporzjonati”, użat fl-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament, jimmilita favur kalkolu każ b’każ tal-ispejjeż iffatturati lill-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi.

19

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din it-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “spejjeż raġonevoli u proporzjonati” għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż reali sostnuti mill-manifattur, sabiex jingħata aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi tiegħu, indipendentement mill-valur ekonomiku ta’ din l-informazzjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu XIV tar-[Regolament (UE) 2018/858] (Artikoli 66 et seq., inkluż l-Anness X) japplikaw ukoll għall-mudelli ta’ vetturi bil-mutur li kienu diġà rċevew approvazzjoni tat-tip qabel l‑1 ta’ Settembru 2020 taħt ir-[Regolament (KE) Nru 715/2007]?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda:

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 jibqa’ applikabbli fir-rigward ta’ dawn il-‘vetturi bil-mutur antiki’ u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 [ta’ dan ir-regolament] jibqa’ applikabbli għall-kalkolu tal-ħlasijiet?

2)

Il-kunċett ta’ ‘aċċess’ għall-informazzjoni li l-manifatturi huma obbligati jagħtu taħt l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 ikopri l-possibbiltà għall-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, imsemmija fil-punt 45 tal-Artikolu 3 [ta’ dan ir-regolament], li jisfruttaw din l-informazzjoni għall-benefiċċju tal-missjonijiet marbuta mal-attività tagħhom fil-katina tal-provvista tas-swieq tal-aċċessorji u ta’ partijiet ta’ rikambju, jew din il-possibbiltà ta’ sfruttament teħtieġ li tinkiseb speċifikament liċenzja ta’ sfruttament jew ta’ riproduzzjoni li, f’tali każ, ma tkunx taqa’ taħt l-Artikolu 63 tal-istess regolament fir-rigward tal-ħlasijiet mitluba mill-manifattur għal tali aċċess?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u fil-każ li l-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 japplika għall-vetturi bil-mutur antiki:

Il-kunċett ta’ ‘aċċess’ għall-informazzjoni li l-manifatturi huma obbligati jagħtu taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 jkopri s-setgħa tal-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, imsemmija fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, li jisfruttaw din l-informazzjoni għall-benefiċċju tal-missjonijiet marbuta mal-attività tagħhom fil-katina tal-provvista tas-swieq tal-aċċessorji u ta’ partijiet ta’ rikambju, jew din il-possibbiltà ta’ sfruttament teħtieġ li tinkiseb speċifikament liċenzja ta’ sfruttament jew ta’ riproduzzjoni li, f’tali każ, ma tkunx taqa’ taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament fir-rigward tal-ħlasijiet mitluba mill-manifattur għal tali aċċess?

3)

Il-kunċett ta’ ‘ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati’ previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2018/858 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kalkolu ta’ dawn il-ħlasijiet, il-manifattur għandu jittratta b’mod ugwali lill-operaturi indipendenti kollha, imsemmija fil-punt 45 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-attività speċifika tagħhom?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u fil-każ li l-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 japplika għall-vetturi bil-mutur antiki:

Il-kunċett ta’ ‘ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati’ previst fl-ewwel frażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kalkolu ta’ dawn il-ħlasijiet, il-manifattur għandu jittratta b’mod ugwali lill-operaturi indipendenti kollha, imsemmija fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-attività speċifika tagħhom?

Fil-każ li t-tielet domanda tingħata risposta fin-negattiv:

4)

Il-kunċett ta’ ‘ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati’ previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2018/858 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, il-ħlasijiet jistgħu jkopru biss l-ispejjeż tal-manifattur?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u fil-każ li l-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 japplika għall-vetturi bil-mutur antiki:

Il-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati” previst fl-ewwel frażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, il-ħlasijiet jistgħu jkopru biss l-ispejjeż tal-manifattur?

Fuq l‑ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament 2018/858 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli għall-mudelli ta’ vetturi approvati taħt ir-Regolament Nru 715/2007.

22

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-Regolament 2018/858, kif jirriżulta mill-premessa 50 tiegħu, ma jħassarx ir-Regolament Nru 715/2007, iżda jikkonsolida r-rekwiżiti stabbiliti minn dan tal-aħħar, dwar il-provvista ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur, fis-sens tal-punt 48 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858. Barra minn hekk, l-Artikolu 89(1) ta’ dan l-aħħar regolament, fis-seħħ mill‑1 ta’ Settembru 2020, jippreċiża li dan tal-aħħar ma għandu jinvalida l-ebda approvazzjoni tat-tip tal-vettura kollha jew approvazzjoni tat-tip tal-UE mogħtija lil vetturi jew lil sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati sal‑31 ta’ Awwissu 2020.

23

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-punt 4 tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament 2018/858 iħassar il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007, dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, dan l-istess artikolu, fil-paragrafu 2 tiegħu, madankollu jispeċifika li r-riferimenti għad-dispożizzjonijiet imħassra tar-Regolament Nru 715/2007 għandhom jinftiehmu bħala li saru għar-Regolament 2018/858 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fit-Taqsima I tal-Anness XI ta’ dan ir-regolament. Skont dan l-anness, l-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament 2018/858 jissostitwixxu l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 715/2007 u, mill‑1 ta’ Settembru 2020, huma applikabbli għall-vetturi approvati qabel din id-data.

24

Fid-dawl tal-motivi kollha iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament 2018/858, moqrija flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 86(1) u (2), kif ukoll it-Taqsima 1 tal-Anness XI ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli għall-mudelli ta’ vetturi approvati taħt ir-Regolament Nru 715/2007.

Fuq it‑tieni domanda

25

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 2018/858 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jimponi fuq il-manifatturi awtomobilistiċi li jipprovdu aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju “għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur”, iddefiniti fil-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jinkludi l-obbligu li jippermetti lill-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika li jipproċessaw u jużaw din l-informazzjoni għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq tal-ispare parts u tat-tagħmir ta’ rikambju, mingħajr ma jissuġġettawhom għal kundizzjonijiet oħra differenti minn dawk previsti mill-imsemmi regolament.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat, qabelxejn, li l-kunċett ta’ “operatur indipendenti” huwa ddefinit fil-punt 45 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858, bħala kull persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant jew sewwej awtorizzat, li hija direttament jew indirettament involuta fit-tiswija u fil-manutenzjoni tal-vetturi. Il-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika jissemmew espressament f’dan il-punt 45 bħala li jaqgħu fil-kategorija tal-operaturi indipendenti.

27

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, il-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika jibbenefikaw għalhekk, bħala operaturi indipendenti, minn aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Din l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli, fil-forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jintużaw b’mod elettroniku. Tali aċċess f’format standardizzat huwa intiż li jippermetti, kif tiddikjara l-premessa 50 ta’ dan ir-regolament, l-“irkupru ta’ informazzjoni teknika”.

28

It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 61(2) tal-imsemmi regolament tispeċifika li, għall-operaturi indipendenti li ma humiex sewwejja, inklużi l-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament, sabiex dawn l-operaturi jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq tal-ispare parts u tat-tagħmir ta’ rikambju. Għandu jingħad ukoll li dan l-obbligu għall-manifatturi tal-vetturi ġie introdott biss matul il-proċedura leġiżlattiva relatata mar-Regolament 2018/858 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Gesamtverband Autoteile-HandelC‑527/18, EU:C:2019:762, punt 34).

29

Għalhekk mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-obbligu impost fuq il-produtturi awtomobilistiċi li jipprovdu aċċess illimitat, standardizzat u nondiskriminatorju għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, imsemmi fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 2018/858, jinkludi l-obbligu li jippermetti lill-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, li jipproċessaw u li jużaw tali informazzjoni, mingħajr kundizzjonijiet oħra minbarra dawk previsti minn dan ir-regolament, fil-kuntest u għall-finijiet tal-attivitajiet kummerċjali speċifiċi tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq tal-ispare parts u tat-tagħmir ta’ rikambju.

30

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imsemmi fil-premessi 50 u 52 tar-Regolament Nru 2018/858, jiġifieri li tiġi permessa kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, b’mod li s-suq tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-vetturi minn operaturi indipendenti jkun jista’ jikkompeti ma’ dak tal-konċessjonarji awtorizzati.

31

Fil-fatt, il-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, sa fejn jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja għat-tiswija u għall-manutenzjoni tal-vetturi mill-operaturi indipendenti li ma humiex bejjiegħa jew sewwejja awtorizzati li jagħmlu parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-manifatturi, b’mod partikolari permezz ta’ xogħol ta’ trattament, ta’ użu u ta’ kumpilazzjoni ta’ din l-informazzjoni, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tat-tiswija u tal-manutenzjoni ta’ vetturi minn tali operaturi.

32

Għaldaqstant, id-dritt ta’ aċċess għall-imsemmija informazzjoni, li l-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament jimponi fuq il-manifatturi tal-vetturi li jiggarantixxu b’mod partikolari lill-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, għandu jinkludi d-dritt ta’ trattament u ta’ użu tagħha minn dawn il-pubblikaturi fil-kuntest u għall-finijiet tal-attività kummerċjali tagħhom stess, mingħajr kundizzjonijiet oħra minbarra dawk previsti mill-imsemmi regolament.

33

Il-punt 6.1 tal-Anness X tar-Regolament 2018/858 — li jistabbilixxi l-obbligu għal kull min jixtieq jikkopja jew jippubblika mill-ġdid l-informazzjoni dwar il-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi li jinnegozja direttament mal-manifattur ikkonċernat — ma jistax jikkontesta din l-interpretazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, iggarantit fl-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, għall-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, fil-kwalità tagħhom ta’ operaturi indipendenti.

34

Fil-fatt, l-ipproċessar u l-użu ta’ tali informazzjoni minn dawn il-pubblikaturi, fil-kuntest u għall-finijiet tal-attività kummerċjali tagħhom stess, abbażi tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/858, ma jistgħux jiġu assimilati ma’ sempliċi teħid ta’ kopji jew riproduzzjonijiet tal-imsemmija informazzjoni, fis-sens tal-punt 6.1 tal-Anness X ta’ dan ir-regolament, li, kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea, jistabbilixxi f’termini ġenerali r-rekwiżiti tekniċi relatati mal-aċċess għall-informazzjoni, b’mod partikolari, dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

35

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jimponi fuq il-manifatturi awtomobilistiċi li jipprovdu aċċess illimitat, standardizzat u nondiskriminatorju għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur, iddefiniti fil-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jinkludi l-obbligu li jippermetti lill-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika jipproċessaw u jużaw din l-informazzjoni għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq tal-ispare parts u tat-tagħmir ta’ rikambju, mingħajr ma jissuġġettahom għal kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti mill-imsemmi regolament.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

36

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 tar-Regolament 2018/858 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati”, imsemmi f’dan l-artikolu, jobbliga lill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur japplikaw, għall-operaturi indipendenti kollha, metodu ta’ kalkolu uniformi ta’ dawn l-ispejjeż ibbażat biss fuq l-ispejjeż sostnuti minħabba l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi li dan ir-regolament jobbligahom jagħtuhom.

37

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2018/858 tippermetti lill-manifatturi tal-karozzi jiffatturaw spejjeż għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, sakemm dawn l-ispejjeż ikunu raġonevoli u proporzjonati. Mit-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 63(1) jirriżulta li dawn l-ispejjeż ma għandhomx jiskoraġġixxu l-aċċess għal din l-informazzjoni u, għal dan il-għan, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn kull operatur indipendenti jużaha.

38

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament 2018/858 jipprevedi wkoll li l-manifatturi tal-vetturi bil-mutur għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-imsemmija informazzjoni fuq bażi ta’ ħin, ta’ kuljum, ta’ kull xahar u annwali u jiddeterminaw l-ispejjeż ta’ aċċess għall-istess informazzjoni skont it-tul rispettiv li għalihom jingħata l-aċċess. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 2 jippermetti lil dawn il-manifatturi jipproponu, b’mod alternattiv, aċċess ibbażat fuq it-tranżazzjoni, fejn l-ispejjeż ta’ aċċess jiġu ffatturati skont in-numru ta’ tranżazzjonijiet. It-tielet subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 2 jippermetti lis-sewwejja indipendenti, iddefiniti fil-punt 47 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858, jagħżlu bejn dawn iż-żewġ sistemi ta’ aċċess, meta kull wieħed minnhom ikun propost mill-manifattur.

39

Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 tiggarantixxi lil dawn is-sewwejja indipendenti aċċess għas-servizzi dijanjostiċi mill-bogħod użati mill-manifatturi u mill-konċessjonarji, sabiex ikunu jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet li jinvolvu l-aċċess għas-sistema ta’ sigurtà ta’ dawn il-vetturi. Bl-istess mod, l-Artikolu 61(9) ta’ dan ir-regolament, jipprovdi li, fejn id-data tat-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vettura jinżammu f’database ċentrali tal-manifattur tal-vettura, l-imsemmija sewwejja indipendenti għandu jkollhom aċċess mingħajr ħlas għal din id-data u għandhom ikunu jistgħu jsibu informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni li jkunu għamlu.

40

Fl-ewwel lok, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-obbligi li r-Regolament 2018/858 jimponi fuq il-manifatturi tal-vetturi jvarjaw skont il-kwalità tal-benefiċjarju ta’ dawn l-obbligi, li jeskludi mill-bidu l-applikazzjoni ta’ ammont f’daqqa uniku għall-operaturi indipendenti kollha, bħala spejjeż iffatturati għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Għal dan il-għan, il-manifatturi tal-vetturi bil-mutur għandhom, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni l-użu li d-diversi operaturi indipendenti jagħmlu minn din l-informazzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

41

Din l-interpretazzjoni testwali hija, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament li jimponi mhux biss li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Issa, kif osservaw, essenzjalment, Peugeot u PSA, il-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, minn naħa, u s-sewwejja indipendenti, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan u tal-iskop tar-Regolament 2018/858. Għaldaqstant, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jeskludi li dan ir-regolament jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu uniformi għall-aċċess tal-operaturi kollha indipendenti għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

43

Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni ta’ ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza ma jirriżulta li l-manifatturi tal-vetturi huma obbligati, għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jibbażaw ruħhom biss fuq l-ispejjeż ikkawżati mill-obbligu li jingħata aċċess għal din l-informazzjoni, li jimponi fuqhom ir-Regolament 2018/858. Fil-fatt, l-unika kundizzjoni prevista fl-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 52 tal-imsemmi regolament, hija li dawn l-ispejjeż ikunu raġonevoli u proporzjonati, b’tali mod li l-ammont tagħhom ma jiskoraġġix lill-operaturi indipendenti milli jaċċedu għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, taħt piena li jitneħħa l-effett utli tal-għan imfittex mill-imsemmi regolament, li huwa li dawn l-operaturi jkunu jistgħu jikkompetu mal-konċessjonarji u mas-sewwejja awtorizzati fis-suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

44

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 63 tar-Regolament 2018/858, moqri fid-dawl tal-premessa 52 ta’ dan ir-regolament u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati”, imsemmi f’dan l-artikolu, minn naħa, jimponi fuq il-manifatturi awtomobilistiċi l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-attività kummerċjali li fil-kuntest tagħha l-informazzjoni dwar l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi tintuża mill-operaturi indipendenti differenti u, min-naħa l-oħra, li jiffatturaw spejjeż li jmorru lil hinn minn sempliċi spejjeż sostnuti minħabba l-aċċess għal din l-informazzjoni, li dan ir-regolament jimponilhom li jagħtu lil dawn l-operaturi, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn l-ispejjeż ma jkunux skoraġġanti għal dawn tal-aħħar.

Fuq l‑ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE, moqrija flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 86(1) u (2), kif ukoll it-Taqsima 1 tal-Anness XI ta’ dan ir-regolament,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

huma applikabbli għall-mudelli awtomobilistiċi approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

 

2)

L-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-obbligu li jimponi fuq il-manifatturi awtomobilistiċi li jipprovdu aċċess illimitat, standardizzat u nondiskriminatorju għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur, iddefiniti fil-punt 48 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jinkludi l-obbligu li jippermetti lill-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika jipproċessaw u jużaw din l-informazzjoni għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom fil-katina ta’ provvista tas-suq tal-ispare parts u tat-tagħmir ta’ rikambju, mingħajr ma jissuġġettahom għal kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti mill-imsemmi regolament.

 

3)

L-Artikolu 63 tar-Regolament 2018/858, moqri fid-dawl tal-premessa 52 ta’ dan ir-regolament u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati”, imsemmi f’dan l-artikolu, minn naħa, jimponi fuq il-manifatturi awtomobilistiċi l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-attività kummerċjali li fil-kuntest tagħha l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi tintuża mill-operaturi indipendenti differenti u, min-naħa l-oħra, li jiffatturaw spejjeż li jmorru lil hinn minn sempliċi spejjeż sostnuti minħabba l-aċċess għal din l-informazzjoni, li dan ir-regolament jimponilhom li jagħtu lil dawn l-operaturi, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn l-ispejjeż ma jkunux skoraġġanti għal dawn tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża:il-Ġermaniż.