SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 12 – Direttorji pubbliċi u servizzi ta’ tagħrif telefoniku – Kunsens tal-abbonat – Obbligi tal-fornitur tad-direttorji u tas-servizzi ta’ tagħrif – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 17 – Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’) – Artikolu 5(2) – Artikolu 24 – Obbligi ta’ informazzjoni u r-responsabbiltà tal-kontrollur”
Fil-Kawża C‑129/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura
Proximus NV
vs
Gegevensbeschermingsautoriteit,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatriċi) J.C. Bonichot, S. Rodin, u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Frar 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Proximus NV, minn P. Craddock u T. de Haan, avocats, kif ukoll minn E. Van Bogget, advocaat, |
– |
għal Gegevensbeschermingsautoriteit, minn C. Buggenhoudt, E. Cloots u J. Roets, advocaten, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn E. Bārdiņš, J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, L. Inez Fernandes, M. J. Ramos u C. Vieira Guerra, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2), moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2002/58”), kif ukoll tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikoli 17, 24 u 95 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem “RĠPD”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Proximus NV, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Belġjan, u, min-naħa l-oħra, il-Gegevensbeschermingsautoriteit (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“APD”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Geschillenkamer van de Gegevensbeschermingsautoriteit (l-Awla ta’ Ġurisdizzjoni Kontenzjuża tal-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, il-Belġju, iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Ġurisdizzjoni Kontenzjuża”) imponiet fuq Proximus miżuri korrettivi u multa ta’ EUR 20000 għal ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-RĠPD. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 95/46/KE
3 |
L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) kien jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
Id‑Direttiva 2002/58
4 |
Il-premessi 10, 17, 38 u 39 tad-Direttiva 2002/58 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Din id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali. […]”. |
6 |
Skont il-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
7 |
L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Direttorji ta’ l-abbonati”, jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati huma infurmati, mingħajr ħlas u qabel ma jiġu inklużi f’direttorji, dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorju stampat jew elettroniku ta’ l-abbonati disponibbli għall-pubbliku jew li jista’ jiġi akkwistat minn servizz ta’ talbiet tad-direttorju, li fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu inklużi u dwar possibilitajiet ta’ użu ulterjuri bbażati fuq funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fil-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorju. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jingħataw l-opportunità li jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom humiex inklużi f’direttorju pubbliku, u jekk iva, sa fejn tali data huma rilevanti għall-iskopijiet tad-direttorju kif determinat mill-provditur tad-direttorju, u li jivverifikaw, jikkoreġu jew jirtiraw din id-data. Għandu jkun mingħajr ħlas li wieħed ma jkunx inkluż f’direttorju ta’ l-abbonati, kif ukoll, li tkun ivverifikata, ikkoreġuta jew irtirata d-data personali minnu. 3. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra t-tfittxija ta’ dettalji tal-kuntatt ta’ persuni fuq il-bażi ta’ isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta’ identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati. […]”. |
Ir-RĠPD
8 |
Il-premessi 42, 66 u 173 tar-RĠPD jipprovdu:
[…]
[…]
|
9 |
Il-punti 2, 7 u 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
[…]
|
10 |
L-Artikolu 5 tal-RĠPD, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi: “1. Id-data personali għandha:
[…] 2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).” |
11 |
Permezz tal-Artikolu 6 tar-RĠPD, bit-titolu “Legalità tal-ipproċessar”: “1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
[…]”. |
12 |
L-Artikolu 7 tar-RĠPD, intitolat “Kondizzjonijiet għal kunsens”, jipprovdi: “1. Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu. […] 3. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin. L-irtirar tal-kunsens ma għandux jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq kunsens qabel ma dan jiġi rtirat. Qabel ma jagħti l-kunsens, is-suġġett tad-data għandu jiġi informat b’dan. Għandu jkun faċli li jiġi rtirat kunsens daqs kemm li dan jingħata. […]” |
13 |
L-Artikolu 16 tar-RĠPD, intitolat “Dritt għar-rettifika,” jipprovdi: “Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien żejjed ir-rettifika ta’ data personali li tikkonċerna lilu li ma tkunx eżatta. B’kont meħud tal-għanijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari.” |
14 |
L-Artikolu 17 tar-RĠPD, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, huwa fformulat kif ġej: “1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […]
[…]
2. Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha. […]”. |
15 |
L-Artikolu 19 tar-RĠPD, bit-titolu “Obbligu ta’ notifika rigward rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar’, jipprovdi: “Il-kontrollur għandu jikkomunika kwalunkwe rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar imwettqa f’konformità mal-Artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18 lil kull riċevitur li lilu tkun ġiet żvelata d-data personali, għajr jekk dan jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat. Il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar dawk ir-riċevituri jekk is-suġġett tad-data jitlob dan.” |
16 |
Permezz tal-Artikolu 24 tar-RĠPD, bit-titolu “Responsabbiltà tal-kontrollur”: “1. B’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista’ juri li l-ipproċessar isir f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ. 2. Fejn dawn ikunu proporzjonati fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta’ politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur. […]”. |
17 |
L-Artikolu 94 tal-GDPR, intitolat “Tħassir tad-Direttiva 95/46/KE”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu: “Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]” |
18 |
L-Artikolu 95 tar-RĠPD, bit-titolu “Relazzjoni mad-Direttiva 2002/58/KE”, jipprovdi: “Dan ir-Regolament m’għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b’rabta mal-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni [Ewropea] b’rabta ma’ kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-Direttiva 2002/58/KE.” |
Id‑dritt Belġjan
19 |
L- Artikolu 33 tal-wet betreffende de elektronische communicatie (il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tat‑13 ta’ Ġunju 2005 (Belgisch Staatsblad, 20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070), li jiżgura fid-dritt Belġjan it-traspożizzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58, huwa fformulat kif ġej: “§ 1. Il-fornituri ta’ servizz telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jinformaw lill-abbonati tagħhom mingħajr ħlas u qabel ma jinkluduhom f’direttorju jew servizz ta’ konsultazzjoni tat-telefon:
Hija biss id-data personali li hija rilevanti fir-rigward tal-funzjoni kif ikkomunikata skont il-paragrafu 1, u li l-abbonat inkwistjoni għarraf li din tista’ tidher fid-direttorju jew fis-servizz ta’ tagħrif telefoniku inkwistjoni, li jistgħu jidhru fid-direttorju jew fis-servizz ta’ tagħrif telefoniku. Għal dan il-għan, l-operatur jagħmel żewġ domandi distinti lill-abbonat:
[…] § 2. Kull abbonat għandu d-dritt jikkonsulta d-data personali li tikkonċernah skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn jew skont il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 1992 dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Barra minn hekk, kull abbonat għandu d-dritt li jikkoreġi jew li jneħħi mingħajr ħlas mid-direttorju jew mis-servizz ta’ tagħrif telefoniku, id-data personali li tikkonċernah skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Re wara opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-Istitut.” |
20 |
L-Artikolu 45(2) tal-imsemmija liġi jobbliga lill-operaturi ta’ servizzi telefoniċi li jqiegħdu d-data dwar l-abbonati tagħhom għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ direttorji pubbliċi. Skont l-Artikolu 45(3) tal-istess liġi, dawn l-operaturi jiżolaw id-data dwar l-abbonati li jkunu talbu sabiex ma jidhrux f’direttorju, b’tali mod li dawn l-abbonati jkunu jistgħu jirċievu d-direttorju mingħajr ma d-data tagħhom tkun inkluża fih. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
21 |
Proximus, fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-Belġju, tipprovdi wkoll direttorji telefoniċi u servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku (iktar ’il quddiem id-“direttorji”), skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Dawn id-direttorji jinkludu l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon (iktar ’il quddiem id-“dettalji”) tal-abbonati tad-diversi fornituri ta’ servizzi telefoniċi aċċessibbli għall-pubbliku (iktar ’il quddiem l-“operaturi”). Jeżistu direttorji oħra, ippubblikati minn terzi. |
22 |
Id-dettalji ta’ dawn l-abbonati huma kkomunikati regolarment lil Proximus mill-operaturi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-abbonati li esprimew ix-xewqa li ma jidhrux fid-direttorji ppubblikati minn Proximus. Fil-Belġju, id-distinzjoni bejn l-abbonati li jixtiequ jidhru f’direttorju u dawk li ma jixtiqux jidhru hija indikata, fil-prattika, bl-għoti ta’ kodiċi fir-reġistrazzjoni ta’ kull abbonat, jiġifieri, “NNNNN”, għall-abbonati li d-dettalji tagħhom jistgħu jidhru, u “XXXXX” għall-abbonati li d-dettalji tagħhom huma kunfidenzjali. Proximus tittrażmetti wkoll id-dettalji li tirċievi lil fornitur ieħor ta’ direttorji. |
23 |
Il-lanjant huwa abbonat tal-operatur ta’ servizzi telefoniċi Telenet, attiv fis-suq Belġjan. Telenet ma tipprovdix direttorji, iżda tittrażmetti d-dettalji tal-abbonati tagħha lil fornituri ta’ direttorji, b’mod partikolari lil Proximus. |
24 |
Fit‑13 ta’ Jannar 2019, dan l-abbonat talab lil Proximus sabiex ma tinkludix id-dettalji tiegħu fid-direttorji ppubblikati kemm minn Proximus kif ukoll minn terzi. Wara din it-talba, Proximus emendat l-istatus ta’ dan l-abbonat fis-sistema informatika tagħha, sabiex id-dettalji tal-imsemmi abbonat ma jibqgħux pubbliċi. |
25 |
Fil‑31 ta’ Jannar 2019, Proximus irċeviet mingħand Telenet aġġornament perjodiku tad-data tal-abbonati ta’ din tal-aħħar. Dan l-aġġornament kien jinkludi data ġdida tal-abbonat ikkonċernat, li ma kinitx indikata bħala kunfidenzjali. Din l-informazzjoni kienet is-suġġett ta’ pproċessar awtomatizzat minn Proximus u ġiet irreġistrata, b’mod li kienet tidher mill-ġdid fid-direttorji ta’ din tal-aħħar. |
26 |
Fl‑14 ta’ Awwissu 2019, wara li kkonstata li n-numru tat-telefon tiegħu kien ġie ppubblikat fid-direttorji ta’ Proximus u ta’ terzi, l-abbonat ikkonċernat talab mill-ġdid lil Proximus sabiex ma tinkludix id-data tiegħu. Fl-istess jum, Proximus wieġbet lil-lanjant li kienet neħħiet id-data tiegħu mid-direttorji u kkuntattjat lil Google sabiex il-links rilevanti lejn is-sit internet ta’ Proximus jitneħħew. Proximus informat ukoll lil dan l-abbonat li kienet bagħtet id-dettalji tiegħu lil fornituri oħra ta’ direttorji u li, permezz tal-aġġornamenti mensili, dawn il-fornituri kienu ġew informati dwar it-talba tal-lanjant. |
27 |
Fl-istess ħin, l-imsemmi abbonat ressaq ilment quddiem l-APD kontra Proximus, minħabba li, minkejja t-talba tiegħu li d-dettalji tiegħu ma jidhrux fid-direttorji, in-numru tat-telefon tiegħu kien għadu jidher madankollu f’uħud minn dawn id-direttorji. |
28 |
Fil‑5 ta’ Settembru 2019, l-abbonat ikkonċernat u Proximus reġgħu kellhom skambji bejniethom dwar il-pubblikazzjoni tad-data ta’ dan l-abbonat fid-direttorju ta’ terz. F’dan il-kuntest, Proximus enfasizzat li hija tittrażmetti d-dettalji tal-abbonati tagħha lil fornituri oħra ta’ direttorji, iżda li hija ma għandha ebda għarfien dwar il-proċeduri ta’ funzjonament intern ta’ dawn il-fornituri. |
29 |
Fit‑30 ta’ Lulju 2020, wara proċedura kontradittorja, l-Awla ta’ Ġurisdizzjoni Kontenzjuża tal-APD adottat deċiżjoni li permezz tagħha hija imponiet fuq Proximus miżuri korrettivi u imponitilha multa ta’ EUR 20000 għal ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tar-RĠPD, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, u tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament moqri flimkien mal-Artikolu 24 tiegħu. B’mod partikolari, hija ordnat, qabel kollox, lil Proximus sabiex tagħti segwitu xieraq u immedjat għall-irtirar tal-kunsens mill-abbonat ikkonċernat u sabiex tikkonforma ruħha mat-talbiet ta’ dan l-abbonat sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għat-tħassir tad-data li tikkonċernah. Sussegwentement, hija ordnat lil Proximus tieħu miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex tiżgura ruħha li l-ipproċessar tad-data personali li hija twettaq ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-RĠPD. Fl-aħħar nett, hija ordnat lil Proximus sabiex tieqaf milli tittrażmetti b’mod illegali din id-data lil fornituri oħra ta’ direttorji. |
30 |
Fit‑28 ta’ Awwissu 2020, Proximus ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju). |
31 |
Skont Proximus, konformement mal-Artikolu 45(3) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, il-kunsens tal-abbonat ma huwiex meħtieġ, iżda l-abbonati għandhom huma stess jitolbu li ma jidhrux fid-direttorji, skont sistema msejħa “opt-out”. Fin-nuqqas ta’ tali talba, l-abbonat ikkonċernat jista’ effettivament jidher f’dawn id-direttorji. Minħabba f’hekk, skont Proximus, l-ebda “kunsens”, fis-sens tad-Direttiva 95/46 jew fis-sens tar-RĠPD, ma huwa, f’dan il-każ, neċessarju min-naħa tal-abbonat. |
32 |
B’opinjoni kuntrarja, l-APD sostniet, essenzjalment, li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 133(1) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jeżiġu l-“kunsens tal-abbonati”, fis-sens tar-RĠPD, sabiex il-fornituri ta’ direttorji jkunu jistgħu jipproċessaw u jittrażmettu d-data personali tagħhom. |
33 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li d-Direttiva 2002/58 tikkostitwixxi lex specialis meta mqabbla mar-RĠPD, kif jikkonfermaw il-premessa 173 u l-Artikolu 95 tar-RĠPD. Konsegwentement, fis-sitwazzjonijiet li fihom id-Direttiva 2002/58 tispeċifika r-regoli tar-RĠPD, id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-direttiva jipprevalu, bħala lex specialis, fuq id-dispożizzjonijiet iktar ġenerali tar-RĠPD. |
34 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58 u l-Artikolu 133(1) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, filwaqt li jeżiġu espressjoni tar-rieda tal-abbonati sabiex il-fornituri ta’ direttorji jkunu jistgħu jipproċessaw id-data personali tagħhom, ma jippreċiżawx jekk din l-espressjoni tar-rieda għandhiex tkun riflessa mill-eżerċizzju ta’ dritt ta’ għażla, kif issostni Proximus, jew fil-manifestazzjoni ta’ kunsens veru, fis-sens tar-RĠPD, kif tindika l-APD. Dwar dan il-punt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 61), stabbilixxiet li, kif jirriżulta minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58, l-espressjoni tar-rieda inkwistjoni tikkorrispondi għal “kunsens” li jirrigwarda l-għan tal-pubblikazzjoni tad-data personali f’direttorju pubbliku, u mhux l-identità ta’ fornitur ta’ direttorju b’mod partikolari. |
35 |
Barra minn hekk, peress li l-ebda sistema speċifika ma ġiet żviluppata fir-rigward tal-irtirar ta’ din l-espressjoni ta’ rieda jew ta’ dan il-“kunsens” minn abbonat, la fid-Direttiva 2002/58, la fil-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, u lanqas f’digriet ta’ implimentazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet kollha tar-RĠPD għandhomx japplikaw b’mod awtomatiku u mingħajr restrizzjonijiet anki fil-kuntest partikolari tad-direttorji telefoniċi. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
37 |
Proximus issostni li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-pubblikazzjoni, minn operatur ta’ servizzi telefoniċi, ta’ direttorji li jinkludu data personali b’tali mod li l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli sa fejn tirrigwarda tali każ. |
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan il-każ, il-kawża prinċipali hija biss bejn persuna fiżika u kumpannija, li ma hijiex l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tagħha, dwar il-mod kif din il-kumpannija pproċessat id-data personali ta’ din il-persuna fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ direttorji. Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija inammissibbli sa fejn hija intiża sabiex tinterpreta r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58 fil-każ fejn huwa l-operatur ta’ servizzi telefoniċi ta’ din il-persuna li jippubblika, huwa stess, id-data personali tiegħu f’direttorji. |
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 95 tar-RĠPD, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-“kunsens”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, tal-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi huwa meħtieġ sabiex id-data personali ta’ dan l-abbonat tidher f’direttorji ppubblikati minn fornituri minbarra dan l-operatur. |
41 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2002/58 tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-premessa 38 tagħha, jirriżulta li l-abbonati, qabel ma jiġu rreġistrati f’direttorji pubbliċi, huma informati dwar l-iskop li għalihom dawn huma stabbiliti u dwar kull użu partikolari li jista’ jsir minnhom, b’mod partikolari permezz tal-funzjonijiet ta’ riċerka integrati fis-software tal-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorji. |
43 |
Il-premessa 39 tal-imsemmija direttiva tispeċifika sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel tal-abbonati skont l-Artikolu 12(1) tagħha li “[f]ejn id-data [personali tista’ tiġi trażmessa] lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il-possibbilità u dwar ir-riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli.” |
44 |
L-abbonat, wara li jkun kiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/58, jista’, kif jirriżulta mill-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jiddeċiedi jekk id-data personali li tikkonċernah, u liema minn din id-data, għandha tiġi inkluża f’direttorju pubbliku. |
45 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, tali informazzjoni minn qabel tippermetti lill-abbonat ikkonċernat jagħti l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni, fid-direttorji pubbliċi, tad-data personali li tikkonċernah, peress li tali kunsens huwa neċessarju għall-finijiet ta’ tali pubblikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punti 54 u 58). |
46 |
Ir-rekwiżit li jinkiseb il-kunsens tal-abbonat ikkonċernat, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ din id-data f’direttorji huwa kkonfermat mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2002/58, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jitolbu “kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati” għal kull għan ta’ direttorju pubbliku minbarra s-sempliċi tfittxija tad-dettalji ta’ persuna abbażi ta’ isimha. |
47 |
Madankollu, kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, minn interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-kunsens skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa relatat mal-għan tal-pubblikazzjoni ta’ data personali f’direttorju pubbliku u mhux mal-identità ta’ fornitur ta’ direttorju partikolari. Għalhekk, meta dan l-abbonat ikun ta l-kunsens tiegħu sabiex id-data tiegħu tiġi ppubblikata f’direttorju b’għan partikolari, ġeneralment ma jkollux interess li jopponi l-pubblikazzjoni tal-istess data f’direttorju ieħor simili (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punti 61 u 62). |
48 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 39 ta’ din id-direttiva tikkonferma li trażmissjoni ta’ data personali tal-abbonati lil terzi “għandha tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura.” |
49 |
Minn dan isegwi li, meta abbonat ikun ġie informat minn operatur ta’ servizzi telefoniċi, bħal Telenet, dwar il-possibbiltà tat-trażmissjoni tad-data personali li tikkonċernah lil impriża terza, bħalma hija Proximus jew terzi oħra, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tagħha f’direttorju pubbliku, u meta dan l-abbonat ikun ta l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni tal-imsemmija data f’tali direttorju, it-trażmissjoni minn dan l-operatur jew minn din l-impriża ta’ din l-istess data lil impriża oħra għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ direttorju pubbliku stampat jew elettroniku, jew li tagħmel tali direttorji disponibbli għal konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju, ma għandhiex tiġi suġġett mill-ġdid għal kunsens tal-imsemmi abbonat, sakemm huwa ggarantit li d-data inkwistjoni ma tintużax għal finijiet oħrajn ħlief dawk li għalihom hija nġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha Fil-fatt, il-kunsens, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, ta’ abbonat debitament informat, għall-pubblikazzjoni f’direttorju pubbliku ta’ data personali li tikkonċernah jirrelata mal-għan ta’ din il-pubblikazzjoni u għaldaqstant jestendi ruħu għal kull proċessar sussegwenti tal-imsemmija data minn impriżi terzi attivi fis-suq tas-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju, sa fejn tali pproċessar ikollu dan l-istess għan (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom, C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 65). |
50 |
Għall-kuntrarju, kif indikat fil-premessa 39 ta’ din id-direttiva, jekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġiet trażmessa d-data, tixtieq tuża d-data għal għan ieħor, din il-persuna jew din it-terza persuna għandha tikseb mill-ġdid il-kunsens tal-abbonat. |
51 |
Fir-rigward tal-modalitajiet li abbażi tagħhom tali kunsens għandu jintwera, mill-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikoli 94(2) u 95 tar-RĠPD, jirriżulta li dan il-kunsens għandu, bħala prinċipju, jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(11) ta’ dan ir-regolament. |
52 |
F’dan il-każ, il-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” fis-sens li jirrikjedi indikazzjoni ta’ rieda “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa” tal-persuna kkonċernata, fil-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li tindika l-aċċettazzjoni tagħha tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernaha. |
53 |
Minn dan jirriżulta li tali kunsens huwa neċessarju sabiex id-data personali li tikkonċerna lill-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi tkun tista’ tiġi inkluża f’direttorji. |
54 |
Konsegwentement, il-pubblikazzjoni tad-data personali li tikkonċerna lill-abbonat inkwistjoni f’direttorji, bħal dawk ippubblikati minn Proximus jew minn fornituri oħra, tista’ titqies li hija legali, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-RĠPD biss fil-preżenza ta’ tali kunsens, li kien espressament mogħti lill-operatur ta’ servizzi telefoniċi jew lil wieħed minn dawn il-fornituri ta’ direttorji. |
55 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, tali kunsens ma jippreżumix li, fid-data li fiha jkun ingħata, il-persuna kkonċernata tkun neċessarjament taf l-identità tal-fornituri kollha ta’ direttorji li ser jipproċessaw id-data personali tagħha. |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 95 tar-RĠPD, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“kunsens”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD, tal-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi huwa meħtieġ sabiex id-data personali ta’ dan l-abbonat tidher fid-direttorji u fis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, ippubblikati minn operaturi oħra minbarra dan l-operatur, filwaqt li dan il-kunsens jista’, madankollu, jingħata lill-imsemmi operatur biss. |
Fuq it‑tieni domanda
57 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li t-talba ta’ abbonat għat-tneħħija tad-data personali tiegħu mid-direttorji tikkostitwixxix eżerċizzju tad-“dritt għat-tħassir”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
58 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li Proximus issostni li l-Artikolu 17 tar-RĠPD ma huwiex applikabbli għal fornitur ta’ direttorji li, bħal f’dan il-każ, ma huwiex l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tal-abbonat u li talba, bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandha, l-iktar l-iktar, titqies bħala talba għal rettifika, fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn hija irrilevanti għall-kawża prinċipali. |
59 |
Madankollu, l-argumenti hekk imressqa minn din il-parti jirrigwardaw, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-portata, u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija s-suġġett tat-tieni domanda. Issa, tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domanda magħmula, ma jistgħux, għalhekk, essenzjalment, iwasslu għal inammissibbiltà tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości, C‑55/20, EU:C:2022:6, punt 83). |
60 |
Minn dan isegwi li t-tieni domanda preliminari hija ammissibbli. |
61 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, l-abbonati għandu jkollhom, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jneħħu mid-direttorji pubbliċi d-data personali li tikkonċernahom. |
62 |
Madankollu, l-għoti ta’ tali possibbiltà għall-abbonati ma jikkostitwixxix, fir-rigward tal-fornituri ta’ direttorji, obbligu speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 95 tar-RĠPD, li jippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2002/58 ma tinkludix indikazzjonijiet dwar il-modalitajiet, l-implimentazzjoni u l-konsegwenzi tat-talbiet intiżi sabiex tinkiseb it-tneħħija tad-data personali. Għalhekk, kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tar-RĠPD jistgħu jiġu applikati f’tali każ. |
63 |
Fit-tieni lok, mill-punti (b) u (d) tal-Artikolu 17(1) tar-RĠPD jirriżulta li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikseb mill-kontrollur tad-data t-tħassir tad-data personali li tikkonċernaha u li l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar din id-data fl-iqsar żmien possibbli b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata “[t]irtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) […] u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar” jew meta “id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment”. |
64 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-pubblikazzjoni tad-data personali ta’ abbonat f’direttorji hija bbażata fuq il-kunsens ta’ dan l-abbonat. |
65 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 6(1)(a) u mill-Artikolu 7(3) tar-RĠPD jirriżulta li tali kunsens jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji li jippermettu li jiġi konkluż li l-ipproċessar tad-data personali tal-abbonat ikkonċernat huwa legali u li dan il-kunsens jista’ jiġi rtirat f’kull mument u skont modalitajiet li huma wkoll daqstant sempliċi bħal dawk li ppermettew lill-persuna kkonċernata tagħti tali kunsens. |
66 |
F’dan il-każ, meta l-abbonat jitlob li d-data tiegħu ma tidhirx iktar f’direttorju, huwa jirtira l-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ din id-data. Abbażi tal-irtirar tal-kunsens tiegħu, huwa jikseb, fl-assenza ta’ bażi legali oħra għal tali pproċessar, id-dritt li jitlob it-tħassir tad-data personali tiegħu minn dan id-direttorju, skont il-punt (b) tal-Artikolu 17(1) tar-RĠPD jew, fil-każ fejn il-kontrollur ikompli jippubblika l-imsemmija data b’mod illegali, skont il-punt (d) tal-Artikolu 17(1) tar-RĠPD. |
67 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-talba ta’ abbonat għat-tneħħija tad-data personali tiegħu mid-direttorji tista’ titqies bħala eżerċizzju tad-“dritt għat-tħassir” tal-imsemmija data, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-RĠPD. |
68 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument imressaq minn Proximus li tali talba għandha titqies li hija intiża sabiex tippermetti lil dan l-abbonat jeżerċita d-dritt tiegħu li jikseb mingħand il-kontrollur ir-rettifika tad-data personali li tikkonċernah, skont l-Artikolu 16 tar-RĠPD. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, tali rettifika hija possibbli meta din id-data tkun ineżatta u hija intiża sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb li din tiġi kkompletata. |
69 |
Issa, f’dan il-każ, talba għat-tħassir tad-data ta’ abbonat li tidher f’direttorju ma hijiex intiża sabiex tissostitwixxi data ineżatta b’data korretta jew sabiex tikkompleta data inkompleta, iżda hija intiża sabiex tneħħi l-pubblikazzjoni ta’ data korretta. |
70 |
Il-fatt li tali tneħħija tinvolvi, f’dan il-każ, is-sempliċi emenda tal-kodiċi attribwit lill-abbonat ikkonċernat fid-database ta’ Proximus li minnha d-data personali ta’ dan l-abbonat tiġi ppubblikata fid-direttorji, ma jistax jipprekludi li talba għat-tħassir tad-data personali li tinsab f’dawn id-direttorji titqies bħala “talba għal tħassir”, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-RĠPD. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-metodu ta’ tħassir previst mill-imsemmi operatur jikkostitwixxi miżura ta’ natura purament teknika jew organizzattiva li tirriżulta neċessarja sabiex tintlaqa’ t-talba għat-tħassir tad-data personali tal-persuna kkonċernata u sabiex tipprekludi l-iżvelar ta’ din id-data. |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talba ta’ abbonat għat-tneħħija tad-data personali tiegħu mid-direttorji kif ukoll mis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku tikkostitwixxi eżerċizzju tad-“dritt għal tħassir”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
Fuq it‑tielet domanda
72 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24 tar-RĠPD għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ teżiġi li l-fornitur ta’ direttorji, bħala kontrollur, jieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jinforma lill-kontrolluri terzi, jiġifieri l-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu d-data personali tal-abbonat tiegħu kif ukoll il-fornituri l-oħra ta’ direttorji li lilhom huwa stess ipprovda tali data, bl-irtirar tal-kunsens ta’ dan l-abbonat. |
73 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, Proximus ipproċessat data personali tal-lanjant, bil-pubblikazzjoni tagħha u bil-komunikazzjoni tagħha lil fornituri oħra ta’ direttorji. Telenet, l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tagħha, ipproċessat ukoll din id-data, b’mod partikolari billi bagħtitha lil Proximus. L-istess japplika għall-fornituri l-oħra ta’ direttorji, li lilhom Proximus bagħtet id-dettalji tal-lanjant u li ppubblikawhom. |
74 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tobbliga lill-operaturi ta’ servizzi telefoniċi jittrażmettu d-data dwar l-abbonati tagħhom lill-fornituri ta’ direttorji pubbliċi, dawn l-operaturi għandhom madankollu jiżolaw id-data dwar l-abbonati li jkunu talbu li ma jidhrux f’direttorju, b’mod li dawn l-abbonati jkunu jistgħu jirċievu kopja ta’ dan id-direttorju mingħajr ma d-data tagħhom tkun inkluża fih. |
75 |
Mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-prattika, huwa ġeneralment lill-operatur tiegħu ta’ servizzi telefoniċi li l-abbonat jagħti l-kunsens tiegħu sabiex id-data personali tiegħu tiġi ppubblikata f’direttorju, liema kunsens jippermetti li din id-data tiġi ttrasferita lil terz, fornitur ta’ direttorji. Dan il-fornitur jista’, min-naħa tiegħu, jikkomunika tali data lil fornituri oħra ta’ direttorji, abbażi tal-istess kunsens, peress li dawn il-kontrolluri b’hekk jikkostitwixxu katina, fejn kull wieħed minnhom jipproċessa suċċessivament l-imsemmija data, b’mod indipendenti, abbażi tal-istess kunsens. |
76 |
Min-naħa l-oħra, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-aġġornament tad-database ta’ Proximus intiż sabiex jiġi rreġistrat l-irtirar tal-kunsens tal-lanjant tħassar meta l-operatur ta’ servizzi telefoniċi tiegħu bagħat lil Proximus lista ġdida ta’ data dwar l-abbonati tiegħu, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tagħha fid-direttorji, li ma kinitx tieħu inkonsiderazzjoni l-irtirar tal-kunsens tal-lanjant ma’ Proximus. |
77 |
F’dan il-kuntest, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk fornitur ta’ direttorji, bħal Proximus, meta abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi jirtira l-kunsens tiegħu li jidher fid-direttorji ta’ dan il-fornitur, għandux mhux biss jaġġorna d-database tiegħu sabiex jieħu inkunsiderazzjoni dan l-irtirar, iżda għandu wkoll jinforma bl-imsemmi irtirar lill-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu din id-data, kif ukoll lill-fornituri ta’ direttorji l-oħra li lilhom huwa stess bagħat tali data. |
78 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1)(a) tar-RĠPD jipprevedi li pproċessar huwa legali jekk, u sa fejn, is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew iktar. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li l-lanjant kien irtira l-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, li d-data personali tiegħu tkun ipproċessata għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni f’direttorji. Wara tali rtirar, l-ipproċessar ta’ din id-data għall-finijiet tal-inklużjoni tagħha fid-direttorji pubbliċi, inkluż dak li jitwettaq għall-istess għan mill-operaturi ta’ servizzi telefoniċi jew minn fornituri oħra ta’ direttorji li jibbażaw ruħhom fuq l-istess kunsens, ma għandux iktar bażi legali u għalhekk huwa illegali fid-dawl tal-Artikolu 6(1)(a) tal-imsemmi regolament. |
79 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 5(1)(a) u (2) tar-RĠPD, il-kontrollur għandu jiżgura ruħu li huwa f’pożizzjoni li juri li d-data personali hija pproċessata b’mod legali, leali u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. |
80 |
Fir-rigward tal-Artikolu 24 tar-RĠPD, dan jeżiġi li, fid-dawl tan-natura, tal-portata, tal-kuntest u tal-għanijiet tal-ipproċessar, il-kontrollur jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jaċċerta ruħu u jkun f’pożizzjoni li juri li l-ipproċessar jitwettaq konformement ma’ dan ir-regolament. |
81 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24 tar-RĠPD jimponu obbligi ġenerali ta’ responsabbiltà u ta’ konformità fuq il-kontrolluri ta’ data personali. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu mill-kontrolluri li jadottaw il-miżuri xierqa intiżi sabiex jipprevjenu l-ksur eventwali tar-regoli previsti mill-RĠPD sabiex jiġi żgurat id-dritt għall-protezzjoni tad-data. |
82 |
F’din il-perspettiva, l-Artikolu 19 tar-RĠPD jipprevedi, b’mod partikolari, li l-kontrollur għandu jikkomunika lil kull destinatarju li lilu tkun ġiet ikkomunikata data personali kull tħassir ta’ data personali mwettaq skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm tali komunikazzjoni ma tirriżultax impossibbli jew teħtieġ sforzi sproporzjonati. |
83 |
Issa, mill-obbligi ġenerali previsti fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 24 tar-RĠPD, moqrija flimkien mal-Artikolu 19 tiegħu, jirriżulta li kontrollur tad-data personali, bħal Proximus, għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jinforma lill-fornituri ta’ direttorji l-oħra li lilhom tkun ipprovdiet tali data, bl-irtirar tal-kunsens tal-persuna kkonċernata li jkun intbagħat lilha. Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ippreċiżati fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, tali kontrollur għandu wkoll jiżgura li jinforma lill-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu din id-data personali sabiex dan tal-aħħar jadatta l-lista tad-data personali li huwa jittrażmetti awtomatikament lil dan il-fornitur ta’ direttorji u jiżola d-data tal-abbonati tiegħu li wrew ir-rieda tagħhom li jirtiraw il-kunsens tagħhom sabiex din id-data ssir pubblika. |
84 |
Fil-fatt, meta, bħal f’dan il-każ, diversi kontrolluri jibbażaw ruħhom fuq il-kunsens uniku tal-persuna kkonċernata sabiex tiġi pproċessata d-data personali tagħha bl-istess għan, huwa biżżejjed, sabiex din il-persuna tirtira tali kunsens, li hija tindirizza lil xi wieħed mill-kontrolluri li jibbażaw ruħhom fuq dan l-istess kunsens għall-finijiet tal-irtirar mitlub. |
85 |
Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt għall-irtirar tal-kunsens tagħha previst fl-Artikolu 7(3) tar-RĠPD u sabiex jiġi żgurat li l-kunsens tas-suġġett tad-data jkun strettament marbut mal-għan li għalih ingħata, il-kontrollur, li fir-rigward tiegħu l-persuna kkonċernata irtirat tal-kunsens tagħha għall-ipproċessar tad-data personali tagħha, huwa effettivament obbligat li jinforma b’dan l-irtirar lil kull persuna li tkun ittrażmettietlu l-imsemmija data, kif ukoll lill-persuna li, min-naħa tagħha, ittrażmettiet l-imsemmija data. Il-kontrolluri hekk informati, sussegwentement, min-naħa tagħhom, għandhom l-obbligu li jittrażmettu din l-informazzjoni lill-kontrolluri l-oħra li lilhom huma kkomunikaw tali data. |
86 |
F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li tali obbligu ta’ informazzjoni huwa intiż li jipprevjeni kull ksur eventwali tar-regoli previsti mill-RĠPD sabiex jiġi żgurat id-dritt għall-protezzjoni tad-data u jaqa’ għalhekk fil-kuntest ta’ miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan jaqa’ wkoll fil-kuntest tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu l-kontrollur huwa obbligat jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuna kkonċernata b’mod partikolari mill-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament. |
87 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ tali obbligu ta’ informazzjoni għall-kontrollur dwar l-irtirar tal-kunsens tal-persuna kkonċernata tista’ tirrendi l-irtirar tal-kunsens partikolarment diffiċli, peress li din il-persuna tista’ taħseb li hija obbligata tikkuntattja lil kull wieħed mill-operaturi. Tali approċċ ikun għalhekk kuntrarju għall-Artikolu 7(3) tar-RĠPD, li jipprovdi li għandu jkun faċli li jiġi rtirat daqskemm ikun faċli biex jingħata l-kunsens għat-trattament tad-data personali. |
88 |
Fl-aħħar nett, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-kunsens, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58, ta’ abbonat debitament informat, għall-pubblikazzjoni f’direttorju pubbliku tad-data personali li tikkonċernah huwa relatat mal-għan ta’ din il-pubblikazzjoni u għaldaqstant jestendi ruħu għal kull ipproċessar sussegwenti tal-imsemmija data minn impriżi terzi attivi fis-suq tad-direttorji, sa fejn tali proċessar ikollu dan l-istess għan. |
89 |
Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li fornitur ta’ direttorji jista’ jinvoka l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data mogħti minn abbonat għal dan il-għan lil fornitur ieħor jew lill-operatur tiegħu ta’ servizzi telefoniċi, l-abbonat għandu jkun jista’, sabiex jirtira l-kunsens tiegħu, jindirizza lil kwalunkwe fornitur ta’ direttorji jew lil dan l-operatur sabiex jikseb it-tneħħija tad-dettalji tiegħu mid-direttorji ppubblikati minn dawk kollha li jistrieħu fuq l-unika darba li huwa jkun ta l-kunsens tiegħu. |
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 24 tar-RĠPD għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ teżiġi li l-fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku, bħala kontrollur, jieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jinforma lill-kontrolluri terzi, jiġifieri l-operatur ta’ servizzi telefoniċi li kkomunikalu d-data personali tal-abbonat tiegħu, kif ukoll il-fornituri l-oħra ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku li lilhom huwa pprovda tali data, dwar l-irtirar tal-kunsens ta’ dan l-abbonat. |
Fuq ir‑raba’ domanda
91 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali tordna lil fornitur ta’ direttorji, li l-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi jkun talab li ma jippubblikax iktar id-data personali li tikkonċernah, jieħu “passi raġonevoli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jinforma lill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka b’din it-talba għat-tħassir tad-data. |
92 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD jimponi fuq il-kontrollur li jkun irrenda pubblika d-data personali, fid-dawl tat-teknoloġiji disponibbli u tal-ispejjeż ta’ implimentazzjoni, li jieħu passi raġonevoli, inklużi ta’ natura teknika, sabiex jinforma lill-kontrolluri li jipproċessaw din id-data personali li l-persuna kkonċernata talbet it-tħassir minn dawn il-kontrolluri ta’ kull link għal din id-data personali, jew kwalunkwe kopja jew riproduzzjoni tagħha. |
93 |
Kif jirriżulta mill-premessa 66 tar-RĠPD, l-għan ta’ dan l-obbligu huwa t-tisħiħ tad-dritt li wieħed jintesa fl-ambjent online u minħabba f’hekk huwa intiż, b’mod partikolari, għall-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni fuq l-internet mill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka li jipproċessaw data ppubblikata online. |
94 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li Proximus ippubblikat, fid-direttorju tagħha, id-data personali tal-lanjant u, għaldaqstant, li din il-kumpannija għandha titqies bħala kontrollur li rrenda pubbliku tali data, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-RĠPD. |
95 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, l-attività ta’ mutur ta’ riċerka li tikkonsisti fit-tisjib ta’ informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, fl-elenkar b’mod awtomatiku ta’ din l-informazzjoni f’indiċi, fil-ħażna temporanja ta’ din l-informazzjoni u, fl-aħħar nett, fit-tqegħid ta’ din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza partikolari għandha titqies li hija “ipproċessar” ta’ data personali, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD u, min-naħa l-oħra, meta din l-informazzjoni tkun tinkludi data personali l-operatur ta’ dan il-mutur ta’ riċerka għandu jitqies li huwa l-“kontrollur” tal-imsemmi pproċessar, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4, u, għaldaqstant fis-sens ukoll tal-Artikolu 17(2) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) |
96 |
Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li kontrollur bħal Proximus huwa obbligat, skont l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD li jiżgura li jieħu passi raġonevoli sabiex jinforma lill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka bit-talba li ġiet indirizzata lilu mill-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi u intiża għat-tħassir tad-data personali tiegħu. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tal-passi meħuda mill-fornitur ta’ direttorji, l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD jipprevedi li t-teknoloġija disponibbli u l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li din l-evalwazzjoni taqa’ prinċipalment fuq l-awtorità kompetenti fil-qasam u li tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. |
97 |
F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-APD, li ma ġewx ikkontestati fuq dan il-punt mill-partijiet l-oħra f’din il-kawża, jirriżulta li, matul it-tieni trimestru tas-sena 2020, in-numru ta’ fornituri ta’ muturi ta’ riċerka li joperaw fil-Belġju kien limitat. B’mod partikolari, Google kellha sehem mis-suq ta’ bejn 90 %, fir-rigward tar-riċerki mwettqa fuq id-desktops, u 99 %, fir-rigward tar-riċerki mwettqa fuq l-ismartphones u t-tablets. |
98 |
Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara t-talba tal-abbonat sabiex id-data tiegħu ma tidhirx fid-direttorji ta’ dan il-fornitur, Proximus wieġbet li hija kienet mhux biss ħassret din id-data mid-direttorji telefoniċi u mis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku, iżda kienet ukoll ikkuntattjat lil Google sabiex il-links rilevanti lejn is-sit internet ta’ Proximus jitħassru. |
99 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(2) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali tordna lil fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli għall-pubbliku, li lilu l-abbonat ta’ operatur ta’ servizzi telefoniċi talab sabiex ma tiġix ippubblikata iktar id-data personali li tikkonċernah, jieħu “passi raġonevoli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jinforma lill-fornituri ta’ muturi ta’ riċerka b’din it-talba għal tħassir tad-data. |
Fuq l‑ispejjeż
100 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.