SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Direttiva 2011/95/UE – Regoli relatati dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Ċaħda tal-istatus – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità speċjalizzata – Aċċess għall-fajl”

Fil-Kawża C‑159/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

GM

vs

Országos Idegenrendeszeti Főigazgatóság,

Alkotmányvédelmi Hivatal,

Terrorelhárítási Központ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, I. Ziemele, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal GM, minn B. Pohárnok, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, R. Kissné Berta u M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, L. Grønfeldt u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14 u 17 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), tal-Artikoli 4, 10, 11, 12, 23 u 45 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn GM, ċittadin ta’ pajjiż terz, kontra d-deċiżjoni tal-Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin, l-Ungerija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali”) li tirtiralha l-istatus ta’ refuġjat u li tirrifjuta li tagħtiha l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/95

3

L-Artikolu 2(d) u (f) tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

[…]

(f)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

4

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-każijiet ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat.

5

L-Artikolu 14(4)(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

(a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti”.

6

L-Artikolu 17(1)(b) u (d) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

[…]

(b)

hija tkun ikkommettiet delitt serju;

[…]

(d)

hija tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti.”

Id‑Direttiva 2013/32

7

Il-premessi 16, 20, 34 u 49 tad-Direttiva 2013/32 huma hekk ifformulati:

“(16)

Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jittieħdu abbażi tal-fatti u, fl-istadju ta’ prima istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-informazzjoni adegwata jew ikun irċieva t-taħriġ meħtieġ fil-qasam ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

[…]

(20)

F’ċirkostanzi definiti b’mod ċar fejn applikazzjoni x’aktarx li hi bla bażi jew fejn hemm tħassib serju dwar is-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jgħaġġlu l-proċedura ta’ eżami, b’mod partikolari billi jiġu introdotti limiti ta’ żmien iqsar, iżda raġonevoli, għal ċerti passi proċedurali, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ u l-aċċess effettiv tal-applikant għal prinċipji bażiċi u garanziji previsti f’din id-Direttiva.

[…]

(34)

Il-proċeduri għall-eżami tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu tali li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(49)

Fir-rigward tal-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali jkunu debitament informati dwar il-possibbiltà ta’ rikonsiderazzjoni tal-istatus tagħhom u jkollhom l-opportunità sabiex jagħtu l-fehma tagħhom qabel mal-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni motivata dwar l-irtirar tal-istatus tagħhom.”

8

L-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

f)

‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.

9

L-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li awtorità differenti minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun responsabbli għall-għanijiet ta’:

(a)

l-ipproċessar ta’ każijiet taħt ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)] u

(b)

l-għotja jew ir-rifjut tal-permess tad-dħul fil-qafas fil-proċedura pprovduta fl-Artikolu 43, suġġett għall-kundizzjonijiet u kif stipulat f’dak l-Artikolu u fuq il-bażi tal-opinjoni raġunata tal-awtorità determinanti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtorità determinanti msemmi fil-paragrafu 1 ikun mistħarreġ b’mod xieraq. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal taħriġ xieraq […]. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw it-taħriġ rilevanti stabbilit u żviluppat mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO). Il-persuni li jintervistaw lill-applikanti skont din id-Direttiva għandu jkollhom ukoll tagħrif ġenerali miksub ta’ problemi li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat, bħal indikazzjonijiet li l-applikant seta’ ġie ttorturat fil-passat.”

10

L-Artikolu 10(2) u (3) tal-istess direttiva jippreċiża:

“2.   Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

[…]

(d)

il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu l-possibbiltà li jitlob parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari, bħal pereżempju kwistjonijiet mediċi, kulturali, dwar it-tfal jew is-sess.”

11

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Rekwiżiti għal deċiżjoni mill-awtorità determinanti”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, fejn applikazzjoni tiġi miċħuda fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat u/jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt jiġu ddikjarati fid-deċiżjoni u tiġi mogħtija bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva.

[…]”

12

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi diversi garanziji mogħtija għall-applikanti għall-ażil.

13

L-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulent legali jew konsulent ieħor, li jkun ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, li jgħin jew jirrappreżenta applikant taħt il-liġi nazzjonali, għandu jgawdi aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-applikant li fuq il-bażi tiegħu jkun hemm jew tkun ser tittieħed deċiżjoni.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni jew ta’ sorsi jkun ta’ ħsara għas-sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà tal-organizzazzjonijiet jew tal-persuna jew persuni li jipprovdu l-informazzjoni jew għas-sigurtà tal-persuna jew persuni li għalihom tirriferi l-informazzjoni jew fejn l-interessi investigattivi dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri jkunu kompromessi. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jagħmlu l-aċċess għal tali informazzjoni jew għas-sorsi disponibbli għall-awtoritajiet imsemmija fil-Kapitolu V; u;

(b)

jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali proċeduri li jagħtu garanzija li d-drittijiet ta’ difiża tal-applikant jiġu rispettati.

Fir-rigward tal-punt(b), l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jagħtu aċċess għal tali informazzjoni jew is-sorsi għal konsulent legali jew konsulent li saritlu verifika tas-sigurtà, dment li l-informazzjoni hi rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni jew it-teħid ta’ deċiżjoni li tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali.”

14

L-Artikolu 45 tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtorità kompetenti tkun qiegħda tikkunsidra li tirtira l-protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna apolida […], il-persuna konċernata għandha tgawdi mill-garanziji li ġejjin:

(a)

li tkun informata bil-miktub li l-awtorità kompetenti tkun qiegħda tikkunsidra mill-ġdid il-kwalifikazzjoni tagħha bħala benefiċjarja tal-protezzjoni internazzjonali u r-raġunijiet għal tali rikonsiderazzjoni; kif ukoll

(b)

li tingħata l-opportunità sabiex tippreżenta, f’intervista personali […] raġunijiet għaliex ma għandhiex tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali tagħha.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tirtira l-protezzjoni internazzjonali tingħata bil-miktub. Ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt għandhom jiġu dikjarati fid-deċiżjoni u l-informazzjoni dwar kif tiġi kontestata d-deċiżjoni għandha tingħata bil-miktub.

4.   Ladarba l-awtorità kompetenti tkun ħadet id-deċiżjoni sabiex tirtira l-protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 20, l-Artikolu 22, l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 29 għandhom ikunu ugwalment applikabbli.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-protezzjoni internazzjonali tintemm bil-liġi fejn il-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali irrinunzja b’mod inekwivoku r-rikonoxximent tiegħu bħala tali benefiċjarju. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li l-protezzjoni internazzjonali tista’ tintemm bil-liġi jekk il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun sar ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

15

L-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32, li jinsab fil-Kapitolu V tagħha intitolat “Proċeduri tal-Appelli”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

(c)

deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 45.”

Id‑dritt Ungeriż

16

L-Artikolu 57(1) u (3) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal‑2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) jipprovdi:

“1.   Fil-proċeduri rregolati minn din il-liġi, il-korp speċjalizzat tal-Istat għandu jagħti opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet speċjali li l-evalwazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva.

[…]

3.   L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil ma tistax tinjora l-opinjoni tal-korp speċjalizzat tal-Istat meta hija ma għandhiex kompetenza sabiex tevalwa l-kontenut tagħha.

[…]”

17

L-Artikolu 11 tal-minġsített adat védelmérġl szóló 2009. évi CLV. törvény (il-Liġi Nru CLV tal‑2009, dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata) jipprevedi:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jsir jaf id-data personali tiegħu li għandha n-natura ta’ informazzjoni kklassifikata nazzjonali fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni maħruġa mill-awtorità klassifikattiva u mingħajr ma jkollu ċertifikat ta’ sigurtà personali. Il-persuna kkonċernata hija obbligata li tagħmel, qabel ma tieħu konjizzjoni tal-informazzjoni kklassifikata nazzjonali, dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità bil-miktub u tosserva r-regoli ta’ protezzjoni tal-imsemmija informazzjoni.

2.   Id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità klassifikattiva fuq talba tal-persuna kkonċernata u f’terminu ta’ ħmistax-il jum. L-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni għandha tiġi rrifjutata mill-awtorità klassifikattiva jekk l-għarfien tal-informazzjoni jwassal għal preġudizzju għall-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni. Ir-rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni għandu jkun motivat mill-awtorità klassifikattiva.

3.   Fil-każ ta’ rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni, il-persuna kkonċernata tista’ tikkontesta d-deċiżjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja amministrattiva. […]”

18

L-Artikolu 12(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-awtorità li tittratta l-informazzjoni klassifikata tista’ tirrifjuta li s-suġġett tad-data jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess għad-data personali tiegħu jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jikkomprometti l-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

19

Matul is-sena 2002, GM ġie kkundannat minn qorti Ungeriża għal piena li ċċaħħad il-libertà għal traffikar ta’ prodotti narkotiċi.

20

Filwaqt li kien qiegħed jiskonta din il-piena, huwa ppreżenta, matul is-sena 2005, applikazzjoni għall-ażil fl-Ungerija. Wara din it-talba, ġie rrikonoxxut l-istatus ta’ “persuna milqugħa”, imbagħad tilef dan l-istatus fl-2010.

21

Wara l-preżentata ta’ applikazzjoni ġdida għall-ażil, GM ingħata l-istatus ta’ refuġjat permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012 tal-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija).

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2019, id-Direttorat Ġenerali rtira lil GM l-istatus ta’ refuġjat u rrifjuta li jagħtih l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, filwaqt li applikalu l-prinċipju ta’ non-refoulement. Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi ta’ opinjoni mhux motivata maħruġa mill-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija) u mit-Terrorelhárítási Központ (l-Uffiċċju Ċentrali għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“organi speċjalizzati”), li fiha dawn iż-żewġ awtoritajiet ikkonkludew li r-residenza ta’ GM tikkomprometti s-sigurtà nazzjonali.

23

GM appella id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

24

Din il-qorti għandha dubju, qabelxejn, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar l-aċċess għall-informazzjoni kklassifikata mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/32 u ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Karta.

25

L-imsemmija qorti tirrileva li mill-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti mill-possibbiltà offruta lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali, li tikkonsulta l-informazzjoni kunfidenzjali li fuqha huwa bbażat l-opinjoni tal-korpi speċjalizzati.

26

Madankollu, la l-persuna kkonċernata u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma għandhom, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, possibbiltà konkreta li jesprimu ruħhom dwar l-opinjoni mhux motivata ta’ dawn il-korpi. Għalkemm huma għandhom, ċertament, id-dritt li jressqu talba għal aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna lil din il-persuna, huma ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji l-informazzjoni kunfidenzjali li għaliha huma kellhom aċċess.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regola prevista mid-dritt Ungeriż li tipprovdi li d-direttorat ġenerali huwa marbut li jibbaża ruħu fuq opinjoni mhux motivata mogħtija mill-korpi speċjalizzati, mingħajr ma jkun jista’ jeżamina huwa stess l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni fil-każ li jkollu quddiemu, b’tali mod li huwa jista’ jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu biss billi jirreferi għal din l-opinjoni mhux motivata. Fil-fatt, din il-qorti tqis, minn naħa, li dawn il-korpi speċjalizzati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imposti mid-Direttiva 2013/32 sabiex jitwettaq tali eżami kif ukoll sabiex jieħdu tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li r-regola nazzjonali inkwistjoni tista’ tostakola l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

28

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi sa fejn huwa possibbli, waqt l-evalwazzjoni tal-għoti eventwali tal-protezzjoni sussidjarja wara l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, li tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna kriminali għal piena skontata sittax-il sena qabel u li kienet diġà magħrufa mill-awtoritajiet li taw l-istatus ta’ refuġjat u li ma nżammitx minnhom sabiex jirrifjutaw li jagħtu dan l-istatus.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 11(2), l-Artikolu 12(1)(d) u (2), l-Artikolu 23(1)(b) u l-Artikolu 45(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva [2013/32], fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, l-awtorità ta’ Stat Membru li adottat deċiżjoni, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, ta’ ċaħda jew ta’ rtirar ta’ protezzjoni internazzjonali bbażata fuq raġuni ta’ sigurtà nazzjonali u l-awtorità speċjalizzata li ddeterminat in-natura kunfidenzjali għandhom jiżguraw b’kull mod li l-applikant, ir-refuġjat jew il-benefiċjarju barrani ta’ protezzjoni sussidjarja, jew ir-rappreżentant legali tagħhom, ikollhom id-dritt ta’ aċċess mill-inqas għas-sustanza tal-informazzjoni jew tad-data kunfidenzjali jew tad-data klassifikata li fuqha ttieħdet id-deċiżjoni bbażata fuq l-imsemmija raġuni kif ukoll li jużaw din l-informazzjoni jew data fil-proċeduri relatati mad-deċiżjoni, meta l-awtorità responsabbli tallega li l-imsemmija komunikazzjoni tagħmel ħsara lis-sigurtà pubblika?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv, x’għandu jinftiehem eżattament bis-“sustanza” tal-motivi kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, sabiex jiġi applikat l-Artikolu 23(1)(b) tad-Direttiva [2013/32], fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?

3)

L-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva [2011/95] u l-Artikolu 45(1)(a) u (3) sa (4) kif ukoll il-premesa 49 tad-Direttiva [2013/32] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li biha l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju barrani ta’ protezzjoni sussidjarja jista’ jiġi irtirat jew eskluż permezz ta’ deċiżjoni mhux motivata, li hija bbażata esklużivament fuq riferiment awtomatiku għar-rapport vinkolanti u imperattiv tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, ukoll mhux motivata, li jiddetermina li hemm periklu għas-sigurtà nazzjonali?

4)

Il-premessi 20 u 34, l-Artikolu 4, l-Artikolu 10(2) u (3)(d) tad-Direttiva [2013/32] kif ukoll l-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva [2011/95] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-awtorità speċjalizzata teżamina l-motiv tal-esklużjoni u tieħu deċiżjoni dwar il-mertu fi proċedura li ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tad-Direttiva [2013/32] u tad-Direttiva [2011/95]?

5)

L-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi esklużjoni bbażata fuq ċirkustanza jew reat li kien diġà magħruf qabel l-adozzjoni tas-sentenza jew tad-deċiżjoni finali li tagħti l-istatus ta’ refuġjat iżda li ma huwiex il-bażi għal kwalunkwe motiv ta’ esklużjoni la fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u lanqas fir-rigward tal-protezzjoni sussidjarja?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

30

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 23(1) kif ukoll l-Artikolu 45(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva 2013/32, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar ta’ tali protezzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan, ma jistgħux jiġu kkomunikati wkoll is-sustanza tal-motivi li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet u ma jistgħux fi kwalunkwe każ, jużaw, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li għaliha setgħu jkollhom aċċess.

31

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi, fl-ewwel u fit-tieni domanda tagħha, għall-Artikolu 11(2), għall-Artikolu 12(1) u (2), kif ukoll għall-Artikolu 45(1), (3) u (5) tad-Direttiva 2013/32, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx rilevanza diretta sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, peress li dawn tal-aħħar jirrigwardaw essenzjalment il-modalitajiet ta’ aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-proċess, modalitajiet li huma ddefiniti fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

32

Fit-tieni lok, l-Artikolu 45(4) tad-Direttiva 2013/32, imsemmi fl-ewwel domanda, għandu, min-naħa l-oħra, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda, sa fejn din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli fil-proċeduri ta’ rtirar tal-protezzjoni internazzjonali, ladarba l-awtorità kompetenti tkun ħadet id-deċiżjoni li tirtira din il-protezzjoni.

33

Għalhekk, mill-Artikolu 45(4) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tagħha huma imposti mhux biss fil-proċeduri ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda wkoll fil-proċeduri ta’ rtirar ta’ din il-protezzjoni.

34

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Artikolu 41 tal-Karta, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu jirriżulta b’mod ċar li dan ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Madankollu, l-Artikolu 41 tal-Karta jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa intiż li japplika għall-Istati Membri meta jimplimentaw dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għaldaqstant, dan il-prinċipju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ppreċiżati l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parir legali jew konsulent ieħor irrikonoxxut bħala tali jew awtorizzat għal dan il-għan skont id-dritt nazzjonali, li jassisti jew jirrappreżenta persuna kkonċernata skont dan id-dritt, ikollu aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl tiegħu li abbażi tiegħu tittieħed jew għandha tittieħed deċiżjoni.

38

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva jawtorizza madankollu lill-Istati Membri jidderogaw minn din ir-regola meta l-iżvelar ta’ informazzjoni jew tas-sorsi tagħhom jikkomprometti, b’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali jew is-sigurtà ta’ dawn is-sorsi.

39

F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom, minn naħa, skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, jagħtu aċċess għal din l-informazzjoni jew għall-imsemmija sorsi lill-qrati kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar il-legalità tad-deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva, jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, proċeduri li jiggarantixxu li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jiġu rrispettati.

40

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel u t-tieni domanda ma jirrigwardawx is-setgħat mogħtija lill-qrati kompetenti iżda mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u għalhekk jirrigwardaw biss, konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-obbligu stabbilit fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32.

41

F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-portata ta’ dan l-obbligu hija ppreċiżata fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li, fid-dawl tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tagħha, l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jagħtu aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl jew għas-sorsi tagħhom li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali lil konsulent tal-persuna kkonċernata li tkun għaddiet minn kontroll tas-sigurtà, sakemm din l-informazzjoni jew dawn is-sorsi jkunu rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni jew tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

42

Madankollu, mill-kliem ta’ dan it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) u b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “b’mod partikolari”, jirriżulta b’mod ċar li l-implimentazzjoni tal-proċedura msemmija f’din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix l-unika possibbiltà miftuħa għall-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 u li għalhekk dawn ma humiex obbligati jimplimentaw tali proċedura.

43

Għaldaqstant, peress li d-Direttiva 2013/32 ma tippreċiżax b’liema mod l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata meta d-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl huwa ristrett skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, il-modalitajiet konkreti tal-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija b’ordni ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Kontroll Fiskali), C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 34, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ applikazzjoni sussegwenti - Terminu għal preżentata ta’ appell), C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għandu jitfakkar ukoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw l-osservanza kemm tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 34, u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Agrobet CZ,C‑446/18, EU:C:2020:369, punt 43), li jimponu, rispettivament matul il-proċedura amministrattiva u ta’ eventwali proċedura ġudizzjarja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 45, u tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew - Garanzija ta’ rinviju fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 58).

45

F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-proċedura amministrattiva, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tiegħu għandu jitqiegħed f’pożizzjoni, mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jadottaw miżuri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jesprimi effettivament il-perspettiva tiegħu fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 39, u tat-3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 31).

46

Dan ir-rekwiżit għandu b’mod partikolari l-għan, fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-protezzjoni internazzjonali, li jippermetti lill-awtorità determinanti tipproċedi b’għarfien sħiħ tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jeħtieġ li d-destinatarju tad-deċiżjoni jkun jista’ jikkoreġi żball jew jinvoka tali elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tiegħu li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed, ma tittiħidx jew li jkollha kontenut partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punti 3237, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 35).

47

Peress li l-imsemmi rekwiżit jippreżumi neċessarjament li dan id-destinatarju jingħata, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, possibbiltà konkreta li jkun jaf bl-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu bħala korollarju d-dritt ta’ aċċess għall-elementi kollha tal-fajl matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punti 51 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-proċedura ġudizzjarja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li japplika b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri li jirrigwardaw ir-rikorsi eżerċitati fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 32), jimplika li r-rikorrent jista’ jaċċedi mhux biss għall-motivi tad-deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu, iżda wkoll għall-elementi kollha tal-proċess li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni, sabiex effettivament ikun jista’ jieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, jimplika li l-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jippreżupponi li l-persuna kkonċernata minn deċiżjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-elementi tal-proċess tagħha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-qorti msejħa biex tieħu deċiżjoni fuq ir-rikors eżerċitat kontra din id-deċiżjoni.

50

Madankollu, peress li l-obbligu msemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 huwa intiż biss li japplika meta d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-persuna kkonċernata jkun ġie ristrett għal waħda mir-raġunijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa l-korollarju jista’ għalhekk jiġi llimitat, abbażi ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għall-amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rikors effettiv tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-interessi evokati biex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ żvelar ta’ element tal-fajl lil din il-persuna, b’mod partikolari meta dawn l-interessi ttrattaw is-sigurtà nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 54, 5764 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Madankollu, dan l-ibbilanċjar ma jistax iwassal, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex iċċaħħad minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u sabiex jitneħħa l-kontenut tad-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari billi ma kkomunikatx lilha, jew jekk ikun il-każ, lill-konsulent tagħha, tal-inqas, bis-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 65).

52

L-imsemmija kunsiderazzjoni tista’, min-naħa l-oħra, twassal sabiex ċerti elementi tal-proċess ma jiġux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata, meta l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dan jista’ b’mod partikolari jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali u b’hekk jostakola serjament, jew anki jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn il-korpi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 66).

53

Għaldaqstant, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 jawtorizza lill-Istati Membri, b’mod partikolari meta s-sigurtà nazzjonali teżiġi dan, li ma jagħtix lill-persuna kkonċernata aċċess dirett għall-fajl kollu tagħha, din id-dispożizzjoni ma tistax, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ effettività, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu lil din il-persuna f’sitwazzjoni fejn la hija u lanqas il-konsulent tagħha ma jkunu f’pożizzjoni li jsiru jafu b’mod utli, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ proċedura ddedikata li tippreżerva s-sigurtà nazzjonali, tas-sustanza tal-elementi determinanti inkluża f’dan il-fajl.

54

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, meta l-iżvelar ta’ informazzjoni inkluża fil-fajl ikun ġie llimitat għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata ma huwiex żgurat b’mod suffiċjenti mill-possibbiltà li din il-persuna tikseb, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal din l-informazzjoni flimkien ma’ projbizzjoni kompleta tal-użu tal-informazzjoni hekk miksuba għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva jew tal-eventwali proċedura ġudizzjarja.

55

Fil-fatt, mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, imfakkra fil-punti 45 sa 49 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl għandu l-għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, li ssostni, quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti, l-opinjoni tagħha dwar din l-informazzjoni u dwar ir-rilevanza tagħha għad-deċiżjoni li għandha tingħata jew ġiet adottata.

56

Għalhekk, proċedura li toffri lill-persuna kkonċernata jew lill-konsulent tagħha possibbiltà li taċċedi għal din l-informazzjoni, filwaqt li tipprojbixxihom milli jużaw l-imsemmija informazzjoni għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva jew tal-eventwali proċedura ġudizzjarja, ma hijiex biżżejjed sabiex tippreżerva d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna u għalhekk ma tistax titqies li tippermetti lil Stat Membru jikkonforma ruħu mal-obbligu msemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32.

57

Min-naħa l-oħra, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti suffiċjentement permezz tal-possibbiltà tal-qorti kompetenti li taċċedi għall-fajl, għandu jiġi enfasizzat li tali fakultà ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għall-informazzjoni inkluża f’dan il-fajl mill-persuna kkonċernata jew mill-konsulent tagħha.

58

Għalhekk, minbarra l-fatt li din il-possibbiltà ma hijiex applikabbli matul il-proċedura amministrattiva, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-qorti kompetenti għandha l-elementi rilevanti kollha sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, iżda li l-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, tista’ ssostni l-interessi tagħha billi tesprimi l-opinjoni tagħha fuq dawn l-elementi.

59

Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li mill-formulazzjoni stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl mill-qrati kompetenti u l-istabbiliment ta’ proċeduri li jiggarantixxu li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jiġu rrispettati jikkostitwixxu żewġ rekwiżiti distinti u kumulattivi.

60

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 45(4) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar ta’ tali protezzjoni tkun ibbażata biss fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jistgħu jaċċedu biss għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan, ma jiġux ikkomunikati wkoll is-sustanza tal-motivi li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li għaliha setgħu jkollhom aċċess.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

61

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(4)(a) u l-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll l-Artikolu 4, l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 45(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2013/32 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità determinanti hija sistematikament obbligata, meta korpi responsabbli minn funzjonijiet speċjalizzati marbutin mas-sigurtà nazzjonali kkonstataw, permezz ta’ opinjoni mhux motivata, li persuna kienet tikkostitwixxi theddida għal din is-sigurtà, li jeskludu li jagħtu il-benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja lil din il-persuna jew li jirtiraw protezzjoni internazzjonali mogħtija qabel lill-imsemmija persuna, billi jibbażaw ruħhom fuq din l-opinjoni.

62

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2013/32 tipprevedi li l-Istati Membri jagħtu rwol speċifiku lill- “awtorità determinanti”, espressjoni ddefinita fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva bħala li tirreferi għal kull korp kważi-ġudizzjarju jew amministrattiv ta’ Stat Membru, responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u kompetenti sabiex jiddeċiedi, fl-ewwel istanza, dwar dawn l-applikazzjonijiet.

63

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva tipprevedi għalhekk li l-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet skont l-istess direttiva.

64

Barra minn hekk, mill-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li hija l-awtorità determinanti li għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tirtira l-protezzjoni internazzjonali.

65

Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li huwa essenzjali li, għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, id-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi tal-fatti, fl-ewwel istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-għarfien mixtieq jew irċieva t-taħriġ neċessarju fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni internazzjonali.

66

Għal dan il-għan, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva teżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti jkollha l-mezzi xierqa, inkluż persunal kompetenti f’numru suffiċjenti, sabiex twettaq il-kompiti tagħha konformement mal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 4(3) tagħha jikkonkretizza dan l-obbligu billi jistabbilixxi obbligi iktar iddettaljati f’dak li jirrigwarda t-taħriġ u l-għarfien ta’ dan il-persunal.

67

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jiżgura li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn korp kważi-ġudizzjarju jew amministrattiv li jkollu mezzi speċifiċi u persunal speċjalizzat fil-qasam ikun fażi essenzjali tal-proċeduri komuni applikati mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis, C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 61), peress li tali korp huwa wkoll mitlub jiddeċiedi jekk hemmx lok li tiġi rtirata l-protezzjoni internazzjonali.

68

Għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2013/32 ċertament jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jipprevedu li awtorità li ma hijiex l-awtorità determinanti tista’ tingħata ċerti funzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-funzjonijiet ma jistgħux jiġu estiżi għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew għall-irtirar ta’ din il-protezzjoni, li għandhom għalhekk neċessarjament jiġu attribwiti lill-awtorità determinanti.

69

Barra minn hekk, mill-Artikolu 10(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta espliċitament li l-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titmexxa mill-awtorità determinanti u tintemm, fi tmiem eżami xieraq, permezz ta’ deċiżjoni adottata minn din l-awtorità.

70

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ theddida eventwali għas-sigurtà nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95 jawtorizza lill-Istati Membri jirrevokaw l-istatus mogħti lil refuġjat meta jkunu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex dan jitqies bħala perikolu għas-sigurtà tal-Istat Membru li jkun jinsab fih.

71

L-Artikolu 17(1)(d) ta’ din id-direttiva jipprevedi, min-naħa tiegħu, li ċittadin ta’ pajjiż terz huwa eskluż minn persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li dan jirrappreżenta theddida għas-soċjetà jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih huwa jkun jinsab.

72

L-applikazzjoni ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tippreżumi li l-awtorità kompetenti twettaq, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija tkun taf bihom sabiex tiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji sabiex jiġi ssuspettat li s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, li tissodisfa barra minn hekk il-kriterji sabiex tikseb jew iżżomm il-protezzjoni internazzjonali, taqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani, C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 72, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 55).

73

Din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi parti integrali mill-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li għandha ssir skont id-Direttivi 2011/95 u 2013/32, li ma tistax, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, tiġi llimitata biss għall-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.

74

B’hekk, mid-definizzjonijiet tat-termini “refuġjat” u “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” li jinsabu fl-Artikolu 2(d) u (f) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li dawn jirrigwardaw persuna li, mhux biss għandha bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali, iżda li, barra minn hekk, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni stabbiliti minn din id-direttiva.

75

Għaldaqstant, hija biss l-awtorità determinanti li għandha twettaq, taħt il-kontroll tal-imħallfin, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi dawk relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 17 tad-Direttiva 2011/95, evalwazzjoni li fi tmiemha hija ser tagħti d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 4041).

76

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2013/32, meta applikazzjoni li tirrigwarda l-istatus ta’ refuġjat u/jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja tiġi miċħuda, id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti hija motivata fil-fatt u fid-dritt.

77

Bl-istess mod, l-Artikolu 45(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti intiża għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tindika l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni.

78

F’każijiet bħal dawn, ir-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha għandhom għalhekk jiġu indikati f’din id-deċiżjoni.

79

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dwar kemm ir-rwol tal-awtorità determinanti kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni li għalih dawn huma suġġetti, jirriżulta li din l-awtorità ma tistax validament tillimita ruħha li timplimenta deċiżjoni adottata minn awtorità oħra, imposta fuqha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u tieħu, fuq din il-bażi biss, id-deċiżjoni li teskludi li jingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja jew li tirtira protezzjoni internazzjonali mogħtija minn qabel.

80

L-awtorità determinanti għandha, għall-kuntrarju, ikollha l-informazzjoni rilevanti kollha u tipproċedi, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, għall-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, sabiex tiddetermina s-sens tad-deċiżjoni tagħha kif ukoll timmotivaha b’mod komplet.

81

Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 14(4)(a) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li din l-awtorità għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat għandhomx jagħtu lok għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, li jeskludi li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida għal din is-sigurtà timplikax awtomatikament tali revoka.

82

Ċertament, il-konstatazzjonijiet preċedenti bl-ebda mod ma jeskludu li parti mill-informazzjoni użata mill-awtorità kompetenti sabiex twettaq l-evalwazzjoni tagħha tista’ tiġi pprovduta minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-awtorità determinanti. Barra minn hekk, parti minn din l-informazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tiġi suġġetta għal sistema ta’ kunfidenzjalità fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32.

83

Madankollu, fid-dawl tal-funzjonijiet tal-awtorità determinanti, il-portata ta’ din l-informazzjoni u r-rilevanza tagħha għad-deċiżjoni li għandha tingħata għandha tiġi evalwata liberament minn din l-awtorità, li għalhekk ma tistax tkun obbligata tibbaża ruħha fuq opinjoni mhux motivata mogħtija minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni li l-bażi fattwali tagħha ma ġietx ikkomunikata lilha.

84

Barra minn hekk, sa fejn il-Gvern Ungeriż isostni li r-rwol mogħti lil tali korpi jaqa’ esklużivament taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri, skont l-Artikoli 72 u 73 TFUE, wieħed għandu jiftakar li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jippermettu lill-Istati Membri li ma japplikawx dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bis-sempliċi invokazzjoni tar-responsabbiltajiet li huma għandhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main, C‑18/19, EU:C:2020:511, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Issa, dan il-gvern sempliċement, f’dan ir-rigward, ifformula osservazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma wera li s-sitwazzjoni speċifika tal-Ungerija tiġġustifika r-restrizzjoni, f’ċerti każijiet, tar-rwol mogħti lill-awtoritajiet determinanti.

86

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 10(2) u (3), l-Artikolu 11(2) kif ukoll l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(4)(a) u mal-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità determinanti hija sistematikament obbligata, meta korpi responsabbli minn funzjonijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali, ikunu kkonstataw, permezz ta’ opinjoni mhux motivata, li persuna tikkostitwixxi theddida għal din is-sigurtà, li teskludi li tagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja lil din il-persuna jew li tirtira protezzjoni internazzjonali mogħtija minn qabel lill-imsemmija persuna, billi tibbaża ruħha fuq din l-opinjoni.

Fuq il-ħames domanda

87

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikant jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, skont din id-dispożizzjoni, abbażi ta’ kundanna kriminali li kienet diġà magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti, meta dawn ikunu taw lil dan l-applikant, fi tmiem proċedura preċedenti, status ta’ refuġjat li sussegwentement ġie rtirat.

88

L-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li ċittadin ta’ pajjiż terz huwa eskluż minn persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li huwa wettaq delitt serju.

89

Peress li l-motiv ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod ġenerali għal delitt serju, hija la hija limitata ġeografikament, la ratione temporis, u lanqas fir-rigward tan-natura tad-delitti inkwistjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 47, u tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, l‑Ungerija u r‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 155).

90

Għaldaqstant, l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 bl-ebda mod ma jipprevedi li d-delitt gravi li hija tkopri għandha tkun twettqet f’perijodu reċenti jew li, fil-każ fejn l-applikant ikun introduċa suċċessivament diversi proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali, delitt gravi li ma jkunx ġie kkunsidrat bħala li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ esklużjoni waqt l-ewwel proċedura ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement. Għall-kuntrarju, l-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-espressjoni “huwa eskluż” jimplika li l-awtorità determinanti ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni ladarba tikkonstata li l-persuna kkonċernata wettqet delitt gravi.

91

Lanqas ma jirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttivi 2011/95 jew 2013/32 li l-awtorità determinanti hija marbuta għall-futur, wara l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, minn evalwazzjonijiet li jkunu saru dwar l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ esklużjoni waqt il-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ dan l-istatus.

92

Madankollu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tibbaża ruħha fuq il-motiv ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li tirrigwarda t-twettiq, mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ delitt gravi biss wara li tkun wettqet, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija jkollha għarfien tagħhom sabiex tiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li l-atti mwettqa mill-applikanti kkonċernati, li barra minn hekk jissodisfaw il-kriterji sabiex jinkiseb l-istatus mitlub, jaqgħu taħt din l-esklużjoni, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni għandha bżonn eżami komplet taċ-ċirkustanzi proprji kollha fil-każ individwali kkonċernat (is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, l‑Ungerija u r‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 154).

93

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li applikant jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, skont din id-dispożizzjoni, abbażi ta’ kundanna kriminali li kienet diġà magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti, meta dawn ikunu taw lil dan l-applikant, fi tmiem proċedura preċedenti, status ta’ refuġjat li sussegwentement ġie rtirat lilu.

Dwar l‑ispejjeż

94

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 45(4) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ rtirar ta’ tali protezzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan, ma jistgħux jiġu kkomunikati wkoll is-sustanza tal-motivi li fuqhom huma bbażati tali deċiżjonijiet u ma jistgħux fi kwalunkwe każ, jużaw, għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni li għaliha setgħu jkollhom aċċess.

 

2)

L-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 10(2) u (3), l-Artikolu 11(2) kif ukoll l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2013/32, moqrija flimkien mal-Artikolu 14(4)(a) u mal-Artikolu 17(1)(d) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-awtorità determinanti hija sistematikament obbligata, meta korpi responsabbli minn funzjonijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali jkunu kkonstataw, permezz ta’ opinjoni mhux motivata, li persuna tikkostitwixxi theddida għal din is-sigurtà, li teskludi li tagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja lil din il-persuna jew li tirtira protezzjoni internazzjonali mogħtija minn qabel lill-imsemmija persuna, billi tibbaża ruħha fuq din l-opinjoni.

 

3)

L-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li applikant jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, skont din id-dispożizzjoni, abbażi ta’ kundanna kriminali li kienet diġà magħrufa mill-awtoritajiet kompetenti, meta dawn ikunu taw lil dan l-applikant, fi tmiem proċedura preċedenti, status ta’ refuġjat li sussegwentement ġie rtirat lilu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.