KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fil‑15 ta’ Settembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑407/21
Union fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC - Que choisir),
Consommation, logement et cadre de vie (CLCV)
vs
Premier ministre,
Ministre de l’Économie, des Finances et de la Relance
(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Direttiva 2015/2302 – Pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – COVID-19 – Natura ta’ rimbors tal-pagamenti magħmula mill-vjaġġatur għall-pakkett tal-ivvjaġġar – Rimbors fi flus jew ħlas lura ekwivalenti fil-forma ta’ vawċer – Deroga temporanja mill-obbligu tal-organizzatur biex jirrifondi lill-vjaġġatur mhux iktar tard minn 14-il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar)
Introduzzjoni
1. |
Fil‑11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala “pandemija”. Fir-rimarki tal-ftuħ tiegħu waqt il-laqgħa għall-media dwar il-COVID-19 f’dik id-data, id-Direttur Ġenerali tal-WHO irrikonoxxa li l-pandemija tal-COVID-19 “ma hijiex biss kriżi tas-saħħa pubblika, hija kriżi li ser tmiss kull settur […]”. Fil-fatt, il-pandemija u l-miżuri ta’ emerġenza adottati mill-gvernijiet madwar id-dinja sabiex jipprevjenu t-tixrid tal-virus ħolqu taqlib mingħajr preċedenti. Il-filosofu Edgar Morin kiteb li anki jekk dik il-pandemija ma hijiex l-ewwel fl-istorja umana, “in-novità radikali tagħha” tistrieħ fuq il-fatt li kkawżat “kriżi enormi” ikkostitwita minn kombinazzjoni ta’ kriżijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, ekoloġiċi, nazzjonali [u] globali […] ( 2 ). Il-pandemija kienet ukoll sfida maġġuri għal-liġi. Kummentatur osserva b’akkuratezza li hija “test ta’ stress” ( 3 ) għal-liġi kuntrattwali sal-punt li tista’ “tittestja serjament l-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni attwali sabiex tipprovdi mezzi adegwati ta’ rispons” għall-konsegwenzi tagħha ( 4 ). |
2. |
Fost is-setturi l-iktar serjament u immedjatament affettwati mill-pandemija tal-COVID-19 kien it-turiżmu. L-impatt ekonomiku huwa “mingħajr preċedent” fid-dawl tal-fatt li t-turiżmu huwa t-tielet l-ikbar kategorija ta’ esportazzjoni, li kien jgħodd għal 7% tal-kummerċ globali fl-2019 u li “kull parti tal-katina tal-valur vasta tiegħu ġiet affettwata” ( 5 ). Il-lockdowns, il-curfews, il-projbizzjonijiet ta’ vvjaġġar u l-għeluq tal-konfini llimitaw b’mod kunsiderevoli l-kunċett innifsu ta’ vvjaġġar, li huwa l-libertà tal-moviment. Bħala konsegwenza tar-restrizzjonijiet adottati mill-gvernijiet sabiex jillimitaw il-firxa tal-virus, l-operat tal-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, tat-trasportaturi u tan-negozji fis-settur ġenerali tat-turiżmu waqaf b’mod immedjat. Barra minn hekk, kellhom ukoll jaffaċċjaw kanċellamenti u talbiet għal rimbors vasti. |
3. |
Dan il-każ jikkonċerna, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jipprovdu għal derogi temporanji mil-leġiżlazzjoni tal-konsumatur li tirregola kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. Il-miżuri kkontestati ppermettew sabiex, inter alia, organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar joħorġu vawċer lil vjaġġaturi minflok rimbors bħala mezz li bih jimmaniġġjaw il-kwistjonijiet ta’ likwidità immedjata tagħhom. Fid-dawl tal-kuntest tal-kriżi tas-saħħa, il-każ imur lil hinn mid-determinazzjoni tad-drittijiet fil-liġi tal-konsumatur tal-Unjoni. Iqajjem il-mistoqsija tal-limiti possibbli tal-adegwatezza tal-qafas legali eżistenti fit-trattament tal-pandemija tal-COVID-19. Imiss ukoll fuq il-portata tas-setgħat ta’ emerġenza tal-Istati Membri fil-kuntest ta’ “stat ta’ emerġenza pandemika” ( 6 ). |
Il‑qafas legali
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2015/2302
4. |
Il-premessi 31 u 40 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015 L 326, p. 1) huma fformulati kif ġej:
[…]
|
5. |
Il-punt 12 tal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” bħala li jfisser “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”. |
6. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Livell ta’ armonizzazzjoni”, jipprovdi: “Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inkluż dispożizzjonijiet li jkunu iktar jew inqas stretti li jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-vjaġġatur.” |
7. |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. […] 2. Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali. 3. L-organizzatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u jagħti lill-vjaġġatur rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li jkun sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun responsabbli għal kumpens addizzjonali, jekk: […]
4. L-organizzatur għandu jagħti kwalunkwe rifużjoni meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 jew, fir-rigward tal-paragrafu 1, irodd lura kwalunkwe pagamenti li jkunu saru minn jew f’isem il-vjaġġatur għall-pakkett bit-tariffa adatta ta’ terminazzjoni mnaqqsa. Dawn ir-rifużjonijiet jew rimborżi għandhom isiru lill-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14-il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat. […]” |
8. |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Effikaċja u kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni mill-insolvenza”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza ta’ tali organizzatur […] […] 2. Is-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun effettiva u għandha tkopri l-ispejjeż li huma raġonevolment prevedibbli […] […]” |
9. |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. 3. Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.” |
Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari
10. |
Ir-rikorrenti, Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir) u Consommation, logement et cadre de vie (CLCV) huma assoċjazzjonijiet Franċiżi. Huma jikkontestaw il-legalità ta’ atti varji, inkluż ordonnance no 2020-315 du 25 mars 2020 relative aux conditions financières de résolution de certains contrats de voyages touristiques et de séjours en cas de circonstances exceptionnelles et inévitables ou de force majeure (id-Digriet Nru 2020-315 tal‑25 ta’ Marzu 2020 dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji għat-terminazzjoni ta’ ċertu kuntratti ta’ vvjaġġar u vaganzi turistiċi fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u finanzjarji jew forza maġġuri, iktar ’il quddiem imsejjaħ id-“digriet ikkontestat”). |
11. |
Id-digriet ikkontestat ġie adottat fuq il-bażi tas-setgħa mogħtija lill-Gvern Franċiż permezz tal-loi du 23 mars 2020 d’urgence pour faire face à l’épidémie de covid-19 (il-Liġi tat‑23 ta’ Marzu 2020 dwar Miżuri ta’ Emerġenza b’Rispons għat-Tifqigħa tal-COVID-19) “sabiex titratta l-konsegwenzi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali tal-imxija tal-epidemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tal-miżuri mittieħda sabiex tiġi limitata dik l-imxija, u b’mod partikolari sabiex tipprevjeni u tillimita l-waqfa tal-operat min-naħa tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti f’attività ekonomika u ta’ assoċjazzjonijiet, kif ukoll tal-impatt tagħha fuq l-impjieg”. |
12. |
L-Artikolu 1, paragrafu II tad-digriet ikkontestat jipprovdi għal deroga minn ċertu dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.211-14 tal-code du tourisme (il-Kodiċi tat-Turiżmu), li jittrasponi l-Artikolu 12(1) sa (4) tad-Direttiva 2015/2302. Jistabbilixxi li fejn kuntratt ta’ bejgħ ta’ vvjaġġar u vaganzi jiġi tterminat bejn l‑1 ta’ Marzu 2020 u l‑15 ta’ Settembru 2020, “l-organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut jista’ joffri, minflok rifużjoni tal-ammont sħiħ ta’ kwalunkwe pagamenti li saru, vawċer”, għal ammont ekwivalenti għall-ammont sħiħ ta’ kwalunkwe pagamenti li saru skont il-kuntratt itterminat. Dik l-offerta għandha ssir l-aktar tard fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ terminazzjoni tal-kuntratt u hija valida għal perijodu ta’ 18-il xahar. Huwa biss fl-aħħar ta’ dak il-perijodu ta’ 18-il xahar u jekk il-klijent ma jaċċettax servizz identiku jew ekwivalenti għal dak ipprovdut mill-kuntratt rexiż u offrut lill-klijent, li l-professjonist ikun meħtieġ li jirrifondi lill-klijent l-ammont sħiħ tal-pagamenti magħmula. |
13. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dispożizzjonijiet tad-digriet ikkontestat ġew adottati sabiex jissalvagwardjaw il-fluss tal-flus u l-likwidità tal-fornituri ta’ servizz koperti minn dak id-digriet, f’ċirkustanzi fejn iktar minn 7 000 operatur ta’ vvjaġġar u vaganzi rreġistrati ġewwa Franza sabu lilhom infushom f’diffikultà sejra. Fil-fatt, minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat simultanjament mhux biss Franza u l-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Ewropa iżda wkoll kważi l-kontinenti kollha, l-operaturi turistiċi kellhom jaffaċċjaw kanċellamenti ta’ prenotazzjonijiet fuq skala mingħajr preċedent u kellhom jittrattaw ma’ assenza ta’ prenotazzjonijiet ġodda. F’dawk iċ-ċirkustanzi, rifużjoni immedjata fir-rigward tas-servizzi kkanċellati kollha kien kapaċi jipperikola l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u, konsegwentement, il-possibilità għall-klijenti li jkunu jistgħu jiksbu rifużjoni ta’ kwalunkwe pagamenti li saru. |
14. |
Il-qorti tar-rinviju tgħid ukoll illi l-valur tal-vawċers maħruġa mill-operaturi tal-ivvjaġġar Franċiżi sal‑15 ta’ Settembru 2020, meta d-digriet ikkontestat waqaf milli jkollu effett, ammonta għal madwar EUR 990 miljun, li jirrappreżenta madwar 10% tad-dħul tas-settur f’sena normali. |
15. |
Skont is-sottomissjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-digriet ikkontestat jiksru l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302. Dak l-artikolu jistabbilixxi d-dritt tal-vjaġġatur, fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar, li jiġi pprovdut b’rifużjoni tal-ammont sħiħ ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula skont dak il-kuntratt f’perijodu ta’ 14-il jum wara t-terminazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jargumentaw li tali dispożizzjonijiet jimminaw il-kompetizzjoni ħielsa fis-suq uniku u l-oġġettiv tal-armonizzazzjoni ta’ dik id-direttiva. |
16. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jirreferi s-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
17. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Union Fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC – Que choisir) u L’Association Consommation, logement et cadre de vie (CLCV), il-Gvern Belġjan, Ċek, Daniż, Franċiż, Taljan, Slovakk u Finlandiż, u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Daniż u Finlandiż, dawk il-partijiet kienu wkoll irrappreżentati fis-smigħ li seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2022. |
Analiżi
L‑ewwel domanda
18. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 għandux jiġi interpretat bħala li jobbliga l-organizzatur ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, fil-każ tat-terminazzjoni tal-kuntratt, li jipprovdi rifużjoni sħiħa fi flus ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula, jew bħala li jawtorizza alternattiva, b’mod partikolari fil-forma ta’ vawċer għal ammont ekwivalenti ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula. |
19. |
F’dik il-konnessjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. B’mod iktar speċifiku, il-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, it-tieni u t-tielet paragrafu ta’ dak l-artikolu jintitolaw kemm lil-vjaġġatur kif ukoll lill-organizzatur biex jitterminaw il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih. It-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jagħti lok għall-obbligu tal-organizzatur biex jipprovdi rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula għall-pakkett tal-ivvjaġġar mill-vjaġġatur. Ir-rifużjoni, skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jsir “mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14-il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat”. |
20. |
Id-Direttiva 2015/2302 ma tipprovdix definizzjoni tal-kunċett ta’ “rifużjoni”, u lanqas ma tirreferi espressament għad-dritt tal-Istati Membri f’dak ir-rigward. F’tali każ, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ trattament ugwali jirrikjedu li l-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha normalment tingħata interpretazzjoni indipendenti u uniformi madwar l-Unjoni. F’dik il-konnessjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li t-tifsira u l-għan tat-termini għal-liem id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi l-ebda definizzjoni għandhom jiġu ddeterminati billi wieħed jikkunsidra t-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih iseħħu u l-għanijiet tar-regoli li minnhom jiffurmaw parti ( 7 ). |
21. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 ir-“rifużjoni” jikkonċerna “kull pagament li sar għall-pakkett”. Dak jirrifletti t-tifsira tal-kelma “rifużjoni” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, li tirreferi għal ammont ta’ flus li jiġu mħallsa lura lil xi ħadd. Fil-lingwa Ingliża t-terminu “refund” (“rifużjoni”) huwa użat b’mod iktar partikolari meta pagament huwa dovut “speċjalment għax int tkun ħallast iżżejjed jew m’intix kuntent bi prodott jew servizz” ( 8 ). Dik il-fehma tal-kelma “rifużjoni” tikkorrispondi ma’ verżjonijiet ta’ lingwi varji ta’ dik id-dispożizzjoni ( 9 ) |
22. |
Għalhekk, “ir-rifużjoni” ta’ kwalunkwe pagamenti li twettqu ma jistgħux jiġu mifthiema bħala li tippermetti lill-organizzatur sabiex jipprovdi forma ddifferita ta’ pagament, bħal vawċer. |
23. |
Fit-tieni lok, dik it-tifsira hija kkonfermata mill-kuntest tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, li jifforma parti mill-Kapitolu III ta’ dik id-direttiva. Fl-istess kapitolu, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2015/2302 jirregola l-bidla ta’ kundizzjonijiet oħra tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. Dak l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 2, li f’ċertu ċirkustanzi, inkluż fil-każ li l-organizzatur ikun obbligat li jibdel b’mod sinjifikattiv xi waħda mill-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi tal-ivvjaġġar kif imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302, il-vjaġġatur jista’ jaċċetta t-tibdil propost jew jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni. Jekk il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, il-vjaġġatur jista’ jaċċetta pakkett ta’ sostituzzjoni fejn dan huwa offrut mill-organizzatur. L-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi li jekk il-vjaġġatur ma jaċċettax pakkett ta’ sostituzzjoni, l-organizzatur għandu jirrifondi l-pagamenti kollha magħmula mill-vjaġġatur. Kif innota l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dik id-dispożizzjoni tkun nieqsa minn kwalunkwe effett jekk l-organizzatur ikun permess li jipprovdi lill-vjaġġatur b’vawċer minflok irodd lura kwalunkwe pagamenti magħmula. Isegwi minn dik id-dispożizzjoni li, fi ħdan l-iskema tad-Direttiva 2015/2302, “ir-rifużjoni” lill-vjaġġatur tkopri d-dritt tiegħu li jirċievi pagamenti magħmula fi flus. Kwalunkwe forma oħra tal-pakkett tal-ivvjaġġar ta’ sostituzzjoni jew vawċer ma għandhiex, imbagħad, tiġi meqjusa bħala ekwivalenti għal “rifużjoni”. |
24. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi li r-rifużjoni għandha ssir “mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14-il jum wara li l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat”. Kif il-Kummissjoni tinnota, essenzjalment, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, isegwi minn dik id-dispożizzjoni li l-vjaġġatur huwa intitolat li jirċievi l-flus mill-ewwel sabiex ikun jista’ jiddisponi minnhom immedjatament u skont ix-xewqat tiegħu. |
25. |
Dik l-interpretazzjoni ssib ukoll sostenn fl-oriġini tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302, li huma kkuntrastati mal-isfond tal-modernizzazzjoni tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 90/314 ( 10 ). L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314 jipprovdi li jekk konsumatur jirtira mill-kuntratt f’każ ta’ tibdil sinjifikattiv tal-pattijiet tal-pakkett jew jekk, għal kwalunkwe raġuni, minbarra t-tort tal-konsumatur, l-organizzatur jikkanċella l-pakkett qabel id-data tat-tluq mifthiema, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt jew li jieħu pakkett ta’ sostituzzjoni jew li jitħallas lura malajr kemm jista’ jkun s-somom kollha li jkun ħallas skont il-kuntratt. L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi, madankollu, għal għażla waħda biss, jiġifieri dik ta’ “rifużjoni” ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula. Ma hemm xejn li jindika li tali “rifużjoni” jista’ jiġi ssostitwit kontra r-rieda tal-vjaġġatur b’vawċer jew kwalunkwe sostitut ieħor għall-pagament fi flus. |
26. |
Strumenti oħra leġiżlattivi fil-qasam tad-drittijiet tal-vjaġġatur u tal-konsumatur jagħmlu dispożizzjoni espliċita għal vawċer bħala forma ta’ rimbors iżda biss bħala għażla għall-vjaġġatur. Dak huwa l-każ fir-rigward ta’ drittijiet ta’ passiġġieri tal-ajru stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 11 ). L-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-regolament jiddistingwixxi bejn żewġ possibbiltajiet għall-kumpens: jew fi flus (permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank) jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’vawċers għal vjaġġ u/jew servizzi oħrajn. Fir-rigward tad-drittijiet ta’ passiġġieri tal-ferrovija, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1371/2007 ( 12 ) jipprovdi li kumpens jista’ jitħallas f’vawċers u/jew servizzi oħra jekk it-termini huma flessibbli (b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu ta’ validità u d-destinazzjoni). Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq it-talba tal-passiġġier. L-istess dritt huwa stabbilit fir-rigward tal-passiġġieri tal-baħar skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1177/2010 ( 13 ). Fl-aħħar, fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumatur previsti fid-Direttiva 2011/83/UE ( 14 ), isegwi biċ-ċar mill-premessa 46 ta’ dik id-direttiva li r-rimbors tal-pagamenti li waslu mingħand il-konsumatur ma għandux isir permezz ta’ vawċer sakemm il-konsumatur ma jkunx uża vawċers għall-ewwel tranżazzjoni jew espressament aċċettahom. |
27. |
Fl-aħħar, l-interpretazzjoni skont liem rifużjoni permezz ta’ vawċer mandatorju ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 hija sostnuta mill-oġġettiv segwit minn dik id-direttiva. Kif jingħad fil-premessa 7 ta’ dik id-direttiva, il-maġġoranza tal-vjaġġaturi li jixtru pakketti huma konsumaturi fis-sens tat-tifsira tad-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumatur. Id-Direttiva 2015/2302 hija miżura li tfittex biex tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur skont il-qari konġunt tal-Artikoli 169(1), 169(2)(a) u 114(3) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 15 ). Interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “rifużjoni” biex jinkludi vawċers ikun iwassal li jiġi mminat dak l-oġġettiv. |
28. |
Il-Gvern Slovakk jieħu fehma differenti għal dak issuġġerit f’dawn il-konklużjonijiet. Jargumenta li xi verżjonijiet lingwistiċi, inkluż il-verżjoni bl-Ingliż, jiddistingwixxu bejn ir-“rifużjoni” u r-“rimbors” ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula. Fil-fehma tiegħu, isegwi mill-użu taż-żewġ termini differenti li “rimborsi” għandhom isiru fi flus filwaqt li “rifużjoni” għandha tinkludi wkoll offerta ta’ vawċer (fuq l-għażla tal-organizzatur). L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 jirreferi għall-obbligu tal-organizzatur li jipprovdi kwalunkwe “rifużjonijiet” meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 jew, fir-rigward tal-paragrafu 1, “jirrimborsa” kwalunkwe pagamenti magħmula mill-vjaġġatur għall-pakkett bit-tnaqqis tat-tariffa tat-terminazzjoni xierqa. L-obbligu li jiġi pprovdut “rimbors” jirriżulta meta l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikun itterminat, inter alia, fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, skont l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302. L-obbligu li jitwettqu “rimborsi” jiskatta meta l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikun itterminat mill-vjaġġatur inkambju, skont il-każ, għal ħlas ta’ tariffa ta’ terminazzjoni ġustifikabbli u xierqa. |
29. |
Madankollu, ma hemm xejn fl-użu tat-termini “rifużjoni” u “rimbors” li jindika li l-organizzatur huwa intitolat li joħroġ rifużjoni fil-forma ta’ vawċer mandatorju. Kif innotajt fil-punt 21 iktar ’il fuq, it-terminu “rifużjoni” bl-Ingliż ifisser ir-rimbors ta’ flejjes u huwa iktar użat b’mod partikolari fejn il-persuna li tkun qiegħda titlob il-flus lura ma tkunx issodisfatta bi prodott jew servizz. |
30. |
Fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita li l-formulazzjoni użat f’verżjoni ta’ lingwa waħda ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-unika bażi għall-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni jew tintuża biex tegħleb il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ( 16 ). Fil-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża, Griega jew Spanjola, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 juża l-istess terminu għar-rimbors ta’ kwalunkwe pagamenti rċevuti irrispettivament mir-raġuni għat-terminazzjoni tal-kuntratt. Għalhekk, l-użu taż-żewġ termini f’xi verżjonijiet tal-lingwa ma jistax iwassal għal xi konklużjoni differenti minn x’jista’ jiġi dedott biċ-ċar mill-kuntest u l-għan ta’ dik id-direttiva. |
31. |
Għalhekk, jien tal-fehma li l-obbligu tal-organizzatur sabiex jipprovdi rifużjoni lill-vjaġġatur skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 ikopri biss rimbors fi flus, u jeskludi kwalunkwe alternattiva imposta mill-organizzatur, b’mod partikolari fil-forma ta’ vawċer. |
32. |
Il-vjaġġatur ma jistax jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jirċievi rimbors fi flus. Fil-fatt, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu dik id-direttiva. Madankollu, in-natura imperattiva tad-Direttiva 2015/2302 ma jimpedix l-organizzatur milli joffri lill-vjaġġatur vawċer fakultattiv li huwa liberu li jaċċetta wara li jseħħ l-avveniment li jagħti lok għad-dritt li jirċievi rifużjoni. Kif tikkjarifika r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2020/648 ( 17 ), l-offerta mill-organizzatur ta’ vawċer “ma ċċaħħadx lill-vjaġġaturi mid-dritt tagħhom għal rimborż fi flus”. Għalhekk, vawċer mandatorju ma huwiex kompatibbli man-natura imperattiva tad-Direttiva 2015/2302. |
33. |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, nikkonkludi li l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-organizzatur ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, fil-każ tat-terminazzjoni tal-kuntratt, biex jipprovdi rifużjoni fi flus ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula u bħala li jipprekludi lil dak l-organizzatur milli jimponi alternattiva, b’mod partikolari fil-forma ta’ vawċer għal ammont ekwivalenti għal kwalunkwe pagamenti magħmula. Madankollu, dik id-dispożizzjoni ma twaqqafx lill-vjaġġatur milli jagħżel li jirċievi tali vawċer wara li jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal dritt ta’ rifużjoni. |
It‑tieni domanda
34. |
Jekk l-ewwel domanda hija mwieġba fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kriżi tas-saħħa relatata mal-pandemija tal-COVID‑19 u l-impatt straordinarju li kellha fuq is-settur tat-turiżmu jiġġustifikawx deroga u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet u suġġetta għal liema limitazzjonijiet, mill-obbligu tal-organizzatur li jirrifondi lill-vjaġġatur l-ammont sħiħ ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula għall-pakkett tal-ivvjaġġar fi żmien 14-il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, kif stabbilit fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302. |
35. |
Sabiex nagħti risposta utli lid-domanda tal-qorti tar-rinviju, ser neżamina, min-naħa l-oħra, aspetti differenti tal-impatt tal-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq il-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet previsti fid-Direttiva 2015/2302. L-ewwel wieħed huwa jekk restrizzjonijiet potenzjali fuq il-libertà tal-moviment adottati mill-Istati Membri minħabba l-pandemija tal-COVID-19 jistgħux jiġġustifikaw deroga mill-obbligu tal-organizzatur li jipprovdi rifużjoni. It-tieni wieħed jirrelata mal-mistoqsija jekk il-pandemija hijiex sitwazzjoni barra l-ambitu taċ-ċirkustanzi “inevitabbli u straordinarji” previsti mid-Direttiva 2015/2302. It-tielet wieħed huwa l-applikabbiltà tad-Direttiva 2015/2302 fil-kuntest ta’ pandemija. Ir-raba’ wieħed huwa jekk emerġenza ta’ saħħa pubblika tistax tiġġustifika deroga minn dispożizzjoni speċifika tad-dritt sekondarju tal-Unjoni minħabba forza maġġuri. |
(a) Ir‑restrizzjonijiet fuq il‑moviment liberu u l‑impatt fuq id‑drittijiet u l‑obbligi li jirriżultaw skont id‑dritt sekondarju tal‑Unjoni
36. |
Kwistjoni preliminari li għandha tiġi indirizzata fir-rigward ta’ deroga potenzjali mid-dritt tal-Unjoni fid-dawl ta’ pandemija tirrigwarda l-impatt ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, politika pubblika u sigurtà pubblika tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni tad-drittijiet u libertajiet fuq il-moviment liberu tal-persuni ( 18 ). Theddida serja għall-politika pubblika jew sigurtà interna tista’ tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri fi fruntieri interni skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 19 ). Barra minn hekk, “f’sitwazzjoni estremament kritika, Stat Membru jista’ jidentifika l-ħtieġa li jintroduċi mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri bħala reazzjoni għar-riskju li tkun qed tippreżenta marda li tittieħed” ( 20 ). Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri skont l-Artikolu 168(7) TFUE, tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ iktar restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu. Tali restrizzjonijiet għandhom madankollu “jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni” ( 21 ). Waqt il-pandemija, l-Unjoni fittxet li tevita l-impatt ta’ miżuri unilaterali mill-Istati Membri, li kienu sors ta’ tfixkil sinjifikattiv għan-negozji u ċ-ċittadini, u taċċerta koordinazzjoni bejn Stati Membri ( 22 ). |
37. |
Id-domanda speċifika mressqa minn dan il-każ huwa jekk deroga ġġustifikata mil-libertà tal-moviment fl-Unjoni tista’ b’mod simili tiġġustifika iktar derogi minn dispożizzjoni speċifika tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li tippreżumi l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu. F’dak ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2015/2302 tarmonizza d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn kuntratti relatati ma’ vjaġġar organizzat sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern reali għall-konsumatur ( 23 ). |
38. |
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet l-Istati Membri jerġgħu jintroduċu kontrolli fil-fruntieri u jadottaw iktar miżuri ta’ saħħa pubblika li kellhom impatt sinjifikattiv fuq il-moviment liberu ta’ persuni u servizzi. Taħt tali ċirkustanzi, jista’ jiġi argumentat li jekk Stati Membri huma kapaċi jiġġustifikaw, eċċezzjonalment, ir-restrizzjoni tal-moviment liberu, huma għandhom jiġu intitolati li jadottaw iktar miżuri fil-qasam tad-dritt sekondarju armonizzat tal-Unjoni li jippreżumi moviment liberu sabiex jindirizza l-effetti “imnissla” mir-restrizzjonijiet fuq dik il-libertà. |
39. |
Madankollu, jekk tali eċċezzjoni wiesgħa, mhux prevista fit-Trattati, tiġi rrikonoxxuta, tfixkel is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, in-natura vinkolanti tiegħu u l-applikazzjoni uniformi tiegħu. Segwita sal-konklużjoni loġika tagħha sħiħa, tali eċċezzjoni tista’ timplika li waqt emerġenza tas-saħħa pubblika d-dritt tal-Unjoni ma huwiex applikabbli ( 24 ). |
40. |
Minflok, mill-bidu tal-pandemija, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fittxew li jippromwovu koordinazzjoni. Azzjonijiet unilaterali li għalihom daru ċertu Stati Membri fil-bidu tal-pandemija progressivament ġew issostitwiti minn miżuri kkoordinati ( 25 ). Fil-fatt, kif il-Kummissjoni tenfasizza f’waħda mill-komunikazzjonijiet tagħha relatati mal-istrateġija tal-vaċċin tal-Unjoni, “is-sinsla tar-rispons Ewropew b’saħħtu għall-pandemija tal-COVID-19 kienet l-unità u l-preservazzjoni tal-funzjoni tas-Suq Uniku” ( 26 ). Għandu jiġi nnotat ukoll li r-rispons ta’ rkupru għall-kriżi tal-COVID-19 ta lok għall-ikbar pakkett ta’ stimolu li qatt kien hemm, in-NextGenerationEU. |
41. |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jiena nieħu l-fehma li kwalunkwe derogi mid-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ moviment ma jistgħux jiġġustifikaw derogi minn dispożizzjoni speċifika tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, mid-dritt tal-vjaġġatur li jirċievi rifużjoni, kif previst fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302. |
42. |
Wara li kkunsidrajt dik il-kwistjoni preliminari, ser neżamina kif l-emerġenza ta’ saħħa pubblika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 tidħol fis-sistema tad-Direttiva 2015/2302. |
b) “Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” u “forza maġġuri”
43. |
Id-Direttiva 2015/2302 tipprovdi, fl-Artikolu 12(2) tagħha, għad-dritt tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni”. L-organizzatur jista’ wkoll jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, skont l-Artikolu 12(3)(b) ta’ dik id-direttiva fejn, inter alia, l,-organizzatur ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”. Fi kwalunkwe każ, il-vjaġġatur għandu dritt li jirċievi rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula. Sabiex jiġi ddeterminat id-dritt tal-vjaġġatur biex jirċievi rifużjoni skont dik id-direttiva fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ddeterminat, mill-bidu, jekk dik il-pandemija għandhiex tiġi meqjusa bħala koperta, b’mod ġenerali, mill-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” ( 27 ). |
44. |
Il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” huwa mfisser fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”. Il-premessa 31 ta’ dik id-direttiva tagħti xi eżempji ta’ avvenimenti li jaqgħu fi ħdan dak il-kunċett, inkluż “riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar”. It-tfaqqigħ tal-pandemija tal-COVID-19 ippreżenta riskji sinjifikattivi għas-saħħa tal-bniedem mhux biss fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar inkwistjoni iżda fuq livell dinji. Pandemija tissodisfa, b’mod ġenerali, l-elementi kostitwenti tad-definizzjoni ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. Fil-fatt, hija sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll ta’ kulħadd u l-konsegwenzi ta’ liema ma setgħux jiġu evitati anke kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. |
45. |
Il-Gvern Franċiż jargumenta, madankollu, li l-pandemija tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li ma tistax tiġi assimilata maċ-“ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” previsti f’dik id-direttiva. Dak il-gvern jikkontendi, essenzjalment, li l-iskala straordinarja tal-pandemija tal-COVID-19 tagħmilha sitwazzjoni li tmur lil hinn minn “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. Il-Gvern Ċek, Taljan u Slovakk jissottomettu li d-Direttiva 2015/2302 ma tapplikax għall-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk l-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jipprovdu għal obbligi kuntrattwali differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 12(4) ta’ dik id-direttiva. |
46. |
B’sostenn għall-pożizzjoni tiegħu, il-Gvern Franċiż ifakkar li l-elementi kostitwenti tal-kunċett ta’ forza maġġuri, li, skont il-ġurisprudenza, ikopri “ċirkustanzi esterni għal min jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata” ( 28 ). Dak il-gvern jisħaq li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” ma “jissostitwix fl-intier tiegħu” il-kunċett ta’ forza maġġuri, li jibqa’ lil hinn mill-ambitu tad-Direttiva 2015/2302. |
47. |
F’dak ir-rigward, il-Gvern Franċiż josserva li l-kunċett ta’ forza maġġuri huwa nieqes mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302. Barra minn hekk, jinnota li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” skont il-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 ma hijiex identika għall-kunċett ta’ forza maġġuri peress li ma tirrikjedix li tali ċirkustanzi jkunu“anormali u imprevedibbli”. Fil-fehma tiegħu, qari konġunt tal-Artikolu 12(4) u l-premessa 31 tad-Direttiva 2015/2302 isostni l-konklużjoni li dik id-direttiva tkopri avvenimenti straordinarji li huma iżolati u limitati fl-ispazju u l-ħin. Jikkunsidra li dik id-direttiva ma tipprevedix avvenimenti straordinarji ta’ impatt u skala fuq livell dinji. Jissottometti li tali interpretazzjoni hija kompatibbli mal-effett utli tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 li huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-organizzatur jista’ jiflaħ il-konsegwenzi finanzjarji tat-terminazzjoni tal-kuntratt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Jekk dik id-dispożizzjoni kellha tapplika anki fil-kuntest ta’ pandemija li ġġib l-attività kummerċjali ta’ organizzaturi ta’ pakkett tal-ivvjaġġar wieqfa għalkollox, dan ikun jikkontradixxi l-oġġettiv segwit minn dik id-direttiva, li huwa li jippreżerva l-kompetittività tan-negozji filwaqt li jaċċerta livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
48. |
F’dak ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, peress li l-kunċett ta’ forza maġġuri ma għandux l-istess kamp ta’ applikazzjoni fl-isferi varji ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tifsira tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-kuntest legali li fih ikun ser jopera ( 29 ). Fil-fehma tiegħi, fi ħdan il-kuntest legali tad-Direttiva 2015/2302, il-kunċett ta’ forza maġġuri huwa kopert mill-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. |
49. |
Bħala punt preliminari, kif diġà semmejt, il-pandemija tissodisfa, b’mod ġenerali, l-elementi kostitwenti tad-definizzjoni ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. Ma hemm xejn fid-Direttiva 2015/2302 li jindika li avveniment li jaqa’ fi ħdan dak il-kunċett għandu madankollu jkun eskluż jekk huwa avveniment fuq skala kbira jew jekk huwa partikolarment straordinarju. Ma iniex konvinta li konklużjoni differenti tista’ tirriżulta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, li jistabbilixxi d-dritt tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fil-każ ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu”. Fil-fatt dik il-parti tas-sentenza tagħmel enfasi fuq il-ħtieġa li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni fil-post fejn il-pakkett tal-ivvjaġġar għandu jitwettaq, jiġifieri l-post tad-destinazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Dan ma huwiex intiż, madankollu, biex jeskludi avvenimenti li ma jseħħux mhux biss fil-post tad-destinazzjoni iżda wkoll x’imkien ieħor. |
50. |
Imbagħad, nikkunsidra importanti li ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja titratta b’kawtela tentattivi minn trasportaturi biex jinvokaw kategorija separata ta’ avvenimenti partikolarment straordinarji li tippermettilhom li jaħarbu l-obbligi tagħhom. F’dan ir-rigward niċċita eżempju mill-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru. Fis-sentenza magħrufa fil-kawża McDonagh ( 30 ), li tikkonċerna l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “r-Regolament Nru 261/2004 ma għandu ebda indikazzjoni li tippermetti l-konklużjoni li dan jirrikonoxxi, lil hinn miċ-‘ċirkustanzi straordinarji’ msemmija fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, kategorija distinta ta’ avvenimenti ‘partikolarment straordinarji’ li jkollhom il-konsegwenza li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligi kollha tiegħu […]” ( 31 ). |
51. |
L-applikazzjoni tar-raġunament fil-kawża McDonagh ( 32 ) b’analoġija mad-Direttiva 2015/2302 twassal għall-konklużjoni li ma hemm xejn f’dik id-direttiva biex issostni l-konklużjoni li tirrikonoxxi kategorija separata ta’ avvenimenti lil hinn miċ-“ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” msemmija fil-punt 12 tal-Artikolu 3 tagħha. Dan huwa aktar u aktar peress li dik id-direttiva, skont l-Artikolu 4, tipprovdi għal armonizzazzjoni kompleta tad-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. |
52. |
L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2015/2302 bħala li tirrikonoxxi kategorija separata ta’ ċirkustanzi partikolarment straordinarji, bħall-pandemija tal-COVID‑19, li huma esklużi mill-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” tista’ twassal għal riżultati kontradittorji li fl-aħħar jimminaw il-konsistenza tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, il-partijiet ikunu intitolati li jitterminaw il-kuntratt jekk ikun hemm ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem fid-destinazzjoni tal-vjaġġ u jkun jaffettwa l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar iżda jibqgħu marbuta mill-kuntratt fil-każ ta’ riskju sinjifikattiv għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mill-pandemija, anke jekk l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar tkun affettwata serjament. Barra minn hekk, l-organizzatur ikun intitolat li jirrifjuta li jħallas kumpens jekk in-nuqqas ta’ konformità fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar ikun minħabba “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” li jseħħu fid-destinazzjoni tal-vjaġġ, skont l-Artikolu 14(3)(c) tad-Direttiva 2015/2302, iżda ma jkunux intitolati li jagħmlu dan fil-każ ta’ pandemija. |
53. |
Dan iwassalni għall-konklużjoni li l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Franċiż ikollha l-effett li tixħet dubju fuq l-iskema u l-għan essenzjali tad-Direttiva 2015/2302, li huwa li tippermetti vjaġġaturi u negozjanti biex jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern, filwaqt li tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur ( 33 ). Din tkun toħloq ukoll inċertezza legali kbira peress li tipprova tiddistingwixxi bejn sitwazzjonijiet ta’ forza maġġuri, minn naħa, u “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, min-naħa l-oħra, mingħajr l-ebda demarkazzjoni bejn it-tnejn. |
54. |
Dik l-interpretazzjoni hija wkoll sostnuta mill-oriġini tad-Direttiva 2015/2302. L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 90/314, ipprovda għall-possibbiltà li l-organizzatur jikkanċella l-kuntratt qabel id-data tat-tluq mifthiema. F’tali każ, il-vjaġġatur kien intitolat għal kumpens mill-organizzatur, ħlief fejn “il-kanċellament, ħlief fil-każ ta’ prenotazzjoni eċċessiva, ikun għal raġunijiet ta’ force majeur, i.e. ċirkostanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli li ma jkunux fil-kontroll tal-parti li tkun tiġġustifika, li l-konsegwenzi tagħhom ma jkunux setgħu jiġu evitati anke jekk tkun ittieħdet il-prekawzjoni kollha meħtieġa”. L-ebda għażla ta’ kanċellazzjoni simili ma ġiet irrikonoxxuta għall-vjaġġatur. Id-Direttiva 2015/2302 imliet dak in-nuqqas u tat l-istess dritt lill-vjaġġaturi. Il-leġiżlatur intenda, għalhekk, li jagħti drittijiet ugwali lill-partijiet għall-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fil-każ ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. Ma hemm xejn li jindika li l-intenzjoni kienet li jiġi limitat id-dritt ta’ kanċellazzjoni għaż-żewġ partijiet għall-kuntratt billi tiġi eskluża forza maġġuri mill-kamp ta’ applikazzjoni ta”“ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. |
55. |
F’dak ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li filwaqt li l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ( 34 ) użat it-terminu “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, id-dokument tal-ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li akkumpanja dik il-proposta ( 35 ) juża, f’ċerti istanzi, it-terminu forza maġġuri ( 36 ). Barra minn hekk, ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2015/2302 jikkjarifika li “l-kunċett ta’ ‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’ jissostitwixxi l-kunċett ta’ ‘force majeure’ użat fid-Direttiva tal-1990” ( 37 ). Għalhekk, ir-rintraċċ tal-oriġini tad-Direttiva 2015/2302 jikkorrobora l-proposta li fil-kuntest tad-Direttiva 2015/2302, forza maġġuri huwa kunċett ekwivalenti għal dak ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. |
56. |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, nikkonkludi li fil-kuntest speċifiku tad-Direttiva 2015/2302, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” ma jeskludix il-pandemija bħala sitwazzjoni ta’ forza maġġuri. |
(c) L-applikabbiltà tad-Direttiva 2015/2302 fil-kuntest ta’ pandemija
57. |
Il-Gvern Belġjan, Ċek, Slovakk u Taljan ma jagħmlux distinzjoni bejn “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji” u forza maġġuri. Huma jikkontestaw, madankollu, b’mod iktar ġenerali, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2015/2302 fil-kuntest ta’ pandemija. Huma jallegaw, essenzjalment, li dik id-direttiva tkopri ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji ta’ skala lokali u limitata, bl-esklużjoni ta’ pandemija. Huma jsibu sostenn għal dak l-argument fil-premessa 31 tad-Direttiva 2015/2302, li tiċċita, fost l-eżempji ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jagħtu lok għad-dritt li jiġi tterminat qabel il-kuntratt ta’ vvjaġġar, l-eżistenza ta’ “riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar” ( 38 ). |
58. |
Fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż mill-premessa 31 li kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur biex jillimita l-applikabbiltà tad-Direttiva 2015/2302 għal avvenimenti li jseħħu fuq livell lokali. Dik il-premessa tagħti biss lista indikattiva ta’ sitwazzjonijiet ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Iktar tidher li twassal għall-konklużjoni opposta għal dik sostnuta mill-gvernijiet hawn fuq imsemmija. Jekk l-imxija ta’ marda serja fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar hija eżempju ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, dik għandha tapplika a fortiori fir-rigward l-imxija ta’ marda serja fuq livell dinji. L-istess linja ta’ raġunament tista’ tapplika fir-rigward tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, li jistabbilixxi d-dritt tal-vjaġġatur li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji “li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett”. Jekk il-vjaġġatur għandu d-dritt li jittermina l-kuntratt fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fuq livell lokali u jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar, hu għandu jkollu l-istess dritt a fortiori fejn tali avveniment iseħħ fuq skala globali u jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar. |
59. |
Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jipprovdi għal drittijiet u obbligi differenti tal-partijiet fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji skont l-iskala ta’ tfixkil. F’dak ir-rigward, ninnota li d-Direttiva 2015/2302 ġiet adottata sussegwentement għall-kriżi tal-irmied volkaniku tal-2010 li kellha impatt sinjifikattiv fuq is-settur tal-ivvjaġġar. Anki jekk dak l-impatt ma huwiex komparabbli ma’ dak tal-pandemija tal-COVID‑19, kienet opportunità għal-leġiżlatur sabiex jemenda r-regoli kif meħtieġ. Dan kien il-każ, pereżempju, fir-rigward tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-organizzatur li jsostni l-ispiża tal-akkomodazzjoni neċessarja għal perijodu li ma jaqbiżx it-tliet iljieli għal kull vjaġġatur sakemm ikun impossibbli li r-ritorn tal-vjaġġatur jiġi żgurat kif miftiehem fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji (Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2015/2302). Madankollu, dik id-direttiva introduċiet limitu fuq ir-responsabbiltà tal-organizzatur f’tali ċirkustanzi, limitata għal tliet iljieli kull vjaġġatur. Għalhekk, naħseb ikun raġonevoli li wieħed jasal għall-konklużjoni li jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jillimita, jeskludi jew jagħmel dispożizzjoni differenti għad-dritt tal-vjaġġatur biex jirċievi rifużjoni fi żmien 14-il jum wara l-kanċellazzjoni tal-kuntratt fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jikkawżaw ċertu ammont ta’ tfixkil, kien jagħmel dan b’mod espliċitu. |
60. |
Il-Gvern Ċek u dak Slovakk argumentaw ukoll li l-obbligu tal-organizzatur biex jirrifondi l-vjaġġatur skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 ma huwiex applikabbli fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-protezzjoni mill-insolvenza. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302 jipprovdi għall-obbligu tal-Istati Membri li jaċċertaw li organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi sakemm is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur. Dik is-sigurtà “għandha tkun effettiva u għandha tkopri l-ispejjeż li huma raġonevolment prevedibbli” ( 39 ). Il-premessa 40 tad-Direttiva 2015/2302 tgħid li protezzjoni mill-insolvenza effettiva “m’għandhiex tqis riskji remoti ħafna, pereżempju l-insolvenza simultanja ta’ diversi mill-akbar organizzaturi, fejn jekk dan isir se jaffettwa b’mod sproporzjonat l-ispiża tal-protezzjoni, u b’hekk tiddgħajjef l-effettività tagħha”. Fir-rigward ta’ tali każijiet, dik il-premessa tgħid, “il-garanzija għar-rifużjonijiet tista’ tkun limitata”. Dawk iż-żewġ gvernijiet jissottomettu li fil-każ ta’ fallimenti mifruxa ta’ organizzaturi, vjaġġaturi ma jirċievu l-ebda rifużjonijiet peress li t-talbiet tagħhom ma humiex protetti. |
61. |
F’dak ir-rigward, isegwi mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2015/2302 li l-obbligu tal-organizzatur biex jipprovdi sigurtà għar-rifużjoni ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula jkopri s-sitwazzjoni fejn is-servizzi rilevanti ma humiex mwettqa bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur. Dan ifisser li t-talba għal rifużjoni hija protetta meta l-problema ta’ likwidità titnissel mill-insolvenza tal-organizzatur. Madankollu, fil-każ ta’ pandemija, il-problemi ta’ likwidità joħorġu minn numru kbir ta’ talbiet għal kanċellazzjoni, li mbagħad jistgħu iwasslu għal insolvenza. Dik hija r-raġuni għala r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers tagħraf li jekk organizzaturi jsiru insolventi, “hemm riskju li ħafna mill-vjaġġaturi […] ma jirċievu l-ebda rifużjoni, peress li t-talbiet tagħhom kontra l-organizzaturi […] ma jkunux protetti” ( 40 ). |
62. |
Barra minn hekk, mill-fatt li d-Direttiva 2015/2302 ma tarmonizzax il-protezzjoni mill-insolvenza kontra talbiet għal rifużjoni f’tali sitwazzjonijiet ma jistax jiġi konkluż li l-Artikolu 12(4) ta’ dik id-direttiva ma huwiex applikabbli. B’mod iktar wiesa’, id-Direttiva 2015/2302 ma tarmonizzax miżuri ta’ ristrutturar jew protezzjoni mill-falliment għall-organizzaturi tal-ivvjaġġar. Huwa minnu li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, ir-regoli sostantivi tad-dritt ta’ insolvenza jaqgħu, preżentement, fl-ikbar parti fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri. Dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw tali kompetenza b’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż mal-libertajiet fundamentali skont it-Trattat FUE ( 41 ). Għalhekk, kwalunkwe miżuri adottati mill-Istati Membri biex itaffu problemi ta’ likwidità ta’ organizzaturi tal-ivvjaġġar għandhom jirrispettaw l-essenza tad-dritt tal-vjaġġatur li jirċievi rifużjoni, skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302. Barra minn hekk, dawk il-miżuri għandhom jirrispettaw id-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. |
63. |
Fir-rigward tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers tfakkar li huwa possibbli għal Stati Membri li jipprovdu operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u t-trasport b’sostenn ta’ likwidità sabiex jaċċertaw li talbiet ta’ rimbors imnissla mit-tfaqqigħ tal-COVID-19 jistgħu jiġu ssodisfatti. Dik ir-rakkomandazzjoni tagħmel referenza għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ( 42 ) bħala bażi għall-kompatibbiltà ta’ tali sostenn ta’ likwidità mar-regolamenti tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-istat. |
64. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nikkunsidra li d-Direttiva 2015/2302 hija applikabbli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. |
d) Emerġenza ta’ saħħa pubblika bħala raġuni li tippermetti individwi li jidderogaw minn dispożizzjoni speċifika tad‑dritt sekondarju tal‑Unjoni
65. |
Il-kwistjoni li jmiss li ser tiġi indirizzata hija jekk, fil-każ ta’ emerġenza serja ta’ saħħa pubblika, organizzaturi tal-ivvjaġġar jistgħux jeċċepixxu forza maġġuri sabiex jidderogaw minn dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, il-Gvern Franċiż issottometta li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2015/2302 ma jeskludix il-possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “forza maġġuri”, kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jirreferi, f’dak ir-rigward, għas-sentenza fil-kawża Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka ( 43 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Billerud”) kif ukoll għad-digriet fil-kawża Luxaviation ( 44 ). |
66. |
Il-każ li wassal għas-sentenza fil-kawża Billerud ikkonċerna kumpaniji li ġew issanzjonati talli naqsu milli jċedu l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju fil-ħin. Dawk il-kumpanniji argumentaw li l-allegat nuqqas kien minħabba nuqqas ta’ funzjonament amministrattiv intern. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’referenza għall-ġurisprudenza preċedenti tagħha fis-sentenza Valsabbia vs Il‑Kummissjoni ( 45 ), iddeċidiet li “anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika […] ir-rikonoxximent ta’ każ ta’ forza maġġuri huwa possibbli meta kawża esterna invokata minn persuni ġuridiċi jkollha konsegwenzi irreżistibbli u inevitabbli sal-punt li jkun oġġettivament impossibbli għall-persuni kkonċernati li jirrispettaw l-obbligi tagħhom” ( 46 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll, fl-istess paragrafu, li l-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk l-operatur ikkonċernat, minkejja kull diliġenza li tkun ittieħdet sabiex jikkonforma mal-iskadenzi, ġie affaċċjat b’ċirkustanzi anormali u imprevedibbli li kienu lil hinn mill-kontroll tiegħu u marru lil hinn minn sempliċi nuqqas ta’ funzjonament intern ( 47 ). |
67. |
Isegwi mill-kuntest tas-sentenza fil-kawża Billerud li d-difiża ta’ forza maġġuri kif irrikonoxxuta f’dik is-sentenza tikkonċerna possibbiltà limitata biex tidderoga mill-konsegwenzi legali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont id-dritt tal-Unjoni. Imbagħad ser nesplora jekk ir-raġunament stabbilit f’dik is-sentenza huwiex ta’ relevanza fil-kuntest ta’ dan il-każ, li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ deroga minn obbligu naxxenti minn dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni minħabba forza maġġuri. |
68. |
Fis-sottotaqsimiet b) u c) tal-analiżi tiegħi hawn fuq, jien ħadt il-fehma li sitwazzjoni ta’ forza maġġuri tiġi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/2302 u hija koperta, b’mod ġenerali, mill-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”. Id-Direttiva 2015/2302 diġà fiha dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. Dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu l-Artikolu 12(2) u (3) ta’ dik id-direttiva, li jipprovdi għad-dritt tal-vjaġġatur jew tal-organizzatur li jittermina l-kuntratt fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji. L-effett ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, skont l-Artikolu 12(4), huwa li jwassal għall-obbligu tal-organizzatur li jipprovdi l-vjaġġatur b’rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula għall-pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn 14‑il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt. |
69. |
Madankollu, il-fatt li d-Direttiva 2015/2302 fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-impatt ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fuq ir-relazzjoni kuntrattwali mhux bilfors ifisser li ma hemm l-ebda ambitu għall-applikazzjoni tas-sentenza fil-kawża Billerud. Dan huwa peress li, fil-każ tal-pandemija, iċ-ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji mhux biss waqqfux lill-organizzaturi milli jeżegwixxu l-kuntratt iżda anki affettwaw b’mod sinjifikattiv il-kapaċità amministrattiva tagħhom li jipproċessaw talbiet għal terminazzjoni u l-kapaċità finanzjarja tagħhom li jħallsu r-rifużjonijiet. Minn dik il-perspettiva, xorta jista’ jkun hemm ambitu għall-applikazzjoni tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza fil-kawża Billerud. Dak il-prinċipju jista’ jinftiehem bħala li jippermetti ċertu livell ta’ tolleranza fir-rigward tal-applikazzjoni stretta tal-liġi ( 48 ). Riċerkaturi li jistudjaw l-impatt tal-COVID-19 fuq il-liġi u l-politika tal-konsumatur ( 49 ) żviluppaw il-kunċett ta’ “societal force majeure” [‘forza maġġuri tas-soċjetà’] sabiex jirrifletti l-“impatt kollettiv tal-pandemija fuq l-interessi kollha involuti”. L-essenza ta’ dak il-kunċett huwa li jirrikonoxxi li l-pandemija kellha impatt serju u mhux mistenni fuq konsumaturi u negozji, u saret kwistjoni ta’ tħassib għas-soċjetà kollha. |
70. |
Taħt tali ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ forza maġġuri fir-rigward tal-impossibbiltà oġġettiva ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni stabbilit fis-sentenza fil-kawża Billerud jista’ jkun applikabbli sabiex jagħti possibbiltà verament limitata għal eżenzjoni temporanja mill-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit f’qasam armonizzat tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. L-organizzaturi mbagħad ikunu jistgħu jeċċepixxu forza maġġuri fejn, minkejja kull diliġenza dovuta tkun ittieħdet sabiex ikunu konformi mal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302, il-pandemija għandha konsegwenzi li huma ineżorabbli u inevitabbli li jirriżultaw f’diffikultajiet temporanjament insormontabbli sal-punt li jkun oġġettivament impossibbli għall-persuni kkonċernati biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dik id-dispożizzjoni ( 50 ). F’dak ir-rigward, riskju ġenwin ta’ falliment li jhedded l-eżistenza tal-organizzatur li jinvoka d-difiża ta’ forza maġġuri jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni ( 51 ). L-organizzaturi jistgħu jeċċepixxu forza maġġuri biss għall-perijodu meħtieġ sabiex jiġu riżolti dawk id-diffikultajiet ( 52 ). Taħt tali limitazzjonijiet, l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ forza maġġuri fil-kuntest tal-impossibbiltà oġġettiva li jkun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kuntratt tal-ivvjaġġar ma huwiex klawżola liberatorja ġenerali (jew carte blanche). Jista’ jippermetti biss deroga temporanja mil-limiti taż-żmien stretti u għall-perijodu meħtieġ sabiex isiru arranġamenti għall-rimborsi ordnati biss. |
71. |
Id-domanda li jmiss li għandha tiġi indirizzata hija jekk il-prinċipju ta’ forza maġġuri fir-rigward l-impossibbiltà oġġettiva li jkun hemm konformità mad-dritt sekondarju tal-Unjoni jistax jippermetti lill-organizzaturi biex jiddifferixxu rimbors fil-forma ta’ vawċer. Minn perspettiva kuntrattwali, il-proposta li jinħareġ vawċer hija forma ta’ adattament tal-kuntratt. L-offerta tal-vawċer għandha l-effett li tippreżerva r-relazzjoni kuntrattwali. Tabilħaqq, il-vawċer għandu l-effett li jdewwem l-eżekuzzjoni għal stadju iktar tard meta ċirkustanzi jkunu jippermettu li l-ivvjaġġar jerġa’ jibda. Il-kompatibbiltà ta’ tali adattazzjoni kuntrattwali mad-Direttiva 2015/2302 tkun tiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-vawċer. |
72. |
Fil-kawża preżenti, vawċer li għandu l-karatteristiċi msemmija fid-digriet ikkontestat ma jidhirx li huwa kompatibbli mad-Direttiva 2015/2302. B’mod iktar speċifiku, l-offerta ta’ tali vawċer ma tidhirx li tirrestawra l-ekwilibriju bejn il-partijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ forza maġġuri. Pjuttost jidher li tiżvantaġġa lil parti waħda mill-kuntratt, jiġifieri l-vjaġġatur. Kif kiteb kummentatur wieħed, “huwa eċċessiv li l-klijent jiġi forzat li jiffinanzja l-kontroparti kuntrattwali meta hu jista’ ma jkunx irid jagħmel dan” ( 53 ). Dan huwa b’mod partikolari l-każ fid-dawl tal-perijodu ta’ validità tal-vawċer, li huwa 18-il xahar. Huwa biss fl-aħħar ta’ dak il-perijodu li l-vjaġġatur għandu l-possibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimbors mingħajr ma jkun hemm l-ebda garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur. Barra minn hekk, tkun ir-responsabbiltà tal-vjaġġatur li jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirċievi flusu fit-tmiem ta’ dak il-perijodu. Kwalunkwe rinegozjar tal-kuntratt għandu jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet. Huwa nnotat sew fil-kitba akkademika legali li operaturi tal-ivvjaġġar u konsumaturi għandhom “reċiprokament jibbenefikaw minn skema ta’ vawċers” u li dak ikun il-każ “jekk organizzaturi tal-ivvjaġġar joffru lill-konsumatur xi ħaġa iktar minn dak li għalih huma legalment intitolati” ( 54 ). |
73. |
Fl-aħħar mill-aħħar, il-ftehim kuntrattwali fid-dawl ta’ sitwazzjoni ta’ forza maġġuri jkun jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ fid-dawl tal-prinċipju ta’ bona fide ( 55 ). Fil-kuntest tal-pandemija, speċifikament fil-bidu nett, l-impatt ta’ terminazzjoni tal-kuntratt fuq il-parti l-oħra ma jistax jiġi injorat kompletament. Minħabba n-numru ta’ kanċellamenti, anke dawk l-organizzaturi li kellhom il-kapaċità finanzjarja li jirrimborsaw il-vjaġġaturi kollha kien ikollhom bżonn li jingħataw mill-inqas naqra żmien sabiex jipproċessaw ir-rimbors ta’ pagamenti magħmula ( 56 ). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonċediet li fl-istadji inizjali tal-pandemija l-maġġoranza ta’ vjaġġaturi rreaġixxew għas-sitwazzjoni bi pragmatiżmu u ma stennewx li jiġu rrimborsati fiż-żmien ristrett impost ta’ 14-il jum applikabbli f’ċirkustanzi normali. Sakemm huma ngħataw biżżejjed informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tar-rimbors tagħhom, huma kienu disposti li jistennew tul ta’ żmien raġonevoli. Iż-żewġ partijiet għall-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar għandhom għalhekk jagħmlu ħilithom biex jaġixxu “b’mod responsabbli u ġust” ( 57 ). |
74. |
Fid-dawl tas-suespost, jien nieħu l-fehma li organizzatur individwali jista’ jitlob forza maġġuri f’ċirkustanzi li fihom, minkejja kull diliġenza dovuta ġiet eżerċitata sabiex jikkonforma mal-iskadenzi, il-pandemija tal-COVID-19 kellha konsegwenzi li huma ineżorabbli u inevitabbli li rriżultaw f’diffikultajiet temporanjament insormontabbli sal-punt li jkun oġġettivament impossibbli għall-organizzatur li jipprovdi rifużjoni skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302. L-organizzatur jista’ jeċċepixxi forza maġġuri biss għall-perijodu meħtieġ sabiex jirriżolvi dawk id-diffikultajiet. L-eċċezzjoni ta’ forza maġġuri fir-rigward tal-impossibbiltà oġġettiva li jkun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni madankollu ma tippermettix lill-organizzaturi joħorġu vawċer bil-karatteristiċi msemmija fid-digriet ikkontestat. |
(e) Emerġenza tas‑saħħa pubblika bħala raġuni li tippermetti lil Stati Membri li jidderogaw minn dispożizzjoni speċifika tad‑dritt sekondarju tal‑Unjoni
75. |
Kieku kien aċċettat li r-raġunament fis-sentenza tal-kawża Billerud jista’ japplika fejn ikun oġġettivament impossibbli għal organizzatur individwali li jikkonforma mal-obbligu li jirrifondi kwalunkwe pagamenti magħmula minn vjaġġaturi fi żmien 14-il jum minħabba l-pandemija tal-COVID-19, dan xorta waħda ma jagħtix tweġiba xierqa fil-kawża preżenti. Fil-fatt, il-kawża ma tikkonċernax litigazzjoni bejn partijiet privati. Tikkonċerna l-legalità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva li permezz tagħha Stat Membru jiddeċiedi li jadotta miżura li tidderoga mid-dritt sekondarju tal-Unjoni b’risposta għall-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, nikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet magħmula fis-sentenza tal-kawża Billerud ma jistgħux japplikaw awtomatikament fir-rigward ta’ Stati Membri. |
76. |
Fir-rigward tan-nuqqas minn Stat Membru li jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ azzjonijiet ta’ ksur, ammettiet b’mod eċċezzjonali forza maġġuri bħala raġuni li tiġġustifika tali nuqqas. Il-ġurisprudenza rilevanti kienet tikkonċerna prinċipalment in-nuqqas li tiġi trasposta miżura tad-dritt tal-Unjoni ( 58 ) jew in-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fid-dritt sekondarju tal-Unjoni ( 59 ). Skont dik il-ġurisprudenza, “Stat Membru li jsib ruħu f’diffikultajiet li jkunu momentarjament insormontabbli u li jfixkluh milli jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ forza maġġuri biss għall-perijodu strettament neċessarju sabiex jirrimedja għal dawn id-diffikultajiet” ( 60 ). |
77. |
F’dan il-każ, peress li ma huwiex l-Istat Membru iżda l-organizzatur tal-ivvjaġġar li jżomm l-obbligu mil-liema deroga hija mfittxa, jista’ jiġi argumentat li ma hemm l-ebda skop għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tapplika f’azzjonijiet ta’ ksur. Madankollu, kieku s-sentenza tal-kawża Billerud kienet applikabbli għal numru għoli ta’ organizzaturi u kieku affettwat numru sinjifikattiv ħafna ta’ kuntratti, dan jista’ jindika problema sistemika u l-ħtieġa li wieħed ikollu ż-żmien neċessarju sabiex isib soluzzjoni “sistemika” biex jindirizza l-impatt tal-pandemija ( 61 ). F’tali ċirkustanzi, jekk Stat Membru jaffaċċja diffikultajiet insormontabbli biex japplika, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, dispożizzjoni li tittrasponi dritt sekondarju tal-Unjoni, għandu jkun, b’mod eċċezzjonali, intitolat li jeċċepixxi forza maġġuri. |
78. |
L-applikazzjoni permezz ta’ analoġija tal-eċċezzjoni ta’ forza maġġuri għal sitwazzjoni ta’ deroga minn dispożizzjoni speċifika tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkollha tkun soġġetta għal salvagwardji partikolarment stretti. Ma għandhiex tinftiehem bħala klawżola liberatorja ġenerali jew carte blanche biex tidderoga mid-dritt tal-Unjoni. Tikkonċerna deroga verament eċċezzjonali, limitata fl-ambitu ta’ applikazzjoni u temporanja fejn huwa oġġettivament impossibbli li jkun hemm konformità mad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Għalhekk nikkunsidra li fil-kuntest ta’ “emerġenza tas-saħħa mingħajr preċedent” ( 62 ), bħalma hi l-pandemija tal-COVID-19, Stat Membru jista’ jeċċepixxi forza maġġuri li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura derogatorja b’risposta għall-pandemija jekk jiltaqa’ ma’ diffikultajiet temporanjament insormontabbli li jfixkluh milli jikkonforma ma’ l-obbligi tiegħu li japplika, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, dispożizzjoni speċifika tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Madankollu, l-Istat Membru jista’ jeċċepixxi forza maġġuri biss għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu riżolti dawk id-diffikultajiet. Il-mezzi magħżula sabiex jiġu riżolti d-diffikultajiet insormontabbli għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jeċċepixxi sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li jipprova li huwa neċessarju li jirrikorri għal deroga sabiex jirriżolvi d-diffikultajiet insormontabbli li ltaqa’ magħhom minħabba dik is-sitwazzjoni. F’dak ir-rigward, l-Istat Membru ma għandu jitħalla bla ebda alternattiva ħlief li jidderoga temporanjament mid-dritt tal-Unjoni. |
79. |
Fil-kawża preżenti, il-Gvern Franċiż jissottometti li kien imġiegħel li jistabbilixxi deroga mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, jippermetti l-organizzaturi tal-ivvjaġġar li joħorġu vawċer minflok rifużjoni immedjata sabiex jipprevjeni fallimenti mifruxa ta’ dawk l-operaturi. F’dak ir-rigward, nagħmel is-segwenti osservazzjonijiet. Waqt l-istadji inizjali tal-pandemija, l-Istati Membri ġew affaċċjati bi sfidi kbar fir-rigward tas-saħħa tal-popolazzjonijiet tagħhom u l-ekonomija. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi, gvernijiet ġew meħtieġa li jistabbilixxu ċertu numru ta’ prijoritajiet, jipproteġu l-vulnerabbli, isostnu impjegati li spiċċaw diżokkupati filwaqt li jaċċertaw li n-negozji milquta l-iżjed mill-pandemija ma jikkollassawx. Waqt is-seduta, il-Gvern Ċek insista li l-emerġenza tas-saħħa kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu azzjoni f’numru kbir ta’ oqsma u jibbilanċjaw mill-ġdid l-interessi involuti fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Ikun imbagħad jidher iġġustifikat għal Stat Membru li jimponi sospensjoni, li hija limitata f’termini ta’ ambitu u żmien, tal-eżerċizzju ta’ ċertu drittijiet kuntrattwali għall-perijodu strettament neċessarju li jippermetti l-partijiet jaġġustaw għal sitwazzjoni ġdida jew imprevista jew għall-gvern biex isib soluzzjonijiet xierqa. Tali soluzzjonijiet jistgħu jinkoraġġixxu l-kontinwità ta’ kuntratti sabiex jiġu evitati kriżijiet ta’ likwidità fl-ekonomija mingħajr ma jiġi impost piż eċċessiv fuq il-vjaġġaturi li huma intitolati għal rifużjoni ( 63 ). |
80. |
Il-Gvern Franċiż jikkontendi li l-miżura ta’ deroga kkontestata kienet applikabbli biss fir-rigward ta’ kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar itterminati bejn l‑1 ta’ Marzu 2020 u l‑15 ta’ Settembru 2020. Ma kinitx imtawla wara dak il-perijodu peress li ġie kkunsidrat li s-settur tal-ivvjaġġar kien ġie mogħti ż-żmien meħtieġ biex jadatta għas-sitwazzjoni l-ġdida. Huwa minnu li d-deroga kienet temporanja, sal-punt li kopriet biss kuntratti tterminati fi ħdan il-perijodu ta’ sitt xhur imsemmi hawn fuq. Madankollu, id-digriet ikkontestat, kif il-Kummissjoni insistiet fit-tul waqt is-sottomissjonijiet orali tagħha, affettwa b’mod retroattiv dritt akkwistat u mandatorju ta’ vjaġġaturi li jirċievu l-flejjes li huma kienu diġà ħallsu. Fid-dawl ta’ tali impatt sinjifikattiv fuq il-kuntratt tal-konsumatur, ma huwiex biżżejjed li jiġi eċċepit li l-miżura baqgħet fis-seħħ biss għal ċertu perijodu ta’ żmien. Għandha tiġi suġġetta għal skrutinju partikolari. F’dak ir-rigward, ninnota żewġ karatteristiċi tal-iskema ta’ vawċers ipprovduta mid-digriet ikkontestat li, meqjusa flimkien mal-effett retroattiv, jistgħu jindikaw li eċċediet dak li kien neċessarju sabiex jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija fuq it-terminazzjoni ta’ kuntratti tal-ivvjaġġar. L-ewwel karatteristika huwa t-tul ta’ żmien tas-sospensjoni tad-dritt għal rifużjoni. Id-digriet ikkontestat jipprovdi li l-organizzatur jista’ joffri vawċer l-iktar tard fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika tat-terminazzjoni tal-kuntratt, li huwa validu għal 18-il xahar. Il-konsumatur jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jirċievi rifużjoni ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula fi flus biss wara li dak il-perijodu ta’ 18-il xahar ikun għadda. F’termini prattiċi, id-digriet ikkontestat jissospendi d-dritt tal-vjaġġatur li jirkupra l-flejjes li hu jkun diġà ħallas, għal perijodu ta’ bejn it-18 u l-21 xahar wara t-terminazzjoni tal-kuntratt. Il-Gvern Franċiż ma spjegax għala kien neċessarju li jċaħħad lil vjaġġaturi mid-dritt tagħhom naxxenti mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 għal perijodu minimu ta’ 18-il xahar wara l-ħruġ tal-vawċer. |
81. |
It-tieni karatteristika hija n-nuqqas ta’ kwalunkwe vantaġġ offrut lill-vjaġġaturi sabiex ikun ta’ kontrobilanċ għall-interferenza serja mad-dritt tagħhom għal rifużjoni. Fil-fatt, l-iskema ta’ vawċers stabbilita mid-digriet ikkontestat sfurzat lill-vjaġġaturi jerfgħu r-riskju tal-impatt tal-pandemija fuq il-kuntratt tal-ivvjaġġar bl-ebda miżura ta’ kontrobilanċ għal dak ir-riskju. F’dak ir-rigward, insib partikolarment rilevanti wieħed mill-prinċipji abbozzati mill-Istitut dwar id-Dritt Ewropew għall-kriżi tal-COVID-19 relatat ma’ “Forza Maġġuri u Tbatija” u fformulat kif ġej: “B’konformità mal-prinċipju ta’ solidarjetà, l-Istati għandhom jaċċertaw li l-konsegwenzi tat-tfixkil ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, bħall-kanċellament ta’ arranġamenti għall-ivvjaġġar, ma għandhomx ikunu għar-riskju uniku ta’ parti waħda, b’mod partikolari ta’ konsumatur jew SME” ( 64 ). Fi kliem ieħor, l-argument “kbar wisq biex ifallu” ma għandux jiġi aċċettat fejn jirriżulta għall-iżvantaġġ taċ-ċittadin konsumatur. |
82. |
Fir-rigward ta’ alternattivi xierqa, huwa xieraq li ssir referenza għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers, li għandha sezzjoni speċifika fuq miżuri ta’ sostenn u għajnuna mill-Istat ( 65 ). Hija tenfasizza fuq il-possibilità għall-Istati Membri li jipprovdu sostenn lil operaturi fis-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar sabiex jaċċertaw li talbiet għal rimbors li jitnisslu mill-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jiġu ssodisfatti. Sa fejn l-operaturi fis-settur tal-ivvjaġġar huma fil-bżonn ta’ sostenn ġenerali ta’ likwidità, dik ir-rakkomandazzjoni tistipula li Stati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jintroduċu skemi biex l-operaturi jingħataw tali sostenn. F’dak ir-rigward, issir referenza għall-Qafas Temporanju li jipprovdi l-bażi għall-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe sostenn likwidu mar-rekwiżiti tal-Unjoni fuq għajnuna mill-Istat. |
83. |
Il-Qafas Temporanju, emendat sitt darbiet konsekuttivi, jipprovdi għal diversi tipi ta’ għajnuna li tista’ tiġi evalwata skont l-Artikoli 107(2)(b) ( 66 ) jew 107(3)(b) TFUE ( 67 ). B’mod partikolari fir-rigward ta’ kumpens mogħti lil intrapriżi tat-turiżmu, il-Qafas Temporanju jagħmilha ċara li Stati Membri jistgħu jinnotifikaw tali miżuri ta’ kumpens u l-Kummissjoni tevalwahom direttament skont l-Artikolu 107(2)(b) ( 68 ). Nenfasizza li l-Kummissjoni kkommettiet ruħha li tiżgura proċess ta’ approvazzjoni ‘rapida’ ( 69 ). Stati Membri varji għamlu użu mill-Qafas Temporanju u nnotifikaw miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, li l-Kummissjoni approvat skont il-Qafas Temporanju jew taħt it-Trattat ( 70 ). |
84. |
Jidher għalhekk, li d-dritt tal-Unjoni offra lill-Istati Membri strumenti alternattivi sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ likwidità ta’ organizzaturi. B’sostenn għal dak il-punt, il-Gvern Daniż fis-sottomissjonijiet tiegħu ħa l-eżempju tal-adozzjoni ta’ skema ta’ self ta’ sostenn għas-settur tal-ivvjaġġar (iktar ’il quddiem ir-“Rejsegarantifonden”). Fit-tweġibiet tagħhom għal mistoqsija mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-gvernijiet li ħadu sehem fis-seduta ppreżentaw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-possibilità li jistabbilixxu fond simili. Il-Gvern Franċiż ikkontenda li ma kienx possibbli li jittrasponi s-soluzzjoni adottata mill-Gvern Daniż fi Franza peress li l-ebda fond simili ma eżista qabel il-kriżi tas-saħħa. B’mod partikolari, il-Gvern Franċiż spjega li, fi Franza, in-negozju ta’ assigurazzjoni huwa limitat għal rwol ta’ garanti u ma jistax jislef flus mingħajr awtorizzazzjoni. |
85. |
Meta jiġu evalwati l-għażliet disponibbli għal kull Stat Membru sabiex isostni l-organizzaturi tal-ivvjaġġar b’risposta għall-pandemija, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi strutturali ta’ kull pajjiż. Madankollu, f’dak il-proċess, l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE. Dak il-prinċipju jorbot kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fiċ-ċirkustanzi fejn Stat Membru jinnotifika l-Kummissjoni dwar diffikultajiet sinjifikattivi li jiltaqa’ magħhom biex japplika dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni minħabba emerġenza ta’ saħħa pubblika, il-Kummissjoni għandha obbligu li tieħu d-dovut kunsiderazzjoni ta’ dawk id-diffikultajiet u tassisti l-Istat Membru ikkonċernat. Dan huwa iktar u iktar peress li d-dritt tal-Unjoni ma għandux “reġim ta’ emerġenza tal-Unjoni” ġenerali tiegħu ( 71 ). |
86. |
Għandu jiġi innotat ukoll li, fl-ewwel ftit xhur tal-pandemija, l-ebda leġiżlazzjoni speċifika ma kienet teżisti fuq il-livell tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ vawċers maħruġa bħala alternattiva għal rimbors għal kuntratti ta’ trasport u ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikkanċellati ( 72 ). Fil-5 ta’ Marzu 2020, b’aġġornament fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ppubblikat fuq is-sit elettroniku tagħha gwida informali fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2015/2302, b’konferma li d-dritt tal-vjaġġatur li jirċievi rifużjoni sħiħa iżda wkoll tgħid li huwa possibbli għall-vjaġġatur li jaċċetta vawċer ( 73 ). F’ittra tas‑27 ta’ Marzu 2020 indirizzata lill-Istati Membri kollha, il-Kummissarju Reynders afferma mill-ġdid id-dritt tal-vjaġġatur li jirċievi rifużjoni. Hu ssuġġerixxa li operaturi turistiċi jistgħu joffru vawċers, bil-kundizzjoni li tali vawċers ma jkunux mandatorji. Hu ssuġġerixxa wkoll li Stati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex iżidu l-kunfidenza tal-vjaġġatur meta jagħżel vawċer ( 74 ). |
87. |
Sadanittant, diversi Stati Membri talbu lill-Kummissjoni sabiex tissospendi d-dritt ta’ rifużjoni fi żmien 14-il jum u/jew tisostitwixxih b’soluzzjoni temporanja ta’ vawċer ( 75 ). Minflok, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha li d-drittijiet tal-konsumatur ma għandhomx ikunu sospiżi u li “ma kinitx ser issegwi sejħiet għat-tnaqqis tal-protezzjoni tal-konsumatur” ( 76 ). Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet ir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar Vawċers. F’dik ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi bis-sħiħ l-impatt serju ta’ kanċellamenti minħabba l-pandemija, il-problemi ta’ likwidità tal-organizzaturi kif ukoll ir-riskju li ħafna vjaġġaturi ma humiex ser jirċievu l-ebda rifużjoni, peress li t-talbiet tagħhom kontra organizzaturi u trasportaturi ma humiex protetti. Is-soluzzjoni għal dawk il-kwistjonijiet, skont dik ir-rakkomandazzjoni, qiegħda billi l-vawċers jiġu reżi iktar attraenti għall-vjaġġaturi. Lejn dak l-għan, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ skemi ta’ garanzija biex isostnu operaturi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport skont ir-regoli tal-Unjoni dwar għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ssuġġerixxiet li Stati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw li jadottaw miżuri temporanji ta’ għajnuna mill-Istat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Qafas Temporanju. |
88. |
Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ssottomettiet li f’oqsma oħra tal-liġi ( 77 ), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkunsidrawh neċessarju u ġġustifikat li jipproponu lil-leġiżlatur tal-Unjoni li tiġi adottata deroga minn dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Madankollu, id-deċiżjoni ttieħdet biex ma jsirx dan fir-rigward tal-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302. Il-Kummissjoni spjegat li emenda tad-Direttiva 2015/2302 tkun taffettwa b’mod retroattiv id-drittijiet kweżiti tal-konsumaturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li madwar nofs l-Istati Membri ma kkunsidrawx assolutament neċessarju li dik id-direttiva tiġi emendata u rnexxielhom jakkomodaw is-sitwazzjoni b’mod differenti. Minkejja l-għażla tal-politika magħmula, nemmen li fid-dawl ta’ tħassib qawwi li esprimew l-Istati Membri varji dwar ir-riperkussjonijiet ta’ kanċellamenti mifruxa ta’ kuntratti ta’ vvjaġġar, wieħed jista’ jistenna l-proposta ta’ att leġiżlattiv (minflok rakkomandazzjoni) sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni b’mod ikkoordinat. Madankollu, dik l-osservazzjoni biss ma tfissirx li l-Istati Membri huma liberi li jintroduċu deroga unilaterali mid-dritt tal-Unjoni lil hinn milli huwa strettament neċessarju sabiex tingħeleb sitwazzjoni ta’ forza maġġuri. |
89. |
Kumment finali jirrigwarda xi lezzjonijiet li għandhom jittieħdu għall-futur. Il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet imqajma mill-pandemija tal-COVID-19 hija riflessa fl-evalwazzjoni kontinwa tar-regolamenti kurrenti tal-Unjoni dwar pakketti tal-ivvjaġġar. Kif imħabbar fl-Aġenda tal-Konsumatur ġdida tagħha, il-Kummissjoni impenjat ruħha li twettaq sal-2022 “analiżi aktar profonda dwar jekk il-qafas regolatorju attwali għall-pakkett tal-ivvjaġġar, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni mill-insolvenza, huwiex kapaċi bis-sħiħ jiżgura protezzjoni robusta u komprensiva tal-konsumatur f’kull ħin” ( 78 ). Il-Kummissjoni tagħmilha ċara, madankollu, li l-oġġettiv tal-analiżi “ma timmirax li tbaxxi l-protezzjoni tal-konsumatur”. |
90. |
Fid-dawl ta’ dan kollu, nikkunsidra li t-tweġiba għat-tieni domanda hija li l-kriżi tas-saħħa relatata mal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt straordinarju li kellha fuq is-settur tat-turiżmu jista’ jiġġustifika deroga temporanja mill-obbligu tal-organizzaturi li jirrifondu lill-vjaġġatur l-ammont sħiħ ta’ kwalunkwe pagamenti magħmula għall-pakkett fi żmien 14-il jum wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, stabbilit fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302, biss għall-perijodu neċessarju sabiex l-Istat Membru jirriżolvi d-diffikultajiet insormontabbli li jżommuh milli japplika d-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi tali obbligu. Il-mezzi magħżula sabiex jindirizzaw tali diffikultajiet għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jeċċepixxi sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li jipprova li huwa neċessarju li jirrikorri għal deroga sabiex jiġu riżolti tali diffikultajiet li ltaqa’ magħhom minħabba dik is-sitwazzjoni. F’dak ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat li ma hemm l-ebda miżura alternattiva għal rikors għal deroga mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, id-digriet ikkontestat jidher li jeċċedi dak li huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet insormontabbli li ltaqgħu magħhom, partikolarment fid-dawl tal-effett retroattiv tiegħu, iż-żmien tas-sospensjoni tad-dritt li jirċievu rifużjoni u n-nuqqas ta’ kwalunkwe vantaġġ offrut lill-vjaġġatur sabiex ikun ta’ kontrobilanċ għall-impatt retroattiv fuq id-drittijiet tiegħu li joħorġu mill-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. |
It‑tielet domanda
91. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi deroga bħalma hi dik stabbilita fid-digriet ikkontestat, jekk huwiex possibbli, fiċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni domanda, l-aġġustament tal-effetti temporali ta’ deċiżjoni li tannulla leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dik id-dispożizzjoni. |
92. |
F’dak ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’, f’każijiet eċċezzjonali, għal kunsiderazzjonijiet superjuri taċ-ċertezza legali, tippermetti s-sospensjoni temporanja tal-effett tat-tneħħija ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-liġi nazzjonali li hija kontrarja tagħha. Kieku qrati nazzjonali kellhom il-poter li jagħtu dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali supremazija meta mqabbel mad-dritt tal-Unjoni miksur minn dawk id-dispożizzjonijiet, anki temporanjament, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tkun imminata ( 79 ). |
93. |
Għalhekk, huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tħoss il-bżonn li tillimita għal kwalunkwe persuna kkonċernata l-opportunità milli tistrieħ fuq dispożizzjoni li hi tkun interpretat bil-ħsieb li titfa’ dubju dwar relazzjonijiet legali stabbiliti f’bona fide. Żewġ kriterji essenzjali jridu jiġi ssodisfatti qabel tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi imposta, jiġifieri li dawk ikkonċernati għandhom ikunu mxew f’bona fide u li għandu jkun hemm ir-riskju ta’ diffikultajiet serji ( 80 ). |
94. |
Fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-ewwel kriterju relatat mal-prinċipju ta’ bona fide, jista’ jiġi argumentat li l-Gvern Franċiż mexa b’kunsiderazzjoni xierqa għal tali prinċipju mill-inqas sa fejn huma kkonċernati l-istadji tal-bidu tal-pandemija u għall-inqas sa meta ġiet ippubblikata r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers. Huwa minnu li l-Kummissjoni kkomunikat il-pożizzjoni tagħha wara t-tfaqqigħ tal-pandemija ( 81 ). Madankollu, dik il-komunikazzjoni fil‑5 ta’ Marzu 2020 (b’aġġornament fid‑19 ta’ Marzu 2020) ikkostitwixxiet “gwida informali” ( 82 ). Il-Kummissjoni rrikonoxxiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li kienet meħtieġa li taffaċċja ċertu numru ta’ diffikultajiet relatati ma’ problemi ta’ inadegwatezza tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kriżi. Sabiex tindirizza dawk id-diffikultajiet, il-Kummissjoni kkunsidrat neċessarju li tagħmel proposti leġiżlattivi urġenti sabiex tadatta temporanjament għas-sitwazzjoni. Kif diġà semmejt qabel fl-analiżi tiegħi tat-tieni domanda ( 83 ), sa fejn id-Direttiva 2015/2302 hija kkonċernata, diversi Stati Membri talbu li l-Kummissjoni tissospendi d-dritt għal fi żmien 14-il jum u/jew jiġi ssostitwit b’soluzzjoni temporanja ta’ vawċer. |
95. |
Il-Kummissjoni tgħid fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li s-servizzi tagħha evalwaw, fil-bidu tal-pandemija, jekk ikunx xieraq li jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex jiġu protetti organizzaturi. Il-Kummissjoni fl-aħħar iddeċidiet li ma kienx xieraq li tagħmel proposta leġiżlattiva f’dak is-sens. Kif spjegat waqt is-seduta, waħda mill-fatturi deċiżivi wara dik id-deċiżjoni kienet it-tħassib li kuntratti li jkunu daħlu fihom vjaġġaturi jkunu affettwati retroattivament. Minflok, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni dwar Vawċers. |
96. |
Is-sekwenza tal-avvenimenti hawn fuq jindikaw, fil-fehma tiegħi, li għall-inqas fl-istadji inizjali tal-pandemija, kien hemm raġunijiet raġonevoli għall-Istati Membri biex jikkunsidraw li l-qafas leġiżlattiv eżistenti seta’ jiġi adattat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, naqbel mal-Gvern Belġjan li l-Gvern Franċiż mexa b’bona fide, għall-inqas fl-istadji inizjali tal-pandemija meta ddeċieda li jadotta d-digriet ikkontestat. Madankollu, wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers, il-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż li d-digriet ikkontestat għandu jinżamm ma għadhiex tidher konvinċenti. |
97. |
It-tieni kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 hawn fuq sabiex jiġi ristrett l-effett temporali ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-istabbiliment ta’ “riskju ta’ diffikultajiet serji”. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qalet li l-valur tal-vawċers maħruġa mill-organizzaturi ta’ vvjaġġar Franċiżi sal‑15 ta’ Settembru 2020, meta d-digriet ikkontestat ma baqax japplika, kien stmat EUR 990 miljun, li jirrappreżentaw madwar 10% tad-dħul tas-settur f’sena normali. Madankollu, il-fatt li l-organizzaturi ltaqgħu ma’ problemi ta’ likwidità fil-bidu tal-pandemija ma jfissirx li huma xorta jibqgħu jiltaqgħu ma’ tali problemi. F’dak ir-rigward, għandu jiġi nnotat li iktar minn sentejn wara li daħal fis-seħħ id-digriet ikkontestat u sentejn wara l-iskadenza tagħha (15 ta’ Settembru 2020), il-mezzi finanzjarji disponsibbli lill-Istati Membri sabiex itaffu l-ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ organizzaturi affettwati mill-pandemija huma stabbiliti sew ( 84 ). Jista’ jkun il-każ li l-organizzaturi huma meħtieġa li jħallsu interessi fuq kwalunkwe rifużjonijiet li ma kinux saru waqt li d-digriet ikkontestat baqa’ fis-seħħ. Madankollu, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Franċiż ma elaboraw fuq dak l-aspett jew fuq il-mistoqsija jekk dan ikunx iwassal għal “riskju ta’ diffikultajiet serji”. |
98. |
Għalhekk, peress li riskju ta’ diffikultajiet serji li jirriżulta mill-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-Konklużjonijiet ma ġiex muri li jeżisti u l-kriterji li għalihom hemm referenza fil-punt 93 hawn fuq huma kumulattivi, ma huwiex xieraq li l-effetti temporali tas-sentenza jiġu limitati ( 85 ). |
99. |
Biex nagħti risposta kompleta, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fuq bażi ta’ każ b’każ u b’mod eċċezzjonali, li qorti nazzjonali għandha s-setgħa li tirranġa l-effetti tal-annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali misjuba inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 86 ). |
100. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet tali possibbiltà fil-kuntest ta’ “kunsiderazzjoni superjuri” relatata mal-ambjent, sakemm ċertu kundizzjonijiet imfissra fil-ġurisprudenza huma ssodisfatti ( 87 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll, bħala eċċezzjoni, il-possibbiltà li jinżammu l-effetti ta’ miżuri fil-qasam tad-dritt ambjentali fejn tali manutenzjoni huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet superjuri relatati mal-bżonn li tiġi eliminata theddida ġenwina u serja ta’ qtugħ tal-provvista tal-elettriku fl-Istat Membru kkonċernat, li ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ mezzi jew alternattivi oħra, partikolarment fil-kuntest tas-suq intern ( 88 ). L-effetti jistgħu jiġu biss miżmuma sakemm huwa strettament neċessarju sabiex il-ksur jiġi rrimedjat. L-applikazzjoni ta’ dik il-ġurisprudenza hija suġġetta, għalhekk, għall-eżistenza ta’ “theddida ġenwina u serja tat-tfixkil tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija”. |
101. |
Fil-każ tal-kawża prinċipali, huwa diffiċli li jiġi sostnut li hemm interess superjuri għall-inqas komparabbli mal-provvista tal-elettriku fi Stat Membru. Barra minn hekk, id-digriet ikkontestat ma għadux fis-seħħ. Għalhekk, kif intqal, essenzjalment mill-Kummissjoni, il-limitazzjoni temporali tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti ma jippermettix l-amministrazzjoni li tirrimedja l-ksur ikkonstatat. Minflok tkun twassal għal validazzjoni de facto tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
102. |
Għandu wkoll jiġi nnotat li l-konsegwenzi prattiċi tal-annullament tad-digriet ikkontestat huma kwistjoni għall-qorti tar-rinviju. Id-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkontjenux informazzjoni dwar l-impatt preċiż li l-annullament ikollu fuq l-organizzaturi. Fi kwalunkwe każ, ir-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-annullament waħedhom ma humiex biżżejjed biex jiġġustifikaw il-limitazzjoni fuq l-effetti temporali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 89 ). |
103. |
Fid-dawl tas-suespost, nieħu l-pożizzjoni li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li ma huwiex xieraq li jiġu aġġustati l-effetti temporali ta’ deċiżjoni li tannulla leġiżlazzjoni nazzjonali li hija kuntrarja għall-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2015/2302. |
Konklużjoni
104. |
Fuq il-bażi tal-analiżi stabbilita hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Morin, E., Changeons de voie, les leçons du coronavirus (Denoël, 2020), p. 25. (Traduzzjoni libera mit-test oriġinali bil-Franċiż: “la nouveauté radicale du Covid‑19 tient à ce qu’il est à l’origine d’une mégacrise, faite de la combinaison de crises politiques, économiques, sociales, écologiques, nationales [et] planétaires […]”).
( 3 ) Twigg-Flesner, C., “The COVID-19 Pandemic – a Stress Test for Contract Law?”, (2020) Journal of European Consumer and Market Law (EuCML), Vol. 9, pp. 89‑92.
( 4 ) Twigg-Flesner, C., “The Potential of the COVID-19 Crisis to Cause Legal ‘Disruption’ to Contracts’ f’Hondius, E., Santos Silva, M., Nicolussi, A., Salvador Coderch, P., Wenderhorst, C. u Zoll, F. (edituri), Coronavirus and the Law in Europe, Intersentia, Cambridge, Antwerp, Chicago, 2021, pp. 1091, 1096.
( 5 ) UNWTO, Secretary General’s Policy Brief on Tourism and Covid-19 (disponibbli fuq https://www.unwto.org/tourism-and-covid-19-unprecedented-economic-impacts).
( 6 ) Greene, A., Emergency Powers in A Time of Pandemic, Bristol University Press, Bristol, 2020, p. 7.
( 7 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Kuoni Travel (C‑578/19, EU:C:2021:213, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 8 ) Definizzjoni tal-kelma “refund” (“rifużjoni”) skont id-Dizzjunarju ta’ Cambridge.
( 9 ) Dak huwa l-każ għat-terminu Franċiż “remboursement”, it-terminu Ġermaniż “Erstattung”, it-terminu Spanjol “reembolso” jew it-terminu Latvjan “atmaksa”.
( 10 ) Id-Direttiva tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132).
( 11 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 8, p. 10).
( 12 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14).
( 13 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1).
( 14 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).
( 15 ) Direttiva 2015/2302, premessa 3.
( 16 ) Sentenza tas‑7 ta’ April 2022, I (Eżenzjoni tas-servizzi tal-isptarijiet mill-VAT) (C‑228/20, EU:C:2022:275, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, C/2020/3125 (ĠU 2020, L 151, p. 10) (iktar ’il quddiem “ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers”), punti 9 u 15.
( 18 ) Ara, Koutrakos, P., Nic Shuibhne, N. u Syrpis, P. (Edituri), Exceptions from EU Free Movement Law – Derogations, Justification and Proportionality, Hart Publishing, 2016.
( 19 ) Artikolu 25 et seq. tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016 L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet u kif huwa nnotat fil-premessa 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, eċċezzjonijiet u derogi għall-moviment liberu tal-persuni għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Tul massimu ta’ kontroll fil-fruntieri interni),C‑368/20 u C‑369/20, EU:C:2022:298, punt 64).
( 20 ) Il-Kummissjoni Ewropea, COVID-19 Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (ĠU 2020 C 86 I, p. 1), punt 18.
( 21 ) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat‑13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2020, L 337, p. 3.), premessa 10.
( 22 ) Ibid., premessi 11 u 12.
( 23 ) Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2015/2302.
( 24 ) Ara d-Dikjarazzjoni 20/567 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, dwar miżuri ta’ emerġenza fi Stati Membri tal-31 ta’ Marzu 2020 li fiha tinnota: “[…] Irridu naħdmu lkoll flimkien sabiex nirbħu din il-kriżi. Fuq din it-triq, ser inħarsu l-valuri Ewropej tagħna u d-drittijiet tal-bniedem. Dan huwa min aħna, u dan huwa f’hiex nemmnu”.
( 25 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 20 u 21 iktar ’il fuq. Ara Dubout E., Picod F., “L’Union européenne au défi du coronavirus: le passage au ‘monde d’après’?”f’Dubout E., Picod F. (dir.), Coronavirus et droit de l’Union européenne, Bruylant, 2021, p. 15, f’p. 19.
( 26 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, Front magħqud biex negħlbu l-COVID-19, COM/2021/35 final.
( 27 ) L-analiżi hija mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ biex jiġi ddeterminat jekk il-pandemija tistax tiġi invokata sabiex tagħti lok għad-dritt li jiġi tterminat il-kuntratt, skont l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2302.
( 28 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C-640/15, EU:C:2017:39, punt 53).
( 29 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C-640/15, EU:C:2017:39, punt 54).
( 30 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43).
( 31 ) Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 30) (enfasi miżjuda).
( 32 ) Ibid.
( 33 ) Premessi 5, 6 u 51 tad-Direttiva 2015/2302.
( 34 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel) u arranġamenti tal-ivvjaġġar assistiti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (COM (2013) 512 final), 9.7.2013.
( 35 ) Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel) u arranġamenti tal-ivvjaġġar assistiti, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE.
( 36 ) Ara, pereżempju, taħt it-titolu “drittijiet ta’ kanċellazzjoni għal vjaġġaturi”, paġna 136 “f’ċirkustanzi imprevedibbli u straordinarji (każijiet ta’ forza maġġuri)” jew paġna 137, “huwa evidenti li l-konsumaturi jibbenefikaw milli jiksbu d-dritt li jiddeċiedu għalihom infushom jekk jixtiqux imorru għal btala fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ forza maġġuri, bħal pereżempju t-tfaqqigħ ta’ kunflitt vjolenti jew diżastru ekoloġiku”.
( 37 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, COM (2021) 90 final, nota ta’ qiegħ il-paġna 7.
( 38 ) Enfasi miżjuda.
( 39 ) Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2015/2302.
( 40 ) Premessa 14.
( 41 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, MH u ILA (Drittijiet għal pensjoni fil-każ ta’ falliment) (C-168/20, EU:C:2021:907, punt 76).
( 42 ) Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, C/2020/1863 (ĠU 2020 C 91I, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”). Mill-adozzjoni tiegħu, il-Qafas Temporanju ġie emendat sitt darbiet. F’dawn il-konklużjonijiet, nirreferi għall-verżjoni kkonsolidata informali tal-Qafas Temporanju kif emendat l-aħħar fit‑18 ta’ Novembru 2021, disponibbli fuq https://competition-policy.ec.europa.eu/state-aid/coronavirus/temporary-framework_fr.
( 43 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013 (C-203/12, EU:C:2013:664, punt 31).
( 44 ) Digriet tas‑26 ta’ Marzu 2020 (C-113/19, EU:C:2020:228, punt 55).
( 45 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79 (EU:C:1980:81, punt 140).
( 46 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 31).
( 47 ) Ara d-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2020, Luxaviation, (C‑113/19, EU:C:2020:228, punt 56).
( 48 ) Is-sistemi legali tal-Istati Membri jipprovdu, f’ċertu kuntesti u relazzjonijiet legali, għall-possibilità ta’ deroga mir-rekwiżiti stretti tal-liġi (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1978, IFG vs Il‑Kummissjoni, 68/77, EU:C:1978:23, punt 11). Dottrini rilevanti jinkludu d-difiża ta’ tbatija, il-frustrazzjoni tal-għan, jew il-bidla fiċ-ċirkustanzi (ara Brunner, C., Force Majeure and Hardship under General Contract Principles: Exemption for non-performance in international arbitration, Wolters Kluwer, Il-Pajjiżi l-Baxxi, 2009, p. 435 et seq.). Madankollu, il-manjiera speċifika ta’ kif kull ġurisdizzjoni tirregola dawk id-dottrini tvarja kunsiderevolment (ara Bortolotti F., Ufot D., Hardship and Force Majeure in International Commercial Contracts: Dealing with unforeseen events in a changing world (Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, Pariġi, 2018).
( 49 ) COVID-19 Consumer Law Research Group, ‘Consumer Law and Policy Relating to Change of Circumstances Due to the COVID-19 Pandemic’, Journal of Consumer Policy, 2020, 43(3), pp. 437 sa 450.
( 50 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg and Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 31).
( 51 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, EU:C:1980:81, punt 143).
( 52 ) Ara f’dak is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 53 ) Bech Serrat, J.M., ‘Covid-19 Contractual Measures in Hospitality: Lessons from Problematic Regulation in Europe’ EuCML, 2021, p. 48, f’p. 51.
( 54 ) Loos M.B.M., ‘One Day I’ll Fly Away…: Voucher Schemes for Cancelled Package Travel Contracts after the Outbreak of the Covid-19 Pandemic’, EuCML 2021, p. 122, 124 (enfasi miżjuda).
( 55 ) Għal diskussjoni fil-fond dwar il-mistoqsija jekk il-prinċipju ta’ bona fide jistax jiġi meqjus bħala prinċipju “emerġenti” fuq il-livell tad-dritt kuntrattwali tal-Unjoni, ara Reich, N., General Principles of EU Civil Law, Intersentia, Cambridge, Antwerp, Portland, 2014, p. 189.
( 56 ) Ara United Kingdom Competition and Markets Authority, “Guidance statement on coronavirus (COVID-19), consumer contracts, cancellation and refunds, 28 ta’ Awwissu 2020, iċċitat minn Stuyck, J., “La protection européenne des consommateurs face à la crise de la Covid-19” f’Dubout E., Picod F., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 25, p. 295, p. 305. Dik il-gwida tgħid illi “fl-istadji inizjali tal-pandemija, lin-negozji seta’ ħadilhom iktar żmien mis-soltu biex jipproċessaw rifużjonijiet”. Ara Borghetti, J.S., “Non performance and the Change of Circumstances under French law”, f’Hondius, E. et al., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 4, pp. 509, 516, li jispjega li skont id-dritt Franċiż l-eżekuzzjoni ta’ obbligu monetarju ma jista’ qatt jiġi mxekkel minn forza maġġuri. Madankollu, hu jżid li l-kodiċi ċivili Franċiz “joffri xi tip ta’ eżenzjoni lil parti b’diffikultajiet finanzjarji”.
( 57 ) Ara United Kingdom Cabinet Office, “Guidance on responsible contractual behaviour in the performance and enforcement of contracts impacted by the Covid-19 emergency”, 7 ta’ Mejju 2020, punt 14, iċċitat minn Twigg-Flesner, C., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 4, p. 1104.
( 58 ) Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑1/00, EU:C:2001:687).
( 59 ) Is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (70/86, EU:C:1987:374), u tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑68/11, EU:C:2012:815).
( 60 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 61 ) Ara Ganuza, J.J. u Gomez Pomar, F., “Government Emergency Intervention in Private Contracts in Times of Covid-19” f’Hondius, E. et al., op.cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 4, pp. 567, 571, li jinnotaw li “sabiex jitrattaw mal-emerġenza assoċjata mal-coronavirus, is-sistemi tal-qrati ma għandhomx ikunu l-istituzzjoni ppreferuta biex tintervjeni f’kuntratti, lanqas bħala ġudikatur biex issolvi tilwim li jirriżultaw minn deċiżjoni unilaterali ta’ parti kontraenti biex tiddevja minn ftehim”.
( 62 ) Rakkommandazzjoni tal-Kunsill 2020/1475, premessa 9.
( 63 ) Ara Ganuza, J.J. u Gomez Pomar, F., op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 64, p. 593.
( 64 ) Istitut dwar id-Dritt Ewropew, ELI Principles for the Covid-19 Crisis, Prinċipju 13, punt 3.
( 65 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers, punt 15 et seq.
( 66 ) L-Artikolu107(2)(b) TFUE huwa fformulat kif ġej: “2. It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin ikunu kompatibbli mas-suq intern: […] (b) kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji.”
( 67 ) L-Artikolu 107(3)(b) TFUE huwa fformulat kif ġej: “3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern: […] (b) għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.
( 68 ) Qafas Temporanju, punt 15.
( 69 ) Qafas Temporanju, punt 111. Fis-sottomissjonijiet orali tagħha, il-Kummissjoni għamlet referenza għall-eżempju tal-approvazzjoni rapida tal-iskema tal-għajnuna Daniża. L-awtoritajiet innotifikaw l-iskema lill-Kummissjoni fit‑28 ta’ Marzu 2020 filwaqt li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha fl‑4 ta’ April 2020.
( 70 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, op.cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 37, paġna 17. Għal ħarsa ddettaljata tal-iskemi kollha approvati ara Skeda informattiva, Tfaqqigħ tal-Coronavirus – Lista ta’ Miżuri tal-Istati Membri approvati skont l-Artikoli 107(2)b, 107(3)b u 107(3)c TFUE u skont il-Qafas Temporanju tal-Għajnuna mill-Istat, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/competition-policy/state-aid/coronavirus/temporary-framework_en
( 71 ) Ara De Witte, B., “EU emergency law and its impact in the EU legal order”, Common Market Law Review, 2022, p. 3, p. 6, li jinnota li d-dritt ta’ emerġenza tal-Unjoni jikkonsisti minn kompetenzi speċifiċi ta’ emerġenza..
( 72 ) Ara wkoll Bech Serrat, J.M., u Carvalho, J.M., “The impact of Covid-19 on EU Travel Law – Are vouchers here to stay?” (2022) 1 European Journal of Consumer Law, 1, 2022, p. 49.
( 73 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar Vawċers, premessa 12.
( 74 ) Ibid.
( 75 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, op.cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 37, paġna 15. Dak ir-rapport jiċċita bħala eżempju f’dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Gvern Ġermaniż tat‑2 ta’ April 2020 biex jitlob il-Kummissjoni biex tissottometti fuq livell tal-Unjoni proposti dwar pakketti tal-ivvjaġġar u drittijiet ta’ passiġġieri li għandhom jissostitwixxu temporanjament rifużjonijiet ta’ flus permezz ta’ vawċers fil-każ ta’ kanċellamenti relatati mal-COVID-19.
( 76 ) Ibid.
( 77 ) Ara r-Regolament (UE) 2020/1043 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 dwar it-twettiq ta’ provi kliniċi ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li fihom jew li jikkonsistu f’organiżmi ġenetikament modifikati [OĠM] maħsuba biex jittrattaw jew jipprevjenu l-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-provvista ta’ dawn il-prodotti (ĠU 2020, L 231, p. 12). Dak ir-regolament jipprovdi għal derogi speċifiċi mir-rekwiżit li ssir valutazzjoni tar-riskju ambjentali fir-rigward ta’ provi kliniċi ta’ prodotti mediċinali ta’ investigazzjoni għall-użu tal-bniedem li jikkontjenu jew jikkonsistu minn OĠM bl-intenzjoni li jittrattaw jew jipprevjenu l-COVID-19.
( 78 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli (COM(2020) 696 final), paġna 3.
( 79 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 177).
( 80 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 132).
( 81 ) Ara l-punt 86 iktar ’il fuq.
( 82 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 78, paġna 14.
( 83 ) Punt 87.
( 84 ) Ara b’mod partikolari l-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat.
( 85 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 136).
( 86 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 178).
( 87 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 58 et seq.), u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 36 et seq.).
( 88 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 179).
( 89 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita b’mod temporali l-effetti restitutorji konnessi mas-sejbien ta’ inġustizzja minn qorti fir-rigward klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, għal ammonti mħallsin żejda taħt tali klawżola wara li tingħata deċiżjoni li fiha jkun hemm il-kostatazzjoni tal-inġustizzja. Dik il-konstatazzjoni kienet magħmula minkejja li l-ġurisprudenza nazzjonali tqis li l-effett retroattiv tal-invalidità tal-klawżoli inkwistjoni jkun jagħti lok għal riperkussjonijiet ekonomiċi serji fis-settur bankarju Spanjol.