SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
15 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Appell – Servizz pubbliku – Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4(1)(a) u (b) – Uffiċjal tal-Unjoni ċittadin tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li rrisjeda, abitwalment, fit-territorju tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu matul għaxar snin li ppreċedew id-dħul fis-servizz tiegħu – Irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni – Kisba minn dan l-uffiċjal tal-Unjoni tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu – Irtirar tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni – Rikors għal annullament”
Fil-Kawża C‑675/20 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑11 ta’ Diċembru 2020,
Colin Brown, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn I. Van Damme, advocaat,
appellant,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. S. Bohr u D. Milanowska, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Alver u M. Bauer, bħala aġenti,
intervenjent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.-C. Bonichot, L. S. Rossi (Relatriċi) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Longar, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Frar 2022,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, Colin Brown, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Brown vs Il‑Kummissjoni (T‑18/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:465), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2018 li rtiratlu d-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni u, konsegwentement, għal dak tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar bejn il-post ta’ impjieg tiegħu u l-post ta’ oriġini tiegħu, mill‑1 ta’ Diċembru 2017, wara li kien kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru tal-post ta’ impjieg tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
2 |
L-Artikolu 1d(5) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża li tat lok għar-rikors (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi: “Meta persuni koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, li jikkunsidraw li saret inġustizzja magħhom għax il-prinċipju tat-trattament indaqs kif ipreżentat hawn fuq ma kienx applikat magħhom, jistabbilixxu l-fatti li jista’ jkun presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ikun fuq l-istituzzjoni li tipprova li ma kienx hemm ksur fil-prinċipju tat-trattament indaqs. […]” |
3 |
L-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “1. L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas, daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal- familja, u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:
[…] 2. Uffiċjal li m’huwiex u qatt ma kien ċittadin ta’ l-Istat li huwa impjegat fit-territorju tiegħu u ma jħarisx il-kondizzjonijiet imniżżla fil-pragrafu 1 ikun intitolat għal benefiċċju ta’ residenza barranija daqs kwart ta’ l-allowance ta’ l-espatrijazzjoni. 3. Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, uffiċjal li, biż-żwieġ, awtomatikament akkwista, mingħajr il-possibbiltà li jirrinunzja, iċ-ċittadinanza fl-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ l-impieg tiegħu jew tagħha, ikun ittrattat bl-istess mod bħall-uffiċjal kopert mill-ewwel inċiż tal-paragrafu 1(a).” |
4 |
L-Artikolu 7(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Il-post tal-oriġini ta’ uffiċjal jiġi ddeterminat mal-ħatra tiegħu, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ minn fejn ikun ġie rreklutat jew, fuq talba ċara u motivata xierqa, iċ-ċentru tal-interessi tiegħu. Il-post tal-oriġini li jkun ġie stabbilit b’dan il-mod jista’, b’deċiżjoni speċjali tal-awtorità tal-ħatra, jinbidel waqt li l-membru tal-persunal ikun fis-servizz jew meta jitlaq mis-servizz. Madanakollu, meta jkun fis-servizz, deċiżjoni bħal din tittieħed b’mod eċċezzjonali biss u wara li l-uffiċjal jipprovdi evidenza ta’ sostenn xieraq.” |
5 |
L-Artikolu 8(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “L-uffiċjali intitolati għal allowance ta’ espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jkunu intitolati, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2, għal ħlas b’rata fissa kull sena kalendarja li jkun jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar mill-post tax-xogħol sal-post tal-oriġini kif inhu definit fl-Artikolu 7 għalihom infushom u, jekk ikunu intitolati għal allowance ta’ entità domestika, għall- konjuġi u d-dipendenti fit-tifsira tal-Artikolu 2.” |
6 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi: “Uffiċjal għandu jgħix jew fil-post fejn huwa mpjegat jew f’distanza mhux aktar il-bogħod milli huwa kompatibbli mal-qadi sew ta’ dmirijietu. […]” |
7 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Kull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf li ma kien hemm l-ebda raġuna dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali evidenti li ma setax jinduna bih.” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
8 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew imqassra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata, fit-termini li ġejjin: “1 Ir-rikorrent, […] Brown, inizjalment kellu biss il-kwalità ta’ ċittadin tar-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] u għex hemmhekk sal‑1996. Huwa studja fl-Italja fl‑1996 u fl‑1997, imbagħad fil-Belġju, minn Settembru 1997 sa Ġunju 1998. Ir-rikorrent sussegwentement għamel stage mal-Kummissjoni […] mill‑1 ta’ Ottubru 1998 sat‑28 ta’ Frar 1999. Fl-aħħar nett, huwa ħadem full-time fis-settur privat fil-Belġju mill‑1 ta’ Marzu 1999 sal‑31 ta’ Diċembru 2000. 2 Ir-rikorrent beda jaħdem mal-Kummissjoni fl‑1 ta’ Jannar 2001. L-Uffiċċju “tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni tah l-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal […]. 3 […] [F]id‑29 ta’ Marzu 2017 il-Prim tar-Renju Unit [innotifika] lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li joħroġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) skont l-Artikolu 50(2) TUE. 4 Fis‑27 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent talab li jikseb in-nazzjonalità Belġjana, li huwa kiseb fit‑3 ta’ Novembru 2017. Huwa nnotifika lill-PMO dwar din il-bidla fis-sitwazzjoni fid‑19 ta’ Jannar 2018. 5 Fit‑23 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent ġie informat, minn naħa, li l-benefiċċju tiegħu għall-allowance tal-espatrijazzjoni kien ġie rrevokat mill‑31 ta’ Ottubru 2017, minħabba li huwa kien kiseb in-nazzjonalità Belġjana, u, min-naħa l-oħra, li huwa tilef ukoll, konsegwentement, il-benefiċċju tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. 6 Wara talba għal spjegazzjoni, ir-rikorrent irċieva posta elettronika fil‑5 ta’ Marzu 2018 li minnha rriżulta li r-revoka tal-allowance tal-espatrijazzjoni kien iġġustifikat, skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-fatt li huwa kien ilu jirrisjedi fil-Belġju mill‑1997. 7 Fid‑19 ta’ Marzu 2018, il-PMO ssostitwixxa d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2018 [bid-deċiżjoni kontenzjuża]. 8 Fis‑17 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent ressaq ilment li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal‑15 ta’ Ottubru 2018.” |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
9 |
Fil-kuntest tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant xtaq b’mod partikolari jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi mill-ġdid id-dritt tiegħu għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni, previst fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“allowance tal-espatrijazzjoni”), u għal dak tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar bejn il-post ta’ impjieg tiegħu u l-post ta’ oriġini tiegħu, kif iddefinit fl-Artikolu 7 ta’ dan l-Anness VII, mill‑1 ta’ Diċembru 2017. |
10 |
Insostenn tat-talbiet għal annullament tiegħu, l-appellant qajjem erba’ motivi, li ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali. |
11 |
Fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, iddeċidiet, wara r-raġunament segwit fil-punti 35 sa 51 tas-sentenza appellata, li l-PMO ma kienx kiser din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, “meta kkunsidra li l-kisba tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg matul il-karriera kellha twassal għal eżami mill-ġdid tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni” (punt 52 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellant li r-riskju għal dan tal-aħħar, bħala ċittadin tar-Renju Unit, li “jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ex officio” wara l-irtirar ta’ dan l-Istat mill-Unjoni kien jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri li jeżenta lill-PMO mill-obbligu li jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tiegħu fid-dawl tan-nazzjonalità Belġjana li huwa kien kiseb (punti 55 sa 71 tas-sentenza appellata). |
12 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkonstatat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tal-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan li għandha tilħaq, ma jistax jiġi dedott li l-amministrazzjoni hija obbligata li kull xahar tkompli tħallas l-allowance tal-espatrijazzjoni meta jseħħ avveniment li sostanzjalment ibiddel is-sitwazzjoni tal-persuna li tibbenefika minnha fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha. Issa, il-kisba mill-uffiċjal ikkonċernat tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, wara d-dħul tiegħu fil-kariga, kienet tikkostitwixxi tali bidla sostanzjali li tista’ twassal għall-irtirar tad-dritt għall-ħlas ta’ din l-allowance. |
13 |
Fir-rigward tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza mill-appellant, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali wara l-eżami mwettaq fil-punti 75 sa 106 tas-sentenza appellata. |
14 |
B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju kienet imposta mhux biss fid-data tad-dħul fis-servizz tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll meta jsir eżami mill-ġdid tal-eżistenza tad-dritt tagħha għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni, wara bidla fis-sitwazzjoni personali tagħha. Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, mid-data li fiha l-appellant kien ġie nnaturalizzat Belġjan, huwa kellu jitqies bl-istess mod bħal kull ċittadin ieħor jew ex ċittadin Belġjan, li r-residenza abitwali tiegħu fil-Belġju, anki għal żmien qasir, matul il-“perijodu ta’ referenza deċennali” li ppreċeda d-dħul fil-kariga, kienet biżżejjed sabiex jiġi eskluż id-dritt għall-ħlas ta’ din l-allowance skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
15 |
Fir-rigward tat-tielet motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li permezz tiegħu l-appellant ilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni billi adottat l-interpretazzjoni li hija kienet tat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 112 u 113 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni sostnuta mill-appellant kienet inkompatibbli mal-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mal-portata tagħha, b’tali mod li din setgħet biss tiġi miċħuda. |
16 |
Abbażi tal-konsegwenzi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll ir-raba’ motiv imqajjem fl-ewwel istanza, sussidjarjament, mill-appellant u bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll ċaħdet it-talbiet imressqa l-oħra u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu (punti 123 sa 132 tas-sentenza appellata). |
It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
17 |
Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
18 |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitolbu li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż. |
Fuq l‑appell
19 |
Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq id-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata li tirriżulta mill-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 4(1)(a) tal‑Anness VII tar‑Regolamenti tal‑Persunal
L‑argumenti tal‑partijiet
20 |
L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, meta kkunsidrat li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti jew kienet teżiġi t-tneħħija tad-dritt ta’ uffiċjal għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni peress li kien kiseb in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, fl-assenza ta’ bidla ta’ dan l-Istat. |
21 |
L-appellant isostni, qabelxejn, li huwa jaqbel bis-sħiħ mal-premessa tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni, li jikkonsisti f’li jiġu kkumpensati l-inkonvenjenzi u l-ispejjeż li uffiċjal isofri minħabba d-distanza bejn l-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu u l-Istat tal-post ta’ oriġini tiegħu. |
22 |
In-neċessità li jingħata kumpens matul il-karriera kollha ta’ uffiċjal, fl-Istat fejn huwa jkun beda l-kariga tiegħu, hija evidenti, peress li l-ispejjeż u l-inkonvenjenzi ma jispiċċawx anki jekk dan l-uffiċjal ikun ġie espatrijat matul il-karriera kollha tiegħu u ħoloq diversi tipi ta’ rabtiet mal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu. Għall-kuntrarju, hekk kif il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 47 tas-sentenza appellata, dawn l-ispejjeż u inkonvenjenzi jkunu saħansitra jistgħu jaggravaw ruħhom. |
23 |
Skont l-appellant, ir-rabta bejn l-Istat tal-post ta’ oriġini tal-uffiċjal ikkonċernat fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu u d-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni tispjega għalfejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, hija ffukata biss fuq il-perijodi li jippreċedu d-dħul fis-servizz ta’ dan l-uffiċjal u mhux fuq l-avvenimenti li jistgħu jseħħu wara dan id-dħul fis-servizz u, min-naħa l-oħra, tuża l-preżent tal-indikattiv fl-espressjoni “ma għandux jew ma kellux in-nazzjonalità” tal-Istat tal-post ta’ impjieg, li jimplika li n-nazzjonalità tal-imsemmi uffiċjal fid-data tad-dħul tiegħu fil-kariga għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. |
24 |
L-iżball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza appellata jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali waslet, permezz tar-raġunament tagħha, għal riżultat li huwa inkompatibbli mar-raġuni tal-allowance tal-espatrijazzjoni, kif dan ġie espost fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza appellata, jiġifieri li din l-l-allowance għandha tingħata abbażi taċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tad-dħul fis-servizz tal-uffiċjal ikkonċernat u li d-dritt għall-ħlas tagħha ma jistax jiġi rtirat sussegwentement, sakemm il-persuna kkonċernata ma tbiddilx il-post ta’ impjieg. |
25 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punti 36 u 50 tas-sentenza appellata, li l-integrazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat fl-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, wara d-dħul fil-kariga tiegħu, ma taffettwax id-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
26 |
Fil-fehma tal-appellant u kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata, huwa deliberatament li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma indirizzax il-kwistjoni tat-tibdil tan-nazzjonalità wara r-reklutaġġ tal-uffiċjal ikkonċernat. Issa, l-unika konklużjoni li għandha tinsilet minn dan, fid-dawl tar-raġuni tal-allowance tal-espatrijazzjoni, hija li l-kisba ta’ nazzjonalità ġdida wara d-dħul fis-servizz tal-persuna kkonċernata ma tistax tikkostitwixxi raġuni għall-irtirar tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni jekk din kienet tissodisfa inizjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa. |
27 |
Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-allowance tal-espatrijazzjoni għandha bħala għan li tħeġġeġ reklutaġġ fuq bażi ġeografika l-iktar wiesgħa possibbli. Għaldaqstant, dan il-kumpens ma jistax jiġi eżaminat mill-ġdid wara d-dħul fil-kariga tal-persuna kkonċernata. |
28 |
L-appellant iżid, fir-replika, filwaqt li jirreferi għat-terminu “finzjoni”, użat fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat b’mod li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ tali “finzjoni”, li tikkonsisti fil-fatt li l-bidla ta’ nazzjonalità ta’ uffiċjal titqies li sseħħ retroattivament fid-data tad-dħul fis-servizz tiegħu. Fil-fatt, fid-data tal-adozzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu għarfien perfett tas-sitwazzjonijiet ta’ nazzjonalità doppja jew ta’ kisba ta’ nazzjonalità ġdida. Madankollu, dan ma pprovdiex speċifikament li d-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni kien ġie rtirat f’tali ċirkustanzi. |
29 |
Barra minn hekk, l-appellant iqis li, jekk il-kriterji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu applikati wara d-dħul fis-servizz tal-uffiċjal ikkonċernat, it-tul ta’ residenza fl-Istat tal-post ta’ impjieg għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni. Issa, sa fejn bidla ta’ residenza tal-persuna kkonċernata wara d-dħul fis-servizz tagħha – peress li l-kundizzjoni ta’ residenza hija l-iktar waħda importanti miż-żewġ kundizzjonijiet sabiex jiġi evalwat il-bżonn ta’ allowance, billi l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità hija sekondarja – ma twassalx għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa ta’ allowance, l-istess għandu japplika għal bidla tan-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata. Skont l-appellant, jew uffiċjal kellu jitlaq mill-Istat tal-post ta’ residenza tiegħu sabiex jidħol fis-servizz, jew seta’ jibqa’ hemm. B’hekk, il-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni huma kompletament ibbażati fuq is-sitwazzjoni li tippreċedi d-dħul fis-servizz tal-persuna kkonċernata. |
30 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali
31 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-appellant ma fformula ebda lment kontra r-raġunament segwit fil-punti 55 sa 73 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li l-appellant kien ġie mġiegħel jitlob in-naturalizzazzjoni Belġjana fil-perspettiva eventwali tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. |
32 |
Isegwi li l-eżami tal-ewwel aggravju għandu jibda mill-premessa li l-appellant, peress li kellu biss in-nazzjonalità tar-Renju Unit fid-data tad-dħul fil-kariga tiegħu mal-Kummissjoni fl-2001, kiseb volontarjament in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu matul il-karriera, f’Novembru 2017. |
33 |
Għandu jitfakkar li l-allowance tal-espatrijazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija kkalkolata, b’mod partikolari, mill-ammont tas-salarju bażiku tal-uffiċjal ikkonċernat, tikkostitwixxi element tar-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar, imħallsa kull xahar. |
34 |
L-għoti, fid-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, ta’ tali element ta’ remunerazzjoni ma jistax joħloq drittijiet kweżiti ta’ natura li jipprekludu eventwali tħassir tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il‑Kummissjoni, 54/77, EU:C:1978:45, punt 39). Huwa għalhekk korrett li, mingħajr ma dan barra minn hekk ġie kkontestat mill-appellant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li bl-ebda mod ma kien jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tagħhom, li l-għoti tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni jikkostitwixxi dritt kweżit. |
35 |
Kien ukoll korrettament li, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza li, peress li l-allowance tal-espatrijazzjoni titħallas kull xahar, l-amministrazzjoni ma tistax tkompli tħallasha meta jseħħ avveniment li jibdel is-sitwazzjoni tal-persuna li tibbenefika minnha b’mod sostanzjali sa fejn dan l-avveniment ikollu effett fuq il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tad-dritt għall-ħlas ta’ din l-allowance. |
36 |
Mingħajr ma jikkritika formalment il-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni, l-appellant isostni madankollu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kisba, matul il-karriera, minn uffiċjal, tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu għandha effett fuq il-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni, previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont l-appellant, dawn il-kundizzjonijiet għandhom, minbarra l-ipoteżi tal-bidla tal-Istat tal-post ta’ impjieg tal-persuna kkonċernata, jiġu ssodisfatti biss qabel id-dħul fil-kariga tiegħu. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-espatrijazzjoni tingħata lill-uffiċjali, skont l-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, “li m’humiex u qatt ma kienu ċittadini ta’ l-Istat li fih territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati” u, skont it-tieni inċiż tiegħu, “li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel daħlu fis-servizz ma kienux jgħixu jew iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom ġewwa t-territorju Ewropej ta’ dak l-Istat”. |
38 |
Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni jingħata biss lill-uffiċjal li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi negattivi previsti f’din id-dispożizzjoni (digriet tas‑6 ta’ Lulju 2021, Karpeta-Kovalyova vs Il‑Kummissjoni, C‑717/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:542, punt 11), li l-ewwel waħda minnhom, li tinsab fl-ewwel inċiż tiegħu, tirrikjedi li dan l-uffiċjal ma jkollux, u li qatt ma kellu, in-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-post ta’ impjieg tiegħu. |
39 |
Jekk, kif jallega l-appellant, il-kundizzjoni li tgħid li l-uffiċjali kkonċernati “m’humiex u qatt ma kienu ċittadini” tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu kellha tiġi evalwata biss fid-data tad-dħul fil-kariga tal-persuna kkonċernata, u mhux matul il-karriera tiegħu, din id-dispożizzjoni, li fiha jintuża l-preżent tal-indikattiv u li tikkonċerna element tar-remunerazzjoni ta’ dan l-uffiċjal imħallsa kull xahar, kienet bilfors tiġi redatta b’mod differenti, hekk kif il-Qorti Ġenerali semmiet ġustament fil-punt 45 tas-sentenza appellata. |
40 |
Għalhekk, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex limitata li tagħmel riferiment għad-data tad-“dħul fil-kariga” tal-persuna kkonċernata biss sabiex tiġi evalwata s-sodisfazzjon tat-tieni kundizzjoni, ukoll negattiva, ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-assenza ta’ residenza abitwali jew ta’ attività professjonali fit-territorju tal-Istat tal-post ta’ impjieg tal-persuna kkonċernata matul il-“perijodu ta’ referenza ta’ ħames snin” li jiskadi sitt xhur qabel din id-data. Għall-kuntrarju, mingħajr ebda dubju sar riferiment għal din l-istess data sabiex tiġi eżaminata l-osservanza tal-ewwel kundizzjoni, li tgħid li l-uffiċjal ikkonċernat ma għandux ikollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat. |
41 |
Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-istruttura ta’ dan l-artikolu jikkorroboraw l-analiżi li din l-ewwel kundizzjoni, dwar l-assenza ta’ nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg, ma hijiex limitata għan-nazzjonalità li l-uffiċjal ikkonċernat kellu qabel id-dħul fil-kariga tiegħu. |
42 |
Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan l-anness, id-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni jista’ jingħata wkoll lill-uffiċjali “li huma jew kienu ċittadini” tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni. Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-allowance tal-espatrijazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi anness, tingħata biss lill-uffiċjal li “m’huwiex u qatt ma kien ċittadin ta’ l-Istat li huwa impjegat fit-territorju tiegħu” u li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra previsti sabiex jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni. Għalhekk, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tissuġġerixxi li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza jew l-assenza ta’ nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tal-uffiċjal ikkonċernat tirrigwarda unikament in-nazzjonalità ta’ dan l-uffiċjal fid-data tad-dħul fil-kariga tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
43 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istruttura tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(3) ta’ dan l-anness, l-uffiċjal li, biż-żwieġ, awtomatikament akkwista, mingħajr il-possibbiltà li jirrinunzjaha, in-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ impjieg tiegħu, “ikun ittrattat” bħal dak imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi anness. Dan l-Artikolu 4(3), inkluż fir-Regolamenti tal-Persunal wara li ngħataw is-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1975, Airola vs Il‑Kummissjoni (21/74, EU:C:1975:24), u tal‑20 ta’ Frar 1975, Van den Broeck vs Il‑Kummissjoni (37/74, EU:C:1975:25), għalhekk jinnewtralizza l-effetti tal-kisba awtomatika, permezz taż-żwieġ, tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tal-uffiċjal ikkonċernat meta dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jirrinunzjaha. |
44 |
Issa, l-Artikolu 4(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jitlef l-effett utli li kieku d-dispożizzjoni li għaliha jirreferi kellha tirrigwarda biss il-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tal-uffiċjal ikkonċernat qabel id-dħul fil-kariga ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, peress li l-għan tal-Artikolu 4(3) ta’ dan l-anness huwa, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jiġi evitat li uffiċjal ma jiġix irtirat lilu d-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni mill-amministrazzjoni wara l-kisba, permezz ta’ żwieġ, tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu mingħajr il-possibbiltà ta’ rinunzja, din id-dispożizzjoni, bħall-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li għalih tirreferi, għandha tapplika anki meta din in-nazzjonalità tkun inkisbet wara d-dħul fil-kariga tal-persuna kkonċernata. |
45 |
Barra minn hekk, jekk jintlaqgħu l-ilmenti tal-appellant imressqa kontra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, mogħtija fis-sentenza appellata, dan ikun ifisser, fil-każ li l-uffiċjal ikkonċernat jikseb in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu wara d-dħul tiegħu fil-kariga, li n-nazzjonalità ta’ oriġini ta’ dan l-uffiċjal titqies bħala l-unika “nazzjonalità effettiva” tiegħu, ħaġa li ġiet espressament miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1979, Devred vs Il‑Kummissjoni (257/78, EU:C:1979:294, punt 14). |
46 |
Ċertament, l-integrazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat fl-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, wara d-dħul fil-kariga tiegħu, hija irrilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa minnu wkoll li, kif iddeċidiet repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, l-allowance tal-espatrijazzjoni hija intiża sabiex tikkumpensa l-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mid-dħul fil-kariga fi ħdan istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-uffiċjali li huma, minħabba f’hekk, obbligati jibdlu r-residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, C‑452/93 P, EU:C:1994:332, punt 20, u d-digriet tas‑6 ta’ Lulju 2021, Karpeta-Kovalyova vs Il‑Kummissjoni, C‑717/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:542, punt 4). |
47 |
Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jfissrux li, minkejja li l-kundizzjoni dwar in-nazzjonalità tal-uffiċjal ikkonċernat hija prevista biss b’mod sekondarju (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1981, Vutera vs Il‑Kummissjoni, 1322/79, EU:C:1981:6, punt 6), l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha neċessarjament tinjora avvenimenti, bħal bidla ta’ nazzjonalità, li sseħħ wara d-dħul fil-kariga tal-uffiċjal ikkonċernat. |
48 |
Huwa wkoll minnu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-ispejjeż u l-iżvantaġġi li jirriżultaw mid-dħul fil-kariga fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jippersistu għall-uffiċjali, li, bħall-appellant, matul il-karriera, ikunu kisbu volontarjament in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom. |
49 |
Xorta jibqa’ l-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal ma jinjorawx tali sitwazzjoni, peress li l-allowance tal-espatrijazzjoni ma tintilifx awtomatikament għall-futur f’każ bħal dan. Fil-fatt, minkejja l-bidla sostanzjali tas-sitwazzjoni personali tal-uffiċjal ikkonċernat li hija kkawżata mill-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, ir-Regolamenti tal-Persunal jippermettu lil dan l-uffiċjal li jżomm, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-benefiċċju ta’ tali allowance, mhux iktar abbażi tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tagħhom, iżda skont l-Artikolu 4(1)(b) tiegħu. |
50 |
Għalkemm huwa minnu, hekk kif isostni l-appellant u kif barra minn hekk enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma interpretati mill-qorti tal-Unjoni b’mod iktar restrittiv minn dawk tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tiegħu, għandu jiġi rrilevat li l-appellant madankollu ma fformula ebda kritika fir-rigward ta’ tali differenza, u lanqas ma jilmenta quddiem il-Qorti Ġenerali li ma laqgħetx, fil-punti 125 sa 127 tas-sentenza appellata, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li kien qajjem, sussidjarjament, fl-ewwel istanza. |
51 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali interpretat ġustament l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li uffiċjal li, wara d-dħul fis-servizz tiegħu, jikseb in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, jitlef, għall-futur, il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni li kienet ingħatatlu abbażi tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimplika li d-dritt għall-ħlas ta’ din l-allowance ta’ dan l-uffiċjal għandu jiġi eżaminat mill-ġdid mill-amministrazzjoni, hekk kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat fil-punt 52 tas-sentenza appellata. |
52 |
Isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq id‑diskriminazzjoni mhux iġġustifikata li tirriżulta mill‑applikazzjoni mill‑Qorti Ġenerali tal‑Artikolu 4(1)(b) tal‑Anness VII tar‑Regolamenti tal‑Persunal
L‑argumenti tal‑partijiet
53 |
L-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx korrettament l-argument li huwa kien invoka fl-ewwel istanza, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali li kienu kisbu, wara d-dħul fil-kariga tagħhom, in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom, hija diskriminatorja. |
54 |
Fil-fehma tal-appellant, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx korrettament, minn naħa, is-sitwazzjonijiet differenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk id-diskriminazzjoni li kellha tidentifika setgħetx tkun oġġettivament iġġustifikata. |
55 |
Fid-dawl tal-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni, l-appellant isostni li l-uffiċjali li jiksbu n-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom matul il-karriera u l-uffiċjali li kellhom din in-nazzjonalità fid-data tad-dħul fis-servizz tagħhom, kif identifikati fil-punti 87 u 89 tas-sentenza appellata, jikkostitwixxu żewġ kategoriji ta’ uffiċjali distinti ħafna. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali huma fil-fatt affettwati b’mod differenti mit-tneħħija mill-post ta’ oriġini tagħhom. |
56 |
Issa, il-Qorti Ġenerali, fl-ebda stadju tal-analiżi tagħha, ma ttrattat l-eżistenza tal-imsemmija żewġ kategoriji ta’ uffiċjali u lanqas ma kkunsidrat il-konsegwenzi ta’ trattament identiku tagħhom. Il-Qorti Ġenerali sempliċement assimilat b’mod żbaljat, fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata, il-kategorija tal-uffiċjali li kienu kisbu n-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom wara d-dħul fil-kariga tagħhom ma’ dik tal-uffiċjali li kellhom, jew kellhom preċedentement, din in-nazzjonalità qabel id-dħul fil-kariga tagħhom. |
57 |
Kieku l-Qorti Ġenerali kienet iddistingwixxiet l-istess żewġ kategoriji ta’ uffiċjali, hija kienet ikkonstatat li, abbażi tal-“finzjoni” adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża, dawn kienu ttrattati bl-istess mod u kienu suġġetti għall-istess “preżunzjoni stretta” tal-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib mal-post ta’ impjieg matul l-għaxar snin qabel id-dħul fil-kariga tagħhom, preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutata biss billi tintwera l-assenza ta’ kwalunkwe perijodu ta’ residenza abitwali fl-Istat tal-post ta’ impjieg tal-uffiċjal ikkonċernat matul dawn l-għaxar snin. |
58 |
Skont l-appellant, is-sentenza appellata hija għalhekk ivvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-kategorija tal-uffiċjali li ma kisbux in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom qabel jew matul l-imsemmija għaxar snin hija suġġetta inġustament għal din il-“preżunzjoni stretta”. |
59 |
L-appellant iżid, fir-replika, li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandhomx jirriżultaw minn “finzjoni”, li tikkonsisti fil-fatt li l-bidla ta’ nazzjonalità tal-uffiċjal ikkonċernat titqies li sseħħ retroattivament fid-data tad-dħul fis-servizz tal-persuna kkonċernata. Tali approċċ ma jagħmel l-ebda sens, peress li jwassal sabiex jiġi vverifikat, għall-għoti tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni, jekk dan l-uffiċjal kisirx, matul l-istess għaxar snin, kull rabta mal-Istat li tiegħu huwa ma kellux in-nazzjonalità. Issa, bħala definizzjoni, rabta li ma kinitx teżisti ma tistax tiġi miksura. |
60 |
Barra minn hekk, din il-“finzjoni” timplika “ċaqliq tal-kategoriji”. Fi kliem ieħor, bi tweġiba għall-argument tal-appellant dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, “ittrasferixxiet lill-appellant minn kategorija għal oħra”. Issa, skont l-appellant, ebda lment ta’ diskriminazzjoni ma jista’ jirnexxi kieku kien possibbli, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li tinbidel b’mod fittizzju kategorizzazzjoni sabiex titneħħa d-differenza fit-trattament bejn il-kategoriji kkonċernati. |
61 |
Fil-fehma tal-appellant, id-differenza fit-trattament hekk enfasizzata ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li fuqu huwa bbażat l-għoti tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni, minkejja li dan l-għan kien tfakkar korrettament fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza appellata. |
62 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li, hekk kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, l-allowance tal-espatrijazzjoni hija intiża li titħallas matul it-tul kollu tal-eżerċizzju tal-kariga huwa irrilevanti. Mingħajr ma jikkontesta l-eżattezza ta’ din l-affermazzjoni, l-appellant jallega li għandha ssir distinzjoni bejn it-tgawdija ta’ vantaġġ tar-Regolamenti tal-Persunal u l-bażi legali li hija fl-oriġini tiegħu. Peress li d-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni ġie stabbilit abbażi taċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu matul il-perijodu ta’ qabel id-dħul fil-kariga tal-uffiċjal ikkonċernat, hija l-evalwazzjoni ta’ dan il-perijodu kif ukoll id-deċiżjoni dwar ir-rifjut li jingħata d-dritt għall-ħlas ta’ din l-allowance li taw lok għad-diskriminazzjoni. Il-punt 86 tas-sentenza appellata huwa barra minn hekk inkoerenti mad-dikjarazzjoni magħmula, b’mod partikolari, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-imsemmija allowance titħallas sabiex tiġi kkumpensata t-tneħħija tal-persuna kkonċernata mill-post ta’ oriġini tagħha, li tippersisti matul il-karriera tal-uffiċjal ikkonċernat. |
63 |
Billi naqset milli tanalizza l-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni meta eżaminat l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Barra minn hekk, l-eżami tal-istatistiki kkomunikati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imwettaq fil-punti 93 sa 97 tas-sentenza appellata, huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti mill-perspettiva ġuridika. |
64 |
Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta ma applikatx l-Artikolu 1d(5) tar-Regolamenti tal-Persunal u li, konsegwentement, iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tissodisfa l-obbligu li tiġġustifika kull differenza fit-trattament. |
65 |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
66 |
Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Alvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-espatrijazzjoni titħallas “għall-uffiċjali li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit-territorju jinsab il-post fejn huma impjegati iżda li matul l-għaxar snin li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz jgħixu barra t-territorju Ewropew ta’ dak l-Istat għal raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali”. |
68 |
Konsegwentement, meta uffiċjal “għandu jew kellu” in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, huwa għandu, sabiex jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni, jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
69 |
Ċertament, fil-każ ta’ uffiċjal li, bħall-appellant, ikun volontarjament kiseb in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu matul il-karriera, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet twassal sabiex jiġi vverifikat, kif ġustament jindika l-appellant, jekk, matul il-perijodu ta’ għaxar snin li ppreċeda d-dħul fis-servizz tal-persuna kkonċernata, huwa kienx jirrisjedi abitwalment barra mit-territorju Ewropew ta’ dan l-Istat. |
70 |
Fil-fatt, l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedi ebda sitwazzjoni oħra li fiha uffiċjal li għandu jew kellu n-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, fis-sens tal-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, għandu d-dritt li jikseb il-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
71 |
Fid-dawl ta’ dan, minn naħa, hekk kif dan ġie ppreċiżat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-appellant ma jikkontestax l-evalwazzjoni, li tinsab fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li tgħid li, fir-rigward tal-uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom, il-fatt li fih ikunu żammew jew stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom, anki jekk għal żmien qasir ħafna matul il-“perijodu ta’ referenza deċennali”, huwa biżżejjed sabiex iwassal għar-rifjut jew għat-telf tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
72 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dritt tiegħu li jibbenefika minn din l-allowance, l-appellant ġie assimilat mal-uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom biss mid-data li fiha huwa stess kiseb, b’mod volontarju, din in-nazzjonalità u mhux qabel din id-data. |
73 |
Madankollu, l-appellant jallega li, anki b’effett mill-imsemmija data, huwa jinsab f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ uffiċjal li għandu, saħansitra qabel id-dħul fis-servizz tiegħu, in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, sa fejn il-post ta’ oriġini tiegħu jibqa’ stabbilit fl-Iskozja. |
74 |
Tali argument jinjora li, filwaqt li, skont l-Artikolu 7(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-post ta’ oriġini tal-uffiċjal ikkonċernat huwa stabbilit fid-data tar-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata u li l-bidla ta’ dan il-post tista’ sseħħ, waqt li l-persuna kkonċernata tkun fil-kariga, b’mod eċċezzjonali biss, fuq talba debitament motivata ta’ dan tal-aħħar, l-għoti tad-dritt għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni jissodisfa kriterji differenti u li dan id-dritt għandu, fl-ipoteżi ta’ bidla sostanzjali fiċ-ċirkustanzi li jseħħu wara d-dħul fil-kariga tal-persuna kkonċernata, jiġi eżaminat mill-ġdid mill-amministrazzjoni, indipendentement mit-talba tiegħu. |
75 |
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-iffissar u l-bidla tal-post ta’ oriġini huma konsegwentement irrilevanti sabiex issir distinzjoni oġġettiva bejn is-sitwazzjoni tal-appellant u dik ta’ uffiċjal ieħor li għandu jew kellu n-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu qabel id-dħul fis-servizz tiegħu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
76 |
Għaldaqstant, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dritt tiegħu li jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni u hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, l-unika kategorija ta’ uffiċjali li magħha l-appellant jista’ jiġi oġġettivament ipparagunat, wara n-naturalizzazzjoni Belġjana tiegħu, hija dik tal-uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità Belġjana. |
77 |
Fil-fatt, wara n-naturalizzazzjoni tiegħu fl-Istat fejn huwa impjegat, li l-appellant jitkompla jiġi assimilat, kif jallega dan tal-aħħar, mal-uffiċjali li ma għandhomx u li qatt ma kellhom in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, iwassal sabiex jiġu injorati l-kategoriji konkreti stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan l-Anness VII, fosthom dik imsemmija fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi anness. |
78 |
Is-sitwazzjoni tal-appellant hija, b’mod definittiv, paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjal li, minkejja li kellu l-possibbiltà li jagħmel użu mill-fakultà li jirrinunzja n-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, miksub awtomatikament wara ż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadin ta’ dan l-Istat, ikun volontarjament iddeċieda li jżomm din in-nazzjonalità, li jwassal sabiex għal dan l-uffiċjal jiġu applikati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1979, Devred vs Il‑Kummissjoni, 257/78, EU:C:1979:294, punti 12 u 14). |
79 |
Għaldaqstant, il-fatt li l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jiġix applikat għas-sitwazzjoni tal-appellant sa mid-data li fiha dan kiseb in-nazzjonalità Belġjana jwassal sabiex dan jiġi ttrattat, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod iktar favorevoli mill-uffiċjali li, minkejja li setgħu jirrinunzjaw għan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom, miksuba awtomatikament permezz taż-żwieġ, kienu għamlu l-għażla li jżommu din in-nazzjonalità jew, hekk kif osservat il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li jiġu ttrattati b’mod iktar favorevoli miċ-ċittadini Belġjani sa mit-twelid, li daħlu fil-kariga f’istituzzjoni tal-unjoni li s-sede tagħha tinsab fil-Belġju, li kellhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stretti imposti f’din id-dispożizzjoni sabiex jibbenefikaw mill-allowance tal-espatrijazzjoni tul il-karriera kollha tagħhom. |
80 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni personali ta’ uffiċjal, bħal dik tal-appellant, skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, mid-data li fiha l-persuna kkonċernata kisbet in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħha, ma jimplikax awtomatikament l-irtirar tad-dritt tagħha għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni għall-futur. Fil-fatt, wara tali eżami mill-ġdid, dan l-uffiċjal jieqaf jirċievi din l-allowance biss jekk jiġi kkonstatat li rrisjeda b’mod abitwali fit-territorju Ewropew ta’ dan l-Istat matul il-perijodu tal-għaxar snin li ppreċeda d-dħul tiegħu fil-kariga. |
81 |
Issa, għalkemm l-appellant, matul il-proċedura kontenzjuża kollha, qatt ma allega li huwa ma kienx effettivament irrisjeda abitwalment fil-Belġju, tal-inqas, għal parti mill-“perijodu ta’ referenza deċennali”, jidher li, b’mod ġenerali, it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ser tiġi ssodisfatta iktar faċilment minn uffiċjal innaturalizzat matul il-karriera tiegħu milli minn uffiċjal li għandu n-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu sa mit-twelid tiegħu jew li jkun kisibha qabel id-dħul tiegħu fil-kariga u li minn dan jista’ jiġi preżunt li kellu diversi rabtiet stretti ma’ dan l-Istat. |
82 |
Għaldaqstant, billi kkonkludiet, essenzjalment, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-appellant kellu, sabiex ikompli jibbenefika mill-allowance tal-espatrijazzjoni mid-data li fiha huwa kien volontarjament kiseb in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu, jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħal kull uffiċjal li għandu din in-nazzjonalità, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
83 |
Isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, peress li ebda wieħed mill-aggravji mqajma insostenn tal-appell ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
85 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
86 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
87 |
F’dan il-każ, peress li l-appellant tilef, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet tagħha. |
88 |
Skont l-Artikolu 184(4) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
89 |
F’dan il-każ, peress li l-Kunsill, intervenjent fl-ewwel istanza, mingħajr ma kien l-awtur tal-appell, ipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.