SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Bank Ċentrali nazzjonali – Direttiva 2001/24/KE – Riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – Artikolu 123 TFUE u Artikolu 21.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro – Artikolu 130 TFUE u Artikolu 7 ta’ dan il-protokoll – Indipendenza – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali

Fil-Kawża C‑45/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Banka Slovenije,

fil-preżenza ta’:

Državni zbor Republike Slovenije

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, M. Safjan, A. Kumin, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Banka Slovenije, minn J. Žitko, bħala aġent,

għall-Gvern Sloven, minn J. Morela u N. Pintar Gosenca, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude, B. Rous Demiri u A. Steiblytė, bħala aġenti,

għall-Bank Ċentrali Ewropew, minn A. Grosu, K. Kaiser u C. Kroppenstedt, bħala aġenti, assistiti minn G. Pajek, odvetnik,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati waqt is-seduta tal‑31 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 123 u 130 TFUE, tal-Artikoli 7 u 21 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE”), tal-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għat-teħid tar-responsabbiltà tal-Banka Slovenije (il-Bank Ċentrali tas-Slovenja) għal danni kkawżati bit-tneħħija ta’ ċerti strumenti finanzjarji u l-aċċess għal ċerta informazzjoni relatata ma’ din it-tneħħija, miżmuma minn dan il-bank ċentrali.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament (KE) Nru 3603/93

3

It-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat‑13 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli [123 TFUE] u [125(1) TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 27), hija fformulata kif ġej:

“Billi t-termini ‘faċilitajiet ta’ overdraft’ u ‘tipi oħra ta’ faċilitajiet ta’ kreditu’ wżati fl-Artikolu [123 TFUE] għandhom jiġu definiti, partikolarment b’riferenza għall-mod kif jiġu ittrattati d-domandi li kienu jeżistu fl‑1 Jannar 1994”.

4

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu [123 TFUE]:

a)

‘faċilitajiet ta’ overdraft’: tfisser kull provvista ta’ fondi lis-settur pubbliku li tirriżulta jew x'aktarx li tirriżulta fi żbilanċ (ta’ dejn);

b)

‘kull tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu’ tfisser:

i)

kull pretensjoni kontra s-settur pubbliku li teżisti fl‑1 ta’ Jannar 1994, minbarra pretensjonijiet ta’ maturità fissa akkwistata qabel din id-data;

ii)

kull finanzjament ta’ l-obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi;

iii)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 104(2) tat-Trattat, kull negozju mas-settur pubbliku li tirriżulta jew li x’aktarx tirriżulta fi pretensjoni kontra dak is-settur.”

Id‑Direttiva 2000/12/KE

5

Il-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272), kien jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

[...]

4)

‘awtoritajiet kompetenti’: għandha tfisser l-awtoritajiet nazzjonali li huma awtorizzati bil-liġi jew b’regolament li jwettqu superviżjoni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu”.

Id‑Direttiva 2001/24/KE

6

Skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15):

“L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l-prattiċi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta’ l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tkun aworizzat.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

‘awtoritajiet kompetenti’ għandha tfisser l-awtoritajiet kompetenti fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1, il-punt (4) tad-Direttiva [2000/12];

[...]”

8

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/24 jipprovdi:

“L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew iżjed f’istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.”

9

L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuni kollha meħtieġa li jirċievu jew jagħtu informazzjoni konnessa mal-proċeduri ta’ informazzjoni jew konsultazzjoni provduti fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 11 u 19 għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali skond ir-regoli u l-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2000/12/KE, bl-eċċezzjoni ta’ kull awtorità gudizzjarja li għalihom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti.”

Id‑Direttiva 2006/48

10

Il-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48 kien jippreċiża:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

4)

‘awtoritajiet kompetenti’: tfisser l-awtoritajiet nazzjonali li huma awtorizzati bil-liġi jew b’regolament biex iwettqu superviżjoni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.”

11

L-Artikolu 44(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-awdituri jew l-esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li huma jistgħu jirċievu fil- kors tad-doveri tagħhom ma tkun tista’ tiġi żvelata lil ebda persuna jew awtorità, ħlief f’forma ta’ sommarju jew kollettiva, hekk li l-istituzzjonijiet individwali ma jistgħux ikunu identifikati, bla ħsara għal każi koperti bil-liġi kriminali.

Madankollu, meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun sfurazata għax-xoljiment, informazzjoni kunfidenzjali li ma tkunx tikkonċerna partijiet terzi involuti fi sforz biex isalvaw din l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tkun żvelata fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali.”

12

L-Artikoli 45 sa 52 tal-imsemmija direttiva kienu jistabbilixxu sensiela ta’ regoli li jirregolaw l-użu, l-iskambju, it-trażmissjoni u l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva.

13

Għalhekk, l-Artikolu 158 tad-Direttiva 2006/48 huwa redatt kif ġej:

“1.   Id-Direttiva [2000/12] kif emendata bid-Direttivi stabbiliti fl-Anness XIII, il-Parti A, hija b’hekk imħassra bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ l-imsemmija Direttivi elenkati fl-Anness XIII, il-Parti B.

2.   Ir-referenzi għad-Direttivi imħassra għandhom jinftehmu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XIV.”

Id‑Direttiva 2013/36

14

Il-punt 36 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

36)

‘awtorità kompetenti’ tfisser awtorità kompetenti kif definita fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2)]”.

15

L-Artikolu 53(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, u l-awdituri jew l-esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, għandhom jintrabtu bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

Informazzjoni kunfidenzjali li tali persuni, awdituri jew esperti jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom tista’ tiġi żvelata biss f’forma sommarja jew aggregata, hekk li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali ma jistgħux ikunu identifikati, bla preġudizzju għall-każijiet koperti bid-dritt kriminali.

Madankollu, meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun soġġetta għal stralċ b’mod obbligatorju, l-informazzjoni kunfidenzjali li ma tkunx tikkonċerna lill-partijiet terzi involuti f'tentattivi ta’ salvataġġ ta’ din l-istituzzjoni ta' kreditu tista’ tiġi żvelata fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali.”

16

L-Artikoli 54 sa 62 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu sensiela ta’ regoli li jirregolaw l-użu, l-iskambju, it-trażmissjoni u l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva.

17

L-Artikolu 163 tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi:

“Id-Direttivi [2006/48] u 2006/49/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital ta’ kumpaniji ta’ l-investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mil-ġdid) (ĠU 2006, L 177, p. 201),] għandhom jitħassru b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.

Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u r-Regolament [Nru 575/2013] u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness II ta’ din id-Direttiva u fl-Anness IV tar-Regolament [Nru 575/2013].”

Ir‑Regolament Nru 575/2013

18

Il-punt 40 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

40)

‘awtorità kompetenti’ tfisser awtorità pubblika jew korp rikonoxxut uffiċjalment mid-dritt nazzjonali, li jingħataw is-setgħa mid-dritt nazzjonali li jissorveljaw istituzzjonijiet bħala parti mis-sistema ta' superviżjoni li tkun operattiva fl-Istat Membru kkonċernat”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

19

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2016, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja) qieset kompatibbli mal-Kostituzzjoni Slovena dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jawtorizzaw lill-Bank Ċentrali tas-Slovenja jħassar ċerti strumenti finanzjarji meta istituzzjoni ta’ kreditu tirriskja li tfalli u li thedded is-sistema finanzjarja fl-intier tagħha. Min-naħa l-oħra, din il-qorti kkonstatat lakuna li tmur kontra l-Kostituzzjoni Slovena, minħabba l-assenza, fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ta’ regoli proċedurali speċjali li jikkonċernaw l-azzjonijiet għal kumpens li jistgħu jiġu ppreżentati minn detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji mħassra.

20

Sabiex tiġi rrimedjata din il-lakuna, id-Državni zbor Republike Slovenije (l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja) adottat iż-zakon o postopku sodnega in izvensodnega varstva nekdanjih imetnikov kvalificanih obveznosti (il-Liġi dwar il-Proċedura għall-Protezzjoni Legali Ġudizzjarja u Extraġudizzjarja ta’ Ex Detenturi ta’ Dejn Bankarju Kkwalifikat, iktar ’il quddiem iż-“ZPSVIKOB), li tistabbilixxi regoli intiżi sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lid-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji mħassra mill-Bank Ċentrali tas-Slovenja)

21

Il-Bank Ċentrali tas-Slovenja ressaq talba għal stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ diversi dispożizzjonijiet taż-ZPSVIKOB u ta’ dispożizzjoni taż-zakon o bančništvu (il-Liġi Bankarja) billi sostna, b’mod partikolari, li r-regoli stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tat-teħid tar-responsabbiltà tiegħu u tal-aċċess għal informazzjoni li dan kien iżomm kienu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont iż-ZPSVIKOB, ir-responsabbiltà tal-Bank Ċentrali tas-Slovenja għal danni kkawżati mit-tħassir ta’ ċerti strumenti finanzjarji tista’ tiġi kkonfermata fil-kuntest ta’ żewġ sistemi distinti u alternattivi.

23

Minn naħa, din ir-responsabbiltà tista’, bħala prinċipju, tiġi kkonfermata meta jiġi stabbilit li t-tneħħija ta’ strument finanzjarju ma kinitx tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex jiġi evitat il-falliment tal-bank ikkonċernat u li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew li l-prinċipju li ebda kreditur ma jista’ jkun iktar żvantaġġat ħlief f’każ ta’ falliment ikun ġie miksur. Madankollu, l-imsemmija responsabbiltà tista’ tiġi kkonfermata biss jekk il-Bank Ċentrali tas-Slovenja ma jistabbilixxix li huwa stess jew li l-persuni li kien awtorizza jaġixxu f’ismu kienu aġixxew bid-diliġenza meħtieġa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li tali tħassir iseħħ fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi li teżiġi evalwazzjoni malajr ta’ problematiċi kumplessi.

24

Min-naħa l-oħra, il-persuni fiżiċi li kienu detenturi preċedenti ta’ strument finanzjarju mħassar u li d-dħul annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell jistgħu jiksbu mill-Bank Ċentrali tas-Slovenja l-ħlas ta’ kumpens ta’ ammont ekwivalenti għal 80 % tal-prezz imħallas max-xiri ta’ dan l-istrument finanzjarju, fil-limitu ta’ ammont massimu ta’ EUR 20000.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-kopertura tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sistemi ta’ responsabbiltà stabbiliti miż-ZPSVIKOB, din tal-aħħar tipprevedi li l-profitti magħmula mill-Bank Ċentrali tas-Slovenja mill‑1 ta’ Jannar 2019 għandhom jitħallsu f’riżervi speċjali ddedikati għal din il-kopertura. Jekk dawn ir-riżervi speċjali kellhom jirriżultaw insuffiċjenti għal dan il-għan, il-Bank Ċentrali tas-Slovenja għandu juża sa 50 % tar-riżervi ġenerali tiegħu, u sussegwentement, jekk l-użu ta’ dawn tal-aħħar kellu wkoll jirriżulta insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-imsemmija kopertura, dan ikollu jissellef is-somom neċessarji mill-awtoritajiet Sloveni.

26

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn is-sistemi ta’ responsabbiltà mal-Artikolu 123 TFUE u mal-Artikolu 21 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, inkwantu r-responsabbiltà meħuda mill-Bank Ċentrali tas-Slovenja minflok awtoritajiet Sloveni tista’ tiġi assimilata ma’ forma ta’ finanzjament ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali li jirriżulta mill-Artikolu 130 TFUE u mill-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

27

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li ż-ZPSVIKOB tipprevedi regoli dwar l-iżvelar ipso iure, lil-lanjanti potenzjali kollha u lir-rappreżentanti tagħhom, ta’ ċerti dokumenti kunfidenzjali li ntużaw sabiex jiġi deċiż li jitħassru strumenti finanzjarji kif ukoll dwar il-pubblikazzjoni ta’ numru iktar limitat ta’ tali dokumenti. Issa, din tindika li għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mad-dispożizzjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-Direttivi 2006/48 u 2013/36.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 123 TFUE u l-Artikolu 21 tal-Protokoll [dwar is-SEBC u l-BĊE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bank ċentrali nazzjonali li huwa membru tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali [(SEBĊ)] jġarrarb responsabbiltà li jħallas kumpens mir-riżorsi tiegħu stess lil detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li kienu ġew imħassra permezz ta’ deċiżjoni ta’ dan il-bank ċentrali fl-eżerċizzju tas-setgħa legali tiegħu stess li jadotta miżuri straordinarji fl-interess pubbliku sabiex jipprevjeni theddid għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fil-każ li waqt proċeduri legali sussegwenti jirriżulta li, fil-kuntest tat-tħassir [ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji], kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju li ebda detentur ta’ strument finanzjarju ma għandu jitqiegħed f’pożizzjoni agħar minn dik li kien ikun fiha li kieku l-miżura straordinarja ma kinitx ġiet adottata, fejn, f’dan il-kuntest, il-bank ċentrali nazzjonali[, minn naħa,] huwa responsabbli: għad-dannu li seta’ jipprevedi mill-fatti u miċ-ċirkustanzi kif kienu fil-mument tad-deċiżjoni tiegħu u li kien ħa inkunsiderazzjoni jew li kellu jieħu inkunsiderazzjoni, u[, min-naħa l-oħra,] għad-dannu li jirriżulta mill-aġir ta’ individwi li, fl-eżerċizzju ta’ tali setgħat tal-bank ċentrali, aġixxew abbażi ta’ struzzjonijiet tiegħu fejn, f’dan il-kuntest, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom jew li misshom kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom fid-dawl tas-setgħat mogħtija, dawk l-individwi ma aġixxewx bid-diliġenza ta’ espert prudenti?

2)

L-Artikolu 123 TFUE u l-Artikolu 21 tal-Protokoll [dwar is-SEBC u l-BĊE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bank ċentrali nazzjonali li huwa membru tas-[SEBC] [i]ħallas kumpens finanzjarju individwali mir-riżorsi tiegħu stess lil xi wħud mid-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li kienu tħassru (skont il-kriterju tas-sitwazzjoni patrimonjali) minħabba t-tħassir ta’ [strumenti finanzjarji] deċiż mill-bank fl-eżerċizzju tas-setgħa legali tiegħu stess li jadotta miżuri straordinarji fl-interess pubbliku sabiex jipprevjeni theddid għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fejn, f’dan il-kuntest, id-dritt għal kumpens jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-istrument finanzjarju tħassar, irrispettivament minn jekk kienx hemm ksur tal-prinċipju li ebda detentur ta’ strument finanzjarju ma għandu, bħala riżultat ta’ miżura straordinarja, jitqiegħed f’pożizzjoni agħar minn dik li kien ikun fiha li kieku l-miżura straordinarja ma kinitx ġiet adottata?

3)

L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll [dwar is-SEBC u l-BĊE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bank ċentrali nazzjonali jiġi obbligat iħallas kumpens għal dannu li jirriżulta mill-eżerċiżżju tas-setgħat legali tiegħu f’ammonti li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-bank li jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv? F’dan il-kuntest, sabiex jiġi stabbilit jekk inkisirx il-prinċipju ta’ indipendenza finanzjarja tal-bank ċentrali nazzjonali, huma rilevanti l-kundizzjonijiet legal li taħthom tiġġarrab tali responsabbiltà?

4)

L-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva [2013/36] jew l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva [2006/48], li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn iż-żewġ direttivi jiggarantixxu wkoll il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja tal-banek sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fejn it-theddid għas-solvenza u għal-likwidità tal-banek ma setax jiġi eliminat permezz ta’ miżuri normali ta’ superviżjoni prudenzjali u fejn tali miżuri kienu meqjusa bħala miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva [2001/24]?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għar-raba’ domanda, l-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva [2013/36] jew l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva [2006/48], li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-protezzjoni li huma jagħtu, id-Direttiva [2013/36], li hija d-direttiva sussegwenti, hija applikabbli anki fir-rigward tal-informazzjoni miksuba jew iġġenerata matul il-perijodu meta kienet tapplika d-Direttiva [2006/48], fejn tali informazzjoni għandha tiġi żvelata matul il-perijodu meta tapplika d-Direttiva [2013/36]?

6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għar-raba’ domanda], l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva [2013/36] (jew l-ewwel subparagrafu tal-Arikolu 44(1) tad-Direttiva [2006/48], skont ir-risposta tad-domanda preċedenti) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-bank ċentrali nazzjonali fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità ta’ sorveljanza li saret informazzjoni pubblika ċertu żmien wara li nħolqot, jew l-informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet professjonali iżda li għandha ħames snin jew iktar u li, minħabba ż-żmien li għadda, bħala prinċipju hija meqjusa bħala informazzjoni storika li ma għadhiex kunfidenzjali, ma tibqax informazzjoni kunfidenzjali li għaliha japplika l-obbligu tas-sigriet professjonali? Fil-każ ta’ informazzjoni storika li għandha ħames snin jew iktar, iż-żamma tal-kunfidenzjalità tiddependi fuq jekk il-kunfidenzjalità tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet differenti minn dik tas-sitwazzjoni kummerċjali tal-banek li qegħdin taħt sorveljanza jew dik ta’ impriżi oħra?

7)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għar-raba’ domanda], it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva [2013/36] (jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva [2006/48], skont ir-risposta għad-domanda (e)) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dokumenti kunfidenzjali li ma jikkonċernawx it-terzi involuti fit-tentattivi ta’ salvataġġ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu iżda li huma legalment rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-qorti fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja ċivili għal danni kontra l-awtorità ta’ sorveljanza prudenzjali kompetenti għandhom jiġu żvelati awtomatikament, diġà qabel il-bidu ta’ proċeduri ġudizzjarji, mingħajr ma l-ewwel tkun stabbilita proċedura speċifika għad-determinazzjoni każ b’każ tan-natura ġustifikata tal-iżvelar ta’ kull dokument individwali lil kull wieħed mid-destinatarji, u mingħajr ibbilanċjar tal-interessi kuntrarji f’kull każ individwali, u dan anki fil-każ ta’ informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma ġewx iddikjarati falluti jew li ma humiex fi stralċ obbligatorju iżda li rċevew għajnuna mill-Istat fi proċedura li fiha tħassru strumenti finanzjarji miżmuma minn azzjonisti jew minn kredituri subordinati tal-istituzzjonijiet finanzjarji?

8)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għar-raba’ domanda], it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva [2013/36] (jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva [2006/48], skont ir-risposta [għall-ħames domanda], għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-pubblikazzjoni fuq sit tal-internet, b’mod aċċessibbli għal kulħadd, ta’ dokumenti kunfidenzjali jew estratti ta’ dokumenti kunfidenzjali li ma jikkonċernawx lil terzi involuti fit-tentattivi ta’ salvataġġ ta’ istituzzjoni finanzjarja iżda li huma legalment rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-qorti f’azzjoni ġudizzjarja ċivili għal danni kontra l-awtorità ta’ sorveljanza prudenzjali kompetenti, fil-każ li dawn id-dokumenti jkun fihom informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma ġewx iddikjarati falluti jew li ma humiex fi stralċ obbligatorju iżda li rċevew għajnuna mill-Istat fi proċedura li fiha tħassru l-istrumenti finanzjarji miżmuma minn azzjonisti jew minn kredituri subordinati tal-istituzzjonijiet finanzjarji, fejn tkun prevista l-oskurazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kollha qabel il-pubblikazzjoni tagħha fuq l-internet?”

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fuq it‑talba għal applikazzjoni tal‑proċedura mħaffa

29

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tirrileva li hija biss l-applikazzjoni taż-ZPSVIKOB li tista’, fl-istat attwali tal-ordinament ġuridiku Sloven, tippermetti lid-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji mħassra li jiksbu kumpens u li l-azzjonijiet għal kumpens ippreżentati minnhom kienu ġew sospiżi sakemm tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Minħabba f’hekk, l-integrità tas-suq tat-titoli hija mhedda u numru kbir ta’ persuni huma, għal iktar minn sitt snin, imċaħħda minn rimedju effettiv sabiex jiddefendu d-dritt għall-proprjetà tagħhom. Barra minn hekk, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u l-prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li tiġi rrimedjata inċertezza dwar l-interpretazzjoni ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt kostituzzjonali Sloven.

31

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

32

F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fid‑9 ta’ Frar 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

33

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-mard komprensiva), C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, l-interess tal-partijiet fil-kawża, ċertament leġittimu, li tiġi stabbilita kemm jista’ jkun malajr il-portata tad-drittijiet li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 105(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact, C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, is-sensittività ekonomika ta’ kawża jew l-interessi ekonomiċi kkonċernati, daqstant importanti u leġittimi li jkunu, ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw, waħedhom, l-użu tal-proċedura mħaffa prevista fl-imsemmi Artikolu 105 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact, C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-numru sinjifikattiv ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-domandi magħmula lanqas ma jista’, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għalkemm kien ġie deċiż li, meta kawża tqajjem inċertezzi serji li jirrigwardaw kwistjonijiet fundamentali tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun neċessarju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ tali kawża, li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, konformement mal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-fatt li l-kawża prinċipali hija determinanti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja tad-dritt għall-proprjetà tad-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji mħassra ma huwiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ħafna ta’ din il-kawża, ta’ natura li jiġġustifika tali trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Tobba speċjalisti mħarrġa), C‑590/20, EU:C:2022:150, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Bl-istess mod, għalkemm l-applikazzjoni ta’ proċedura mħaffa tista’ tkun neċessarja sabiex titneħħa inċertezza li tista’ tostakola l-funzjonament tas-SEBĊ (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 2018, BĊE vs Il-Latvja, C‑238/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:488, punt 14), l-eżistenza ta’ tali inċertezza ma tistax tiġi kkonstatata f’dan il-każ, peress li d-domandi magħmula huma intiżi biss sabiex jiddeterminaw il-konsegwenzi ta’ atti adottati mill-Bank Ċentrali tas-Slovenja fil-kuntest ta’ politika nazzjonali speċifika u li l-funzjonament tas-SEBĊ għalhekk ma huwiex ostakolat sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-kawża prinċipali.

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

38

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2022, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

39

Insostenn ta’ din it-talba, il-BĊE jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali. Dan isostni b’mod partikolari li dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “obbligi tas-settur pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 3603/93, li jkollha konsegwenzi sinjifikattivi għall-organizzazzjoni ġenerali tal-politika ekonomika u monetarja, u li l-partijiet ma kellhomx il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar dan il-punt waqt is-seduta.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema Dixxiplinari tal-Imħallfin)C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 41).

41

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas ma hija marbuta bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għal dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema Dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 42).

42

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed.

43

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, hija għandha, fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi, peress li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi tas-settur pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 3603/93, kienet b’mod partikolari ġiet indirizzata b’mod wiesa’ bejn il-partijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

44

Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-SEBĊ, huwa responsabbli, bil-fondi tiegħu stess, għad-danni mġarrba minn detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li jkun ħassar skont miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali, meta jidher matul proċedura ġudizzjarja sussegwenti, li:

minn naħa, jew dan it-tħassir ma kienx neċessarju sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jew li dawn id-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji ssubixxew, minħabba l-imsemmi tħassir, telf iktar sinjifikattiv minn dak li kienu jissubixxu f’każ ta’ falliment tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernta u

min-naħa l-oħra, l-imsemmi bank ċentrali ma jistabbilixxix li huwa stess jew il-persuni li kien awtorizza li jaġixxu f’ismu aġixxew bid-diliġenza meħtieġa fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi li teħtieġ evalwazzjoni malajr ta’ problematiċi kumplessi.

45

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 282(1) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 14.3 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jirriżulta li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri jikkostitwixxu s-SEBĊ, peress li dawn il-banek ċentrali nazzjonali jagħmlu parti integrali minn din is-sistema. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, japplikaw il-politika monetarja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE), C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 79).

46

Minbarra dan, konformement mal-Artikolu 9.2 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, il-kompiti mogħtija lis-SEBĊ għandhom jitwettqu jew mill-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali.

47

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, bħal dawk li jaqgħu taħt is-sistema ta’ responsabbiltà msemmija fl-ewwel domanda, ma tikkostitwixxix kompitu li jaqa’, skont id-dritt tal-Unjoni, fuq is-SEBĊ, b’mod ġenerali, jew fuq il-banek ċentrali nazzjonali, b’mod partikolari.

48

Fil-fatt, tali kompitu ma huwiex fost in-numru ta’ kompiti fundamentali li jaqgħu taħt is-SEBĊ, elenkati fl-Artikolu 127(2) TFUE u fl-Artikolu 3.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, jiġifieri li tiġi ddefinita u implimentata l-politika monetarja tal-Unjoni, li jitwettqu tranżazzjonijiet ta’ kambju konformement mal-Artikolu 219 TFUE, li jinżammu in depożitu u jiġu amministrati r-riżervi barranin uffiċjali tal-kambju tal-Istati Membri, kif ukoll li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ ħlas.

49

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2001/24 ġiet adottata abbażi tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern, b’mod iktar partikolari dik li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġewwa l-Unjoni, u mhux taħt il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja.

50

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 127(5) TFUE u l-Artikolu 3.3 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jipprevedu li s-SEBĊ tikkontribwixxi għat-twettiq tajjeb tal-politiki mwettqa fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu b’mod ċar li dawn il-politiki ma humiex immexxija mis-SEBĊ stess, iżda mill-“awtoritajiet kompetenti”.

51

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2 u mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/24, moqrija flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12, applikabbli fid-data tal-fatti rilevanti fil-kawża prinċipali, jirriżulta li l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jagħżlu l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi. Konsegwentement, din l-awtorità ma kinitx neċessarjament, f’din id-data, il-Bank Ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat.

52

Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, is-SEBĊ tirrappreżenta, fid-dritt tal-Unjoni kostruzzjoni ġuridika oriġinali li tassoċja u toħloq kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, jiġifieri l-banek ċentrali nazzjonali, kif ukoll istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-BĊE, u li fi ħdanha jipprevalu struttura differenti u distinzjoni inqas ċara bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi interni. F’din is-sistema integrata ħafna, mixtieqa mill-awturi tat-Trattati għas-SEBĊ, il-banek ċentrali nazzjonali, kif ukoll il-gvernaturi tagħhom, għandhom status ibridu, sa fejn jikkostitwixxu kemm awtoritajiet nazzjonali kif ukoll awtoritajiet li jaġixxu fil-kuntest tas-SEBĊ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE), C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 83).

53

F’dan il-kuntest, konformement mal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet differenti minn dawk speċifikati f’dan il-protokoll, sakemm il-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidix li dawn il-funzjonijiet jinterferixxu mal-għanijiet u mal-kompiti tas-SEBĊ.

54

Meta l-leġiżlatur ta’ Stat Membru jattribwixxi tali funzjoni lill-bank ċentrali ta’ dan l-Istat Membru, din il-funzjoni għandha, skont din id-dispożizzjoni, tiġi eżerċitata taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u għar-riskju proprju ta’ dan il-bank ċentrali.

55

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-modalitajiet konkreti għat-teħid tar-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali, inkluż meta jeżerċita funzjoni li kienet ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali, il-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE sempliċement jistabbilixxi, fl-Artikolu 35.3 tiegħu, li din ir-responsabbiltà hija ddeterminata skont dan id-dritt.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu tista’ tiġi kkonfermata minħabba l-implimentazzjoni, minnu, ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, fil-każ fejn dan l-Istat Membru jkun iddeċieda, bħar-Repubblika tas-Slovenja, li jaħtar dan il-bank ċentrali bħala l-awtorità kompetenti sabiex timplimenta tali miżura.

57

Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li fih jinsab l-Artikolu 123 ta’ dan it-trattat, kif ukoll mill-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema Dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 56).

58

Barra minn hekk l-Artikolu 131 TFUE u l-Artikolu 14.1 ta’ dan il-protokoll jeħtieġu espliċitament li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi statuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, tkun kompatibbli mat-Trattati u mal-isemmi protokoll.

59

Fost ir-regoli li huma imposti, f’dan ir-rigward, fuq l-Istati Membri hemm, b’mod partikolari, l-Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li jirrigwardaw l-ewwel domanda.

60

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 123(1) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali li jagħtu faċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu lill-awtoritajiet u lill-organi pubbliċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll li jixtru direttament, minn għandhom, strumenti ta’ debitu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 102). Din il-projbizzjoni hija kkonfermata mill-ġdid fl-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid tar-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali, bil-fondi tiegħu stess, minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjoni li ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali ma jistax manifestament jiġi kklassifikat bħala xiri dirett tal-istrumenti ta’ debitu ta’ organu pubbliku.

62

It-termini “faċilità ta’ overdraft” u “tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu” użati fl-Artikolu 123 TFUE huma, min-naħa tagħhom, hekk kif tindika t-tieni premessa tar-Regolament Nru 3603/93, ippreċiżati minn dan ir-regolament.

63

L-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi għalhekk li t-terminu “faċilità ta’ overdraft” jirreferi, għall-finijiet tal-Artikolu 123 TFUE, għal kull provvista ta’ fondi lis-settur pubbliku li tirriżulta jew x’aktarx li tirriżulta fi żbilanċ (ta’ dejn).

64

Peress li leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda ma timplikax li jiġi kkostitwit, a karigu ta’ bank ċentrali nazzjonali żbilanċ (ta’ dejn) favur is-settur pubbliku, din ma tistax, għaldaqstant, titqies bħala li twassal għall-għoti ta’ faċilità ta’ overdraft, fis-sens tal-Artikolu 123(1) TFUE, lill-awtoritajiet jew lill-organi pubbliċi.

65

L-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 3603/93 jiddefinixxi t-termini “tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu”, għall-finijiet tal-Artikolu 123 TFUE, bħala li jkopru kull kreditu kontra s-settur pubbliku li jeżisti fl‑1 ta’ Jannar 1994, kull finanzjament tal-obbligi tas-settur pubbliku fil-konfront ta’ terzi jew, bla ħsara għall-Artikolu 123(2) TFUE, kull tranżazzjoni mas-settur pubbliku li tirriżulta jew li x’aktarx tirriżulta fi kreditu kontra dak is-settur.

66

Ċertament, l-ewwel u t-tielet kategorija msemmija f’dan l-Artikolu 1(1)(b) ma jistgħux ikopru t-teħid tar-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali, bil-fondi tiegħu stess, minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjoni li ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali, peress li t-teħid ta’ din ir-responsabbiltà la jimplika l-eżistenza ta’ kreditu ta’ dan il-bank ċentrali fuq is-settur pubbliku eżistenti fl‑1 ta’ Jannar 1994, u lanqas ta’ tranżazzjoni bejn l-imsemmi bank ċentrali u s-settur pubbliku li twassal jew li tista’ twassal għal kreditu kontra dak is-settur.

67

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li t-teħid tal-imsemmija responsabbiltà jista’ jitqies bħala li jwassal għall-finanzjament ta’ obbligu tas-settur pubbliku fir-rigward ta’ terzi, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(1)(b)(ii) sa fejn dan iwassal lill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat sabiex jassumi obbligi fir-rigward ta’ terzi li jistgħu eventwalment jaqgħu fuq is-settur pubbliku.

68

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi eskluż mill-bidu li t-teħid ta’ tali responsabbiltà għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi, fi kwalunkwe ċirkustanza, finanzjament ta’ obbligu tas-settur pubbliku fir-rigward tal-persuni li fil-konfront tagħhom din ir-responsabbiltà hija meħuda.

69

Fil-fatt, kieku l-awturi tat-Trattati kienu qiesu li t-teħid tar-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjoni li ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali kien, fi kwalunkwe każ, inkompatibbli mal-Artikolu 123(1) TFUE, huma ma kinux jipprevedu espliċitament, fl-Artikolu 14.4 u fl-Artikolu 35.3 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li tali funzjonijiet huma eżerċitati mill-banek ċentrali nazzjonali taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u għar-riskju tagħhom stess, taħt kundizzjonijiet iddefiniti mid-dritt nazzjonali.

70

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 123(1) TFUE tmur kontra d-diversità tal-prattiki nazzjonali f’dan il-qasam, li l-awturi tat-Trattati kellhom l-intenzjoni li jippreżervaw billi jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

71

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, meta tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali, mhux biss minħabba l-fatt li dan eżerċita funzjoni li ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali u li ma taqax taħt is-SEBĊ, iżda minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, minn dan il-bank ċentrali, tar-regoli imposti fuqu f’dan il-kuntest, il-kumpens ta’ terzi li jkunu sofrew dannu jikkostitwixxi l-konsegwenza tal-aġir tal-imsemmi bank ċentrali, u mhux it-teħid ta’ responsabbiltà ta’ obbligu diġà eżistenti fil-konfront ta’ terzi li jaqa’ fuq l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra.

72

Fit-tielet lok, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 1(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 3603/93, li huwa intiż sabiex jippreċiża l-portata tal-Artikolu 123(1) TFUE, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din it-tieni dispożizzjoni, jiġifieri li l-Istati Membri jiġu mħeġġa josservaw politika baġitarja b’saħħitha billi jevitaw li finanzjament monetarju tad-defiċit pubbliku jew aċċess ipprivileġġat tal-awtoritajiet pubbliċi għas-swieq finanzjarji jwassal għal dejn eċċessiv jew għal defiċit eċċessiv tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 100, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 107).

73

Issa, fl-applikazzjoni ta’ sistema li fiha t-teħid tar-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali jirriżulta mill-ksur, minnu, ta’ regoli li jfasslu l-eżerċizzju ta’ funzjoni li ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali, il-finanzjament effettiv ta’ obbligi fil-konfront ta’ terzi minn dan il-bank ċentrali nazzjonali ma jistax normalment jitqies bħala li jirriżulta direttament minn miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra tal-Istat Membru kkonċernat. Bħala prinċipju, tali finanzjament ma jistax għalhekk jiġi analizzat bħala li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu nfiq billi jevitaw it-tħeġġiġ għall-osservanza ta’ politika baġitarja b’saħħitha li tirriżulta mill-Artikolu 123(1) TFUE.

74

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, sistema li fiha r-responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali tittieħed meta dan jew il-persuni li jkun awtorizza aġixxu f’ismu stess ma jkunux konformi mal-obbligu ta’ diliġenza li kien ġie impost fuqhom mid-dritt nazzjonali, fl-eżerċizzju ta’ funzjoni attribwita lil dan il-bank ċentrali minn dan id-dritt, ma tistax, bħala prinċipju, titqies bħala li timplika finanzjament ta’ obbligi tas-settur pubbliku fir-rigward ta’ terzi.

75

Madankollu, fid-dawl tal-livell għoli ta’ kumplessità u ta’ urġenza li jikkaratterizza l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/24, tali sistema ta’ responsabbiltà ma tistax tiġi applikata għad-danni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri minn bank ċentrali nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza li huwa akkużat bih ikun ta’ natura serja. Fil-każ kuntrarju, dan iwassal, fir-realtà, sabiex fuq dan il-bank ċentrali tiġi imposta l-parti essenzjali tar-riskji finanzjarji inerenti għal din l-implimentazzjoni u, għaldaqstant, jimponi fuq l-imsemmi bank ċentrali, bi ksur tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju, li jieħu responsabbiltà għal, minflok awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru kkonċernat, il-finanzjament effettiv ta’ obbligi fir-rigward ta’ terzi li jistgħu jirriżultaw mill-għażliet ta’ politika ekonomika magħmula minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi.

76

Il-fatt li, f’sistema ta’ responsabbiltà bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, l-oneru tal-prova dwar l-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza jaqa’ fuq il-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat, pjuttost milli fuq ir-rikorrenti, ma huwiex determinanti, għall-finijiet tal-Artikolu 123(1) TFUE u tal-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, sa fejn dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jżomm, fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà, għal dan il-bank ċentrali nazzjonali, li jevita r-responsabbiltà tiegħu billi jipprova li ma kisirx dan l-obbligu b’mod serju.

77

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-BĊE li l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ kumpens tad-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji, meta dawn id-detenturi jkunu sofrew telf ikbar minn dak li jkunu sofrew f’każ ta’ falliment tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, b’tali mod li sistema nazzjonali li abbażi tagħha r-responsabbiltà ta’ bank ċentrali tista’, parzjalment, toriġina minn tali telf, timplika neċessarjament finanzjament minn dan il-bank ċentrali ta’ obbligi tas-settur pubbliku fil-konfront ta’ terzi.

78

Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 17(1) ma jimponix l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ responsabbiltà li jiżguraw kumpens sistematiku lid-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li jkunu sofrew tali telf (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punti 6162).

79

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-SEBĊ, huwa responsabbli, bil-fondi tiegħu stess, għad-danni mġarrba minn detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li jkun ħassar b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali meta, waqt proċedura ġudizzjarja sussegwenti, ikun jidher li jew dan it-tħassir ma kienx neċessarju sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jew li dawn id-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji sofrew, minħabba l-imsemmi tħassir, telf iktar sinjifikattiv minn dak li kienu jġarrbu f’każ ta’ falliment tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, sa fejn l-imsemmi bank ċentrali jitqies responabbli biss meta huwa stess jew il-persuni li jkun awtorizza li jaġixxu f’ismu jkunu aġixxew bi ksur serju tal-obbligu ta’ diliġenza tagħhom.

Fuq it‑tieni domanda

80

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-SEBĊ, huwa responsabbli, bil-fondi tiegħu stess, f’limiti stabbiliti preċedentement, għal danni mġarrba minn detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li huwa ħassar b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali, unikament bil-kundizzjonijiet li:

minn naħa, dawn id-detenturi preċedenti jkunu persuni fiżiċi li għandhom dħul annwali inferjuri minn livell iddefinit minn din il-leġiżlazzjoni, u

min-naħa l-oħra, l-imsemmija detenturi preċedenti jirrinunzjaw li jiksbu kumpens għal dawn id-danni permezz ta’ rimedju ġuridiku ieħor.

81

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 47 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li sistema ta’ responsabbiltà bħal dawk imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda tikkontribwixxi sabiex jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ funzjoni differenti minn dawk imposti fuq is-SEBĊ, mogħtija lil bank ċentrali nazzjonali mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

82

Madankollu, is-sistema ta’ responsabbiltà msemmija fl-ewwel domanda hija differenti minn dik imsemmija fit-tieni domanda, b’mod partikolari sa fejn din l-aħħar sistema tinkludi obbligu, għall-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat, li jikkumpensa ċerti detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji mħassra minnu sempliċement minħabba dan it-tħassir, anki jekk jiġi stabbilit li dan il-bank ċentrali kien ikkonforma ruħu kompletament mar-regoli imposti fuqu f’dan ir-rigward, b’mod partikolari billi aġixxa b’diliġenza.

83

Għalhekk, sistema ta’ responsabbiltà bħal dik imsemmija fit-tieni domanda tiżgura, sabiex jintlaħaq għan ta’ natura soċjali, kumpens tal-konsegwenzi inevitabbli tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bank ċentrali nazzjonali b’konformità mal-għażliet applikati mil-leġiżlatur nazzjonali fid-definizzjoni tal-funzjonijiet tiegħu.

84

Għalkemm huwa possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali li jiggarantixxi, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, tali kumpens, sabiex jiġi evitat li l-effetti tal-politiki mwettqa bil-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ma jimponux piż eċċessiv fuq persuni fiżiċi bi dħul modest, għandu jiġi kkonstatat li dan għalhekk jistabbilixxi obbligu ta’ ħlas li joriġina direttament mill-għażliet politiċi magħmula minn dan il-leġiżlatur, u mhux mill-mod kif il-bank ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu kif ukoll fl-għażliet tiegħu stess li dan tal-aħħar iwettaq f’dan il-kuntest.

85

Il-ħlas, bil-fondi tiegħu stess, ta’ tali kumpens mill-bank ċentrali nazzjonali għandu, għaldaqstant, jitqies bħala li jwassal lil dan tal-aħħar li jieħu responsabbiltà, minflok awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru kkonċernat, mill-finanzjament ta’ obbligi li jaqgħu fuq is-settur pubbliku skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

86

Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 53 sa 68 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE jipprekludu l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà ta’ bank ċentrali nazzjonali, bil-fondi tiegħu stess, minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjoni li ġiet attribwita lilu mid-dritt nazzjonali, meta l-applikazzjoni ta’ din is-sistema ta’ responsabbiltà timplika l-finanzjament ta’ obbligu tas-settur pubbliku fir-rigward tal-persuni li fil-konfront tagħhom din ir-responsabbiltà hija meħuda.

87

Il-fatt li tali sistema ta’ responsabbiltà tapplika biss fil-limitu ta’ ċerti limiti massimi huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti, sa fejn minn dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jirriżulta li l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju li tirriżulta minnhom hija suġġetta għall-ammont ta’ dan il-finanzjament.

88

Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Sloven li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 86 ta’ din is-sentenza għandha tiġi skartata minħabba l-fatt li s-sistemi ta’ responsabbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ffinanzjati abbażi ta’ sempliċi modifika tat-tqassim tal-profitti annwali tal-Bank Ċentrali tas-Slovenja, li jimplika tnaqqis, jew tħassir, tal-parti ta’ dawn il-profitti li għandhom jitħallsu lura lir-Repubblika tas-Slovenja, peress li dan it-tqassim jirriżulta mill-kompetenzi tal-leġiżlatur nazzjonali.

89

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li din tirrigwarda sistemi ta’ responsabbiltà li l-finanzjament tagħhom huwa żgurat mhux biss minn tali tqassim tal-profitti, iżda wkoll, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ imposta fuq ir-riżervi ġenerali tal-Bank Ċentrali tas-Slovenja, jew saħansitra permezz ta’ self tiegħu mir-Repubblika tas-Slovenja, u għalhekk bil-fondi proprji ta’ dan il-bank ċentrali.

90

Konsegwentement, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-SEBĊ, huwa responsabbli, bil-fondi tiegħu stess, f’limiti stabbiliti preċedentement, għal danni mġarrba minn detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li huwa ħassar b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali, unikament bil-kundizzjonijiet li:

minn naħa, dawn id-detenturi preċedenti jkunu persuni fiżiċi li għandhom dħul annwali inferjuri minn livell iddefinit minn din il-leġiżlazzjoni, u

min-naħa l-oħra, l-imsemmija detenturi preċedenti jirrinunzjaw li jiksbu kumpens għal dawn id-danni permezz ta’ rimedju ġuridiku ieħor.

Fuq it‑tielet domanda

91

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-SEBĊ, huwa responsabbli għad-danni kkawżati mit-tħassir ta’ strumenti finanzjarji, b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali, għal ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu u ffinanzjat, b’ordni ta’ prijorità, minn:

l-allokazzjoni għal riżervi speċjali tal-profitti kollha magħmula mill-imsemmi bank ċentrali b’effett minn data speċifika;

imposta fuq ir-riżervi ġenerali tal-istess bank ċentrali li ma tistax taqbeż 50 % ta’ dawn ir-riżervi, u

self, flimkien mal-interessi, mingħand l-Istat Membru kkonċernat.

92

Preliminarjament, mir-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi preliminari jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 130 TFUE u tal-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li hija s-suġġett tat-tielet domanda preliminari, hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali biss fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà msemmija fl-ewwel waħda minn dawn id-domandi, sa fejn din is-sistema tippermetti lill-Bank Ċentrali tas-Slovenja li jevita r-responsabbiltà tiegħu billi jipprova li ma kisirx b’mod serju l-obbligu ta’ diliġenza li għandu fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

93

Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li l-awturi tat-Trattat KE, u sussegwentement tat-Trattat FUE kellhom l-intenzjoni li jiggarantixxu li l-BĊE u s-SEBĊ jistgħu jissodisfaw il-kompiti fdati lilhom b’mod indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94

Il-manifestazzjoni prinċipali ta’ din ir-rieda tinsab fl-Artikolu 130 TFUE, riprodott essenzjalment fl-Artikolu 7 tal-Istatut dwar is-SEBĊ u l-BĊE, li jipprojbixxi b’mod espliċitu, minn naħa, lill-BĊE, lill-banek ċentrali nazzjonali u lill-membri tal-korpi ta’ deċiżjoni tagħhom milli jitolbu jew milli jaċċettaw istruzzjonijiet mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, mill-gvernijiet tal-Istati Membri jew minn kwalunkwe organu ieħor u, min-naħa l-oħra, lill-imsemmija istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri, milli jfittxu li jinfluwenzaw il-membri tal-korpi ta’ deċiżjoni tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

Ċertament, fir-rigward tal-istatus ibridu tal-banek ċentrali nazzjonali, imfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ indipendenza ta’ dawn il-banek ċentrali ma japplikax neċessarjament bl-istess mod meta dawn iwettqu kompitu li jaqa’ taħt is-SEBĊ u meta jeżerċitaw funzjoni li ma taqax taħt din tal-aħħar li kienet ġiet attribwita lilhom mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, bħal dik li tirrigwarda t-tielet domanda.

96

Barra minn hekk, peress li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, dan l-Artikolu14.4 jipprevedi li l-banek ċentrali nazzjonali jeżerċitaw tali funzjoni taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u għar-riskju tagħhom stess, l-istituzzjoni ta’ sistema li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom għad-danni kkawżati waqt l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni ma tistax, bħala tali, titqies li hija inkompatibbli mal-indipendenza ta’ dawn il-banek ċentrali.

97

Madankollu, ir-regoli nazzjonali stabbiliti għal dan il-għan ma jistgħux, mingħajr ma jinkisru l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE, iqiegħdu lill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat f’sitwazzjoni li tikkomprometti, bi kwalunkwe mod, il-kapaċità tiegħu li jwettaq b’mod indipendenti kompitu li jaqa’ taħt is-SEBĊ.

98

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-BĊE, l-awturi tat-Trattati pprevedew b’mod partikolari, fit-tielet sentenza tal-Artikolu 282(3) TFUE, li dan huwa indipendenti fl-amministrazzjoni tal-finanzi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punti 130132).

99

Għalkemm huwa minnu li la t-Trattat FUE u lanqas il-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE ma jistabbilixxu regola ekwivalenti fir-rigward tal-banek ċentrali nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-kompiti fundamentali tas-SEBĊ, li fosthom hemm, konformement mal-Artikolu 127(2) TFUE u mal-Artikolu 3.1. ta’ dan il-protokoll, id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, huma imposti, permezz tas-SEBĊ, mhux biss fuq il-BĊE, iżda wkoll fuq il-banek ċentrali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE), C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 80).

100

Issa, sabiex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, il-kostituzzjoni ta’ riżervi mill-banek ċentrali nazzjonali tidher indispensabbli, b’mod partikolari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jikkumpensaw telf eventwali li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ politika monetarja u jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ previsti fl-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE.

101

F’dan il-kuntest, imposta fuq ir-riżervi ġenerali ta’ bank ċentrali nazzjonali, ta’ ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu skont is-SEBĊ, flimkien ma’ inkapaċità li jirrikostitwixxi dawn ir-riżervi b’mod awtonomu, minħabba allokazzjoni sistematika tal-profitti kollha tiegħu għar-rimbors tad-dannu li huwa kkawża, hija ta’ natura li tqiegħed lil dan il-bank ċentrali f’sitwazzjoni ta’ dipendenza fir-rigward tal-awtoritajiet politiċi tal-Istat Membru li jaqa’ taħtu.

102

Fil-fatt, f’każ bħal dan, sabiex ikollu l-fondi neċessarji sabiex iwettaq sew il-kompiti tiegħu skont is-SEBĊ, l-imsemmi bank ċentrali jkun kostrett jitlob il-kunsens ta’ dawn l-awtoritajiet politiċi sabiex jikseb finanzjament jew rikapitalizzazzjoni.

103

Bl-istess mod, l-impożizzjoni, f’tali ċirkustanzi, fuq bank ċentrali nazzjonali ta’ obbligu legali li jieħu self mingħand awtoritajiet pubbliċi oħra tal-Istat Membru li jaqa’ taħtu, meta sorsi ta’ finanzjament marbuta ma’ riżervi jkunu eżawriti, tqiegħdu f’sitwazzjoni li fiha huwa għandu, sabiex ikun jista’ jissodisfa l-kompiti tiegħu taħt is-SEBĊ, jinnegozja ma’ dawn l-awtoritajiet pubbliċi l-ammont ta’ tali self kif ukoll il-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett.

104

Leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fit-tielet domanda għalhekk tqiegħed lill-bank ċentrali nazzjonali kkonċernat f’sitwazzjoni li fiha huwa potenzjalment espost għal pressjonijiet politiċi, filwaqt li l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE huma intiżi, għall-kuntrarju, sabiex iħarsu lis-SEBĊ minn kull pressjoni politika sabiex tkun tista’ ssegwi b’mod effettiv l-għanijiet assenjati għall-kompiti tagħha, permezz tal-eżerċizzju indipendenti tas-setgħat speċifiċi li hija għandha għal dan il-għan skont id-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk l-Istat Membru li jkun stabbilixxa sistema ta’ responsabbiltà tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda jkun iggarantixxa minn qabel li dan il-bank ċentrali jkollu fondi neċessarji sabiex ikun f’pożizzjoni li jħallas il-kumpens li jirriżulta minn din is-sistema, filwaqt li jżomm il-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi u b’indipendenza sħiħa l-kompiti tiegħu li jaqgħu taħt is-SEBĊ. Madankollu, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dan huwa l-każ.

106

Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar is-SEBĊ u l-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-SEBĊ, huwa responsabbli għad-danni kkawżati mit-tħassir ta’ strumenti finanzjarji, b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali, għal ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu u ffinanzjat, b’ordni ta’ prijorità, minn:

l-allokazzjoni għal riżervi speċjali tal-profitti kollha magħmula mill-imsemmi bank ċentrali b’effett minn data speċifika;

imposta fuq ir-riżervi ġenerali tal-istess bank ċentrali li ma tistax taqbeż 50 % ta’ dawn ir-riżervi, u

self, flimkien mal-interessi, mingħand l-Istat Membru kkonċernat.

Fuq ir‑raba’ domanda

107

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48 jew l-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-regoli li huma jistabbilixxu huma applikabbli għal informazzjoni miksuba jew iġġenerata waqt l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

108

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/48 kien jistabbilixxi obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ kunfidenzjalità li kienu imposti fuq il-persuni kollha li jeżerċitaw jew li eżerċitaw attività għall-awtoritajiet kompetenti, fis-sens ta’ din id-direttiva, kif ukoll fuq l-awdituri u l-esperti li jaġixxu f’isem dawn l-awtoritajiet kompetenti.

109

L-Artikoli 45 sa 52 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu sensiela ta’ regoli li jirregolaw l-użu, l-iskambju, it-trażmissjoni u l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-imsemmija awtoritajiet kompetenti.

110

Il-punt 4 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva kien jippreċiża li, għall-finijiet tagħha, b’ “awtoritajiet kompetenti” kienet tfisser l-awtoritajiet nazzjonali li huma awtorizzati bil-liġi jew b’regolament biex iwettqu superviżjoni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

111

L-obbligi msemmija fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/48, essenzjalment, ġew riprodotti fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36, li ħassret, kif jindika l-Artikolu 163 tagħha, id-Direttiva 2006/48 b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.

112

L-Artikoli 54 sa 62 tad-Direttiva 2013/36 jiddefinixxu r-regoli li jfasslu l-użu, l-iskambju, it-trażmissjoni u l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, fis-sens ta’ din id-direttiva.

113

Il-punt 36 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” b’riferiment għas-sens mogħti lil dan il-kunċett fil-punt 40 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, li jirreferi għal awtorità pubblika li tingħata s-setgħa, skont id-dritt nazzjonali, li tissorvelja l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kuntest tas-sistema ta’ superviżjoni li tkun operattiva fl-Istat Membru kkonċernat.

114

Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-obbligi previsti fl-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48 u fl-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36 japplikaw għall-awtoritajiet mogħtija, mid-dritt nazzjonali, funzjoni ta’ superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

115

Fil-każ fejn awtorità nazzjonali tiġi fdata mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru mhux biss din il-funzjoni, iżda wkoll funzjonijiet oħra li ma jaqgħux taħt id-Direttivi 2006/48 jew 2013/36, l-obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ kunfidenzjalità previsti minn dawn id-direttivi ma jistgħux, mingħajr ma jmorru lil hinn mill-kamp tal-armonizzazzjoni mwettqa minn dawn id-direttivi, jiġu imposti fuq informazzjoni li tkun inkisbet jew iġġenerata fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet l-oħra.

116

Isegwi, fl-ewwel lok, li r-regoli stabbiliti fl-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48 u fl-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36 japplikaw biss, skont id-dritt tal-Unjoni, għall-informazzjoni miksuba jew iġġenerata fl-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ kontroll tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

117

Issa, ir-raba’ domanda ma tirrigwardax tali informazzjoni iżda, b’mod esklużiv, informazzjoni li nkisbet jew iġġenerata waqt l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, li ma taqax taħt is-superviżjoni prudenzjali rregolata mid-Direttivi 2006/48 u 2013/36.

118

Madankollu, fit-tieni lok, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/24 jipprevedi wkoll obbligu ta’ sigriet professjonali, billi jirreferi għar-regoli u għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2000/12.

119

Dan ir-riferiment għandu jinftiehem, skont l-Artikolu 158(2) tad-Direttiva 2006/48, moqri flimkien mat-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 163 tad-Direttiva 2013/36, moqri flimkien mat-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II ta’ din id-direttiva, bħala li jirreferi għall-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48, u sussegwentement għall-Artikoli 53 sa 61 tad-Direttiva 2013/36, skont id-data kkunsidrata.

120

Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/24 jirriżulta li dan jimponi l-osservanza ta’ obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ kunfidenzjalità biss fuq il-persuni msejħa sabiex jirċievu jew sabiex jagħtu informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni previsti fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 11 u 19 ta’ din id-direttiva.

121

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, din għandha bħala għan li tistabbilixxi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, mingħajr ma hija intiża li tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39, kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 104).

122

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat mhux bħala li jwettaq armonizzazzjoni ġenerali tar-regoli dwar is-sigriet professjonali u l-kunfidenzjalità applikabbli fil-qasam tar-riorganizzazzjoni bankarja, billi jissuġġettahom għal dawk applikabbli fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet bankarji, iżda bħala li jipprevedi biss l-applikazzjoni ta’ tali regoli fil-kuntest tal-proċeduri ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti intiżi sabiex jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni.

123

Għaldaqstant, dan l-Artikolu 33 ma jistax iwassal għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48 u fl-Artikoli 53 sa 61 tad-Direttiva 2013/36 għal informazzjoni li nkisbet jew iġġenerata waqt l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u li ma kinitx is-suġġett ta’ proċeduri ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni skont id-Direttiva 2001/24.

124

Għalhekk, ir-raba’ domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/24, l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48 kif ukoll l-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-regoli stabbiliti f’dawn l-artikoli ma humiex applikabbli għal informazzjoni miksuba jew iġġenerata waqt l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, li ma kinitx is-suġġett ta’ proċeduri ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni previsti fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 11 u 19 ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

Fuq il‑ħames sat‑tmien domanda

125

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames sat-tmien domanda, peress li dawn saru mill-qorti tar-rinviju fl-ipoteżi li tingħata risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda.

Fuq l‑ispejjeż

126

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L‑Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, huwa responsabbli, bil-fondi tiegħu stess, għad-danni mġarrba minn detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li jkun ħassar b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, ordnati minn dan il-bank ċentrali, meta waqt proċedura ġudizzjarja sussegwenti jkun jidher li jew dan it-tħassir ma kienx neċessarju sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jew li dawn id-detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji sofrew, minħabba l-imsemmi tħassir, telf iktar sinjifikattiv minn dak li kienu jġarrbu f’każ ta’ falliment tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, sa fejn l-imsemmi bank ċentrali jitqies responabbli biss meta huwa stess jew il-persuni li jkun awtorizza li jaġixxu f’ismu jkunu aġixxew bi ksur serju tal-obbligu ta’ diliġenza tagħhom.

 

2)

L‑Artikolu 123(1) TFUE u l-Artikolu 21.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis- Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, huwa responsabbli, bil-fondi tiegħu stess, f’limiti stabbiliti preċedentement, għal danni mġarrba minn detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li huwa ħassar b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali, unikament bil-kundizzjonijiet li:

minn naħa, dawn id-detenturi preċedenti jkunu persuni fiżiċi li għandhom dħul annwali inferjuri minn livell iddefinit minn din il-leġiżlazzjoni, u

min-naħa l-oħra, l-imsemmija detenturi preċedenti jirrinunzjaw li jiksbu kumpens għal dawn id-danni permezz ta’ rimedju ġuridiku ieħor.

 

3)

L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali, li jappartjeni lis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, huwa responsabbli għad-danni kkawżati mit-tħassir ta’ strumenti finanzjarji, b’applikazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, ordnati minn dan il-bank ċentrali, għal ammont li jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħu li jissodisfa b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu u ffinanzjat, b’ordni ta’ prijorità, minn:

l-allokazzjoni għal riżervi speċjali tal-profitti kollha magħmula mill-imsemmi bank ċentrali b’effett minn data speċifika;

imposta fuq ir-riżervi ġenerali tal-istess bank ċentrali li ma tistax taqbeż 50 % ta’ dawn ir-riżervi, u

self, flimkien mal-interessi, mingħand l-Istat Membru kkonċernat.

 

4)

L‑Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/24, l-Artikoli 44 sa 52 tad- Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll l-Artikoli 53 sa 62 tad- Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ir-regoli stabbiliti f’dawn l-artikoli ma humiex applikabbli għal informazzjoni miksuba jew iġġenerata waqt l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24, li ma kinitx is-suġġett ta’ proċeduri ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni previsti fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 11 u 19 ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.