SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artiklu 15(4) – Dispaċċ prijoritarju – Sigurtà fil-provvista – Artiklu 32(1) – Aċċess liberu tat-terzi – Aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni – Direttiva 2009/28/KE – Artiklu 16(2) – Aċċess iggarantit – Artikolu 107(1) TFUE – Artikolu 108(3) TFUE – Għajnuna mill-Istat”

Fil-Kawża C‑179/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, Ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2020, fil-kawża

Fondul Proprietatea SA

vs

Guvernul României,

SC Complexul Energetic Hunedoara SA, fi stralċ

SC Complexul Energetic Oltenia SA,

Compania Narashom ională de Transport al Energiei Elecdece “Transelectrica” SA,

fil-preżenza ta’:

Ministerul Economiei, Energiei și Mediului de Afaceri,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fondul Proprietatea SA, minn C. Dontu, D. Petrache u J. Anghel, avocaţi,

għal SC Complexul Energetic Oltenia SA, minn D. Burlan, V. Bobei, V. Boca u L. Diaconu Pintea,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, L. Nicolae, A. Bouchagiar u K.-Ph. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(3) TFUE u kif ukoll tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Fondul Proprietatea SA u, min-naħa l-oħra, il-Guvernul României (il-Gvern Rumen), SC Complexul Energetic Hunedoara SA, fi stralċ (iktar ’il quddiem “CE Hunedoara”), irrappreżentata mill-amministratur għall-insolvenza tagħha Expert Insolvență SPRL, SC Complexul Energetic Oltenia SA (iktar ’il quddiem “CE Oltenia”), u kif ukoll il-Compania Naţională de Transport al Energiei Electrice “Transelectrica” SA (il-Kumpannija Nazzjonali tat-Trasport tal-Enerġija Elettrika Transelectrica) (iktar ’il quddiem “Transelectrica”), dwar talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Gvern Rumen li tadotta miżuri għas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija elettrika.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/89/KE

3

Fi kliem il-premessa 5 tad-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura (ĠU 2006, L 33, p. 22)

“Fil-promozzjoni ta’ l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, huwa meħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbilità ta’ kapaċità assoċjata ta’ back-up, fejn tkun meħtieġa teknikament, sabiex tinżamm l-affidabbiltà u s-sigurtà tan-network.”

Id-Direttiva 2009/28/KE

4

Il-premessa 60 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal‑enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), kienet tipprovdi:

“L-aċċess ta’ prijorità u l-aċċess garantit għall-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli huma importanti biex sorsi ta’ enerġija rinovabbli jkunu integrati fis-suq intern tal-elettriku, f’konformità mal-Artikolu 11(2) u l-iżvilupp ulterjuri tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/54/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211)]. Ir-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabilità u s-sikurezza tal-grilja [tan-network] u mad-distribuzzjoni jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi tal-grilja nazzjonali u l-operat sikur tagħha. L-aċċess ta’ prijorità għall-grilja jipprovdi assigurazzjoni mogħtija lill-ġeneraturi tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli konnessi li jkunu kapaċi jbiegħu u jittrasmettu l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli skont ir-regoli ta’ konnessjoni f’kull ħin, kull meta s-sors ikun disponibbli. Fil-każ li l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli jkun integrat fis-suq tal-komoditajiet, l-aċċess ta’ garanzija għandu jiżgura li l-elettriku kollu mibjugħ u appoġġat ikollu aċċess għall-grilja, filwaqt li jippermetti l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli minn impjanti konnessi mall-grilja. […]”

5

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għall-grilji [għan-networks] u t-tħaddim tagħhom”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Soġġett għar-rekwiżiti marbuta maż-żamma tal-affidabbiltà u s-sigurtà tal-grilja, fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji ddefiniti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti:

[…]

(b)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll jew għal aċċess prijoritarju jew għal aċċess garantit għas-sistema ta’ grilja tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; […]”

Id-Direttiva 2009/72

6

Il-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2009/72 kienu jipprovdu:

“3)

Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni — inter alia, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi — jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

[…]

(5)

Il-Provvista sigura ta’ elettriku hija ta’ importanza essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea, għall-implimentazzjoni ta’ politika sostenibbli għall-bidla fil-klima, kif ukoll sabiex titkattar il-kompetittivitá fi ħdan is-suq intern. Għal dak il-għan għandhom ikomplu jiġu żviluppati l-interkonnessjonijiet transkonfinali sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-sorsi kollha tal-enerġija bl-iktar prezzijiet kompetittivi kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija f[l-Unjoni Ewropea].”

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija f[l-Unjoni]. […]”

8

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, […]

[…]

(3)

‘trasmissjoni’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u s-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda mhux inkluża l-provvista;

(4)

‘operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni, li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku;

[…]

(16)

‘preċedenza ekonomika’ tfisser il-gradazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-elettriku konformement ma’ kriterji ekonomiċi;

(17)

‘servizzi anċillari’ tfisser is-servizzi kollha meħtieġa għall-operazzjoni tas-sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni;”

9

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 14 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 8, 32 u/jew 34 kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-verità, tal-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-[Unjoni]. L-interessi tal-[Unjoni] jinkludu, inter alia, il-kompetizzjoni fir-rigward tal-klijenti eliġibbli konformement ma’ din id-Direttiva u l-Artikolu [106] tat-Trattat [FUE].”

10

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Dispaċċ u bilanċjar”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-provvista tal-elettriku fuq il-bażi tal-obbligi kuntrattwali, inklużi dawk li jkunu ġejjin mill-ispeċifikazzjonijiet tat-tfiegħ tal-offerti, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu, fejn ikollu din il-funzjoni, jkun responsabbli mid-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fiż-żona tiegħu u biex jiddetermina l-użu ta’ interkonnetturi ma’ sistemi oħra.

2.   Id-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u l-użu ta’ interkonnetturi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ kriterji li għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fejn dawn huma kompetenti u li għandhom ikunu oġġettivi, pubblikati u applikati b’mod nondiskriminatorju li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-qasam tal-elettriku. Il-kriterji għandhom jieħdu kont tal-preċedenza ekonomika tal-elettriku minn istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni disponibbli jew trasferimenti ta’ interkonnetturi kif ukoll ir-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema.

3.   Stat Membru għandu jeħtieġ li l-operaturi tas-sistema jaġixxu bi qbil mal-Artikolu 16 tad-Direttiva [2009/28] meta jsir id-dispaċċ tal-istallazzjonijiet li jużaw l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu. Jista’ wkoll jirrikjedi lill-operatur tas-sistema li jagħti prijorità meta jiddispaċċja l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jipproduċu s-sħana u l-enerġija flimkien.

4.   Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, jagħti istruzzjoni li tingħata prijorità għad-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkunu jużaw sorsi ta’ karburant ta’ enerġija primarja indiġena, sa livell, fi kwalunkwe sena kalendarja, ta’ 15 % tal-enerġija primarja totali meħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku kkunsmat fl-Istat Membru kkonċernat.”

11

L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Aċċess minn parti terza”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi parti għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni bbażat fuq tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom konformement mal-Artikolu 37 u li dawk it-tariffi, u l-metodoloġiji — fejn il-metodoloġiji jkunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.”

Id-dritt Rumen

Il-Liġi Nru 123/2012

12

Il-Legea energiei electrice și a gazelor naturale nr. 123/2012 (il-Liġi Nru 123/2012 dwar l-Elettriku u l-Gass Naturali), tal-10 ta’ Lulju 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 485, tas-16 ta’ Lulju 2012), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 123/2012”), tipprevedi, fl-Artikolu 5(3) tagħha:

“Permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvern, għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku, aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku jista’ jingħata għall-elettriku prodott minn impjanti elettriċi li jużaw karburant nazzjonali, fil-limitu ta’ kwantita annwali ta’ enerġija primarja ta’ 15 % tal-kwantità totali ta’ karburant ekwivalenti neċessarju għall-produzzjoni tal-elettriku neċessarju għall-konsum gross finali tal-pajjiż.”

Id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013

13

L’Hotărârea Guvernului nr. 138/2013 privind adoptarea unor măsuri pentru siguranța alimentării cu energie electrică (d-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 li Tadotta Miżuri għas-Sigurtà fil-Provvista tal-Elettriku), tat‑3 ta’ April 2013(Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 196, tat-8 ta’ April 2013) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 138/2013”), meħuda abbażi tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012, kienet tindika, fl-Artikolu 1 tagħha:

“Jingħata aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku, l-elettriku prodott mill-impjant tal-enerġija termoelettrika ta’ Mintia, proprjetà [ta’ CE Hunedoara], li jiżguralha funzjonament kontinwu b’potenza elettrika medja ta’ mill-inqas 200 MW.”

14

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni:

“Jingħata aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku prodotti [minn CE Oltenia], li jiżguralha funzjonament kontinwu b’potenza elettrika medja ta’ mill-inqas 500 MW.”

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni kien jiddikjara:

“[Transelectrica], bħala operatur tan-networks ta’ trażmissjoni, hija marbuta li tiggarantixxi l-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching tal-elettriku prodott mill-impjanti ta’ enerġija termoelettrika previsti fl-Artikoli 1 u 2 taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni adottata mill-Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei [l-Awtorità Nazzjonali tal-Kontroll tal-Qasam tal-Enerġija].”

16

L-Artikolu 4 ta’ din l-istess deċiżjoni kien jipprovdi:

“Sabiex jinżamm il-livell ta’ sigurtà tas-sistema ta’ elettriku nazzjonali, [CE Hunedoara] għandha l-obbligu li tipprovdi servizzi anċillari lill-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni ta’ potenza elettrika ta’ mill-inqas 400 MW, konformement mal-leġiżlazzjoni adottata mill-Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei [l-Awtorità Nazzjonali tal-Kontroll tal-Qasam tal-Enerġija].”

17

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 138/2013 kien ifformulat kif ġej:

“Sabiex jinżamm il-livell tas-sigurtà tas-sistema ta’ elettriku nazzjonali, [CE Oltenia] għandha l-obbligu li tipprovdi servizzi anċillari lill-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni ta’ potenza elettrika ta’ mill-inqas 600 MW, konformement mal-leġiżlazzjoni adottata mill-l’Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei [l-Awtorità Nazzjonali tal-Kontroll tal-Qasam tal-Enerġija].”

18

L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi:

“Il-miżuri previsti f’din id-deċiżjoni japplikaw mill-15 ta’ April 2013 sal-1 ta’ Lulju 2015.”

19

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 941/2014, it-terminu mogħti sabiex jiġu applikati għal CE Hunedoara l-miżuri previsti fl-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni Nru 138/2013 ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fondul Proprietatea, kumpannija azzjonista minoritarja ta’ S.P.E.E.H. Hidroelectrica SA (iktar ’il quddiem “Hidroelectrica”), ippreżentat quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) azzjoni għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 138/2013, minħabba li, permezz tagħha, ingħatat għajnuna mill-Istat illegali lil CE Hunedoara u lil CE Oltenia, żewġ produtturi tal-elettriku li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja u li l-kapital tagħhom huwa fil-parti l-kbira tiegħu miżmum mill-Istat.

21

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-Deċiżjoni Nru 138/2013 stabbilixxiet serje ta’ miżuri favur dawn iż-żewġ kumpanniji li ġew applikati mill-15 ta’ April 2013 sal-1 ta’ Lulju 2015 għal CE Oltenia sal-31 ta’ Diċembru 2017 għal CE Hunedoara. Qabelxejn, l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni Nru 138/2013 taw aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku għall-elettriku prodott mill-impjanti tal-enerġija termoelettrika ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kontinwu ta’ potenza medja ta’ mill-inqas 200 megawatts (MW) għall-impjant li jappartjeni lil CE Hunedoara u ta’ mill-inqas 500 MW għall-impjant li jappartjeni lil CE Oltenia. Sussegwentement, skont l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, Transelectrica, l-unika operatriċi ta’ network ta’ trażmissjoni, kienet obbligata tiggarantixxi d-dispaċċ prijoritarju tal-elettriku prodott mill-impjanti tal-enerġija termoelettrika ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni stabbilixxew obbligu għal CE Hunedoara u CE Oltenia li jipprovdu lil Transelectrica servizzi anċillari ta’ potenza elettrika ta’ mill-inqas 400 MW u 600 MW rispettivament.

22

Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Marzu 2015, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) ċaħdet l-azzjoni ta’ Fondul Proprietatea. Sussegwentement, din ippreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție – Secția de Contencios Administrativ și Fiscal (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi u Fiskali, ir-Rumanija) li annullat parzjalment is-sentenza appellata, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Mejju 2018, għar-raġuni li l-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) ma kinitx evalwat il-motivi kollha mqajma minn Fondul Proprietatea. L-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) għalhekk bagħtet il-kawża lura quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) sabiex din tal-aħħar teżamina l-imsemmija motivi kollha.

23

Fl-eżami tar-rinviju tal-azzjoni għal annullament quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), Fondul Proprietatea talbet lil dik il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari.

24

Fondul Proprietatea tindika, f’dan ir-rigward, quddiem il-qorti tar-rinviju, li d-Deċiżjoni Nru 138/2013 tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

25

B’mod partikolari, Fondul Proprietatea tirrileva li Transelectrica, kumpannija miżmuma fil-parti l-kbira tagħha mill-Istat, hija obbligata li tiżgura, f’kull mument, il-bilanċ tas-sistema tal-elettriku u tal-enerġija nazzjonali, jiġifieri l-bilanċ bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-elettriku. F’dan ir-rigward, hija tixtri servizzi anċillari abbażi ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li jipprovdu li l-offerti magħmula mill-produtturi tal-elettriku għandhom jiġu kklassifikati f’ordni dejjem jikber li jibda mill-offerta ta’ prezz l-iktar baxx. Il-produtturi li għandhom spejjeż ta’ produzzjoni baxxi u li jistgħu jipproponu dawn is-servizzi anċillari bi prezzijiet kompetittivi huma dawk li, bħala regola ġenerali, jipprovduhom.

26

Skont Fondul Proprietatea, l-impjanti miżmuma minn CE Hunedoara u CE Oltenia għandhom spejjeż għolja ta’ produzzjoni b’tali mod li ma joperawx b’mod permanenti u ma jbigħux kwantità kbira ta’ elettriku. Meta jkunu wieqfa, il-possibbiltajiet tagħhom li jipprovdu servizzi anċillari jonqsu b’mod kunsiderevoli, peress li l-bidu mill-ġdid tagħhom jieħu ħafna żmien u jinvolvi spejjeż addizzjonali. B’hekk, kieku l-kriterji ekonomiċi ġew osservati, dawn il-kumpanniji ma kinux ikunu jistgħu jbiegħu tali servizzi anċillari. F’dan il-kuntest, l-Istat Rumen intervjena billi tahom l-aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni u d-dispaċċ prijoritajru flimkien mal-obbligu tax-xiri tas-servizzi anċillari.

27

Fondul Proprietatea tqis li dawn il-miżuri jagħtu lil dawn iż-żewġ kumpanniji vantaġġ ekonomiku selettiv iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat għad-detriment tal-produtturi l-oħra tal-elettriku fis-suq. L-imsemmija miżuri jiddevjaw il-mekkaniżmu ta’ aċċess iggarantit, maħluq sabiex jinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, li ma jniġġżux, mill-għan tiegħu, peress li dan l-aċċess jingħata lil żewġ kumpanniji li jipproduċu elettriku minn sorsi li jniġġsu. L-aċċess iggarantit ingħata mid-Deċiżjoni Nru 138/2013 biss sabiex jippermetti lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni benefiċjarji jiffunzjonaw kontinwament b’mod li jkunu jistgħu jipproduċu l-elettriku bi prezz aħjar u jipprovdu servizzi anċillari.

28

Il-Gvern Rumen, konvenut fil-kawża prinċipali, isostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-obbligu ta’ Transelectrica, li tiddispaċċja bi prijorità l-elettriku prodott mill-installazzjonijiet ta’ CE Hunedoara u CE Oltenia skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 138/2013 huwa intiż li japplika fuq skala nazzjonali l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72.

29

Fir-rigward tas-servizzi anċillari, dan il-gvern jindika li huwa speċifikat, fid-Deċiżjoni Nru 138/2013, li l-obbligu taż-żewġ produtturi, CE Hunedoara u CE Oltenia, li jipprovdu servizzi anċillari huwa suġġett għall-kundizzjonijiet previsti mir-regoli tal-Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei (l-Awtorità Nazzjonali tal-Kontroll tal-Qasam tal-Enerġija) (iktar ’il quddiem l-“ANRE”), awtorità li tabbozza, tadotta u ssegwi l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji, fil-livell nazzjonali, meħtieġa għall-funzjonament tas-settur tal-enerġija.

30

Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jsostni li dawn ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

31

Il-Ministerul Economiei, Energiei și Mediului de Afaceri (il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Enerġija u għall-Qasam tan-Negozju), intervenjent quddiem il-qorti tar-rinviju, jindika li d-Deċiżjoni Nru 138/2013 tinkludi miżuri neċessarji sabiex is-sistema tal-elettriku u tal-enerġija nazzjonali tiffunzjona b’mod sigur u li din ittieħdet billi ttieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet differenti. L-ewwel nett, it-tkabbir qawwi fil-kapaċità tal-produzzjoni minn sorsi rinnovabbli kien impona fuq il-Gvern Rumen l-obbligu li jieħu miżuri li jiggarantixxu s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2005/89.

32

Sussegwentement, il-funzjonament tal-impjanti li jużaw sorsi konvenzjonali tal-enerġija ġie kkunsidrat bħala neċessarju sabiex ikopri l-kurva tal-piż tal-konsum tal-elettriku.

33

Barra minn hekk, l-istudji dwar is-sigurtà u n-natura xierqa tas-sistema tal-elettriku u tal-enerġija nazzjonali kienu indikaw li kien neċessarju li l-impjanti tal-elettriku lokali mqassma fit-territorju kollu tal-pajjiż ikunu qed joperaw, filwaqt li dawn l-impjanti jiżguraw is-servizzi anċillari u jilħqu l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda. F’dan il-kuntest, ġie kkunsidrat li CE Hunedoara setgħet tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għas-sigurtà fiż-żona ċentrali u fil-majjistral tas-sistema tal-elettriku u tal-enerġija nazzjonali.

34

Fl-aħħar nett, fiż-żmien meta ġiet adottata d-Deċiżjoni Nru 138/2013, l-intensifikazzjoni tal-kummerċ transkonfinali permezz tal-interface tal-punent u t-tnaqqis tat-telf fin-network ta’ trażmissjoni, direttament proporzjonali għad-distanza bejn il-produtturi u l-konsumaturi, imponew l-eżistenza ta’ kapaċità ta’ produzzjoni sinjifikattiva f’din iż-żona u CE Hunedoara kienet l-uniku produttur kbir fiż-żona ċentrali u tal-majjistral tal-pajjiż.

35

Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Gvern Rumen adotta d-Deċiżjoni Nru 138/2013 li tipprevedi l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni għall-elettriku prodott mill-installazzjonijiet ta’ CE Hunedoara u ta’ CE Oltenia, sabiex jiġi żgurat lilhom funzjonament kontinwu għal potenza elettrika ta’ mill-inqas 200 MW u ta’ mill-inqas 500 MW, rispettivament, bl-għarfien li dawn il-valuri kienu jirrappreżentaw dritt għall-produtturi benefiċjarji u mhux obbligu li jiffunzjonaw f’dawn il-livelli ta’ potenza.

36

Transelectrica ssostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li, sabiex tiggarantixxi l-adegwatezza tas-sistema u sabiex tkopri d-domanda tal-elettriku, is-sistema tal-elettriku u tal-enerġija nazzjonali għandu jkollha ċerta potenza disponibbli, iggarantita minn impjanti tal-enerġija, ogħla mill-potenza kkunsmata fl-ogħla punt tal-konsum. Bl-istess mod, huwa obbligatorju li tinżamm b’mod permanenti riżerva operattiva li tista’ tibbilanċja l-bilanċ tal-varjazzjonijiet kontinwi tal-piż.

37

Barra minn hekk, is-sistema tal-elettriku u tal-enerġija nazzjonali tirreġistra żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ impjanti tal-elettriku li jipproduċu elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli li l-produzzjoni tiegħu hija imprevedibbli u intermittenti. Barra minn hekk, l-impjanti tal-elettriku li jużaw sorsi konvenzjonali, b’mod partikolari dawk li jużaw il-faħam, jirreġistraw spejjeż li dejjem jiżdiedu għaliex ma jkunux jistgħu jiffunzjonaw b’mod kontinwu u, meta jitwaqqfu, ma jkunu jistgħu jipprovdu ebda servizz anċillari fid-dawl tad-dewmien tal-bidu mill-ġdid tagħhom u tal-ispejjeż għoljin ħafna.

38

B’hekk, dawn l-impjanti ma jistgħux ikunu kompetittivi fis-suq, iżda l-funzjonament tagħhom bħala impjanti li jipproduċu elettriku minn sorsi tal-enerġija konvenzjonali jibqa’ neċessarju sabiex tiġi koperta l-kurva tal-piż tal-konsum tal-elettriku u sabiex jiġu ggarantiti s-servizzi anċillari. Is-sigurtà tas-sistema tal-elettriku u tal-enerġija nazzjonali tirrikjedi wkoll l-użu ta’ karburanti differenti għall-produzzjoni tal-elettriku neċessarju sabiex jiġi kopert il-konsum nazzjonali tal-enerġija. F’dan ir-rigward, il-Gvern Rumen jagħti importanza partikolari lill-użu bi prijorità ta’ riżorsi tal-enerġija interni, sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-enerġija.

39

Transelectrica ssostni wkoll, quddiem il-qorti tar-rinviju, li Fondul Proprietatea tfixkel is-suq tal-ibbilanċjar mas-suq tas-servizzi anċillari. Fil-fehma tagħha, fis-suq tas-servizzi anċillari, jinxtraw riżervi mingħand fornituri kkwalifikati għal dan il-għan u dawn ir-riżervi huma attivati, jew ma humiex, fis-suq tal-ibbilanċjar. L-attivazzjoni tar-riżervi fis-suq tal-ibbilanċjar ma hija ggarantita għal ebda fornitur ta’ servizzi anċillari u titwettaq skont ir-regoli tas-suq. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għall-produtturi msemmija fid-Deċiżjoni Nru 138/2013 u ma teżisti ebda garanzija ta’ użu preferenzjali tal-enerġija tal-ibbilanċjar ipprovduta minnhom.

40

Barra minn hekk, is-suq nazzjonali tas-servizzi anċillari huwa kkonċentrat ħafna u l-kompetizzjoni fih hija dgħajfa. Fil-kuntest ta’ offerta limitata, il-prezzijiet tas-suq kompetittiv tas-servizzi anċillari huma għoljin ħafna, u l-prezzijiet medji evalwati matul is-sejħa għal offerti ħafna drabi jaqbżu l-prezzijiet regolati. Għaldaqstant, ma jistax jiġi affermat b’ċertezza li l-prezz tax-xiri tar-riżervi fl-assenza tad-Deċiżjoni Nru 138/2013 kien ikun iktar baxx.

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 138/2013, li jipprovdi li Transelectrica hija obbligata tiddispaċċja bi prijorità l-elettriku prodott mill-impjanti ta’ CE Hunedoara u ta’ CE Oltenia, jikkostitwixxi, skont Transelectrica u l-Gvern Rumen, implimentazzjoni tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72, traspost fid-dritt nazzjonali permezz tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012. F’dan ir-rigward, l‑ANRE affermat, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li l-miżuri previsti josservaw kemm il-leġiżlazzjoni Rumena kif ukoll id-dritt tal-Unjoni applikabbli filwaqt li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni Rumen indika li dawn il-miżuri ma jikkawżawx distorsjoni tas-suq tal-elettriku u ma jistabbilixxux trattament antikompetittiv.

42

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Istat Rumen seta’ implimenta sistema favur CE Hunedoara u CE Oltenia sabiex joffri iktar vantaġġi lil dawn iż-żewġ kumpanniji, jiġifieri l-bejgħ iggarantit tal-elettriku prodott mill-funzjonament kontinwu tal-impjanti u l-produzzjoni tal-elettriku bi prezz aħjar permezz tal-eliminazzjoni tal-ispejjeż ta’ bidu mill-ġdid tal-impjanti, li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

43

Hija tqis li għandu jiġi ppreċiżat jekk l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 jikkostitwixxix traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72. Fil-fehma tagħha, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirreferi għall-istess tip ta’ produtturi tal-elettriku bħall-imsemmija liġi, jiġifieri dawk li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja, u jipprevedi limitu identiku, jiġifieri 15 % tal-enerġija primarja totali meħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, teżisti differenza bejn din id-direttiva u l-leġiżlazzjoni Rumena li tittrasponiha, peress li l-imsemmija direttiva ma tirrigwardax l-aċċess iggarantit li għalih jirreferi l-imsemmi Artikolu 5(3), iżda l-fatt li jingħata d-dispaċċ prijoritarju.

44

Hija tikkunsidra li, għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 jikkostitwixxix eċċezzjoni, ta’ applikazzjoni stretta, li tippermetti biss li jingħata dispaċċ prijoritarju lin-networks ta’ trażmissjoni, iżda mhux aċċess iggarantit għalihom, kif tipprevedi d-Deċiżjoni Nru 138/2013.

45

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-aċċess iggarantit għan-networks huwa mogħti biss għall-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli. Konsegwentement, hija tqis li l-aċċess iggarantit mogħti lill-elettriku prodott minn CE Hunedoara u CE Oltenia jista’ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

[…] [L]-adozzjoni mill-istat Rumen ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi favur żewġ kumpanniji li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom huwa miżmum mill-Istat:

a)

l-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching u l-obbligu għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jixtri servizzi anċillari mingħand dawn il-kumpanniji u

b)

l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku għall-enerġija prodotta minn dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex jiġi żgurat it-tħaddim kontinwu tagħhom

tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jiġifieri hija miżura ffinanzjata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, hija ta’ natura selettiva u tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri[?] Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din l-għajnuna mill-Istat kienet suġġetta għan-notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE? […]

2)

L-għoti mill-Istat Rumen ta’ dritt iggarantit ta’ aċċess għan-network tal-elettriku lil żewġ kumpanniji li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom huwa miżmum mill-Istat, li għandu jiżgura t-tħaddim kontinwu tagħhom, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva [2009/72]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni lil ċerti produtturi tal-elettriku li l-installazzjonijiet tagħhom jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja sabiex jiggarantixxu s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku.

48

Skont l-Artikolu 15(4) tad-direttiva 2009/72, Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà fil-provvista, jagħti istruzzjoni li tingħata prijorità għad-dispaċċ tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja, sa limitu ta’ 15 % tal-kwantità totali ta’ enerġija primarja meħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku kkunsmat fl-Istat Membru kkonċernat matul sena kalendarja.

49

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, li mill-informazzjoni mressqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 għandu l-għan li jittrasponi fid-dritt Rumen l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72. Kif ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 jipprevedi l-istess installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja u l-istess limitu bħall-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72. Madankollu, din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tipprevedix il-possibbiltà li jingħata dispaċċ prijoritarju, iżda dik li jingħata aċċess iggarantit lin-networks tal-elettriku għall-elettriku prodott. Issa, għalkemm id-Direttiva 2009/72 ma tinkludi ebda indikazzjoni espressa għal tali aċċess iggarantit, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-Artikolu 15(3) tagħha jirreferi għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/28, li l-paragrafu 2(b) tiegħu jsemmi, b’mod partikolari, l-aċċess iggarantit għan-network għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi l-prinċipju ta’ aċċess liberu ta’ terzi għan-networks.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 15(3) u (4) u l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-Artikolu 16(2) (b) tad-Direttiva 2009/28 għandhom jiġu interpretati.

51

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi eżaminat is-sens li għandu jingħata għall-possibbiltà għal installazzjoni li tingħata d-“dispaċċ prijoritarju”.

52

F’dan r-rigward, għandu jitfakkar li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha għandu normalment jingħata fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Talba sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali), C‑18/20, EU:C:2021:710, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Issa, peress li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, il-kliem li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li s-servizz ta’ dispaċċ jippermetti lill-operatur tan-network tal-elettriku jipproċedi bid-dispaċċ tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jinsabu f’żona determinata sabiex, b’mod partikolari, jikseb l-enerġija li huwa juża sabiex ikopri t-telf ta’ enerġija u jżomm kapaċità ta’ riżerva fin-network tiegħu u sabiex jiżgura l-bilanċ ta’ dan in-network u jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 63).

55

Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2009/72, id-determinazzjoni tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni suġġetti għad-dispaċċ f’din l-okkażjoni ssir skont kriterji li għandhom ikunu oġġettivi, ippubblikati u applikati b’mod nondiskriminatorju u li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ordni ta’ preċedenza ekonomika.

56

Il-kliem “li tingħata prijorità” użati fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 jindikaw li d-dispaċċ prijoritarju jidderoga mir-regoli tad-dispaċċ stabbiliti fl-Artikolu 15(2) ta’ din l-istess direttiva. Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispaċċ prijoritarju jikkonsisti għall-operatur tan-network ta’ trażmissjoni fl-għoti ta’ dispaċċ lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji differenti minn dak tal-ordni ta’ preċedenza ekonomika.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-Artikolu 15(3) u (4) tad-Direttiva 2009/72, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa żewġ tipi ta’ dispaċċ prijoritarju, jiġifieri dispaċċ prijoritarju ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ installazzjonijiet li jipproduċu sħana u elettriku magħquda skont l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, ibbażat fuq l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, u dispaċċ prijoritarju ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja, skont l-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva, ibbażat fuq l-għan tas-sigurtà fil-provvista.

58

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, li jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu jew aċċess prijoritarju jew aċċess iggarantit għan-network għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha. Għaldaqstant, it-termini li jinsabu f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fit-territorju tal-Unjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

59

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aċċess għan-network huwa mifhum bħala d-dritt ta’ użu tan-networks tal-elettriku (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 42).

60

Madankollu, dan l-aċċess ma huwiex illimitat, peress li jiddependi fuq il-kapaċità massima li n-network ta’ trażmissjoni jista’ jiflaħ.

61

Il-premessa 60 tad-Direttiva 2009/28 tindika li, fil-każ li l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jkun integrat fis-suq tal-komoditajiet, l-aċċess iggarantit għandu jiżgura li l-elettriku kollu mibjugħ u li jibbenefika minn għajnuna jkollu aċċess għan-network, b’mod li jippermetti l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli minn impjanti konnessi man-network. Minn dan jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-aċċess iggarantit, kif espost fil-premessa 60, huwa mekkaniżmu li jiżgura lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli l-aċċess għan-networks sabiex jittrażmettu l-elettriku prodott.

62

L-aċċess iggarantit previst fl-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 huwa intiż li jintegra s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku billi jiżgura li l-elettriku kollu prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkollu aċċess għan-networks, li jippermetti li tintuża kwantità massima ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

63

Madankollu, dan l-istess Artikolu 16(2) jindika li l-aċċess iggarantit tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli ma huwiex inkundizzjonat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi tali aċċess iggarantit għall-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, mingħajr ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti dwar iż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sigurtà tan-network, ibbażati fuq kriterji trasparenti u nondiskriminatorji ddefiniti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

64

Għalhekk, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 u tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, kif indikat, essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li r-regoli ta’ dispaċċ jiddeterminaw liema impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku jipproduċu elettriku f’ċertu mument tal-ġurnata filwaqt li r-regoli ta’ aċċess jiddeterminaw liema produttur għandu aċċess għan-networks tal-elettriku fil-każ ta’ konġestjoni fiżika tan-network meta l-kapaċità tkun insuffiċjenti.

65

Konsegwentement, peress li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi biss il-possibbiltà li jingħata dritt ta’ dispaċċ prijoritarju, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi legali għall-Istati Membri sabiex jintroduċu dritt ta’ aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni. Fir-rigward tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, dan jinvoka, ċertament, il-possibbiltà li jiġi stabbilit “aċċess iggarantit”, iżda biss fir-rigward tal-elettriku aħdar. Għalhekk lanqas ma jista’ jservi ta’ bażi legali għal dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi għall-aċċess iggarantit għal installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija li mhux rinnovabbli.

66

Madankollu, għandu, fit-tielet lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tagħti aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni għall-elettriku prodott minn sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja, jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-aċċess ta’ terzi għan-networks previst fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom, fil-prinċipju, l-obbligu li jimplimentaw, għall-klijenti eliġibbli kollha, sistema ta’ aċċess għal terzi għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni li għandha tkun ibbażata fuq tariffi ppubblikati u tiġi applikata b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tan-network ikkonċernat.

67

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat diversi drabi oħra, l-aċċess liberu ta’ terzi għal dawn in-networks, stabbilit fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, jikkostitwixxi waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw sabiex jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 2009/72, din hija intiża sabiex jintlaħaq suq kompletament miftuħ li jippermetti lill-konsumaturi kollha jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u lill-fornituri kollha jipprovdu liberament l-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku b’mod nondiskriminatorju, trasparenti u disponibbli bi prezz ġust huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u huwa ta’ importanza kbira (sentenza tat-17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, li jeżiġi li l-azzjoni tal-Istat fl-implimentazzjoni tal-aċċess għan-network ma tkunx diskriminatorja, huwa espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni teżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm tali differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk differenza fit-trattament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex iġġustifikata, hija, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha għal dan il-għan l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi.

74

F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aċċess iggarantit jingħata b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 138/2013 biss għall-elettriku prodott minn żewġ installazzjonijiet li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja. Din id-deċiżjoni ma tapplikax għall-produtturi l-oħra tal-elettriku li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja jew għall-produtturi tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tikkostitwixxi differenza fit-trattament peress li, minn naħa, dawn il-produtturi tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, dawk koperti mill-imsemmija deċiżjoni jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni.

75

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni eventwali ta’ tali differenza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Nru 138/2013 kellha l-għan li tiżgura s-sigurtà fil-provvista. Fil-fatt, mill-elementi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri adottati skont din id-deċiżjoni kienu intiżi sabiex jiżguraw l-adegwatezza tan-network billi joħolqu kapaċità ta’ riżerva għall-perijodi ta’ konsum massimu u kienu neċessarji sabiex isolvu l-problemi ta’ bilanċ tan-network li jirriżultaw miż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll sabiex jissodisfaw iż-żieda fil-kummerċ transkonfinali. Din kienet intiża wkoll sabiex tiżgura l-użu ta’ karburanti differenti għall-produzzjoni tal-elettriku billi tagħti importanza partikolari lill-użu bi prijorità ta’ riżorsi tal-enerġija interni sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-enerġija.

76

Ma hemmx dubju dwar il-leġittimità tal-għan marbut mas-sigurtà fil-provvista. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2009/72, is-sigurtà fil-provvista tal-elettriku hija ta’ importanza essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea, għall-implimentazzjoni ta’ politika sostenibbli fil-qasam tal-bidla fil-klima u kif ukoll sabiex titkattar il-kompetittivitá fi ħdan is-suq intern.

77

Fir-rigward tal-kriterju oġġettiv u raġonevoli ta’ differenzjazzjoni fir-rigward tal-għan imfittex, għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li tali kriterju, li jippermetti li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ installazzjonijiet li jibbenefikaw mill-aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni u dawk li ma jibbenefikawx minnu, ma jirriżultax mill-elementi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk produtturi oħra, li jużaw sorsi ta’ karburant ta’ enerġija primarja jew sorsi oħra ta’ enerġija, li jinsabu fl-istess żona ġeografika, kinux ikunu f’pożizzjoni aħjar li jipparteċipaw fil-kostituzzjoni ta’ kapaċità ta’ produzzjoni u li jaċċedu għan-networks ta’ trażmissjoni.

78

Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk l-aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni huwiex, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, xieraq sabiex jiżgura li jintlaħaq l-għan imfittex u jekk imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 100).

79

F’dan il-każ, jidher li ż-żewġ installazzjonijiet imsemmija mid-Deċiżjoni Nru 138/2013 li jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja setgħu jiffunzjonaw kontinwament grazzi għall-aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku flimkien mad-dispaċċ prijoritarju ta’ dawn l-installazzjonijiet, li ppermetta lil dawn tal-aħħar jipparteċipaw fil-kostituzzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni li jippermettu li tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku. Għaldaqstant, l-aċċess iggarantit, flimkien mal-miżuri l-oħra meħuda fid-Deċiżjoni Nru 138/2013, jidher adattat sabiex jiżgura s-sigurtà fil-provvista, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

80

Dan premess, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni, fil-kundizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni Nru 138/2013, kienx jaqbeż il-limiti ta’ dak li kien xieraq u kienx miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex li tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista. F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-għan setax jintlaħaq b’mezzi oħra li kienu jippreġudikaw inqas il-prinċipju ta’ aċċess liberu ta’ terzi għan-network previst fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti minn Stat Membru ta’ dritt ta’ aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni lil ċerti produtturi tal-elettriku li l-installazzjonijiet tagħhom jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja sabiex jiggarantixxu s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku, sakemm dan id-dritt ta’ aċċess iggarantit ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u raġonevoli, u jkun proporzjonat mal-għan leġittimu mfittex, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ewwel domanda

82

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li sensiela ta’ miżuri stabbilita permezz ta’ deċiżjoni governattiva u li tikkonsisti f’dispaċċ prijoritarju mill-operatur ta’ network tal-elettriku prodott minn ċerti produtturi tal-elettriku, f’aċċess iggarantit tal-elettriku prodott mill-installazzjonijiet ta’ dawn il-produtturi għan-networks ta’ trażmissjoni u fl-obbligu tal-imsemmija produtturi li jipprovdu servizzi awżiljarji lill-operatur ta’ network għal ċerta kwantità ta’ megawatts tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, fil-każ affermattiv, jekk tali sensiela ta’ miżuri hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 108 TFUE.

83

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Hija lanqas ma tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern, billi l-evalwazzjoni ta’ din il-kompatibbiltà taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt il-kontroll tal-qorti tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa l-konformità ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt sabiex tiddeċiedi l-kawża li biha ġiet adita. Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, hija tista’, b’mod partikolari, tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-punti ta’ interpretazzjoni li jippermettulha tiddetermina jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kkwalifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Fil-fatt, il-qrati nazzjonali jistgħu jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna”, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, speċifikament sabiex jiddeterminaw jekk miżura tal-Istat kellhiex jew le tiġi suġġetta għal proċedura ta’ stħarriġ preliminari stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, u, fejn xieraq, li jivverifikaw jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Sabiex tiġi evalwata l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-sensiela ta’ miżuri inkwistjoni ġiet stabbilita permezz ta’ testi ta’ natura leġiżlattiva u regolamentari, jiġifieri l-Liġi Nru 123/2012, li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni Nru 138/2013. Għaldaqstant, dawn il-miżuri għandhom jiġu kkunsidrati li huma imputabbli lill-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

90

Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġ ingħatax direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE tinkludi kemm l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dik mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew minn korpi pubbliċi jew privati stabbiliti jew maħtura minn dan tal-aħħar sabiex jamministrawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn l-“għajnuna mogħtija minn Stat” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha mogħtija minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, indipendentement minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat, imma hija intiża biss sabiex tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li miżura li tikkonsisti, speċifikament, f’obbligu ta’ xiri ta’ enerġija tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

L-Artikolu 107(1) TFUE ikopri, fil-fatt, il-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex jappoġġaw l-impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-miżuri jappartjenux jew le b’mod permanenti lill-patrimonju tal-Istat. Anki jekk l-ammonti li jikkorrispondu mal-miżura ta’ għajnuna ma jkunux b’mod permanenti fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn jibqgħu kontinwament taħt il-kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod iktar preċiż, li l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat, ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti tal-awtorità pubblika. L-element deċiżiv, f’dan ir-rigward, huwa kkostitwit mill-fatt li dawn l-entitajiet huma inkarigati mill-Istat sabiex jamministraw riżors tal-Istat, u mhux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Transelectrica, l-unika operatriċi tan-network ta’ trażmissjoni, hija impriża pubblika li l-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira tiegħu miżmum mill-Istat. Din il-kumpannija hija marbuta li tiggarantixxi f’kull mument il-bilanċ tas-sistema tal-enerġija nazzjonali, jiġifieri l-bilanċ bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-elettriku. F’dan ir-rigward, Transelectrica tixtri servizzi anċillari abbażi ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt skont l-ordni ta’ preċedenza ekonomika. Madankollu, skont id-Deċiżjoni Nru 138/2013, Transelectrica hija obbligata tixtri servizzi anċillari mingħand żewġ produtturi tal-elettriku bil-prezz iffissat mill-ANRE, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ordni ta’ preċedenza ekonomika, u dan jista’ jwassal għax-xiri ta’ dawn is-servizzi anċillari bi prezzijiet ogħla minn dawk li jirriżultaw mis-suq. Dan jista’ jirrappreżenta piż finanzjarju impost fuq Transelectrica li jolqot ir-riżorsi tal-Istat.

96

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni li s-sensiela ta’ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi analizzata bħala li tikkostitwixxi l-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jitqiesu bħala għajnuna l-interventi li, indipendentement mill-forma tagħhom, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament impriżi jew li għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint-Malo, C‑212/19, EU:C:2020:726, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Għaldaqstant, jitqiesu li huma għajnuna, b’mod partikolari, l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u li, minħabba f’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 66).

98

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-sensiela ta’ miżuri stabbiliti mid-Deċiżjoni Nru 138/2013 tikkostitwixxi pakkett sħiħ ta’ miżuri favur żewġ produtturi tal-elettriku, CE Hunedoara u CE Oltenia. Dawn it-tliet miżuri huma marbuta u jifformaw mekkaniżmu li jippermetti l-funzjonament kontinwu tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni. Il-qorti tar-rinviju tindika li ż-żewġ installazzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjoni Nru 138/2013 għandhom spejjeż ta’ produzzjoni għoljin b’tali mod li normalment ma joperawx b’mod permanenti. Meta dawn l-installazzjonijiet ikunu wieqfa, dan inaqqas il-possibbiltajiet tagħhom li jipprovdu servizzi anċillari minħabba d-dewmien tal-bidu tal-funzjonament tal-installazzjonijiet u joħloq ukoll spejjeż għoljin tal-bidu u tal-bidu mill-ġdid tal-funzjonament ta’ dawn l-installazzjonijiet. Billi tippermetti lill-imsemmija installazzjonijiet jiffunzjonaw b’mod kontinwu, is-sensiela ta’ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiggarantilhom b’dan il-mod li jikkunsinnaw ċerta kwantità ta’ elettriku u tippermettilhom jipprovdu servizzi anċillari, jiffrankaw l-ispejjeż marbuta mal-bidu u mal-bidu mill-ġdid tal-funzjonament tal-installazzjonijiet u li jipproduċu b’hekk l-elettriku bi prezz aħjar permezz tal-eliminazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż.

99

Għaldaqstant, miżuri bħal dawk previsti mid-Deċiżjoni Nru 138/2013 jidhru li jagħtu lill-produtturi tal-elettriku benefiċjarji vantaġġ ekonomiku meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, vantaġġ li ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv tista’ tiġi ssodisfatta.

100

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kundizzjoni lil-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ impriżi oħra li jkunu kompetituri fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati minn din l-għajnuna. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess f’dan il-kummerċ. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività fis-suq intern tista’ tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punti 3132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għajnuna li tkun intiża li teħles lil impriża minn spejjeż li normalment kien ikollha ġġarrab fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha twassal, bħala prinċipju, għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103

F’dan il-każ, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-produtturi tal-elettriku jeżerċitaw l-attività tagħhom f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni u għall-kummerċ bejn l-Istati Membri sa fejn l-elettriku huwa s-suġġett ta’ kummerċ transkonfinali.

104

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li ppermettew lill-installazzjonijiet benefiċjarji jiffunzjonaw b’mod kontinwu, b’mod li ffrankawlhom l-ispejjeż marbuta mal-bidu tal-funzjonament u mal-bidu mill-ġdid tal-funzjonament tal-installazzjonijiet, u ppermettewlhom ukoll inaqqsu l-prezz finali tal-elettriku li huma joffru.

105

Għaldaqstant, miżuri bħal dawk stabbiliti mid-Deċiżjoni Nru 138/2013 jistgħu, bħala prinċipju, jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

106

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni preċedenti, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

107

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-każ fejn dawn kellhom jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, dawn il-miżuri kellhomx jew le jkunu suġġetti għall-proċedura ta’ stħarriġ preliminari stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE.

108

Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna ġdida għandha tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tidħol fis-seħħ qabel ma l-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali.

109

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura ta’ għajnuna eżegwita bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 108(3) TFUE hija illegali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, jekk jitqies li l-qorti tar-rinviju tikklassifika s-sensiela ta’ miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, din is-sensiela ta’ miżuri għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, u kienet, abbażi ta’ dan, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu.

111

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta li din ma rċeviet ebda notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE dwar għajnuna mill-Istat mogħtija lil CE Hunedoara u lil CE Oltenia skont id-Deċiżjoni Nru 138/2013. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija miżuri ma jidhrux li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tat-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli [107] u [108] tat-Trattat [FUE] (ĠU 2008, L 214, p. 3) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat [FUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1), applikabbli tul il-perijodu ta’ validità tad-Deċiżjoni Nru 138/2013, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sensiela ta’ miżuri stabbilita b’deċiżjoni governattiva u li tikkonsisti f’dispaċċ prijoritarju mill-operatur tan-network, li l-kapital tiegħu huwa fil-parti l-kbira tiegħu miżmum mill-Istat, tal-elettriku prodott minn ċerti produtturi tal-elettriku li l-installazzjonijiet tagħhom jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja, f’aċċess iggarantit tal-elettriku prodott minn dawn l-installazzjonijiet tal-imsemmija produtturi għan-networks ta’ trażmissjoni u f’obbligu għal dawn l-istess produtturi li jipprovdu servizzi anċillari lill-operatur tan-network għal ċerta kwantità ta’ megawatts, li jirriżervalhom fir-rigward ta’ din il-kwantità dritt ta’ provvista bi prezzijiet stabbiliti minn qabel u meqjusa li jeċċedu lil dawk li jirriżultaw mis-suq, tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-każ affermattiv, tali sensiela ta’ miżuri għandha titqies li hija għajnuna ġdida u hija, minħabba f’hekk, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

Fuq l-ispejjeż

113

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti minn Stat Membru ta’ dritt ta’ aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni lil ċerti produtturi tal-elettriku li l-installazzjonijiet tagħhom jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja sabiex jiggarantixxu s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku, sakemm dan id-dritt ta’ aċċess iggarantit ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u raġonevoli, u jkun proporzjonat mal-għan leġittimu mfittex, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sensiela ta’ miżuri stabbilita b’deċiżjoni governattiva u li tikkonsisti f’dispaċċ prijoritarju mill-operatur tan-network, li l-kapital tiegħu huwa fil-parti l-kbira tiegħu miżmum mill-Istat, tal-elettriku prodott minn ċerti produtturi tal-elettriku li l-installazzjonijiet tagħhom jużaw sorsi indiġeni ta’ karburant ta’ enerġija primarja, f’aċċess iggarantit tal-elettriku prodott minn dawn l-installazzjonijiet tal-imsemmija produtturi għan-networks ta’ trażmissjoni u f’obbligu għal dawn l-istess produtturi li jipprovdu servizzi anċillari lill-operatur tan-network għal ċerta kwantità ta’ megawatts, li jirriżervalhom fir-rigward ta’ din il-kwantità dritt ta’ provvista bi prezzijiet stabbiliti minn qabel u meqjusa li jeċċedu lil dawk li jirriżultaw mis-suq, tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-każ affermattiv, tali sensiela ta’ miżuri għandha titqies li hija għajnuna ġdida u hija, minħabba f’hekk, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.