SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 56 TFUE – Sitwazzjoni purament interna – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(j) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku’ – Artikoli 74 sa 77 – Provvista ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni – Ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali ma entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali – Esklużjoni tal-operaturi bi skop ta’ lukru – Post ta’ stabbiliment tal-entità bħala kriterju ta’ għażla”
Fil-Kawża C‑436/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 FUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura
Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE)
vs
Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spinean‑Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
Għall-Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE), minn A. Martínez Gradoli, procuradora, u Y. Puiggròs Jiménez de Anta, abogada, |
– |
għall-Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas, minn I. Sánchez Lázaro, abogada, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, S. Jiménez García u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. L. Vitale, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u M. J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, M. Jáuregui Gómez, M. P. Ondrůšek, E. Sanfrutos Cano u M. G. Wils, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn J. T. Kaasin u M. H. Røstum, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat-3 ta’ Frar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tal-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE ((ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness XIV tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE) (l-Assoċjazzjoni Statali ta’ Fornituri ta’ Kura fid-Dar) fir-rigward tal-legalità tad-Decreto 181/2017 del Consell, por el que se desarrolla la acción concertada para la prestación de servicios sociales en el ámbito de la Comunitat Valenciana por entidades de iniciativa social (id-Digriet 181/2017 tal-Kunsill tal-Komunità ta’ Valencia li jimplimenta l-azzjoni kuntrattwali għall-provvista ta’ servizzi soċjali minn entitajiet ta’ inizjattiva soċjali fit-territorju tal-Komunità ta’ Valencia), tas-17 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“Digriet°181/2017”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Protokoll Nru 26
3 |
L-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 26) Dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, anness mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru°26”) jipprovdi: “Il-valuri komuni ta’ l-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea jinkludu b’mod partikolari:
|
Id-Direttiva 2014/24
4 |
Il-premessi 4, 6 u 114 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:
[…]
[…]
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist [għoti] mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4. […] […] 5. La Din id-Direttiva ma taffettwax il-mod kif l-Istati Membri jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. […]”. |
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]”. |
7 |
Skont kliem l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ [għal] servizzi”: “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ [għal] servizzi għal: […]
[…]” |
8 |
It-Titolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Reġimi Partikolari ta’ Akkwisti [Sistemi Speċjali ta’ għoti ta’ kuntratti]”, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu I, dwar is-“[s]ervizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn”, li jinkludi l-Artikoli 74 sa 77 tal-imsemmija direttiva. |
9 |
L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/24 jistipula: “Kuntratti [pubbliċi] għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn elenkati fl-Anness XIV għandhom jingħataw skont dan il-Kapitolu, fejn il-valur tal-kuntratti jkun daqs jew akbar mil-limitu indikat fil-punt (d) tal-Artikolu 4.” |
10 |
L-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Awtoritajiet kontraenti li beħsiebhom jagħtu kuntratt pubbliku għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 74 jridu jħabbru l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ kwalunkwe waħda minn dawn il-modi:
L-ewwel subparagrafu, madankollu, ma għandux japplika fejn proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel setgħet intużat f’konformità mal-Artikolu 32 għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ [għal] servizz. 2. Awtoritajiet kontraenti li taw kuntratt pubbliku għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 74 għandhom iħabbru r-riżultati tal-proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] permezz ta’ avviż dwar għoti ta’ kuntratt, li għandu jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness V Parti J, f’konformità mal-formoli standard imsemmija fl-Artikolu 51. Madanakollu jistgħu jiġbru dawn l-avviżi fi gruppi fuq bażi trimestrali. F’dak il-każ, huma għandhom jibagħtu l-avviżi miġbura fi żmien 30 jum mit-tmiem ta’ kull trimestru. 3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-formoli standard imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 89(2). 4. L-avviżi msemmijin f’dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 51.” |
11 |
L-Artikolu 76 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw regoli nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti soġġetti għal dan il-Kapitolu biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi. L-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw ir-regoli proċedurali applikabbli sakemm it-tali regoli jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet tas-servizzi inkwistjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ħtieġa li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, l-involviment u s-setgħa tal-utenti u l-innovazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.” |
12 |
Skont kliem l-Artikolu 77 tal-istess direttiva: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirriżervaw id-dritt li organizzazzjoni tipparteċipa fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi esklussivament għal dawk is-servizzi ta’ saħħa, dawk soċjali u dawk kulturali kif imsemmijin fl-Artikolu 74, li huma koperti mill-kodiċi CPV 75121000-0, 75122000-7, 75123000-4„ 79622000-0, 79624000-4, 79625000-1, 80110000-8, 80300000-7, 80420000-4, 80430000-7, 80511000-9, 80520000-5, 80590000-6, minn 85000000-9 sa 85323000-9, 92500000-6, 92600000-7, 98133000-4, 98133110-8. 2. L-organizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
3. It-tul massimu tal-kuntratt ma għandux ikun aktar minn tliet snin. 4. Is-sejħa għal kompetizzjoni għandha tagħmel referenza għal dan l-Artikolu. 5. Minkejja l-Artikolu 92, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effetti ta’ dan l-Artikolu u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-18 ta’ April 2019.” |
Id-Direttiva 2006/123
13 |
Il-premessa 27 tad-Direttiva 2006/123 tistipula: “Din id-Direttiva ma għandhiex tkopri dawk is-servizzi soċjali fil-qasam tad-djar, tal-kura tat-tfal u appoġġ għal familji u persuni fil-bżonn li huma pprovduti mill-Istat f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minn fornituri b’mandat mill-Istat, jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, bl-għan li jkun żgurat l-appoġġ għal dawk li huma fi stat partikolari ta’ bżonn permanenti jew temporanju minħabba d-dħul insuffiċjenti fil-familja, jew in-nuqqas totali jew parzjali ta’ indipendenza u għal dawk bir-riskju li jiġu emarġinati. Dawn is-servizzi huma essenzjali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità u huma manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà u m’għandhomx jiġu affettwati b’din id-Direttiva.” |
14 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:
[…]
[…]
[…]” |
Id-dritt Spanjol
Il-Liġi Organika 5/1982
15 |
Abbażi tal-punt 24 tal-Artikolu 49(1) tal-Ley Orgánica 5/1982, de Estatuto de Autonomía de la Comunidad Valenciana (il-Liġi Organika 5/1982 dwar l-Istatus ta’ Awtonomija tal-Komunità ta’ Valencia), tal-1 ta’ Lulju 1982 (BOE Nru 164, tal-10 ta’ Lulju 1982), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-Komunità ta’ Valencia għandha kompetenza esklużiva fil-qasam ta’ servizzi soċjali u ta’ istituzzjonijiet pubbliċi ta’ protezzjoni u ta’ għajnuna għall-minuri, għaż-żagħżagħ, għall-emigranti, għall-persuni tat-tielet età, għall-persuni b’diżabbiltà u għal gruppi oħra jew setturi li jeħtieġu protezzjoni soċjali. |
Il-Liġi 5/1997
16 |
Il-kompetenzi mogħtija lill-Komunità ta’ Valencia konformament mal-Liġi Organika 5/1982 ġew implimentati permezz tal-Ley 5/1997 de la Generalitat Valenciana por la cual se regula el Sistema de Servicios Sociales en el ambito de la Comunidad Valenciana (il-Liġi 5/1997 tal-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia li tirregola s-sistema tas-servizzi soċjali fit-territorju tal-Komunità ta’ Valencia), tas-26 ta’ Ġunju 1997 (BOE Nru 192, tat‑12 ta’ Awwissu 1997, p. 24405). |
17 |
Din il-liġi ġiet emendata bil-Ley 13/2016, de medidas fiscales, de gestión administrativa y financiera, y de organización de la Generalitat (il-Liġi Nru 13/2016 tal-Komunità ta’ Valencia dwar il-Miżuri Fiskali, il-Ġestjoni Amministrattiva u Finanzjarja u l-Organizzazzjoni tal-Komunità ta’ Valencia), tad‑29 ta’ Diċembru 2016 (BOE, Nru 34, tad‑9 ta’ Frar 2017, p. 8694), qabel ma ġiet imħassra bil-Ley 3/2019 de servicios sociales inclusivos de la Comunitat Valenciana (il-Liġi tal-Komunità ta’ Valencia 3/2019, dwar is-Servizzi Soċjali Inklużivi tal-Komunità ta’ Valencia), tat‑18 ta’ Frar 2019 (BOE Nru 61, tat‑12 ta’ Marzu 2019, p. 23249) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 3/2019”). |
18 |
L-Artikolu 44 bis tal-Liġi 5/1997, kif emendata bil-Liġi 13/2016 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 5/1997”), intitolat “Metodi ta’ provvista tas-servizzi tas-sistema pubblika tas-servizzi soċjali”, jistipula: “1. L-amministrazzjonijiet pubbliċi li jifformaw parti mis-sistema pubblika tas-servizzi soċjali għandhom jipprovdu lill-persuni s-servizzi previsti mil-liġi jew mill-katalogu ta’ servizzi soċjali, skond il-modi li ġejjin:
2. Il-provvista ta’ servizzi soċjali minn ċentri jew dipartimenti ta’ amministrazzjoni oħra li ma hijiex l-amministrazzjoni kompetenti titwettaq taħt kwalunkwe forma ta’ kollaborazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi prevista mil-liġi”. |
19 |
L-Artikolu 53 ta’ din il-liġi, intitolat “Dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali”, jipprevedi: “1. L-amministrazzjonijiet pubbliċi kompetenti fil-qasam tas-servizzi soċjali jistgħu jafdaw lil entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali l-provvista tas-servizzi previsti fil-katalogu ta’ servizzi soċjali permezz ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, bil-kundizzjoni li dawn l-entitajiet ikollhom l-akkreditazzjoni amministrattiva xierqa u jkunu iskritti bħala tali fir-Reġistru tal-entitajiet, ċentri u servizzi soċjali korrispondenti. 2. Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, is-sistema ġuridika hija stabbilita permezz ta’ regolament għal kull settur ta’ azzjoni speċifiku, billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ azzjoni taċ-ċentri privati li magħhom ġie konkluż ftehim li jipparteċipaw fis-sistema ta’ servizzi soċjali b’responsabbiltà pubblika, billi jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ aċċess, il-kundizzjonijiet ta’ servizz, il-proċeduri ta’ għażla, it-tul massimu u l-kawżi ta’ xoljiment tal-ftehim, kif ukoll l-obbligi tal-partijiet. 3. Il-ftehim konkluż bejn l-amministrazzjoni u l-entità privata jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti f’dak li jirrigwarda r-reġim ekonomika, it-tul, l-estensjoni jew t-tmiem kif ukoll, jekk ikun il-każ, in-numru jew it-tip ta’ unitajiet li magħhom ġie konkluż ftehim, u l-kundizzjonijiet legali l-oħra. 4. L-aċċess għall-postijiet li jkunu s-suġġett ta’ ftehim ma’ entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali dejjem iseħħ permezz tal-amministrazzjoni li kkonkludiet il-ftehim. 5. Huma entitajiet ta’ inizjattiva soċjali, il-fondazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat u entitajiet oħra mingħajr skop ta’ lukru li jwettqu attivitajiet ta’ servizz soċjali. huma b’mod partikolari meqjusa bħala entitajiet ta’ inizjattiva soċjali s-soċjetajiet koperattivi ikklassifikati bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru konformament mar-regolamentazzjoni speċifika tagħhom.” |
20 |
L-Artikolu 56 tal-imsemmija liġi, intitolat “Dwar il-ftehimiet”, jistipula, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. Il-Generalitat [il-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia] jikkontribwixxi finanzjarjament għall-iżvilupp u għat-titjib tal-kompetenzi tal-entitajiet lokali kif ukoll għas-sostenn tal-programmi b’kontenut soċjali mwettqa minn entitajiet mingħajr skop ta’ lukru. 2. Bl-istess mod, il-Generalitat ta’ kull sena għandha tiddedika, fil-baġits korrispondenti, il-krediti neċessarji għall-finanzjament tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali ma entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali.” |
21 |
L-Artikoli 62 sa 66 tal-istess liġi jinsab taħt it-Titolu VI tagħha, intitolat “Dwar l-azzjoni kuntrattwali”. |
22 |
Skont l-Artikolu 62 tal-Liġi 5/1997, intitolat “Kunċett, skema ġenerali u prinċipji tal-azzjoni kuntrattwali”: “1. Il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali huma strumenti organizzattivi ta’ natura mhux kuntrattwali li permezz tagħhom l-amministrazzjonijiet kompetenti jistgħu jorganizzaw il-provvista ta’ servizzi lil persuna ta’ natura soċjali li l-finanzjament tagħhom, l-aċċess għalihom u l-kontroll tagħhom jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, konformement mal-proċedura u mal-eżiġenzi previsti minn din il-liġi u mil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli. 2. L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiżguraw li l-azzjoni kuntrattwali tagħhom ma terzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi soċjali lil persuna tkun konformi mal-prinċipji li ġejjin:
|
23 |
L-Artikolu 63 ta’ din il-liġi, intitolat “Ratione materiae u rekwiżiti minn qabel għall-azzjoni kuntrattwali”, jipprevedi: “1. Fil-qasam tas-servizzi soċjali, s-servizzi lil persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni kuntrattwali huma ddeterminati permezz ta’ regolament fost is-servizzi previsti fil-katalogu tas-servizzi. 2. Jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni kuntrattwali:
3. Meta l-provvista ta’ servizz tkun tinvolvi proċessi li jeżiġu diversi tipi ta’ interventi f’diversi ċentri jew dipartimenti, l-amministrazzjoni kompetenti tista’ tikkonkludi ma diversi entitajiet ftehim wieħed ta’ azzjoni kuntrattwali li jimponi mekkaniżmi imperattivi ta’ koordinazzjoni u ta’ kollaborazzjoni. 4. L-aċċess għas-sistema ta’ azzjoni kuntrattwali huwa miftuħ għall-entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali li jipprovdu servizzi soċjali li għandhom akkreditazzjoni amministrattiva u li huma iskritti fir-Reġistru tal-entitajiet, ċentri u servizzi soċjali korrispondenti. 5. Is-sistema tal-azzjoni kuntrattwali ma hijiex kompatibbli ma l-għoti ta’ sussidji ekonomiċi għall-finanzjament tal-attivitajiet jew tas-servizzi koperti mill-ftehim.” |
24 |
Skont kliem l-Artikolu 64 tal-imsemmija liġi, intitolat “Proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim u kriterji ta’ Preferenza”: “1. Il-leġiżlazzjoni settorjali għandha torganizza l-proċeduri sabiex l-entitajiet li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti jkunu jistgħu jaderixxu mas-sistema ta’ azzjoni kuntrattwali konformement mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 62 ta’ din il-liġi. 2. Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, il-leġiżlazzjoni settorjali tistabbilixxi l-kriterji ta’ għażla tal-entitajiet meta jirriżulta li tali selezzjoni tkun neċessarja minħabba l-limiti baġitarji jew n-numru u l-karatteristiċi tas-servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim. 3. L-għażla tal-entitajiet tista’ tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:
[…]”. |
25 |
L-Artikolu 65 tal-istess liġi, intitolat “Formalizzazzjoni u effetti tal-azzjoni kuntrattwali”, jipprevedi: “1. Il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali huma fformalizzati f’dokumenti amministrattivi ta’ konklużjoni ta’ ftehim li l-kontenut tagħhom huwa stabbilit mil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli. 2. Il-ftehimiet ta’ konklużjoni ta’ ftehim jimponu fuq l-entità li magħha ġie konkluż ftehim l-obbligu li tipprovdi lill-persuni s-servizzi ta’ natura soċjali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli u mill-ftehim adottat konformament ma’ din tal-aħħar. 3. Minbarra t-tariffi previsti, ma tista’ tinġabar ebda somma mingħand l-utenti għas-servizzi li huma s-suġġett tal-ftehim. 4. Il-ġbir mingħand l-utenti ta’ kwalunkwe ħlas għall-provvista ta’ servizzi addizzjonali, kif ukoll l-ammont tagħhom, huwa awtorizzat minn qabel mill-amministrazzjoni li tikkonkludi l-ftehim.” |
26 |
L-Artikolu 66 tal-Liġi 5/1997, intitolat “Finanzjament tal-azzjoni kuntrattwali”, jistipula: “1. Kull sejħa għal kandidatura għandha tistabbilixxi l-ammont tal-moduli ekonomiċi li jikkorrispondu għal kull servizz li jista’ jkun is-suġġett tal-azzjoni kuntrattwali. 2. It-tariffi massimi jew moduli ekonomiċi għandhom ikopru sal-massimu l-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti tas-servizzi, filwaqt li jiggarantixxu n-newtralità ekonomika għall-entità li tipprovdi s-servizz, mingħajr l-inklużjoni tal-profitti kummerċjali. 3. L-ammonti li jirriżultaw mill-azzjoni kuntrattwali jitħallsu wara li l-entità li magħha ġie konkluż ftehim tippreżenta l-fattura korrispondenti, permezz ta’ ġbir mill-partita tal-baġit intiża għall-finanzjament tal-ispejjeż kurrenti tal-amministrazzjoni.” |
27 |
Skont kliem l-Artikolu 67 ta’ din il-liġi, intitolat “Tul tal-ftehimiet”: “It-tul tal-ftehimiet ma jistax ikun ta’ iktar minn erba’ snin. Meta dawn ikunu espliċitament previsti fil-ftehim, l-eventwali estensjonijiet jistgħu jwasslu sabiex it-tul totali tal-ftehim ikun ta’ għaxar snin. Wara tmiem dan il-perijodu, l-amministrazzjoni kompetenti tista’ tikkonkludi ftehim ġdid.” |
Id-Digriet°181/2017
28 |
L-għan tad-Digriet°181/2017, li ġie adottat b’eżekuzzjoni tal-Liġi 5/1997, huwa, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, li jirregola l-eżiġenzi, il-proċeduri ta’ għażla, il-kontenut u l-kundizzjonijiet bażiċi għall-implimentazzjoni, l-eżekuzzjoni u l-iżvilupp tal-ftehimiet, bħala metodu ta’ ġestjoni ta’ servizzi soċjali minn entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali sabiex jipprovdu lill-persuni s-servizzi soċjali previsti mil-liġi u mill-katalogu tas-servizzi soċjali, jew permezz tal-atti ta’ eżekuzzjoni tagħhom. |
29 |
L-Artikolu 3(e) ta’ dan id-digriet jirrikonoxxi l-kwalità ta’ entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali lill-“fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet ta’ volontarjat u entitajiet oħra mingħajr skop ta’ lukru li jwettqu attivitajiet ta’ servizz soċjali”, kif ukoll lil soċjetajiet koperattivi kkwalifikati bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru konformement mal-leġiżlazzjoni speċifika tagħhom”. |
30 |
Minkejja t-tħassir tal-Liġi 5/1997 bil-Liġi 3/2019, id-Digriet°181/2017 għadu fis-seħħ, konformement mad-dispożizzjoni ta’ tħassir unika tal-liġi msemmija l-aħħar. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
31 |
l-ASADE ressqet quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), rikors għall-annullament tad-Digriet°181/2017, li insostenn tiegħu hija ssostni li l-Artikolu 44 bis(1)(c), l-Artikolu 53, l-Artikolu 56(2) u t-titolu VI tal-Liġi 5/1997, li tagħhom dan id-digriet jiżgura l-implimentazzjoni, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni minħabba li dawn jeskludu l-entitajiet bi skop ta’ lukru mill-possibbiltà li jipprovdu ċerti servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni fil-kuntest ta’ azzjoni kuntrattwali, filwaqt li jippermettu lill-entitajiet kollha mingħajr skop ta’ lukru, u mhux biss lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, li jipprovdu dawn is-servizzi bi ħlas mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħaddu minn proċedura ta’ kompetizzjoni trasparenti li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi interessati. |
32 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-użu tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, hekk kif huwa rregolat bil-Liġi5/1997, huwiex konformi mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, mal-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 u mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123. Hija tenfasizza li interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għadha neċessarja, minkejja t-tħassir tal-Liġi 5/1997 bil-Liġi 3/2019, peress li l-liġi msemmija l-aħħar ma emendatx is-sistema tal-azzjoni kuntrattwali għall-provvista ta’ servizzi soċjali. Barra minn hekk, huwa neċessarju, għall-evalwazzjoni tar-regolarità tal-istess digriet, li jiġi vverifikat jekk il-Liġi 5/1997, li tagħha huwa jiżgura l-implimentazzjoni, kinitx jew le konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
34 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 59 u 61, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ kontribwenti), C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 81). |
35 |
In-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, barra minn hekk, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-mard komprensiva, C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
36 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. |
Dwar it-tħassir tal-Liġi 5/1997
37 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tosserva li d-domandi preliminari huma inammissibbli minħabba li l-Liġi 5/1997, li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni hija kkontestata b’mod inċidentali fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali, ġiet imħassra bil-Liġi 3/2019. |
38 |
F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju hija msejjħa tiddeċiedi dwar il-legalità tad-Digriet°181/2017 fid-data tal-adozzjoni tagħha. Issa, f’dik id-data, huwa paċifiku li l-Liġi 5/1997, li tagħha dan id-digriet jiżgura l-implimentazzjoni, kienet għadha fis-seħħ. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija liġi, minn naħa, kienet tirrifjuta lill-entitajiet bi skop ta’ lukru l-possibbiltà li jikkonkludu ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, kienet tippermetti li jsir użu mill-kriterju tal-istabbiliment lokali fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ tali ftehim. |
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari għad għandhom rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
Fuq id-Direttiva 2014/24
40 |
Il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi jesprimu dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 għall-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta, bħal f’din il-kawża, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068 punt 29, u tat-28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 25). |
Fuq id-Direttiva 2006/123
42 |
Skont kliem l-Artikolu 2(2)(j) tagħha, id-Direttiva 2006/123 ma tapplikax għas-servizzi soċjali relatati mal-akkomodazzjoni soċjali, il-kura tat-tfal u appoġġ għall-familji u għall-persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, permezz ta’ fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat. |
43 |
Issa, minn naħa, hekk kif osservat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 145 sa 150 tal-konklużjonijiet tagħha, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi żgurat li s-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni kkonċernati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinstabux elenkati fost is-servizzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 abbażi tal-Artikolu 2(2)(j) tagħha, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 42 sa 49 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:517). |
44 |
Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kull speċifikazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, fil-każ li jitqies li wħud mis-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni msemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex koperti mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(j), ta’ din id-direttiva, dawn jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjoni oħra prevista f’dan l-Artikolu 2(2) u b’mod partikolari fil-punti (f) u (i) tiegħu. |
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma qegħditx lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tiżgura li l-ipoteżi fattwali li fuqha hija bbażata t-tielet domanda preliminari taqa’ effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, din id-domanda hija inammissibbli sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tagħha. |
Fuq l-Artikoli 49 u 56 TFUE
46 |
Għandu jiġi osservat, fl-aħħar, li, għalkemm l-elementi kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali huma limitati internament għal Stat Membru wieħed, id-domandi preliminari jirrigwardaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
47 |
F’tali kuntest, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55 u d-digriet tas-6 ta’ Mejju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca et, C‑571/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:364, punt 23). |
48 |
Issa, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax għaliex, minkejja n-natura purament interna tat-tilwima pendenti quddiemha, għandu jkun hemm l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE. B’mod iktar partikolari, din il-qorti ma ssostnix espliċitament li hija tinsab f’wieħed mill-każijiet msemmija fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874). |
49 |
Barra minn hekk, għalkemm, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti tal-kuntratti li, fid-dawl tal-valur tagħhom, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa madankollu suġġett għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll għall-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, dejjem sakemm dawn il-kuntratti jippreżentaw interess transkonfinali ċert, il-qorti tar-rinviju ma tistax tillimita ruħha li tressaq, f’dan ir-rigward, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja elementi li ma jippermettux li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ tali interess iżda għandha, bil-kontra ta’ dan, tipprovdi d-data li tista’ tipprova l-eżistenza ta’ tali interess (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Novembru 2020, Novart Engineering, C‑170/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:908, punti 33 u 35). Issa, il-qorti tar-rinviju baqgħet, f’dan il-każ, ma pprovdietx tali data lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
50 |
Għaldaqstant, id-domandi preliminari huma inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
51 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli, ħlief sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
52 |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għall-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru l-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet li abbażi tagħhom dawn l-entitajiet għandhom jipprovdu servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni, b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż li huma jsostnu, irrispettivament mill-valur stmat ta’ dawn is-servizzi, u mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni ma teżiġi li l-imsemmija entitajiet josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 77. |
Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24
53 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, preliminarjament, jiġi ddeterminat jekk ftehimiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex kuntratti pubbliċi msemmija mid-Direttiva 2014/24. |
54 |
F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti minn awtoritajiet kontraenti f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi, kif ukoll il-kompetizzjonijiet, li l-valur stmat tagħhom jilħaq jew jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(1)(5) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kuntratti pubbliċi, għall-finijiet tagħha, bħala li huma kuntratti bi ħlas konklużi bil-miktub bejn operatur jew diversi operaturi ekonomiċi u awtorità jew diversi awtoritajiet kontraenti u li bħala suġġett għandhom l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi. |
55 |
F’din il-perspettiva, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li peress li l-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” huwa kunċett ta’ dritt tal-Unjoni, il-klassifikazzjoni li d-dritt Spanjol jagħti tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali hija irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑264/03, EU:C:2005:620, punt 36, u tat-22 ta’ April 2021, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbniex), C‑537/19, EU:C:2021:319, punt 43). |
56 |
Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjoni li tinsab fl-Artikolu 62(1) tal-Liġi 5/1997, li tgħid li tali ftehimiet jikkostitwixxu “strumenti organizzattivi ta’ natura mhux kuntrattwali”, ma hijiex suffiċjenti sabiex dawn ma jkunux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. |
57 |
Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jissuġġerixxi l-Gvern Olandiż, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li dawn il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali għandhom, effettivament, jiġu assimilata għal atti amministrattivi unilaterali imposti, bis-sempliċi rieda tal-awtoritajiet kontraenti, fuq l-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru li huma l-kontraenti tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C‑295/05, EU:C:2007:227, punti 52 sa 55, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, C‑220/06, EU:C:2007:815, punti 51 sa 55). |
58 |
Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu jikkonsistu f’kuntratti pubbliċi għal servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(9) ta’ din id-direttiva. |
59 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sanċit fl-Artikolu 56 TFUE u li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punti 73 u 74, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 154). |
60 |
B’mod iktar partikolari, għandu jiġi osservat li l-provvisti ta’ servizzi pprovduti normalment bi ħlas jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi, fejn il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni hija l-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni, mingħajr madankollu ma dan ma għandu jitħallas mill-benefiċjarju tiegħu (sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 153 sa 155). Barra minn hekk, mill-Artikolu 62 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 51 ta’ dan it-trattat, jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jestendix għall-attivitajiet li, fi Stat membru, jifformaw parti, anki jekk okkażjonalment, mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. |
61 |
Hekk kif ikkonfermat fil-premessa 6 tad-Direttiva 2014/24, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika, fis-sens tal-punt preċedenti, li jistgħu, għalhekk, ikunu s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(1(9) ta’ din id-direttiva. Tali interpretazzjoni hija, mill-bqija, ikkonfermata mill-Artikolu 2(1)(10) tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi li operatur ekonomiku, fis-sens tagħha, huwa kkaratterizzat mill-fatt li joffri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fis-suq. |
62 |
Dan espost, il-fatt li l-kuntratt jiġi konkluż ma entità li ma għandhiex skop ta’ lukru ma jeskludix li din l-entità tista’ teżerċita attività ekonomiku, fis-sens tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH, C‑574/12, EU:C:2014:2004, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 52). |
63 |
Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi s-servizzi pprovduti bi ħlas li, mingħajr ma jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, jiġu żgurati fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru u li jinsabu f’kompetizzjoni ma dawk proposti minn operaturi bi skop ta’ lukru (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
It-tieni, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-provvisti ta’ servizzi li, bħal f’dan il-każ, għandhom għan soċjali, huwa minnu li l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2014/24 jispeċifika li din id-direttiva ma għandhiex effett fuq il-mod li bih l-Istati Membri jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet tal-organi li jamministraw sistema ta’ sigurtà soċjali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, attivitajiet ekonomiċi meta dawn ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u meta dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal kontroll mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Dan espost, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tas-servizzi soċjali speċifiċi li jiġu pprovduti minn operaturi privati u li r-responsabbiltà għall-ispiża tagħhom tittieħed jew mill-Istat innifsu, jew minn dawn il-organi ta’ sigurtà soċjali. Fill-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li t-tfittxija li jintlaħaq għan soċjali jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi ma jipprekludix, bħala tali, li dawn is-servizzi jitqiesu bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑119/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:729, punti 36 sa 41, u tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 118). |
66 |
F’dan il-każ, hekk kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 55 sa 61 tal-konklużjonijiet tagħha, jidher li, minn tal-inqas, uħud mis-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu pprovduti kontra remunerazzjoni u ma jipparteċipawx fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, b’tali mod li tali attivitajiet jistgħu jitqiesu li għandhom natura ekonomika u, għaldaqstant, bħala li jikkostitwixxu servizzi, fis-sens tad-Direttiva 2014/24. |
67 |
Fit-tielet lok, in-natura bi ħlas ta’ kuntratt pubbliku tippreżupponi li kull waħda mill-partijiet timpenja ruħha li tipprovdi servizz b’korrispettiv għal ieħor, mingħajr madankollu ma huwa eskluż li l-korrispettiv tal-awtorità kontraenti jkun jikkonsisti biss fir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizz miftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex, C‑367/19, EU:C:2020:685, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, kuntratt ma jistax jevita li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal servizzi” biss minħabba l-fatt li, hekk kif donnu huwa l-każ f’din il-kawża, ir-remunerazzjoni prevista hija limitat għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizz miftiehem (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 52). |
68 |
Fir-raba’ lok, hekk kif ikkonfermat fil-premessa 4 u fl-aħħar paragrafu tal-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24, il-proċeduri li permezz tagħhom l-awtorità kontraenti tirrinunzja li tqabbel u tikklassifika l-offerti ammissibbli u taħtar l-operatur jew l-operaturi ekonomiċi li lilhom jingħata, b’mod esklużiv, il-kuntratt ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma, C‑410/14, EU:C:2016:399, punti 37 sa 42, u tal-1 ta’ Marzu 2018, Tirkkonen, C‑9/17, EU:C:2018:142, punti 29 sa 35). |
69 |
Dan espost, mit-tweġibiet tal-ASADE, tal-Gvern Spanjol u tal-konvenuta fil-kawża prinċipali għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għoti ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali huwa, fil-prattika, ippreċedut minn proċess ta’ għażla bejn l-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru li jkunu wrew l-interess tagħhom li jipprovdu s-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jikkostitwixxu s-suġġett tagħhom, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
70 |
Fil-ħames lok, mill-ewwel domanda preliminari jirriżulta espliċitament li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika għall-ftehimiet kollha ta’ azzjoni kuntrattwali, irrispettivament mill-valur stmat tagħhom. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi eskluż li din il-leġiżlazzjoni, li tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdha tintalab tistħarreġ il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, tista’ tkun tirrigwarda ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali li l-valur stmat tagħhom huwa daqs jew akbar mil-limiti previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24. |
71 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirregola, minn tal-inqas parzjalment, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi suġġetti għad-Direttiva 2014/24. |
72 |
Għandu, fl-aħħar, jingħad ukoll li, għalkemm huwa ta’ dispjaċir, l-assenza ta’ elenkar, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, tal-kategoriji preċiżi ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li huma koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kontra ta’ dak li donnu jsostni l-Gvern Taljan, milli tiżgura ruħha li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24 hija nieqsa minn kull relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
73 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-fajl li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li minn tal inqas parti mis-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali huma koperti mis-servizzi elenkati fl-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24 u, min-naħa l-oħra, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġeneralment applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda biss tal-Artikoli 74 sa 77 tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxu speċifikament sistema ssimplifikata ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma servizzi koperti minn dan l-anness. |
74 |
Għaldaqstant, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24. |
Fuq ir-rekwiżiti li jirriżultaw tad-Direttiva 2014/24
75 |
Sabiex jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24 jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li s-sistema simplifikata ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista f’dawn l-artikoli hija ġġustifikata, hekk kif indikat fil-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24, kemm mid-dimensjoni transkonfinali limitata tas-servizzi msemmija fl-Anness XIV tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-fatt li dawn is-servizzi jiġu pprovduti f’kuntest speċifiku li jvarja kunsiderevolment minn Stat membru għal ieħor, minħabba t-tradizzjonijiet kulturali differenti. |
76 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li, għal uħud mis-servizzi msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtoritajiet kontraenti jirriżervaw għall-“organizzazzjonijiet”, kif iddefiniti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, id-dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huwa l-provvista ta’ tali servizzi. |
77 |
L-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24 jispeċifika r-rekwiżiti stretti li fihom operatur ekonomiku jista’ jitqies bħala li huwa “organizzazzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-objettiv ta’ dan l-operatur ekonomiku jkun li jassumi missjoni ta’ servizz pubbliku marbuta mal-provvista tas-servizzi soċjali jew speċjali msemmija f’dan l-artikolu, li l-profitti tal-imsemmi operatur jerġgħu jiġu investiti sabiex jintlaħaq tali objettiv u li, meta dawn il-benefiċċji jiġu ddistribwiti jew iddistribwiti mill-ġdid, tali operazzjoni tkun ibbażata fuq prinċipji parteċipattivi. Barra minn hekk, l-istrutturi ta’ ġestjoni u ta’ proprjetà tal-istess operatur ekonomiku għandhom ikunu msejjsa fuq sjieda mill-impjegati u fuq prinċipji parteċipattivi u jeżiġi l-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati, tal-utenti u tal-partijiet interessati. |
78 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 77(2)(d), u (3) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li awtorità kontraenti tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil “organizzazzjoni” fuq il-bażi tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu biss għal perijodu li ma jaqbiżx it-tliet snin u biss bil-kundizzjoni li din l-awtorità kontraenti ma tkunx diġà attribwiet lil din l-“organizzazzjoni” kuntratt għal servizzi msemmija fl-imsemmi artikolu matul it-tliet snin ta’ qabel. |
79 |
F’dan il-każ, hekk kif tikkonferma l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali tiġi rriżervata għall-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma teżiġi li dawn l-entitajiet josservaw il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24. |
80 |
Dan espost, minn din iċ-ċirkustanza ma jistax jiġi konkluż li tali leġiżlazzjoni hija neċessarjament inkompatibbli mas-sistema simplifikata prevista fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24. |
81 |
Fil-fatt, l-Artikolu 77 ta’ din id-direttiva għandu portata speċifika ħafna peress li jiggarantixxi espliċitament li l-Istati Membri jistgħu, għal uħud mis-servizzi li huma s-suġġett ta’ din is-sistema simplifikata, jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti jirriżervaw, ipso jure, biss għall-operaturi ekonomiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan l-artikolu l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett tali servizzi. |
82 |
Għalhekk, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tas-sistema ġuridika li huwa jistabbilixxi u meqjusa l-formulazzjoni tal-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24, l-Artikolu 77 tagħha ma jistax jitqies bħal l i jkopri, b’mod eżawrjenti, il-każijiet li fihom il-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett il-provvista ta’ servizz imsemmi fl-Anness XIV tal-imsemmija direttiva jistgħu jiġu rriżervati għal ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi. |
83 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxi r-regoli, li jidderogaw mid-dritt normali, applikabbli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi kollha li jirrigwardaw is-servizzi soċjali u servizzi oħra speċifiċi elenkati fl-Anness XIV tagħha. |
84 |
Dan l-Artikolu 76 jobbliga lill-Istati Membri, minn naħa, li jipprevedu regoli ta’ għoti li jimponu fuq l-awtoritajiet kontraenti l-obbligu li josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu jippermettu li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ tali proċeduri ta’ għoti. F’dan l-aħħar rigward, l-Istati membri għandhom jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività ta’ dawn is-servizzi, il-bżonnijiet speċifiċi tad-diversi kategoriji ta’ utenti, il-parteċipazzjoni u l-involviment tal-utenti kif ukoll l-innovazzjoni. |
85 |
Għalhekk, kif ikkonfermat fil-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24, is-sistema legali li din tistabbilixxi fl-Artikolu 76 tagħha hija kkaratterizzata mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Istati Membri għandhom sabiex jorganizzaw, bil-mod li huma jqisu l-iktar xieraq, l-għażla tal-fornituri tas-servizzi elenkati fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-Protokoll Nru°26, li jissanċixxi, b’mod partikolari, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jeżegwixxu s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali b’mod li kemm jista’ jkun jissodisfa l-bżonnijiet tal-utenti. |
86 |
Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva lill-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, inkluż meta dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 77 ta’ din id-direttiva, id-dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett il-provvista ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jaqgħu taħt l-Anness XIV tal-imsemmija direttiva. |
87 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, il-fatt li l-entitajiet privati bi skop ta’ lukru jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’tali proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi li tmur kontra dan il-prinċipju, sakemm din id-differenza ma tkunx iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 52, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 56). |
88 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Stat Membru jista’, fil-kuntest tal-kompetenza li huwa żamm sabiex jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, jikkunsidra li sistema ta’ assistenza soċjali neċessarjament timplika, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, li l-ammissjoni ta’ operaturi privati f’din is-sistema inkwantu fornituri ta’ servizz ta’ assistenza soċjali tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan ma jkollu ebda skop ta’ lukru (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et, C‑70/95, EU:C:1997:301, punt 32, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 58). |
89 |
F’dan il-każ, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali previsti minn din il-leġiżlazzjoni għandhom ikunu konformi, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja. B’mod partikolari, minn naħa, is-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali ftehimiet għandhom jiġu offruti lill-kulħadd, bħala prinċipju bla ħlas, u l-ammont tal-eventwali tariffa li tista’ tinġabar b’mod addizzjonali mingħand l-utenti tiddependi fuq il-kapaċità finanzjarja tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati mill-imsemmija ftehimiet jistgħu jiksbu biss ir-rimbors tal-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti sostnuti sabiex jiġu pprovduti s-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li huma s-suġġett ta’ dawn l-istess ftehimiet, il-ksib ta’ benefiċċju kummerċjali huwa espliċitament eskluż. |
90 |
Għalhekk, l-użu esklużiv tal-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru sabiex jiżguraw il-provvista ta’ tali servizzi soċjali jista’ jkun motivat kemm mill-prinċipji ta’ universalità u ta’ solidarjetà, speċifiċi għal sistema ta’ assistenza soċjali, kif ukoll minn raġunijiet ta’ effiċjenza ekonomiku u ta’ adegwazzjoni, inkwantu dan jippermetti li dawn is-servizzi ta’ interess ġenerali jiġu żgurati f’kundizzjonijiet ta’ bilanċ ekonomiku fuq il-livell baġitarju, minn entitajiet li ġew essenzjalment stabbiliti bil-għan li jservu l-interess ġenerali u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex iggwidati, hekk kif josserva l-Gvern Spanjol, minn kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 57). |
91 |
Meta tkun immotivata minn tali kunsiderazzjonijiet, l-esklużjoni tal-entitajiet privati bi skop ta’ lukru mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett il-provvista ta’ tali servizzi soċjali ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza, sakemm din l-esklużjoni tikkontribwixxi effettivament kemm għall-għan soċjali kif ukoll għall-ilħuq tal-għanijiet solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja li fuqhom hija bbażata din is-sistema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 60, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 63). |
92 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tispeċifika, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi li fir-rigward tagħhom id-Direttiva 2014/24 kienet għadha ma tapplikax, li, sabiex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, l-entitajiet privati li lilhom, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, huma rriżervati tali kuntratti la jista’ ikollhom għanijiet oħra ħlief dawk imsemmija fil-punt preċedenti, u lanqas ma jistgħu jagħmlu xi profitt, anki jekk indirett, mis-servizzi li jipprovdu, indipendentement mir-rimbors tal-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti, neċessarji għall-provvista tal-imsemmija servizzi. Dawn lanqas ma jistgħu jiġġeneraw xi profitt lill-membri tagħhom. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi estiża b’tali mod li tkopri prattiki abbużivi ta’ dawn l-entitajiet jew tal-membri tagħhom. Għalhekk, l-imsemmija entitajiet għandhom jużaw ħaddiema biss fil-limiti neċessarji għall-funzjonament regolari tagħhom u fl-osservanza tar-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tagħhom, fejn il-volontarji jistgħu, min-naħa tagħhom, jiġu rrimborsati biss dawk l-ispejjeż effettivament sostnuti għall-attività pprovduta, fil-limiti stabbiliti minn qabel mill-entitajiet privati nfushom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzino et, C 113/13, EU:C:2014:2440, punti 61 u 62, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C 50/14, EU:C:2016:56, punti 64 u 65). |
93 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, applikabbli fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment sanċita fl-Artikoli 49 sa 55 TFUE, ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirriżerva l-kwalità ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ assistenza soċjali lill-operaturi privati mingħajr skop ta’ lukru, inklużi dawk li ma humiex strettament ta’ volontarjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et, C‑70/95, EU:C:1997:301, punti 32 sa 34). |
94 |
Din il-ġurisprudenza tibqa’ rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, li issa jipprevedi espliċitament l-eżistenza ta’ sistema simplifikata ta’ għoti għall-kuntratti pubbliċi soċjali. |
95 |
Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, hekk kif huwa issa sanċit fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, jawtorizza lill-Istati Membri li jirriżervaw id-dritt ta’ parteċipazzjoni għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni għal entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, inklużi dawk li ma humiex strettament ta’ volontarjat, sa kemm, minn naħa, l-eventwali profitt li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti jiġu investiti mill-ġdid minn dawn l-entitajiet bil-għan li jintlaħaq l-għan soċjali ta’ interess ġenerali mfittex minnhom u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet kollha mfakkra fil-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti. |
96 |
Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 jipprekludi, bil-kontra ta’ dan, li tali kuntratti pubbliċi jistgħu jiġu attribwiti direttament, mingħajr kompetizzjoni, lil entità mingħajr skop ta’ lukru, li ma hijiex entità ta’ volontarjat (ara, f’dan l-aħħar rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 70). Bil-kontra ta’ dan, dan l-artikolu jeħtieġ li, qabel ma jkun hemm tali għoti, l-awtorità kontraenti tqabbel u tikklassifika l-offerti rispettivi tad-diversi entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li jkunu wrew l-interess tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-prezz ta’ dawn l-offerti, minkejja li dan il-prezz ikun kompost, bħal f’dan il-każ, mill-ispejjeż kollha li r-rimbors tagħhom għandu jiġi żgurat mill-awtorità kontraenti. |
97 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-prinċipju ta’ trasparenza, dan jeżiġi min-naħa tal-awtorità kontraenti livell xieraq ta’ pubbliċità, li jkun jippermetti, minn naħa, ftuħ għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ għoti sabiex kull operatur interessat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerta abbażi tal-informazzjoni kollha rilevanti kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. L-obbligu ta’ trasparenza għalhekk jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u b’diliġenza ordinarja jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, b’mod li jiċċirkoskrivi s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti u li jqegħdha f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 73, u tal-4 ta’ April 2019, Allianz Vorsorgekasse, C‑699/17, EU:C:2019:290, punti 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
98 |
F’dan il-każ, minn naħa, mill-fajl li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma toffrix garanziji suffiċjenti li jippermettu l-protezzjoni tal-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru kontra r-riskji ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti matul il-proċedura ta’ għoti ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali. |
99 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/24 jippreċiża, fir-rigward tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt is-sistema simplifikata stabbilita fl-Artikoli 74 sa 77 ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżiti ta’ pubbliċità meħtieġa mill-prinċipju ta’ trasparenza, hekk kif imfakkar fil-punt 97 ta’ din is-sentenza. |
100 |
Issa, skont l-imsemmi Artikolu 75, l-awtoritajiet kontraenti li għandhom l-intenzjoni li jagħtu kuntratt pubbliku għas-servizzi msemmija fl-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24 għandhom, bħala prinċipju, jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż ta’ kuntratt jew ta’ notifika ta’ informazzjoni minn qabel li tiġi ppubblikata, konformement mal-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ikun il-każ, fir-rigward tan-notifiki ta’ informazzjoni minn qabel, fuq il-profili tagħhom ta’ xerrej. |
101 |
F’dan il-każ, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tagħha, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali donnu jirriżulta li l-pubbliċità tal-avviżi ta’ kuntratt li hija tipprevedi hija żgurata bis-sempliċi pubblikazzjoni fid-Diari Oficial de la Generalitat Valenciana (il-Ġurnal Uffiċjali tal-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia). Jekk dan ikun il-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali pubblikazzjoni ma tikkostitwixxix miżura ta’ pubbliċità konformi mal-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/24. |
102 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għall-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru l-possibbiltà li jikkonkludu, permezz ta’ kompetizzjoni bejn l-offerti tagħhom, ftehimiet li abbażi tagħhom dawn l-entitajiet għandhom jipprovdu servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni, b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż li huma jsostnu, irrispettivament mill-valur stmat ta’ dawn is-servizzi, anki jekk dawn l-entitajiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 77, sakemm, minn naħa, il-kuntest legali jew ta’ ftehim li fih titwettaq l-attività tal-imsemmija entitajiet jikkontribwixxi effettivament kemm għall-għan soċjali kif ukoll għat-tiftix li jintlaħqu għanijiet ta’ solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja li fuqhom hija bbażata din il-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, sakemm il-prinċipju ta’ trasparenza, hekk kif huwa b’mod partikolari ppreċiżat fl-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva, huwa osservat. |
Fuq it-tielet domanda
103 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont kliem l-Artikolu 64(3) tal-Liġi 5/1997, l-istabbiliment tal-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru fil-post tal-provvista tas-servizz jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ għażla li jistgħu jintużaw mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali. Għalhekk, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi, fuq il-bażi ta’ tali kriterju, li l-offerenti jkunu, mill-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom, stabbiliti fit-territorju tal-post ikkonċernat mis-servizzi soċjali li għandhom jiġu pprovduti. |
104 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, essenzjalment, jekk l-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi soċjali msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, li l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fil-post fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla tal-operaturi ekonomiċi, minn qabel l-eżami tal-offerti tagħhom. |
105 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 76 tal-imsemmija direttiva jeżiġi li dan il-kriterju ta’ stabbiliment ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi. |
106 |
Issa, tali kriterju jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi, skont jekk għandhomx jew le stabbiliment fil-post tal-provvista tas-servizz soċjali inkwistjoni. Peress li s-sitwazzjoni ta’ dawn l-operaturi hija paragunabbli fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li għandu bħala suġġett servizz msemmi fl-Anness XIV tal-istess direttiva, tali differenza fit-trattament hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza biss sakemm din tista’ tkun iġġustifikata min għan leġittimu. |
107 |
Fit-tieni lok, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju ta’ għażla bbażat fuq l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fil-post fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi huwa, b’mod partikolari, intiż li tiġi żgurata l-prossimità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali li huma s-suġġett ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali. |
108 |
Ċertament, dan l-oġġettiv jikkostitwixxi għan leġittimu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u huwa, barra minn hekk, rikonoxxut kemm fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru°26 kif ukoll fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, sa fejn dan l-aħħar artikolu jimponi fuq l-Istati Membri, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġu żgurati, b’mod partikolari, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tas-servizzi msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva. |
109 |
Dan espost, kriterju li jimponi, bħal f’dan il-każ, li l-offerenti jkunu stabbiliti, mill-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom, fit-territorju tal-post ikkonċernat mis-servizzi soċjali li għandhom jiġu pprovduti huwa manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-ilħuq ta’ tali objettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et, C‑234/03, EU:C:2005:644, punt 43). Fill-fatt, anki jekk jitqies li l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fit-territorju tal-post fejn huwa għandu jipprovdi s-servizzi soċjali inkwistjoni huwa neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-prossimità u l-aċċessibbiltà ta’ dawn is-servizzi, tali objettiv jista’, f’kull każ, jintlaħaq b’mod daqstant effettiv billi fuq dan l-operatur jiġi impost l-obbligu li jissodisfa din il-kundizzjoni biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. |
110 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi soċjali msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fil-post fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla tal-operaturi ekonomiċi, minn qabel l-eżami tal-offerti tagħhom. |
Fuq l-ispejjeż
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem, |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.