SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 85/374/KEE – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘produttur’ – Kwalunkwe persuna li tippreżenta ruħha bħala l-produttur billi tqiegħed fuq il-prodott isimha, it-trade mark tagħha jew kwalunkwe sinjal distintiv ieħor, jew li tkun awtorizzat dan it-tqegħid”

Fil‑Kawża C‑264/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia

vs

Koninklijke Philips NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Koninklijke Philips NV, minn T. Seikkula u M. Welin, asianajajat,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková kif ukoll minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn U. Bartl, M. Hellmann u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia (iktar ’il quddiem “Fennia”), kumpannija tal-assigurazzjoni, u Koninklijke Philips NV dwar il-kumpens għal danni li rriżultaw minn nar ikkawżat minn magna tal-kafè.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 85/374 huma fformulati kif ġej:

“Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li l-produtturi involuti kollha fil-proċess ta’ produzzjoni għandhom jinżammu responsabbli, kemm-il darba l-prodott finalizzat, parti komponenti jew kull materja prima tagħhom fornuta minnhom kienet difettuża; billi, għall-istess raġuni, responsabbiltà għandha testendi għall-importaturi ta’ prodotti fil-Komunità u għall-persuni li jippreżentaw lilhom infushom bħala produtturi billi jwaħħlu isimhom, trade mark jew kull karatteristika distintiva oħra jew li jipprovdu prodott li l-produttur tiegħu ma jistax jiġi identifikat;

Billi, f’sitwazzjonijiet fejn diversi persuni huma responsabbli għall-istess ħsara, il-protezzjoni tal-konsumatur tinħtieġ li l-persuna li ssofri danni għandha tkun tista’ titlob kumpens sħiħ għall-ħsara minn kwalunkwe wieħed minnhom”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu.”

5

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva:

“‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Fejn, bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, żewġ persuni jew aktar huma responsabbli għall-istess danni, għandhom ikunu responsabbli flimkien u separatament, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-kontribuzzjoni jew rikors.”

Id‑dritt Finlandiż

7

L-Artikolu 5 tat-tuotevastuulaki (694/1990) (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà għal Prodotti Difettużi (694/1990)), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li jimplimenta l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 fl-ordinament ġuridiku Finlandiż, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-obbligu ta’ kumpens għal dannu jaqa’, fl-ewwel lok, fuq dak li jkun ipproduċa jew immanifattura l-prodott difettuż u, fit-tieni lok, fuq dak li jkun ikkummerċjalizza bħala l-prodott tiegħu stess il-prodott li jkun ikkawża d-dannu, jekk ismu, it-trade mark tiegħu jew sinjal distintiv ieħor ikunu tqiegħdu fuq il-prodott.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Fennia kkumpensat konsumatur għad-danni kkawżati minn nar f’ammont ta’ EUR 58 879.10 taħt il-polza ta’ assigurazzjoni għall-abitazzjoni. Il-ġurnata ta’ qabel in-nar, il-konsumatur kien xtara mingħand distributur magna tal-kafè tat-trade mark Philips Saeco Xsmall HD 8743/11. Il-konstatazzjoni ta’ aċċident magħmula mill-pumpiera kienet tqis li l-magna tal-kafè inkwistjoni kienet il-kawża tan-nar.

9

Din il-magna tal-kafè ġiet immanifatturata fir-Rumanija minn Saeco International Group SpA, sussidjarja ta’ Koninklijke Philips. Is-sinjali Philips u Saeco, li huma trade marks irreġistrati minn Koninklijke Philips, kienu mqiegħda fuq l-imsemmija magna tal-kafè u fuq l-imballaġġ tagħha. Barra minn hekk, din l-istess magna tal-kafè kellha l-marka CE, li fuqha kien hemm is-sinjal Saeco, indirizz fl-Italja u l-kliem “iffabbrikata fir-Rumanija”. Koninklijke Philips għandha sussidjarja fil-Finlandja, Philips Oy, li tikkummerċjalizza f’dak l-Istat Membru apparat domestiku bit-trade mark Philips, fosthom il-magna tal-kafè inkwistjoni.

10

Fennia, li hija ssurrogata fid-drittijiet tal-konsumatur wara li kkumpensat lil dan tal-aħħar, ippreżentat rikors kontra Koninklijke Philips sabiex tikseb kumpens abbażi tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi. Koninklijke Philips talbet li dan ir-rikors jiġi miċħud, billi sostniet li hija ma kinitx il-produttur tal-magna tal-kafè inkwistjoni.

11

Il-käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, il-Finlandja) ikkunsidrat li Koninklijke Philips kienet ikkummerċjalizzat fil-Finlandja l-magna tal-kafé inkwistjoni bit-trade mark tagħha u li hija kienet responsabbli għad-dannu kkawżat minn difett f’dan il-prodott.

12

Il-hovioikeus (il-Qorti tal-Appell, il-Finlandja), li quddiemha Koninklijke Philips appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza, iddeċidiet li ma ntweriex li Koninklijke Philips kienet ikkummerċjalizzat din il-magna tal-kafè fil-Finlandja bħala l-prodott tagħha stess. Dik il-qorti kkunsidrat li Koninklijke Philips ma kinitx responsabbli għad-danni kkawżati mill-prodott inkwistjoni u ċaħdet ir-rikors.

13

Adita b’rikors ippreżentat minn Fennia kontra d-deċiżjoni tal-hovioikeus (il-Qorti tal-Appell), il-qorti tar-rinviju, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) awtorizzat dan ir-rikors fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk Koninklijke Philips hijiex responsabbli, skont il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà għal Prodotti Difettużi, għad-danni kkawżati minn magna tal-kafé li għandha t-trade mark tagħha u li hija ffabbrikata mis-sussidjarja tagħha.

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod kif għandha tinftiehem l-espressjoni “kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu”, li tinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk, minbarra t-tqegħid tat-trade mark, humiex meħtieġa kriterji addizzjonali sabiex il-proprjetarju tat-trade mark jitqies li ppreżenta ruħu bħala l-produttur tal-prodott inkwistjoni, jew jekk ċerti elementi ta’ esklużjoni mir-responsabbiltà jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-fatt li r-riferimenti mqiegħda fuq dan il-prodott juri li l-manifattur huwa impriża li ma hijiex il-proprjetarju tat-trade mark. Hija tqis li l-produttur huwa “il-persuna li tinsab fl-aħjar pożizzjoni” sabiex tiżgura li jiġu evitati danni simili kkawżati minn prodott.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li t-tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ produttur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 85/374] jirrikjedi li persuna li tqiegħed isimha, il-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott, jew li awtorizzat dan it-tqegħid, tippreżenta lilha nnifisha ukoll bħala l-produttur tal-prodott b’xi mod ieħor?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fid-dawl ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat il-fatt li persuna tippreżenta lilha nnifisha bħala l-produttur tal-prodott? Huwa rilevanti għal din l-evalwazzjoni li l-prodott kien immanifatturat minn sussidjarja tal-proprjetarju tat-trade mark u ddistribwit minn sussidjarja oħra?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibiltà

16

Koninklijke Philips tqis, essenzjalment, li d-domandi preliminari huma inammissibbli għaliex ma humiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-kumpens abbażi tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi jeżiġi, skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà għal Prodotti Difettużi, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott mill-proprjetarju tat-trade mark jew ta’ kwalunkwe sinjal distintiv ieħor. Issa, din il-kummerċjalizzazzjoni bl-ebda mod ma ġiet ipprovata fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

17

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l‑fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Peress li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima li biha hija adita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti quddiemha, u għalhekk, għandha timxi abbażi tas-sitwazzjoni li dik il-qorti tikkunsidra bħala stabbilita u ma tistax tkun marbuta b’ipoteżijiet imqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta tagħti deċiżjoni, b’mod partikolari, meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew meta l‑problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

21

Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif tfakkar fil-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, il-käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) qieset li Koninklijke Philips kienet ikkummerċjalizzat fil-Finlandja l-magna tal-kafè bit-trade mark tagħha filwaqt li l-hovioikeus (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li ma ntweriex li Koninklijke Philips kienet ikkummerċjalizzat din il-magna bil-kafè fil-Finlandja bħala l-prodott tagħha stess. Issa, peress li ma hemmx kunsens bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti rigward l-evalwazzjoni tal-fatti taħt id-dritt nazzjonali u peress li l-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li r-responsabbiltà ta’ Koninklijke Philips għall-prodott difettuż inkwistjoni ma hijiex eskluża, ma jidhirx, mill-inqas b’mod manifest, li d-domandi magħmula huma ta’ natura ipotetika fir-rigward tal-evalwazzjoni li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

22

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli.

Fuq il‑mertu

Fuq l‑ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “produttur”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jeżiġi li l-persuna li qiegħdet isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott, jew li awtorizzat dan it-tqegħid, tippreżenta ruħha wkoll bħala l-produttur tal-prodott b’xi mod ieħor.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel), C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, skont il-formulazzjoni nfisha tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374, “‘[p]roduttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu”.

26

Għalhekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 jinkludi, essenzjalment, alternattiva, li l-ewwel parti tagħha biss tikkonċerna l-persuna li hija mill-inqas parzjalment involuta fil-proċess tal-manifattura tal-prodott. Min-naħa l-oħra, it-tieni parti tal-alternattiva tindika persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur billi tqiegħed isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott.

27

Għaldaqstant, mit-termini ċari u mhux ekwivoċi ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li parteċipazzjoni tal-persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur fil-proċess ta’ manifattura tal-prodott ma hijiex neċessarja sabiex din tiġi kklassifikata bħala “produttur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

28

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċirku tal-persuni responsabbli li kontrihom il-vittma tista’ tressaq azzjoni abbażi tas-sistema ta’ responsabbiltà prevista mid-Direttiva 85/374 huwa ddefinit fl-Artikoli 1 u 3 tagħha u li, fid-dawl tal-fatt li din id-direttiva għandha bħala għan armonizzazzjoni totali fuq il-punti li hija tirregola, id-determinazzjoni taċ-ċirku tal-persuni responsabbli magħmula fl-imsemmija artikoli għandha titqies li hija eżawrjenti (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punti 32 u 33).

29

Għaldaqstant, din id-determinazzjoni taċ-ċirku ta’ persuni responsabbli ma tistax tkun suġġetta għall-iffissar ta’ kriterji addizzjonali li ma jirriżultawx mill-formulazzjoni tal-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 85/374.

30

Issa, peress li d-definizzjoni adottata fit-tieni parti tal-alternattiva tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 ma tinkludi ebda kriterju addizzjonali, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa t-tqegħid ta’ sinjali distintivi mill-persuna indikata minnhom jew minn persuna awtorizzata li jikkostitwixxi l-bażi tal-istatus ta’ “produttur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

31

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 u l-għan segwit minnha, mir-raba’ u mill-ħames premessi ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-Artikolu 5 tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jadotta tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “produttur” sabiex jipproteġi lill-konsumatur.

32

Fil-fatt, skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva 85/374, il-protezzjoni tal-konsumatur teħtieġ li kull persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur billi tqiegħed isimha, it-trade mark tagħha jew kwalunkwe sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott għandha tinżamm responsabbli bl-istess mod bħall-produttur reali. Barra minn hekk, kemm mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-ħames premessa tagħha jirriżulta li r-responsabbiltà tal-persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur tinsab fl-istess livell bħal dik tal-produttur reali u li l-konsumatur jista’ jagħżel liberament li jitlob il-kumpens sħiħ tad-dannu mingħand kull wieħed minnhom mingħajr distinzjoni, peress li r-responsabbiltà tagħhom hija in solidum.

33

Għalhekk jidher li l-għan tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 huwa li jiffaċilita l-oneru li jkollu jiġi stabbilit il-produttur reali tal-prodott difettuż inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-Artikolu 2 tal-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Settembru 1976, li wasslet għad-Direttiva 85/374, li sar, mingħajr emenda sostanzjali, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-protezzjoni tal-konsumatur ma tkunx suffiċjenti jekk id-distributur ikun jista’ “jibgħat” lill-konsumatur għand il-produttur, li jista’ ma jkunx magħruf mill-konsumatur.

34

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, billi tqiegħed fuq il-prodott inkwistjoni isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor, il-persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur tagħti l-impressjoni li hija involuta fil-proċess ta’ produzzjoni jew li tassumi r-responsabbiltà għalih. Għaldaqstant, l-użu ta’ dawn ir-riferimenti jwassal, għal din il-persuna, sabiex tuża r-reputazzjoni tagħha sabiex tagħmel dan il-prodott iktar attraenti f’għajnejn il-konsumaturi, u dan jiġġustifika li, bħala korrispettiv, tista’ tinżamm responsabbli għal dan l-użu.

35

Barra minn hekk, kif jirrileva ġustament il-Gvern Ċek, sa fejn, minn naħa, diversi persuni jistgħu jitqiesu bħala produtturi u, min-naħa l-oħra, il-konsumatur jista’ jressaq it-talba tiegħu kontra kwalunkwe waħda minnhom, it-tfittxija ta’ persuna waħda responsabbli, “l-iktar xierqa”, li kontriha l-konsumatur għandu jinvoka d-drittijiet tiegħu, ma hijiex, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, rilevanti.

36

Minn dan isegwi li ma jistax ikun meħtieġ li l-persuna li qiegħdet isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott, jew li awtorizzat dan it-tqegħid, tippreżenta ruħha wkoll bħala l-produttur tal-prodott b’xi mod ieħor sabiex tiġi kkunsidrata bħala “produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374.

37

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni Koninklijke Philips, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, tqassim tar-responsabbiltajiet bejnha u bejn Saeco International Group ma jipproduċix effetti fil-konfront tal-konsumatur li għandu speċifikament jinħeles mill-obbligu li jkollu jiddetermina l-produttur reali sabiex imexxi t-talba tiegħu għad-danni.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “produttur”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jeżiġix li l-persuna li qiegħdet isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott, jew li awtorizzat dan it-tqegħid, tippreżenta ruħha wkoll bħala l-produttur tal-prodott b’xi mod ieħor.

Fuq it‑tieni domanda

39

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “produttur”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jeżiġix li l-persuna li qiegħdet isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott, jew li awtorizzat dan it-tqegħid, tippreżenta ruħha wkoll bħala l-produttur tal-prodott b’xi mod ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa oriġinali: il-Finlandiż.