SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Direttiva 94/22/KE – Kundizzjonijiet għall-għoti u għall-eżerċizzju ta’ awtorizzazzjonijiet għall‑prospettar, għall-isfruttament u għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi – Awtorizzazzjoni għall-prospettar ta’ idrokarburi f’żona ġeografika speċifika għal perijodu partikolari ta’ żmien – Żoni kontigwi – Għoti ta’ diversi awtorizzazzjonijiet lill-istess operatur – Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 4(2) u (3) – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”

Fil-Kawża C‑110/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l‑Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

Regione Puglia

vs

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero dei Beni e delle Attività culturali e del Turismo,

Ministero dello Sviluppo economico,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Commissione tecnica di verifica dell’impatto ambientale,

fil-preżenza ta’:

Global Petroleum Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Regione Puglia, minn F. Amato u A. Bucci, avvocati,

għal Global Petroleum Ltd, minn E. Turco, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Kalli u N. Ioannou, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, M. Noll‑Ehlers u B. De Meester, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, ir-Regione Puglia (ir‑Reġjun ta’ Puglia, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, il-ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ħarsien tal-Art u tal-Baħar, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Ambjent”), il‑ministero dei Beni e delle Attività culturali e del Turismo (il-Ministeru għall‑Patrimonju, għall-Attivitajiet Kulturali u għat-Turiżmu, l-Italja), il-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja), il‑Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l‑Italja) u l-Commissione tecnica di verifica dell’impatto ambientale (il‑Kummissjoni Teknika għall-Verifika tal-Effetti fuq l-Ambjent, l-Italja), dwar l‑applikazzjonijiet ippreżentati minn Global Petroleum Ltd sabiex tikseb permessi sabiex twettaq esplorazzjonijiet f’żoni kontigwi li jinsabu lil hinn mill-kosta tar‑Reġjun ta’ Puglia.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 94/22

3

Ir-raba’, is-sitt, is-seba’ u d-disa’ premessa tad-Direttiva 94/22 jiddikjaraw:

“Billi l-Istati Membri għandhom is-sovranità u drittijiet ta’ sovranità fuq ir-riżorsi ta’ idrokarburi fit-territorji tagħhom;

[…]

Billi għandhom jittieħdu passi biex jiġi assigurat l-aċċess mhux diskriminatorju għal u t-twettiq ta’ l-attività jiet li jirrelataw mat-tħaffir, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi permezz ta’ kondizzjonijiet li jinkoraġġixxu aktar kompetizzjoni f’dan is-settur u b’hekk jiffavorixxu l-aħjar prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ riżorsi fl-Istati Membri u jirrinfurzaw l-integrazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija;

Billi, għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti regoli komuni biex jassiguraw li l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi jkunu miftuħa għall-entitajiet kollha li għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa; billi l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi pubblikati; billi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtorizzazzjonijiet jingħataw għandhom bl-istess mod ikunu magħrufa bil-quddiem mill-entitajiet kollha li jieħdu sehem f’dik il-proċedura;

[…]

Billi l-limitu taż-żoni koperti b’awtorizzazzjoni u t-tul ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu llimitati biex tiġi evitata r-riserva għal entità waħda id-dritt esklużiv għal żona li tista’ tkun ipprospettata, esplorata u msaħħla [imdaħħla] fi produzzjoni b’mod aktar effiċjenti minn diversi entitajiet”.

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/22 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din il-Direttiva:

[…]

3.

awtorizzazzjoni’ tfisser kull liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew kuntrattwali jew strument maħruġ taħtha li bih l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jintitolaw entità li teżerċita, għaliha stess u fuq ir-riskju tagħha, dritt esklużiv li tipprospetta jew tesplora għal jew tipproduċi idrokarburi f’żona ġeografika. Awtorizzazzjoni tista’ tingħata għal kull attività separata jew għal diversi attività jiet fl-istess żmien;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li għandhom jintgħamlu disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u għal produzzjoni ta’ idrokarburi.

2.   Kull meta żona tintgħamel disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ dawn l-attività jiet.

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha interessati jistgħu jibgħatu applikazzjonijiet skond il-paragrafu 2 jew 3.

2.   Din il-proċedura għandha tinbeda:

(a)

jew fuq l-inizjattiva ta’ l-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ avviz li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati [li għandu jiġi ppubblikat] fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ mill-anqas 90 jum qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet;

(b)

jew permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati [li għandu jiġi ppubblikat] fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni minn xi entità mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1). Entitajiet oħra interessati għandhom ikollhom perijodu ta’ mill-anqas 90 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni li fiha jkunu jistgħu jibagħtu applikazzjoni.

L-avviżi għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ awtorizzazzjoni, iż-żona jew iż-żoni ġeografiċi li parti minnhom jew kollha kemm huma, applikazzjoni tkun ġiet jew tkun tista’ ssir u d-data proposta jew il-limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni.

[…]

4.   L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jekk u sa dak il-limitu li l-konsiderazzjonijiet ġeoloġiċi jew tal-produzzjoni jiġġustifikaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għal żoni lid-detentur ta’ l-awtorizazzjoni għal żona kontigwa. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jassiguraw li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet għal xi żoni kontigwi oħra jkunu jistgħu jibgħatu applikazzjonijiet f’dak il-każ u li jingħataw żmien biżżejjed sabiex jagħmlu dan.

[…]”

7

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li:

(a)

jekk iż-żoni ġeografiċi ma jkunux delimitati fuq il-bażi ta’ diviżjoni ġeometrika preċedenti tat-territorju, il-firxa ta’ kull żona hija ddeterminata b’tali mod li ma teċċedix iż-żona ġġustifikata mill-aħjar eżerċizzju possibbli ta’ l-attività jiet mill-punti di vista tekniċi w ekonomiċi. Fil-każi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija wara l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 3(2), kriterji oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti għal dan il-għan u għandhom jintgħamlu disponibbli għall-entitajiet qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet;

(b)

it-tul ta’ l-awtorizzazzjoni m’għandux jeċċedi l-perijodu meħtieġ għat-twettiq ta’ l-attività jiet li dwarhom tkun ingħatat l-approvazzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jtawwlu l-awtorizzazzjoni meta t-tul stipulat ma jkunx biżżejjed biex tiġi mwettqa l-applikazzjoni f’dak il-każ u meta l-attività tkun twettqet skond l-awtorizzazzjoni;

(ċ)

entitajiet li ma jżommux id-drittijiet esklużżivi fiż-żona ġeografika li dwarha jkunu rċevew l-awtorizzazzjoni għal itwal milli hu meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ l-attività jiet awtorizzati.”

Id-Direttiva 2011/92/UE

8

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”) jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

[…]

3.   Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.

[…]”.

Id-dritt Taljan

9

L-Artikolu 6 tal-legge n. 9 Norme per l’attuazione del nuovo Piano energetico nazionale: aspetti istituzionali, centrali idroelettriche ed elettrodotti, idrocarburi e geotermia, autoproduzione e disposizioni fiscali (il-Liġi Nru 9 dwar Dispożizzjonijiet għall-Implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija Ġdid: Aspetti Istituzzjonali, Impjanti Idroelettriċi u Linji tal-Elettriku, Idrokarburi u Sistemi Ġeotermali, Awtoproduzzjoni u Dispożizzjonijiet Fiskal), tad-9 ta’ Jannar 1991, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 13, tas-16 ta’ Jannar 1991, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/1991”), jipprevedi:

“1.   Il-permess ta’ esplorazzjoni għandu jingħata permezz ta’ digriet tal-Ministro dell’industria, del commercio e dell’artigianato [(il-Ministru għall-Industrija, għall-Kummerċ u għas-Snajja’, l-Italja)], wara konsultazzjoni mal-Comitato tecnico per gli idrocarburi e la geotermia [(il-Kumitat Tekniku għall-Idrokarburi u l-Enerġija Ġeotermali] […], bi qbil mal-Ministro dell’ambiente [(il-Ministru għall-Ambjent, l-Italja)] u mal-Ministro della marina mercantile [(il-Ministru għall-Flotta Merkantili, l-Italja)], skont l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom li jikkonċernaw l-attivitajiet li għandhom jiġu eżerċitati fil-qasam marittimu, fl‑ilmijiet territorjali u fuq il-blata kontinentali.

2.   Iż-żona koperta bil-permess ta’ esplorazzjoni għandha tkun tali li tippermetti t-twettiq razzjonali tal-programm ta’ esplorazzjoni u fi kwalunkwe każ ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 750 km2; art adjaċenti u żoni tal-baħar adjaċenti jistgħu jkunu inklużi fiż-żona koperta bil-permess.

3.   Jekk il-Ministru għall-Industrija, għall-Kummerċ u għas-Snajja’ ma jqisx li ż-żona mitluba hija ta’ daqs biżżejjed jew ta’ tifsila razzjonali għall-aħjar esplorazzjoni, huwa jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix il-permess ta’ esplorazzjoni sakemm iż-żona inkunsiderazzjoni ma tkunx tista’ tingħaqad ma’ żoni tal‑madwar.

4.   Il-permess ikun validu għal sitt snin.

5.   Il-persuna li jkollha l-permess għandha tkun intitolata għal żewġ estensjonijiet wara xulxin ta’ tliet snin kull waħda, sakemm hija tkun issodisfat l‑obbligi tal-permess.

6.   Il-persuna li jkollha l-permess tista’ tingħata estensjoni ulterjuri jekk, mal‑iskadenza definittiva tal-permess, xogħlijiet ta’ tħaffir jew testijiet ta’ produzzjoni jkunu għadhom għaddejja għal raġunijiet li ma jkunux tort l-inattività, in-negliġenza jew l-inkompetenza tagħha. L-estensjoni għandha tingħata għaż‑żmien meħtieġ sabiex jitlestew ix-xogħlijiet u, fi kwalunkwe każ, għal tul ta’ żmien li ma għandux ikun ta’ iktar minn sena. Il-programm tekniku u finanzjarju ddettaljat tal-perijodu l-ġdid ta’ xogħol għandu jiġi approvat bid-digriet ta’ estensjoni.”

10

Id-Digriet tad-Direttur tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar il-Proċeduri Operattivi li Jimplimentaw id-Digriet Ministerjali tal-25 ta’ Marzu 2015 u dwar il-Modalitajiet għat-Twettiq tal-Attivitajiet ta’ Prospettar, ta’ Esplorazzjoni u ta’ Estrazzjoni ta’ Idrokarburi Likwidi u f’Forma ta’ Gass u dwar il-Kontrolli Rispettivi, fis-sens tal-Artikolu 19(6) ta’ dan id‑digriet) (GURI Nru 204 tat-3 ta’ Settembru 2015), jirregola l-proċedura tal‑pubblikazzjoni tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ esplorazzjoni u dik tal‑għażla tal-operaturi. L-Artikolu 9(4) ta’ dan id-digriet tad-direttur jipprevedi b’mod partikolari li, fi żmien 90 jum mill-komunikazzjoni, mill-Ministeru, tar‑riżultat motivat tas-sejħa għall-kompetizzjoni lil kull wieħed mill-awturi ta’ tali applikazzjonijiet jew, fil-każijiet fejn ma tkun ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni kompetitriċi, fi żmien 90 jum mid-data tal-għeluq tal-perijodu tas‑sejħa għall-kompetizzjoni, l-awtur tal-applikazzjoni għandu jippreżenta lill‑awtorità kompetenti applikazzjoni għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

11

L-Artikolu 14(1) tal-imsemmi digriet jipprevedi li diversi permessi ta’ esplorazzjoni jew liċenzji uniċi fil-fażi tal-esplorazzjoni jistgħu jingħataw lill‑istess operatur wieħed, direttament jew permezz ta’ entitajiet li jeżerċitaw kontroll fuqu, jew li huma kkontrollati minnu, jew li jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħal dan l-operatur, bil-kundizzjoni li ż-żona totali ma tkunx ta’ iktar minn 10000 km2.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fis-27 ta’ Awwissu 2013, Global Petroleum, kumpannija Awstraljana li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tal-idrokarburi lil hinn mill-kosta, ippreżentat erba’ applikazzjonijiet quddiem il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku bil-għan li tikseb erba’ permessi sabiex twettaq esplorazzjonijiet f’żoni kontigwi li jinsabu lil hinn mill-kosta tar-Reġjun ta’ Puglia, b’superfiċji ta’ ftit inqas minn 750 km2 kull waħda.

13

Fit-30 ta’ Mejju 2014, Global Petroleum, peress li kienet obbligata tikseb deċiżjonijiet li jikkonstataw il-kompatibbiltà mal-ambjent tal-proġetti ta’ studji siżmiċi li hija kellha l-intenzjoni li twettaq skont it-teknika msejħa “air gun” fiż‑żoni kkonċernati, ippreżentat quddiem il-Ministeru għall-Ambjent erba’ applikazzjonijiet intiżi sabiex tinkiseb evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ dawn il-proġetti.

14

Permezz ta’ erba’ digrieti (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti kontenzjużi”), il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għall-Patrimonju, għall-Attivitajiet Kulturali u għat-Turiżmu ddikjaraw li l-proġetti inkwistjoni kienu kompatibbli mal-ambjent.

15

Ir-Reġjun ta’ Puglia ppreżenta rikors kontra kull wieħed mid-digrieti kontenzjużi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) intiżi għall-annullament tagħhom filwaqt li sostna li dawn id-digrieti kienu jiksru l-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 9/1991, li jipprovdi li ż-żona koperta mill-permess ta’ esplorazzjoni ma tistax taqbeż is-750 km2. Huwa jqis li dan il-limitu ta’ superfiċji ma japplikax għal kull permess meħud individwalment, iżda għall-operatur, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jistax jingħata diversi permessi li jirrigwardaw, flimkien, żona b’superfiċji totali ikbar minn dan il-limitu.

16

Dik il-qorti, permezz ta’ erba’ sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2018 u tal-14 ta’ Jannar 2019, ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-Reġjun ta’ Puglia. Hija qieset li Global Petroleum setgħet tikseb diversi permessi ta’ esplorazzjoni, inkluż għal żoni kontigwi, bil-kundizzjoni li kull applikazzjoni għal permess tirrigwarda żona b’superfiċji ta’ inqas minn 750 km2 u bil-kundizzjoni li kull permess jinħareġ wara proċedura separata.

17

Ir-Reġjun ta’ Puglia appella minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, filwaqt li bbaża ruħu, essenzjalment, fuq l-istess argumenti bħal dawk li kien ressaq fl-ewwel istanza.

18

Dik il-qorti għandha dubju, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/22 sa fejn din tal-aħħar ma hijiex intiża li tippromwovi sempliċi kompetizzjoni “għas-suq”, li tikkonsisti fl‑għażla ta’ operaturi permezz ta’ mekkaniżmi kompetittivi, iżda hija intiża li tippromwovi kompetizzjoni “fis-suq”, ibbażata fuq il-parteċipazzjoni tal-ikbar numru ta’ operaturi kompetituri. Fil-fehma tagħha, dan l-Artikolu 4 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu portata ideali waħda, fid-daqs u fiż-żmien, għall-finijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl‑imsemmi artikolu, b’tali mod li jiġi evitat li dawn l-awtorizzazzjonijiet jingħataw lil ftit operaturi jew saħansitra lil operatur uniku.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, it-tneħħija, permezz tal-Liġi Nru 9/1991, tal-limitu tad‑daqs massimu globali ta’ 1000000 ettaru għall-permessi li setgħu jinħarġu lil operatur wieħed tmur kontra l-għan li tiġi promossa l-kompetizzjoni mfittex mid‑Direttiva 94/22. Hija tqis li l-fatt li d-Digrieti tad-Direttur tat-22 ta’ Marzu 2011 u tal-15 ta’ Lulju 2015 żammew il-limitu massimu ta’ 10000 km2 għal kull operatur ma għandu ebda impatt fuq din l-evalwazzjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-[Direttiva 94/22] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta, li minn naħa, tiddefinixxi bħala ottimali għall-finijiet tal-ħruġ ta’ permess ta’ esplorazzjoni ta’ idrokarburi żona partikularment estiża, maħruġ għal perijodu determinat – f’dan il-każ żona ta’ 750 kilometru kwadru għal sitt snin – u li, min-naħa l-oħra, tippermetti li dawn il-limiti jinqabżu permezz tal-għoti ta’ diversi permessi ta’ esplorazzjoni għal żoni kontigwi favur l-istess operatur wieħed, bil-kundizzjoni li dawn jinħarġu wara proċeduri amministrattivi separati?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

21

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan jeċċepixxi l‑inammissibbiltà tad-domanda preliminari.

22

Huwa jsostni, l-ewwel, li t-tilwima mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-legalità ta’ atti li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq l-ambjent, evalwazzjoni li hija bbażata fuq ir‑regoli fil-qasam ambjentali, filwaqt li d-domanda magħmula tikkonċerna l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 94/22. It-tieni, dan il-gvern iqis li r-Reġjun ta’ Puglia ma għandux interess ġuridiku attwali u reali peress li l-applikazzjonijiet għal permess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw żoni adjaċenti għall‑kosta li jagħmlu parti mill-ilmijiet territorjali u li għalhekk jaqgħu taħt il‑kompetenza esklużiva tal-Istat. It-tielet, il-Gvern Taljan isostni li dawn il‑permessi għadhom ma ngħatawx peress li l-għoti tagħhom, bħal dak ta’ kull permess ta’ esplorazzjoni ieħor, huwa sospiż sal-approvazzjoni minn qabel ta’ strument ta’ ppjanar ġenerali tal-attivitajiet tal-minjieri fit-territorju nazzjonali.

23

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li ser ikollha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, tkun marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad‑domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, il-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 94/22, filwaqt li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna rikorsi ppreżentati kontra d-digrieti kontenzjużi, li kienu ġew adottati abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva EEA, ma huwiex ta’ natura li jirrendi din id-domanda inammissibbli.

26

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju speċifikat li dawn id-digrieti ngħataw fil-kuntest tal‑proċedura dwar l-applikazzjonijiet għal permessi ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi, li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d‑Direttiva 94/22. B’mod partikolari, fid-dritt Taljan, il-proċedura ta’ evalwazzjoni ambjentali mwettqa abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva EEA tagħmel parti integrali mill-proċedura għall-għoti ta’ tali permessi. Għaldaqstant, dawn il-proċeduri ma jeskludux lil xulxin iżda, għall‑kuntrarju, jikkomplementaw lil xulxin.

27

Il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li s-soluzzjoni għat-tilwima li għandha quddiemha tiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domanda magħmula. Dik il-qorti tenfasizza li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad‑domanda magħmula fis-sens li d-Direttiva 94/22 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-proġetti li huma s-suġġett tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ esplorazzjoni intiżi sabiex ikopru superfiċji totali ta’ iktar minn 750 km2 ma jkunux jistgħu jiġu awtorizzati u d-digrieti kontenzjużi, adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, ikollhom jiġu annullati.

28

Fir-rigward tal-argument, imressaq mill-Gvern Taljan, li l-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni fl-ilmijiet territorjali jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Taljan u għalhekk ir-Reġjun ta’ Puglia ma għandux interess li jikkontesta l-legalità tad-digrieti kontenzjużi, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jikkonċerna l-kwistjoni tal-interess ġuridiku quddiem il-qrati Taljani, li hija irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tad-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Acoset, C‑196/08, EU:C:2009:628, punti 3334).

29

Bl-istess mod, l-eventwali konsegwenzi fuq il-proċedura fil-kawża prinċipali tal‑allegata sospensjoni tal-proċeduri pendenti kollha intiżi għall-ħruġ ta’ permessi ta’ esplorazzjoni ġodda għandhom jiġu evalwati mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal‑konklużjonijiet tiegħu, li, peress li din il-proċedura hija pendenti, id-domanda preliminari ineżami ma hijiex ta’ natura ipotetika.

30

Għaldaqstant, id-domanda magħmula hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 94/22 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu massimu għad-daqs taż-żona koperta minn permess ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi, iżda li ma tipprojbixxix li l-istess operatur jingħata diversi permessi għal żoni kontigwi li flimkien ikopru superfiċji ikbar minn dan il-limitu.

32

Dik il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Istati Membri għandhomx jiddelimitaw b’mod ideali, fiż-żmien u fid-daqs, iż-żoni li huma s-suġġett ta’ permessi ta’ esplorazzjoni, u dan sabiex tiġi evitata l-konċentrazzjoni ta’ dawn il‑permessi f’idejn ftit operaturi jew saħansitra f’idejn operatur wieħed.

33

Ir-Reġjun ta’ Puglia jenfasizza, f’dan ir-rigward, li erba’ applikazzjonijiet għal permess ta’ esplorazzjoni ġew ippreżentati kważi fl-istess ħin mill-istess kumpannija, jiġifieri Global Petroleum, fir-rigward ta’ żoni kontigwi. Dan ir‑reġjun isostni li l-possibbiltà, għall-istess operatur, li jippreżenta tali applikazzjonijiet tippermetti t-tqassim f’partijiet ta’ permess li fir-realtà jikkorrispondi għall-istess proġett ta’ esplorazzjoni wieħed. Tali sitwazzjoni twassal sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni titħalla mhux applikata kif ukoll għal konsegwenzi dannużi mhux biss fil-livell tal-kompetizzjoni iżda wkoll f’dak tal‑ambjent, minħabba t-tekniki ta’ esplorazzjoni użati.

34

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 94/22 hija intiża b’mod partikolari, kif tiddikjara s‑seba’ premessa tagħha, li tistabbilixxi regoli komuni li jiżguraw li l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, għall-esplorazzjoni u għall‑estrazzjoni ta’ idrokarburi jkunu miftuħa għall-entitajiet kollha li għandhom il-kapaċitajiet neċessarji u li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ppubblikati. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal‑konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 94/22 jaqgħu taħt id‑dritt tal-kuntratti pubbliċi.

35

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-daqs taż-żoni ġeografiċi koperti mill-permessi ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi mogħtija abbażi tad-Direttiva 94/22, mir-raba’ premessa ta’ din tal-aħħar jirriżulta li “l-Istati Membri għandhom is-sovranità u drittijiet ta’ sovranità fuq ir-riżorsi ta’ idrokarburi fit-territorji tagħhom”. B’hekk, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li għandhom jintgħamlu disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u għal produzzjoni ta’ idrokarburi”.

36

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(a) tal-imsemmija direttiva jeżiġi, kif irrileva l‑Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-determinazzjoni ta’ żona li “ma teċċedix iż-żona ġġustifikata mill-aħjar eżerċizzju possibbli ta’ l‑attività jiet mill punti di vista tekniċi w ekonomiċi” jekk id-delimitazzjoni taż‑żoni ġeografiċi ma tirriżultax minn diviżjoni ġeometrika minn qabel tat‑territorju.

37

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(ċ) jipprevedi li l-entitajiet ma għandhomx iżommu drittijiet esklużivi fiż-żona ġeografika li fir-rigward tagħha jkunu rċevew awtorizzazzjoni għal żmien itwal minn dak li jkun meħtieġ sabiex l-attivitajiet awtorizzati jitwettqu b’mod korrett. B’mod partikolari, kif iddikjarat fid-disa’ premessa ta’ din id-direttiva, id-daqs taż-żoni koperti minn awtorizzazzjoni u t-tul tal-awtorizzazzjoni għandhom ikunu limitati b’mod li jiġi evitat li l-istess entità waħda tingħata dritt esklużiv fuq żona li l-prospettar, l-esplorazzjoni jew l‑isfruttament tagħha jkunu jistgħu jiġu żgurati b’mod iktar effettiv minn diversi entitajiet.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 94/22 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddelimita ż-żona ġeografika u l-perijodu li għalihom awtorizzazzjoni tista’ tingħata, filwaqt li dawn id-delimitazzjonijiet għandhom madankollu jkunu ta’ natura li jiggarantixxu l-aħjar eżerċizzju possibbli tal‑attivitajiet kemm mill-perspettiva teknika u kemm minn dik ekonomika.

39

Fit-tieni lok, fir-rigward tan-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li entità tista’ tapplika għalihom jew li jistgħu jinżammu minnha, għandu jitfakkar li, konformement mal‑Artikolu 1 tad-Direttiva 94/22, kull awtorizzazzjoni għandha tagħti dritt esklużiv għall-prospettar, għall-esplorazzjoni jew għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi f’żona ġeografika waħda, għal perijodu limitat.

40

Barra minn hekk, mis-sitt premessa tad-Direttiva 94/22 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi, sabiex jiffavorixxu kompetizzjoni ikbar f’dan is-settur u, b’hekk, jiffavorixxu l-aħjar metodi possibbli sabiex jiġu eżerċitati dawn l-attivitajiet u sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija.

41

Bl-istess mod, l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn l-entitajiet ekonomiċi interessati fir-rigward tal-aċċess għal dawn l-attivitajiet u fir-rigward tal‑eżerċizzju tagħhom (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Eni u Shell Italia E & P, C‑364/18 u C‑365/18, EU:C:2019:938, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċeduri trasparenti, li jippermettu lill-entitajiet interessati kollha jippreżentaw applikazzjonijiet bil-għan li jkollhom aċċess, f’kundizzjonijiet identiċi, għall-imsemmija attivitajiet u għall-eżerċizzju tagħhom.

43

Huwa bħala deroga minn dan il-prinċipju li, fir-rigward taż-żoni kontigwi, l‑Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jeżenta lill-Istati Membri milli jużaw l‑imsemmija proċeduri “jekk u sa dak il-limitu li l-konsiderazzjonijiet ġeoloġiċi jew tal-produzzjoni jiġġustifikaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għal żoni lid‑detentur ta’ l-awtorizazzjoni għal żona kontigwa”. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan jirriżulta li diversi awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw, għal żoni kontigwi, lill-istess operatur wieħed.

44

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 94/22 timponix li l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi jkun limitat għal żona waħda għal kull operatur, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma tipprevedi ebda limitazzjoni fir-rigward tan-numru ta’ awtorizzazzjonijiet u/jew tan-numru ta’ entitajiet li lilhom jistgħu jinħarġu l‑awtorizzazzjonijiet.

45

Madankollu, l-Istat Membru għandu jiżgura li kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal sfruttament tkun suġġetta għall-proċeduri u għar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/22, bla ħsara għad-deroga prevista fil‑paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, u li, f’dan il-kuntest, jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, li huma prinċipji li għandhom importanza partikolari sabiex jintlaħaq l-għan, imfittex mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jiġi żgurat aċċess ugwali għas-suq għall-entitajiet interessati kollha, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu.

46

Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li d-delimitazzjoni taż-żoni ġeografiċi kif ukoll ir-regoli dwar il-proċeduri u l-modalitajiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, għall-esplorazzjoni u għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi jkunu ta’ natura li jiggarantixxu t-trasparenza kif ukoll l-aċċess mhux diskriminatorju għall‑attivitajiet ta’ prospettar, ta’ esplorazzjoni u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi, u l-eżerċizzju tagħhom, f’kundizzjonijiet li jiffavorixxu kompetizzjoni ikbar f’dan is-settur u, b’hekk, li jiffavorixxu l-aħjar metodi possibbli għall-prospettar, għall‑isfruttament u għall-estrazzjoni tar-riżorsi tal-Istati Membri u li jsaħħu l‑integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija.

47

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, meta l-leġiżlazzjoni Taljana tipprevedi li ż‑żona koperta minn awtorizzazzjoni għall-esplorazzjoni għal idrokarburi għandha tkun ta’ natura li tippermetti li l-programm ta’ esplorazzjoni jkun jista’ jitwettaq b’mod razzjonali mingħajr ma tkun tista’ taqbeż superfiċji ta’ 750 km2, dan id‑daqs għandu jitqies li huwa ta’ natura li jiggarantixxi l-aħjar eżerċizzju possibbli tal-attivitajiet kemm mill-perspettiva teknika u kemm minn dik ekonomika, kif jeżiġi l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22.

48

Madankollu, jekk il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru taċċetta li l-istess operatur japplika għal diversi awtorizzazzjonijiet, mingħajr ma tillimita n-numru tagħhom, f’dan il-każ ikollu jiġi żgurat li s-superfiċji koperta minn dawn l‑awtorizzazzjonijiet, ikkunsidrati flimkien, tippermetti wkoll li jiġi ggarantit l‑aħjar eżerċizzju possibbli tal-attivitajiet kemm mill-perspettiva teknika u kemm minn dik ekonomika, u ma tkunx ta’ natura tali li, fid-dawl tad-drittijiet esklużivi marbuta ma’ tali awtorizzazzjonijiet, tipperikola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 94/22, imfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

49

Għandu jingħad ukoll, kif ġie rrilevat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li d-digrieti kontenzjużi ġew adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l‑ambjent tal-proġetti li huma s-suġġett tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ esplorazzjoni. F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li d-delimitazzjoni taż-żoni ġeografiċi miftuħa għall‑prospettar għall-esplorazzjoni u għall-isfruttament, prevista fl-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 9/1991, tikkonċerna kemm il-proċedura għall-għoti ta’ permess ta’ esplorazzjoni kif ukoll il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal‑proġetti ta’ esplorazzjoni, u li l-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija intiża, b’mod partikolari, li tipproteġi l-interessi relatati mal‑protezzjoni tal-ambjent.

50

Fuq dan il-punt, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li t-teknika użata minn Global Petroleum sabiex tfittex idrokarburi, li tikkonsisti fl-użu ta’ ġeneratur tal-arja kkompressata bi pressjoni għolja, imsejjaħ “air gun”, sabiex tiġġenera ondi siżmiċi li jidħlu f’kuntatt mal-qiegħ tal-baħar, setgħet tkun dannuża għall-fawna tal-baħar u li, għal din ir-raġuni, dawn il-proġetti kellhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva EEA.

51

Għalhekk, għalkemm id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 94/22, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-possibbiltà li l-istess operatur jingħata diversi permessi għal żoni kontigwi li jkopru, flimkien, superfiċji ikbar minn dik ikkunsidrata mil‑leġiżlatur nazzjonali bħala li hija ta’ natura li tippermetti li l-programm ta’ esplorazzjoni jitwettaq b’mod razzjonali, hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva SEA.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-direttiva tal-aħħar, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti kumulattivi ta’ proġetti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkun neċessarju sabiex jiġi evitat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni titħalla mhux applikata bil-qsim f’partijiet ta’ proġetti li, ikkunsidrati flimkien, jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l‑ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen, C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 95).

53

F’dan il-każ, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ambjentali kollha li jirriżultaw mid-delimitazzjonijiet fiż-żmien u fid-daqs taż-żoni koperti mill‑permessi ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi.

54

Għaldaqstant, għandu jitqies li, għalkemm il-leġiżlazzjoni Taljana taċċetta li l-istess operatur wieħed japplika għal diversi permessi ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi, mingħajr ma tillimita n-numru tagħhom, fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont l-Artikolu 4(2) u (3) tad‑Direttiva EEA għandu jiġi evalwat ukoll l-effett kumulattiv tal-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad‑domanda magħmula hija li d-Direttiva 94/22 u l-Artikolu 4(2) u (3) tad‑Direttiva EEA għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu massimu għad-daqs taż-żona koperta minn permess ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi iżda li ma tipprojbixxix espressament li l-istess operatur wieħed jingħata diversi permessi għal żoni kontigwi li jkopru, flimkien, superfiċji ikbar minn dan il-limitu, bil-kundizzjoni li tali għoti jkun ta’ natura li jiggarantixxi l-aħjar eżerċizzju possibbli tal-attività ta’ esplorazzjoni kkonċernata kemm minn perspettiva teknika u kemm minn dik ekonomika, kif ukoll li jiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid‑Direttiva 94/22. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jiġi evalwat ukoll l-effett kumulattiv tal-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, li jkunu ppreżentati minn dan l-operatur fl‑applikazzjonijiet tiegħu għal permess ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi u l‑Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi limitu massimu għad-daqs taż-żona koperta minn permess ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi iżda li ma tipprojbixxix espressament li l-istess operatur wieħed jingħata diversi permessi għal żoni kontigwi li jkopru, flimkien, superfiċji ikbar minn dan il‑limitu, bil-kundizzjoni li tali għoti jkun ta’ natura li jiggarantixxi l-aħjar eżerċizzju possibbli tal-attività ta’ esplorazzjoni kkonċernata kemm minn perspettiva teknika u kemm minn dik ekonomika, kif ukoll li jiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 94/22. Fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jiġi evalwat ukoll l-effett kumulattiv tal-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, li jkunu ppreżentati minn dan l-operatur fl-applikazzjonijiet tiegħu għal permess ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.