SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Direttiva 2014/104/UE – Artikoli 10, 17 u 22 – Azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea – Terminu ta’ preskrizzjoni – Preżunzjoni konfutabbli ta’ dannu – Kwantifikazzjoni tad-danni mġarrba – Traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva – Applikazzjoni ratione temporis – Dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali”

Fil-Kawża C‑267/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de León (il-Qorti Provinċjali ta’ Léon, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2020, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

Volvo AB (publ.),

DAF Trucks NV

vs

RM,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

Komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Volvo AB (publ.), minn N. Gómez Bernardo u R. Murillo Tapia, abogados,

għal DAF Trucks NV, minn C. Gual Grau, abogado, M. de Monchy u J. K. de Pree, advocaten, D. Sarmiento Ramírez-Escudero u P. Vidal Martínez, abogados,

għal RM, minn M. Picón González, procuradora, u I. San Primitivo Arias, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn A. Kalbus, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, M. Farley u G. Meessen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikoli 10 u 17 u tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), kif ukoll tal-prinċipju ta’ effettività.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Volvo AB (publ.) u DAF Trucks NV u, min-naħa l-oħra, RM fir-rigward ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn RM u li għandu bħala suġġett kumpens għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ikkonstatat mill-Kummissjoni Ewropea, li twettaq minn diversi manifatturi tat-trakkijiet, fosthom Volvo u DAF Trucks.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 47 tad-Direttiva 2014/104 tistipula:

“Bħala rimedju għall-asimmetrija tal-informazzjoni u għal xi ftit mid-diffikultajiet assoċjati mal-kwantifikazzjoni tal-ħsara [tad-danni] fil-każijiet tal-liġi [tad-dritt] tal-kompetizzjoni u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-pretensjonijiet [azzjonijiet] għad-danni, huwa xieraq li wieħed jissoponi li l-ksur minn kartell [fil-forma ta’ akkordju] jirriżulta fi ħsara, b’mod partikolari permezz ta’ effett fuq il-prezzijiet. Skont il-fatti tal-każ, il-kartelli [l-akkordji] jwasslu għal żieda fil-prezzijiet jew impedixxu li jkun hemm tnaqqis tal-prezzijiet li kien iseħħ li kieku ma kienx il-kartell. Din is-suppożizzjoni [preżunzjoni] ma għandhiex tkopri l-ammont konkret tal-ħsara. Il-kontraventuri għandhom jitħallew jikkontestaw it-tali suppożizzjoni. Huwa xieraq li tiġi limitata din is-suppożizzjoni konfutabbli għall-kartelli, minħabba n-natura sigrieta tagħhom, li żżid l-asimmetrija tal-informazzjoni msemmija u tagħmilha aktar diffiċli għall-atturi biex jiksbu l-evidenza meħtieġa biex jagħtu prova tal-ħsara.”

4

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perijodi [Termini] ta’ preskrizzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perijodi [termini] ta’ preskrizzjoni għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu [terminu] ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ żmien tal-perijodu u ċ-ċirkostanzi li taħthom huwa interrott jew sospiż.

2.   Il-perijodi ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi [tad-dritt] tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

a)

bl-imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

b)

bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara [danni] lilu; u

c)

l-identità tal-kontraventur.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta’ ħames snin.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti tagħha [it-teħid ta’ azzjoni] fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.”

5

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kwantifikazzjoni tal-ħsara [tad-danni]”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-piż [l-oneru] u lanqas l-istandard [il-livell] tal-provi meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tal-ħsara [tad-dannu] ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, skont proċeduri nazzjonali, jistmaw l-ammont ta’ ħsara jekk jiġi stabbilit li attur ġarrab ħsara iżda li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna biex jiġi kkwantifikat b’mod preċiż il-ħsara mġarrba abbażi tal-evidenza disponibbli.

2.   Għandu jiġi preżunt li ksur minn kartelli [imwettaq fil-kuntest ta’ akkordju] jikkaġuna ħsara. Il-kontraventur għandu jkollu d-dritt li jirribatti dik il-preżunzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti marbuta ma’ azzjoni għal danni, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, tista’, fuq talba ta’ qorti nazzjonali, tassisti lil dik il-qorti nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-quantum tad-danni fejn dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tqis li tali assistenza hija adatta.”

6

L-Artikolu 21(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-referenza.”

7

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Applikazzjoni temporali [ratione temporis]”, jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta’ Diċembru 2014.”

8

L-Artikolu 25(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-ħin jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm.”

9

Skont kliem l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Publikazzjoni tad-deċiżjonijiet”:

“1.   Il-Kummissjoni ħa tippublika id-deċiżjonijiet tagħha, li tieħu skond l-Artikoli 7 sa 10, 23 u 24.

2.   Il-pubblikazzjoni ħa ssemmi il-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, incluż kwalunkwe pieni [sanzjonijiet] imposti. Hi ħa jkollha rigward għall-interessi leġitimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.”

Id-dritt Spanjol

10

Skont kliem l-Artikolu 74(1) tal-Ley 15/2007 de Defensa de la Competencia (il-Liġi 15/2007, dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni), tat‑3 ta’ Lulju 2007 (BOE Nru 159, tal-4 ta’ Lulju 2007, p. 28848), kif emendata bir-Real Decreto-ley 9/2017 por el que se transponen directivas de la Unión Europea en los ámbitos financiero, mercantil y sanitario, y sobre el desplazamiento de trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017, li jittrasponi d-direttivi tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-finanzi, tal-kummerċ u tas-saħħa, u dwar il-kollokament tal-ħaddiema), tas-26 ta’ Mejju 2017 (BOE Nru 126, tas-27 ta’ Mejju 2017, p. 42820) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 15/2007, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017”):

“It-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa ta’ ħames snin.”

11

L-Artikolu 76(2) u (3) tal-Liġi 15/2007, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017, jipprevedi:

“2.   Jekk jiġi stabbilit li rikorrent sofra dannu, iżda huwa prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li d-dannu mġarrab jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni abbażi tal-provi disponibbli, il-qrati huma awtorizzati li jistmaw l-ammont tal-kumpens għad-dannu.

3.   Il-ksur imwettaq fil-kuntest ta’ akkordju huwa preżunt, sakemm jiġi pprovat mod ieħor, li jikkawża danni.”

12

L-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 li jittrasponi d-Direttiva 2014/104 fid-dritt Spanjol, intitolat “Sistema tranżitorja fil-qasam ta’ azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea”, tipprovdi:

“1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv irjali ma japplikawx retroattivament.

2. d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv irjali japplikaw biss għall-proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.”

13

L-Artikolu 1902 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jistipula:

“Kull min bl-att jew bl-ommissjoni tiegħu jikkawża dannu lil ħaddieħor, minħabba tort jew negliġenza, huwa obbligat jikkumpensa d-dannu kkawżat.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Matul is-snin 2006 u 2007, RM xtara, mingħand Volvo u mingħand DAF Trucks, tliet trakkijiet immanifatturati minn dawn il-kumpanniji.

15

Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) u ppubblikat stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward. Fis-6 ta’ April 2017, konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, din l-istituzzjoni ppubblikat is-sunt ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

16

Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li diversi manifatturi ta’ trakkijiet, fosthom Volvo u DAF Trucks, kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) billi ftehmu, minn naħa, fuq l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet ta’ piż ta’ bejn 6 u 16‑il tunnellata, jiġifieri trakkijiet medji, jew ta’ piż ta’ iktar minn 16‑il tunnellata, jiġifieri trakkijiet tqal, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u, min-naħa l-oħra, fuq l-iskeda u t-twaqqit tal-kostijiet għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjonijiet meħtieġa mill-Istandards Euro 3 sa 6. F’dak li jikkonċerna Volvo u DAF Trucks, il-ksur dam mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

17

Fis-27 ta’ Mejju 2017, jiġifieri ħames xhur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, daħal fis-seħħ id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 li jittrasponu din id-direttiva fid-dritt Spanjol.

18

Fl‑1 ta’ April 2018, RM ippreżenta rikors kontra Volvo u DAF Trucks quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de León (il-Qorti Kummerċjali ta’ León, Spanja). Dan ir-rikors huwa intiż għall-kumpens għad-dannu li r-RM allegatament ġarrab minħabba l-prattiki antikompetittivi li kienu wettqu dawn iż-żewġ kumpanniji. L-imsemmi rikors huwa bbażat, prinċipalment, fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 15/2007, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017, u, sussidjarjament, fuq is-sistema ġenerali tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 1902 tal-Kodiċi Ċivili. Dan l-istess rikors jikkostitwixxi azzjoni għad-danni ppreżentata wara deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

19

Volvo u DAF Trucks opponew dan ir-rikors billi sostnew, b’mod partikolari, li dan kien preskritt u li RM ma kienx ipprova li kien hemm rabta kawżali bejn il-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni C(2016) 4673 final u ż-żieda fil-prezzijiet tat-trakkijiet.

20

Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019 il-Juzgado de lo Mercantil de León (il-Qorti Kummerċjali ta’ León), laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ RM u kkundannat lil Volvo u DAF Trucks iħallsu lil RM kumpens li jikkorrispondi għal 15 % tal-prezz tax-xiri tat-trakkijiet, flimkien mal-interessi legali, mingħajr madankollu ma kkundannat lil dawn il-kumpanniji għall-ispejjeż. L-imsemmija qorti ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni eċepita minn Volvo u DAF Trucks, għar-raġuni, b’mod partikolari, li t-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 74(1) tal-Liġi 15/2007, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017, li jittrasponi l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/104, kien fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tal-azzjoni u kien għalhekk applikabbli għall-kawża inkwistjoni. Barra minn hekk, meta qieset li l-Artikolu 76(2) u (3) ta’ din il-liġi, li jittrasponi l-Artikolu 17(1) u (2) ta’ din id-direttiva, huwa dispożizzjoni proċedurali, l-imsemmija qorti bbażat ruħha, fl-ewwel lok, fuq il-preżunzjoni ta’ dannu stabbilita fl-Artikolu 76(3) tal-Liġi 15/2007, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 sabiex tiddeċiedi li kien jeżisti dannu kkawżat lil RM u, fit-tieni lok, fuq l-Artikolu 76(2) ta’ din il-liġi sabiex tikkwantifika l-ammont ta’ dan id-dannu.

21

Volvo u DAF Trucks appellaw mis-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Léon (il-Qorti Provinċjali ta’ Léon, Spanja). Dawn iż-żewġ impriżi jsostnu li d-Direttiva 2014/104 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ għaliex hija ma kinitx fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tal-ksur inkwistjoni, sa fejn l-imsemmi ksur intemm fit-18 ta’ Jannar 2011. Skont l-imsemmija impriżi, hija d-data tat-twettiq ta’ dan il-ksur li hija rilevanti għad-determinazzjoni tas-sistema applikabbli għar-rikors għad-danni ta’ RM.

22

Volvo u DAF Trucks isostnu, għaldaqstant, li r-rikors għad-danni ta’ RM huwa preskritt. F’dan ir-rigward, DAF Trucks issostni li ma huwiex it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 traspost fl-Artikolu 74(1) tal-Liġi 15/2007, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017, li huwa applikabbli, iżda dak ta’ sena previst fl-Artikolu 1968 tal-Kodiċi Ċivili. Barra minn hekk, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena beda jiddekorri b’effett mill-pubblikazzjoni tal-Istqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final. Għal din ir-raġuni, din il-kumpannija ssostni li, fid-data ta’ meta RM ippreżenta r-rikors tiegħu għad-danni, jiġifieri fl-1 ta’ April 2018, l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni kien skada.

23

Volvo u DAF Trucks ikomplu jesponu li, sa fejn din id-direttiva ma hijiex applikabbli, għandha tiġi prodotta l-prova, f’dan il-każ, kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-ammont tad-dannu, u li fin-nuqqas ta’ dan l-imsemmi rikors għandu jiġi miċħud.

24

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10 u tal-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104. Hija tqis li dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa speċifikat fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva.

25

Sabiex tiddetermina jekk l-Artikolu 10 u l-Artikolu 17(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxu, rispettivament, regoli li jirregolaw it-terminu ta’ preskrizzjoni, l-eżistenza tad-dannu li jirriżulta minn akkordju u l-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu, humiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex ta’ natura sostantiva jew ta’ natura proċedurali.

26

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt ta’ liema huwa l-mument rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmija dispożizzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex applikabbli f’dan il-każ.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de León (il-Qorti Provinċjali ta’ Léon) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 101TFUE u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tqis li kemm it-terminu għall-eżerċizzju tal-azzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2014/104], kif ukoll l-Artikolu 17 [ta’ din id-direttiva]dwar l-istima ġudizzjarja tad-danni ma humiex retroattivament applikabbli, sa fejn bħala l-punt ta’ riferiment tar-retroattività tiffissa d-data tas-sanzjoni u mhux dik tal-eżerċizzju tal-azzjoni?

2)

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104/UE u t-terminu “retroattivament” għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikolu 10 tal-istess direttiva huwa applikabbli għal azzjoni bħal dik eżerċitata fil-kawża prinċipali, li, għalkemm tressqet wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u tal-liġi ta’ traspożizzjoni, tirrigwarda, madankollu, fatti jew sanzjonijiet preċedenti?

3)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 76 tal-[Liġi 15/2007], l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/104/UE, dwar l-istima ġudizzjarja tad-danni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa regola ta’ natura proċedurali li tapplika għall-kawża prinċipali, jiġifieri għal azzjoni eżerċitata wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li biha tinsab adita, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, hemm lok, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lil dik il-qorti, li d-domandi preliminari jiġu fformulati mill-ġdid.

30

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 10 u tal-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104, konformement mal-Artikolu 22 tagħha, għal rikors għad-danni li, għalkemm jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali.

Osservazzjonijiet preliminari

31

Għandu jitfakkar li, b’kuntrast mar-regoli proċedurali li ġeneralment huma meqjusa li japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom (is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Skarb Państwa (Kopertura tal-assigurazzjoni għal vetturi bil-mutur), C‑428/20, EU:C:2021:1043, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Għalkemm hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt il-liġi l-qadima, hija tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Ikun mod ieħor, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Skarb Państwa (Kopertura tal-assigurazzjoni għal vetturi bil-mutur), C‑428/20, EU:C:2021:1043, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-direttivi, huma biss, bħala regola ġenerali, is-sitwazzjonijiet legali konklużi wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva li jistgħu jkunu marbutin mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva (digriet tas-16 ta’ Mejju 2019, Luminor Bank, C‑8/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:429, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Dan jgħodd ukoll, a fortiori, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt ir-regola l-qadima li jkomplu jipproduċu l-effetti tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-atti nazzjonali meħuda għat-traspożizzjoni ta’ direttiva wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha.

35

F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi mfakkar li din id-direttiva tinkludi dispożizzjoni speċjali, li tistabbilixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet sostantivi u mhux sostantivi tagħha (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 25).

36

B’mod partikolari, minn naħa, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 tagħha sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 26).

37

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali adottata biex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet mhux sostantivi ta’ din id-direttiva ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni li qorti nazzjonali kienet ġiet adita bihom qabel is-26 ta’ Diċembru 2014 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 27).

38

Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk id-dispożizzjoni kkonċernata tikkostitwixxix dispożizzjoni sostantiva jew le.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-punt li jsir magħruf liema huma, fost id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, dawk li huma sostantivi u dawk li ma humiex għandu, fl-assenza ta’ riferiment, fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104, għad-dritt nazzjonali, jiġi evalwat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u mhux fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli.

40

Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmi artikolu ma jispeċifikax għal kull dispożizzjoni individwali jekk hijiex sostantiva jew le, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, li l-paragrafu (1) tiegħu jagħmel riferiment għad-“dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva”, jirriżulta mingħajr ebda dubju li huma d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u mhux il-miżuri nazzjonali adottati sabiex jikkonformaw ruħhom magħha li huma msemmija bħala li huma jew sostantivi jew mhux sostantivi.

41

Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Membri jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tan-natura sostantiva jew mhux sostantiva tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104, x’aktarx li jkun ta’ ħsara għall-applikazzjoni effettiva, koerenti u uniformi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-Unjoni.

42

Ladarba jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni kkonċernata hijiex ta’ natura sostantiva jew mhux sostantiva, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn din id-direttiva ġiet trasposta b’mod tardiv, is-sitwazzjoni inkwistjoni, sa fejn ma tistax tiġi kkwalifikata bħala ġdida, kinitx konkluża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva jew jekk din komplietx tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104

43

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura sostantiva jew mhux sostantiva tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, għandu jitfakkar li, skont kliem il-paragrafu (1) tiegħu, dan l-artikolu jistabbilixxi regoli dwar it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-paragrafi (2) u (4) tal-imsemmi artikolu jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni u ċ-ċirkustanzi li fihom dan jista jiġi interrott jew sospiż.

44

L-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika t-tul minimu tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkunu, mill-inqas, ta’ ħames snin.

45

Il-funzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/104, hija b’mod partikolari dik li, minn naħa, tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża, peress li din għandu jkollha biżżejjed żmien sabiex tiġbor informazzjoni xierqa fid-dawl ta’ eventwali rikors, u, min-naħa l-oħra, li tevita li l-persuna leża tkun tista’ ddewwem b’mod indefinit l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għad-danni għad-detriment tal-persuna responsabbli għad-dannu. Għalhekk dan it-terminu jipproteġi, fl-aħħar mill-aħħar, kemm lill-persuna leża kif ukoll lill-persuna responsabbli għad-dannu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 53).

46

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’kuntrast mat-termini tal-proċedura, it-terminu ta’ preskrizzjoni, peress li jinvolvi l-estinzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja, huwa relatat mad-dritt sostantiv peress li dan jaffettwa l-eżerċizzju ta’ dritt suġġettiv li l-persuna kkonċernata ma tistax iktar tinvoka b’mod effettiv quddiem qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 52).

47

Għalhekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, osserva fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 huwa dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva.

48

Fit-tieni lok, peress li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li d-Direttiva 2014/104 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol ħames xhur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 21 tagħha, sa fejn id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 li jittrasponi din id-direttiva daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Mejju 2017, għandu, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx konkluża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva jew jekk din tkomplix tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

49

Għal dan il-għan, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tar-regoli ta’ preskrizzjoni, tan-natura tagħhom kif ukoll tal-mekkaniżmu ta’ funzjonament tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni mressqa wara deċiżjoni definittiva li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi mistħarreġ jekk, fid-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri fis-27 ta’ Diċembru 2016, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx skada, u dan jimplika li għandu jiġi ddeterminat il-mument li fih dan it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri.

50

Issa, fir-rigward tal-mument ta’ meta beda jiddekorri l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma tkun applikabbli ratione temporis, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, inklużi dawk relatati mat-termini ta’ preskrizzjoni, sakemm ikunu osservata l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sa fejn il-prinċipju msemmi l-aħħar jeżiġi li r-regoli applikabbli għar-rimedji ġudizzjarji intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punti 4243).

51

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, qabel it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt Spanjol, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikors għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kien irregolat mis-sistema ġenerali tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali u li, abbażi tal-Artikolu 1968(2) tal-Kodiċi Ċivili, id-dekorrenza ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena kienet tibda biss mill-mument li fih ir-rikorrent ikkonċernat isir konxju mill-fatti li jagħtu lok għar-responsabbiltà. Għalkemm mid-deċiżjoni ta’ rinviju ma jirriżultax espliċitament liema huma, skont id-dritt Spanjol, il-fatti li jagħtu lok għar-responsabbiltà li l-għarfien tagħhom jibda d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja donnu jindika li dawn il-fatti jimplikaw għarfien tal-informazzjoni indispensabbli għall-preżentazzjoni ta’ rikors għad-danni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dan.

52

Xorta jibqa’ l-fatt li, meta qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi dwar tilwima bejn individwi, hija dik il-qorti li għandha, jekk ikun il-każ, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn possibbli, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tat-test u tal-għan tal-Artikolu 101 TFUE, mingħajr madankollu ma twettaq interpretazzjoni contra legem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 60 sa 62).

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul u l-modalitajiet tas-sospensjoni jew tal-interruzzjoni tagħha għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-objettivi tal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati, sabiex ma ġġibx fix-xejn l-effettività sħiħa tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 47).

54

Fil-fatt, it-tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġ, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 46).

55

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li t-tilwimiet li jinvolvu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali huma kkaratterizzati, bħala prinċipju, minn nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni għad-detriment tal-persuna leża, hekk kif imfakkar fil-premessa 47 tad-Direttiva 2014/104, li jagħmel il-ksib tal-informazzjoni indispensabbli sabiex tinbeda azzjoni għad-danni iktar diffiċli għal din il-persuna milli għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħhom li japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni.

56

F’dan il-kuntest, għandu jitqies li, b’kuntrast mar-regola applikabbli għall-Kummissjoni, li tinsab fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tgħid li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet jibda jiddekorri mill-ġurnata tat-twettiq tal-ksur jew, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, mill-ġurnata li l-ksur intemm, it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikors għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jintemm il-ksur u qabel ma l-persuna leża ma tkun saret konxja jew ma tkun tista’ raġonevolment titqies li saret konxja mill-informazzjoni indispensabbli għall-preżentazzjoni tal-azzjoni għad-danni tagħha.

57

Fil-każ li ma jkunx hekk, l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

58

F’dak li jirrigwarda l-informazzjoni indispensabbli għall-preżentazzjoni ta’ rikors għad-danni, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-danni mġarrba meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmija danni u ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 40).

59

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa indispensabbli, sabiex il-persuna leża tkun tista’ tressaq azzjoni għad-danni, li hija tkun taf liema hija l-persuna responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 50).

60

Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-eżistenza ta’ dannu, ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur kif ukoll l-identità tal-awtur tiegħu jiffurmaw parti mill-elementi indispensabbli li l-persuna leża għandu jkollha sabiex tippreżenta rikors għad-danni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rikors għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni ma jistgħux jibdew jiddekorru qabel ma jintemm il-ksur u qabel ma l-persuna leża ma tkun saret konxja jew ma tkun tista’ raġonevolment titqies li saret konxja mill-fatt li hija kienet ġarrbet dannu minħabba dan il-ksur kif ukoll mill-identità tal-awtur tal-ksur.

62

F’dan il-każ, l-ksur intemm fit-18 ta’ Jannar 2011. Issa, f’dak li jirrigwarda d-data li fiha jista raġonevolment jitqies li RM sar konxju mill-elementi indispensabbli li jippermettulu jippreżenta azzjoni għad-danni, Volvo u DAF Trucks iqisu li d-data rilevanti hija dik tal-pubblikazzjoni tal-Istqarrija għall-Istampa dwar id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final, jiġifieri d-19 ta’ Lulju 2016, u li, b’konsegwenza ta’ dan, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 1968 tal-Kodiċi Ċivili beda jiddekorri mill-ġurnata ta’ din il-pubblikazzjoni.

63

Min-naħa l-oħra, RM, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jsostnu li bħala data rilevanti għandha tittieħed il-ġurnata tal-pubblikazzjoni tas-sunt tad-Deċiżjoni C(2016) 4673 final f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri s-6 ta’ April 2017.

64

Għalkemm ma huwiex eskluż li l-persuna leża tista’ ssir konxja mill-elementi indispensabbli għall-preżentazzjoni tal-azzjoni għad-danni tassew qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sunt ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, saħansitra qabel il-pubblikazzjoni tal-Istqarrija għall-Istampa dwar din id-deċiżjoni, anki f’każ ta’ akkordju, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

65

Għandu għalhekk jiġi ddeterminat liema minn dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet tikkostitwixxi dik li tippermetti raġonevolment li jitqies li RM sar konxju mill-elementi indispensabbli li jippermettulu li jippreżenta azzjoni għad-danni.

66

Għal dan il-għan, hemm lok jittieħdu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-istqarrijiet għall-istampa dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tas-sunti ta’ dawn id-deċiżjonijiet li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

67

Hekk kif l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, osserva fil-punti 125 sa 127 tal-konklużjonijiet tiegħu, qabel kollox, l-istqarrijiet għall-istampa, bħala prinċipju, jinkludu informazzjoni inqas dettaljata dwar iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni u dwar ir-raġunijiet li għalihom aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jista’ jiġi kklassifikat bħal ksur meta mqabbla mas-sunti tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, għandhom isemmu l-isem tal-partijiet ikkonċernati u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni inkwistjoni, inklużi s-sanzjonijiet imposti.

68

Wara dan, l-istqarrijiet għall-istampa ma humiex intiżi li jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari l-persuni leżi. Min-naħa l-oħra, dawn huma dokumenti qosra intiżi, bħala prinċipju, għall-istampa u għall-midja. Għalhekk ma jistax jitqies li l-persuni leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandhom dmir ġenerali ta’ diliġenza li jimponilhom isegwu l-pubblikazzjoni ta’ tali stqarrijiet għall-istampa.

69

Fl-aħħar, b’kuntrast mas-sunti tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li, skont il-punt 148 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE, jiġu ppubblikati f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni ftit wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-istqarrijiet għall-istampa ma jiġux neċessarjament ippubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

70

F’dan il-każ, hekk kif l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, osserva fil-punti 129 sa 131 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li l-Istqarrija għall-Istampa ma tidentifikax bl-istess preċiżjoni tad-Deċiżjoni C(2016) 4673 final l-identità tal-awturi tal-ksur inkwistjoni, it-tul eżatt tiegħu u l-prodotti kkonċernati minn dan il-ksur.

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax raġonevolment jitqies li, f’dan il-każ, RM sar konxju mill-elementi indispensabbli li jippermettulu jippreżenta l-azzjoni tiegħu għad-danni fid-data tal-pubblikazzjoni tal-Istqarrija għall-Istampa dwar id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final, jiġifieri fid-19 ta’ Lulju 2016. Min-naħa l-oħra, jista’ raġonevolment jitqies li RM kiseb tali għarfien fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sunt tad-Deċiżjoni C(2016) 4673 final f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-6 ta’ April 2017.

72

B’konsegwenza ta’dan, l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE teżiġi li jitqies li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fil-jum ta’ din il-pubblikazzjoni.

73

Għalhekk, sa fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri wara d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jiġifieri wara s-27 ta’ Diċembru 2016, u kompla jiddekorri anki wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 adottat għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri wara s-27 ta’ Mejju 2017, dan it-terminu, neċessarjament, skada wara dawn iż-żewġ dati.

74

Għalhekk jidher li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kompliet tipproduċi l-effetti tagħha wara d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, jekk mhux saħansitra wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 9/2017 li jittrasponiha.

75

Sa fejn dan ikun il-każ fit-tilwima fil-kawża prinċipali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva huwa applikabbli ratione temporis f’dan il-każ.

76

F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi għal individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih. Fil-fatt, jekk l-invokabbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod skorrett, tiġi estiża għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Unjoni Ewropea għandha s-setgħa li tistabbilixxi b’effett immedjat obbligi fuq l-individwi, meta fil-fatt l-Unjoni għandha din il-kompetenza biss fejn ingħatat is-setgħa li tadotta regolamenti (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha, jekk ikun il-każ, tinterpreta d-dritt nazzjonali, b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta, b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni ssir immedjatament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, mingħajr madankollu ma twettaq interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn, C‑167/17, EU:C:2018:833, punti 4565).

78

F’kull każ, fid-dawl tal-fatt li għaddew inqas minn tnax il-xahar bejn id-data tal-pubblikazzjoni tas-sunt tad-Deċiżjoni C(2016) 4673 final f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentata tar-rikors għad-danni ta’ RM, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li dan ir-rikors kien preskritt fil-mument tal-preżentata tiegħu.

79

Fid-dawl tal-argumenti esposti iktar il-fuq, għandu jitqies li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu jkopri rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li, għalkemm jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali, sa fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-rikors abbażi tar-regoli l-qodma ma skadiex qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva.

Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2014/104

80

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 għall-kawża preżenti, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-oneru u lanqas il-livell tal-prova meħtieġa għall-kwantifikazzjoni tad-dannu ma jagħmlu l-eżerċizzju tad-dritt għad-danni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna. Dawn l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa, skont proċeduri nazzjonali, jistmaw id-dannu li jirriżulta minn ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, jekk jiġi stabbilit li attur ġarrab dannu, iżda li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna li jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni d-danni mġarrba abbażi tal-provi disponibbli.

81

Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-effettività tal-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet partikolari li fihom ikun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna li l-ammont eżatt tad-danni mġarrba jiġi kkwantifikat bi preċiżjoni.

82

Fil-fatt, l-għan tal-istess dispożizzjoni huwa li jnaqqas il-livell ta’ prova meħtieġ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tad-danni mġarrba u li jiġu rrimedjati kemm n-nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni eżistenti għad-detriment tar-rikorrent ikkonċernat kif ukoll id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-fatt li l-kwantifikazzjoni tad-danni mġarrba teħtieġ evalwazzjoni tal-mod kif kien jiżviluppa s-suq ikkonċernat fl-assenza ta’ ksur.

83

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 ma jistabbilixxix obbligi sostantivi ġodda imposti fuq parti jew oħra fit-tilwima inkwistjoni. Din id-dispożizzjoni, u, b’mod iktar partikolari, it-tieni sentenza tagħha, hija intiża, min-naħa l-oħra, konformement mal-“proċeduri nazzjonali” li għalihom hija tagħmel riferiment, li tagħti lill-qrati nazzjonali possibbiltà partikolari fil-kuntest tat-tilwimiet li jirrigwardaw rikors għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

84

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-regoli dwar l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ huma, bħala prinċipju, ikklassifikati bħala regoli proċedurali (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et., C‑74/14, EU:C:2016:42, punti 30 sa 32).

85

Għandu għalhekk jitqies li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 jikkostitwixxi dispożizzjoni proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva.

86

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa li japplikaw fid-data li fiha huma jidħlu fis-seħħ.

87

Hemm lok ukoll li jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li ebda dispożizzjoni nazzjonali adottata sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet mhux sostantivi ta’ din id-direttiva ma tkun tapplika għal azzjonijiet għad-danni li bihom tkun ġiet adita qorti nazzjonali qabel is-26 ta’ Diċembru 2014.

88

F’dan il-każ, ir-rikors għad-danni ġie ppreżentat fl-1 ta’ April 2018, jiġifieri wara s-26 ta’ Diċembru 2014 u wara d-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 fl-ordinament ġuridiku Spanjol. B’konsegwenza ta’ dan, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli ratione temporis għal tali rikors.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva, u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu jkopri rikors għad-danni li, għalkemm jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, ġie ppreżentat wara s-26 ta’ Diċembru 2014 u wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali.

90

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104, għandu, qabel kollox, jitfakkar li, skont kliem din id-dispożizzjoni, huwa preżunt li l-ksur imwettaq fil-kuntest ta’ akkordju jikkawżaw danni. L-awtur tal-ksur għandu madankollu d-dritt li jikkonfuta din il-preżunzjoni.

91

Mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din tistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli dwar l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn akkordju. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 47 tad-Direttiva 2014/104, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita din il-preżunzjoni għal kawżi li jinvolvu akkordju, fid-dawl tan-natura sigrieta tagħhom, li tkabbar l-assimetrija tal-informazzjoni u tagħmilha iktar diffiċli li l-persuni leżi jiksbu l-provi neċessarji sabiex juru l-eżistenza ta’ dannu.

92

Hekk kif l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, osserva fil-punti 78, 79 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 jirregola neċessarjament it-tqassim tal-oneru tal-prova peress li jistabbilixxi preżunzjoni, din id-dispożizzjoni ma għandhiex għan purament probatorju.

93

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punti 58 sa 60 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ dannu, ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq kif ukoll l-identità tal-awtur ta’ dan il-ksur huma fost l-elementi indispensabbli li għandhom ikunu fil-pussess tal-persuna leża sabiex tippreżenta rikors għad-danni.

94

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 jipprevedi li ma huwiex neċessarju li l-persuni leżi minn akkordju pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE juru l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn tali ksur u/jew rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u dan l-akkordju, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-elementi kostituttivi tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali.

95

Billi tiġi preżunta l-eżistenza ta’ danni mġarrba minħabba akkordju, il-preżunzjoni konfutabbli stabbilita mill-imsemmija dispożizzjoni hija direttament marbuta mal-ixkattar tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-awtur tal-ksur inkwistjoni u, b’konsegwenza ta’ dan, taffettwa direttament is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu.

96

Għandu għalhekk jitqies li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 jikkostitwixxi regola marbuta strettament mat-tnissil, mal-ixkattar u mal-portata tar-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-impriżi li kisru l-Artikolu 101 TFUE permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju.

97

Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali regola tista’ tiġi kklassifikata bħala regola sostantiva.

98

Għandu għalhekk jitqies li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 huwa ta’ natura sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva.

99

Hekk kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx konkluża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jew jekk din tkomplix tipproduċi l-effetti tagħha wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

100

Għal dan il-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura u l-mekkaniżmu ta’ funzjonament tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104.

101

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli li tgħid li, sakemm ikun hemm akkordju, l-eżistenza ta’ danni li jirriżultaw minn dan l-akkordju hija preżunta awtomatikament.

102

Peress li l-fatt identifikat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala dak li jippermetti li jiġi preżunt li jeżistu danni hija l-eżistenza ta’ akkordju, għandu jiġi vverifikat jekk id-data tat-tmiem tal-akkordju inkwistjoni ġietx qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, sa fejn din tal-aħħar ma ġietx trasposta fid-dritt Spanjol f’dan it-terminu.

103

F’dan il-każ, l-akkordju dam mis-17 ta’ Jannar 1997 sat-18 ta’ Jannar 2011. Għalhekk, dan il-ksur intemm qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104.

104

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, għandu jitqies li l-preżunzjoni konfutabbli stabbilita fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis għal rikors għad-danni li, għalkemm ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu b’mod tardiv l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali, jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun:

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu jkopri rikors għad-danni li, għalkemm jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali, sa fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-rikors abbażi tar-regoli l-qodma ma skadiex qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva.

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva, u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu jkopri rikors għad-danni li, għalkemm jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, ġie ppreżentat wara s-26 ta’ Diċembru 2014 u wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali.

L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu ma jkoprix rikors għad-danni li, għalkemm ippreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu b’mod tardiv l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali, jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha.

Fuq l-ispejjeż

106

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, u li taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu jaqa’ rikors għad-danni li, għalkemm jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali, sa fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dan ir-rikors abbażi tar-regoli l-qodma ma skadiex qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-istess direttiva.

 

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva, u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu jkopri rikors għad-danni li, għalkemm jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, ġie ppreżentat wara s-26 ta’ Diċembru 2014 u wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponuha fid-dritt nazzjonali.

 

L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi dispożizzjoni sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, u li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu ma jkoprix rikors għad-danni li, għalkemm ippreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu b’mod tardiv l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali, jirrigwarda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ntemm qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.