SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )
“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Letturi ta’ disk drives ottiċi – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 – Ksur uniku u kontinwu – Kunċett – Ftehimiet ta’ kollużjoni li jirrigwardaw sejħiet għal offerti relatati ma’ letturi ta’ disk drives ottiċi għal notebooks u desktops organizzati minn żewġ produtturi tal-kompjuters”
Fil-Kawża C‑697/19 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑20 ta’ Settembru 2019,
Sony Corporation, stabbilita fi Tokyo (Il-Ġappun),
Sony Electronics, Inc., stabbilita fi San Diego (L-Istati Uniti),
irrappreżentati minn E. Kelly, N. Levy u R. Snelders, avocats,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes, M. Farley, F. van Schaik u L. Wildpanner, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, li qegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Sony Corporation u Sony Electronics Inc. (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Lulju 2019, Sony Corporation u Sony Electronics, Inc vs Il-Kummissjoni Ewropea (T‑762/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:515), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7135 finali tal‑21 ta’ Ottubru 2015 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39639 – Disk Drives Ottiċi) – (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), – Lecteurs de disques optiques) sa fejn din tikkonċernahom, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom. |
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Skont l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205): “2. Il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:
[…] Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelta mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiż l-10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni. 3. Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.” |
|
3 |
L-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt għal aċċess mhux ser jiġi estiż għall-korrispndenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, jew bejn dan ta’ l-aħħar, incluż dokumenti imfasla skond l-Artikoli 11 u 14. Xejn f’dan il-paragrafu m’hu ħa jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur.” |
|
4 |
L-Artikolu 31 tar-regolament imsemmi huwa fformulat kif ġej: “Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.” |
|
5 |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-multi, il-punti 6 u 13 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont tal-Multi imposti bis-saħħa tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi”), jipprovdu: “6. […] [I]l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur meħud flimkien mat-tul tal-ksur huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll l-importanza rispettiva ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur. Ir-riferiment għal dawn l-indikaturi jagħti indikazzjoni tajba ta’ kemm għandha tkun kbira l-multa u ma għandux jinftiehem bħala l-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetiku. […] 13. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
|
6 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 37 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
7 |
Il-grupp Sony, li jappartjenu għalih l-appellanti, jimmanifattura prodotti fl-oqsma awdjo, vidjo, komunikazzjonijiet u teknoloġiji tal-informazzjoni għas-swieq tal-konsum u s-swieq professjonali u huwa fornitur ta’ kontenut, ta’ prodotti u ta’ servizzi ta’ divertiment. |
|
8 |
L-ewwel appellanti, Sony Corporation, li hija kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt Ġappuniż, tmexxi l-grupp. It-tieni appellanti, Sony Electronics hija kumpannija sussidjarja 100 % miżmuma indirettament minn Sony Corporation u stabbilita fl-Istati Uniti. Sony Electronics, li hija kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Delaware (l-Istati Uniti), tmexxi attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp, ta’ konċepiment, ta’ inġinerija, ta’ bejgħ, ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ servizzi lill-klijenti. |
|
9 |
Bejn Mejju 2003 u Marzu 2007, Lite-On kienet tikkonċepixxi u timmanifattura letturi ta’ disk drives ottiċi (iktar ’il quddiem id-“DDO”), li eventwalment kienu jinbiegħu taħt it-trade mark Sony fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ qsim tad-dħul. Bis-saħħa ta’ dawn il-ftehimiet, l-appellanti kienu ġeneralment inkarigata mill-bejgħ, filwaqt li Lite-On kienet responsabbli għall-kwistjonijiet relatati mal-kwalità u mal-inġinerija. |
|
10 |
Il-ksur inkwistjoni jirrigwarda DDO użati b’mod partikolari f’kompjuters personali (kompjuters desktop u notebooks) prodotti minn Dell Inc. u Hewlett Packard (iktar ’il quddiem “HP”). |
|
11 |
Dell u HP huma ż-żewġ manifatturi prinċipali ta’ prodotti ta’ oriġini fis-suq dinji tal-kompjuters personali. Dawn iż-żewġ kumpanniji jużaw proċeduri ta’ sejħiet għal offerti klassiċi fuq skala globali li jinvolvu, b’mod partikolari, negozjati kull trimestru fuq prezz fuq livell globali u fuq volumi ta’ xiri globali b’numru żgħir ta’ fornituri preselezzjonati ta’ DDO. |
|
12 |
Il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti kienu jinkludu talbiet għal kwotazzjonijiet, talbiet għal kwotazzjonijiet elettroniċi, negozjati online, irkanti elettroniċi u negozjati bilaterali (offline). Meta tingħalaq sejħa għal offerti, il-klijenti jattribwixxu volumi lill-fornituri ta’ DDO parteċipanti skont il-prezzijiet li huma joffru. |
|
13 |
Sony Electronics kienet, flimkien ma’ Sony Corporation, l-entità ġuridika li pparteċipat f’isem Sony fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti organizzati minn Dell u kompliet tagħmel dan sal‑1 ta’ April 2007. |
|
14 |
Fl‑14 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità bis-saħħa tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Immunità minn Multi u Tnaqqis f’Multi f’Każijiet ta’ Kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17) imressqa mill-kumpannija Koninklijke Philips NV. Fid‑29 ta’ Jannar u fit‑2 ta’ Marzu 2009, din it-talba ġiet issupplimentata sabiex tinkludi, minbarra din il-kumpannija, lil Lite-On IT Corporation u l-joint venture tagħhom Philips & Lite-On Digital Solutions Corporations. |
|
15 |
Fit‑30 ta’ Ġunju 2009 il-Kummissjoni tat l-immunità kundizzjonata lil Koninklijke Philips, lil Lite-On IT u lil Philips & Lite-On Digital Solutions. |
|
16 |
Fit‑18 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil tlettax-il fornitur ta’ DDO, fosthom l-appellanti (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”), li fiha hija indikat li dawn kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) billi pparteċipaw f’akkordju dwar id-DDO bejn il‑5 ta’ Frar 2004 u d‑29 ta’ Ġunju 2009, li jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-aġir tagħhom fir-rigward tas-sejħiet għal offerti organizzati minn żewġ manifatturi ta’ kompjuters, jiġifieri Dell u HP. |
|
17 |
Fid‑29 ta’ Ottubru 2012, b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Fid‑29 u fit‑30 ta’ Novembru 2012 inżammet seduta orali li fiha pparteċipaw id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet |
|
18 |
Fil‑21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża |
|
19 |
F’din tal-aħħar, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti fl-akkordju kienu kkoordinaw l-aġir kompetittiv tagħhom, tal-inqas mit‑23 ta’ Ġunju 2004 sal‑25 ta’ Novembru 2008. Hija ppreċiżat li din il-koordinazzjoni kienet saret permezz ta’ network ta’ kuntatti bilaterali paralleli. Hija indikat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu jfittxu li jadattaw il-volumi tagħhom fis-suq u kienu jiżguraw li l-prezzijiet jibqgħu f’livelli ogħla minn dak li kienu jkunu fl-assenza ta’ dawn il-kuntatti bilaterali. |
|
20 |
Il-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-koordinazzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju kienet tikkonċerna l-kontijiet klijenti ta’ Dell u ta’ HP. Skont il-Kummissjoni, minbarra n-negozjati bilaterali mal-fornituri tagħhom ta’ DDO, Dell u HP kienu japplikaw proċeduri standard ta’ sejħa għal offerti, li kienu jseħħu ta’ mill-inqas kull trimestru. Hija rrilevat li l-membri fl-akkordju kienu jużaw in-network ta’ kuntatti bilaterali tagħhom sabiex jimmanipulaw dawn il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fejn b’hekk kienu jwaqqfu t-tentattivi tal-klijenti tagħhom li jistimolaw il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet. |
|
21 |
Skont il-Kummissjoni, l-iskambju regolari ta’ informazzjoni b’mod partikolari ppermetta lill-membri tal-akkordju jkollhom għarfien fin ħafna tal-intenzjonijiet tal-kompetituri tagħhom saħansitra qabel ma jimpenjaw lilhom infushom fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u konsegwentement li jipprevedu l-istrateġija kompetittiva tagħhom. |
|
22 |
Il-Kummissjoni żiedet li, f’intervalli regolari, il-membri tal-akkordju kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet fir-rigward tal-kontijiet privati tal-klijenti kif ukoll informazzjoni mhux relatata mal-prezzijiet, bħall-produzzjoni eżistenti u l-kapaċità ta’ provvista, il-qagħda tal-ħażna, is-sitwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni, il-mument tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda jew titjib. Hija osservat li, barra minn hekk, il-fornituri ta’ DDO kienu qed jissorveljaw ir-riżultati finali ta’ proċeduri ta’ offerti magħluqa, jiġifieri l-klassifikazzjoni, il-prezz u l-volum miksub. |
|
23 |
Il-Kummissjoni indikat ukoll li, filwaqt li kellhom f’moħħhom li l-membri tal-akkordju kellhom iżommu l-kuntatti tagħhom sigrieti fil-konfront tal-klijenti, il-fornituri ta’ DDO kienu jużaw, sabiex jikkuntattjaw lil xulxin, il-mezzi li kienu jqisu li huma suffiċjentement adattati sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq. Hija ppreċiżat li, barra minn hekk, tentattiv li tiġi msejħa laqgħa ta’ tnedija sabiex jiġu organizzati laqgħat multilaterali regolari bejn dawn il-fornituri falla fl‑2003, wara li dan ġie żvelat lil klijent. Skont il-Kummissjoni, minflok dawn il-laqgħat, kien hemm kuntatti bilaterali, essenzjalment fil-forma ta’ telefonati u, kultant permezz ta’ messaġġi elettroniċi, inklużi fuq indirizzi tal-posta elettronika privati u fuq servizzi ta’ messaġġi istantanji, jew waqt laqgħat, l-iktar fuq il-livell ta’ amministraturi ta’ kontijiet globali. |
|
24 |
Il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu jikkuntattjaw lil xulxin b’mod regolari u li l-kuntatti, prinċipalment permezz tat-telefon, kienu qed isiru iktar frekwenti waqt il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, fejn matulhom kien hemm diversi telefonati kuljum bejn ċerti binomi ta’ parteċipanti fl-akkordju. Hija ppreċiżat li, ġeneralment, il-kuntatti bejn ċerti binomi ta’ parteċipanti fl-akkordju kienu kunsiderevolment ogħla milli fost oħrajn. |
|
25 |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-Kalkolu tal-Multi. |
|
26 |
Qabel kollox, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tad-differenzi kunsiderevoli fit-tul ta’ parteċipazzjoni tal-fornituri ta’ DDO fl-akkordju u sabiex jiġi rifless aħjar l-impatt reali ta’ dan tal-aħħar, kien xieraq li tintuża medja annwali kkalkolata fuq il-bażi tal-valur reali tal-bejgħ magħmul mill-impriżi kkonċernati matul ix-xhur kalendarji sħaħ tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom fil-ksur. |
|
27 |
B’hekk il-Kummissjoni spjegat li l-valur tal-bejgħ ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ DDO għall-kompjuters personali ffatturati lill-entitajiet ta’ HP u ta’ Dell li jinsabu fiż-ŻEE. |
|
28 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, peress li l-aġir antikompetittiv fir-rigward ta’ HP kien beda iktar tard u sabiex tqis l-evoluzzjoni tal-akkordju, il-valur tal-bejgħ rilevanti jiġi kkalkolat b’mod separat għal HP u għal Dell, u li żewġ koeffiċjenti multiplikaturi skont it-tul ta’ żmien jiġu applikati. |
|
29 |
Fir-rigward tal-appellanti, peress li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kuntatti fil-konfront ta’ HP ma ġietx stabbilita, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tagħhom biss għall-koordinazzjoni tagħhom fil-konfront ta’ Dell. |
|
30 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li, peress li l-ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur serju tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li l-akkordju kien mifrux tal-inqas fiż-ŻEE, il-perċentwali applikat abbażi tal-gravità f’dan il-każ għandu jkun ta’ 16 % għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
31 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien meħtieġ li jiġi miżjud ammont ta’ 16 % għal finijiet dissważivi. |
|
32 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti bi 3 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma ma kinux jafu dwar il-parti tal-ksur uniku u kontinwu relatat ma’ HP, fejn b’tali mod li hija riflessa b’mod xieraq u suffiċjenti n-natura inqas serja tal-aġir tagħhom. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, peress li l-appellanti kellhom dħul mill-bejgħ globali ta’ EUR 59252000000 matul is-sena finanzjarja li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kien xieraq li jiġi applikat għall-ammont bażiku koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.2. |
|
34 |
Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn dan jirrigwarda lill-appellanti, huwa fformulat kif ġej: “Artikolu 1 L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ksur uniku u kontinwu li jinkludi diversi ksur separati, fis-settur tad-[DDO] li jkopri ż-ŻEE kollha, li kien jikkonsisti fi ftehim ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet: […]
[…] Artikolu 2 Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1: […]
[…] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
35 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Diċembru 2015, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernahom, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom. |
|
36 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw żewġ motivi relatati, l-ewwel wieħed, essenzjalment, mal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u, it-tieni wieħed, imqajjem sussidjarjament, dwar il-kalkolu tal-ammont ta’ din il-multa. |
|
37 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi, u għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu. |
It-talbiet tal-partijiet
|
38 |
Bl-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
39 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
40 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu erba’ aggravji, li jirrigwardaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali, għall-ewwel wieħed, tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, għat-tieni wieħed, tat-tul ta’ dan il-ksur, għat-tielet wieħed, il-konstatazzjoni ta’ diversi ksur distinti kif ukoll, għar-raba’ wieħed, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. |
|
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq li teżamina t-tielet aggravju qabel ma tevalwa l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravji. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
42 |
It-tielet aggravju imqajjem mill-appellanti huwa maqsum f’żewġ partijiet. |
– Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju
|
43 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta allegat fil-konfront tagħhom, għall-ewwel darba, fid-deċiżjoni kontenzjuża, parteċipazzjoni f’diversi ksur distinti. |
|
44 |
Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indikat, b’mod partikolari fil-punti 310, 317 u 318, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Il-Kummissjoni qieset li kien artifiċjali li l-aġir allegat jinqasam f’diversi ksur distinti. Issa, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ssuġġeriet, għall-ewwel darba, li l-ksur uniku u kontinwu kien kompost minn diversi ksur distinti. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni titbiegħed sostanzjalment mill-klassifikazzjoni adottata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, għaldaqstant, l-appellanti ma kellhomx il-possibbiltà, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, li jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur distint u awtonomu ta’ kull kuntatt individwali. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, billi kkonstatat, fil-punti 238, 239 u 246 tas-sentenza appellata, li ksur uniku u kontinwu huwa neċessarjament kompost minn ksur distinti, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprevedi mhux in-neċessità, iżda biss il-possibbiltà li ksur uniku u kontinwu jkun ikkostitwit minn ksur distinti. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li wassalha sabiex ma tirrikonoxxix li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. |
|
46 |
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tagħmel, fl-ewwel lok, żewġ kummenti ġenerali qabel ma tindirizza l-argumenti żviluppati fiż-żewġ partijiet tat-tielet aggravju mqajjem mill-appellanti. |
|
47 |
L-ewwel, l-argumenti tal-appellanti dwar il-konstatazzjoni inċidentali tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tipprovdi li l-kuntatti antikompetittivi tagħhom jikkostitwixxu wkoll diversi ksur distinti huma ineffettivi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konstatazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu kif ukoll dwar il-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan il-ksur bejn it‑23 ta’ Awwissu 2004 u l‑15 ta’ Settembru 2006. Din is-sempliċi konferma tiġġustifika l-konklużjoni li tinsab fl-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-multa imposta fuq l-appellanti skont l-Artikolu 2(f) ta’ din id-deċiżjoni. |
|
48 |
It-tieni, l-argumenti tal-appellanti huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE huwa neċessarjament kompost minn diversi ksur distinti u awtonomi ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkunsidrat, fil-punti 237 u 238 tas-sentenza appellata, li ksur uniku u kontinwu jippreżupponi “sensiela ta’ aġir” li jistgħu jiġu kklassifikati, fihom infushom, bħala ksur distinti. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punti 235, 236 u 239 sa 244 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, il-ksur uniku u kontinwu kien jikkonsisti effettivament fi ksur distinti li fir-rigward tagħhom l-appellanti kienu nstemgħu. |
|
49 |
Fit-tieni lok, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li din hija bbażata fuq ipoteżi fattwali żbaljata. Mill-punti 236 sa 241 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet diġà informat lill-appellanti dwar il-ksur distinti inkwistjoni. |
|
50 |
It-tieni, il-konstatazzjonijiet stabbiliti fil-punti 236, 241 u 242 ta’ din is-sentenza huma konstatazzjonijiet ta’ fatt li ma jistgħux jiġu kkontestati fil-kuntest tal-appell. |
|
51 |
It-tielet, id-dikjarazzjoni tal-appellanti li tipprovdi l-Kummissjoni ma semgħathomx fil-mertu dwar il-ksur distinti hija kontradetta mill-formulazzjoni ċara tal-premessi 353, 354 u 375 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li wieħed jew iktar mill-elementi ta’ sensiela ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jistgħu, fihom infushom, jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
52 |
Ir-raba’, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ diversi ksur distinti. L-appellanti nstemgħu kemm dwar il-konstatazzjoni tal-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni, kif ukoll fuq dik tal-ksur distinti li jikkostitwixxuh, b’tali mod li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ma nkisrux. Fil-fatt, l-appellanti kienu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jifhmu li ġew akkużati wkoll bl-aġir li jikkostitwixxi dan il-ksur uniku u kontinwu. |
– Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju
|
53 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjentement motivata fir-rigward tal-eżistenza ta’ diversi ksur distinti. |
|
54 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni ma spjegatx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għal kull aspett tal-aġir jew għal kull grupp jew diversi gruppi ta’ kuntatti bilaterali meqjusa li jikkostitwixxu ksur distint, l-ewwel, in-natura u l-portata ta’ dan il-ksur, it-tieni, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala ftehim jew prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, it-tielet, ir-raġunijiet u l-provi insostenn ta’ kull klassifikazzjoni, ir-raba’, l-impriżi li kellhom jiġu kkunsidrati responsabbli għal kull ksur distint, u l-ħames, ir-raġuni għalfejn, kuntrarjament għall-pożizzjoni esposta mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma kinitx iktar artifiċjali l-identifikazzjoni ta’ diversi ksur distinti. |
|
55 |
Issa, billi ma rrikonoxxietx li l-portata tal-ksur distint qatt ma ġiet deskritta jew spjegata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, hija ddeċidiet fil-punt 254 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat korrettament li l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu neċessarjament kienet tivvalida l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ diversi ksur distinti. |
|
56 |
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
57 |
Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-konstatazzjoni prinċipali ta’ ksur uniku u kontinwu u l-konstatazzjoni inċidentali ta’ ksur distint huma koerenti bejniethom. L-ewwel, l-allegazzjoni tal-appellanti, li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti tagħhom, peress li hija kellha l-konvinzjoni żbaljata li l-konstatazzjonijiet dwar il-ksur uniku u kontinwu kienu neċessarjament jivvalidaw dawk dwar l-eżistenza ta’ diversi ksur distinti, tiżnatura l-kontenut tal-punt 254 tas-sentenza appellata It-tieni, l-appellanti kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża u kellhom l-opportunità li jressqu l-argumenti tagħhom fuq kull wieħed mill-kuntatti antikompetittivi li ġew imputati lilhom. It-tielet, mis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado (C‑238/05, EU:C:2006:734, punti 30 sa 32) jirriżulta li, ladarba jiġi stabbilit li jeżistu l-elementi ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa irrilevanti jekk il-kollużjoni kkonċernata tiġix ikklassifikata bħala ftehim jew prattika miftiehma. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 257 tas-sentenza appellata, li l-appellanti sostnew, b’mod żbaljat, li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tikklassifika individwalment il-ksur distinti bħala “ftehim” jew “prattiki miftiehma”. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
58 |
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, billi ddeċidiet li ksur uniku u kontinwu kien neċessarjament kompost minn diversi ksur distinti. Dan wassalha sabiex tiddeċiedi b’mod żbaljat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u, min-naħa l-oħra, li din l-istituzzjoni kienet immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-ksur distinti attribwiti lill-appellanti. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonstatat, minn naħa, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ “diversi ksur distinti” li jikkostitwixxu dan il-ksur. |
|
60 |
F’dan il-kuntest, it-tielet aggravju huwa intiż li jikkontesta biss l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ din it-tieni konstatazzjoni, dwar l-eżistenza ta’ diversi ksur distinti. Għall-kuntrarju, dan l-aggravju ma jirrigwardax l-evalwazzjoni tagħha tal-konklużjoni, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, li abbażi tagħha l-appellanti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu. |
|
61 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, sa fejn, f’dan il-każ, din tal-aħħar ibbażat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq żewġ konstatazzjonijiet ta’ ksur distinti, it-tielet aggravju ma jistax, qabelxejn, jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
– Osservazzjonijiet preliminari
|
62 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew aġir kontinwu jistgħu fihom innifishom u individwalment, jikkostitwixxu ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta l-aġir differenti jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-aġir skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata) |
|
63 |
Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kontinwu minħabba f’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt kunċetti ta’ “ftehim” jew ta’ “prattika miftiehma” li għandu għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu ma teħtieġx il-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi dan il-ksur (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il-Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat it-tielet aggravju. |
– Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju
|
66 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tagħhom li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta allegat fil-konfront tagħhom, għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kontenzjuża, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku u kontinwu, parteċipazzjoni f’diversi ksur distinti li tikkorrispondi għall-aġir li jaqa’ taħt dan il-ksur uniku u kontinwu. |
|
67 |
Għandu jitfakkar, l-ewwel, li l-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu” jjippreżupponi sensiela ta’ aġir li jista’ jikkostitwixxi wkoll, fih innifsu, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Għalkemm sensiela ta’ aġir jista’ jiġi kklassifikat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 63 u 64 ta’ din is-sentenza, bħala ksur uniku u kontinwu, minn dan ma jistax jiġi dedott li kull wieħed minn dan l-aġir għandu, fih innifsu u waħdu, neċessarjament jiġi kklassifikat bħala ksur distint ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha terġa’ tikklassifika bħala tali kull wieħed minn dan l-aġir u sussegwentement tipproduċi l-prova tal-involviment tal-impriża kkonċernata li lilha dan l-aġir huwa attribwit. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa prevedibbli biss il-qsim ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika akkordju globali bħala ksur uniku u kontinwu jekk, minn naħa, l-imsemmija impriża kienet tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li ġew ikkontestati fil-konfront tagħha wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni tkun suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens,C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 46) |
|
69 |
It-tieni, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat b’mod sħiħ mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Għalhekk, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 230 tas-sentenza appellata, ir-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tindika, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura. Tali dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontra din l-impriża, bħall-fatti allegati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex l-imsemmija l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Ċertament, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tippreċiża, fid-deċiżjoni finali tagħha, klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li hija użat, b’mod provviżorju, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, jew sabiex tabbanduna oġġezzjonijiet li rriżultaw infondati, jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija ssostni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punti 42 sa 44). Madankollu, dan jimplika li l-Kummissjoni għandha, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tiddikjara kull klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li hija għandha l-intenzjoni li tadotta fid-deċiżjoni finali tagħha. |
|
72 |
Minn dan jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata ma humiex miksura minħabba nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali sakemm ilment imressaq f’din tal-aħħar ma jkunx ġie espost fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew li ma jkunx ġie espost b’mod suffiċjenti sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ din id-dikjarazzjoni li jsostnu b’mod utli l-argumenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura mibdija fir-rigward tagħhom. |
|
73 |
Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tikkritika lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mhux biss ksur uniku u kontinwu, iżda wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan il-ksur meħud separatament bħala ksur distint, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn id-destinatarji jeżiġi li l-Kummissjoni tesponi, f’din id-dikjarazzjoni, l-elementi neċessarji sabiex dawn ikunu jistgħu jifhmu li l-Kummissjoni bdiet proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tagħhom fil-kuntest kemm għall-imsemmi ksur uniku u kontinwu kif ukoll għal kull wieħed minn dawn il-ksur distinti. |
|
74 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret fil-punti 229 sa 234 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, b’mod partikolari dik indikata fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza. |
|
75 |
Wara li rreferiet għal din il-ġurisprudenza, fil-punt 235 sa 246 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, jekk l-appellanti kinux ġew informati, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur uniku u kontinwu kien ikkostitwit minn diversi ftehimiet bilaterali. |
|
76 |
F’dan il-kuntest, hija kkunsidrat, fil-punti 238 u 239 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jippreżupponi li tkun teżisti sensiela ta’ aġir u li, għaldaqstant, l-appellanti ma jistgħux jippretendu li l-Kummissjoni bidlet il-konklużjonijiet tagħha meta tqis, minbarra ksur uniku u kontinwu, diversi kuntatti bilaterali, peress li huma ġustament dawn il-kuntatti bilaterali li jikkostitwixxu dan il-ksur uniku. |
|
77 |
Kif jirriżulta mill-punt 246 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali telqet mill-premessa li kull aġir li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu kellu neċessarjament jiġi kklassifikat bħala ksur distint. Hija għalhekk iddeċidiet li l-appellanti kellhom jifhmu li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi minn dan li l-kuntatti bilaterali kollha indikati fil-konfront tagħhom, imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu jikkostitwixxu fihom infushom, tali ksur distinti. |
|
78 |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 238, 239 u 246 tas-sentenza appellata, billi tikkonfondi impliċitament il-kunċett ta’ “aġir” ma’ dak ta’ “ksur”, l-appellanti ma setgħux jifhmu, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni ċara fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda’ proċeduri ġudizzjarji fil-konfront tagħhom, mhux biss fir-rigward ta’ ksur uniku u kontinwu allegat f’din id-dikjarazzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta’ diversi ksur distinti kkostitwiti minn diversi kuntatti bilaterali msemmija f’din tal-aħħar. |
|
79 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontrihom f’dak li jirrigwarda dan il-ksur distinti, b’mod partikolari l-klassifikazzjoni prevista tal-aġir li kienu akkużati bih. |
|
80 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi milqugħa. |
– Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju
|
81 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 254 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjentement motivata fir-rigward tal-eżistenza ta’ diversi ksur distinti. |
|
82 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, minn naħa, li jitfakkar li, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 249 tas-sentenza appellata li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att ikkontestat, b’tali mod li tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, imma wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Icap et, C‑39/18 P, EU:C:2019:584, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 62 sa 64 u 67 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-Kummissjoni tikklassifika sensiela ta’ aġir bħala ksur uniku u kontinwu li kull wieħed minn dan l-aġir, fih innifsu u meħud individwalment, għandu neċessarjament jiġi kklassifikat bħala ksur distint Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li tikklassifika bħala tali l-aġir inkwistjoni u tattribwixxih lill-appellanti, hija xorta trid teżaminah individwalment u turi li l-aġir jikkostitwixxi ksur, kif ukoll l-involviment tal-appellanti f’kull wieħed mill-imsemmi aġir. |
|
84 |
Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li takkuża lill-appellanti bil-parteċipazzjoni tagħhom mhux biss fi “ksur uniku u kontinwu”, iżda wkoll f’diversi ksur distinti li jikkorrispondu għal aġir li jikkostitwixxi dan il-ksur, hija għandha tippreċiża u timmotiva l-klassifikazzjoni legali bħala ksur distint li hija tagħti lil kull wieħed minn dan l-aġir. |
|
85 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali fakkret, b’mod partikolari, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kellha tkun loġika u, b’mod partikolari, ma għandhiex tippreżenta kontradizzjoni interna li tostakola l-komprensjoni tajba tar-raġunijiet wara din id-deċiżjoni. |
|
86 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 254 tas-sentenza appellata, li ma kien hemm ebda inkoerenza, fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn fiha l-Kummissjoni indikat li l-kuntatti inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur individwali u kienu jissodisfaw simultanjament il-kriterji ta’ ksur uniku u kontinwu. Hija qieset, fil-punti 255 sa 258 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 296 TFUE, peress li hija kienet esponiet b’mod ċar il-portata u n-natura tal-aġir tal-appellanti, li hija kienet ikkunsidratha bħala li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u li hija kienet ipproduċiet il-provi li jsostnu dawn il-konklużjonijiet. |
|
87 |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-motivazzjoni tal-konstatazzjoni ta’ diversi ksur distinti li l-appellanti allegatament wettqu, kif tinsab fil-premessa 352 ta’ din id-deċiżjoni, ma hijiex suffiċjenti. Għalhekk, minn din il-premessa jirriżulta li, abbażi tal-fatti deskritti fit-Taqsima 4 u fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni, kull manifestazzjoni tal-aġir adottat fir-rigward tal-klijenti kkonċernati jew ta’ kull sensiela (jew diversi sensieli) ta’ kuntatti bilaterali kellha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni u għalhekk tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, mingħajr madankollu ma l-Kummissjoni tagħti r-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tagħha, kien hemm lok li jiġi attribwit lill-appellanti kull wieħed mill-aġir ikkritikat fil-konfront tagħhom mhux biss bħala “ksur uniku u kontinwu”, iżda wkoll bħala diversi ksur distinti tal-Artikolu 101 TFUE. |
|
88 |
Minn dan isegwi li, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni kontenzjuża billi kkunsidrat li l-appellanti kienu, minbarra pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu, ipparteċipaw ukoll f’diversi ksur distinti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
89 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju kif ukoll, konsegwentement, dan l-aggravju fit-totalità tiegħu, għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
90 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet, b’mod żbaljat, il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li kkonfermat il-konklużjoni ta’ din id-deċiżjoni li l-appellanti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu. Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, laqgħet l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat in-natura antikompetittiva ta’ diversi kuntatti li ġew imputati lilhom, jiġifieri l-kuntatti Nri 3, 8, 10 u 14. Madankollu, minflok ma eżaminat jekk, minħabba f’hekk, il-konklużjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu kompost minn diversi ksur distinti kinitx infondata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kuntatti kollha li jinvolvu lill-appellanti setgħu jagħmlu parti minn sensiela ta’ indizji li jippermettu li tiġi ssostanzjata l-klassifikazzjoni ta’ tali ksur uniku u kontinwu, għalkemm dawn il-kuntatti antikompetittivi ma ġewx ipprovati kollha. |
|
91 |
Fil-fatt, meta evalwat jekk il-Kummissjoni kinitx ipproduċiet provi suffiċjenti sabiex tikklassifika aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, il-Qorti Ġenerali laqgħet b’mod favorevoli l-kritika tal-appellanti fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża li tipprovdi li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat in-natura antikompetittiva ta’ diversi kuntatti li ġew attribwiti lilhom. B’dan il-mod, hija l-Qorti Ġenerali, skont l-appellanti, li kellha teżamina l-fondatezza tal-konklużjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu kompost minn diversi ksur distinti. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma adottatx approċċ abbażi ta’ sensiela ta’ indizji, iżda telqet mill-premessa li kull kuntatt allegat kien jikkostitwixxi ksur awtonomu u li dawn il-ksur distinti kienu jagħmlu parti minn pjan ġenerali li globalment jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kuntatti kollha li jinvolvu lill-appellanti, minkejja li ma jikkostitwixxux kuntatti antikompetittivi kollha li l-prova tagħhom ġiet prodotta, setgħu jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji li jippermettu li tiġi ssostanzjata l-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu. |
|
92 |
B’hekk, billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik esposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
93 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-ewwel aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
94 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. |
|
95 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jemendaw l-elementi kostituttivi tal-ksur legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-qrati ma jistgħux, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att inkwistjoni. Il-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkonċerna biss l-evalwazzjoni, minnha tal-multa imposta mill-Kummissjoni (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il-Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
96 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali mmodifikatx, kif isostnu l-appellanti, l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
97 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntatti Nri 8 u 10, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 131 u 138 tas-sentenza appellata, li l-involviment tal-appellanti f’dawn il-kuntatti seta’ jiġi preżunt biss, iżda li dawn il-kuntatti setgħu madankollu jikkontribwixxu għal sensiela ta’ indizji li jippermettu li tiġi ssostanzjata l-klassifikazzjoni bħala ksur uniku u kontinwu. Fir-rigward tal-kuntatt Nru 3, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 187 ta’ din is-sentenza, li, għalkemm dan il-kuntatt ma kienx jidher li jiżvela informazzjoni direttament utli, dan juri tal-inqas ir-rieda tal-appellanti li jinformaw ruħhom dwar il-kompetituri tagħhom sabiex inaqqsu l-inċertezza fil-qasam tal-istrateġija futura u, f’dan ir-rigward, deher bħala li jista’ jikkontribwixxu għal sensiela ta’ indizji. |
|
98 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx in-natura antikompetittiva tal-kuntatti Nri 3, 8 u 10. |
|
99 |
Fir-rigward tal-kuntatt Nru 14, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet waslet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għal ebda konklużjoni dwar dan il-kuntatt. |
|
100 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni effettivament ibbażat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-kuntatti msemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni li l-kuntatt Nru 14 kien jagħmel parti minnu. Madankollu, dan l-iżball tal-Qorti Ġenerali ma kellux konsegwenza fuq il-konferma tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni. |
|
101 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sensiela ta’ indizji sabiex tipproduċi l-prova tal-ksur uniku u kontinwu li hija akkużathom bih. Għalhekk, bħala eżempju, għandu jiġi rrilevat li hija fakkret b’mod espliċitu, fil-premessa 322 tad-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, li kien neċessarju li hija tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur twettaq, iżda li kull prova prodotta ma kellhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur, u, min-naħa l-oħra, li kien suffiċjenti li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit. |
|
102 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rreferiet ukoll espliċitament għal din is-sensiela ta’ indizji fil-premessi 92, 220, 325, 334 u 425 tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
103 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li, billi għamlet riferiment għal sensiela ta’ indizji, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik esposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għall-kuntrarju, hija essenzjalment ikkonfermat li l-approċċ tal-Kummissjoni, fejn hija tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ indizji sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, kien konformi mal-ġurisprudenza dwar il-prova ta’ ksur skont l-Artikolu 101 TFUE. |
|
104 |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
|
105 |
It-tieni aggravju tal-appellanti huwa maqsum f’żewġ partijiet |
Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
106 |
L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellanti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu bejn it‑23 ta’ Awwissu 2004 u l‑15 ta’ Settembru 2006. |
|
107 |
L-appellanti jsostnu, l-ewwel, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-kuntatti antikompetittivi għandhom ikunu suffiċjentement qrib fiż-żmien sabiex ksur ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala uniku u kontinwu. Bl-istess mod, fis-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punti 50 sa 52), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ prodotti li għalihom il-prezzijiet kienu ffissati fuq bażi annwali, kien xieraq li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet tal-inqas okkorrenzi annwali ta’ parteċipazzjoni tal-impriżi kkonċernati fl-akkordju. |
|
108 |
Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx jekk, fid-dawl tal-kuntatti mhux ipprovati, il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur kinitx mingħajr interruzzjoni. Il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 220 ta’ din is-sentenza, li wħud mit-tnax-il kuntatti attribwiti lill-appellanti ma kinux ipprovati. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tammetti, fil-punt 141 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ma siltet ebda konklużjoni dwar il-kuntatt Nru 14, li kellu jwassalha sabiex tikkonstata li, matul perijodu ta’ madwar tmien xhur, l-appellanti ma kellhom ebda kuntatt antikompetittiv. |
|
109 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma analizzatx jekk, fid-dawl tal-funzjonament reali tas-suq, intervall ta’ madwar tmien xhur mingħajr kuntatt antikompetittiv muri kienx iqiegħed inkwistjoni l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni. Għalhekk, billi ma siltitx il-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet tagħha stess, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
110 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
111 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li huma kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu bejn it‑23 ta’ Awwissu 2004 u l‑15 ta’ Settembru 2006, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tagħha stess li abbażi tagħhom hemm intervall ta’ madwar tmien xhur bejn tnejn mill-kuntatti li fihom ipparteċipaw l-appellanti. |
|
112 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittivi li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu, filwaqt li jkollha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxu ksur previsti jew implimentati mill-parteċipanti sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju relatat. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tattribwixxi lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
113 |
Minn dan isegwi wkoll li, f’tali każ, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat unikament fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 54) |
|
114 |
Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punt 169). |
|
115 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 197 sa 222 tas-sentenza appellata, l-allegazzjoni tal-appellanti bbażata fuq nuqqas ta’ provi tal-ksur uniku u kontinwu sostnuta mill-Kummissjoni. |
|
116 |
Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret, fil-punti 199 sa 202 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza rilevanti dwar l-obbligi li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-prova ta’ ksur uniku u kontinwu. Sussegwentement hija enfasizzat, fil-punt 206 tal-imsemmija sentenza, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tevalwa jekk il-perijodi li jisseparaw il-kuntatti kinux suffiċjentement qosra sabiex jiġi stabbilit ksur uniku u kontinwu, li l-fatt li l-prova tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ma ġietx osservata għal ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix li l-ksur jitqies li ġie kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dan tal-aħħar, peress li tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti. |
|
117 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tan-numru ta’ kuntatti allegati tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 220 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li wħud minn dawn il-kuntatti ma humiex assolutament ipprovati, in-numru ta’ kuntatti tal-appellanti ma jistax jiġi kklassifikat bħala minuri. |
|
118 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali differenza ta’ madwar tmien xhur bejn tnejn mill-imsemmija kuntatti. |
|
119 |
L-ewwel, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx, fil-punt 220 tas-sentenza appellata, li wħud mill-kuntatti ma kinux stabbiliti. Din ikkunsidrat biss il-każ li fih uħud mit-tnax-il kuntatt attribwiti lill-appellanti ma jkunux assolutament ipprovati u minn dan iddeduċiet preċiżament, meta mqabbla mal-każ tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, li, anki f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur uniku u kontinwu ma tiġix ikkontestata. |
|
120 |
It-tieni nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kuntatt Nru 14, għandu jitfakkar li l-assenza ta’ prova ta’ kuntatti antikompetittivi għal ċerti perijodi partikolari ma tipprekludix il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, peress li tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti u li d-diversi azzjonijiet ta’ dan il-ksur isegwu skop wieħed, taħt il-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-punt 114 ta’ din is-sentenza. |
|
121 |
Huwa preċiżament dan ir-raġunament li l-Qorti Ġenerali ġustament segwiet. Għalhekk, hija kkunsidrat, fil-punti 208 sa 216 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet korrettament uriet li l-appellanti kienu jafu bl-eżistenza ta’ għan komuni u li huma kkontribwixxew intenzjonalment għall-għan ekonomiku u antikompetittiv tal-akkordju. |
|
122 |
Issa, f’tali ċirkustanzi, intervall ta’ madwar tmien xhur bejn tnejn mill-kuntatti li fihom ipparteċipaw l-appellanti, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax ikun ta’ natura li jikkontesta l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni. |
|
123 |
Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni (C‑99/17 P, EU:C:2018:773) sabiex iqisu li l-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk intervall ta’ madwar tmien xhur mingħajr kuntatt antikompetittiv ipprovat, kienx iqiegħed inkwistjoni l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur uniku u kontinwu allegat. Fil-fatt, filwaqt li l-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza jirrigwardaw analiżi taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kkonċernata, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza li, fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq ċertu tul, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jiġu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, jibqa’ mingħajr effett fuq l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, peress li d-diversi azzjonijiet isegwi skop wieħed u jikkostitwixxu ksur ta’ natura unika u kontinwa. |
|
124 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
|
125 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi bbażat is-sentenza appellata fuq motivi inkoerenti. Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija, fil-fatt, intrinsikament inkoerenti f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu. Id-dikjarazzjoni, fil-punt 207 ta’ din is-sentenza, li l-intervalli bejn il-kuntatti kienu biss, ġeneralment, ta’ xahrejn jew ta’ tliet xhur, hija f’kontradizzjoni mal-konstatazzjoni, fil-punt 141 tal-imsemmija sentenza, li tipprovdi li l-kuntatt Nru 14 ma kienx stabbilit. Fil-fatt, jekk dan il-kuntatt ma jiġix stabbilit, ikun neċessarju li minn dan jiġi dedott interruzzjoni tal-kuntatti matul perijodu ta’ madwar tmien xhur. |
|
126 |
Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija infondata. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
127 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi bbażat is-sentenza appellata fuq motivi inkoerenti. |
|
128 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-intervalli bejn il-kuntatti kienu biss, ġeneralment, ta’ xahrejn jew ta’ tliet xhur [u li] Sony tidher li kellha żewġ kuntatti matul li-istess xahar, f’April 2006.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
129 |
Għalhekk jidher li din il-konstatazzjoni hija ġenerali u li ma tistax titqies li tfisser li l-intervalli kollha bejn kull wieħed mill-kuntatti li fihom ipparteċipaw l-appellanti ma humiex itwal minn tliet xhur. |
|
130 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u, għalhekk, għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
131 |
Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi kollu hemm hu miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
|
132 |
Ir-raba’ aggravju tal-appellanti huwa maqsum fi tliet partijiet. |
L-argumenti tal-partijiet
– Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju
|
133 |
Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju, stabbilit fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi, li jipprovdi li l-valur tal-bejgħ għandu jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża parteċipanti fil-ksur u, għaldaqstant, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
134 |
L-appellanti jsostnu li, matul it-tul tal-ksur allegat, Lite-On ipproduċiet DDO sussegwentement mibjugħa taħt it-trade mark Sony. Fil-kuntest tal-akkordji ta’ qsim tad-dħul mill-bejgħ bejn l-appellanti u Lite-On, l-appellanti għaddew lil Lite-On id-dħul mill-bejgħ li jikkorrispondi għal dawn il-prodotti ppjanati u ffabbrikati minn Lite-On. Issa, id-deċiżjoni kontenzjuża għamlet kalkolu doppju ta’ dan id-dħul billi attribwixxiet dan id-dħul kemm lill-appellanti kif ukoll lil Lite-On. |
|
135 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet għaddiet darbtejn l-istess dħul. Hija ċaħdet ukoll l-argument tagħhom li dan l-għadd doppju kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, minħabba li ta lok għall-impożizzjoni, fuq l-appellanti, ta’ multa li indebitament żiedet is-sehem tagħhom fil-valur tal-bejgħ. |
|
136 |
Il-Linji gwida għall-Kalkolu tal-Multi jiddefinixxu l-valur tal-bejgħ bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni tal-valur tal-bejgħ, li hija konformi mal-prinċipji msemmija fil-punt preċedenti, u, f’ċerti kawżi, il-Kummissjoni fittxet li tevita tali għadd doppju. |
|
137 |
Sabiex tiċħad l-argument tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 271 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-metodu ssuġġerit minnhom jikkomprometti l-effikaċja tal-projbizzjoni tal-akkordji, għaliex ikun biżżejjed għalhekk għall-impriżi kkonċernati li jassoċjaw ruħhom ma’ parteċipant fl-akkordju sabiex inaqqsu l-ammont tal-multa tagħhom. Issa, din il-motivazzjoni wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma għadd doppju tal-valur tal-bejgħ, li jikkostitwixxi żball ta’ liġi u ksur tal-imsemmija prinċipji. |
|
138 |
Il-Kummissjoni tqis l-ewwel parti tar-raba’ aggravju bħala inammissibbli. Mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-appellant jitlob l-annullament tagħhom Issa, din l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tikkostitwixxi fil-verità talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma tidentifika żball speċifiku fis-sentenza appellata, ħaġa li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
139 |
Fi kwalunkwe każ, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija infondata u ineffettiva. |
– Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju
|
140 |
It-tieni parti tar-raba’ aggravju hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-argument imressaq mill-appellanti li l-għadd doppju tal-valur tal-bejgħ żied illegalment l-importanza ekonomika tal-ksur allegat u, konsegwentement, il-multa li ġiet imposta fuqhom. |
|
141 |
Abbażi ta’ dan l-obbligu, il-Qorti Ġenerali hija obbligata li tirrispondi b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha mressqa mill-appellanti. Il-motivazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita biss bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom hija ma laqgħetx l-argumenti tagħhom. |
|
142 |
Issa, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx l-argumenti mressqa mill-appellanti u kkuntentat ruħha b’kunsiderazzjonijiet ġenerali li ma jindirizzawx direttament dawn l-argumenti u, b’mod partikolari, dak dwar l-għadd doppju tad-dħul li jirriżulta mill-bejgħ ta’ DDO. |
|
143 |
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-tieni parti tar-raba’ aggravju hija infondata u ineffettiva. |
– Fuq it-tielet parti tar-raba’ aggravju
|
144 |
Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-argument tagħhom li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx li, fil-każ tagħhom, hija tbiegħdet mill-prattika tagħha intiża sabiex tevita għadd doppju, filwaqt li, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, għaliex dan il-valur jirrifletti l-valur ekonomiku tal-ksur. |
|
145 |
Il-Kummissjoni tqis li t-tielet parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u ineffettiva. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
146 |
Permezz tat-tliet partijiet tar-raba’ aggravju tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi kkonfermat l-ammont tal-multa imposta abbażi tal-istess dħul li serva sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuq Lite-On, li kienet tikkonċepixxi u timmanifattura DDO mibjugħa taħt it-trade mark Sony abbażi ta’ ftehimiet ta’ tqassim ta’ dħul. |
|
147 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta impliċitament iżda b’mod ċar mill-appell li l-appellanti jirreferu għall-punti 263 sa 276 tas-sentenza appellata, kif barra minn hekk ikkonfermaw fir-replika tagħhom. Dan l-aggravju huwa għalhekk ammissibbli. |
|
148 |
Fuq il-mertu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat qabelxejn, fil-punt 264 tas-sentenza appellata, li l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kienet għaddiet darbtejn il-bejgħ magħmul lil Dell ma kienx jinftiehem sa fejn l-appellanti biss kienu jirċievu d-dħul mingħand Dell. |
|
149 |
Sussegwentement hija fakkret, fil-punti 265 sa 269 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza applikabbli għad-determinazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ammont tal-multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. |
|
150 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet ikkonformat ruħha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, mal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. F’dan ir-rigward, fil-punt 270 tal-imsemmija sentenza, hija kkunsidrat li meta l-Kummissjoni fittxet il-valur tal-bejgħ ta’ beni li fir-rigward tagħhom kien relatat direttament jew indirettament il-ksur, kien loġiku li hija tuża l-bejgħ dirett tal-appellanti lil Dell bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. |
|
151 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-argument ibbażat fuq għadd doppju tad-dħul, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 271 tas-sentenza appellata, li l-metodu ssuġġerit mill-appellanti, li jikkonsisti fit-tnaqqis mid-dħul irċevut minn dawn tal-aħħar mingħand Dell id-dħul imħallas lil Lite-On, jikkomprometti l-effikaċja tal-projbizzjoni tal-akkordji sa fejn ikun biżżejjed għall-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju li jassoċjaw ruħhom sabiex inaqqsu l-ammont tal-multa tagħhom. |
|
152 |
Fir-rigward tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punti 272 u 273 ta’ din is-sentenza, li l-aġir tal-appellanti ma kienx fundamentalment differenti minn dak tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kontenzjuża kemm fir-rigward tal-fatt li skambjaw informazzjoni, b’mod partikolari dwar il-prezzijiet, kif ukoll fir-rigward tal-frekwenza ta’ dawn l-iskambji. Minn dan hija kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kienet kisret la dawn il-prinċipji u lanqas il-Linji gwida għall-Kalkolu tal-Multi. |
|
153 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jobbligax lil din tal-aħħar li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha artikulati mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, sakemm tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs GEA Group, C‑823/18 P, EU:C:2020:955, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
154 |
Issa, il-motivazzjoni inkluża fil-punti 263 sa 276 tas-sentenza appellata hija konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilmenti kollha fformulati mill-appellanti fir-rigward tal-kalkolu tal-multa u esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija ċaħdithom. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-allegazzjoni ta’ għadd doppju fil-punti 263 u 264 tas-sentenza appellata u, għalhekk, esponiet il-motivi għaċ-ċaħda ta’ dawn l-ilmenti. |
|
155 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma tbegħditx mill-metodu stabbilit mil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. |
|
156 |
Fil-fatt, hija rrilevat korrettament li l-Kummissjoni kienet, konformement ma’ dan il-metodu, ibbażat il-kalkolu tagħha tal-multa imposta fuq l-appellanti b’mod partikolari fuq il-valur tal-bejgħ ta’ beni li fir-rigward tagħhom kien relatat direttament jew indirettament il-ksur. |
|
157 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll ġustament li l-metodu ssuġġerit mill-appellanti, ibbażat mhux fuq il-valur tal-bejgħ, iżda fuq id-dħul mill-bejgħ dirett biss, jikkomprometti l-effikaċja tal-projbizzjoni tal-akkordji u għalhekk ma jistax jitqies li jippermetti li tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur. |
|
158 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs GEA Group, C‑823/18 P, EU:C:2020:955, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
159 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 272 tas-sentenza appellata, li l-aġir tal-appellanti ma kienx fundamentalment differenti minn dak tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kontenzjuża kemm fir-rigward tal-fatt li skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-frekwenza ta’ dawn l-iskambji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija qieset, fil-punt 273 ta’ din is-sentenza, li din id-deċiżjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
160 |
Issa, kuntrarjament għall-argument tal-appellanti, din il-konklużjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, mill-punti 272 u 273 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset, ġustament, li l-Kummissjoni applikat tajjeb l-istess metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa għall-impriżi kollha kkonċernati, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ, u li ċ-ċirkustanzi rrilevati mill-appellanti, li jiġġustifikaw, fil-fehma tagħhom, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu differenti, ma humiex ta’ natura li jaffettwaw din il-kunsiderazzjoni. |
|
161 |
Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex il-kompetenza ta’ din tal-aħħar, meta tiddeċiedi fuq punti ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur minnhom tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont tal-multa (sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il-Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 107). |
|
162 |
Issa, l-appellanti ma wrewx ir-raġunijiet li għalihom l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom huwa eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat. |
|
163 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud, kollu kemm huwa, bħala infondat. |
Fuq l-annullament tas-sentenza appellata
|
164 |
Kif jirriżulta mill-analiżi, fil-punti 58 sa 89 ta’ din is-sentenza, tat-tielet aggravju tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. |
|
165 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
166 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, hija tista’ taqta’ l-kawża definittivament meta din tkun fi stat li tiġi deċiża jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi. |
|
167 |
F’dan il-każ, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża. |
|
168 |
Kif ġie indikat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti qajmu żewġ motivi. |
|
169 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti jsostnu, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur distinti li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu attribwit lilhom, li l-Kummissjoni ma fformulatx din l-allegazzjoni matul il-proċedura amministrattiva u li kien bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom li l-imsemmija allegazzjoni ġiet ippreżentata għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kontenzjuża. Din id-deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ dawn il-ksur distinti. |
|
170 |
Fir-rigward tal-ilment dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 81 sa 89 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha dwar il-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-imsemmija ksur distinti li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu li ġie attribwit lilhom. |
|
171 |
Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv invokat mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħhom dan il-motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jallega li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess ksur distinti. |
|
172 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u fid-dawl ta’ dak li ġie ppreċiżat fil-punti 58 sa 61 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu jiġi annullat sa fejn jikkonstata li l-appellanti kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’diversi ksur distinti. |
|
173 |
Permezz tat-tieni motiv tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti jsostnu, fil-kuntest tal-ewwel parti, li l-Kummissjoni imponitilhom multa kkalkolata fuq dħul magħmul mingħand Dell li kien tħallas lil Lite-On bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ tqassim tad-dħul fis-seħħ bejn l-appellanti u Lite-On. Fil-kuntest tat-tieni parti, l-appellanti jsostnu li, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tagħhom sostanzjalment inqas limitat meta mqabbel ma’ dak ta’ ċerti destinatarji oħra, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. Fil-kuntest tat-tielet parti, l-appellanti jqisu li, billi imponiet fuqhom rata multiplikatur ta’ 1.2 fuq l-ammont inizjali tal-multa tagħhom sabiex jiġi żgurat effett dissważiv, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ekwità u ta’ proporzjonalità. |
|
174 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors, għandu jiġi kkunsidrat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 146 sa 163 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kontenzjuża la kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, u lanqas il-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. |
|
175 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-motivazzjoni li tinsab fil-punti 279 sa 288 kif ukoll fil-punti 292 sa 298 tas-sentenza appellata. Għalhekk, għar-raġunijiet esposti f’dawn il-punti kif ukoll għal dawk esposti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, dan it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
|
176 |
Għandha wkoll tingħata deċiżjoni, b’applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, dwar l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni,C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) |
|
177 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta tiddeċiedi definittivament hija stess dwar il-kawża skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija għandha s-setgħa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità imposti (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
178 |
Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta, huwa l-obbligu tagħha li tevalwa hija stess il-fatti tal-każ u t-tip ta’ ksur inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
179 |
Dan l-eżerċizzju jippreżumi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, b’osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tagħha, anki jekk dawn tal-aħħar jistgħu jiggwidaw lill-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
180 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ebda wieħed mill-elementi invokati mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, u ebda motiv ta’ ordni pubbliku, ma jiġġustifika li hija tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa msemmija fl-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
181 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża għandu jiġi annullat, sa fejn jikkonstata li l-appellanti kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE bil-parteċipazzjoni tagħhom f’diversi ksur distinti, u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
182 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
183 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-Artikolu 138(3) tal-imsemmi regolament jippreċiża li jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
184 |
F’dan il-każ, l-appellanti talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell u din tilfet it-talbiet tagħha fl-istadju tal-appell kif ukoll, parzjalment, fit-talbiet tagħha fl-ewwel istanza. L-appellanti tilfu parzjalment it-talbiet tagħhom fl-ewwel istanza. |
|
185 |
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell, it-totalità tal-ispejjeż li l-appellanti sostnew fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll nofs l-ispejjeż li huma sostnew fl-ewwel istanza. L-appellanti għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.