KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PITRUZZELLA
Ippreżentati fid‑9 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )
Kawża C‑154/21
RW
vs
Österreichische Post AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 15(1)(c) – Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data – Informazzjoni dwar id-destinatarju konkret jew dwar il-kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata d-data”
|
1. |
Meta persuna, li d-data personali tagħha tkun is-suġġett ta’ pproċessar, tixtieq tikseb mingħand il-kontrollur informazzjoni dwar terzi li lilhom tkun ġiet żvelata din id-data, id-dritt ta’ aċċess tagħha jimplika neċessarjament li hija tirċievi informazzjoni dwar id-destinatarji konkreti tal-iżvelar li għandu bħala suġġett id-data personali tagħha jew inkella l-kontrollur jista’ jillimita ruħu li jipprovdi indikazzjonijiet biss fir-rigward tal-kategoriji ta’ destinatarji ta’ dan l-iżvelar? |
|
2. |
Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, imressaq mill-Obesrter Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”). |
|
3. |
Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tnisslet fil-kuntest ta’ kawża bejn RW, persuna fiżika, u l-Österreichische Post, l-operatur prinċipali ta’ servizzi postali u ta’ loġistika fl-Awstrija, li, wara talba għal aċċess minn RW għad-data personali tiegħu, ma żvelalux informazzjoni dwar id-destinatarji preċiżi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali tiegħu. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
|
4. |
L-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jipprevedi: “1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja: […]
[…]”. |
II. Il‑fatti, il‑proċedura prinċipali u d‑domanda preliminari
|
5. |
Fil‑15 ta’ Jannar 2019, RW, ir-rikorrent quddiem il-qorti tar-rinviju, talab lill-Österreichische Post sabiex ikollu aċċess, skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, inter alia, għad-data personali li tikkonċernah li kienet miżmuma mill-Österreichische Post jew li din tal-aħħar kienet żammet fil-passat, kif ukoll, fil-każ ta’ żvelar ta’ din id-data lil terzi, għall-identità tad-destinatarji ta’ dan l-iżvelar. |
|
6. |
Fir-risposta tagħha, l-Österreichische Post iddikjarat li tuża data, sa fejn hija awtorizzata mil-liġi, fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ editriċi ta’ direttorji telefoniċi u li tipprovdiha lil klijenti kummerċjali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Imbagħad din għamlet riferiment għal sit internet li minnu kienet tirriżulta informazzjoni ġenerali dwar l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data ta’ RW u li kien jagħmel riferiment għal sit internet ieħor. Dan it-tieni sit internet kien jinkludi, min-naħa tiegħu, informazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll kien jippermetti li jiġu ddeterminati b’mod ġenerali ċerti kategoriji ta’ destinatarji lil min l-Österreichische Post kienet tiżvela d-data personali. Madankollu, l-Österreichische Post ma indikat fl-ebda mument lil RW id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data tiegħu. |
|
7. |
RW ressaq azzjoni ġudizzjarja fejn talab li l-Österreichische Post tiġi kkundannata tipprovdilu iktar informazzjoni skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, fir-rigward ta’ trasferimenti possibbli tad-data personali tiegħu lil terzi, kif ukoll, fil-każ fejn dawn it-trasferimenti effettivament seħħew, fir-rigward tad-destinatarju jew destinatarji speċifiċi li lilhom ġiet jew ser tiġi żvelata d-data personali tiegħu. RW isostni li l-informazzjoni pprovduta mill-Österreichische Post ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali tal-Artikolu 15 tar-RĠPD peress li din ma tagħmilhiex ċara jekk l-Österreichische Post bagħtitx jew le d-data personali tiegħu lil terzi u, fil-każ fejn id-data ġiet effettivament trażmessa, min huma konkretament id-destinatarji ta’ dan l-iżvelar |
|
8. |
Il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell ċaħdu t-talba ta’ RW, billi kkunsidraw essenzjalment li, peress li l-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD jagħmel riferiment għad-destinatarji jew għall-kategoriji ta’ destinatarji, din id-dispożizzjoni tagħti lill-kontrollur il-possibbiltà li jagħżel li sempliċement jiżvela lill-persuna kkonċernata l-kategoriji ta’ destinatarji, mingħajr ma jkollu jindika b’mod partikolari d-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali tiegħu. |
|
9. |
RW żamm il-pretensjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
10. |
Matul il-proċedura quddiem dik il-qorti, l-Österreichische Post informat lil RW li d-data tiegħu kienet ġiet ipproċessata għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tad-direttorji telefoniċi u li din kienet ġiet trażmessa lil klijenti kummerċjali, fosthom min jirreklama li huwa attiv fis-settur tal-bejgħ bil-korrispondenza u tal-kummerċ tradizzjonali, impriżi informatiċi, edituri ta’ direttorji telefoniċi u assoċjazzjonijiet bħal organizzazzjonijiet tal-karità, NGOs jew partiti politiċi. Madankollu hija ma żvelatx id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data ta’ RW. |
|
11. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-RĠPD adottata mill-qrati li jiddeċiedu fuq il-mertu u, għalhekk, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 15(1)(c) tar-[RĠPD] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ aċċess huwa limitat għall-informazzjoni dwar kategoriji ta’ destinatarji, jekk id-destinatarji konkreti ma jkunux għadhom ġew stabbiliti fil-każ ta’ żvelar previst, iżda fejn id-dritt ta’ aċċess għandu imperattivament jestendi għad-destinatarji ta’ dan l-iżvelar, meta d-data tkun diġà ġiet żvelata?” |
III. Analiżi ġuridika
|
12. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD dwar il-portata tad-dritt tas-suġġett tad-data, previst f’dan l-artikolu, li jikseb informazzjoni mill-kontrollur fir-rigward tad-destinatarji jew il-kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali tiegħu. |
|
13. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-portata tal-imsemmi dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għandhiex tiġi affettwata skont jekk id-data tkunx diġà ġiet żvelata – f’liema każ dan id-dritt għandu jiġi estiż għad-destinatarji konkreti ta’ dan l-iżvelar – jew jekk id-destinatarji konkreti ta’ żvelar futur ikunux għadhom ma ġewx identifikati – f’liema każ dan id-dritt għandu jitqies li huwa limitat għal informazzjoni dwar kategoriji ta’ destinatarji. |
|
14. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabelxejn li jiġi indikat li l-Artikolu 15 tar-RĠPD jirregola d-dritt tas-suġġett tad-data, fir-rigward tal-kontrollur, li jaċċedi għad-data personali li tikkonċernah u li tkun is-suġġett ta’ pproċessar, kif ukoll sensiela sħiħa ta’ informazzjoni relatata, b’mod partikolari, mal-ipproċessar innifsu. Din id-dispożizzjoni tikkonkretizza u tippreċiża d-dritt ta’ kull persuna li taċċedi għad-data li tikkonċernaha stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ). |
|
15. |
B’mod iktar speċifiku, skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD, is-suġġett tad-data għandu, fl-ewwel lok, id-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur il-konferma tal-eżistenza jew le ta’ pproċessar ta’ data personali li tikkonċernah. Meta jkun hemm ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt ta’ aċċess għad-data personali li hija s-suġġett tal-ipproċessar, kif ukoll għal iktar informazzjoni, elenkata fil-punti (a) sa (h) ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar ir-“riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali”. |
|
16. |
Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tippreżupponi l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tad-dritt tas-suġġett tad-data, previst f’dan l-artikolu, li jikseb informazzjoni fir-rigward tad-destinatarji tal-iżvelar tad-data personali tiegħu. |
|
17. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-finalità mfittxija mill-att li tagħmel parti minnu ( 4 ). |
|
18. |
Barra minn hekk, peress li d-dispożizzjonijiet tar-RĠPD jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta ( 5 ). |
|
19. |
Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet, jeħtieġ li din tingħata dik li tkun ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha ( 6 ). |
|
20. |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif indikat mill-qorti tar-rinviju nnifisha, kif ukoll minn diversi intervenuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni letterali tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD ma tippermettix li tingħata risposta definittiva għad-domanda dwar jekk id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data previst fiha għandux neċessarjament jiġi kkunsidrat bħala li jinkludi l-aċċess għal informazzjoni dwar destinatarji preċiżi tal-iżvelar li għandu bħala suġġett data personali li tikkonċernah jew jistax ikun limitat biss għal aċċess għal informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ destinatarji. Fil-fatt, f’din id-dispożizzjoni, it-termini “riċevituri” u “kategoriji ta’ riċevituri” jintużaw suċċessivament wieħed wara l-ieħor mingħajr ma huwa possibbli li tiġi dedotta ordni ta’ prijorità bejniethom. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tispeċifika espliċitament jekk huwiex possibbli li ssir għażla bejn iż-żewġ kategoriji ta’ informazzjoni possibbli previsti (jiġifieri r-“riċevituri” jew il-“kategoriji ta’ riċevituri”) u lanqas min (jiġifieri s-suġġett tad-data jew il-kontrollur) għandu, eventwalment, jagħżel għal liema tip ta’ informazzjoni għandu jiġi żgurat l-aċċess. |
|
21. |
Madankollu, dejjem kif indikat mill-qorti tar-rinviju, l-istruttura nnifisha tal-Artikolu 15(1) tar-RĠPD twassal, fil-fehma tiegħi, sabiex tiffavorixxi interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sens li huwa s-suġġett tad-data (u għalhekk mhux il-kontrollur kif ġie deċiż miż-żewġ qrati nazzjonali tal-mertu f’din il-kawża) li għandu jagħmel l-għażla bejn iż-żewġ alternattivi previsti fiha. Kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra tar-RĠPD, bħall-Artikoli 13 u 14 ( 7 ), li huma strutturati fis-sens tal-previżjoni ta’ obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kontrollur, din id-dispożizzjoni tipprevedi dritt ġenwin ta’ aċċess favur is-suġġett tad-data. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data loġikament jippreżupponi li d-detentur ta’ dan id-dritt ikollu l-possibbiltà li jagħżel jiksibx aċċess għall-informazzjoni dwar, fejn possibbli, id-destinatarji speċifiċi li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data jew, alternattivament, jillimitax ruħu li jitlob l-informazzjoni li tikkonċerna l-kategoriji ta’ destinatarji. |
|
22. |
Interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD fis-sens li hija tipprevedi d-dritt tas-suġġett tad-data li jitlob, fejn possibbli, l-aċċess għall-informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data personali tiegħu, hija barra minn hekk ikkonfermata minn analiżi kemm tal-kuntest li tinsab fih, kif ukoll tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-għanijiet u tal-istruttura ġenerali tar-RĠPD. |
|
23. |
F’dan ir-rigward nindika, qabelxejn, li l-premessa 63 tar-RĠPD tipprevedi espliċitament li s-suġġett tad-data għandu “d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni […] rigward […] ir-riċevituri tad-data personali”. Din il-premessa, li fid-dawl tagħha għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni inkwistjoni, tirrigwarda d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data personali tiegħu u bl-ebda mod ma ssemmi li dan id-dritt jista’ jiġi llimitat, skont id-diskrezzjoni tal-kontrollur, biss għall-kategoriji ta’ riċevituri. |
|
24. |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod espliċitu li r-RĠPD huwa intiż, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill‑premessa 10 tiegħu, sabiex jiġi żgurat livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni u, għal dan il-għan, li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha ( 8 ). |
|
25. |
Għal dan l-iskop, kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu josserva l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ( 9 ). Jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 5(1)(a) tar-RĠPD li d-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod trasparenti fil-konfront tas-suġġett tad-data ( 10 ). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15 tar-RĠPD, li jirregola d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data, jikkostitwixxi dispożizzjoni fundamentali sabiex tiżgura li l-modalitajiet li permezz tagħhom tiġi pproċessata d-data jkunu trasparenti għall-persuni kkonċernati. |
|
26. |
Bħalma jirriżulta mill-premessa 63 tar-RĠPD ( 11 ), dan id-dritt ta’ aċċess għandu bħala għan, fl-ewwel lok, li jippermetti lis-suġġett tad-data li jkun jaf bl-ipproċessar tad-data tiegħu u li jivverifika l-legalità tiegħu ( 12 ). L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess għandu b’mod partikolari jippermetti lis-suġġett tad-data jivverifika mhux biss li d-data li tikkonċernah tkun korretta, iżda wkoll li din tkun ġiet żvelata lil destinatarji awtorizzati ( 13 ). Dan jippreżupponi, bħala prinċipju, li jiġu pprovduti indikazzjonijiet kemm jista’ jkun preċiżi. |
|
27. |
F’dan il-kuntest, naqbel mal-Kummissjoni Ewropea li jekk jiġi miċħud li d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data previst fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD jinkludi d-destinatarji speċifiċi, billi dan id-dritt jiġi llimitat biss għall-kategoriji ta’ destinatarji, ikun ekwivalenti għal projbizzjoni tas-suġġett tad-data milli jivverifika b’mod integrali l-legalità tal-ipproċessar imwettaq mill-kontrollur u, b’mod partikolari, milli jivverifika l-legalità tal-iżvelar tad-data li jkun twettaq. Interpretazzjoni ta’ din in-natura tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma tippermettix lis-suġġett tad-data jivverifika li d-data tiegħu ntbagħtet biss lil destinatarji awtorizzati, kuntrarjament għar-rekwiżiti indikati fil-punt preċedenti. |
|
28. |
Fit-tieni lok, u fir-rigward tal-ewwel għan, dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, kif barra minn hekk diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita d-dritt għal rettifika, id-dritt għal tħassir (id-“dritt li wieħed jintesa”) u d-dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar, mogħtija lilu rispettivament mill-Artikoli 16, 17 u 18 tar-RĠPD ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li d-dritt ta’ aċċess huwa wkoll meħtieġ sabiex jippermetti lis-suġġett tad-data li jeżerċita d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar tad-data personali dwaru msemmi fl-Artikolu 21 tar-RĠPD jew id-dritt għal rimedju ġudizzjarju fil-każ ta’ ħsara sofferta u li jikseb il-kumpens għad-dannu, fis-sens tal-Artikoli 79 u 82 tar-RĠPD ( 15 ). |
|
29. |
Interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni li tipprojbixxi lis-suġġett tad-data l-possibbiltà li jikseb informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar tad-data personali tiegħu jkollha l-konsegwenza li, fl-assenza ta’ għarfien tal-identità tagħhom, is-suġġettt tad-data ma jkunx jista’ jeżerċita fir-rigward tagħhom id-drittijiet mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-RĠPD jew ikun jista’ jeżerċitahom biss permezz ta’ sforz sproporzjonat ( 16 ). Għaldaqstant din l-interpretazzjoni tneħħi l-effett utli, f’tali sitwazzjonijiet, tal-imsemmija dispożizzjonijiet u tad-drittijiet li huma jagħtu. |
|
30. |
Minn perspettiva kuntestwali, l-interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD hija, barra minn hekk, ikkonfermata wkoll mid-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 19 tal-istess regolament. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-“kontrollur għandu jikkomunika kwalunkwe rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar imwettqa f’konformità mal-Artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18 lil kull riċevitur li lilu tkun ġiet żvelata d-data personali, għajr jekk dan jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat”. |
|
31. |
Għaldaqstant l-Artikolu 19 tar-RĠPD jobbliga lill-kontrollur jinforma lid-destinatarji kollha li lilhom ikun ittrażmetta d-data personali fir-rigward ta’ kull talba għal rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ din id-data li huwa għandu jwettaq. Id-destinatarji hekk informati huma għalhekk obbligati li jipproċedu immedjatament għar-rettifika, għat-tħassir jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, sa fejn huma jkunu għadhom qegħdin jaħdmu bid-data inkwistjoni. Fil-kuntest tat-tfittxija tal-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni, imsemmi fil-punt 24 preċedenti, l-Artikolu 19 tar-RĠPD huwa intiż, f’dan is-sens, li jeħles lis-suġġett tad-data mill-oneru – wara li jkun talab informazzjoni skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD – li jressaq talbiet relattivi oħra għal rettifika, għal tħassir jew għal restrizzjoni lid-destinatarji kkonċernati. Madankollu, is-suġġett tad-data għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jivverifika li r-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni effettivament twettqet wara n-notifika mill-kontrollur. Minn din il-perspettiva, l-Artikolu 19 tar-RĠPD jipprevedi, għalhekk, li l-kontrollur għandu jiżvela dawn id-destinatarji lis-suġġett tad-data meta s-suġġett tad-data hekk jitlob. |
|
32. |
Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 19 tar-RĠPD tikkonferma li sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-drittijiet għat-tħassir, għar-rettifika jew għar-restrizzjoni tal-ipproċessar tas-suġġett tad-data, previsti fl-Artikoli 16, 17 u 18 tar-RĠPD dan għandu jkollu, bħala prinċipju, dritt għall-iżvelar tal-identità tad-destinatarji speċifiċi, meta d-data personali tiegħu tkun diġà ġiet żvelata. Fil-fatt, huwa biss b’tali mod li s-suġġett tad-data jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu fir-rigward tagħhom. |
|
33. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD għandu rwol funzjonali u strumentali meta mqabbel mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi oħra tas-suġġett tad-data previsti mir-RĠPD. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq tar-RĠPD, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt ta’ aċċess previst minn din id-dispożizzjoni għandu, bħala prinċipju, neċessarjament jikkonċerna l-possibbiltà li tinkiseb mingħand il-kontrollur informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li għandu bħala suġġett id-data personali tas-suġġett tad-data. |
|
34. |
L-estensjoni tad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15(1)(c) tar-RĠPD għad-destinatarji speċifiċi tal-imsemmi żvelar għandha, madankollu, limitu, fil-fehma tiegħi, tal-inqas f’żewġ każijiet. |
|
35. |
Fl-ewwel lok, fil-każ fejn huwa materjalment impossibbli li tingħata informazzjoni dwar id-destinatarji speċifiċi, pereżempju, minħabba li dawn għadhom ma ġewx effettivament identifikati, evidentement wieħed ma jistax jippretendi li l-kontrollur jiżvela informazzjoni li għadha ma teżistix. Għalhekk, f’din l-ipoteżi, prevista espliċitament fid-domanda preliminari, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data jista’ jirrigwarda biss il-kategoriji ta’ destinatarji. |
|
36. |
Fit-tieni lok, kif irrilevat mill-Gvern Taljan, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġet tad-data, u t-twettiq tal-obbligu korrispettiv mill-kontrollur, għandu jitqies fid-dawl tal-prinċipji ta’ korrettezza u ta’ proporzjonalità. |
|
37. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà ( 17 ). |
|
38. |
F’dan il-kuntest, minn naħa, jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 12(5), li japplika wkoll espressament għad-dispożizzjoni li hija s-suġġett tad-domanda preliminari, li t-talbiet tas-suġġett tad-data ma għandhomx ikunu manifestament infondati jew eċċessivi u li, jekk dan ikun il-każ, il-kontrollur jista’ wkoll jirrifjuta li jilqa’ t-talba. Barra minn hekk, mill-istess dispożizzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar “għandu jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba”. |
|
39. |
Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha kellha l-opportunità tiċċara li jeħtieġ li jinstab bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-ħajja privata tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-intervent u l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju, u min-naħa l-oħra, il-piż fuq il-kontrollur ( 18 ). Dan il-bilanċ ġust jirriżulta li huwa intiż favur iktar attenzjoni għall-protezzjoni tad-data u tal-ħajja privata tas-suġġett tad-data, kif enfasizzat mill-ħtieġa li, sabiex it-talba għal aċċess tas-suġġett tad-data ma tiġix issodisfatta għandha tiġi ppruvata n-natura manifestament infondata u eċċessiva tagħha. |
IV. Konklużjoni
|
40. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija): “L-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data li huwa jipprevedi għandu neċessarjament jiġi estiż, jekk hekk jitlob is-suġġett tad-data, għall-indikazzjoni tad-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali tiegħu. Dan id-dritt ta’ aċċess jista’ jiġi llimitat biss għall-indikazzjoni tal-kategoriji ta’ destinatarji meta jkun materjalment impossibbli li jiġu identifikati d-destinatarji speċifiċi tal-iżvelar li jirrigwarda d-data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data jew meta l-kontrollur jistabbilixxi li t-talbiet tas-suġġett tad-data jkunu manifestament infondati jew eċċessivi fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) 2016/679”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 3 ) Bħalma diġà kelli opportunità nindika, ir-RĠPD jimplimenta r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali protett mill-Artikolu 8 tal-Karta u b’mod partikolari dawk espressament previsti mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda WM u Sovim (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:43, punt 70 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). F’dak li jirrigwarda speċifikament id-dritt ta’ persuna li taċċessa d-data li tikkonċernaha, b’riferiment għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), imħassra mir-RĠPD, ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 55 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).
( 4 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2022, A (C‑302/20, EU:C:2022:190, punt 63), u, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Autoriteit Persoonsgegevens (C‑245/20, EU:C:2022:216, punt 28).
( 5 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Sucrerie de Toury (C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) L-Artikolu 13 tar-RĠPD jikkonċerna l-informazzjoni li l-kontrollur huwa obbligat li jipprovdi meta d-data personali tinġabar mis-suġġett tad-data. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tar-RĠPD jirrigwarda l-informazzjoni li l-kontrollur għandu jipprovdi meta d-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data.
( 8 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 207); tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 49); u tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 52).
( 9 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208), u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 96).
( 10 ) Dwar il-prinċipju ta’ trasparenza, ara wkoll il-premessa 39 tar-RĠPD.
( 11 ) L-ewwel sentenza ta’ din il-premessa tipprevedi li “[s]uġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru […] sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar.”
( 12 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 44), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57)
( 13 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 49).
( 14 ) Ara, b’riferiment għad-dispożizzjonijiet relattivi tad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punti 51 u 52); tas‑17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 44); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens b’riferiment għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 52).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 51).
( 17 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 64).