SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

19 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 14 – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(5) – Artikolu 13(1)(a) u (b) – Kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” – Persunal tat-titjir – Ħaddiema li jeżerċitaw l-attività tagħhom bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Kriterji ta’ rabta”

Fil-Kawża C‑33/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Istituto nazionale per l’assicurazione conco gli infortuni sul lavoro (INAIL),

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

vs

Ryanair DAC,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Istituto nazionale per l’assicurazione contro gli infortuni sul lavoro (INAIL), minn L. Frasconà u de G. Catalano, avvocati,

għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), minn A. Sgroi, L. Maritato, E. De Rose u C. D’Aloisio, avvocati,

għal Ryanair DAC, minn S. Piras u S. Bargellini, avvocati, E. Vahida, avocat, S. Rating, abogado u Rechtsanwalt, u I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

għall-Irlanda, minn M. Browne, assistita minn E. Egan McGrath, Barrister-at-Law, J. Quaney u T. Joyce, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar il‑pubblikazzjoni [l‑applikazzjoni] ta’ l‑iskemi tas‑sigurtà soċjali għall‑persuni impjegati, għall‑persuni li jaħdmu għal rashom u l‑membri tal‑familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il‑Komunità, fil‑verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 10) (iktar ’il quddiem “Regolament Nru 1408/71”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwim bejn, rispettivament, l-Istituto nazionale per l’assicurazione contro gli infortuni sul lavoro (INAIL) (l-Istitut nazzjonali tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, l-Italja) u l-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, l-Italja) kontra Ryanair DAC, stabbilita fl-Irlanda, fir-rigward tar-rifjut ta’ din tal-aħħar li toħroġ assigurazzjoni ma’ dawn l-istituti għall-persunal li jivvjaġġa ta’ din il-kumpannija assenjati lill-ajurport ta’ Orio al Serio (Bergamo, l-Italja).

Il‑kuntest ġuridiku

Id-‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1408/71

3

Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit mill‑1 ta’ Mejju 2010. It-tilwimiet fil-kawża prinċipali jikkonċernaw l-assenza ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali bejn ix-xahar ta’ Ġunju 2006 u x-xahar ta’ Frar 2010 u ta’ premiums ta’ assigurazzjoni bejn ix-xahar ta’ Jannar 2008 u x-xahar ta’ Jannar 2013, jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Dan ir-regolament jinkludi Titolu II, intitolat “Determinazzjoni tal-Leġislazzjoni Applikabbli”, taħt liema huma inklużi l-Artikoli 13 sa 17 tiegħu.

4

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu;

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”:

“l-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[…]

2.

Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

(a)

Persuna li tifforma parti minn ‘personnel’ vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

(i)

fejn l-imsemmija impriża jkollha fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru għajr dak li fih għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju, persuna impjegata minn tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu rinsab it-tali fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti;

(ii)

fejn persuna hija impjegata prinċipalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita, hija tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk l-impriża li timpjegah m’għandha ebda uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju jew fergħa jew rappreżentazzjoni permanenti fit-territorju”.

6

L-Artikolu 17 tal-istess regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-Artikoli 13 sa 16”, kien ifformulat kif ġej:

“Tnejn jew iktar Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati jew il-korpi ddisinjati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu bi ftehim komuni jipprovdu għall-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 13 sa 16 fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni.”

7

Taħt it-Titolu IV tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti”, hemm l-Artikolu 80 tiegħu, liema artikolu huwa intitolat “Kompożizzjoni u metodi tat-tħaddim”, li kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ikun hemm marbuta mal-Kummissjoni [Ewropea] Kummissjoni Amministrattiva għas-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti (hawn taħt imsejħa “Il-Kummissjoni Amministrattiva) magħmula minn rappreżentant tal-gvern ta’” kull Stat Membru, assistit, fejn meħtieġ, minn kunsillieri esperti. Rappreżentant tal-Kummissjoni jattendi l-laqgħat tal-Kummissjoni Amministrattiva f’kapaċità ta’ kunsillier.”

8

Taħt it-Titolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Oħra”, hemm l-Artikolu 84a tiegħu, liema artikolu huwa intitolat “Ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament”, li kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fil-każ ta’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet ta’ persuna koperta minnu, l-istituzzjoni ta’ l-Istat kompetenti jew ta’ l-Istat ta’ residenza tal-persuna involuta għandha tikkuntattja l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat jew Stati Membri konċernati. Jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni f’perijodu raġonevoli, l-awtoritajiet konċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tintervjeni.”

Ir‑Regolament Nru 883/2004

9

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), ħassar u ssostitwixxa, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2010, id-data tal-applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 1408/71. Qabel din id-data, ir-Regolament Nru 883/2004 kien emendat mir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p.43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl-2009”. Kien emendat ukoll mir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl-2012”), li daħal fis-seħħ fit‑28 ta’ Ġunju 2012. Ir-Regolament Nru 883/2004 f’dawn iż-żewġ verżjonijiet huwa applikabbli għal din il-kawża f’dak li jikkonċerna r-rifjut tal-ħlas ta’ premiums ta’ assigurazzjoni għall-perijodu ta’ bejn il‑25 ta’ Jannar 2008 u l‑25 ta’ Jannar 2013.

10

Il-premessa 18b tar-Regolament Nru 883/2004 kif emendata fl‑2012 hija fformulata kif ġej:

“Fl-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas‑16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 348], l-kunċett ta’ ‘bażi residenzjali’ għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina huwa definit bħala l-post magħżul mill-operatur għall-membri tal-ekwipaġġ minn fejn il-membru tal-ekwipaġġ normalment jibda u jispiċċa perjodu ta’ ħidma, jew serje ta’ perjodi ta’ ħidma, u fejn, taħt kondizzjonijiet normali, l-operatur mhuwiex responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina, huwa ġġustifikat li jintuża l-kunċett ta’ ‘bażi residenzjali’ bħala l-kriterju biex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina. Madankollu, il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina għandha tinżamm stabbli u l-prinċipju ta’ bażi residenzjali ma għandux iwassal għal bidliet frekwenti tal-leġiżlazzjoni applikabbli minħabba l-mudelli ta’ ħidma tal-industrija jew domandi staġonali.”

11

It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 f’dawn iż-żewġ verżjonijiet, intitolat “Determinazzjoni tal-Leġislazzjoni Applikabbli”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 16 ta’ dan tal-aħħar jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71. Huwa jirripproduċi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71.

12

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl‑2009 jinkludi erba’ paragrafi, fejn l-ewwel u t-tielet paragrafu jipprovdu:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]”

13

Ir-Regolament Nru 465/2012 żied f’dan l-Artikolu 11 paragrafu 5 li jipprovdi li “Attività li ssir minn membru tal-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-ekwipaġġ tal-kabina li jwettaq servizzi għall-passiġġieri jew għall-merkanzija tal-ajru għandha titqies bħala attività mwettqa fi Stat Membru fejn tinsab il-bażi residenzjali, kif definit f’Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91.”

14

Taħt it-titolu “Twettiq ta’ attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar”, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu jipprovdi essenzjalment, fil-paragafu (1)(a) tiegħu, li l-persuna li normalment teżerċita l-attività tagħha bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar hija suġġetta għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, jekk hija teżerċita parti sostanzjali tal-attività tagħha f’dan l-Istat Membru. Dan l-Artikolu 13(1)(b) jipprovdi, li din il-persuna, jekk ma teżerċitax parti sostanzjali tal-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru ta’ residenza, hija suġġetta għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih l-impriża jew il-persuna li timpjega għandha s-sede tagħha jew il-post tan-negozju tagħha.

15

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu jirripproduċi, f’termini identiċi, il-kliem tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71.

16

L-Artikolu 71 u l-Artikolu 76(6) ta’ dan ir-regolament fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 80 u għall-Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71.

17

L-Artikolu 87(8) tal-imsemmi regolament fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Jekk, bħala riżultat ta’ dan ir-Regolament, persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak determinat skont it-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, dik il-leġiżlazzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sitwazzjoni relevanti tibqa’ ma nbidlitx u fi kwalunkwe każ għal perijodu mhux anqas minn 10 snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx li hija ssir suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt dan ir-Regolament. It-talba għandha tiġi preżentata fi żmien tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hi applikabbli taħt dan ir-Regolament jekk il-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru sa mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk it-talba ssir wara l-limitu taż-żmien indikat, il-bidla tal-leġiżlazzjoni applikabbli għandha ssir fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara.”

Ir‑Regolament (KEE) Nru 574/72

18

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal‑21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1), jinkludi l-Artikolu 12a, intitolat “Regoli applikabbli fir-rigward ta’ persuni msemmija f[il-punti 2 u 3 ta]l-Artikolu 14, [il-punti 2 sa 4 ta]l-Artikolu 14a u l-Artikolu 14ċ tar-Regolament [Nru 1408/71] li normalment iwettqu attività ta’ impjegati jew impjegati għal-rashom fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar”, li jistabbilixxi fil-paragrafu 1a tiegħu:

“Meta, skond l-[punt 2 (a)]Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament [Nru 1408/71], persuna li tkun fost il-persunal li jivvjaġġa, inkluż bl-ajru, ta’ impriża tat-trasport internazzjonali tkun suġġetta għal-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju ta’ l-impriża jew il-fergħa jew l-istabbiliment permanenti li jimpjegaha, jew fejn hija tirrisjedi u hi prevalentement impjegata, l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha toħroġ lill-persuna kkonċernata ċertifikat li jgħid li hi suġġetta għal-liġi tiegħu.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 987/2009

19

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), ħassar u ssostitwixxa, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2010, ir-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005.

20

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi:

“(1)   Id-dokumenti maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament implimentattiv, u l-evidenza ta’ sostenn li abbażi tagħha nħarġu d-dokumenti, għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħrajn sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati jew iddikjarati li huma invalidi mill-Istat Membru li fih inħarġu.

(2)   F’każ ta’ dubju dwar il-leġittimità tad-dokument jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li tirċievi d-dokument għandha titlob mill-istituzzjoni li ħarġitu l-kjarifiki meħtieġa u, jekk ikun l-każ, l-irtirar ta’ dak id-dokument. L-istituzzjoni li ħarġitu għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-raġunijiet għall-ħruġ tad-dokument u, jekk meħtieġ, li tirtirah.

(3)   Konformement mal-paragrafu 2, f’każ ta’ dubju dwar l-informazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati, dwar il-validità ta’ dokument jew il-prova ta’ sostenn jew l-eżattezza tal-fatti li huma l-bażi tad-dettalji li jidhru fih, l-istituzzjoni tal-post taż-żjara jew ta’ residenza għandha, sa fejn dan ikun possibbli, fuq talba mill-istituzzjoni kompetenti, twettaq il-verifika meħtieġa ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dan id-dokument.

(4)   Fejn ma jintlaħaqx qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti mhux qabel xahar wara d-data li fiha l-istituzzjoni li rċeviet id-dokument tkun ippreżentat it-talba tagħha. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfittex li tirrikonċilja l-fehmiet fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tressqet quddiemha.”

21

Skont l-Artikolu 14(8) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) u (2) tarRegolament [Nru°883/2004], “parti sostanzjali tal-attività ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha” imwettqa fi Stat Membru għandha tfisser li parti sostanzjali b’mod kwantitattiv tal-attivitajiet kollha tal- persuna impjegata jew li taħdem għal rasha titwettaq hemmhekk, mingħajr ma din neċessarjament tkun il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet.

Biex jiġi ddeterminat jekk parti sostanzjali tal-attivitajiet hijiex imwettqa fi Stat Membru, għandu jittieħed kont tal-kriterji indikattivi li ġejja:

(a)

fil-każ ta’ attività ta’ persuna impjegata, il-ħin tax-xogħol u/jew ir-remunerazzjoni; kif ukoll

(b)

fil-każ ta’ attività ta’ persuna li taħdem għal rasha, it-turnover, il-ħin tax-xogħol, in-numru ta’ servizzi mogħtija u/jew id-dħul.

Fil-qafas ta’ evalwazzjoni globali, sehem ta’ anqas minn 25 % rigward il-kriterji msemmijin hawn fuq għandu jkun indikazzjoni li parti sostanzjali tal-attivitajiet kollha mhijiex imwettqa fl-Istat Membru relevanti.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 44/2001

22

Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li hija komposta mill-Artikoli 18 sa 21 ta’ dan ir-regolament, tistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni relatati ma’ kawżi li għandhom bħala suġġett kuntratti individwali ta’ xogħol.

23

L-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5.”

24

L-Artikolu 19 tal-istess regolament jipprovdi:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1.

fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat jew

2.

fi Stat Membru ieħor:

(a)

fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

(b)

jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat.”

Id‑dritt Taljan

25

Ir-regio decreto legge, n. 1827 convertito con modificazioni dalla L. 6 aprile 1936, n. 1155 – Perfezionamento e coordinamento legislativo della previdenza sociale (id-Digriet-Liġi Irjali Nru 1827— ikkonvertit b’emendi bil-Liġi Nru 1155 tas‑6 ta’ April 1936 — dwar it-titjib u l-koordinazzjoni leġiżlattiva tas-sigurtà soċjali), tal‑4 ta’ Ottubru 1935 (Gazzetta Ufficiale del Regno d’Italia Nru 147, tas‑26 ta’ Ġunju 1936), jipprevedi, fl-Artikolu 37 tiegħu, li l-assigurazzjoni għall-invalidità u għax-xjuħija, l-assigurazzjoni tuberkulożi u l-assigurazzjoni involontarja għall-qgħad, bla ħsara għall-esklużjonijiet previsti fl-imsemmi digriet, huma obbligatorji għall-persuni taż-żewġ sessi u ta’ kull nazzjonalità, li laħqu l-età ta’ 15-il sena u li ma għalqux il-65 sena u li jeżerċitaw attività subordinata bi ħlas.

26

Id-Decreto del Presidente della Repubblica, n. 1124 – Testo unico delle disposizioni per l’assicurazione obbligatoria contro gli infortuni sul lavoro e le malattie professionali (Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 1124, dwar test uniku tad-dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol), tat‑30 ta’ Ġunju 1965 (GURI Nru 257, tat‑13 ta’ Ottubru 1965) jistabbilixxi, fl-Artikolu 4 tiegħu, li huma inklużi fl-imsemmija assigurazzjoni l-persuni li, fuq bażi permanenti jew temporanja, jagħtu lill-impjegati u taħt id-direzzjoni ta’ oħrajn xogħol manwali, tkun xi tkun il-forma ta’ remunerazzjoni, jew dawk li, f’dawn il-kundizzjonijiet mingħajr ma jipparteċipaw materjalment fix-xogħol, jissorveljaw ix-xogħol ta’ ħaddieħor.

Il‑kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

27

Wara spezzjoni, l-INPS ikkunsidra li l-219-il impjegat ta’ Ryanair, assenjati lill-ajruport ta’ Orio al Serio f’Bergamo, kienu jeżerċitaw attività bħala persuni impjegati fit-territorju Taljan u kellhom, skont id-dritt Taljan u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, jiġu assigurati mal-INPS għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ġunju 2006 u x-xahar ta’ Frar 2010.

28

L-INAIL qies ukoll li, skont id-dritt Taljan, l-istess impjegati kellhom, għall-perijodu mill‑25 ta’ Jannar 2008 sal‑25 ta’ Jannar 2013, jiġu assigurati mal-INAIL għar-riskji marbuta max-xogħol mhux bl-ajru, peress li kienu, skont dan l-istitut, marbuta mal-bażi ta’ residenza ta’ Ryanair li tinsab fl-ajruport ta’ Orio al Serio.

29

L-INPS u l-INAIL, għalhekk, talbu lil Ryanair il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u ta’ premiums ta’ assigurazzjoni relatati ma’ dawn il-perijodi (iktar ’il quddiem il-“perijodi kkonċernati”), fatt li din tal-aħħar ikkontestat quddiem il-qrati Taljani.

30

It-Tribunale di Bergamo (il-Qorti Distrettwali ta’ Bergamo, l-Italja) u l-Corte d’appello di Brescia (il-Qorti tal-Appell ta’ Brescia, l-Italja) ċaħdu t-talbiet tal-INPS u tal-INAIL bħala infondati, peress li qiesu li l-impjegati ta’ Ryanair kienu suġġetti, għal dawn il-perijodi, għal-leġislazzjoni Irlandiża.

31

Dawn il-qrati aċċettaw il-produzzjoni tardiva, minn Ryanair, ta’ ċertifikati E101, maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti Irlandiża, li jiċċertifikaw li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Irlandiża kienet applikabbli għall-impjegati msemmija fiha.

32

Il-qorti adita bl-appell ikkonfermat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċertifikati E101 huma vinkolanti fir-rigward tal-qrati nazzjonali u kkonkludiet li l-impjegati ta’ Ryanair koperti miċ-ċertifikati E101 prodotti minn Ryanair kienu, matul il-perijodi kkonċernati, suġġetti għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Irlandiża. Madankollu, wara li eżaminat dawn iċ-ċertifikati, din il-qorti kkonstatat li huma la kienu nnumerati u lanqas ikklassifikati b’mod intelliġibbli jew ordnat, li kien hemm 321 ċertifikat, u li probabbilment kien hemm xi ċertifkati dduplikati, u li ma kinux ikopru l-219-il impjegat kollha ta’ Ryanair assenjati lill-ajruport ta’ Orio al Serio matul il-perijodi kollha kkonċernati. Minn dan hija kkonkludiet li, fir-rigward tal-impjegati li għalihom l-eżistenza ta’ ċertifikat E101 ma kinitx ipprovata, kellha tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, skont ir-Regolament Nru 1408/71.

33

L-imsemmija qorti rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-219-il impjegat ta’ Ryanair assenjati lill-ajruport ta’ Orio al Serio kienu rreklutati skont kuntratt ta’ xogħol Irlandiż, ġestit fil-prattika permezz ta’ istruzzjonijiet mill-Irlanda, li kienu qed jaħdmu kuljum għal 45 minuta fit-territorju Taljan u li, għall-kumplament tal-ħinijiet tax-xogħol, huma kienu abbord ajruplani rreġistrati fl-Irlanda. Din il-qorti qieset li Ryanair ma kellhiex, fit-territorju Taljan, fergħa jew rappreżentanza permanenti u minn dan iddeduċiet li, skont ir-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Taljana ma kinitx applikabbli.

34

F’dak li jirrigwarda l-perijodu sussegwenti għal dak li matulu dan ir-regolament kien applikabbli, il-qorti adita bl-appell qieset li hija ma kellhiex l-elementi fattwali neċessarji sabiex tapplika l-kriterji previsti mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 u li, fi kwalunkwe każ, il-kriterju l-ġdid ta’ rabta relatat mal-“bażi ta’ residenza” previst mir-Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl‑2012, ma kienx applikabbli ratione temporis. Minn dan hija kkonkludiet li, matul dan il-perijodu, il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Irlandiża kienet applikabbli għal dawk l-219-il impjegat ta’ Ryanair mhux koperti minn ċertifikat E101.

35

L-INPS u l-INAIL ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja).

36

Għalkemm din tal-aħħar tirrikonoxxi n-natura vinkolanti taċ-ċertifikati E101 prodotti minn Ryanair, hija tqis, madankollu, li, sa fejn il-qorti adita bl-appell, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti li l-qorti tar-rinviju ma tistax tikkontesta, ikkunsidrat li ċ-ċertifikati E101 prodotti minn Ryanair ma kinux ikopru, fir-realtà, il-219-il impjegat kollha ta’ Ryanair assenjati lill-ajruport ta’ Orio al Serio għall-perijodi kollha kkonċernati, huwa neċessarju, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, li tiġi ddeterminata, skont ir-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli.

37

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar partikolari, dwar il-kwistjoni jekk din il-leġiżlazzjoni għandhiex tiġi ddeterminata skont il-punt 2(a)(i) jew (ii) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71.

38

Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688), kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punti 54 sa 59), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet indikazzjonijiet utli sabiex tevalwa jekk il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 kienx applikabbli f’dan il-każ.

39

Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna […] impjegata prinċipalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita”, fis-sens tal-punt (2)(a)(ii) tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, fir-rigward tal-persunal tat-titjir. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat b’analoġija mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” li jinsab fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 57), li kienet tikkonċerna ħaddiema impjegati bħala membri tal-persunal tat-titjir ta’ kumpannija tal-ajru jew imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha u li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett kellu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (ara, b’analoġija, sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Schlecker, C‑64/12, EU:C:2013:551, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata) fis-sens li tirreferi għall-post fejn, jew minn fejn, il-ħaddiem fil-fatt iwettaq il-parti essenzjali tal-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah.

40

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘persuna […] impjegata prinċipalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita’, li jinsab fil-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 14 [tar-Regolament Nru 1408/71], jista’ jiġi interpretat b’mod analogu għal dak li, fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ġudizzjarji u fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol (Regolament (KE) Nru 44/2001) il-punt 2(a) tal-Artikolu 19 [ta’ dan l-aħħar regolament] jiddefinixxi bħala ‘l-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’, dejjem fis-settur tal-avjazzjoni u tal-persunal tat-titjir (Regolament (KEE) Nru 3922/91), skont kif ġie stabbilit [fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688)]?”

Fuq l‑ammissibiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

41

Ryanair u l-Irlanda jsostnu li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Fil-fehma tagħhom, iċ-ċertifikati E101 prodotti minn Ryanair huma, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, vinkolanti għall-qrati nazzjonali, b’tali mod li la l-qorti adita bl-appell, u lanqas il-qorti tar-rinviju ma għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeterminaw, skont ir-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-219-il impjegat ta’ Ryanair assenjati fl-ajruport ta’ Orio al Serio.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Ranks u Vasiļevičs, C‑166/15, EU:C:2016:762, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Ranks u Vasiļevičs, C‑166/15, EU:C:2016:762, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti adita bl-appell fakkret b’mod espliċitu l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha ċ-ċertifikati E101 huma vinkolanti għall-qrati nazzjonali qabel ma jeżaminaw iċ-ċertifikati E101 prodotti quddiemha minn Ryanair u li jikkonkludu li ma kienx stabbilit li dawn kienu jkopru l-219-il impjegat kollha ta’ Ryanair assenjati fl-ajruport ta’ Orio al Serio matul il-perijodi kkonċernati kollha. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti qieset li kien neċessarju li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, skont ir-Regolament Nru 1408/71, għal dawk, fost dawn l-impjegati, li għalihom l-eżistenza ta’ ċertifikat E101 ma seħħitx.

45

Għaldaqstant, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-kwistjoni dwar liema leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali hija applikabbli, matul il-perijodi kkonċernati, għall-impjegati ta’ Ryanair assenjati fl-ajruport ta’ Orio al Serio li ma humiex koperti miċ-ċertifikati E101 prodotti minn Ryanair (iktar ’il quddiem il-“ħaddiema inkwistjoni”).

46

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domanda preliminari

47

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna […] impjegata prinċipalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita”, kif jidher fil-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan.

48

Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Staatsanwaltschaft Köln u Bundesamt für Güterverkehr, C‑937/19, EU:C:2021:555, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, matul il-perijodi kkonċernati, għall-ħaddiema inkwistjoni. Issa, għalkemm, matul il-perijodu rilevanti kollu tal-kawża bejn l-INPS u Ryanair, inkluż bejn ix-xahar ta’ Ġunju 2006 u x-xahar ta’ Frar 2010, ir-Regolament Nru 1408/71 kien effettivament fis-seħħ, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-perijodu rilevanti fil-kawża bejn l-INAIL u Ryanair, jiġifieri dak mill‑25 ta’ Jannar 2008 sal‑25 ta’ Jannar 2013. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004 mill‑1 ta’ Mejju 2010. Għaldaqstant, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli f’dan il-każ, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu, mhux biss fuq ir-Regolament Nru 1408/71, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, iżda wkoll fuq ir-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu.

50

Għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, li tiddetermina, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71 u tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-persunal tat-titjir ta’ kumpannija tal-ajru, stabbilita fi Stat Membru, li ma huwiex kopert minn ċertifikati E101, li jaħdem 45 minuta kuljum f’post maħsub biex jakkomoda ekwipaġġ imsejjaħ “crew room”, li l-imsemmija kumpannija tal-ajru għandha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih jirrisjedi dan il-persunal tat-titjir, u li, għall-kumplament tal-ħinijiet tax-xogħol, jinsab abbord ajruplani ta’ din il-kumpanija tal-ajru.

51

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1408/71, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli fil-kawżi prinċipali għandhiex tiġi ddeterminata skont il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jew il-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament.

52

Għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkostitwixxu deroga mill-prinċipju previst fil-punt 2(a) tal‑Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprovdi li l-persuna li tagħmel parti mill-persunal mobbli jew tat-titjir ta’ impriża li twettaq, għan-nom ta’ ħaddieħor jew f’isimha stess, trasport internazzjonali ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bil-ferrovija, bit-triq, bl-ajru jew b’dgħajsa u li għandha s-sede tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, jipprevedu regoli distinti li jeskludu lil xulxin reċiprokament. Fil-fatt, huwa biss jekk il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali rilevanti ma tistax tiġi ddeterminata skont l-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament li għandu jiġi applikat l-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament.

53

Skont il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, persuna li tagħmel parti mill-persunal tat-titjir ta’ kumpannija tal-ajru li twettaq titjiriet internazzjonali u impjegata minn fergħa jew rappreżentanza permanenti li din il-kumpannija għandha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak li fih għandha s-sede tagħha, hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din il-fergħa jew din ir-rappreżentanza permanenti.

54

L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-kumpannija tal-ajru kkonċernata jkollha fergħa jew rappreżentanza permanenti fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikollha s-sede tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-persuna inkwistjoni tkun impjegata minn din l-entità (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 55).

55

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kunċetti ta’ “fergħa” u ta’ “rappreżentanza permanenti” ma humiex iddefiniti mir-Regolament Nru 1408/71, li lanqas ma jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dritt tal-Istati Membri, u, għaldaqstant, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma. Bħall-kunċetti identiċi jew simili li jinsabu f’dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, dawn għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw forma ta’ stabbiliment sekondarju li għandu natura ta’ stabbiltà u ta’ kontinwità sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika effettiva u li għandha, għal dan l-għan, mezzi materjali u umani organizzati, kif ukoll ċerta awtonomija meta mqabbel mal-istabbiliment prinċipali (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 56).

56

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-relazzjoni tal-impjieg tal-persunal tat-titjir ta’ kumpannija tal-ajru għandha rabta sinjifikattiva mal-post li minnu din il-persuna prinċipalment taqdi l-obbligi tagħha fil-konfront tal-persuna li timpjegaha. Dan il-post jikkorrispondi ma’ dak li minnu l-imsemmija persunal iwettaq il-missjonijiet ta’ trasport tiegħu, jew jirritorna wara l-missjonijiet tiegħu, li fih huwa jirċievi l-istruzzjonijiet dwar il-missjonijiet tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post li fih jinsabu l-għodod tax-xogħol, li jistgħu jikkoinċidu ma’ dak tal-bażi ta’ residenza tiegħu (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 57). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-persunal tat-titjir kien impjegat minn post li seta’ jiġi kkwalifikat bħala fergħa jew rappreżentanza permanenti, fis-sens tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, peress li dan il-post jikkorrispondi għall-post li minnu dan il-persunal kien iwettaq il-parti essenzjali tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 58).

57

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari fuq is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688). F’dan ir-rigward, sabiex jiġi identifikat il-post li minnu l-persunal tat-titjir iwettaq il-parti essenzjali tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, għandu jsir riferiment għal sensiela ta’ indizji li jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem u, jippermettulu b’mod partikolari, li jiġi stabbilit f’liema Stat Membru jinsab il-post li minnu l-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet ta’ trasport tiegħu, dak fejn huwa jirritorna wara l-missjonijiet tiegħu, fejn jirċievi l-istruzzjonijiet fuq il-missjonijiet tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post fejn jinsabu l-għodod tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑2 ta’ April 2020, CRPNPAC u Vueling Airlines, C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2020:260, punt 57).

58

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodi kkonċernati, Ryanair kellha, fl-ajruport ta’ Orio al Serio, post maħsub biex jakkomoda ekwipaġġ, li kien iservi sabiex imexxi u jorganizza r-rotazzjoni tas-servizz tal-persunal tagħha. l-analiżi tar-rwol tas-servizzi tal-persunal tagħha. Dan il-post kien mgħammar b’kompjuters, telefons, magni tal-faks u xkafef għall-konservazzjoni tad-dokumenti relatati mal-persunal u mat-titjiriet, użati mill-persunal kollu ta’ Ryanair għall-attivitajiet preċedenti u sussegwenti għal kull servizz (check in u check out permezz ta’ badges tad-dħul u tal-ħruġ, briefing operattiv u rendikont finali) kif ukoll sabiex tikkomunika mal-persunal li jinsab fis-sede ta’ Ryanair f’Dublin (l-Irlanda). Il-persunal temporanjament mhux kapaċi għat-titjir kellu jwettaq is-servizz tiegħu fl-imsemmi post. Il-persuna ta’ riferiment għall-persunal preżenti kif ukoll għal dak disponibbli fl-ajruport, li kienet tikkoordina l-ekwipaġġi, kienet tikkontrolla, mill-kariga tagħha mqiegħda fl-istess post, il-persunal li jaħdem fl-ajruport u kienet tlaqqa’, jekk ikun il-każ, il-persunal ta’ riżerva li baqa’ fil-post ta’ domiċilju. Fl-aħħar, il-persunal ta’ Ryanair ma setax joqgħod għal iktar minn siegħa f’dan il-post.

59

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jitqies li l-post maħsub biex jakkomoda l-ekwipaġġ ta’ Ryanair, li jinsab fl-ajruport ta’ Orio al Serio, jikkostitwixxi fergħa jew rappreżentanza permanenti, fis-sens tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, li l-ħaddiema inkwistjoni kienu impjegati matul il-perijodi kkonċernati, b’tali mod li, matul il-parti minn dawn il-perijodi fejn dan ir-regolament kien fis-seħħ, il-ħaddiema inkwistjoni kienu, skont din id-dispożizzjoni, suġġetti għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Taljana.

60

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali rilevanti tista’ tiġi ddeterminata abbażi tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71 u li, għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi applikat il-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament.

61

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tar-Regolament Nru 883/2004, li, dan tal-aħħar kif emendat fl‑2009 ma kienx jipprevedi, kuntrarjament għar-Regolament Nru 1408/71, regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet speċifiċi għall-persunal tat-titjir.

62

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu jistabbilixxi l-prinċipju li l-persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, jekk hija teżerċita l-parti sostanzjali tal-attività tagħha f’dan l-Istat Membru.

63

L-Artikolu 14(8) tar-Regolament Nru 987/2009 jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu, “parti sostanzjali” ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa fi Stat Membru tfisser li parti kwantitattivament sinjifikattiva tal-attivitajiet kollha tal-ħaddiem impjegat jew persuna li taħdem għal rasha hija mwettqa hemmhekk, mingħajr ma tkun neċessarjament il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet. Sabiex jiġi ddeterminat jekk parti sostanzjali tal-attivitajiet hijiex imwettqa fi Stat Membru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-każ ta’ attività bħala persuna impjegata, il-ħinijiet tax-xogħol u/jew ir-remunerazzjoni. Is-sodisfazzjoni ta’ inqas minn 25 % ta’ dawn il-kriterji tindika li parti sostanzjali tal-attività ma hijiex imwettqa fl-Istat Membru kkonċernat.

64

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema inkwistjoni. Fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol ta’ dawn tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju tindika li, matul il-perijodi kkonċernati, il-ħaddiema inkwistjoni kienu jirrisjedu fl-Italja, jaħdmu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, b’mod iktar partikolari fil-post maħsub biex jakkomoda l-ekwipaġġ li jinsab fl-ajruport ta’ Orio al Serio għal 45 minuta kuljum u li kienu jkunu, għall-kumplament tal-ħinijiet tax-xogħol, abbord ajruplani ta’ Ryanair. Għaldaqstant, bla ħsara għad-determinazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol totali ta’ kuljum tal-ħaddiema inkwistjoni, ma jidhirx li mill-inqas 25 % tal-ħinijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema twettqu fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

65

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi tal-kriterji indikati preċedentement, jekk, matul il-perijodi kkonċernati, il-ħaddiema inkwistjoni wettqux jew le parti sostanzjali mill-attività tagħhom fl-Istat Membru fejn jirrisjedu, jiġifieri fl-Italja. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huma għandhom, skont ir-Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl‑2009, jitqiesu li jaqgħu, mill‑1 ta’ Mejju 2010, data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, taħt il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Taljana.

66

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, għandu jiġi applikat l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu — f’dak li huwa jipprovdi li, jekk il-persuna li teżerċita attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar ma teżerċitax parti sostanzjali mill-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru ta’ residenza, hija tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih l-impriża jew il-persuna li timpjegaha għandha s-sede tagħha jew il-post tan-negozju tagħha, b’tali mod li, mill‑1 ta’ Mejju 2010, il-ħaddiema inkwistjoni kienu, bħala prinċipju, suġġetti għal-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali Irlandiża.

67

Madankollu, għandu jiġi nnotat li, f’tali ipoteżi, l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu jipprovdi li, meta l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament twassal sabiex tiġi ddeterminata leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali li ma tikkorrispondix għal dik applikabbli skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, il-ħaddiem ikkonċernat jibqa’ ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni li għaliha kien suġġett skont ir-Regolament Nru 1408/71, ħlief jekk jitlob li l-leġiżlazzjoni li tirriżulta minn dan r-Regolament Nru 883/2004 tiġi applikata fil-konfront tiegħu.

68

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-ħaddiema inkwistjoni għamlu tali talbiet, fatt li għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Jekk ma tkun saret ebda talba, il-ħaddiema inkwistjoni għandhom, skont l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, jitqiesu li huma dejjem suġġetti, wara l‑1 ta’ Mejju 2010, għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Taljana.

69

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl-2012 jinkludi, fl-Artikolu 11(5) tiegħu, regola ġdida ta’ kunflitt tal-liġijiet li tipprovdi li l-attività ta’ membru tal-ekwipaġġ ta’ tmexxija jew tal-ekwipaġġ ta’ kabina li jipprovdi servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija hija kkunsidrata bħala attività mwettqa fl-Istat Membru li fih tinsab il-bażi ta’ residenza kif iddefinita fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91.

70

Skont l-imsemmi anness, il-bażi ta’ residenza hija ddefinita bħala l-post magħżul mill-operatur għall-membru tal-ekwipaġġ, fejn dan tal-aħħar normalment jibda u jtemm il-ħinijiet tas-servizz jew serje ta’ ħinijiet ta’ servizz jew fejn, f’ċirkustanzi normali, l-operatur ma jkunx meħtieġ li jakkomoda dan il-membru ta’ ekwipaġġ.

71

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju dwar il-post maħsub biex jakkomoda l-ekwipaġġ ta’ Ryanair, li jinsab fl-ajruport ta’ Orio al Serio, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanza li l-ħaddiema inkwistjoni kienu jibdew u jtemmu hemmhekk il-ġurnata tagħhom u kellhom jirrisjedu inqas minn siegħa ’l bogħod minn dan il-post, tali post għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi “bażi residenzjali”, fis-sens tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat fl‑2012. Għalhekk, bejn it‑28 ta’ Ġunju 2012 u l‑25 ta’ Jannar 2013, il-ħaddiema inkwistjoni kienu, skont ir-Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl‑2012, suġġetti għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Taljana.

72

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, matul il-perijodi kkonċernati, għall-impjegati ta’ Ryanair assenjati lill-ajruport ta’ Orio al Serio li ma humiex koperti miċ-ċertifikati E101 prodotti minn Ryanair hija, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Taljana.

73

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, l-Artikolu 13(1)(a) u l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 fiż-żewġ verżjonijiet tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 883/2004 kif emendat fl‑2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-persunal tat-titjir ta’ kumpannija tal-ajru, stabbilita fi Stat Membru, li ma huwiex kopert minn ċertifikati E101 u li jaħdem 45 minuta kuljum f’post maħsub biex jakkomoda l-ekwipaġġ, imsejjaħ “crew room”, li l-imsemmija kumpannija tal-ajru għandha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih jirrisjedi dan l-persunal tat-titjir, u li, għall-kumplament tal-ħinijiet tax-xogħol, jinsab abbord ajruplani ta’ din il-kumpanija tal-ajru hija l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

Fuq l‑ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2(a)(i) tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar il‑pubblikazzjoni [l‑applikazzjoni] ta’ l‑iskemi tas‑sigurtà soċjali għall‑persuni impjegati, għall‑persuni li jaħdmu għal rashom u l‑membri tal‑familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il‑Komunità, fil‑verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004, l-Artikolu 13(1)(a) u l-Artikolu 87(8) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009, imbagħad mir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012, kif ukoll l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat mir-Regolament Nru 465/2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-persunal tat-titjir ta’ kumpannija tal-ajru, stabbilita fi Stat Membru, li ma huwiex kopert minn ċertifikati E101 u li jaħdem 45 minuta kuljum f’post maħsub biex jakkomoda l-ekwipaġġ, imsejjaħ “crew room”, li l-imsemmija kumpannija tal-ajru għandha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih jirrisjedi dan l-persunal tat-titjir, u li, għall-kumplament tal-ħinijiet tax-xogħol, jinsab abbord ajruplani ta’ din il-kumpanija tal-ajru hija l-leġislazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan