SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’Awla)
5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol part-time – Direttiva 97/81/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol part-time – Klawżola 4(1) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Persunal akkademiku part-time – Ħatra b’mod permanenti awtomatika rriżervata lill-membri tal-persunal akkademiku li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ tagħlim full-time – Kalkolu tal-perċentwali ta’ piż ta’ xogħol full-time li jikkorrispondi għal piż ta’ xogħol part-time – Assenza ta’ rekwiżiti”
Fil-Kawża C‑265/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura
FN
vs
Universiteit Antwerpen et,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn I. Ziemele, Presidenta tas-Sitt Awla, li qed taġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal FN, minn P. Flameyu L. Cornelis, advocaten, |
– |
għal Universiteit Antwerpen et, minn H. Buyssens u J. Deridder, advocaten, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Van Regemorter, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek, D. Recchia u C. Valero, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278) kif ukoll il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat”, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn FN u l-Universiteit Antwerpen (l-Università ta’ Antwerpen, iktar ’il quddiem l-“UA”), u ex viċi-rettur, ex rettur, u ex dekani ta’ din l-Università, u l-Vlaamse Autonome Hogeschool Hogeschool Zeevaartschool (Istitut Superjuri Awtonomu Fjamming, “Hogere Zeevaartschool”, iktar ’il quddiem il-“Hogeschool”) kif ukoll ex direttur ta’ dan l-istabbiliment, dwar it-terminazzjoni allegatament abbużiva tal-kuntratt relatat mal-pożizzjoni tiegħu ta’ professur fl-UA. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time
3 |
Il-klawżola 3(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħaddiem part‑time” bħala “ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full‑time ta’ l-istess tip”. |
4 |
Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi:
|
Il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat
5 |
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, intitolata “Il‑prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, jipprevedi fil-punti 1 u 2 tiegħu:
|
6 |
Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprevedi:
|
Id-dritt Belġjan
7 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 72 tad-decreet betreffende de universiteiten in de Vlaamse Gemeenschap (id-Digriet tat‑12 ta’ Ġunju 1991 dwar l-Universitajiet fil-Komunità Fjamminga, tat‑12 ta’ Ġunju 1991 (Belgisch Staatsblad, 4 ta’ Lulju 1991, p. 14907), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Universitajiet”), kien jipprevedi: “L-awtoritajiet universitarji għandhom jiddeterminaw għal kull membru tal-persunal akkademiku jekk il-pożizzjoni tiegħu hijiex full-time jew part-time. Huma jindikaw ukoll il-korpi li taħthom taqa’ l-pożizzjoni.” |
8 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tad-Digriet dwar l-Universitajiet huwa redatt kif ġej: “L-awtoritajiet universitarji għandhom jiddeterminaw, waqt id-dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni vakanti, jekk din il-pożizzjoni hijiex full-time (u/jew) part-time jew jekk tistax tagħti lok għal assenjazzjoni jew ħatra full-time jew part-time.” |
9 |
Skont l-Artikolu 76 ta’ dan id-digriet, il-pożizzjoni part-time ta’ membru tal-persunal akkademiku awtonomu tista’ tinkludi, jew unikament attivitajiet ta’ tagħlim, jew biss attivitajiet ta’ riċerka, jew kombinazzjoni tat-tnejn. |
10 |
L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 91 tal-imsemmi digriet kien jipprevedi: “Membru tal-persunal akkademiku awtonomu li jeżerċita pożizzjoni full-time għandu jinħatar b’mod permanenti. Membru tal-persunal akkademiku awtonomu li jeżerċita pożizzjoni part-time jista’ jinħatar b’mod permanenti jew inkella jinħatar fuq bażi temporanja għal perijodi li jiġġeddu ta’ mhux iktar minn sitt snin.” |
11 |
L-Artikolu 7 tal-istatuut zelfstandig academisch personeel (ir-Regolamenti tal-Persunal Akkademiku Awtonomu tal-Università ta’ Antwerpen, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal ZAP”) jipprevedi li pożizzjoni ta’ tagħlim li jirrappreżenta mill-inqas 50 % ta’ pożizzjoni full-time jagħti l-possibbiltà ta’ ħatra b’mod defittiv. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, matul madwar għoxrin sena, bejn l‑1990 u l-2009, FN inħatar f’diversi pożizzjonijiet suċċessivi fi ħdan il-Fakultajiet tal-Liġi u tal-Ekonomija tal-UA u fi stabbilimenti ta’ tagħlim li ppreċedewha fid-dritt bħala assistent, assistent-duttur, lettur, riċerkatur, lettur anzjan u fl-aħħar nett professur part-time. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan ir-rigward, FN kien jaqa’ taħt il-persunal akkademiku “awtonomu” tal-UA, fis-sens tad-Digriet dwar l-Universitarji. |
13 |
Għal kull ħatra, lil FN ġie propost kuntratti għal żmien determinat, minn perijodu ta’ bejn sena u tliet snin. Dawn il-kuntratti kienu wkoll dejjem part-time, peress li l-pożizzjoni ta’ tagħlim li dawn kienu jirrigwardaw kien bejn 10 u 75 % ta’ pożizzjoni full time, skont il-każ. FN qatt ma nħatar b’mod permanenti. |
14 |
Fl-aħħar tiġdid tal-mandat tiegħu għas-sena akkademika 2009, ġie propost lilu pożizzjoni ta’ tagħlim li jikkorrispondi għal 15 % ta’ pożizzjoni full-time fi ħdan il-Fakultà tax-Xjenzi Ekonomiċi Applikati u ta’ 5 % fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi, filwaqt li, preċedentement, il-pożizzjonijiet ta’ tagħlim tiegħu fi ħdan dawn il-fakultajiet kienu jikkorrispondu rispettivament għal 50 % u għal 10 % ta’ pożizzjoni full-time, u n-numru ta’ sigħat ta’ korsijiet kien għadda minn 165 għal 135 siegħa. |
15 |
Wara din il-proposta, FN ressaq quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, il-Belġju) azzjoni għad-danni kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali, prinċipalment, abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ dawn tal-aħħar u, sussidjarjament, billi invoka tkeċċija abbużiva min-naħa tagħhom. Skont FN, uħud mill-kollegi tiegħu li kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet simili kienu fil-fatt inħatru b’mod permanenti full-time u għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, huwa kien impjegat fil-kuntest ta’ “status falz” li barra minn hekk huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
16 |
Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2018, ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen) iddikjarat l-azzjoni kontra l-UA u l-Hogeschool ammissibbli iżda infondata, filwaqt li l-azzjoni kontra l-konvenuti l-oħra fil-kawża prinċipali ġiet iddikjarata inammissibbli. FN appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-hof van beroep Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju). |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss: “Il-klawżola 4(1) tal-[Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat] u l-klawżola 4(1) tal-[Ftehim Qafas dwar Xogħol Part-Time], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-ammissjoni f’università, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 91 tad-Digriet dwar l-Universitajiet) li tipprovdi li persunal akkademiku indipendenti b’pożizzjoni full-time jinħatar fuq bażi permanenti, u persunal b’pożizzjoni part-time jista’ jew jinħatar, jew jiġi impjegat fuq bażi temporanja għal perijodi li jistgħu jiġġeddu għal massimu ta’ sitt snin,
|
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
18 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, qabel kollox, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fl-intier tagħha sa fejn kemm ir-rilevanza kif ukoll in-neċessità tagħha huma nieqsa. F’dan ir-rigward, huma jqisu li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tkun neċessarja u li d-domanda preliminari ma hijiex ċara, wisq fattwali u tinkludi preżentazzjoni suġġettiva tal-fatti, favur l-argumenti mressqa minn FN fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. |
19 |
Sussegwentement, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-domanda preliminari ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju ma tispjegax biżżejjed ir-rilevanza ta’ din id-domanda fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari tat-talba għad-danni abbażi ta’ att illeċitu. Bl-istess mod, il-fatti relatati mat-tilwima fil-kawża prinċipali huma deskritti biss fil-qosor fid-deċiżjoni tar-rinviju, minħabba li diġà ġew spjegati fis-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2018 tar-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen), filwaqt li d-domanda preliminari tirrigwarda b’mod partikolari dawn il-fatti. |
20 |
Fl-aħħar nett, l-imsemmija konvenuti jsostnu li, fir-rigward tad-diskriminazzjoni allegata, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tistabbilixxix paragun tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol bejn il-kollaboraturi temporanji part-time u dawk li għandhom impenn permanenti part-time. Konsegwentement, la l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat u lanqas il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time ma japplikaw għall-kawża prinċipali. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Úrad špeciálnej prokuratúry, C‑603/19, EU:C:2020:774, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija obbligata li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Úrad špeciálnej prokuratúry, C‑603/19, EU:C:2020:774, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Úrad špeciálnej prokuratúry, C‑603/19, EU:C:2020:774, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
B’hekk, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rabta li din tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Úrad špeciálnej prokuratúry, C‑603/19, EU:C:2020:774, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li hija obbligata tosserva bir-reqqa, u li huma mfakkra, b’mod partikolari, fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), li l-punt 15 tagħhom jirriproduċi, f’kull wieħed mill-inċiżi tiegħu, ir-rekwiżiti stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 94(a) sa (c) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, skont il-punt 16 ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, “il-qorti tar-rinviju għandha tipprovdi r-referenzi preċiżi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab jew li l-validità tagħhom tkun qiegħda tiġi kkontestata” (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Frar 2022, Leonardo, C‑550/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:139, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, peress li skont l-imsemmija dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mat-traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, mingħajr kwalunkwe fajl nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 85). |
27 |
Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tad-domandi li jinsabu speċifikament fil-punti (a) u (d) tad-domanda preliminari, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha msemmija fil-punti 21 sa 26 tal-preżenti sentenza. |
28 |
Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan il-punt a), id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat u l-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, jiġifieri ż-żewġ dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet qafas li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha membru tal-persunal akkademiku li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim part-time, bħal FN, jista’ jinħatar b’mod permanenti jew inkella jinħatar b’mod temporanju għal perijodi li jiġġeddu ta’ mhux iktar minn sitt snin, filwaqt li membru tal-istess persunal li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim full-time jinħatar b’mod permanenti. |
29 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni ppermettiet li FN għal għoxrin sena ikun impjegat abbażi ta’ għoxrin kuntratt ta’ xogħol konsekuttivi, għal żmien qasir u part‑time, u fuq ħatriet statutorji minn sena sa tliet snin, mingħajr l-iċken limitazzjoni tan-numru totali ta’ estensjonijiet, filwaqt li wħud mill-kollegi tiegħu li kellhom pożizzjonijiet paragunabbli kienu bbenefikaw minn ħatra permanenti u full-time. |
30 |
Għandu jiġi kkonstatat li, f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku u fattwali ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fil-klawżola 4(1) rispettivi tal-imsemmija ftehimiet qafas. Din il-qorti sempliċement tindika, fil-fatt, li l-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-Artikolu 91 tad-Digriet dwar l-Universitajiet huwiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal akkademiku li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ tagħlim full-time u/jew impjegati għal żmien indeterminat sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit paragun bejn dan il-grupp ta’ ħaddiema u dak li jappartjeni għalih FN. |
31 |
Fir-rigward tal-punt (d) tad-domanda magħmula, filwaqt li tirreferi dejjem għall-klawżola 4(1) rispettiva biss tal-Ftehimiet Qafas dwar xogħol għal żmien determinat u dwar ix-xogħol part-time, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprekludi dawn id-dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika tal-konvenuti fil-kawża prinċipali jkollhom bħala konsegwenza li membru tal-persunal akkademiku li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ FN jiġi prekluż milli jinvoka utilment in-natura abbużiva tal-kundizzjonijiet tal-impjieg preċedenti, minħabba li kull darba huwa jkun “aċċetta” dawn il-kundizzjonijiet billi eżegwixxa x-xogħol miftiehem, b’tali mod li b’hekk kien irrinunzja taċitament għal din il-protezzjoni bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni. |
32 |
Ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-punti (a) u (d) tad-domanda magħmula, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija punti (a) u (d) huma inammissibbli, filwaqt li l-punti (b) u (c) tad-domanda preliminari jibbenefikaw, min-naħa l-oħra, mill-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza. |
Fuq id‑domanda (b)
33 |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha u, f’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Id-domanda magħmula, taħt (b), tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-Artikolu 91 tad-Digriet dwar l-Universitajiet mal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time sa fejn din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tipprovdi li membru tal-persunal akkademiku awtonomu li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim full-time għandu jinħatar awtomatikament b’mod permanenti, filwaqt li membru tal-persunal akkademiku awtonomu li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim part-time jista’ jinħatar b’mod permanenti jew jinħatar temporanjament għal perijodi li jiġġeddu mhux iktar minn sitt snin. Fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal ZAP, li jidher li jikkompleta dan l-Artikolu 91, dan jipprovdi li pożizzjoni ta’ tagħlim li tirrappreżenta mill-inqas 50 % ta’ pożizzjoni ta’ tagħlim full-time tagħti l-possibbiltà ta’ ħatra permanenti. |
35 |
Minn dan il-punt (b) tad-domanda magħmula jirriżulta wkoll li ebda kriterju ma huwa stabbilit sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet membru tal-persunal akkademiku li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim part-time ta’ mill-inqas 50 % ta’ pożizzjoni ta’ tagħlim full-time ma huwiex maħtur b’mod permanenti, iżda maħtur b’mod temporanju, b’tali mod li jidher li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni bejn gruppi differenti ta’ ħaddiema part-time. |
36 |
Madankollu, l-Artikolu 91 tad-Digriet dwar l-Universitajiet iqajjem kwistjonijiet dwar eventwali differenza fit-trattament bejn, minn naħa, il-membri tal-persunal akkademiku li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ tagħlim full-time, li huma awtomatikament maħtura b’mod permanenti, u, min-naħa l-oħra, il-membri tal-persunal li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ tagħlim part-time, li jistgħu jinħatru b’mod permanenti, iżda li jistgħu jinħatru wkoll fuq bażi temporanja, filwaqt li kwalunkwe kriterju ta’ evalwazzjoni madankollu huwa nieqes. |
37 |
Peress li teżisti tali differenza fit-trattament, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bejn ħaddiema full-time u ħaddiema part-time li tirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jidher li l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jinftiehem li permezz tad-domanda (b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħhom membru tal-persunal akkademiku li jeżerċita xogħol ta’ tagħlim full-time jiġi awtomatikament maħtur b’mod permanenti, filwaqt li membru tal-persunal akkademiku li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim part-time jkun kemm maħtur b’mod permanenti, kif ukoll maħtur b’mod temporanju. |
39 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li peress li l-kliem tal-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas ma jippermettux li tiġi ddefinita l-portata eżatta tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, għandu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din il-klawżola (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 110). |
40 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħatra tal-membri tal-persunal akkademiku awtonomu jikkostitwixxux “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-imsemmi Ftehim Qafas, għandu jitfakkar li din il-klawżola għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:858, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time għandu l-għan, minn naħa, li jippromwovi x-xogħol part-time u, min-naħa l-oħra, li jelimina d-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time (digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:858, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fil-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jaqa’ taħt il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:858, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din il-klawżola tipprekludi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time paragunabbli għar-raġuni biss li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 25). |
44 |
Interpretazzjoni ta’ din il-klawżola li teskludi mill-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tagħha, l-aċċess għal ħatra permanenti twassal sabiex jitnaqqas, bi ksur tal-għan mogħti lill-imsemmija klawżola, il-kamp tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjonijiet, billi tintroduċi distinzjoni, ibbażata fuq in-natura tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, li l-kliem ta’ din il-klawżola bl-ebda mod ma jissuġġerixxu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:858, punt 31). |
45 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li jiġu esklużi mill-aċċess għall-ħatra b’mod permanenti il-membri tal-persunal akkademiku awtonomu li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ tagħlim part-time għar-raġuni biss li jaħdmu part‑time vertikali jwassalx sabiex jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. |
46 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time jiddefinixxi l-“ħaddiem full-time ta’ l-istess tip” bħala “ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/kapaċità”. |
47 |
Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens ta’ dan il-ftehim qafas, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol tagħhom, il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:858, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Issa, f’dan il-każ, l-elementi fattwali u legali tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk il-membri tal-persunal akkademiku awtonomu part-time u l-membri tal-persunal akkademiku awtonomu full-time tal-UA jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli jew le, fatt li għandu fi kwalunkwe każ jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
49 |
Skont l-uniċi indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal ZAP jipprevedi li pożizzjoni ta’ tagħlim part-time li jikkorrispondi għal mill-inqas 50 % ta’ pożizzjoni ta’ tagħlim full-time jagħti l-possibbiltà ta’ ħatra permanenti, peress li ebda kriterju ieħor ma huwa, skont il-qorti tar-rinviju, iddefinit. |
50 |
Minn dan isegwi li l-ħaddiem li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim full-time awtomatikament għandu aċċess awtomatiku għal ħatra permanenti, filwaqt li ħaddiem li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim part-time għandu biss, f’kundizzjonijiet mhux regolati minn dawn ir-regolamenti tal-persunal, il-possibbiltà biss li jibbenefika minn tali ħatra. Għaldaqstant din hija differenza fit-trattament bbażata biss fuq il-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat jeżerċita x-xogħol tiegħu part‑time. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 91 tad-Digriet dwar l-Universitajiet, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal ZAP, jidher li jirriżulta b’mod ċar li l-membri tal-persunal akkademiku awtonomu li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ tagħlim full-time u l-membri tal-persunal akkademiku awtonomu li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ tagħlim part-time huma ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-aċċess għal ħatra permanenti. |
52 |
Madankollu, mill-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas jirriżulta li tali differenza fit-trattament tista’ titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jekk din hija ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi. |
53 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:858, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Dan il-kunċett jirrikjedi li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, AEAT (Kalkolu tal-anzjanità għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali li jalterna), C‑439/18 u C‑472/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:858, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li la l-Artikolu 91 tad-Digriet dwar l-Universitajiet u lanqas l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal ZAP ma jsemmu ġustifikazzjoni oġġettiva. Bl-istess mod, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-UA tiġġustifika l-ħatra permanenti tal-membri tal-persunal akkademiku fir-rigward ta’ raġunijiet oġġettivi minbarra l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu full-time. |
56 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula (b) għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħhom membru tal-persunal akkademiku li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim full-time jinħatar awtomatikament b’mod permanenti, mingħajr raġuni oġġettiva oħra minbarra l-fatt li jeżerċita l-imsemmija pożizzjoni full-time, filwaqt li membru tal-persunal akkademiku li jeżerċita pożizzjoni ta’ tagħlim part-time jinħatar b’mod permanenti jew b’mod temporanju. |
Fuq id‑domanda (c)
57 |
Permezz tad-domanda (c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha, meta jinħatru membru tal-persunal akkademiku għal pożizzjoni ta’ tagħlim part-time, l-awtoritajiet akkademiċi kkonċernati, fid-dawl tal-awtonomija rrikonoxxuta lilhom mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, ma humiex obbligati jikkonformaw ruħhom ma’ kriterji oġġettivi meta jiddeterminaw il-perċentwali li jirrappreżenta din il-pożizzjoni ta’ tagħlim part-time imqabbla ma’ pożizzjoni full-time. |
58 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan l-aspett tad-domanda preliminari jidher marbut mal-fatt li, matul l-2008, il-pożizzjoni ta’ tagħlim part-time ta’ FN kienet tirrappreżenta 165 siegħa ta’ korsijiet imqassma bejn żewġ fakultajiet tal-UA, li kien jikkorrispondi, rispettivament, għal 50 % u għal 10 % ta’ pożizzjoni ta’ tagħlim full-time, filwaqt li l-offerta ta’ ħatra għall-2009 kienet tirrigwarda 135 siegħa ta’ korsijiet, li kien jikkorrispondi għal 15 % ta’ pożizzjoni ta’ tagħlim full-time fi ħdan l-ewwel fakultà u 5 % fi ħdan it-tieni. Minn dan jirriżulta li, għall‑2008, 165 siegħa ta’ korsijiet kienu jirrappreżentaw servizz ta’ tagħlim li jikkorrispondi għal 60 % ta’ pożizzjoni ta’ tagħlim full-time, filwaqt li, għall‑2009, 135 siegħa ta’ korsijiet kienu jirrappreżentaw biss 20 % pożizzjoni ta’ tagħlim full-time, mingħajr ma t-tnaqqis sinjifikattiv ta’ dan il-perċentwali meta mqabbel ma’ dak, iktar relattiv, tan-numru ta’ sigħat ta’ korsijiet ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi. |
59 |
Għaldaqstant, id-domanda (c) għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi, fir-rigward tal-persuna li timpjega li timpjega ħaddiem part-time, rekwiżiti fir-rigward tal-mod ta’ kalkolu tal-perċentwali li tirrappreżenta din il-pożizzjoni ta’ tagħlim part-time fir-rigward ta’ pożizzjoni ta’ tagħlim full-time paragunabbli. |
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klawżola 3(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time jiddefinixxi l-“ħaddiem part-time” jirreferi għal “ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip”. |
61 |
Madankollu, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ma tipprevedi rekwiżiti relatati mal-kalkolu tal-perċentwali li jirrappreżenta l-piż ta’ xogħol ta’ ħaddiem part-time fir-rigward tal-piż ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time li jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli. |
62 |
Minn dan jirriżulta li l-mod ta’ kalkolu tal-perċentwali ta’ piż ta’ xogħol part-time meta mqabbel ma’ piż ta’ xogħol full-time ma huwiex regolat mill-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time. |
63 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula (c) għandha tkun li l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprevedi, fir-rigward tal-persuna li timpjega li timpjega ħaddiem part-time, ebda rekwiżit fir-rigward tal-mod ta’ kalkolu tal-perċentwali li tirrappreżenta din il-pożizzjoni part-time fir-rigward ta’ pożizzjoni full-time komparabbli. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.