SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Ambjent – Direttiva 2008/56/KE – Politika għall-ambjent marin – Artikolu 5 – Strateġiji marini – Artikolu 17(2) u (3) – Assenza ta’ reviżjoni, fit-termini, tal-evalwazzjoni inizjali u tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb kif ukoll tal-miri ambjentali – Assenza ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, fit-termini, tal-modalitajiet tal-aġġornamenti mwettqa wara reviżjonijiet”

Fil-Kawża C‑510/20,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑12 ta’ Ottubru 2020,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u I. Zaloguin, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn T. Mitova, L. Zaharieva u T. Tsingileva, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn I. Ziemele, Presidenta tas-Sitt Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tas-Seba’ Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minħabba n-nuqqas ta’ twettiq, fit-termini stabbiliti, minn naħa, tar-reviżjoni u tal-aġġornamenti, l-ewwel, tal-evalwazzjoni inizjali tal-istatus ambjentali attwali tal-ilmijiet ikkonċernati u tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet tal-bniedem fuq dawn l-ilmijiet, it-tieni, tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb kif ukoll, it-tielet, tal-miri ambjentali u tal-indikaturi assoċjati u, min-naħa l-oħra, tal-komunikazzjoni ta’ dawn l-aġġornamenti lil din l-istituzzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii) kif ukoll taħt l-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU 2008, L 164, p. 19).

Il‑kuntest ġuridiku

2

Skont il-premessi 29 u 34 tad-Direttiva 2008/56:

“(29)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li l-kisba jew iż-żamma ta’ status ambjentali tajjeb f’kull aspett jistgħu ma jkunux possibbli fl-ilmijiet marini kollha sa l‑2020. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ ġustizzja u fattibbiltà, huwa kunsiljabbli li jkun hemm provvediment għall-każijiet fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri ambjentali stabbiliti jew li jikseb jew iżomm status ambjentali tajjeb.

[…]

(34)

Fid-dawl tan-natura dinamika ta’ l-ekosistemi marini u tal-varjabbiltà naturali tagħhom, u fid-dawl tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom jistgħu jvarjaw bl-evoluzzjoni ta’ tipi differenti ta’ attività umana u bl-impatt tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jingħaraf li d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb tista’ jkollha tiġi adattata maż-żmien. B’hekk, huwa kunsiljabbli li l-programmi ta’ miżuri għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta’ l-ambjent marin jkunu flessibbli u adattabbli u jieħdu kont ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini fuq bażi regolari.”

3

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Strateġiji Marini”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.   Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu skond il-pjan ta’ azzjoni stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

2.   L-Istati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw li, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-elementi differenti ta’ l-Istrateġiji Marini msemmijin fil-punti (a) u (b), ikunu koerenti u kkoordinati fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu kkonċernat, konformement mal-pjan ta’ azzjoni li ġej li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex isegwu approċċ komuni:

(a)

preparazzjoni:

(i)

valutazzjoni inizjali, li għandha titlesta sal‑15 ta’ Lulju 2012, ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ l-ilmijiet konċernati u ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-attivitajiet tal-bniedem fuq dan, skond l-Artikolu 8;

(ii)

determinazzjoni, li għandha tiġi stabbilita sal‑15 ta’ Lulju 2012, ta’ status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet konċernati, skond l-Artikolu 9(1);

(iii)

l-istabbiliment, sal‑15 ta’ Lulju 2012, ta’ serje ta’ miri ambjentali u ta’ indikaturi assoċjati, skond l-Artikolu 10(1);

[…]”

4

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Stat Membru jista’ jidentifika każijiet fi ħdan l-ilmijiet marini tiegħu fejn, għal kwalunkwe raġuni elenkata taħt il-punti (a) sa (d), il-miri ambjentali jew l-istatus ambjentali tajjeb ma jistgħux jintlaħqu f’kull aspett permezz ta’ miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru, jew, għal raġunijiet imsemmija taħt il-punt (e), dawn ma jistgħux jintlaħqu fl-iskeda ta’ żmien konċernata:

(a)

azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li għalihom l-Istat Membru konċernat ma jkunx responsabbli;

(b)

kawżi naturali;

(ċ)

force majeure;

(d)

modifiki jew alterazzjonijiet fil-karatteristiċi fiżiċi ta’ l-ilmijiet marini kkawżati minn azzjonijiet meħuda minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, inkluż kwalunkwe impatt transkonfinali;

(e)

kondizzjonijiet naturali li ma jippermettux titjib f’ħin opportun fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini konċernati.

[…]”

5

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/56, intitolat “Aġġornament”, jgħid li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, l-Istrateġiji Marini jinżammu aġġornati.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrivedu, b’mod koordinat kif imsemmi fl-Artikolu 5, l-elementi li ġejjin, ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom kull sitt snin wara l-istabbiliment inizjali tagħhom:

(a)

il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

(b)

il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

[…]

3.   Id-dettalji ta’ kwalunkwe aġġornament li jsir konsegwentement għar-reviżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, lill-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali u lil kull Stat Membru ieħor konċernat sa tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 19(2).

[…]”

6

L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konsultazzjoni pubblika u informazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, għall-finijiet ta’ kummenti, sommarji ta’ l-elementi li ġejjin ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom, jew l-aġġornamenti relatati, kif ġej:

(a)

il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

(b)

il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża

7

Fit‑8 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Bulgarija ittra ta’ intimazzjoni li tgħid li dan l-Istat Membru kien naqas, bi ksur tal-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii), kif ukoll tal-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2008/56, minn naħa, milli jirrevedi u jaġġorna, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Lulju 2018, l-evalwazzjoni inizjali tal-istatus tal-ambjent marin, id-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb u l-miri ambjentali u, min-naħa l-oħra, milli jikkomunikalha dawn l-aġġornamenti sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Ottubru 2018.

8

Fit-tweġiba tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika tal-Bulgarija indikat li l-Baseynova Direktsia “Chernomorski rayon” (id-Direttorat tal-Baċir “Reġjun tal-Baħar l-Iswed”, il-Bulgarija) kien ħabbar, fis‑16 ta’ Lulju 2018, fil-kwalità tiegħu bħala awtorità kompetenti għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, deċiżjoni li jiġi organizzat kuntratt pubbliku intitolat “Aġġornament tal-evalwazzjoni inizjali tal-istatus tal-ambjent marin, tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, tal-miri ambjentali u tal-indikaturi, skont l-Artikoli 8, 9 u 10 tad-Direttiva [2008/56], għal ħames lottijiet”. L-avviż ta’ dan il-kuntratt pubbliku ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-proċedura relatata magħha ngħalqet fis‑27 ta’ Awwissu 2018 minħabba li ebda offerta ma kienet ġiet irċevuta.

9

F’din l-ittra, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat ukoll pjanijiet sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet inkwistjoni, u b’mod partikolari l-proġett “Tagħrif u informazzjoni dwar l-attivitajiet reġjonali għall-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed” (Scirena Black Sea) (iktar ’il quddiem il-“proġett Scirena Black Sea”) fil-kuntest tal-programm “Protezzjoni tal-ambjent u t-tibdil fil-klima”, li jaqa’ taħt il-mekkaniżmu finanzjarju taż-Żona Ekonomika Ewropea għall-perijodu mill‑2014 sal‑2021 (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu finanzjarju taż-ŻEE”). Dan l-Istat Membru kkonferma l-impenn tiegħu, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/56, li jwettaq ir-reviżjonijiet u l-aġġornamenti kif ukoll li jikkomunika lill-Kummissjoni dawn l-aġġornamenti sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2020.

10

Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2019, li r-Repubblika tal-Bulgarija rċeviet fl-istess jum, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija żammet il-pożizzjoni li hija kienet esponiet fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, peress li r-Repubblika tal-Bulgarija ma rrimedjatx l-ilmenti fformulati f’din l-ittra. Hija stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu, f’terminu ta’ xahrejn mir-riċezzjoni ta’ din l-opinjoni, il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha.

11

Ir-Repubblika tal-Bulgarija wieġbet għall-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Diċembru 2019, li fiha hija ammettiet li ma pprovdietx l-aġġornamenti meħtieġa dwar l-evalwazzjoni inizjali tal-istatus tal-ambjent marin, id-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb u l-miri ambjentali, u dan minħabba problemi marbuta mal-għoti ta’ kuntratt pubbliku sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-aġġornamenti, b’mod partikolari l-assenza ta’ offerti rċevuti fil-kuntest tal-proċedura relatata miegħu. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru tenna l-impenn tiegħu li jikkonforma ruħu, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2020, mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/56.

12

Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika tal-Bulgarija għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq ir‑rikors

Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors

L‑argumenti tal‑partijiet

13

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, mingħajr ma titlob espressament li dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, tinvoka madankollu ċerti argumenti intiżi li jikkontestaw l-ammissibbiltà tiegħu. Hija ssostni li t-talba għall-kundanna għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii), kif ukoll mill-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2008/56, kif ifformulata mill-Kummissjoni, hija sors ta’ inċertezza legali, sa fejn, sabiex tinftiehem il-portata eżatta tagħha, huma neċessarji interpretazzjoni a posteriori u kjarifika supplimentari.

14

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jqis li ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’mod ċar liema huwa s-suġġett tar-rikors fid-dawl tal-invokazzjoni simultanja tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi previsti minn żewġ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

15

Il-Kummissjoni tosserva li r-rikors tagħha ma jikkonċernax l-obbligi tal-imsemmi Stat Membru li jfassal l-istrateġiji marini inizjali u li jikkomunikahom lil din l-istituzzjoni, iżda biss l-obbligi ta’ aġġornament ta’ dawn l-istrateġiji marini u li jiġu rrapportati dawn l-aġġornamenti, kif jirriżulta kemm mill-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll mill-opinjoni motivata.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja

16

Minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat tali rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, li hija kundizzjoni neċessarja sabiex dan l-Istat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li din l-istituzzjoni tindika bi preċiżjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni allegatament miksura mir-Repubblika tal-Bulgarija, jiġifieri l-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii) u l-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2008/56, kif ukoll il-fatti allegati fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri l-ommissjoni, minn naħa, ta’ reviżjoni u ta’ aġġornament, l-ewwel, tal-evalwazzjoni inizjali tal-istatus ambjentali attwali tal-ilmijiet ikkonċernati u tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet tal-bniedem fuq dawn l-ilmijiet, it-tieni, tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb kif ukoll, it-tielet, tal-miri ambjentali u tal-indikaturi assoċjati u, min-naħa l-oħra, ta’ komunikazzjoni, fit-terminu previst minn din id-direttiva, ta’ dawn l-aġġornamenti lill-imsemmija l-istituzzjoni.

20

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni invokat l-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii) flimkien mal-Artikolu 17(2) u (3) tal-imsemmija direttiva fir-rikors tagħha ma joħloqx problemi fir-rigward tal-koerenza tiegħu. Fil-fatt, kif tirrikonoxxi barra minn hekk ir-Repubblika tal-Bulgarija, dawn id-dispożizzjonijiet huma loġikament marbuta flimkien, peress li dan l-Artikolu 17 jikkonċerna r-reviżjoni u l-aġġornamenti tal-istrateġiji marini u peress li dawn l-istrateġiji huma koperti minn dan l-Artikolu 5.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Bulgarija, ma hemm l-ebda dubju li din il-proċedura ma tikkonċernax nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jiġu żviluppati l-istrateġiji marini inizjali, skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii) tad-Direttiva 2008/56, u li jiġu kkomunikati l-elementi ta’ dawn l-istrateġiji lill-Kummissjoni, iżda biss nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ reviżjoni u ta’ aġġornament ta’ dawn l-istrateġiji kif ukoll ta’ komunikazzjoni ta’ dawn l-aġġornamenti lil din l-istituzzjoni, previsti rispettivament fl-Artikolu 17(2)(a) u (b) u fl-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva.

22

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors ineżami huwa ammissibbli.

Fuq il‑mertu

L‑argumenti tal‑partijiet

23

Il-Kummissjoni tfakkar, qabelxejn, li, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii) u taħt l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2008/56, ir-Repubblika tal-Bulgarija kellha tirrevedi u taġġorna, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Lulju 2018, l-elementi tal-istrateġiji marini tagħha li jikkonċernaw, l-ewwel, l-evalwazzjoni inizjali tal-istatus ambjentali attwali tal-ilmijiet ikkonċernati u tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet tal-bniedem fuq dawn l-ilmijiet, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, it-tieni, id-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, abbażi tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, u, it-tielet, il-miri ambjentali u l-indikaturi assoċjati, skont l-Artikolu 10(1) ta’ din l-istess direttiva. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru kien obbligat, skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/56, li jibgħat lil din l-istituzzjoni informazzjoni ddettaljata dwar l-aġġornamenti ta’ dawn l-elementi sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Ottubru 2018.

24

Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Bulgari rrikonoxxew, fit-tweġiba tagħhom għall-ittra ta’ intimazzjoni, l-allegati nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2008/56. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħhom għall-opinjoni motivata, dawn l-awtoritajiet reġgħu rrikonoxxew li huma ma kkomunikawx lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa skont din id-direttiva, liema ksur għadu jippersisti.

25

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza, fl-ewwel lok, li hija ssodisfat l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2)(a)(i), (ii) u (iii) tad-Direttiva 2008/56. Hija ssostni, minn naħa, li hija wettqet l-evalwazzjoni inizjali tal-istatus tal-ambjent marin, iddeterminat status ambjentali tajjeb u ffissat il-miri ambjentali kif ukoll l-indikaturi assoċjati, matul is-sena 2012, u, min-naħa l-oħra, li kkomunikat lil din l-istituzzjoni r-rapporti korrispondenti. Konsegwentement, fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, hija tqis li dan ir-rikors huwa infondat.

26

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda r-reviżjoni u l-aġġornament ta’ ċerti elementi tal-istrateġiji marini tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li hija għandha mekkaniżmi sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tal-aġġornamenti li hija għandha twettaq skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/56, iżda li tentattiv li jingħata kuntratt pubbliku għal dan il-għan baqa’ mingħajr suċċess minħabba nuqqas ta’ offerti min-naħa ta’ kontraenti potenzjali. Sussegwentement, hija informat lill-Kummissjoni li l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi kienet ser tmur id f’id mat-tnedija u mal-eżekuzzjoni tal-proġett Scirena Black Sea.

27

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li din l-eżekuzzjoni kellha ssir fl-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/56 u tal-leġiżlazzjoni Bulgara billi tiżgura t-traspożizzjoni tagħha kif ukoll ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru josserva li huwa kien obbligat josserva l-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ dan il-proġett u li huwa kellu jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-mekkaniżmu finanzjarju taż-ŻEE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-azzjonijiet meħuda, huwa sab ruħu, minħabba ċirkustanzi oġġettivi, fl-impossibbiltà assoluta li josserva l-impenji tiegħu skont l-Artikolu 17(2) u (3) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat ukoll għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din l-aħħar dispożizzjoni.

28

Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat jew li r-rikors jiġi milqugħ biss parzjalment sa fejn dan jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2008/56, u li jiġi miċħud għall-kumplament.

29

Il-Kummissjoni twieġeb fir-replika tagħha, qabelxejn, li l-Artikoli 5 u 17 tad-Direttiva 2008/56 huma marbuta, peress li t-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tirreferi espressament għall-ewwel waħda. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għalhekk qieset b’mod żbaljat li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu obbligi distinti li hija kienet osservat parzjalment. Barra minn hekk, l-isforzi ta’ organizzazzjoni ta’ dan l-Istat Membru saru biss wara d-data ta’ skadenza stabbilita għall-aġġornamenti tal-istrateġiji marini tiegħu.

30

Sussegwentement, il-Kummissjoni tafferma li d-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-proċeduri li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-mekkaniżmu finanzjarju taż-ŻEE ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-impossibbiltà assoluta, invokata mir-Repubblika tal-Bulgarija, li tosserva l-obbligi li taġġorna u li tikkomunikalha l-aġġornamenti inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, tali diffikultajiet tekniċi ma jistgħux jiġġustifikaw li l-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni ma jiġux osservati fit-terminu previst u, min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni u dawn il-proċeduri huma magħrufa sew mill-awtoritajiet Bulgari.

31

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz ġdid ta’ reviżjoni u ta’ aġġornament ta’ ċerti elementi tal-istrateġiji marini tar-Repubblika tal-Bulgarija ġie suġġett, fl-aħħar tax-xahar ta’ Mejju 2020, għal proċeduri interni li t-tul previst tagħhom huwa ta’ tliet snin. Għalhekk huwa impossibbli għal dan l-Istat Membru li josserva l-impenn tiegħu li jippreżenta rapport sat‑30 ta’ Ġunju 2020.

32

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza, fil-kontroreplika tagħha, qabelxejn, li l-impossibbiltà li jingħata l-kuntratt pubbliku li għandu bħala suġġett l-aġġornamenti inkwistjoni hija dovuta għal assenza ta’ offerti u mhux għal assenza ta’ sforzi min-naħa tagħha.

33

Sussegwentement, dan l-Istat Membru jsostni li kien neċessarju li jitfassal mill-ġdid il-proġett Scirena Black Sea minħabba l-irtirar tas-sieħeb prinċipali.

34

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Bulgarija tindika li, permezz ta’ kuntratt konkluż fis‑16 ta’ Marzu 2021 għal perijodu ta’ ħames xhur, hija fdat lil terz l-eżekuzzjoni tal-impenji tagħha skont id-Direttiva 2008/56, b’mod partikolari dwar l-aġġornamenti tal-istrateġiji marini tagħha u r-redazzjoni ta’ rapport għall-perijodu mill‑2012 sal‑2017.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja

35

Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/56 jirriżulta li “[l]-Istati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw li, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-elementi differenti ta’ l-Istrateġiji Marini msemmijin fil-punti (a) u (b), ikunu koerenti u kkoordinati fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu kkonċernat”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(2)(a)(i)(ii) u (iii) ta’ din id-direttiva, kull Stat Membru kellu jelabora, sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Lulju 2012, l-ewwel, evalwazzjoni inizjali tal-istatus ambjentali attwali tal-ilmijiet ikkonċernati u tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet tal-bniedem fuq dawn l-ilmijiet, it-tieni, determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet ikkonċernati u, it-tielet, l-iffissar ta’ sensiela ta’ miri ambjentali u indikaturi assoċjati.

36

Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2008/56, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin ikkonċernat, l-istrateġiji marini jinżammu aġġornati. Skont l-Artikolu 17(2)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, minn naħa, l-elementi tal-istrateġiji marini msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu rreveduti b’mod ikkoordinat, kif speċifikat fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, kull sitt snin mill-istabbiliment inizjali tagħhom, u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet tal-aġġornamenti mwettqa wara dawn ir-reviżjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, fi tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom, skont Artikolu 19(2) ta’ din l-istess direttiva.

37

F’dan ir-rigward, il-premessa 34 tad-Direttiva 2008/56 tispjega n-neċessità li jiġu previsti aġġornamenti perijodiċi tal-istrateġiji għall-ambjent marin fid-dawl tan-“natura dinamika ta’ l-ekosistemi marini u tal-varjabbiltà naturali tagħhom, u fid-dawl tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom jistgħu jvarjaw bl-evoluzzjoni ta’ tipi differenti ta’ attività umana u bl-impatt tat-tibdil fil-klima”. Skont din il-premessa, “[i]l-programmi ta’ miżuri għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta’ l-ambjent marin jkunu flessibbli u adattabbli u jieħdu kont ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi".

38

L-Artikolu 5(2)(a)(i)(ii) u (iii) tad-Direttiva 2008/56, li jipprevedi li l-evalwazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb kif ukoll l-iffissar ta’ miri ambjentali u ta’ indikaturi assoċjati kellhom jitwettqu sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Lulju 2012, hemm lok li jitqies, minn naħa, li r-reviżjoni ta’ dawn l-elementi tal-istrateġiji marini kellha ssir sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Lulju 2018, skont l-Artikolu 17(2)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-aġġornamenti mwettqa wara dawn ir-reviżjonijiet kellhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fi tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 17(3) tal-imsemmija direttiva, jew sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Ottubru 2018.

39

Għandu jitfakkar ukoll li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Valuri limitu ‐ NO2), C‑664/18, mhux ippubblikata, EU:C:2021:171, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni u li r-Repubblika tal-Bulgarija rċeviet fil‑11 ta’ Ottubru 2019 skada fil‑11 ta’ Diċembru 2019.

41

Issa, huwa paċifiku li dan l-Istat Membru ma ssodisfax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 17(2)(a) u (b), kif ukoll mill-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/56, imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, fit-terminu msemmi iktar ’il fuq, u lanqas sad-data li fiha l-imsemmi Stat Membru impenja ruħu, fit-tweġibiet tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni u għall-opinjoni motivata, li jirrevedi u li jaġġorna l-istrateġiji marini tiegħu kif ukoll li jikkomunika dawn l-aġġornamenti lil din l-istituzzjoni, jiġifieri sat‑30 ta’ Ġunju 2020.

42

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Bulgaria. Fil-fatt, l-ewwel, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet li jgħidu li din issodisfat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2)(a) (i), (ii) u (iii) tad-Direttiva 2008/56. Fil-fatt, dawn l-allegazzjonijiet jikkonċernaw biss l-obbligi li jiġu żviluppati strateġiji marini inizjali matul is-sena 2012 kif ukoll li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni r-rapporti korrispondenti. Madankollu, dawn l-obbligi ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza.

43

It-tieni, għal dak li jirrigwarda l-argument li permezz tiegħu r-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li kien impossibbli għaliha li tikkonforma ruħha, fit-terminu previst mid-Direttiva 2008/56, mal-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 17(2) u (3) ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari minħabba, minn naħa, id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom waqt it-tentattiv ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu osservati r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti kif ukoll tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-proġett Scirena Black Sea, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Bulgarija ma spejgatx kif in-neċessità li tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni setgħet twaqqafha milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tad-Direttiva 2008/56. Għall-bqija, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini stabbiliti minn direttiva (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Spanja (Riskji ta’ għargħar – Pjanijiet ta’ ġestjoni tal-Gżejjer Kanarji), C‑384/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:271, punt 12 u ġurisprudenza ċċitata).

44

B’mod partikolari, l-obbligu ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex jikseb ir-riżultat stabbilit minn Direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u minn din id-Direttiva stess. Dan l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri (sentenza tal‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑145/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:502, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/56 ma tipprevedi ebda deroga mill-obbligi imposti fuq l-Istati Membri taħt l-Artikolu 17(2) u (3) tagħha, peress li l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jikkonċerna biss derogi meta Stat Membru jkun jista’ jidentifika każijiet li fihom il-miri ambjentali jew l-istatus ambjentali tajjeb ma jkunux jistgħu jintlaħqu fit-totalità tagħhom. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-premessa 29 tal-imsemmija direttiva tirreferi għall-impossibbiltà, għal Stat Membru, li jilħaq il-livell ambizzjuż tal-miri ambjentali stabbiliti, dan ir-riferiment madankollu ma jikkonċernax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva.

46

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-ewwel miżuri organizzattivi intiżi sabiex jissodisfaw l-obbligi imposti taħt l-Artikolu 17(2)(a) u (b), kif ukoll taħt l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/56, ittieħdu mir-Repubblika tal-Bulgarija fis‑16 ta’ Lulju 2018, kif jirriżulta mit-tweġiba ta’ din tal-aħħar għall-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l‑15 ta’ Lulju 2018. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li dan l-Istat Membru sab ruħu fl-impossibbiltà li josserva l-impenji tiegħu fit-terminu previst.

47

It-tielet, sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-bidliet li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, il-fatt li kuntratt ġie konkluż fis‑16 ta’ Marzu 2021 intiż sabiex jimplimenta l-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli twettaq, fit-termini preskritti, minn naħa, ir-reviżjoni b’mod ikkoordinat, kif huwa speċifikat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/56, tal-evalwazzjoni inizjali u tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb kif ukoll tal-miri ambjentali u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-modalitajiet tal-aġġornamenti mwettqa wara dawn ir-reviżjonijiet, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 17(2)(a) u (b) kif ukoll taħt l-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva.

Fuq l‑ispejjeż

50

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Bulgarija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli twettaq, fit-termini preskritti, minn naħa, ir-reviżjoni b’mod ikkoordinat, kif huwa speċifikat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), tal-evalwazzjoni inizjali u tad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb kif ukoll tal-miri ambjentali u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-modalitajiet tal-aġġornamenti mwettqa wara dawn ir-reviżjonijiet, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 17(2)(a) u (b) kif ukoll taħt l-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Bulgarija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.