SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ aspartam li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Regolamenti Nru 1225/2009 u 2016/1036 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 2(7) – Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Rifjut – Artikolu 2(10) – Aġġustamenti – Oneru tal-prova – Artikolu 3 – Determinazzjoni tad-dannu – Dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑666/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑9 ta’ Settembru 2019,

Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd, stabbilita f’Changzhou (Iċ-Ċina), irrappreżentata minn K. Adamantopoulos, dikigoros, u P. Billiet, avocat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn T. Maxian Rusche u N. Kuplewatzky, sussegwentement minn T. Maxian Rusche u A. Demeneix u finalment minn T. Maxian Rusche u K. Blanck, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Hyet Sweet SAS,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), President tat-Tielet Awla, li qed taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Changmao”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Ġunju 2019, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (T‑741/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:454), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għal annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1247 tat‑28 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2016, L 204, p. 92, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt internazzjonali

2

Permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fosthom il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

3

L-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping jiddikjara r-regoli dwar id-“[d]eterminazzjoni ta’ [dumping]”.

4

L-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim huwa intitolat “Evidenza”.

5

L-Artikolu 12 tal-imsemmi ftehim huwa intitolat “Notifika pubblika u spjegazzjoni tad-determinazzjonijiet”.

B. Id‑dritt tal‑Unjoni

1.   Ir‑Regolament bażiku u r‑Regolament (UE) 2016/1036

6

Meta seħħew il-fatti li taw lok għat-tilwima, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, ĠU 2011, L 293, p. 39, ĠU 2016, L 44, p. 20) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

7

Min-naħa l-oħra, fid-data ta’ adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-unjoni kienu jinsabu fir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21). Dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Lulju 2016 bis-saħħa tal-Artikolu 25 tiegħu. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, “[i] r-Regolament [bażiku] huwa mħassar”.

8

L-Artikolu 2, tar-Regolament bażiku u dak tar-Regolament 2016/1036 jirrigwardaw id-“[d]eterminazzjoni ta’ dumping”. Il-punt A ta’ dawn l-artikoli, intitolat “Valur normali”, jinkludi l-paragrafi 1 sa 7 tagħhom. Min-naħa tiegħu, il-punt C tal-imsemmija artikoli jinkludi l-paragrafu 10 tagħhom u huwa intitolat “Paragun”.

9

Skont l-Artikolu 2(7)(a) sa (ċ) tar-Regolament bażiku, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 2(7)(a) sa (c) tar-Regolament 2016/1036:

“(a)

Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq […], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni.

[…]

(b)

Fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping dwar importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.

(ċ)

Pretensjoni skond is-subparagrafu (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

[…]

id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

[…]”

10

L‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2016/1036 jipprovdu:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul, kemm jista’ jkun viċin, fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragonabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari relattivament għal tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Meta l-kondizzjonijiet speċifikati jkunu sodisfatti, il-fatturi li għalihom jista’ jsir aġġustament huma elenkati […]”

11

L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u dak tar-Regolament 2016/1036 huma intitolati “Determinazzjoni tad-dannu”.

12

Skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2016/1036:

“2.   Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’:

(a)

il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm

(b)

l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3.   Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.”

13

L-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku u dak tar-Regolament 2016/1036 huma intitolati “L-investigazzjoni” u jipprovdu, fil-paragrafu 8 tagħhom:

“Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tkun provduta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sa fejn ikun possibbli.”

14

L-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku u dak tar-Regolament 2016/1036 huma intitolati “Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta’ dazji definittivi”.

15

Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament 2016/1036:

“L-ammont tad-dazju anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun inqas mill-marġni jekk tali dazju inqas ikun adegwat biex jiġi eliminat id-dannu lill-industrija tal-Unjoni.”

16

L-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u dak tar-Regolament 2016/1036 jikkonċernaw in-“[n]uqqas ta’ koperazzjoni”.

17

L-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku u dak tar-Regolament 2016/1036 jirrigwardaw l-iżvelar lill-partijiet.

2.   Ir‑Regolament (KE) Nru 1126/2008

18

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat‑3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2008, L 320, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2012, tal‑11 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 360, p. 78), jinkludi elenku tal-International Accounting Standards (standards internazzjonali tal-kontabbiltà, iktar ’il quddiem l-“IAS”).

19

Fost dawn l-istandards hemm l-IAS 36, intitolat “Indeboliment [deprezzament] tal-assi”. Dan l-istandard jistabbilixxi l-proċeduri li entità tapplika sabiex tiżgura li l-assi tagħha jingħaddu għal valur li ma jeċċedix il-valur irkuprabbli tagħhom.

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

20

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu esposti fil-punti 1 sa 10 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat dan li ġej.

21

Wara lment imressaq minn Ajinomoto Sweeteners Europe SAS, li saret Hyet Sweet SAS, produttur ta’ aspartam fl-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea, fit‑30 ta’ Mejju 2015, fetħet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ aspartam li joriġinaw miċ-Ċina fl-Unjoni fuq il-bażi tar-Regolament bażiku.

22

L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kienet tkopri l-perjodu bejn l‑1 ta’ April 2014 u l‑31 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem il-“perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kienet tkopri l-perijodu mix-xahar ta’ Jannar 2011 sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni.

23

Fil‑25 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/262 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2016, L 50, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

24

Il-prodott ikkonċernat kien jikkorrispondi kemm għall-aspartam [ester metiliku tal-N-L-α-aspartil fenilalanina-1, ester N-metiliku tal-aċidu 3-ammino-N- (α-karbometossi-fenetil) suċċinamiku], bir-referenza CAS 22839‑47‑0, li joriġina miċ-Ċina u li attwalment huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex29242998 (iktar ’il quddiem l-“aspartam”), kif ukoll għall-aspartam li joriġina miċ-Ċina u li jinsab f’ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet li jinkludu wkoll dolċifikanti oħra jew ilma li attwalment huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex29242998.

25

Fl‑1 ta’ April 2016, Changmao ppreżentat lill-Kummissjoni osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-konklużjonijiet provviżorji tal-investigazzjoni.

26

Fit‑12 ta’ Mejju 2016, Changmao nstemgħet mill-Kummissjoni u mill-uffiċjal tas-seduta għall-finijiet tas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet tagħha.

27

Fit‑2 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni kkomunikat lil Changmao l-konklużjonijiet definittivi tal-investigazzjoni.

28

Fit‑13 ta’ Ġunju 2016, Changmao ssottomettiet lill-Kummissjoni osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-konklużjonijiet definittivi tal-investigazzjoni.

29

Fil‑5 ta’ Lulju 2016, Changmao nstemgħet mill-Kummissjoni u mill-uffiċjal tas-seduta għall-finijiet tas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet tagħha.

30

Fit‑28 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat ir-regolament kontenzjuż.

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

31

Permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Ottubru 2016, Changmao ppreżentat rikors għall-annullament tar-regolament kontenzjuż.

32

Permezz ta’ digrieti tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Marzu 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (T‑741/16, mhux ippubblikat), u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (T‑741/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:700), Hyet Sweet tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u ntlaqgħet parzjalment it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Changmao fir-rigward tagħha.

33

Insostenn tar-rikors tagħha, Changmao invokat ħames motivi. L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament 2016/1036 kif ukoll tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, kien jikkonċerna l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kuntest ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“iSES”). It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament, kien jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali. It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10), tal-Artikolu 3(2)(a) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kien jirrigwarda l-aġġustamenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping u ta’ dannu. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u (6) tal-istess regolament u, sussidjarjament, tal-Artikolu 6(7) tiegħu. Fl-aħħar nett, il-ħames motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) u tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament 2016/1036.

34

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

35

Permezz tal-appell tagħha, Changmao titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata u,

prinċipalment, tilqa’ r-rikors fl-ewwel istanza, tannulla r-regolament kontenzjuż, sa fejn jikkonċernaha, kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni u lil Hyet Sweet għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell, jew

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament jew, iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar kull motiv ieħor imqajjem minnha insostenn tar-rikors tagħha jekk dan ikun iġġustifikat mill-istat tal-proċedura, u tirriżerva l-ispejjeż.

36

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lil Changmao għall-ispejjeż.

37

Hyet Sweet, li fir-rigward tagħha ġie deċiż it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tal-proċess permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ottubru 2019, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C-666/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1097), u tas‑17 ta’ Marzu 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (C-666/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:213), ma ssottomettietx nota fil-kuntest ta’ dan l-appell.

38

Konformement mal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal mistoqsija dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet, rispettivament, tar-Regolament bażiku u tar-Regolament 2016/1036 għall-finijiet ta’ dan l-appell. Il-partijiet aderixxew ma’ din it-talba fil-limitu ta’ żmien mogħti.

V. Fuq it‑talba għal ftuh mill‑ġdid tal-proċedura orali

39

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Changmao, permezz ta’ att sottomess fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2021, talbet, essenzjalment, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

40

Insostenn ta’ din it-talba, Changmao ssostni li, fil-punti 146 u 150 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali jqis li hija ma pproduċietx il-prova tal-ħtieġa tal-aġġustamenti li hija talbet għall-finijiet tal-paragun ġust tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni filwaqt li rrikonoxxa li hija elenkat sew il-provi għall-finijiet ta’ dawn l-aġġustamenti. Changmao tqis li din il-kwistjoni għandha importanza fundamentali għall-evalwazzjoni tat-tielet aggravju tagħha u tixtieq teżaminaha f’iktar dettall fl-okkażjoni ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.

41

Għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jissottomettu osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate,C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 39).

42

Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate,C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 40).

43

Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex iddibattut bejn il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate,C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 41).

45

Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, il-partijiet setgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju l-aggravji kollha mqajma minn Changmao fl-okkażjoni ta’ żewġ skambji ta’ sottomissjonijiet bil-miktub. B’mod partikolari, Changmao setgħet utilment issostni l-argumenti tagħha, b’mod partikolari, fuq l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, taċ-ċaħda, mill-Kummissjoni, tat-talbiet għal aġġustamenti għall-finijiet tal-paragun ġust tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni.

46

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji biex tagħti deċiżjoni u li dawn l-elementi ġew iddibattuti quddiemha.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

VI. Fuq l‑appell

A. Osservazzjonijiet preliminari

48

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-bażi legali ta’ att u r-regoli ta’ proċedura applikabbli għandhom ikunu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dan l-att, l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni anki meta dawn ir-regoli ma jkunux għadhom fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni mill-istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 76).

49

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis, rispettivament, tar-Regolament bażiku u tar-Regolament 2016/1036 għall-ħtiġijiet ta’ dan l-appell.

50

Konformement mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament 2016/1036, dan ħassar ir-Regolament bażiku u daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Lulju 2016.

51

F’dan il-każ, ir-regolament kontenzjuż ġie adottat fit‑28 ta’ Lulju 2016, jiġifieri ftit jiem wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/1036. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-perijodu ta’ investigazzjoni kien mill‑1 ta’ April 2014 sal‑31 ta’ Marzu 2015. Fi żmien il-fatti kkonċernati mill-investigazzjoni antidumping, li fi tmiemha ġie adottat ir-regolament kontenzjuż, ir-Regolament bażiku kien għalhekk għadu applikabbli.

52

Minn dan isegwi li, filwaqt li r-regolament kontenzjuż kellu jiġi adottat fuq il-bażi tar-Regolament 2016/1036 u konformement mar-regoli ta’ proċedura ddefiniti minn dan ir-regolament, huwa, min-naħa l-oħra, suġġett għar-regoli ta’ dritt sostantiv iddefiniti mir-Regolament bażiku.

53

Għaldaqstant, sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn ir-regolamenti (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et, C‑470/02 P, mhux ippubblikat, EU:C:2004:565, punt 69, kif ukoll is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 65), u peress li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli tad-dritt sostantiv rilevanti għall-ħtiġijiet ta’ dan l-appell huma sostanzjalment identiċi fir-Regolament bażiku u r-Regolament 2016/1036, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-riferimenti magħmula f’dan l-aħħar regolament fil-kuntest ta’ dan l-appell għandhom jinftiehmu fis-sens li huma magħmula għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament bażiku.

B. Fuq il‑mertu

1.   Fuq l‑ewwel aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

54

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 54, 64 sa 67, 69, 70, 78 sa 80, 87, 97 u 98 tas-sentenza appellata, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

55

Fl-ewwel lok, Changmao tallega li hija tissodisfa t-tieni kriterju ta’ għoti tal-iSES, iddikjarat fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem it-“tieni kriterju tal-għoti tal-iSES”), peress li hija tuża, għal kull fini, sett wieħed biss ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà bażiċi ppreparat skont l-Hong Kong Financial Reporting Standards (standards ta’ informazzjoni finanzjarja ta’ Ħong Kong, iktar ’il quddiem il-“HKFRS”), li huma ekwivalenti għall-International Financial Reporting Standards (l-istandards internazzjonali ta’ informazzjoni finanzjarja). Il-kumpannija Price Waterhouse Cooper (iktar ’il quddiem “PWC”), inkarigata mill-verifika tal-kontijiet tagħha, ikkonfermatha mingħajr riżerva.

56

Issa, ir-Regolament provviżorju jirreferi, fil-premessi 26 u 36 tiegħu, għal “lakuni” fir-rigward tal-osservanza tat-tieni kriterju ta’ għoti tal-iSES filwaqt li jirrikonoxxi, fil-premessa 28 tiegħu, li l-kontijiet ta’ Changmao ġew ippreparati konformement mal-HKFRS. Huwa biss ikkonstatat, fil-premessa 20 tar-regolament kontenzjuż, li Changmao ma pproduċiet ebda prova jew argument ġdid dwar dan il-kriterju, li barra minn hekk huwa żbaljat fid-dawl tad-dokumenti prodotti minnha wara l-konklużjonijiet provviżorji.

57

Għalhekk, ir-Regolament provviżorju u r-regolament kontenzjuż ma fihom ebda konstatazzjoni speċifika ta’ nuqqas ta’ affidabbiltà jew ta’ eżattezza tal-kontijiet ta’ Changmao u lanqas ma fihom, barra minn hekk, żbalji materjali fir-rigward tal-istandards IAS. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fl-okkażjoni tas-seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta tas‑6 ta’ Jannar 2016, li, f’ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2015, PWC kienet tat opinjoni mingħajr riżerva dwar is-sinċerità u l-affidabbiltà ta’ dawn il-kontijiet.

58

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta ddeċidiet, fil-punti 69 u 87 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet ġustament li n-nuqqasijiet osservati mill-awdituri ma kinux jippermettu li tiġi żgurata s-sinċerità tal-kontabbiltà ta’ Changmao. Għaldaqstant, hija ma setgħetx tiċħad l-ilment ta’ din tal-aħħar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

59

Barra minn hekk, fil-punti 60 sa 68 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali injorat l-osservazzjonijiet iddettaljati, li jirriżultaw minn verifika mwettqa minn PWC, dwar il-prattiki kontabbli ta’ Changmao relatati mad-deprezzament tal-assi tanġibbli u intanġibbli. Dawn il-prattiki huma suppost konformi mar-rekwiżiti tal-istandard IAS 36.

60

Minn naħa, Changmao tallega li waħdu n-nixxief ibridu koniku ma jiġġenerax dħul fi flus, b’tali mod li hija setgħet tistabbilixxi l-valur irkuprabbli tiegħu b’riferiment għall-unità ta’ produzzjoni li minnha jifforma parti. Fid-dawl tal-paragrafi 22, 66 u 67 tal-istandard IAS 36, ma huwiex neċessarju li jiġi rreġistrat il-valur irkuprabbli tiegħu b’mod separat kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 66 tas-sentenza appellata. L-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza huma wkoll żbaljati, hekk kif jirriżulta mill-provi addizzjonali li Changmao pprovdiet lill-Kummissjoni matul is-seduta tax-xahar ta’ Jannar 2016.

61

Min-naħa l-oħra, Changmao tosserva li hija tevalwa kontinwament il-valur irkuprabbli tal-privattiva dwar it-teknoloġija ta’ produzzjoni ta’ aċidu fumariku u ta’ aċidu DL maliku (iktar ’il quddiem il-“privattiva”) u tirrevedi dan il-valur meta l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 10 tal-istandard IAS 36 ikunu ssodisfatti, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti quddiem il-Kummissjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fil-punt 67 tas-sentenza appellata.

62

Fit-tieni lok, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fil-punt 54 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 7 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hija sostniet biss li l-Kummissjoni ma setgħetx targumenta sempliċi “nuqqasijiet” sabiex tirrifjuta l-iSES filwaqt li l-verifika mwettqa fir-rigward tal-istandards IAS kienet tikkonstata mingħajr ekwivoku l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-kontijiet.

63

Fit-tielet lok, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-assi kollha suġġetti għal verifika kienu ġew akkwistati minnha qabel is-sena 2003 u li l-Kummissjoni kienet diġà kisbet u vverifikat informazzjoni ddettaljata dwar dawn l-assi fl-okkażjoni ta’ investigazzjonijiet antidumping preċedenti li fihom ġie rrikonoxxut l-iSES lil Changmao. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 78 sa 80 tas-sentenza appellata, ma kienx impossibbli għall-Kummissjoni li tivverifika l-informazzjoni miksuba minn dawn l-assi fl-aħħar jum taż-żjara ta’ verifika.

64

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, Changmao tqis li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha.

65

Konsegwentement, iċ-ċaħda, fil-punti 97 u 98 ta’ din is-sentenza, tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, li kienet tirrigwarda, min-naħa tagħha, it-tielet kriterju ta’ għoti tal-iSES, iddikjarat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, hija għalhekk ukoll ivvizzjata b’illegalità u l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rrifjutat li teżamina din l-aħħar parti.

66

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat fl-intier tiegħu.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

67

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Changmao tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar iċ-ċaħda, mill-Kummissjoni, tat-talba tagħha għall-iSES bis-saħħa tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi (1) sa (6) ta’ dan l-artikolu, il-valur normali huwa, bħala prinċipju, iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq (sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il‑Kunsill, C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 30, kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 56).

69

Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ investigazzjonijiet antidumping dwar l-importazzjonijiet provenjenti minn, b’mod partikolari, iċ-Ċina, il-valur normali huwa ddeterminat konformement mal-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament jekk jiġi stabbilit, fuq il-bażi ta’ talbiet debitament issostanzjati mressqa minn produttur jew numru ta’ produtturi li jkunu qed jiġu investigati u konformement mal-kriterji u mal-proċeduri ddikjarati fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew għal dawn il-produtturi fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il‑Kunsill, C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 31, kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 57).

70

F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mill-iSES bis-saħħa tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li t-talba mressqa minn tali produttur għandha tinkludi l-provi suffiċjenti, hekk kif speċifikati f’din l-aħħar dispożizzjoni, dwar il-fatt li huwa jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il‑Kunsill, C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 32, kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 59).

71

Fost dawn il-kriterji hemm, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, it-tieni kriterju ta’ għoti tal-iSES li huwa inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan l-aggravju. Dan il-kriterju jirrikjedi li l-produttur ikkonċernat juża sett wieħed biss ta’ dokumenti bażiċi ta’ kontabbiltà, li jkunu suġġetti għal verifika indipendenti konformi mal-istandards internazzjonali u li jiġu applikati għall-finijiet kollha.

72

Fl-ewwel lok, Changmao tallega, essenzjalment, li hija tissodisfa l-imsemmi kriterju ġaladarba l-kontijiet tagħha huma konformi mal-HKFRS u li hija tapplika korrettament l-istandard IAS 36. Billi ddeċidiet il-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u żnaturat il-fatti.

73

F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew sottomessi lilha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, skont l-Artikolu 256 TFUE, li teżerċita stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tkun siltet minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza biex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, biex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun ikkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief f’każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 29, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 33).

74

Meta jallega tali żnaturament mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lil din tal-aħħar għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 33, u tad‑29 ta’ April 2021, Fortischem vs Il‑Kummissjoni, C‑890/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:345, punt 70).

75

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument żviluppat minn Changmao, imsemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, la jikkonsisti fit-tqegħid inkwistjoni tal-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 51 sa 53 tas-sentenza appellata, tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u lanqas it-tqegħid inkwistjoni ta’ dik, li tinsab fil-punti 59 sa 63 tal-imsemmija sentenza, tal-istandard IAS 36.

76

Dan l-argument fir-realtà jirrigwarda l-konformità tad-dokumenti tal-kontabbiltà tiegħu u l-osservanza tal-istandard IAS 36 u huwa intiż, għalhekk, essenzjalment biex jikkontesta l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tar-regolarità ta’ dawn id-dokumenti u tal-proċedura ta kontabbiltà. Din l-evalwazzjoni hija ta’ natura fattwali u ma tistax, għaldaqstant, titqiegħed inkwistjoni fl-istadju tal-appell ħlief fil-każ ta’ żnaturament. Issa, għalkemm Changmao semmiet żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, hija la tippreċiża l-fatti li l-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat u lanqas b’liema mod hija żnaturathom.

77

Għaldaqstant, l-imsemmi argument huwa inammissibbli.

78

It-tieni, sa fejn, permezz tal-argument espost fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, Changmao għandha l-intenzjoni li tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball billi bbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar it-tieni kriterju ta’ għoti tal-iSES fuq sempliċi “lakuni” mhux issostanzjati, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem l-imħallfin fuq il-mertu (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il‑Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Peress li Changmao ma qajmitx tali argument quddiem il-Qorti Ġenerali, dan huwa għalhekk inammissibbli.

80

Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta mingħajr ekwivoku li t-tieni kriterju ta’ għoti tal-iSES kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-fond bejn il-Kummissjoni u Changmao matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż u li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni identifikat b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li Changmao ma kinitx tissodisfa l-imsemmi kriterju.

81

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-fatti li jivvizzja l-punt 54 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali osservat li Changmao dehret li kienet qiegħda ssostni li eventwali “żbalji ta’ kontabbiltà” ma jikkostitwixxux ostakolu għar-rikonoxximent tal-iSES. Ċertament, il-Qorti Ġenerali b’hekk użat terminoloġija differenti minn dik li tinsab fil-punt 7 tar-rikors fl-ewwel istanza, li fil-kuntest tiegħu Changmao sostniet li, anki jekk jitqies li twettqu “żbalji ta’ kontabbiltà”, il-Kummissjoni kienet wettqet użu ħażin ta’ poter sa fejn hija kienet ikkonkludiet li sempliċi żbalji ta’ kontabbiltà setgħu jservu ta’ bażi għal rifjut tal-iSES. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali effettivament fehmet is-sustanza ta’ dan l-argument u eżaminatu fuq il-mertu. Għaldaqstant, il-varjazzjoni terminoloġika ma tippermettix li jiġi kkonstatat li hija żnaturat l-argumenti mressqa minn Changmao.

82

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti diretti kontra l-punti 78 sa 80 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li dawn il-punti jaqgħu taħt l-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tat-talba tal-Kummissjoni li tgħid li Changmao kienet naqset milli tipproduċi ċerti dokumenti fil-ħin għall-analiżi tagħhom matul iż-żjara ta’ verifika fil-binja tagħha. Issa, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ċ-ċaħda tal-iSES mill-Kummissjoni ma kienx ibbażat fuq il-fatt li Changmao kienet ipproduċiet ċerti dokumenti tardivament.

83

Peress li Changmao ma kkontestatx speċifikament din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-argumenti tagħha bbażati fuq il-fatt li, permezz tal-investigazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li twettaq il-verifiki neċessarji għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

84

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, permezz ta’ dawn l-argumenti, Changmao għandha l-intenzjoni tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li din il-parti ma setgħetx tinvoka deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni biex tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjonijiet magħmula fir-regolament kontenzjuż, l-imsemmija argumenti huma infondati. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li hija għandha teżamina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Il‑Kummissjoni u GMB Glasmanufaktur Brandenburg vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑884/19 P u C‑888/19 P, EU:C:2021:973, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mmodifikata minn deċiżjonijiet meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 113120, kif ukoll tal‑10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il‑Kunsill, C‑171/87, EU:C:1992:106, punt 41).

85

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argumenti diretti kontra l-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiva t-tieni parti tal-ewwel motiv ta’ Changmao insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza li permezz tagħha Changmao qiegħdet inkwistjoni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tielet kriterju ta’ għoti tal-iSES, iddikjarat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, li ma huwiex ikkontestat minn Changmao fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-iSES iddikjarati fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku huma ta’ natura kumulattiva. Huwa b’dan il-mod li, wara li rrilevat, fil-punt 97 tal-imsemmija sentenza, li Changmao ma kinitx irnexxielha turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta qieset li t-tieni kriterju ta’ għoti tal-iSES ma kienx issodisfatt, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 98 tal-istess sentenza, iddeċidiet li kien hemm lok li din it-tieni parti tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

86

Peress li Changmao lanqas ma stabbilixxiet, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad l-argument tagħha dwar il-ksur, mill-Kummissjoni, tad-dispożizzjonijiet dwar it-tieni kriterju ta’ għoti tal-iSES kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi, l-argumenti tagħha intiżi li jikkontestaw il-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata jistgħu biss jiġu miċħuda bħala infondati.

87

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u, parzjalment infondat.

2.   Fuq it‑tieni aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

88

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 113, 115 sa 118, 125, 126 u 128 sa 130 tas-sentenza appellata, żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti inkwantu ddeċidiet li l-Kummissjoni la kienet kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 6(8) tar-Regolament 2016/1036 u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u lanqas ma naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza u mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi eskludiet milli titlob lill-produttur tal-pajjiż analogu l-lista ddettaljata tat-tranżazzjonijiet tiegħu għall-esportazzjoni.

89

Fl-ewwel lok, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex tiddetermina l-valur normali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-produttur tal-pajjiż analogu fis-suq intern jew, f’każ ta’ impossibbiltà, il-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ dan il-produttur. Huwa biss f’każ aħħari li tkun tista’ tuża prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu fl-Unjoni.

90

F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li hija la setgħet toqgħod fuq il-bejgħ intern u lanqas fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż, bħala produttur tal-pajjiż analogu, u, minħabba f’hekk, iddeterminat il-valur normali fuq il-bażi tal-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni, li huwa 100 % sussidjarja ta’ dan il-produttur Ġappuniż. Il-Kummissjoni talbet lill-imsemmi produttur il-listi ddettaljati tal-bejgħ, tranżazzjoni bi tranżazzjoni, għall-bejgħ intern biss. Filwaqt li kkunsidrat li dawn il-listi ma kinux affidabbli, hija kkuntentat ruħha b’sunt tar-riżultati finanzjarji tal-esportazzjonijiet ta’ dan il-produttur, ipprovduta fit-tabella Nru 15 tat-tweġiba ta’ dan tal-aħħar għall-kwestjonarju antidumping. Din it-tabella ma hijiex iddettaljata biżżejjed. Kuntrarjament għal dak li rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 113 tas-sentenza appellata, din ma tippermettix li jiġi kkonstatat li l-bejgħ għall-esportazzjoni “kollu” kien nettament b’bilanċ negattiv, iżda biss li, “ikkunsidrat globalment”, huwa kien b’bilanċ negattiv. Dan il-punt 113 huwa għalhekk ivvizzjat bi żnaturament tal-fatti.

91

Skont Changmao, fl-assenza ta’ lista ta’ bejgħ għall-esportazzjoni, tranżazzjoni bi tranżazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż lejn pajjiżi terzi jew lejn l-Unjoni kienu suffiċjentement affidabbli biex iservu bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Il-Kummissjoni missha għalhekk talbitha tipproduċi tali lista.

92

Minn dan Changmao tiddeduċi li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 115, 116, 128 u 129 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u aġixxiet mingħajr id-diliġenza meħtieġa kif ukoll marret kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

93

Fit-tieni lok, filwaqt li tirreferi għall-punt 125 tas-sentenza appellata, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 6(8) tar-Regolament 2016/1036.

94

Fit-tielet lok, Changmao tallega li, fl-assenza tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, il-marġni ta’ dumping tagħha kien taħt kull probabbiltà jkun inqas għoli u, potenzjalment, inferjuri għall-marġni ta’ dannu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata, li hija missha pproduċiet il-provi li jistabbilixxu li l-marġni ta’ dumping kien inferjuri għall-marġni ta’ dannu. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi fuq il-Kummissjoni li teżamina ex officio l-informazzjoni kollha disponibbli.

95

Il-Kummissjoni tirribatti li t-tieni aggravju huwa ineffettiv u għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

96

Fl-ewwel lok, Changmao tallega li, fil-punti 115, 116, 128 u 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet aġixxiet bid-diliġenza meħtieġa kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

97

L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jesponi l-metodu applikabbli, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-istess artikolu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq.

98

Fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, il-metodu prinċipali għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq huwa l-metodu tal-pajjiż analogu, jiġifieri dak “tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq” jew “il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża [l-Unjoni]”. Fin-nuqqas ta’ dan, “fejn dawn ma jkunux possibbli”, għandu jiġi ddefinit metodu sussidjarju, li skontu l-valur normali għandu jiġi ddeterminat “fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas [fl-Unjoni] għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli”. Minn dan isegwi li s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fl-għażla ta’ pajjiż analogu ma tawtorizzahiex tevita r-rekwiżit li jintgħażel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq f’każ fejn dan huwa possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punti 2426).

99

Bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xieraq jintgħażel b’mod li ma jkunx irraġonevoli, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni kull informazzjoni affidabbli disponibbli fil-mument tal-għażla. Fil-fatt, huwa obbligu tal-Kummissjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-alternattivi li jirriżultaw, li tipprova ssib pajjiż terz fejn il-prezz ta’ prodott simili jiġi ffurmat f’ċirkustanzi daqstant simili għal dawk tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, sakemm dan ikun pajjiż b’ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 21).

100

Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li minnha tgawdi l-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-pajjiż analogu, jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk din l-istituzzjoni naqsitx milli tieħdu inkunsiderazzjoni elementi essenzjali bil-għan li tiġi stabbilita n-natura adegwata tal-pajjiż magħżul u jekk l-elementi tal-proċess ġewx eżaminati bid-diliġenza kollha dovuta sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali ġie ddeterminat b’mod xieraq u mhux irraġonevoli (sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punti 1213, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 22).

101

F’dan il-każ, fil-punti 112 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li kemm mir-regolament kontenzjuż kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni jirriżulta li, l-ewwel nett, id-data kkomunikata mill-produttur Ġappuniż ma kinitx affidabbli sa fejn, b’mod partikolari, il-marġnijiet ta’ profitt tiegħu kienu jvarjaw b’mod kunsiderevoli u b’mod inġustifikat skont it-tip u d-daqs tax-xerrej, it-tieni, filwaqt li l-bejgħ intern kollu ta’ dan il-produttur kien profittabbli, il-bejgħ kollu għall-esportazzjoni kien nettament fuq bilanċ negattiv u, it-tielet, il-partijiet ikkonċernati, fosthom Changmao, kienu mħassba, sussegwentement għall-konklużjonijiet provviżorji, bil-fatt li l-Ġappun kien intgħażel bħala pajjiż analogu.

102

Huwa fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, li fihom l-ewwel u t-tielet ma humiex ikkontestati minn Changmao, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku billi rrikorriet għad-data tal-industrija tal-Unjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat, sa fejn l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-għażla ma kinitx affidabbli u setgħet twassal għal għażla ta’ pajjiż analogu mhux xieraq u irraġonevoli.

103

F’dan l-istess kuntest, fil-punti 128 u 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli taġixxi b’diliġenza. Il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni fid-dawl tal-punti ta’ fatt kollha esposti fil-punti 120 sa 124 u 127 ta’ din is-sentenza, li ma humiex ikkontestati minn Changmao. Dawn l-elementi jirrigwardaw in-numru limitat ta’ pajjiżi produtturi ta’ aspartam, l-iżvolġiment tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-osservazzjonijiet li hija setgħet tikseb.

104

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

105

Ċertament, kif tallega Changmao, huwa biss fil-każ ta’ impossibbiltà li tirrikorri għall-metodu tal-pajjiż analogu li l-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-valur normali fuq kull bażi raġonevoli oħra bis-saħħa tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li l-portata tiegħu ġiet imfakkra fil-punt 98 ta’ din is-sentenza.

106

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni Changmao, minn dan ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, obbligata li titlob informazzjoni ddettaljata dwar it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż.

107

Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tan-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-informazzjoni ddettaljata pprovduta minn dan il-produttur dwar il-bejgħ tiegħu fuq l-importazzjoni kif ukoll informazzjoni iktar fil-qosor ipprovduta dwar il-bejgħ tiegħu għall-esportazzjoni, la kien inadegwat u lanqas irraġonevoli għall-Kummissjoni li tiddetermina l-valur normali fuq kull bażi oħra raġonevoli, konformement mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 99 u 100 ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni setgħet tipproċedi b’dan il-mod mingħajr ma titlob minn qabel informazzjoni iktar iddettaljata dwar dan il-bejgħ għall-esportazzjoni.

108

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku billi użat id-data tal-industrija tal-Unjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat, anki mingħajr ma talbet minn qabel informazzjoni ddettaljata dwar il-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż.

109

Il-fatt li, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod ġenerali, ikkonstatat li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, mit-tabella prodotta mill-produttur Ġappuniż kien jirriżulta li “l-bejgħ kollu għall-esportazzjoni [ta’ dan il-produttur] kien nettament b’bilanċ negattiv”, filwaqt li, kif ġustament esponiet Changmao, skont dawn l-ispjegazzjonijiet, dan il-bejgħ “ikkunsidrat globalment” kien b’bilanċ negattiv, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jinvalida l-konklużjoni misluta fil-punt preċedenti. Fil-fatt, din l-impreċiżjoni tal-punt 113 ta’ din is-sentenza ma tneħħi xejn mill-kunsiderazzjoni li d-data prodotta mill-produttur Ġappuniż ma kinitx, globalment, affidabbli. Issa, huwa fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni li, fiċ-ċirkustanzi rrilevati mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni setgħet twettaq determinazzjoni tal-valur normali fuq il-bażi tad-data tal-Unjoni.

110

Fit-tieni lok, minbarra l-fatt li, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma tat deċiżjoni dwar l-Artikolu 6(8) tar-Regolament 2016/1036, huwa għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell li Changmao tallega ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, din l-allegazzjoni hija għalhekk inammissibbli.

111

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata jesponu raġuni superfluwa insostenn taċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Fil-fatt, minn naħa, dan il-motiv huwa introdott bil-frażi “barra minn hekk”. Min-naħa l-oħra, permezz tal-imsemmi motiv, il-Qorti Ġenerali eskludiet, essenzjalment, bħala ineffettiv l-argument ta’ Changmao li l-Kummissjoni missha pprivileġġat l-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu, peress li dan diġà ġie miċħud bħala infondat fil-punt 116 tas-sentenza appellata.

112

Minn dan isegwi li l-argumenti ta’ Changmao diretti kontra l-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata huma ineffettivi.

113

Fir-rigward tal-punti preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

3.   Fuq it‑tielet aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

114

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Changmao tikkritika l-punti 141 sa 144, 152, 153 u 155 sa 162 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li, billi ċaħdet it-talbiet għal aġġustamenti li Changmao kienet ressqet għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 2(10) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u lanqas ma kienet kisret l-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

1) Fuq l‑ewwel parti

115

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao tallega li l-Qorti Ġenerali “żnaturat il-fatti f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ prova”.

116

Changmao ssostni li matul il-proċedura ta’ investigazzjoni hija talbet lill-Kummissjoni twettaq aġġustamenti tal-prezzijiet taħt l-Artikolu 2(10)(a), (b), (e) sa (h) u (k) tar-Regolament bażiku, peress li l-paragunabbiltà tal-prezzijiet tal-Unjoni użati biex jiġi ddeterminat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kienet affettwata minn differenzi li jikkonċernaw il-proċess ta’ produzzjoni tal-aspartam, ir-rekwiżiti regolatorji, is-servizzi ta’ wara l-bejgħ, l-ispiża tal-enerġija, l-ispiża tax-xogħol, l-aċċess għall-materja prima, il-ħlasijiet tal-privattiva u ta’ għarfien espert, l-ispejjeż ta’ ppakkjar kif ukoll il-merkanzija marittima, l-assigurazzjoni, il-manutenzjoni, l-ispejjeż bankarji u l-ispejjeż tal-kreditu.

117

Il-Kummissjoni ċaħdet l-aġġustamenti kollha mitluba, li wasslu għal żieda fil-prezzijiet tal-esportazzjoni jew għal tnaqqis tal-valur normali, minħabba li Changmao ma kinitx uriet “li x-xerrejja jħallsu sistematikament prezzijiet differenti fis-suq intern minħabba d-diverġenza ta’ dawn il-fatturi”. Min-naħa l-oħra, hija għamlet aġġustamenti li wasslu, għad-detriment ta’ Changmao, għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni u għal żieda fil-valur normali mingħajr ma rrikjediet tali prova u b’hekk għamlet distinzjoni arbitrarja.

118

Issa, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, billi żnaturat il-fatti, Changmao tqis li hija effettivament ipproduċiet provi insostenn tal-aġġustamenti mitluba. Fil-fatt, hija identifikat u invokat il-fatturi kollha li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet u wriet li kull wieħed minn dawn il-fatturi kellu effett fuq il-prezzijiet.

119

Barra minn hekk il-provi prodotti minn Changmao jikkoinċidu mal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 80 tar-Regolament provviżorju u fil-premessa 76 tar-regolament kontenzjuż, li jgħidu li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni skont it-tip ta’ aspartam kienet ta’ 21.1 % ogħla mill-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti paragunabbli importati.

120

Barra minn hekk, Changmao ma setgħetx tipproduċi l-provi li kienu neċessarji fid-dawl tal-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw dokumenti kunfidenzjali li għalihom hija ma kellhiex aċċess. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet taċċedi għal dawn il-provi.

121

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti, relatati essenzjalment mal-proċedura amministrattiva, ma humiex rilevanti fl-istadju tal-appell. Fil-fehma tagħha, it-tielet aggravju, fl-ewwel parti tiegħu, huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

2) Fuq it‑tieni parti

122

It-tieni parti tat-tielet aggravju ta’ Changmao tinkludi żewġ ilmenti bbażati rispettivament fuq żewġ żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet.

123

Permezz tal-ewwel ilment, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 151 u 153 tas-sentenza appellata, wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku billi injorat il-fatt li, skont il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, l-esportatur li ma jibbenefikax mill-iSES għandu jipprova b’mod kemm jista’ jkun kostruttiv il-fatti li jirrendu neċessarju aġġustament, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħti l-aġġustamenti mitluba permezz ta’ sorsi ta’ data tas-suq mhux distorti.

124

F’dan il-każ, Changmao ma bbażatx it-talba tagħha għal aġġustamenti fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha stess fiċ-Ċina, kuntrarjament għal dak li rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 151 tas-sentenza appellata billi assoċjat, b’mod żbaljat, il-provi prodotti minnha, li skonthom id-differenzi fl-ispejjeż kienu jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, mal-fatt li l-ispejjeż kienu distorti fiċ-Ċina. Il-Kummissjoni jmissha pprovat tikseb mingħand il-produttur tal-Unjoni d-data neċessarja biex isiru l-aġġustamenti mitluba u tevalwa d-differenzi fl-ispejjeż, fl-Unjoni, tal-materja prima, tal-proċessi ta’ produzzjoni, marbuta mal-osservanza tal-leġiżlazzjoni, tal-merkanzija u tal-assigurazzjoni kif ukoll tad-dazji fuq l-importazzjoni, tal-ħlasijiet ta’ privattiva u tal-ippakkjar.

125

F’dan ir-rigward, Changmao hija tal-opinjoni li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma sostanzjalment differenti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑436/18 P, EU:C:2019:643).

126

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, Changmao żżid li l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni għandhom dejjem ikunu s-suġġett ta’ paragun ġust inkluż meta l-valur normali huwa ddeterminat fuq il-bażi ta’ pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq u meta l-esportatur ikkonċernat ikun ġie rrifjutat l-iSES. Li wieħed jirrikjedi li esportatur bħal Changmao jistabbilixxi li x-xerrejja jħallsu sistematikament prezzijiet differenti fis-suq intern minħabba differenzi allegati fl-ispejjeż ta’ produzzjoni jostakola kull aġġustament f’dan ir-rigward. Dan l-approċċ żbaljat tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali jmur kontra d-dritt tad-WTO, il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni kif ukoll il-prassi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

127

Permezz tat-tieni lment, Changmao tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jissuġġetta l-aġġustamenti għall-kundizzjoni li x-xerrejja jħallsu sistematikament prezzijiet differenti fis-suq intern minħabba d-diverġenza tal-fatturi kkonċernati. Tali kundizzjoni hija magħmula biss b’mod speċifiku fl-Artikolu 2(10)(k) ta’ dan ir-regolament, iżda mhux b’mod ġenerali fl-Artikolu 2(10)(a) sa (j) tal-imsemmi regolament. Din il-kundizzjoni ma hijiex meħtieġa mill-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, li skontu l-oneru tal-prova impost fuq il-partijiet ikkonċernati ma għandux ikun irraġonevoli. Issa, l-imsemmija kundizzjoni timponi oneru ta’ prova irraġonevoli fuq l-esportaturi li ma joriġinawx minn ekonomija tas-suq, peress li dawn ma għandhomx id-data tal-produttur tal-pajjiż analogu użata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali.

128

Fir-replika tagħha, Changmao tippreċiża li hija effettivament invokat id-dritt tad-WTO quddiem il-Qorti Ġenerali kif jirriżulta mill-punti 31 u 33 u min-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 24 sa 26 tar-replika sottomessa fl-ewwel istanza.

129

Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti kollha jiġu miċħuda. L-ewwel ilment, intiż li jikkontesta l-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata fid-dawl tad-dritt tad-WTO huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. It-tieni lment huwa infondat.

3) Fuq it‑tielet parti

130

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao tikkritika, fl-ewwel lok, il-punti 155 sa 160 tas-sentenza appellata. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu f’dawn il-punti huma vvizzjati bi żbalji proċedurali u bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll mid-dmirijiet ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 kif ukoll l-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 tal-Ftehim antidumping.

131

Skont Changmao, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-punt 155 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball, peress li l-Kummissjoni ma indikatilhiex ir-raġuni li tiġġustifika ċ-ċaħda tal-provi dwar id-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodotti tal-produttur tal-Unjoni dovuti għad-differenzi tar-rekwiżiti leġiżlattivi. Barra minn hekk, bi ksur tal-Artikolu 6.4 tal-ftehim antidumping, il-Kummissjoni tatha terminu ta’ għaxart ijiem biss sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tibdil tal-għażla tal-produttur analogu, li seħħ fi stadju tardiv tal-proċedura. Il-produttur tal-Unjoni pprovda informazzjoni insuffiċjenti.

132

Fit-tieni lok, Changmao tikkritika l-punt 207 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni li hija kienet talbet b’rabta mal-motiv tagħha dwar l-aġġustamenti u li kienu neċessarji għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħha.

133

Fl-aħħar nett, filwaqt li tirreferi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, Changmao tenfasizza li l-aġġustamenti mitluba kienu jippermettu li l-marġni ta’ dumping tagħha jitnaqqas għal livelli inferjuri għall-marġni ta’ dannu.

134

Il-Kummissjoni titlob li din it-tielet parti tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

135

Fir-rigward tat-tielet aggravju, li huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti u żbalji ta’ liġi u ta’ proċedura, qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti u t-tieni lment tat-tieni parti, sussegwentement, it-tielet parti u, finalment, l-ewwel ilment tat-tieni parti.

1) Fuq l‑ewwel parti u t‑tieni lment tat-tieni parti

136

Permezz ta’ din il-parti u dan l-ilment, Changmao ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u wettqet żbalji ta’ liġi fl-eżami, fil-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, tal-argumenti tagħha intiżi biex jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Kummissjoni, tal-aġġustamenti li hija kienet talbet taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

137

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma jistgħux jiġu pparagunati b’mod ġust għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’forma ta’ aġġustament, id-differenzi kkonstatati fil-fatturi li fir-rigward tagħhom huwa pretiż u muri li dawn jaffettwaw il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragunabbiltà tagħhom.

138

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirriżulta li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi li jikkonċernaw fatturi li jaffettwaw iż-żewġ prezzijiet u li għalhekk jaffettwaw il-paragunabbiltà tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-paragun isir fl-istess stadju kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 53, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2017, RFA International vs Il‑Kummissjoni, C‑239/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:337, punt 42).

139

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, jekk parti titlob, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, aġġustamenti intiżi biex jirrendu paragunabbli l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping, din il-parti għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġġustifikata. B’hekk, l-oneru li jiġi pprovat li għandhom isiru l-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (k) tar-Regolament bażiku jaqa’ fuq dawk li, ikunu min ikunu, jixtiequ jagħmlu użu minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 5860). Minn dan isegwi li hija l-parti li tixtieq tinvoka tali aġġustament li għandha turi li l-fattur li fir-rigward tiegħu jintalab dan l-aġġustament huwa ta’ natura li jaffettwa l-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragunabbiltà tagħhom.

140

F’dan il-każ, fil-punti 139 u 141 sa 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li kienet Changmao li kellha tipprova li t-talba tagħha għal aġġustamenti taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku kienet iġġustifikata u li d-differenzi fl-ispejjeż allegati minnha kienu jirriżultaw f’differenzi fil-prezz, filwaqt li rrilevat li din il-parti ma kinitx qed tikkontesta l-konstatazzjoni, fil-premessa 49 tar-regolament kontenzjuż, li hija ma kienet ipproduċiet ebda prova insostenn tat-talba tagħha għal aġġustamenti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet li Changmao ma tistax issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti mitluba għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping.

141

Dawn l-evalwazzjonijiet ma huma vvizzjati minn ebda żball ta’ liġi.

142

L-ewwel nett, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Changmao, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, konformement kemm mal-kliem u mal-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 138 u 139 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet Changmao li kellha tistabbilixxi, insostenn tat-talba tagħha għal aġġustamenti, li d-differenzi fl-ispejjeż allegati kienu ta’ natura li jaffettwaw il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragunabbiltà tagħhom.

143

It-tieni, minn naħa, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punti 116 u 117 ta’ din is-sentenza, Changmao tidher li tallega li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, hija kienet ipproduċiet il-prova li t-talbiet tagħha għal aġġustamenti taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku kienu ġġustifikati, l-argument tagħha jissarraf, fir-realtà, f’talba lill-Qorti tal-Ġustizzja biex din twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Fl-assenza ta’ kwalunkwe prova, u anki ta’ allegazzjoni, ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, dan l-argument huwa għalhekk inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.

144

Min-naħa l-oħra, sa fejn Changmao tidher li tallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett stess ta’ “prova”, l-argument tagħha jirriżulta minn konfużjoni bejn, minn naħa, allegazzjoni jew affermazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali, sostnuti minn sempliċi suppożizzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, il-prova tal-materjalità ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. Issa, minbarra l-fatt li, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Changmao tikkuntenta ruħha billi tifformula sempliċi allegazzjonijiet mingħajr ma tissostanzjahom bi provi li jippermettu li tiġi vverifikata u stabbilita r-realtà tad-differenzi fl-ispejjeż allegati kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, din il-parti ma tidentifika ebda prova li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jew li żnaturat.

145

It-tielet, Changmao tiżbalja billi tipprova tiġġustifika t-talbiet tagħha għal aġġustamenti permezz tal-premessa 76 tar-regolament kontenzjuż – li tgħid li l-Kummissjoni kkonstatat li l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni skont it-tip ta’ aspartam kienet 21.1 % ogħla mill-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti paragunabbli importati. Fil-fatt, din id-differenza fil-prezz tirrifletti l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz u taqa’ taħt id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv imġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 151 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-premessa b’ebda mod ma tagħti x’tifhem li dan il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ġie kkawżat minn differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni.

146

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti kif ukoll it-tieni lment tat-tieni parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

2) Fuq it‑tielet parti

147

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao tikkritika l-punti 155 sa 160 u 207 tas-sentenza appellata, minħabba li, billi ċaħdet l-argumenti tagħha bbażati fuq oneru tal-prova mhux raġonevoli, il-Qorti Ġenerali marret kontra d-drittijiet tad-difiża tagħha, kif ukoll id-dmirijiet ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza tal-Kummissjoni, bħalma marret kontra l-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 tal-Ftehim antidumping kif ukoll l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036.

148

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li huwa fl-istadju tal-appell li Changmao tinvoka għall-ewwel darba ksur tal-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 tal-Ftehim antidumping kif ukoll tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036. Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 124 u 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, it-tielet parti hija inammissibbli sa fejn hija bbażata fuq allegat ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

149

Fuq il-mertu, fl-ewwel lok, Changmao tallega, essenzjalment, li, fil-punti 155 sa 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali imponitilha oneru ta’ prova irraġonevoli, u b’hekk marret kontra d-drittijiet tad-difiża ta’ Changmao, id-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

150

F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni u l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq Changmao fil-kuntest tat-talbiet tagħha għal aġġustamenti, din tal-aħħar ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli imponitilha oneru tal-prova irraġonevoli.

151

Issa, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jidher li tallega Changmao, is-sempliċi fatt li, f’din il-kawża, il-valur normali ġie stabbilit, konformement mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas fl-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jimponi iktar flessibbiltà fir-rigward tar-regola ta’ tqassim tal-oneru tal-prova, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament u mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 138 u 139 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-konklużjonijiet tiegħu, din ir-regola, li tgħid li hija l-parti li titlob aġġustament fuq il-bażi ta’ wieħed mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku li għandha turi li dan il-fattur huwa ta’ natura li jaffettwa l-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragunabbiltà tagħhom, hija imposta indipendentement mill-metodu li fuq il-bażi tiegħu ġie ddeterminat il-valur normali.

152

Min-naħa l-oħra, Changmao tallega li, meta l-valur normali huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz imħallas jew li għandu jitħallas fl-Unjoni, produttur-esportatur tal-pajjiż ikkonċernat mill-investigazzjoni huwa pprojbit milli jeżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tiegħu ladarba ma jkollux aċċess għad-data tal-industrija tal-Unjoni – li kien il-każ tiegħu f’din il-kawża. Issa, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 155 u 156 tas-sentenza appellata jirriżulta espressament li mir-regolament kontenzjuż kien jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkomunikat lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi data dwar il-produttur tal-Unjoni u li Changmao setgħet tikkummenta dwar din id-data. Fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, li, bħala tali, ma humiex imqiegħda inkwistjoni minn Changmao fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeduċi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li hija ma tistax tikkritika utilment lill-Kummissjoni talli ma aġixxietx konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi imponiet fuqha oneru tal-prova irraġonevoli.

153

Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti mressqa minn Changmao insostenn tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha bbażati fuq il-fatt li l-punti 155 sa 160 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji relatati mad-drittijiet tad-difiża, mad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni u mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

154

Fit-tieni lok, Changmao tikkritika l-punt 207 tas-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat irrifjutat li tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni li hija kienet talbet.

155

F’dan il-punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Changmao fl-ewwel istanza “mingħajr ma jkun meħtieġ li jintlaqgħu t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ investigazzjoni mressqa minn [Changmao]”.

156

Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi mressqa quddiemha (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, EU:C:2001:391, punt 19, u tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 28).

157

Għaldaqstant, Changmao ma tistax tikkontesta utilment, fl-istadju ta’ dan l-appell, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma adottatx il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ investigazzjoni li tagħhom hija ssuġġeriet l-adozzjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem din tal-aħħar.

158

Konsegwentement it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

3) Fuq l‑ewwel ilment tat‑tieni parti

159

Permezz ta’ dan l-ilment, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata.

160

F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, “[f]i kwalunkwe ipoteżi”, peress li Changmao ma tibbenefikax mill-iSES, id-data li tikkonċernaha ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni bħala aġġustamenti fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, li ma jistax jintuża bil-għan li jitneħħa l-effett tal-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament.

161

Mill-kliem “fi kwalunkwe ipoteżi” jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-punti tas-sentenza appellata jikkostitwixxu motiv superfluwu.

162

Issa, mill-analiżi tal-ewwel u tat-tielet partijiet kif ukoll mit-tieni lment tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju jirriżulta li Changmao ma rnexxilhiex turi li l-motiv prinċipali, li jidher b’mod partikolari fil-punti 141 u 144 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien mal-punti 155 sa 160 tagħha, huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

163

Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 186 u 187 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

164

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

4.   Fuq ir‑raba’ aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

165

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti sa fejn iddeċidiet, fil-punti 148 u 150 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq l-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu u li, għal din ir-raġuni, ċaħdet l-argumenti tagħha bbażati fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) u tal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza.

166

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali Changmao tiddeduċi li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, teħtieġ paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-prezz li kisbet jew li missha kisbet l-industrija tal-Unjoni waqt il-bejgħ imwettaq fit-territorju tal-Unjoni. Għall-finijiet ta’ paragun ġust, il-prezzijiet għandhom jiġu pparagunati fl-istess stadju kummerċjali li jinkludi l-ispejjeż kollha relatati mal-istadji kummerċjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

167

Fir-rigward ta’ dawn l-aġġustamenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fl-ispejjeż bejn l-industrija tal-Unjoni u l-esportaturi li jirriżultaw mis-servizzi ta’ wara l-bejgħ ipprovduti biss minn tal-ewwel, mill-imballaġġi, mill-ħlasijiet tal-privattivi jew ta’ għarfien espert. Il-Kummissjoni għandha bħala prassi li tagħti tali aġġustamenti billi tnaqqas il-prezzijiet u l-ispejjeż ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni sa fejn ikun neċessarju.

168

L-imsemmija aġġustamenti jistgħu, għaldaqstant, jingħataw taħt l-Artikolu 2(10)(f) u (h) tar-Regolament bażiku kif ukoll taħt l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

169

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi vvalidat, fil-punti 148 u 150 tas-sentenza appellata, ir-rifjut tal-Kummissjoni li twettaq l-aġġustamenti li Changmao b’hekk talbet, bil-provi f’idejha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu. Huwa wkoll b’mod żbaljat li hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u li kienet aġixxiet bid-diliġenza meħtieġa. Skont Changmao, li kieku kienu saru l-aġġustamenti mitluba, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ dannu jew, tal-inqas, kienet tikkonkludi li kien hemm marġni ta’ dannu inqas għoli. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-approċċ tal-Kummissjoni ma kienx jikser l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

170

Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti kollha jiġu miċħuda bħala, skont il-każ, inammissibbli jew ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, infondati.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

171

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Changmao ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-punti 148 u 150 tas-sentenza appellata.

172

F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 3(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku ma jirrikjedux li l-Kummissjoni tipproċedi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, għall-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li Changmao ma tistax issostni li l-Kummissjoni kisret din l-aħħar dispożizzjoni billi rrifjutat li twettaq l-aġġustamenti mitluba għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu.

173

Changmao ssostni, essenzjalment, li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku timplika li għandhom isiru aġġustamenti analogi għal dawk previsti fl-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament meta jkunu neċessarji sabiex jitwettaq paragun ġust, jiġifieri paragun imwettaq fl-istess stadju kummerċjali bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-prezz miksub jew li kellu jinkiseb mill-industrija tal-Unjoni.

174

Madankollu, anki jekk jitqies li, kif tallega Changmao, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku jimplika, minkejja l-formulazzjoni tiegħu, l-obbligu għall-Kummissjoni li tipproċedi, fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, għal tali aġġustamenti, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 206 tal-konklużjonijiet tiegħu u b’analoġija mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, li hija l-parti li tinvoka aġġustament li għandha tipproduċi l-prova tal-ġustifikazzjoni tagħha.

175

Minn naħa, huwa paċifiku li Changmao titlob, essenzjalment, l-istess aġġustamenti kemm għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza tad-dumping kif ukoll għall-finijiet tad-dannu. Barra minn hekk, dawn l-aġġustamenti ġew indirizzati f’motiv wieħed biss quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, kif jirriżulta mill-punti 140 u 142 sa 146 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali sovrana tagħha tal-fatti u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li Changmao ma kinitx ipproduċiet il-prova li dawn l-aġġustamenti kienu neċessarji.

176

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għal aġġustamenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu għar-raġuni, esposta fil-premessa 70 tar-regolament kontenzjuż, li l-investigazzjoni “ma żvelat ebda differenza kwalitattiva jew ta’ xort’oħra bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li kien jidher sistematikament fil-prezzijiet”. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 207 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ivvalidat din ir-raġuni. Issa, Changmao tikkritika dan il-punt biss fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tielet aggravju, li ġie miċħud fil-punt 164 ta’ din is-sentenza.

177

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tistax, jew saħansitra għandhiex, tagħmel aġġustamenti sabiex tiżgura paragun tal-prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali.

5.   Fuq il‑ħames aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

178

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Changmao tallega li l-punti 187, 189 sa 191, 194, 200, 201 u 203 sa 206 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u bi żnaturament tal-fatti.

179

Dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa li l-produttur tal-Unjoni u l-fornituri tiegħu ta’ materja prima, jiġifieri l-produttur Ġappuniż u tal-fornituri fl-Unjoni, li huma sussidjarji 100 % ta’ dan tal-aħħar, kienu jappartjenu lil entità ekonomika u azzjonarja waħda. Minn dan Changmao tiddeduċi li l-prezzijiet imħallsa mill-produttur tal-Unjoni għax-xiri tal-materja prima kienu prezzijiet ipprattikati bejn partijiet relatati u li kienu jaqgħu fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ dan il-produttur kif ukoll fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ tiegħu.

180

Issa, mill-Artikolu 2(7)(a) u mill-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu, il-Kummissjoni hija obbligata tiżgura, billi tistrieħ fuq provi, li l-prezzijiet użati huma affidabbli u mhux distorti. L-Artikolu 6(8) tar-Regolament 2016/1036 jirrikjedi li sa fejn huwa possibbli hija tuża d-data tal-partijiet li jikkooperaw. Madankollu, huma l-fornituri li għandhom jipproduċu provi li jistabbilixxu li l-prezzijiet tal-materja prima tagħhom mibjugħa lill-partijiet relatati fl-Unjoni huma l-prezzijiet tas-suq.

181

Kuntrarjament għall-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 187, 200, 201 u 203 sa 206 tas-sentenza appellata, il-prassi komuni tal-Kummissjoni timplika li l-partijiet ikkonċernati li jikkooperaw, bħall-industrija tal-Unjoni, jintalbu jqassmu kwestjonarji għall-fornituri relatati tagħhom barra u ġewwa l-Unjoni. Changmao kkontestat il-prezz tal-materja prima kkunsidrat mill-Kummissjoni.

182

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball fil-punt 191 tas-sentenza appellata, li fih hija qieset li l-Kummissjoni kienet ikkonformat ruħha mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kienet ibbażat ruħha fuq provi sabiex tikkonstata li l-prezzijiet tal-materja prima mitluba mill-fornituri fil-konfront tal-produttur relatat fl-Unjoni kienu jaderixxu mal-kundizzjonijiet tas-suq. Skont Changmao, il-Kummissjoni ma vverifikatx l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li hija siltet, f’dan ir-rigward, minn rapport ġenerali mfassal minn kumpannija Ċiniża fuq il-prezzijiet tal-materja prima fiċ-Ċina, sabiex tiżgura ruħha li din kienet tikkostitwixxi sensiela ta’ provi pożittivi u oġġettivi. Issa, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed biex jiġi żgurat li l-prezzijiet ipprattikati minn dawn il-fornituri kienu effettivament prezzijiet tas-suq. Il-Kummissjoni setgħet titlob lill-produttur tal-Unjoni jimla kwestjonarju ddettaljat dwar dawn il-prezzijiet u tivverifika t-tweġibiet.

183

Dan id-dmir ta’ verifika jeżisti indipendentement mill-provi jew mit-talbiet tal-partijiet ikkonċernati. Għalhekk il-punt 206 tas-sentenza appellata huwa żbaljat.

184

Changmao żżid li s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015, Hüpeden vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑206/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:672), imsemmija fil-punti 187 u 203 tas-sentenza appellata, ma hijiex rilevanti għaliex il-kawża li tat lok għaliha ma kinitx tirrigwarda l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ diliġenza.

185

Il-Kummissjoni twieġeb li dan l-aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

186

Skont l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qed jiġu kkontestati. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Agria Polska et vs Il‑Kummissjoni, C‑373/17 P, EU:C:2018:756, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

187

Aggravju li l-argument tiegħu ma jkunx ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tiegħu, b’mod partikolari peress li l-elementi essenzjali li fuqhom jistrieħ l-aggravju ma joħorġux b’mod koerenti u komprensibbli biżżejjed mit-test ta’ dan l-appell, li jkun redatt b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward, b’mod partikolari ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tad‑29 ta’ Ġunju 2016, L-Ombudsman Ewropew vs Staelen, C‑337/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:670, punt 22).

188

Issa, għalkemm Changmao tidentifika bi preċiżjoni l-punti tas-sentenza appellata li hija biħsiebha tikkritika permezz tal-ħames aggravju tagħha, hija tibqa’ ma esponietx b’mod preċiż u speċifiku l-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet.

189

Barra minn hekk, mill-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan l-aggravju ma jidhirx li Changmao tikkontesta l-motivazzjoni tas-sentenza appellata. Għall-kuntrarju, dawn l-argumenti jidhru, essenzjalment, li huma intiżi li jikkritikaw l-aġir tal-Kummissjoni fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż.

190

Minn dan isegwi li l-ħames aggravju huwa inammissibbli.

191

Peress li ebda wieħed mill-aggravji mressqa minn Changmao insostenn tal-appell tagħha ma seta’ jintlaqa’, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

192

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

193

Peress li Changmao tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.