SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi tariffarji – Subintestatura 441820 – Portata – Bibien u ċ-ċaċċiżi, x-xambrelli u s-sollijiet tagħhom – Pannelli MDF u l-gwarniċi – Regola ġenerali 2(a), l-ewwel parti, għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda – Oġġett mhux komplut jew mhux mitmum – Kunċett”

Fil-Kawża C‑72/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

“PRODEX” SIA

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “PRODEX” SIA, minn J. Kārkliņš, advokāts,

għall-Gvern Latvjan, minn K. Pommere u J. Davidoviča, kif ukoll minn E. Bārdiņš, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u E. Kalniņš, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura tariffarja 441820 u tal-intestaturi tariffarji 4411 u 4412 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”)., kif ukoll l-ewwel parti tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “PRODEX” SIA (iktar ’il quddiem “Prodex”) u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-amministrazzjoni fiskali, il-Latvja), (iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija importata fis-subintestatura 441820 tan-NM, bħala bibien u miċ-ċaċċiżi, xambrelli u sollijiet tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Is‑SA

3

Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (OMD) u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA ġew elaborati fi ħdan l-OMD skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet tal-kapitoli u tas-subintestaturi u li ma jbiddlux il-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subintestaturi tas-SA.

5

Ir-regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tas-SA tipprovdi, fl-ewwel parti tagħha, li kull riferiment għal oġġett f’intestatura partikolari jkopri dan l-oġġett anki jekk mhux komplut jew mhux mitmum, bil-kundizzjoni li jkollu, f’dan l-istat, il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut jew mitmum, u, fit-tieni parti tiegħu, li tali riferiment ikopri wkoll l-oġġett komplut jew mitmum, jew li għandu jitqies bħala tali skont id-dispożizzjonijiet preċedenti, meta jiġi ppreżentat fl-istat żarmat jew mhux immuntat.

6

Ir-regola ġenerali 3 għall-interpretazzjoni tas-SA tipprovdi:

“Meta permezz tal-applikazzjoni tar-Regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

[…]

b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati b’referenza għal Regola 3(a), għandhom ikunu kklassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

[…]”[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Il-punti I, V VI tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar ir-regola ġenerali 2(a) jindikaw:

“I)

L-ewwel parti tar-Regola 2(a) twessa’ l-portata tal-intestaturi li jirreferu għal oġġett speċifiku, b’mod li tkopri mhux biss l-oġġett komplut iżda wkoll l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, bil-kundizzjoni li għandu, f’dan l-istat, il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut jew mitmum.

[…]

V)

It-tieni parti tar-Regola 2(a) tikklassifika, fl-istess pożizzjoni bħall-oġġett immuntat, l-oġġett komplut jew mitmum li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat. L-oġġetti li jinsabu f’dan l-istat huma hekk fuq kollox għal raġunijiet bħalma huma l-ħtiġijiet jew il-konvenjenza tal-ippakkjar, tat-tqandil jew tat-trasport.

VI)

Din ir-Regola ta’ klassifikazzjoni tapplika wkoll għall-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum li jinsab fl-istat żarmat jew mhux immuntat mill-mument meta huwa kkunsidrat bħala komplut jew mitmum skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel parti tar-Regola.

[…]”[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Il-punt X tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar ir-regola ġenerali 3(b) jistabbilixxi:

Għall-finijniet ta’ din ir-regola, l-oġġetti li jissodisfaw simultanjament is-segwenti kundizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala “ippreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’assortimenti kkundizzjonati”:

a)

jikkonsistu f’mill-inqas żewġ oġġetti differenti li huma, prima facie, klassifikabbli taħt intestaturi differenti; […]

[…]”[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

It-tielet paragrafu tan-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4412 tas-SA jistabbilixxi:

“Il-prodotti ta’ din l-intestatura jibqgħu kklassifikati hawnhekk, kemm jekk kienu maħduma kif ukoll jekk le sabiex jinkisbu l-profili aċċettati għall-injam tan-Nru 44.09, mgħawweġ, immewġa, imtaqqba, maqtugħin jew miksuba f’forom oħra għajr kwadri jew rettangolari, u irrispettivament minn jekk humiex maħduma jew le, miksijin jew mgħottijin (pereżempju, drapp, materjal plastiku, żebgħa, karta jew metall) jew suġġetti għal kull xogħol ieħor, sakemm dawn ix-xogħlijiet ma jagħtuhomx in-natura essenzjali ta’ oġġetti ta’ intestaturi oħra.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

In‑NM

10

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Hija tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt numri tas-SA, iżda s-seba’ u t-tmien numru joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

11

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompluta tan-NM, flimkien mar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazju tat-tariffa doganali komuni u relatati, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mill‑31 ta’ Ottubru fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

12

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-NM applikabbli fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1001/2013.

13

Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fl-ewwel parti tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

L-intestaturi tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

(a) Kwalunkwe referenza f’intestatura għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew mitmum. […]

[…]”

14

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi Taqsima IX, intitolata “Injam, faħam tal-injam u oġġetti tal-injam; sufra u oġġetti tas-sufra; manifatturi ta’ tiben, ta’ spartu jew ta’ materjali oħrajn tat-trizza; xogħol tal-qfief u xogħol tal-qasab”, li fiha jinsab il-Kapitolu 44, intitolat “Injam, faħam tal-injam u oġġetti tal-injam”, li n-nota 4 tiegħu tistabbilixxi:

“Prodotti tal-intestaturi 4410, 4411 jew 4412 jistgħu jinħadmu biex jiffurmaw is-suriet stipulati skont l-oġġetti tal-intestatura 4409, mgħawġin, immewġin, imtaqqbin, maqtugħin jew iffurmati f’suriet ħlief kwadri jew rettangulari jew imqegħdin għal xi operazzjoni oħra, sakemm din ma ttihomx il-karattru ta’ oġġetti ta’ intestaturi oħrajn.”

15

It-tabella tad-dazji ta’ dan il-Kapitolu 44, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien fiha l-intestaturi li ġejjin:

“Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali tad-dazju (%)

Unità Supplimentari

4411

Bord tal-fibri ta’ injam jew materjali oħrajn għudin, magħqudin bir-rażi jew b’sustanzi organiċi oħrajn jew le:

 

 

 

– Bord tal-fibri ta’ densità medja (MDF):

 

 

[…]

 

 

 

4411 13

– – Ta’ ħxuna li taqbeż il-5 mm iżda ma taqbiżx id-9 mm:

 

 

4411 13 10

– – – Mhux maħdum jew bil-wiċċ miksi b’mezzi mekkaniċi

7

m3

4411 13 90

– – –oħrajn

7

m3

4411 14

– – Ta’ ħxuna li taqbeż id-9 mm:

 

 

4411 14 10

– – – Mhux maħdum jew bil-wiċċ miksi b’mezzi mekkaniċi

7

m3

4411 14 90

– – –oħrajn

7

m3

[…]

 

 

 

4412

Triplaj, pannelli miksijin bil-fuljetta u injam laminat bħalhom:

 

 

4412 10 00

Tal-bambù

10

m3

 

–Injam ieħor, Plajwud magħmul biss minn folji tal-injam (minbarra l-bambu’), b’kull folja ma taqbiżx il-ħxuna ta’ 6 mm:

 

 

[…]

 

 

 

4412 99

— oħrajn

 

 

[…]

 

 

 

4412 99 85

– – – –oħrajn

10

m3

[…]

 

 

 

4418

Xogħol tal-injam għal bennejja, inklużi pannelli tal-injam ċellulari, pannelli mmuntati għall-paviment, shingles u shakes:

 

 

[…]

 

 

 

4418 20

– – Bibien u ċ-ċaċċiż u s-sollijiet tagħhom:

 

 

[…]

 

 

 

4418 20 50

– – koniferi

Bla ħlas

p/st*

*Bieb jew tieqa biċ-ċaċċiż, bil-gwarniċ [xambrella] jew bis-soll jew mingħajrhom jitqiesu bħala biċċa waħda.”

16

Skont in-noti ta’ spjega tas-subintestaturi 44182010 sa 44182080 tan-NM:

“Dawn is-subtitli jinkludu pannelli ta’ l-injam solidu maqtugħ f’partijiet ħoxnin sakemm dawn ikunu maħdumin aktar sa punt li jidentifikahom esklussivament għal użu bħala bibien (eż., permezz tal-qtiegħ ta’ partijiet għal mankijiet, lukketti jew ċappetti). Dawn is-subtitli ma jinkludux pannelli mhux maħdumin, ġieli magħrufin bħala “pjanċi solidi fiċ-ċentru”, anki jekk it-truf tagħhom huma maqtugħin irqiq (titlu 4412).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Fit‑23 ta’ Settembru 2014, Prodex iddikjarat, għall-finijiet tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tagħha, merkanzija ppreżentata bħala bibien interni tal-injam tal-coniferi biċ-ċaċċiżi, xambrelli u sollijiet tagħhom, taħt il-kodiċi NM 44182050, b’rata ta’ dazju ta’ importazzjoni ta’ 0 %.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2015, l-awtorità fiskali kkonstatat li l-merkanzija inkwistjoni, fil-mument tal-importazzjoni tagħha, ma kellhiex il-karatteristiċi ta’ unità sħiħa ta’ bejgħ bl-imnut, identifikabbli b’mod ċar bħala unità unika. Minn dan, din l-awtorità ddeduċiet li din il-merkanzija ma setgħetx tiġi kklassifikata fis-subintestatura 441820 tan-NM u li, għaldaqstant, hija kellha tiġi kklassifikata separatament fis-subintestaturi 44111390 u 44111490 tan-NM bħala “[b]ord tal-fibri ta’ densità medja (MDF)”, b’rata ta’ 7 % tad-dazji fuq l-importazzjoni, u fis-subintestatura 44129985 bħala “Triplaj, pannelli miksijin bil-fuljetta u injam laminat bħalhom”, b’rata ta’ dazji ta’ importazzjoni ta’ 10 %.

19

Prodex ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti amministrattiva. L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat fl-appell. Prodex għalhekk ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

20

Sabiex tiddeċiedi l-kawża li, skont din il-qorti, tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-merkanzija importata inkwistjoni hijiex bibien jew pannelli tal-injam, hija tqis neċessarju, fl-ewwel lok, li tiġi ddeterminata l-portata tas-subintestatura 441820 tan-NM. Hija tirrileva f’dan ir-rigward li n-nota ta’ qiegħ il-paġna dwar din is-subintestatura ma tippreċiżax jekk ċaċċiż, xambrella jew soll ippreżentat mingħajr bieb jistax ukoll jiġi kklassifikat taħt din is-subintestatura.

21

Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata li, skont Prodex, l-intestatura 4418 tan-NM tkopri mhux biss unità sħiħa li tinkludi bieb maċ-ċaċċiż tagħha, max-xambrella tagħha u mas-soll tagħha, iżda wkoll kull wieħed minn dawn l-oġġetti meħuda separatament, bħala oġġett lest, filwaqt li l-awtorità fiskali ssostni, billi tibbaża ruħha fuq rakkomandazzjoni tal-OMD, li l-merkanzija inkwistjoni, li hija ddeskriviet bħala gwarniċi u ċrieket, ma tistax tiġi kklassifikata fl-intestatura 4418, peress li ma ġietx ippreżentata taħt il-forma ta’ assortiment ta’ oġġetti mhux immuntati għall-bejgħ bl-imnut.

22

Din il-qorti tqis għalhekk li huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-karatteristiċi essenzjali, fis-sens tal-ewwel parti tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, li għandu jkollhom l-merkanzija inkwistjoni sabiex jitqiesu bħala ċaċċiż, xambrella jew soll ta’ bieb u jistgħu jiġu kklassifikati fis-subintestatura 441820 tan-NM. Hija tirrileva, minn naħa, li għalkemm il-merkanzija importata minn Prodex tista’ tidher, prima facie, bħala sempliċi gwarniċi u ċrieket, il-karatteristiċi ta’ din il-merkanzija madankollu għandhom it-tendenza li jagħmluhom utilizzabbli biss u esklużivament bħala elementi ta’ bieb u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità fiskali, minkejja li rrifjutat li tikklassifika din il-merkanzija bħala komponenti ta’ bibien, qisithom bħala gwarniċi intiżi għall-manifattura ta’ bibien u mhux ma’ prodotti ġeneriċi nofshom lesti tal-injam. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li t-tipi ta’ bibien tal-injam li issa jintużaw ma jeħtiġux iktar xogħol speċifiku importanti daqs qabel, sabiex ir-rabta diretta tagħhom ma’ bieb finali tkun perċettibbli b’mod ċar fuq il-livell viżiv, u li jeżistu tekniċi sempliċi sabiex jiġu mmuntati l-komponenti differenti li ma jeħtiġux rabtiet speċifiċi.

23

Fir-rigward tar-regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-awtorità fiskali u l-qorti tal-ewwel istanza bbażaw ruħhom fuq it-tieni parti ta’ din ir-regola, dwar l-oġġetti żarmati jew mhux immuntati, filwaqt li Prodex issostni li hija l-ewwel parti tal-imsemmija regola, li tikkonċerna l-oġġetti mhux kompluti jew mhux mitmuma, li għandha tapplika għall-merkanzija inkwistjoni.

24

Il-Qorti tar-rinviju tosserva li għalkemm l-ewwel parti tar-Regola Ġenerali 2(a) hija interpretata fis-sens li l-livell ta’ finitura meħtieġ tal-merkanzija huwa tali li l-unika azzjoni li għad trid titwettaq, sabiex din il-merkanzija tiġi assimilata ma’ oġġett finali, hija l-assemblaġġ, bl-ebda mod ma huwa ċert li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-merkanzija inkwistjoni. Madankollu, din il-qorti tenfasizza li tali interpretazzjoni ma tistax tiġi eskluża, fid-dawl tal-inċertezza dwar il-koerenza ta’ din ir-regola ġenerali man-noti tal-kapitoli u ċerti noti ta’ spjega dwar il-merkanzija inkwistjoni.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li s-subintestatura 441820 tan-Nomenklatura Magħquda tista’ tinkludi ċaċċiżi tal-bibien, xambrelli tal-bibien u sollijiet bħala artikli separati?

2)

Fid-dawl tal-ewwel sentenza tar-Regola 2(a) tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni tan-[NM] […], is-subintestatura 441820 tan-Nomenklatura Magħquda tista’ tinkludi wkoll ċaċċiżi tal-bibien, xambrelli tal-bibien, borduri tal-bibien u sollijiet mhux lesti, sakemm dawn ikollhom il-karatteristiċi essenzjali ta’ ċaċċiżi tal-bibien, ta’ xambrelli tal-bibien u ta’ sollijiet kompluti u lesti?

3)

Il-pannelli u l-gwarniċi tal-injam inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-profil u l-finitura dekorattiva tagħhom oġġettivament jindikaw li dawn huma intiżi li jintużaw fil-manifattura ta’ bibien, ta’ ċaċċiżi tal-bibien, ta’ xambrelli tal-bibien u ta’ sollijiet, iżda li, qabel l-immuntar tal-bieb, għandhom jinqatgħu sabiex jiġu adattati għat-tul tiegħu u li fuqhom għandhom jiġu inklużi postijiet għall-qfieli u, jekk ikun il-każ, postijiet għaċ-ċappetti u għas-serraturi, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 441820 jew, skont il-karatteristiċi tal-pannelli jew tal-gwarniċi kkonċernati, fl-intestaturi 4411 u 4412 tan-Nomenklatura Magħquda?”

Fuq id‑domandi preliminari

26

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 441820 tan-NM, moqrija flimkien mal-ewwel parti tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri, bħala oġġetti distinti, merkanzija deskritta bħala li hija pannelli u gwarniċi tal-injam, li l-profil u l-finitura dekorattiva tagħha jindikaw oġġettivament li huma intiżi għall-manifattura ta’ ċaċċiżi, ta’ xambrelli u ta’ sollijiet ta’ bibien, mhux kompluti jew mhux lesti.

27

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli li tikklassifikahija stess din il-klassifikazzjoni. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha, tal-merkanzija inkwistjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Frar 2020, Gardinia Home Decor, C‑670/19, EU:C:2020:117, punti 3539 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont ir-regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli. L-użu intiż tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan huwa inerenti għal dan il-prodott, u din in-natura inerenti għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Flavourstream, C‑822/19, EU:C:2021:444, punt 34, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2021, KAHL u Roeper, C‑197/20 u C‑216/20, EU:C:2021:892, punt 31).

29

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, għalkemm in-noti ta’ spjega, minn naħa, tas-SA, u min-naħa l-oħra, tan-NM ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-oġġetti li jsir riferiment għalihom fis-subintestatura 441820 tan-NM jistgħux jiġu kklassifikati f’din is-subintestatura bħala oġġetti distinti, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li xejn fil-formulazzjoni ta’ din is-subintestatura ma jimponi li, għal dan il-għan, il-bibien u ċ-ċaċċiżi tagħhom, ix-xambrelli u s-sollijiet jiġu ppreżentati fil-forma ta’ assortimenti għall-bejgħ bl-imnut.

31

It-tieni, jista’ jiġi dedott min-nota ta’ qiegħ il-paġna dwar is-subintestatura 44182050 tan-NM — li tippreċiża li bieb, kemm jekk ikun akkumpanjat jew le miċ-ċaċċiż tiegħu, xambrella tiegħu jew soll tiegħu, “għandu jiġi kkunsidrat bħala parti” — li ċaċċiż, xambrella jew soll li ma jakkumpanjax bieb għandu wkoll jitqies li huwa parti distinta, li tista’ tiġi kklassifikata bħala tali f’din is-subintestatura.

32

It-tielet, il-punti 1 u 2 tal-Parti A tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda tal-oġġetti ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut f’assortimenti (ĠU 2013, C 105, p. 1) ifakkru li, skont ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tas-SA, moqrija fid-dawl tal-punt X tan-nota ta’ spjega ta’ din ir-regola, l-ewwel kundizzjoni sabiex merkanzija differenti titqies bħala ppreżentata f’assortimenti kkundizzjonati għall-bejgħ bl-imnut hija marbuta ma’ din il-merkanzija li taqa’ taħt intestaturi differenti jew taħt subintestaturi differenti tal-istess intestatura.

33

Issa, il-bibien u ċ-ċaċċiżi tagħhom, xambrelli u sollijiet jaqgħu kollha taħt is-subintestatura 441820, b’tali mod li, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala merkanzija ppreżentata għall-bejgħ bl-imnut f’assortimenti kkundizzjonati u għalhekk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala merkanzija distinta, fir-rigward ta’ din is-subintestatura.

34

Minn dan isegwi li s-subintestatura 441820 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri ċaċċiż, xambrella u soll ta’ bieb, bħala oġġetti kkunsidrati individwalment.

35

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, fis-sens tal-ewwel parti tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, li l-formulazzjoni tagħha tikkoinċidi ma’ dik tar-regola ġenerali 2(a), l-ewwel parti, għall-interpretazzjoni tas-SA, tistax taqa’ taħt is-subintestatura 441820, għandu jitfakkar li, skont din ir-regola, kull riferiment għal oġġett f’intestatura tariffarja partikolari jkopri dan l-artikolu anki mhux komplut jew mhux mitmum, bil-kundizzjoni li jkollu, fl-istat oriġinali tiegħu, il-karatteristiċi essenzjali ta’ oġġett komplut jew mitmum. Kif jippreċiża l-punt I tan-nota ta’ spjega dwar ir-regola ġenerali 2(a) tas-SA, l-ewwel parti tal-imsemmija regola testendi għalhekk il-portata tal-intestaturi li jagħmlu riferiment għal oġġett partikolari.

36

Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar din is-subintestatura jippreċiżaw, bħala eżempju, li jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-imsemmija subintestatura l-pannelli tal-injam, sakemm ikunu għaddew minn xogħlijiet li jagħmluhom esklużivament utilizzabbli bħala bibien (pereżempju, qtiegħ ta’ partijiet għal mankijiet jew ċappetti), filwaqt li l-pannelli mhux maħduma msejħa “pjanċi solidi fiċ-ċentru” għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 4412.

37

Min-naħa l-oħra, in-Nota 4, dwar il-Kapitolu 44 tan-NM, moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tan-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 4412, tindika li jistgħu jiġu kklassifikati fl-intestatura 4412 tan-NM, bħala “[t]riplaj, pannelli miksijin bil-fuljetta u injam laminat bħalhom”, l-oġġetti li ġew suġġetti għal xogħol, sakemm din il-ħidma ma tagħtihomx in-natura essenzjali ta’ oġġetti ta’ intestaturi oħra.

38

Minn dan jirriżulta li, indipendentement minn eventwali xogħlijiet addizzjonali, bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda preliminari tagħha, il-merkanzija inkwistjoni, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata fis-subintestatura 441820 tan-NM, bħala oġġetti inkompleti jew mhux lesti, iżda li għandhom, f’dan l-istat, il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġetti li jaqgħu taħt din is-subintestatura, fis-sens tal-ewwel parti tar-Regola Ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, għandhom ikunu għaddew minn xogħlijiet li jagħmluhom esklużivament utilizzabbli bħala bibien, ċaċċiżi, xambrelli u sollijiet ta’ bibien.

39

Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ xogħlijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li din il-merkanzija hija intiża sabiex tintuża’ esklużivament bħala bibien u ċaċċiżi, xambrella u sollijiet l-imsemmija merkanzija ma tistax tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 441820 u, jekk ikun il-każ, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestaturi 4411 u 4412 tan-NM, bħala pannelli tal-fibri tal-injam jew triplaj, pannelli miksijin bil-fuljetta u injam laminat bħalhom.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li s-subintestatura 441820 tan-NM, moqrija flimkien mal-ewwel parti tar-regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni tan-NM, għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri, bħala oġġetti distinti, merkanzija deskritta bħala pannelli u gwarniċi tal-injam, li l-profil u l-finitura dekorattiva tagħha jindikaw oġġettivament li huma intiżi għall-manifattura ta’ ċaċċiżi, ta’ xambrelli u ta’ sollijiet ta’ bibien, anki jekk inkompluti jew mhux lesti, bil-kundizzjoni li din il-merkanzija subiet xogħlijiet li jrenduha esklużivament utilizzabbli bħala tali u li tippreżenta b’hekk il-karatteristiċi sostanzjali ta’ oġġetti lesti.

Dwar l‑ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Is-subintestatura 441820 tan-Nomenklatura Magħquda, moqrija flimkien mal-ewwel parti tar-regola ġenerali 2(a) għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri, bħala oġġetti distinti, merkanzija deskritta bħala pannelli u gwarniċi tal-injam, li l-profil u l-finitura dekorattiva tagħha jindikaw oġġettivament li huma intiżi għall-manifattura ta’ ċaċċiżi, ta’ xambrelli u ta’ sollijiet ta’bibien, anki jekk inkompluti jew mhux lesti, bil-kundizzjoni li din il-merkanzija subiet xogħlijiet li jrenduha esklużivament utilizzabbli bħala tali u li tippreżenta b’hekk il-karatteristiċi sostanzjali ta’ oġġetti lesti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.