SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Ugwaljanza fit-trattament – Sistema nazzjonali ta’ rikonoxximent tal-karriera professjonali tal-professjonisti tas-saħħa – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba fi ħdan id-dipartimenti tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor – Ostakolu”

Fil-Kawża C‑86/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑u‑León, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

Gerencia Regional de Salud de Castilla y León

vs

Delia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn I. Ziemele, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gerencia Regional de Salud de Castilla y León, minn D. Vélez Berzosa, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Sinjura Delia u d-Direttur Ġenerali tal-Gerencia Regional de Salud de Castilla y León (id-Direttorat Reġjonali tas-Saħħa ta’ Castilla‑u‑León, Spanja), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba mill-persuna kkonċernata fil-Portugall, għall-finijiet tal-kalkolu tal-anzjanità tagħha fil-kuntest tar-rikonoxximent tal-karriera professjonali tagħha.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 492/2011 huwa intitolat “L-Impjieg, l-Ugwaljanza fit-Trattament u l-Familji tal-Ħaddiema”. L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

Id‑dritt Spanjol

4

L-Artikolu 44 tal-Ley 14/1986, General de Sanidad (il-Liġi Ġenerali 14/1986, dwar is-Saħħa), tal‑25 ta’ April 1986 (BOE Nru 102, tad‑29 ta’ April 1986, p. 15207), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jiddefinixxi s-sistema nazzjonali tas-saħħa kif ġej:

“1.   L-istrutturi kollha u s-servizzi pubbliċi kollha għas-servizz tas-saħħa jaqgħu taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa.

2.   Is-sistema nazzjonali tas-saħħa hija kkostitwita mid-dipartimenti tas-saħħa kollha tal-amministrazzjoni nazzjonali u minn dawk tal-komunitajiet awtonomi skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

5

Ir-Real Decreto 184/2015, por el que se regula el Catálogo homogéneo de equivalencias de las categorías profesionales del personal estatutario de los servicios de salud y el procedimiento de su actualización de la zone conclusion (id-Digriet Irjali Nru 184/2015, li jistabbilixxi l-katalogu omoġenu tal-ekwivalenzi tal-kategoriji professjonali tal-persunal statutorju tad-dipartimenti tas-saħħa kif ukoll l-aġġornament tagħhom), tat‑13 ta’ Marzu 2015 (BOE Nru 83, tas‑7 ta’ April 2015, p. 29447), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi grilja ta’ ekwivalenzi ta’ kategoriji professjonali li tippermetti lill-persunal statutorju jaċċedi għal pożizzjonijiet vakanti f’dipartimenti oħra tas-saħħa, u b’dan il-mod ittejjeb il-kwalità tal-kura u tiżgura b’mod effettiv il-mobbiltà tagħhom fis-sistema nazzjonali tas-saħħa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 tal-Ley 16/2003, de cohesión y calidad del Sistema Nacional de Salud (il-Liġi 16/2003, dwar il-koeżjoni u l-kwalità tas-sistema nazzjonali tas-saħħa), tat‑28 ta’ Mejju 2003 (BOE Nru 128, tad‑29 ta’ Mejju 2003, p. 20567), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

6

L-Artikolu 37 tal-Ley 44/2003, de ordenación de las profesiones sanitarias (il-Liġi 44/2003, dwar l-organizzazzjoni tal-professjonijiet tas-saħħa), tal‑21 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 280, tat‑22 ta’ Novembru 2003, p. 41442), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 44/2003”), li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-karriera professjonali, jipprevedi:

“1.   Is-sistema ta’ rikonoxximent tal-karriera professjonali tal-professjonisti tas-saħħa msemmija fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din il-liġi hija stabbilita. Din is-sistema tikkonsisti fir-rikonoxximent b’mod pubbliku, espliċitu u individwalizzat, tal-livell ta’ karriera professjonali milħuq minn professjonist tas-saħħa f’termini ta’ konoxxenzi, ta’ esperjenza fl-attivitajiet ta’ kura, ta’ tagħlim u ta’ riċerka kif ukoll ta’ twettiq tal-għanijiet ta’ kura u ta’ riċerka fl-organizzazzjoni fejn dan il-professjonist jipprovdi s-servizzi tiegħu.

[...]

3.   Il-professjonisti li huma stabbiliti jew li jipprovdu s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali jistgħu jaċċedu volontarjament għall-imsemmija sistema.”

7

L-Artikolu 38 tal-Liġi 44/2003 jirregola ċerti prinċipji ġenerali dwar ir-rikonoxximent tal-karriera professjonali kif ġej:

“1.   L-amministrazzjonijiet tas-saħħa għandhom jirregolaw, għaċ-ċentri u stabbilimenti tagħhom stess, ir-rikonoxximent tal-karriera professjonali, filwaqt li josservaw il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

[...]

b)

Il-kisba tal-ewwel grad u l-aċċess għall-gradi superjuri jeħtieġu evalwazzjoni favorevoli tal-merti tal-persuna kkonċernata, fid-dawl tal-konoxxenzi tagħha, il-kompetenzi tagħha, it-taħriġ kontinwu tagħha, kif ukoll l-attivitajiet tagħha ta’ tagħlim u ta’ riċerka. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ir-riżultati tal-attività ta’ kura tal-persuna kkonċernata, il-kwalità ta’ din tal-aħħar u l-osservanza tal-indikaturi stabbiliti għal dan il-għan, kif ukoll l-involviment tagħha fil-ġestjoni klinika, iddefinita fl-Artikolu 10 tal-Liġi 44/2003.

[...]”

8

Fir-rigward tal-Comunidad Autónoma de Castilla y León (il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla‑u‑León, Spanja), is-sistema applikabbli hija prevista fid-Decreto 43/2009, por el que se regula la carrera profesional del personal estatutario de los centros e instituciones sanitarias del Servicio de Salud de Castilla y León (id-Digriet 43/2009, li jirregola l-karriera professjonali tal-persunal statutorju taċ-ċentri u tal-istabbilimenti tas-saħħa tad-dipartiment tas-saħħa ta’ Castilla‑u‑León), tat‑2 ta’ Lulju 2009 (BOCYL Nru 125, tat‑3 ta’ Lulju 2009, p. 20084), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet 43/2009”), li jipprevedi, fl-Artikolu 6 tiegħu:

“1.   Ir-rikonoxximent tal-karriera professjonali fi ħdan id-dipartiment tas-saħħa ta’ Castilla‑u‑León isir skont erba’ gradi.

2.   Il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex persuna tikseb l-ewwel grad jew għall-aċċess għal kull grad ogħla huma dawn li ġejjin:

a)

ikollha l-kwalità ta’ membru tal-persunal statutorju permanenti, fil-kategorija professjonali li fiha l-kandidat jitlob l-aċċess għall-ewwel grad jew għall-gradi ogħla tal-kategorija ta’ karriera professjonali kkonċernata u teżerċita l-funzjonijiet tagħha fi ħdan id-dipartiment tas-saħħa ta’ Castilla‑u‑León;

b)

tippreżenta l-applikazzjoni intiża għall-ksib tal-ewwel grad tal-karriera professjonali jew sabiex taċċedi għal kull grad ogħla, fit-terminu stabbilit u skont il-kategoriji stabbiliti fis-sejħiet għal applikazzjonijiet korrispondenti;

c)

tagħti prova tan-numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali, fid-data ta’ kull sejħa għal applikazzjonijiet, bħala membru tal-persunal statutorju taċ-ċentri u tal-istabbilimenti tas-saħħa li jaqgħu taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa, prevista f’kull waħda mill-kategoriji ta’ karriera professjonali għall-kisba tal-ewwel grad, kif ukoll in-numru ta’ snin previst għall-aċċess għall-gradi ogħla, skont l-iskala li ġejja:

i.

sabiex jinkiseb l-ewwel grad, huwa neċessarju li tingħata prova ta’ ħames snin ta’ esperjenza professjonali bħala membru tal-persunal statutorju mas-sistema nazzjonali tas-saħħa, fl-istess kategorija professjonali bħal dik li minnha l-kandidat jippreżenta l-applikazzjoni għal aċċess għall-kategorija ta’ karriera professjonali kkonċernata.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

9

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2017, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Reġjonali tas-Saħħa ta’ Castilla‑u‑León fetaħ għall-persunal mhux permanenti ingaġġat fit-tul il-proċedura ordinarja ta’ selezzjoni, kif ukoll il-perijodu ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet korrispondenti, sabiex jaċċedi għall-ewwel grad tas-sistema ta’ rikonoxximent tal-karriera professjonali għas-sena 2010. It-talba għal aċċess għal dan l-ewwel grad setgħet titressaq biss mill-membri tal-persunal mhux permanenti ingaġġati fit-tul li kellhom esperjenza professjonali ta’ ħames snin bħala membru tal-persunal statutorju u/jew membri tal-persunal mhux statutorju tas-saħħa mad-dipartiment tas-saħħa ta’ Castilla‑u‑León, fl-istess kategorija professjonali bħal dik li minnha l-kandidat jitlob l-aċċess għall-kategorija ta’ karriera professjonali kkonċernata. Fost il-kategoriji ta’ persunal statutorju tas-saħħa elenkati fl-Anness 1 ta’ din id-deċiżjoni hemm dik ta’ “Infirmier/infermiera”.

10

Fis‑26 ta’ Ottubru 2017, is-Sinjura Delia ppreżentat il-kandidatura tagħha f’din il-kategorija, filwaqt li sostniet li, fil‑31 ta’ Diċembru 2010, hija kienet wettqet għaxar snin u tliet xhur ta’ servizzi f’din il-kategorija professjonali. Fost dawn is-servizzi jinsabu dawk ipprovduti matul il-perijodu bejn l‑20 ta’ Novembru 2000 u l‑25 ta’ Lulju 2007 fl-isptar Santa María ta’ Lisbona (il-Portugall).

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2019, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Reġjonali tas-Saħħa ta’ Castilla‑u‑León ammetta li s-snin ta’ esperjenza professjonali mwettqa fil-kuntest tas-sistema tas-saħħa Spanjola jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-ħames snin ta’ esperjenza professjonali meħtieġa. Min-naħa l-oħra, huwa rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu kienu ġew ipprovduti servizzi mill-persuna kkonċernata fil-Portugall, minħabba li s-sistema ta’ rikonoxximent tal-karriera professjonali stabbilita mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla‑u‑León ma kinitx tipprevedi dan.

12

Madankollu, dan il-perijodu ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin lill-persunal temporanju statutorju.

13

Is-Sinjura Delia ppreżentat rikors amministrattiv kontenzjuż kontra d-deċiżjonijiet tas‑6 ta’ Ottubru 2017 u tal‑25 ta’ Frar 2019, sabiex il-perijodu li matulu l-imsemmija servizzi kienu pprovduti fi ħdan is-sistema nazzjonali tas-saħħa Portugiża jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-anzjanità tagħha fil-kuntest tar-rikonoxximent tal-karriera professjonali tagħha.

14

Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2019, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 3 de Valladolid (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 3 ta’ Valladolid, Spanja) laqgħet dan ir-rikors. Il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla‑u‑León għalhekk appellat minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑u‑León, Spanja), il-qorti tar-rinviju.

15

Skont dik il-qorti, jista’ jitqies li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tista’ titqies li hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet indipendenti min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, iġġustifikata mill-istruttura u mill-prinċipji ta’ organizzazzjoni tas-sistema nazzjonali tas-saħħa kif ukoll mill-għanijiet speċifiċi tal-organizzazzjoni li fiha jiġu pprovduti s-servizzi tas-saħħa, u bħala proporzjonata għal dawn l-għanijiet, u li t-trattament iddifferenzjat jista’ barra minn hekk jiġi ġġustifikat mill-assenza ta’ kriterji ta’ approvazzjoni bejn id-diversi sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla‑u‑León) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 492/2011], jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 6(2)(c) tad-Digriet [Nru 43/2009], li timpedixxi r-rikonoxximent tas-servizzi pprovduti f’kategorija professjonali speċifika f’Servizz Pubbliku tas-Saħħa ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ir-rikonoxximent tas-servizzi pprovduti fis-Sistema Pubblika tas-Saħħa ta’ Stat Memru jista’ jkun suġġett għall-approvazzjoni minn qabel ta’ kriterji ġenerali ta’ omologazzjoni tas-sistemi ta’ karriera professjonali tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa tal-Istati Membri tal-Unjoni [Ewropea]?”

Fuq id‑domandi preliminari

17

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tal-karriera professjonali fi ħdan id-dipartiment tas-saħħa ta’ Stat Membru li tipprekludi li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-anzjanità ta’ ħaddiem, l-esperjenza professjonali miksuba minn dan tal-aħħar ma’ dipartiment pubbliku tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, dik il-qorti tistaqsi jekk l-assenza, fuq il-livell tal-Unjoni, ta’ sistema ta’ approvazzjoni minn qabel ta’ kriterji ġenerali ta’ omologazzjoni tal-karrieri tal-persunal tas-servizzi tas-saħħa bejn id-diversi Stati Membri hijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

18

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 168(7) TFUE, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jadottaw dispożizzjonijiet maħsuba biex jiġu organizzati d-dipartimenti tas-saħħa tagħhom. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE rigward il-libertajiet fundamentali li jinkludu l-projbizzjoni għall-Istati Membri milli jintroduċu jew iżommu fis-seħħ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fis-settur tal-kura tas-saħħa (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Simma Federspiel, C‑419/16, EU:C:2017:997, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu li matulu ġew ipprovduti servizzi mill-ħaddiem ikkonċernat f’dipartiment pubbliku tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor, sabiex dan il-ħaddiem ikollu aċċess għal grad fil-kuntest tar-rikonoxximent tal-karriera professjonali tiegħu.

20

Madankollu, skont id-Direttorat Reġjonali tas-Saħħa ta’ Castilla‑u‑León, huma esklużi mill-kalkolu tal-anzjanità mhux biss il-perijodi ta’ attività mwettqa fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, iżda wkoll dawk imwettqa fi Spanja fi ħdan stabbilimenti tas-saħħa li ma humiex integrati b’mod funzjonali u organiku fid-dipartiment tas-saħħa Spanjol. Għaldaqstant, l-ebda ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ma jiġi ttrattat b’mod differenti minn ħaddiem Spanjol fil-qasam tal-karriera professjonali. Din il-leġiżlazzjoni ma tipprekludix lill-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni milli jaċċedu għall-kategorija professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ma hijiex diskriminatorja fir-rigward tagħhom sa fejn hija tapplika wkoll għall-ħaddiema Spanjoli.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, A, C‑716/17, EU:C:2019:598, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ipprojbit mill-Artikolu 45(1) TFUE.

23

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu jew jiddisswadu lil ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru milli jħalli l-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq din il-libertà, anki jekk japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, A, C‑716/17, EU:C:2019:598, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, l-Artikolu 45 TFUE għandu bħala għan b’mod partikolari li jiġi evitat li ħaddiem li, filwaqt li jkun għamel użu mid-dritt tiegħu għal moviment liberu, ikun ħadem f’impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed jiġi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ittrattat b’mod inqas favorevoli minn dak li jkun wettaq il-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, CAF, C‑27/20, EU:C:2021:383, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fil-fatt, il-moviment liberu tal-persuni ma jintlaħaqx kompletament jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni lil dawk iċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu għamlu użu mill-faċilitajiet previsti fid-dritt tal-Unjoni u li jkunu kisbu, bis-saħħa ta’ dawn il-faċilitajiet, kwalifiki professjonali fi Stat Membru differenti minn dak li huma ċittadini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti kollha ta’ attività ekwivalenti li twettqu fi Stat Membru differenti minn dak ta’ oriġini tal-ħaddiem migrant tista’ tirrendi inqas attraenti l-moviment liberu tal-ħaddiema, bi ksur tal-Artikolu 45(1) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba mill-kandidat għall-karriera professjonali fid-dipartimenti tas-saħħa Spanjoli, fl-istess kategorija professjonali bħal dik li minnha dan jitlob l-aċċess għall-kategorija ta’ karriera professjonali kkonċernat, tista’ tiddisswadi lil ħaddiem milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu previst fl-Artikolu 45 TFUE. Tali ħaddiem ikun skoraġġut milli jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex imur jaħdem jew jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor, jekk dan iċaħħdu mill-possibbiltà li l-esperjenza professjonali tiegħu miksuba f’dan l-Istat Membru l-ieħor tittieħed inkunsiderazzjoni.

28

B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-ħaddiema migranti Spanjoli li għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw, fil-kategorija professjonali “Infirmier/infermiera”, fi stabbiliment jew ċentru tas-saħħa li jinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, jiġu dissważi milli jagħmlu dan jekk l-esperjenza professjonali ekwivalenti li jkunu kisbu hemmhekk ma titteħidx inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-karriera professjonali tagħhom mar-ritorn tagħhom fi Spanja.

29

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jistabbilixxi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. Din id-dispożizzjoni hija espressa f’termini konkreti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jispeċifika li ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru għandu jgawdi, fit-territorju tal-Istati Membri oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 32).

30

Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom indiretti kollha ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, minkejja li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta, min-natura tagħha stess, tista’ taffettwa iktar lill-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali u għandna mnejn, għaldaqstant, tqiegħed fi żvantaġġ b’mod iktar partikolari lil dawk tal-ewwel, sakemm din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tqiegħed fi żvantaġġ biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra bl-esklużjoni taċ-ċittadini nazzjonali (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, billi tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba minn ħaddiem migrant fi ħdan dipartimenti tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha mnejn taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti mill-ħaddiema nazzjonali billi tqiegħed fi żvantaġġ b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel sa fejn dawn wisq probabbli jkunu kisbu esperjenza professjonali fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja qabel daħlu fid-dipartimenti tas-saħħa ta’ dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar. Għalhekk, ħaddiem migrant li jkun kiseb ma’ persuni li jimpjegaw stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, esperjenza professjonali rilevanti u daqstant twila daqs dik miksuba minn ħaddiem li jkun kompla l-karriera tiegħu mad-dipartimenti tas-saħħa Spanjoli korrispondenti jitqiegħed fi żvantaġġ minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-esperjenza professjonali, sabiex dan il-ħaddiem jaċċedi għal grad fil-kuntest tar-rikonoxximent tal-karriera professjonali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 28).

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011.

35

Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, miżuri nazzjonali li għandhom mnejn ifixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jistgħu jiġu ammessi biss bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu xierqa sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l-għan tagħhom, u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan jintlaħaq (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Simma Federspiel, C‑419/16, EU:C:2017:997, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni dwar liema għanijiet effettivament iridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Simma Federspiel, C‑419/16, EU:C:2017:997, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, dik il-qorti tindika li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti f’li jiġu ggarantiti l-għanijiet u l-organizzazzjoni tad-dipartiment tas-saħħa nazzjonali. Ir-rikonoxximent tal-karriera professjonali tal-ħaddiem ma jimplikax biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità, iżda jirrikjedi wkoll li l-provvista ta’ ċerti servizzi tkun twettqet f’kategorija professjonali preċiża u fi ħdan dipartiment tas-saħħa speċifiku intiż sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-organizzazzjoni li fi ħdanha jiġu pprovduti dawn is-servizzi. Issa, huwa diffiċli li jiġi evalwat il-livell ta’ twettiq ta’ għanijiet li jaqgħu taħt Stat Membru ieħor.

38

Skont id-Direttorat Reġjonali tas-Saħħa ta’ Castilla‑u‑León, peress li l-funzjonijiet proprji għall-kategorija professjonali li fiha jiġu pprovduti s-servizzi kkonċernati huma evalwati għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-karriera professjonali u peress li dawk eżerċitati barra mis-sistema tas-saħħa Spanjola jistgħu jissodisfaw standards ta’ kwalità jew għanijiet li huma inqas minn dawk li teżiġi din is-sistema tas-saħħa, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet tal-aħħar ikun jimplika r-rikonoxximent tal-karriera professjonali tal-persunal li pprovda ċerti servizzi li ma josservawx dawn l-istandards ta’ kwalità jew dawn l-għanijiet.

39

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk, essenzjalment, iġġustifikata mill-assenza ta’ armonizzazzjoni, fuq il-livell tal-Unjoni, tal-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba kif ukoll mill-assenza ta’ kriterji ta’ paragun bejn l-istandards ta’ kwalità, il-prinċipji u l-għanijiet rispettivi tas-sistemi tas-saħħa.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika li huma jixtiequ jagħtu u l-mod li bih dak il-livell għandu jintlaħaq. Peress li l-imsemmi livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Simma Federspiel, C‑419/16, EU:C:2017:997, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn dan jirriżulta li l-għan imsemmi mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, jiġifieri li jiġu ggarantiti l-għanijiet u l-organizzazzjoni tad-dipartiment tas-saħħa nazzjonali, jista’, inkwantu għan ta’ politika tas-saħħa pubblika marbut mat-titjib tal-kwalità tal-kura fi ħdan is-sistema tas-saħħa kkonċernata u mat-twettiq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, jitqies bħala għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

42

Għalkemm, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tali għan ta’ interess ġenerali jista’ jiġi aċċettat, huwa wkoll neċessarju, sabiex ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema li timplika din id-dispożizzjoni nazzjonali tkun tista’ tiġi ġġustifikata, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija ssegwi u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

43

Fid-dawl tal-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità tal-professjonist tas-saħħa kkonċernat u tal-livell individwali milħuq minn dan tal-aħħar f’termini ta’ konoxxenzi, ta’ esperjenza fl-attivitajiet ta’ kura, ta’ tagħlim u ta’ riċerka kif ukoll tat-twettiq tal-għanijiet fil-qasam tal-kura u tar-riċerka fl-organizzazzjoni kkonċernata jista’ jitqies li huwa miżura mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni msaħħa tal-protezzjoni tas-saħħa li hija tidher li ssegwi.

44

Fir-rigward tal-evalwazzjoni li għandha ssir fuq in-natura strettament neċessarja tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, ir-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali miksuba mill-ħaddiem ikkonċernat fi ħdan is-sistema nazzjonali tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor ma jistax jitqies, b’mod ġenerali, bħala ostakolu għat-twettiq ta’ tali għan.

45

Min-naħa l-oħra, dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikonoxximent ta’ din l-esperjenza professjonali jista’ jsir skont proċedura li toffri lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li turi l-ekwivalenza tal-esperjenza professjonali tagħha miksuba fi Stati Membri oħra, bħal, kif jirriżulta mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti dan għall-finijiet tal-ksib ta’ allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin lill-persunal temporanju statutorju.

46

Fil-fatt, f’sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22; rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115), iżda li taqa’ taħt l-Artikolu 45 TFUE, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Istat Membru ospitanti kkonċernat għandu josserva l-obbligi tiegħu fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Taħriġ mediku bażiku), C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 41).

47

B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, aditi minn ċittadin tal-Unjoni b’talba għal awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita professjoni li l-aċċess għaliha huwa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, suġġett għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, jew inkella għal perijodi ta’ esperjenza prattika, huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali, kif ukoll l-esperjenza rilevanti tal-persuna kkonċernata, billi jwettqu paragun bejn, minn naħa, il-kompetenzi ċċertifikati minn dawn il-provi ta’ kwalifiki formali u minn din l-esperjenza u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenzi u l-kwalifiki mitluba minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Taħriġ mediku bażiku), C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għalhekk, meta l-eżami komparattiv tal-provi ta’ kwalifiki formali jwassal għall-konstatazzjoni li l-konoxxenzi u l-kwalifiki ċċertifikati mill-prova ta’ kwalifiki formali barranija jikkorrispondu għal dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta li din il-prova ta’ kwalifiki formali tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom. Jekk, min-naħa l-oħra, il-paragun juri biss korrispondenza parzjali bejn dawn il-konoxxenzi u kwalifiki, dan l-Istat Membru għandu d-dritt jeżiġi li l-persuna kkonċernata turi li kisbet il-konoxxenzi u l-kwalifiki neqsin (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard, C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 57 u tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija, C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 39).

49

Minn dan isegwi li l-argument tad-Direttorat Reġjonali tas-Saħħa ta’ Castilla‑u‑León ibbażat fuq l-assenza, fi ħdan l-Unjoni, ta’ sistema komuni ta’ organizzazzjoni tad-dipartimenti tas-saħħa tal-Istati Membri għandu jiġi miċħud.

50

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tal-karriera professjonali fi ħdan id-dipartiment tas-saħħa ta’ Stat Membru li tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-anzjanità tal-ħaddiem, tal-esperjenza professjonali miksuba minn dan tal-aħħar f’dipartiment pubbliku tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor, ħlief jekk ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu li timplika din il-leġiżlazzjoni tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, tkun tippermetti li jintlaħaq dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan tal-aħħar.

Fuq l‑ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tal-karriera professjonali fi ħdan id-dipartiment tas-saħħa ta’ Stat Membru li tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-anzjanità tal-ħaddiem, tal-esperjenza professjonali miksuba minn dan tal-aħħar f’dipartiment pubbliku tas-saħħa ta’ Stat Membru ieħor, ħlief jekk ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu li timplika din il-leġiżlazzjoni tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, tkun tippermetti li jintlaħaq dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.