SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2014/24/UE — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Artikolu 63 — Użu minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi tal-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra — Possibbiltà għall-awtorità kontraenti li teżiġi li ċerti kompiti essenzjali jitwettqu minn parteċipant f’dan il-grupp — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża mandatarja għandha tissodisfa l-kriterji u twettaq il-maġġoranza tas-servizzi tagħha”

Fil-Kawża C‑642/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (il-Kunsill tal-Ġustizzja Amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sicilia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

Caruter Srl

vs

S.R.R. Messina Provincia SCpA,

Comune di Basicò,

Comune di Falcone,

Comune di Fondachelli Fantina,

Comune di Gioiosa Marea,

Comune di Librizzi,

Comune di Mazzarrà Sant’ Andrea,

Comune di Montagnareale,

Comune di Oliveri,

Comune di Piraino,

Comune di San Piero Patti,

Comune di Sant’ Angelo di Brolo,

Regione Siciliana - Urega - Ufficio regionale espletamento gare d’appalti lavori pubblici Messina,

Regione Siciliana - Assessorato regionale delle infrastrutture e della mobilità,

fil-preżenza ta’:

Ditt indiviżibbli Pippo Pizzo,

Onofaro Antonino Srl,

Gial Plast Srl,

Colombo Biagio Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), J.-C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ditta individuale Pippo Pizzo, minn R. Rotigliano, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato, u de M. Cherubini, procuratore dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils, G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), moqri flimkien mal-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Caruter Srl u S.R.R. Messina Provincia SCpA (iktar ’il quddiem is-“SRR”), u Comune di Basicò (il-Komun ta’ Basicò, l-Italja), u Comune di Falcone (il-Komun ta’ Falcone, l-Italja), u Comune di Fondachelli Fantina (il-Komun ta’ Fondachelli Fantina, l-Italja), u Comune di Gioiosa Marea (il-Komun ta’ de Gioiosa Marea, l-Italja), u Comune di Librizzi (il-Komun ta’ Librizzi, l-Italja), u Comune di Mazzarrà Sant’Andrea (il-Komun ta’ Mazzarrà Sant’Andrea, l-Italja), u Comune di Montagnareale (il-Komun ta’ Montagnareale, l-Italja), u Comune di Oliveri (il-Komun ta’ Oliveri, l-Italja), u Comune di Piraino (il-Komun ta’ Piraino, l-Italja), u Comune di San Piero Patti (il-Komun ta’ San Piero Patti, l-Italja), u Comune di Sant’Angelo di Brolo (il-Komun ta’ Sant-Angelo di Brolo, l-Italja), kif ukoll ir-Regione Siciliana – Urega – Ufficio regionale espletamento gare d’appalti lavori pubblici Messina (ir-Reġjun ta’ Sicilia – Urega – l-Uffiċċju Reġjonali għall-Infrastrutturi u għall-Mobbiltà, l-Italja) u r-Regione Siciliana – Assessorato regionale delle infrastrutture e della mobilità (id-Dipartiment Reġjonali għall-Infrastrutturi u għall-Mobbiltà, l-Italja) dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għas-servizz tal-ġbir, tal-ġbir u tat-trasport tal-iskart solidu urban magħżul u mhux magħżul kif ukoll ta’ servizzi oħra ta’ iġjene pubblika fi 33 komun miġbur fi ħdan is-SRR.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2014/24:

“(1)

L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.

(2)

[…] ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku […] għandhom jiġu riveduti u modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika, tiġi ffaċilitata b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) fl-akkwist pubbliku […]. […] Hemm bżonn ukoll li jiġu ċċarati ideat u kunċetti bażiċi sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu inkorporati ċerti aspetti relatati ta’ każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

10.

‘operatur ekonomiku’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq;

[…]”

5

L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Operaturi ekonomiċi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi assoċjazzjonijiet temporanji, jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist. Dawn m’għandhomx jintalbu li jkollhom forma legali speċifika mill-awtoritajiet kontraenti sabiex jippreżentaw offerta jew talba ta’ parteċipazzjoni.

Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiċċaraw fid-dokumenti tal-akkwist kif gruppi ta’ operaturi ekonomiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja jew l-abbiltà teknika u professjonali msemmija fl-Artikolu 58 dment li dan ikun ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi u proporzjonat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini standard dwar kif grupp ta’ operaturi ekonomiċi għandhom jilħqu dawk ir-rekwiżiti.

kuntratt minn tali gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, li huma differenti minn dawk imposti fuq parteċipanti individwali, għandhom ukoll ikunu ġustifikati b’raġunijiet oġġettivi u għandhom ikunu proporzjonati.”

6

L-Artikolu 58 ta’din id-direttiva, intitolat “Kriterji ta’ għażla”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 sa 4 tiegħu:

“3.   Fir-rigward tal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja biex iwettqu l-kuntratt. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu, b’mod partikolari, li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ċertu fatturat annwali minimu, inkluż ċertu fatturat minimu fil-qasam kopert mill-kuntratt. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tagħhom […]. Huma jistgħu wkoll jeżigu livell adegwat ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz għar-riskju professjonali.

[…]

4.   Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità.

[…]”

7

L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, jipprevedi:

“1.   Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali […] jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

[…]

Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.

2.   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ servizzi u operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post jew ta’ istallazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta tkun sottomessa minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2), minn parteċipant f’dak il-grupp.”

Id-dritt Taljan

8

L-Artikolu 83 tad-decreto legislativo tat-18 ta’ April 2016, n. 50 – Codice dei contratti pubblici (supplemento ordinario alla GURI n. 91, del 19 aprile 2016), (il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), li jirrigwarda l-kriterji ta’ għażla u l-għajnuna għat-tfassil tal-fajl, jipprevedi, fil-paragrafu 8 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-istedina għall-konferma tal-interess, il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni meħtieġa, li jistgħu jiġu espressi bħala kapaċitajiet minimi, kif ukoll mezzi ta’ prova aċċettabbli u għandhom iwettqu verifika formali u sostanzjali tal-kapaċitajiet tat-twettiq, tal-kompetenzi tekniċi u professjonali, inklużi r-riżorsi umani interni għall-impriża, kif ukoll attivitajiet effettivament imwettqa. Għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 45(2)(d), (e), (f) u (g), l-avviż ta’ kuntratt għandu jindika eventwalment il-proporzjon li fih dawn il-kriterji għandhom jiġu ssodisfatti mid-diversi parteċipanti. Il-mandatarju għandu, fi kwalunkwe każ, jissodisfa l-kriterji u jeżegwixxi l-maġġoranza tas-servizzi. L-avviżi ta’ sejħa għall-offerti u l-ittri tas-sejħa għall-offerti ma jistgħux jinkludu rekwiżiti oħra taħt piena ta’ esklużjoni ħlief dawk previsti minn dan il-kodiċi u dispożizzjonijiet legali oħra fis-seħħ. Tali rekwiżiti huma, fi kwalunkwe każ, nulli.”

9

L-Artikolu 89 ta’ dan il-kodiċi, li jirrigwarda l-possibbiltà li jintużaw il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operatur ekonomiku, kemm jekk ikun waħdu jew membru ta’ grupp imsemmi fl-Artikolu 45, jista’, għal kuntratt partikolari, jissodisfa r-rekwiżit relatat mal-kriterji ta’ natura ekonomika, finanzjarja, teknika u professjonali msemmija fl-Artikolu 83(1)(b) u (ċ), li huma neċessarji għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti u, fi kwalunkwe każ, bl-esklużjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 80, billi jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, inklużi dawk li jipparteċipaw fil-grupp, tkun xi tkun in-natura ġuridika tar-rabtiet li għandu ma’ dawn l-entitajiet. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Is-SRR nieda proċedura ta’ kuntratt pubbliku għall-għoti tas-servizz ta’ ġbir, ta’ ġbir u ta’ trasport lejn l-installazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart solidu urban magħżul u mhux isseparat, inkluż l-iskart simili, kif ukoll servizzi oħra ta’ iġjene pubblika fi 33 komun miġbura fi ħdanha. Il-kuntratt, ta’ valur totali ta’ EUR 42005 042.16 mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u għal perijodu ta’ seba’ snin, ġie maqsum fi tliet lottijiet. L-avviż ta’ kuntratt jippreċiża għal kull lott, ir-rekwiżiti ta’ kapaċità ekonomika/finanzjarja u teknika meħtieġa. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt, kien previst li jiġi applikat il-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-kwalità u l-prezz.

11

Fir-rigward tal-lott 2, ta’ valur ta’ EUR 19087 724.73 u li kien jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi għall-11-il komun, il-kuntratt ingħata lill-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi kkostitwita mid-ditta individuale Pippo Pizzo, Onofaro Antonino Srl u Gial Plast Srl (iktar ’il quddiem l-“ATI Pippo Pizzo”), filwaqt li l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi kkostitwita minn Caruter Srl u Gilma Srl (iktar ’il quddiem l-“ATI Pippo Pizzo”), ingħatat it-tieni post.

12

l-ATI Caruter ippreżenta rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Sicilia, l-Italja) kontra d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt lill-ATI Pippo Pizzo. Din tal-aħħar ippreżentat ukoll rikors inċidentali kontra d-deċiżjoni ta’ ammissjoni tal-ATI Caruter għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

13

Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, din il-qorti laqgħet ir-rikors prinċipali u annullat l-ammissjoni għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-ATI Pippo Pizzo kif ukoll l-għoti tal-kuntratt lilha. Filwaqt li ddeċidiet fuq l-appell inċidentali, hija annullat ukoll id-deċiżjoni ta’ ammissjoni tal-ATI Caruter għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

14

L-imsemmija qorti rrilevat li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 83(8) u tal-Artikolu 89 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, impriża mandatarja tista’ dejjem tirrikorri għall-kapaċitajiet tal-operaturi ekonomiċi l-oħra li jagħmlu parti mill-grupp iżda bil-kundizzjoni li hija tissodisfa hija stess il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u twettaq is-għall-maġġoranza tas-servizzi meta mqabbla mal-operaturi ekonomiċi l-oħra. Issa, f’dan il-każ, id-ditta individuale Pippo Pizzo ma kinitx tissodisfa waħedha l-kundizzjonijiet previsti mill-avviż tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali u hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kapaċitajiet tal-impriżi l-oħra tal-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li tagħha hija kienet il-mandatarja.

15

L-ATI Caruter appella minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione siciliana (il-Kunsill għall-Ġustizzja Amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sicilia, l-Italja), il-qorti tar-rinviju. Min-naħa tagħha, l-ATI Pippo Pizzo ppreżentat appell inċidentali kontra l-imsemmija sentenza.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li tgħid li l-mandatarju għandu, fi kwalunkwe każ, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u jeżegwixxi s-servizzi b’mod maġġoritarju, tista’ tmur kontra l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, peress li dan l-aħħar artikolu ma jidhirx li jillimita l-possibbiltà għal operatur ekonomiku li jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ operaturi terzi.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di giustizia amministrativa per la Regione Siciliana (il-Kunsill għall-Ġustizzja Amministrattiva għar-Reġjun ta’ Sicilia) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“L-Artikolu 63 tad-Direttiva [2014/24] dwar l-akkwist pubbliku, flimkien mal-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jigu pprovduti servizzi, sanċiti fl-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Taljana fil-qasam tal-‘kriterji ta’ selezzjoni u ta’ assistenza fil-preparazzjoni tal-offerta’ previst fl-inċiż inkluż fis-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-Artikolu 83(8) tal-[Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi], li jeżiġi li f’każ li jintalab li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra (skont l-Artikolu 89 tal-[Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi]), il-mandatarju għandu dejjem ikun jissodisfa r-rekwiżiti u jeżegwixxi l-maġġoranza tas-servizzi?”

Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa

18

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet li din il-kawża tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju li għandha effett fuq id-deċiżjonijiet tal-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jirrikorru għall-kapaċitajiet ta’ impriża terza sabiex jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerti, u li din il-kwistjoni hija s-suġġett ta’ diversi kawżi quddiem il-qrati Taljani. Barra minn hekk, it-tkomplija tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li hija diġà ddeċidiet fuq l-argumenti l-oħra kollha. Fl-aħħar nett, il-lott 2 ta’ dan il-kuntratt pubbliku jikkonċerna s-servizz ta’ ġbir u ta’ trasport tal-iskart solidu urban kif ukoll servizzi oħra ta’ iġjene pubbliku għall-ħdax-il komun tar-Reġjun ta’ Sicilia, u l-ammont tiegħu jammonta għal EUR 19087 724.73.

20

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa.

21

Fir-rigward, qabelxejn, tal-fatt li l-kwistjoni mqajma hija s-suġġett ta’ kontenzjuż abbundanti fl-Italja, għandu jitfakkar li l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza straordinarja (id-Digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Awwissu 2010, UEFA u British Sky Broadcasting, C‑228/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:474 punt 6; tal-20 ta’ Diċembru 2017, A. et, C‑661/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:1024 punt 17, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2019, Adusbef et, C‑686/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:68, punt 11).

22

Issa, in-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-domanda magħmula ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2018, Vitali, C‑63/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:199, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-fatt li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tipprovdi għad-domanda magħmula, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, ċertament leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (id-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Marzu 2018, Vitali, C‑63/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:199, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fir-rigward, barra minn hekk, tan-natura allegatament urġenti tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit tat-trattament ta’ kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’termini qosra ma jistax jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tiżgura soluzzjoni rapida tat-tilwima, u lanqas mis-sempliċi fatt li d-dewmien jew is-sospensjoni tax-xogħlijiet li huma s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku jista’ jipproduċi effetti dannużi għall-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑193/07, mhux ippubblikat, EU:C:2007:465, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2018, Vitali, C‑63/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:199, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fl-aħħar, fir-rigward tal-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ġurisprudenza stabbilita li interessi ekonomiċi, daqstant importanti u leġittimi, ma humiex tali li jiġġustifikaw waħedhom l-użu tal-proċedura mħaffa (id-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Marzu 2017, Abanca Corporación Bancaria, C‑70/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:227, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-13 ta’ Jannar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma jilqax it-talba għal proċedura mħaffa.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27

Il-Gvern Taljan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba n-natura ipotetika tal-problema mqajma meta jitqies li r-rilevanza ta’ din it-talba fir-rigward tas-suġġett speċifiku tal-kawża prinċipali ma hijiex stabbilita.

28

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti l-ġudizzju tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa, fil-fatt, possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11,EU:C:2013:107, punt 29, d-digriet tas-26 ta’ Marzu 2021, Fedasil, C‑134/21, EU:C:2021:257, punt 48).

30

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, u li d-deċiżjoni tar-rinviju tesponi l-kuntest fattwali u ġuridiku b’mod suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddetermina l-portata ta’ din id-domanda.

31

Barra minn hekk, ma jidhirx li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24 jippermetti biss lill-awtoritajiet kontraenti jeżiġu li l-impriża mexxejja ta’ grupp twettaq hija stess “ċerti kompiti kritiċi”, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-impriża li ngħatat il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet eskluża mill-proċedura minħabba li ma eżegwietx “[i]l-maġġoranza” tax-xogħlijiet kif jeżiġi l-Artikolu 83(8) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi.

32

Konsegwentement, jidher li hija meħtieġa risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti ta’ rinviju sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha.

33

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża mandatarja ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandhiex tissodisfa l-kriterji previsti fl-avviż ta’ kuntratt u teżegwixxi l-maġġoranza tas-servizzi ta’ dan il-kuntratt.

35

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-Direttiva 2014/24 huwa applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati, bis-saħħa tal-premessa 1 tagħha, konformement mal-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll dawk li jirriżultaw minnhom. Konsegwentement, ma hemmx lok li jsir eżami separat tad-domanda magħmula abbażi tal-Artikoli 49 u 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Ciclat, C‑199/15, EU:C:2016:853, punt 25). Peress li, barra minn hekk, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jqajjem ebda kwistjoni ġdida dwar il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew dawk li jirriżultaw minnu, huwa biżżejjed li d-domanda preliminari magħmula tiġi ttrattata b’riferiment għad-Direttiva 2014/24.

36

L-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li operatur ekonomiku jista’, għal kuntratt partikolari, jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja kif ukoll mal-kriterji relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, u li, taħt l-istess kundizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi jista’ jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ parteċipanti tal-grupp jew ta’ entitajiet oħra. Barra minn hekk, huwa jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li għal ċerti tipi ta’ kuntratt, fosthom il-kuntratti għal servizzi, “l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta tkun sottomessa minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi […], minn parteċipant f’dak il-grupp”.

37

Issa, billi jimponi fuq l-impriża mandatarja tal-grupp ta’ operaturi ekonomiċi l-obbligu li jeżegwixxi “l-maġġoranza” tas-servizzi meta mqabbla mal-membri kollha tal-grupp, jiġifieri li jeżegwixxi l-parti l-kbira tas-servizzi kollha koperti mill-kuntratt, l-Artikolu 83(8) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi jistabbilixxi kundizzjoni iktar rigoruża minn dik prevista mid-Direttiva 2014/24, li sempliċement tawtorizza lill-awtorità kontraenti tipprevedi, fl-avviż tal-kuntratt, li ċerti kompiti essenzjali ser jitwettqu direttament minn parteċipant tal-grupp ta’ operaturi ekonomiċi.

38

Skont is-sistema stabbilita minn din id-direttiva, huma l-awtoritajiet kontraenti li jistgħu jeżiġu li ċerti kompiti essenzjali jitwettqu direttament mill-offerent innifsu jew, jekk l-offerta tiġi sottomessa minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi msemmi fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2014/24, minn parteċipant tal-imsemmi grupp, filwaqt li, skont id-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li, b’mod orizzontali, jimponi għall-kuntratti pubbliċi kollha fl-Italja li l-mandatarju tal-grupp ta’ operaturi ekonomiċi jeżegwixxi l-maġġoranza tas-servizzi.

39

Huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu klawżoli standard li jispeċifikaw il-mod kif il-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja jew mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali msemmija fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva.

40

Madankollu, anki jekk il-kapaċità li jitwettqu kompiti essenzjali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “abbiltà teknika”, fis-sens tal-Artikoli 19 u 58 tad-Direttiva 2014/24, li jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali li jinkludiha fil-klawżoli standard previsti mill-Artikolu 19(2) tagħha, regola bħal dik li tinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 83(8) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li tobbliga lill-mandatarju tal-grupp ta’ operaturi ekonomiċi jwettaq huwa stess direttament il-maġġoranza tal-kompiti, tmur lil hinn minn dak li tippermetti din id-direttiva. Fil-fatt, tali regola ma hijiex limitata sabiex tippreċiża l-mod li bih grupp ta’ operaturi ekonomiċi għandu jiggarantixxi l-pussess tiegħu tar-riżorsi umani u tekniċi neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 58(4) tagħha, iżda jirrigwarda l-eżekuzzjoni stess tal-kuntratt u teżiġi f’dan ir-rigward li din issir fil-parti l-kbira mill-mandatarju tal-grupp.

41

Fl-aħħar nett, huwa minnu li, skont l-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżiġu, b’mod partikolari għall-kuntratti għal servizzi, li “ċerti kompiti kritiċi” jitwettqu minn parteċipant fil-grupp ta’ operaturi ekonomiċi.

42

Madankollu, minkejja d-differenzi żgħar li jeżistu bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2014/24, mill-kliem “ċerti kompiti essenzjali”, użati f’diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva, fosthom fil-lingwi Franċiża u Taljana (“taluni compiti essenziali”), l-istess bħall-kliem “certaines tâches critiques” użati f’verżjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva, fosthom dawk bil-lingwi Spanjola (“determinadas tareas críticas”), Ġermaniża (“bestimmte kritische Aufgaben”), Ingliża (“certain critical tasks”), Olandiża (“bepaalde kritieke taken”) u Rumena (“anumite sarcini critice”), li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija, skont l-għanijiet stabbiliti fil-premessi 1 u 2 tal-istess direttiva, li jillimita dak li jista’ jiġi impost fuq operatur wieħed ta’ grupp, wara approċċ kwalitattiv u mhux sempliċement kwantitattiv, sabiex tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni ta’ gruppi bħal assoċjazzjonijiet temporanji ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Rekwiżit bħal dak stabbilit fit-tielet sentenza tal-Artikolu 83(8) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li jestendi għal “għall-maġġoranza tas-servizzi”, imur kontra tali approċċ, jeċċedi t-termini speċifiċi użati fl-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24 u għalhekk jippreġudika l-għan, imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, li jinfetħu l-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa possibbli u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 27).

43

Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24 sempliċement jawtorizza lill-awtoritajiet kontraenti jeżiġu, b’mod partikolari għall-kuntratti għal servizzi, li ċerti kompiti jitwettqu minn parteċipant wieħed jew l-ieħor tal-grupp ta’ operaturi ekonomiċi, l-Artikolu 83(8) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jimponi r-rekwiżit ta’ eżekuzzjoni tal-maġġoranza tas-servizzi biss fuq il-mandatarju tal-grupp, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha li jipparteċipaw fih, u b’hekk jirrestrinġi indebitament is-sens u l-portata tat-termini użati fl-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24.

44

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża mandatarja ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tissodisfa l-kriterji previsti fl-avviż ta’ kuntratt u teżegwixxi l-maġġoranza tas-servizzi ta’ dan il-kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża mandatarja ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tissodisfa l-kriterji previsti fl-avviż ta’ kuntratt u teżegwixxi l-maġġoranza tas-servizzi ta’ dan il-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.