SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
27 ta’ April 2022 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern – Artikolu 114(2) TFUE – Esklużjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 2000/31/KE – Sevizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kummerċ elettroniku – Portal telematiku ta’ intermedjazzjoni immobiljari – Artikolu 1(5)(a) – Esklużjoni mill-qasam tat-tassazzjoni – Definizzjoni – Leġiżlazzjoni reġjonali dwar taxxa fuq l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika – Dispożizzjoni li tobbliga lill-intermedjarji jikkomunikaw, fuq talba bil-miktub, ċerta data dwar l-operat ta’ dawn l-istabbilimenti lill-amministrazzjoni fiskali bil-għan li jiġu identifikati l-persuni suġġetti għal din it-taxxa – Artikolu 56 TFUE – Assenza ta’ diskriminazzjoni – Assenza ta’ restrizzjoni”
Fil-Kawża C‑674/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura
Airbnb Ireland UC
vs
Région de Bruxelles-Capitale,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Airbnb Ireland UC, minn D. Van Liedekerke, advocaat, kif ukoll minn A. Laes u M. Van Lierde, avocats, |
|
– |
għal Région de Bruxelles-Capitale, minn C. Molitor, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn N. Vincent u T. Stéhelin, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Hoogveld, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels, S. Kalėda, P.‑J. Loewenthal u L. Armati, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) (a) u tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 25, p. 399), tal-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament tal-Artikolu 12 tad-digriet tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale tat‑23 ta’ Diċembru 2016, dwar it-taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, ippreżentat minn Airbnb Ireland UC. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2000/31
|
3 |
Skont il-premessa 12 tad-Direttiva 2000/31: “Huwa meħtieġ li jkunu esklużi ċerti attivitajiet minn din id-Direttiva, fuq il-bażi li l-libertà li jkunu ipprovduti servizzi f’dawn l-oqsma ma tistax, f’dan l-istadju, tkun garantita permezz tat-Trattat jew ta’ leġislazzjoni sekondarja eżistenti; esklużi dawk l-attivitajiet li ma jfixklux xi strumenti li jistgħu juru li jkunu meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern; tassazzjoni, partikolarment it-taxxa ta’ valur miżjud imposta fuq numru kbir ta’ servizzi li hemm referenza għalihom f’din id-Direttiva, għandha tkun eskluża minn din id-Direttiva.” |
|
4 |
Il-premessa 13 ta’ din id-direttiva hija fformulata kif ġej: “Din id-Direttiva m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi regoli dwar l-obbligazzjonijiet fiskali u l-anqas li tantiċipa t-tħejjija ta’ strumenti tal-Komunità dwar l-aspetti fiskali tal-kummerċ elettroniku.” |
|
5 |
Il-premessa 21 ta’ din id-direttiva tiddikjara: “L-iskop ta’ qasam ikkordinat huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f’livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità; il-qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online […]” |
|
6 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni. 2. Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri. […] 5. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jiddikjara: “L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.” |
|
8 |
Konformament mal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, deroga minn din il-projbizzjoni hija possibbli biss, bla ħsara għan-natura proporzjonata tagħha fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, mas-sigurtà pubblika jew mal-protezzjoni tal-konsumaturi. |
|
9 |
L-Artikolu 15(2) ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.” |
Id‑Direttiva 2006/123
|
10 |
L-Artikolu 1, intitolat “Suġġett”, tad-Direttiva 2006/123, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi. […]” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 2, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, ta’ din id-direttiva: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru. […] 3. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni.” |
|
12 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi [tal-Unjoni]”, jipprovdi: “1. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […] […] 3. L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva skond ir-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.” |
Id‑dritt Belġjan
|
13 |
Id-Digriet tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale tat‑23 ta’ Diċembru 2016, dwar it-taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika (Moniteur belge, 6 ta’ Jannar 2017, p. 509, iktar ’il quddiem id-“Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016”), jistabbilixxi taxxa b’rata fissa għal kull lejl ta’ okkupazzjoni dovuta minn kull operatur ta’ stabbiliment ta’ akkomodazzjoni turistika, fejn dan tal-aħħar jinkludi l-akkomodazzjoni fid-dar ta’ turisti meta din issir bi ħlas (iktar ’il quddiem it-“taxxa turistika b’rata fissa”). |
|
14 |
Skont l-Artikolu 2(8) tad-Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016, intermedjarju għandu jiġi ddefinit bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika li, bi ħlas, tintervjeni sabiex tipprovdi unità ta’ akkomodazzjoni għas-suq turistiku, sabiex tiġi żgurata l-promozzjoni turistika ta’ stabbiliment ta’ akkomodazzjoni turistika jew sabiex toffri servizzi li permezz tagħhom l-operaturi u t-turisti jistgħu jidħlu direttament f’kuntatt ma’ xulxin”. |
|
15 |
Konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, it-taxxa turistika b’rata fissa hija kkalkolata billi jiġi mmultiplikat ammont bażiku għal kull unità ta’ akkomodazzjoni, imnaqqas għall-postijiet ta’ akkomodazzjoni fid-djar, bin-numru ta’ ljieli li t-turisti jkunu għaddew f’din l-unità ta’ akkomodazzjoni. |
|
16 |
Mill-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet jirriżulta li t-taxxa turistika b’rata fissa hija dovuta mill-operatur tal-istabbiliment ta’ akkomodazzjoni turistika jew, jekk ikun insolventi jew mhux magħruf, minn sid il-proprjetà, u mill-Artikolu 7 tal-istess digriet li l-persuna suġġetta għal din it-taxxa għandha tissottometti dikjarazzjoni ta’ kull xahar lill-amministrazzjoni fiskali. |
|
17 |
L-Artikolu 12 tad-Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 jipprevedi: “L-intermedjarji għandhom, għall-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale li għalihom huma jaġixxu bħala intermedjarji jew imexxu politika ta’ promozzjoni, jikkomunikaw, fuq talba bil-miktub, id-data dwar l-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena preċedenti, lill-uffiċjali maħtura mill-Gvern. Multa amministrattiva ta’ EUR 10000 tista’ tiġi imposta fuq l-intermedjarju li ma jikkonformax ruħu mat-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu preċedenti.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
18 |
Wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016, fl‑10 ta’ Frar 2017 l-amministrazzjoni fiskali tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale bagħtet lil Airbnb Ireland talba għal informazzjoni dwar il-persuni suġġetti għat-taxxa turistika b’rata fissa li tuża s-servizzi tagħha (iktar ’il quddiem l-“ewwel talba għal informazzjoni”). |
|
19 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2017, Airbnb Ireland esprimiet riżervi fir-rigward ta’ din it-talba u pproponiet li tiddiskutiha mal-awtoritajiet reġjonali. Fit‑8 ta’ Awwissu 2017, din l-amministrazzjoni bagħtitilha talba ġdida għal informazzjoni, iktar speċifika, dwar disa’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (iktar ’il quddiem it-“tieni talba għal informazzjoni”). |
|
20 |
Fit‑8 ta’ Settembru 2017, Airbnb Ireland indikat li hija ma kinitx ser tissodisfa din it-talba, u konsegwentement, fl‑10 ta’ Novembru 2017, l-amministrazzjoni fiskali tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitali imponitilha disa’ multi li kienu jammontaw għal EUR 10000 kull waħda. |
|
21 |
Bejn l-ewwel talba għal informazzjoni u t-tieni talba għal informazzjoni, Airbnb Ireland adixxiet, fl‑10 ta’ Lulju 2017, il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), b’rikors għall-annullament tal-Artikolu 12 tad-Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016. |
|
22 |
Il-Qorti tar-rinviju, wara li rrilevat li mix-xogħolijiet parlamentari kien jirriżulta li d-Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 kellu bħala għan, billi jistabbilixxi t-taxxa turistika b’rata fissa, li jinvolvi lis-settur turistiku fl-ispejjeż finanzjarji li jirriżultaw mit-turiżmu u li jarmonizza t-tassazzjoni tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, ħadet il-ħsieb li tippreċiża li l-intermedjarji, li minnhom tagħmel parti Airbnb Ireland, la kienu suġġetti għall-imsemmija taxxa u lanqas ma kienu inkarigati li jiġbruha, fejn min-naħa l-oħra l-Artikolu 12 ta’ dan id-digriet jissuġġettahom għal dmir ta’ informazzjoni, fuq talba bil-miktub tal-amministrazzjoni fiskali, fejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dmir kien iġegħelhom jinkorru multa amministrattiva li tammonta għal EUR 10000. |
|
23 |
Filwaqt li indikat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, servizz ta’ intermedjazzjoni li għandu bħala għan, permezz ta’ pjattaforma elettronika, li jqiegħed f’kuntatt, b’korrispettiv ta’ ħlas, kerrejja potenzjali ma’ sidien tal-kera professjonisti jew mhux professjonisti li jipproponu servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, filwaqt li jipprovdi wkoll ċertu numru ta’ servizzi anċillari għal dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, li jaqa’ taħt id-Direttiva 2000/31 (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 69), fejn il-qorti tar-rinviju, li tqis li l-intermedjarji kkonċernati mid-Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 huma prinċipalment il-fornituri ta’ tali servizz ta’ intermedjazzjoni, tistaqsi dwar ir-rilevanza, f’din il-kawża, tal-imsemmija direttiva, peress li l-Artikolu 1(5)(a) ta’ din tal-aħħar jipprevedi li hija ma hijiex applikabbli għall-“qasam tat‑tassazzjoni”. |
|
24 |
Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini u dwar il-klassifikazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 12 tad-Digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 f’dan ir-rigward. Dan l-artikolu jagħmel parti minn leġiżlazzjoni fiskali, iżda Airbnb Ireland issostni, madankollu, li l-esklużjoni li jipprevedi l-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, b’tali mod li l-Artikolu 12 tal-imsemmi digriet jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Issa, dan l-Artikolu 12, permezz tal-obbligu ta’ komunikazzjoni li jimponi, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, li fihom l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
26 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tobbliga lill-intermedjarji, għall-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu f’reġjun ta’ dan l-Istat Membru li fir-rigward tagħhom dawn jaġixxu bħala intermedjarju jew imexxu politika ta’ promozzjoni, li jikkomunikaw lill-amministrazzjoni fiskali, fuq talba bil-miktub ta’ din tal-aħħar, id-data dwar tal-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena li tkun għaddiet, għandha tiġi kkunsidrata bħala indissoċjabbli, fir-rigward tan-natura tagħha, mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-“qasam tat-tassazzjoni”, li huwa espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
27 |
L-ewwel, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/31 ġiet adottata fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 95 KE, li t-termini tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 114 TFUE, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, fil-paragrafu 2 tagħha, id-“dispożizzjonijiet fiskali”. Fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dawn it-termini ma kinux ikopru biss l-oqsma kollha tat-taxxa, mingħajr ma jiddistingwu t-tipi ta’ taxxi kkonċernati, iżda wkoll l-aspetti kollha ta’ dan il-qasam, kemm fir-rigward ta’ regoli sostantivi kif ukoll proċedurali. Hija ppreċiżat ukoll li l-modalitajiet ta’ rkupru tat-taxxi jkunu ta’ liema tip ikunu ma setgħux jiġu ddissoċjati mis-sistema ta’ tassazzjoni li magħha dawn huma marbuta (sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 66). |
|
28 |
It-tieni, din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-pożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fi ħdan it-Trattati. Fil-fatt, l-Artikolu 114(2) TFUE jagħmel parti mill-Kapitolu 3, intitolat “Approssimazzjoni ta’ liġijiet”, li jsegwi Kapitolu 2, intitolat “Dispożizzjonijiet fiskali”, fi ħdan it-Titolu VII, li għandu bħala suġġett ir-“regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet”, tat-Trattat FUE. Konsegwentement, dak kollu li jirrigwarda l-imsemmi Kapitolu 3, jiġifieri l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ma jirrigwardax, u ma jistax jirrigwarda, dak li jaqa’ taħt l-imsemmi Kapitolu 2, jiġifieri d-dispożizzjonijiet fiskali. |
|
29 |
It-tielet, l-istess raġunament jipprevali fir-rigward tad-dritt sekondarju adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, u sussegwentement tal-Artikolu 114 TFUE. Barra minn hekk, dan huwa dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni litterali tal-kliem vast użat fl-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31, jiġifieri l- “qasam tat-tassazzjoni”, li għalhekk jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, fir-rigward tal-kunċett ta’ “qasam tat-trasport”, iktar estiż minn dak ta’ “servizzi ta’ trasport” (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa etC‑168/14, EU:C:2015:685, punt 41). |
|
30 |
Ir-raba’, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-qari tal-premessi 12 u 13 tad-Direttiva 2000/31, li jistabbilixxu li din id-direttiva teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha t-“tassazzjoni” u li l-imsemmija direttiva “m’għandhiex l-għan li tistabbilixxi regoli dwar l-obbligazzjonijiet fiskali”. |
|
31 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li servizzi bħal dawk ipprovduti minn Airbnb Ireland huma servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li jaqgħu taħt id-Direttiva 2000/31, fejn hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet servizz ta’ intermedjazzjoni li għandu bħala għan, permezz ta’ pjattaforma elettronika, li jqiegħed f’kuntatt, bi ħlas, lil kerrejja potenzjali ma’ sidien il-kera professjonisti jew mhux professjonisti li jipproponu servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir filwaqt li jipprovdu wkoll ċertu numru ta’ servizzi anċillari għal dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 49 u 69). |
|
32 |
Madankollu, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-kawża prinċipali hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Artikolu 12 tad-digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016, li jobbliga lill-intermedjarji, għall-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale li għalihom jidhru bħala intermedjarji jew imexxu politika ta’ promozzjoni, jikkomunikaw lill-amministrazzjoni fiskali, fuq talba bil-miktub ta’ din tal-aħħar, id-data dwar l-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena li tkun għaddiet, ma jistax jitqies li jaqa’ taħt il-“qasam tat-tassazzjoni”, inkella jkun jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31 konformement mal-Artikolu 1(5)(a) ta’ din tal-aħħar. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 12 tad-digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 ma huwiex indirizzat fih innifsu lill-persuni suġġetti għat-taxxa turistika b’rata fissa, iżda lill-persuni li għandhom irwol ta’ intermedjarju fl-operat ta’ akkomodazzjoni turistika bi ħlas, u li l-għan tagħha huwa l-provvista ta’ informazzjoni lill-amministrazzjoni tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, taħt piena ta’ multa, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni destinatarja ta’ din l-informazzjoni hija l-amministrazzjoni fiskali, fit-tieni lok, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju nnifisha, dan l-artikolu jagħmel parti minn leġiżlazzjoni fiskali, jiġifieri d-digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016, u, fit-tielet lok, l-informazzjoni li tagħha din id-dispożizzjoni timponi t-trażmissjoni hija indissoċjabbli, fir-rigward tas-sustanza tagħha, mill-imsemmija leġiżlazzjoni, inkwantu waħedha hija ta’ natura li tidentifika lill-persuna li effettivament hija suġġetta għall-imsemmija taxxa, il-bażi ta’ din it-taxxa, in-numru ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni kif ukoll in-numru ta’ ljieli u, konsegwentement, l-ammont tagħha. |
|
34 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tobbliga lill-intermedjarji, għall-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu f’reġjun ta’ dan l-Istat Membru li fir-rigward tagħhom dawn jaġixxu bħala intermedjarju jew imexxu politika ta’ promozzjoni, li jikkomunikaw lill-amministrazzjoni fiskali reġjonali, fuq talba bil-miktub ta’ din tal-aħħar, id-data dwar l-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena li tkun għaddiet, għandha tiġi kkunsidrata bħala indissoċjabbli, fir-rigward tan-natura tagħha, mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-“qasam tat-tassazzjoni” li huwa espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31. |
Fuq it‑tieni domanda
Fuq l‑ammissibbiltà
|
35 |
Il-Gvern Taljan u dak Awstrijak iqisu li t-tieni domanda hija inammissibbli sa fejn il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx l-ispjegazzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja insostenn tal-invokazzjoni tal-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE u ma speċifikatx liema konsegwenzi hija kellha l-intenzjoni li tislet għall-eżitu tal-kawża prinċipali mill-interpretazzjoni mixtieqa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant il-ħtieġa ta’ din id-domanda ma tirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
36 |
Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni domanda tinqasam f’żewġ partijiet fejn l-ewwel parti tirrigwarda jekk l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2006/123 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u t-tieni waħda tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mal-Artikolu 56 TFUE. |
|
37 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni domanda, huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni insostenn tar-riferiment għall-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2006/123, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tafx ir-raġunijiet li wasslu lil din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn tal-aħħar u l-Artikolu 12 tad-digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2020, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑723/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:509, punt 29). Din l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari hija għalhekk inammissibbli. |
|
38 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda, min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari ssemmi diversi drabi l-Artikolu 56 TFUE fis-sunt, mill-qorti tar-rinviju, tal-motivi kollha invokati minn Airbnb Ireland. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tidentifika r-rabta eżatta li tistabbilixxi din il-qorti, fil-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali, bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 12 tad-digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016. Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli u għandha tingħata risposta fuq il-mertu. |
Fuq il‑mertu
|
39 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni immobiljari, indipendentement mill-post ta’ stabbiliment tagħhom u mill-mod kif huma jinteraġixxu, fir-rigward tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu f’reġjun tal-Istat Membru kkonċernat li għalihom jaġixxu bħala intermedjarju jew imexxu politika ta’ promozzjoni, li jikkomunikaw lill-amministrazzjoni fiskali reġjonali, fuq talba bil-miktub ta’ din tal-aħħar, id-data dwar l-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena li tkun għaddiet, tmurx kontra l-projbizzjoni magħmula mill-Artikolu 56 TFUE jew le. |
|
40 |
Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 12 tad-digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 jistabbilixxi obbligu li tintlaqa’ talba għal informazzjoni tal-awtoritajiet fiskali fir-rigward tal-intermedjarji kollha li l-attività tagħhom tikkonċerna stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu fir-Reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale, indipendentement mill-post ta’ stabbiliment ta’ dawn l-intermedjarji u, konsegwentement, ikun xi jkun l-Istat Membru li fih huma stabbiliti, mingħajr ma jkun iktar rilevanti l-mod kif dawn l-operaturi ekonomiċi jinteraġixxu, b’mod diġitali jew skont metodi oħra ta’ tqegħid f’kuntatt. |
|
41 |
Tali leġiżlazzjoni għalhekk ma hijiex diskriminatorja u ma tirrigwardax, bħala tali, il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni, iżda tobbliga biss lill-fornituri ta’ servizzi, ladarba jitwettaq dan is-servizz, li jżommu d-data dwaru għall-finijiet tal-ġbir eżatt tat-taxxi relatati mal-kiri tal-proprjetajiet inkwistjoni mingħand il-proprjetarji kkonċernati. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiġi invokata kontra l-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju nazzjonali, li ma għandhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq inċerti u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà, ma jmurx kontra l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Pelckmans Turnhout, C‑483/12, EU:C:2014:304, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Filwaqt li tammetti din in-natura nondiskriminatorja fit-teorija, Airbnb Ireland tqis li, fil-prattika, l-Artikolu 12 tad-digriet tat‑23 ta’ Diċembru 2016 jaffettwa b’mod iktar partikolari servizzi ta’ intermedjazzjoni bħal dawk li hija tipprovdi. |
|
44 |
Ċertament, l-iżvilupp tal-mezzi teknoloġiċi kif ukoll il-konfigurazzjoni attwali tas-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni immobiljari jwasslu għall-konstatazzjoni li l-intermedjarji li jipprovdu s-servizzi tagħhom permezz ta’ portal telematiku jistgħu jaffaċċjaw, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data lill-amministrazzjoni fiskali iktar frekwenti u iktar importanti minn dik imposta fuq intermedjarji oħra. Madankollu, dan l-obbligu ikbar huwa biss ir-rifless ta’ numru ta’ tranżazzjonijiet ikbar li jwettqu l-imsemmija intermedjarji u tas-sehem rispettiv tagħhom tas-suq. Konsegwentement, minn dan ma tirriżulta ebda diskriminazzjoni. |
|
45 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, min-natura tagħhom stess, l-obbligi fiskali jinvolvu piżijiet addizzjonali għall-fornituri ta’ servizzi. |
|
46 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tenfasizza li l-Artikolu 56 TFUE ma jinkludix miżuri li l-effett waħdieni tagħhom huwa li jinħolqu spejjeż addizzjonali għas-servizz inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Fl-aħħar nett, anki jekk l-obbligu impost fuq l-intermedjarji kollha li jipprovdu informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali, meta din titlobha, dwar id-data tal-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena li tkun għaddiet, jista’ joħloq spejjeż addizzjonali, b’mod partikolari marbuta mar-riċerka u mal-ħażna tad-data kkonċernata, għandu jiġi osservat, speċjalment fil-każ ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni pprovduti b’mod diġitali, li d-data inkwistjoni hija mmemorizzata permezz ta’ intermedjarji bħal Airbnb Ireland, b’tali mod li, fi kwalunkwe ipoteżi, l-ispiża addizzjonali li dan l-obbligu joħloq għal dawn l-intermedjarji tidher ridotta. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jsir riferiment għad-dikjarazzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112), li skonthom hija indikat li kienet qiegħda toffri bħala servizz “sistema ta’ evalwazzjoni ta’ sidien il-kera u tal-kerrejja aċċessibbli għas-sidien u l-kerrejja futuri”, li jimplika, mekkanikament, iż-żamma tad-data relatata magħha. |
|
49 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni immobiljari, indipendentement mill-post ta’ stabbiliment tagħhom u mill-mod kif huma jinteraġixxu, fir-rigward tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika li jinsabu f’reġjun tal-Istat Membru kkonċernat, li għalihom jaġixxu bħala intermedjarju jew imexxu politika ta’ promozzjoni, li jikkomunikaw lill-amministrazzjoni fiskali reġjonali, fuq talba bil-miktub ta’ din tal-aħħar, id-data tal-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena li tkun għaddiet, ma tmurx kontra l-projbizzjoni magħmula mill-Artikolu 56 TFUE. |
Fuq it‑tielet domanda
|
50 |
It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2000/31 u hija bbażata fuq il-premessa li din tal-aħħar hija applikabbli għall-kawża prinċipali. Issa, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li dan ma huwiex il-każ. Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( i ) Fl-okkju u fil-punti 17, 19, 39, 49 u d-dispożittiv ta’ dan it-test saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.