SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Prinċipju ta’ effettività – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Proċedura ġudizzjarja intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Setgħa ta’ stħarriġ ex officio tal-qorti nazzjonali – Proċedura nazzjonali għall-intaxxar tal-ispejjeż – Spejjeż rimborsabbli bħala onorarji tal-avukat”

Fil-Kawża C‑385/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

EL,

TP

vs

Caixabank SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EL u TP, minn P. Gabeiras Vázquez, abogada,

għal Caixabank SA, minn J. Gutiérrez de Cabiedes Hidalgo de Caviedes, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, EL u TP u, min-naħa l-oħra, Caixabank SA dwar l-ispejjeż rimborsabbli bħala onorarji tal-avukat dovuti wara proċedura ġudizzjarja intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

5

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

7

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jispeċifika:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id‑dritt Spanjol

8

L-Artikolu 243(1) tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi Nru 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575, iktar ’il quddiem il- “LEC”), jipprovdi li l-ispejjeż għandhom jiġu kkalkolati, b’mod partikolari, mir-reġistratur responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. Dan għandu jnaqqas l-ammont tal-ispejjeż mitluba bħala onorarji tal-avukati u ta’ professjonisti oħra mhux suġġetti għal tariffa speċifika meta dawn l-onorarji jaqbżu l-limitu massimu previst fl-Artikolu 394(3).

9

Il-punti 1 u 8 tal-Artikolu 251 tal-LEC jipprevedu:

“Il-valur tat-tilwima għandu jiġi stabbilit abbażi tal-interess ekonomiku tat-tilwima, li għandu jiġi kkalkolat skont ir-regoli li ġejjin:

1.   Jekk tintalab somma ta’ flus determinata, il-valur tat-tilwima għandu jkun irrappreżentat minn din is-somma u, fl-assenza ta’ determinazzjoni, anki taħt forma relattiva, il-valur tat-tilwima għandu jitqies li jkun somma indeterminata.

[…]

8.   Fil-proċeduri li jirrigwardaw l-eżistenza, il-validità jew l-effettività ta’ obbligu, il-valur ta’ dan tal-aħħar għandu jiġi rrappreżentat permezz tat-total ta’ dak li jkun dovut, anki jekk il-ħlas isir bin-nifs. Dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni japplika fil-proċeduri li jkollhom bħala suġġett il-ħolqien, l-emenda jew l-estinzjoni ta’ obbligu jew ta’ dritt personali, sakemm ma tkunx tapplika regola oħra ta’ dan l-artikolu.”

10

Skont l-Artikolu 253 tal-LEC:

“1.   Ir-rikorrent għandu jindika l-valur tat-tilwima, filwaqt li jagħti ġustifikazzjoni għal dan il-valur, fir-rikors promotur. L-imsemmi valur għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkalkolat skont ir-regoli stabbiliti fid-dispożizzjonijiet preċedenti.

Il-bidla fil-valur tal-beni li jkunu s-suġġett tat-tilwima, li sseħħ wara l-preżentata tar-rikors, ma għandha twassal għal ebda bidla fil-valur tat-tilwima u lanqas fit-tip ta’ proċedura.

2.   Il-valur tat-tilwima għandu jiġi indikat b’mod ċar u preċiż. Madankollu, dan il-valur jista’ jiġi indikat f’forma relattiva jekk ir-rikorrent jiġġustifika fil-forma korretta u debita li l-interess ekonomiku tat-tilwima huwa minn tal-inqas ugwali għall-valur minimu li jikkorrispondi għall-proċedura ordinarja jew ma jaqbiżx l-ammont massimu ffissat għall-proċedura sommarja (juicio verbal). Ir-rikorrent fl-ebda każ ma jista’ sempliċement jindika t-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita, u lanqas ma jista’ jgħaddi fuq il-konvenut il-kompitu li jiddetermina l-valur tat-tilwima.

3.   Meta r-rikorrent ma jkunx jista’ jiddetermina l-valur tat-tilwima, lanqas f’forma relattiva, għaliex is-suġġett ma jkollux interess ekonomiku, għaliex dan l-interess ma jkun jista’ jiġi kkalkolat skont ebda waħda mir-regoli legali għad-determinazzjoni tal-valur tat-tilwima jew għaliex, minkejja li teżisti regola ta’ kalkolu applikabbli, il-valur tat-tilwima ma setax jiġi ddeterminat fil-mument tal-preżentata tar-rikors, dan għandu jiġi ttrattat skont il-modalitajiet tal-proċedura ordinarja.”

11

L-Artikolu 394(3) tal-LEC jipprovdi:

“Meta, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-parti li titlef tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hija tista’ tkun obbligata tħallas biss, mis-somma li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni tal-avukati jew ta’ professjonijiet oħra mhux suġġetti għal tariffa ta’ spejjeż jew onorarji, ammont totali li ma jaqbiżx terz tal-ammont ikkonċernat mit-tilwima, għal kull waħda mill-partijiet fit-tilwima li jkunu kisbu tali deċiżjoni favur tagħhom. Għal dan il-għan biss, il-kapijiet ta’ talba li ma jkunux jistgħu jiġu stmati għandhom jingħataw valur ta’ EUR 18000, sakemm, minħabba l-kumplessità tal-kawża, il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.”

12

L-Artikolu 411 tal-LEC huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-ebda waħda mill-bidliet li jseħħu wara l-ftuħ tal-proċedura u li jkunu marbuta mad-domiċilju tal-partijiet, mal-oġġett kontenzjuż u mas-suġġett tat-tilwima ma timmodifika l-ġurisdizzjoni u l-kompetenza, li jiġu ddeterminati skont l-elementi prodotti fil-mument tal-preżentata tar-rikors.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Fil‑25 ta’ April 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Caixabank ikkonkludew kuntratt ta’ self, flimkien ma’ garanzija ipotekarja, għal ammont ta’ EUR 159000 iddenominat f’munita barranija.

14

Matul is-sena 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, quddiem il-qorti tar-rinviju, talba intiża għall-konstatazzjoni tan-nullità parzjali ta’ dan il-kuntratt, billi invokaw in-natura inġusta tal-klawżoli dwar ir-rimbors f’munita barranija.

15

F’din it-talba, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikaw li, anki jekk, fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba, il-bilanċ li kien għadu dovut kien ta’ EUR 127 269.15, l-ammont tal-imsemmija talba kellu jitqies li kien indeterminat. Fil-fatt, peress li t-talba inkwistjoni kienet intiża għall-annullament tal-klawżoli dwar ir-rimbors tas-self, l-ammont effettiv tagħha seta’ jiġi kkalkolat biss fil-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-eventwali deċiżjoni li tilqa’ din it-talba.

16

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali filwaqt li kkonstatat in-nullità tal-klawżoli tal-kuntratt dwar ir-rimbors f’munita barranija u ordnat li jiġi kkalkolat mill-ġdid il-bilanċ li kien għadu dovut billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont li kien ikun diġà ġie rrimborsat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kieku l-ħlasijiet mensili diġà mħallsa kienu tħallsu f’euro, u mhux f’munita barranija. Peress li Caixabank tilfet il-kawża, hija ġiet ikkundannata għall-ispejjeż.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2019, ir-reġistratur stabbilixxa l-valur tat-tilwima, fir-rigward tal-ispejjeż, bħala EUR 30000 għall-finijiet tal-kalkolu tal-onorarji tal-avukat, konformement mal-kriterju 15 tal-kriterji ta’ gwida tal-Kamra tal-Avukati ta’ Barcelona (Spanja), u bħala EUR 18000 għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż ta’ prokuratur legali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 394(3) tal-LEC. Barra minn hekk, skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-ammont totali tal-onorarji tal-avukat li għalihom tista’ tinżamm responsabbli l-parti kkundannata għall-ispejjeż ma jistax jaqbeż terz tal-ammont li jkun is-suġġett tat-tilwima, jiġifieri, f’dan il-każ, EUR 10000, filwaqt li, min-naħa tagħhom, il-prokuraturi legali huma suġġetti għal tariffa speċifika.

18

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tar-reġistratur tal‑1 ta’ Ottubru 2019, li fil-kuntest tiegħu l-qorti tar-rinviju ressqet dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari peress li għandha dubji dwar il-konformità mad-Direttiva 93/13 tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tal-kalkolu tal-ispejjeż.

19

Il-qorti tar-rinviju tiċċita sentenza tal-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja) tal‑15 ta’ Frar 2011 (ES:APB:2011:1791), li ssemmi l-ġurisprudenza rilevanti tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) u tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

20

Skont l-imsemmija sentenza, minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) jirriżulta li l-valur tat-tilwima, kif stabbilit fit-talba ma jista’ jkun suġġett għal ebda bidla sussegwenti, inkluż fil-livelli ta’ ġurisdizzjoni sussegwenti.

21

Min-naħa l-oħra, skont l-istess sentenza, minn ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) jirriżulta li l-valur tat-tilwima, fl-assenza ta’ kontroversja bejn il-partijiet, għandu jiġi ffissat b’mod definittiv fit-talba u fir-risposta b’tali mod li l-partijiet ma jistgħux jibdlu dan il-valur fil-każ ta’ rikors jew meta jikkontestaw il-kalkolu tal-ispejjeż.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni tar-reġistratur tal‑1 ta’ Ottubru 2019 applikat din il-ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) u tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

23

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li teżisti linja oħra fil-ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li, indipendentement mill-valur tat-tilwima, l-onorarji tal-avukat għandhom jiġu kkalkolati skont il-valur ekonomiku reali tagħhom u skont ix-xogħol imwettaq mill-professjonist ikkonċernat. Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal‑5 ta’ Ottubru 2001 (ES:TS:2001:7567).

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de Primera Instancia no 49 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 49 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Artikolu 251, tal-Artikolu 394(3) u tal-Artikolu 411 tal-[LEC] magħmula fid-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2019, skont liema l-valur tat-tilwima huwa assimilat għall-interess ekonomiku tat-tilwima u, għaldaqstant, iwassal għal tnaqqis tal-onorarja li l-konsumatur ħallas lill-avukat tiegħu, abbażi ta’ somma fissa (EUR 18000), iddeterminata mil-liġi unikament meta l-valur tat-tilwima ma jkunx jista’ jiġi stmat u mhux meta l-imsemmi valur ma huwiex iddeterminat, hija kuntrarja għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], sa fejn il-konsumatur ma jistax jerġa’ jitqiegħed fis-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li kien isib ruħu fiha li kieku din il-klawżola ma kinitx teżisti, minkejja d-dikjarazzjoni ġudizzjarja, favur tiegħu, tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, u minħabba n-nuqqas ta’ tħassir ta’ kundizzjoni proċedurali mhux raġonevoli marbuta ma’ limitazzjoni tal-ispejjeż, tħassir li jiggarantixxi lill-konsumatur il-mezzi l-iktar xierqa u l-iktar effettivi għall-finijiet tal-eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet tiegħu?

2)

L-Artikolu 394(3) tal-LEC huwa, bħala tali, kuntrarju għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] u jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ġudizzjarju tad-drittijiet li l-imsemmija direttiva tagħti lill-konsumaturi, fid-dawl tal-limitazzjoni li dan l-artikolu jimponi fuq il-konsumatur, li għandu jsostni parti mill-ispejjeż rispettivi tiegħu u li ma jistax jerġa’ jitqiegħed fis-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi li kien isib ruħu fiha li kieku din il-klawżola ma kinitx teżisti, minkejja d-dikjarazzjoni ġudizzjarja, favur tiegħu, tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, u minħabba n-nuqqas ta’ tħassir ta’ kundizzjoni proċedurali mhux raġonevoli marbuta ma’ limitazzjoni tal-ispejjeż, tħassir li jiggarantixxi lill-konsumatur il-mezzi l-iktar xierqa u l-iktar effettivi għall-finijiet tal-eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet tiegħu?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

25

Caixabank u l-Gvern Spanjol jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar iż-żewġ domandi preliminari. Fil-fatt, huma jqisu, essenzjalment, li d-Direttiva 93/13 ma hijiex applikabbli peress li l-proċedura dwar l-eżami tal-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà ntemmet permezz ta’ sentenza li kkonstatat in-natura inġusta tagħha u peress li din it-talba għal deċiżjoni preliminari qiegħda ssir fil-kuntest ta’ proċedura, anċillari, għall-intaxxar tal-ispejjeż li l-kalkolu tal-ammont tagħhom jaqa’ esklużivament taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

26

Huwa minnu li s-sistema għall-intaxxar tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi proċedura speċifika quddiem il-qrati nazzjonali u għalhekk taqa’, bħala prinċipju, taħt id-dritt proċedurali Spanjol.

27

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż, li fil-kuntest tagħha tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, hija intrinsikament marbuta ma’ u anċillari għall-proċedura ġudizzjarja li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Għaldaqstant, Caixabank u l-Gvern Spanjol ma jistgħux jeċċepixxu l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 93/13 peress li huwa meħtieġ li jiġi vverifikat li s-sistema għall-intaxxar tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ta’ natura li, minħabba l-ispejjeż li azzjoni legali tista’ timplika għalihom, tiddiswadi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal protezzjoni effettiva meħtieġa mill-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali inġusti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punti 4445).

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l‑ammissibbiltà

29

Caixabank u l-Gvern Spanjol jeċċepixxu wkoll l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari.

30

Fl-ewwel lok, huma jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fihiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li l-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula. Huma jżidu li d-deċiżjoni tar-rinviju la tindika liema ammont ta’ onorarji ntalab mingħand ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lanqas is-somma effettivament imħallsa minnhom f’dan ir-rigward. Peress li Caixabank aċċettat li tħallas is-somma ta’ EUR 7018, jiġifieri ammont ogħla mill-ammont fiss ta’ EUR 1200 previst fil-ftehim ta’ onorarji, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom għalhekk jitqiesu bħala kompletament irrimborsati għall-ispejjeż tagħhom u d-domandi preliminari għandhom jitqiesu li huma ipotetiċi.

31

Fit-tieni lok, Caixabank u l-Gvern Spanjol jinvokaw l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fir-rigward tal-ammont li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-onorarji tal-avukat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jiksbu r-rimbors tagħhom. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li hemm differenza bejn il-formulazzjoni tal-ewwel domanda u l-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju.

32

Fit-tielet lok, il-Gvern Spanjol iqajjem l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 411 tal-LEC.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitataa).

35

Barra minn hekk, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jiggwida r-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida parallela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 21).

36

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-qorti tar-rinviju għamlet, fid-domandi preliminari tagħha, il-premessa fattwali li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsabu f’sitwazzjoni fejn għandhom iħallsu l-parti tal-onorarji mitluba mill-avukat tagħhom li teċċedi l-ammont tal-onorarji rrimborsati minn Caixabank. Għaldaqstant, id-domandi preliminari ma jidhrux li huma ipotetiċi.

37

Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma indikatx l-elementi kollha li għalihom tirreferi Caixabank, id-deskrizzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għad-domandi preliminari. Huwa b’dan il-mod li l-qorti tar-rinviju tispeċifika, b’mod partikolari, id-dannu finanzjarju li jġarrbu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bl-applikazzjoni tas-sistema għall-intaxxar tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u regolamentari tad-domandi preliminari, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, irrispettivament mill-kritika espressa minn Caixabank u mill-Gvern Spanjol fil-konfront tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir abbażi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, A. P. (Miżuri ta’ probation), C‑2/19, EU:C:2020:237, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

It-tieni, anki jekk jitqies li teżisti kontradizzjoni fir-rigward tal-ammont li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-onorarji tal-avukat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jiksbu r-rimbors tagħhom, dan l-ammont ma huwiex deċiżiv sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tas-sistema għall-intaxxar tal-ispejjeż li hija inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

40

It-tielet, fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Gvern Spanjol insostenn tal-inammissibbiltà tal-ewwel domanda sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 411 tal-LEC, jidher, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn l-argumenti jirrigwardaw il-mertu u mhux l-ammissibbiltà.

41

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

Fuq it‑tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż marbuta ma’ rikors dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, limitu massimu applikabbli għall-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru, mill-konsumatur li rebaħ il-kawża fuq il-mertu, mingħand il-bejjiegħ jew fornitur li jkun ġie kkundannat għall-ispejjeż.

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li klawżola kuntrattwali li tkun ġiet iddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, daqslikieku qatt ma eżistiet, b’tali mod li ma jista’ jkollha ebda effett fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandu jkollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid lill-konsumatur fis-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61).

44

Għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-klawżola tal-kuntratt dwar ir-rimbors tas-self f’munita barranija, li l-konsumaturi kkonċernati kienu qegħdin jitolbu l-annullament tagħha, ġiet iddikjarata inġusta u li l-istabbiliment bankarju inkwistjoni ġie kkundannat jikkalkola mill-ġdid il-bilanċ li kien baqa’ dovut billi jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont li kien diġà jiġi rrimborsat minnhom li kieku l-ħlasijiet mensili diġà mħallsa kienu tħallsu f’euro, u mhux f’munita barranija. Għaldaqstant, fir-rigward tas-self li kien ġie konkluż mill-konsumaturi kkonċernati, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ġew stabbiliti mill-ġdid fis-sitwazzjoni legali u fattwali li kienu jinsabu fiha fl-assenza tal-klawżola ddikjarata inġusta.

45

Madankollu, f’dan il-każ, huwa fir-rigward tal-intaxxar tal-ispejjeż, li huwa s-suġġett ta’ proċedura anċilllari, li l-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-regoli relatati mal-intaxxar tal-ispejjeż fil-kawżi ċivili jikkostitwixxu regoli proċedurali li ma humiex previsti, fir-rigward tal-ispejjeż relatati ma’ proċedura intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, fid-Direttiva 93/13.

47

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi, prevista fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu applikati b’mod li fil-prattika jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività). Minn dan jirriżulta li t-tqassim tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punti 8395 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku prinċipju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ li fih tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, id-Direttiva 93/13 tagħti d-dritt lill-konsumatur li jersaq quddiem qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk il-mod kif jitqassmu l-ispejjeż ta’ tali proċedura jkun jiddependi biss mis-somom imħalllsa indebitament li jkun ġie ordnat il-ħlas lura tagħhom, dan ikun ta’ natura li jiddiswadi lill-konsumatur milli jeżerċita l-imsemmi dritt minħabba l-ispejjeż li tista’ timplika azzjoni legali. Minn dan hija kkonkludiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali tiġi imposta fuq il-konsumatur skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali mogħti mill-imsemmija direttiva (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punti 9899 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni legali u dik fejn, bħal fil-kawża prinċipali, l-ispejjeż jiġu imposti esklużivament fuq il-bejjiegħ jew fornitur li jkun ikkonkluda kuntratt mal-konsumatur li jkun kiseb l-annullament ta’ klawżola inġusta, iżda b’limitazzjoni, iddeterminata mill-valur tat-tilwima, tal-ammont massimu tal-ispejjeż li dan il-konsumatur jista’ jikseb ir-rimbors tagħhom mill-parti kontraenti l-oħra.

51

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix, b’mod ġenerali, li konsumatur ibati ċerti spejjeż legali meta jippreżenta rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-onorarji tal-avukat jikkostitwixxu ġeneralment parti sostanzjali tal-ispejjeż sostnuti mill-konsumatur fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 22).

52

Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, ma huwiex kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività li l-konsumatur li jkun rebaħ il-kawża ma jiġix irrimborsat, mill-parti li titlef, għall-onorarji kollha tal-avukat li huwa jkun ħallas.

53

Fil-fatt, peress li l-konsumatur ikun għażel l-avukat li jkun qabbad sabiex jiddefendih, u peress li jkun ftiehem miegħu l-onorarji dovuti lilu, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-ispejjeż legali jirriżultaw eċċessivi minħabba onorarji għoljin iktar minn dawk abitwali li jkunu ġew miftiehma bejn il-parti li tkun rebħet il-kawża u l-avukat tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li leġiżlazzjoni li tipprevedi tariffi fissi għar-rimbors tal-onorarji tal-avukat tista’, bħala prinċipju, tkun iġġustifikata kemm-il darba tkun intiża li tiżgura n-natura raġonevoli tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati, fid-dawl ta’ fatturi bħalma huma s-suġġett tal-tilwima, l-ammont tagħha jew il-ħidma li għandha titwettaq għad-difiża tad-dritt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 25).

54

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat li modalitajiet proċedurali li jimplikaw spejjeż għoljin wisq għall-konsumatur jista’ jkollhom bħala konsegwenza li dan jiġi dissważ milli jressaq azzjoni ġudizzjarja, fid-dawl tal-ispejjeż li timplika azzjoni ġudizzjarja meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew milli jintervjeni, b’mod utli, fid-difiża tad-drittijiet tiegħu quddiem il-qorti adita mill-bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 69, kif ukoll tat-3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 54).

55

L-ispejjeż legali li l-konsumatur li rebaħ il-kawża għandu jkun jista’ jikseb ir-rimbors tagħhom, mill-parti li tkun titlef il-kawża, għandhom għaldaqstant ikunu ta’ ammont suffiċjenti meta mqabbel mal-ispiża totali tal-proċedura ġudizzjarja sabiex minn dan ma jirriżultax effett dissważiv fir-rigward tal-implimentazzjoni, minn dan il-konsumatur, tal-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13.

56

Għaldaqstant, jekk fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom jipprevedu sistema għar-rimbors tal-onorarji tal-avukat li tinkludi limitu fir-rigward tal-ammont li għandu jitħallas mill-bejjiegħ jew fornitur ikkundannat għall-ispejjeż, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu limitu li jippermetti lill-konsumatur jiġi rrimborsat għall-ispejjeż li jkun sostna sa ammont raġonevoli u proporzjonat għall-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

57

B’hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż marbuta ma’ rikors dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, limitu massimu applikabbli għall-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li rebaħ il-kawża fuq il-mertu mingħand il-bejjiegħ jew fornitur li jkun ġie kkundannat għall-ispejjeż, kemm-il darba dan il-limitu massimu jippermetti lill-konsumatur jikseb, f’dan ir-rigward, ir-rimbors ta’ ammont raġonevoli u proporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż li huwa oġġettivament kellu jsostni sabiex jippreżenta tali rikors.

Fuq l‑ewwel domanda

59

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-valur tat-tilwima, li jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li rebaħ il-kawża fil-kuntest ta’ rikors relatat ma’ klawżola kuntrattwali inġusta, għandu jiġi ddeterminat fir-rikors jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, mingħajr ma din l-informazzjoni tista’ tiġi mibdula sussegwentement.

60

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi li l-ammont li għandu jiġi rrimborsat, b’mod partikolari bħala remunerazzjoni tal-avukati, mill-parti li ġiet ikkundannata għall-ispejjeż ma jistax jeċċedi terz tal-valur tat-tilwima. Skont l-Artikolu 253 tal-LEC, dan il-valur għandu jissemma fir-rikors promotur. Barra minn hekk, mill-Artikolu 251 tal-LEC jirriżulta li jekk tintalab somma flus, il-valur tat-tilwima, fl-assenza ta’ determinazzjoni ta’ din is-somma, għandu jitqies li huwa ta’ ammont indeterminat. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 394(3) tal-LEC jipprevedi li, għall-finijiet biss tal-kalkolu tas-somma li l-parti kkundannata għall-ispejjeż tista’ tkun obbligata tħallas bħala remunerazzjoni tal-avukati, il-kapijiet tat-talba li ma jistgħux jiġu stmati għandhom jingħataw valur ta’ EUR 18000, sakemm, minħabba l-kumplessità tal-kawża, il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

61

Fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għandu għalhekk jiġi osservat li l-valur tat-tilwima ma jidhirx li huwa iffriżat peress li jista’ jinbidel mir-reġistratur tal-qorti kompetenti u l-qorti li fl-aħħar mill-aħħar tkun responsabbli għall-intaxxar tal-ispejjeż minħabba l-kumplessità tal-kawża inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mill-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, filwaqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux ġew iddeterminati fir-rikors promotur tagħhom il-valur tat-tilwima, dan ġie sussegwentement iffissat, fil-proċedura anċillari għall-intaxxar tal-ispejjeż, għal ammont ta’ EUR 30000.

62

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, kif diġà tfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività li l-osservanza tiegħu, mill-Istati Membri, għandha tiġi analizzata b’mod partikolari billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

63

Issa, id-determinazzjoni tal-valur tat-tilwima sa mill-preżentata tar-rikors promotur jidher li hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz ta’ tali determinazzjoni l-partijiet fil-proċedura jkunu jistgħu jkunu jafu, sa mill-ftuħ ta’ din il-proċedura, l-ispiża ekonomika potenzjali tat-tilwima.

64

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ammont tal-ispejjeż li l-konsumatur jista’ jitlob ir-rimbors tagħhom, fir-rigward tal-onorarji tal-avukat sostnuti, mingħand il-parti li tilfet il-kawża, ma jidhirx li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-valur tat-tilwima ma jistax jinbidel matul il-proċedura ġudizzjarja, peress li huwa fl-aħħar tal-proċedura li għandu jiġi żgurat ir-rimbors effettiv tal-ispejjeż sostnuti mill-konsumatur billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tal-onorarji li, fid-dawl tal-valur assenjat lit-tilwima, jista’ jitlob ir-rimbors tagħhom mingħand il-bejjiegħ jew fornitur ikkundannat għall-ispejjeż.

65

Issa, f’dan ir-rigward, fil-punti 62 u 64 ta’ din is-sentenza diġà ġie enfasizzat li l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 għandha tiġi żgurata permezz tal-garanzija, għall-konsumaturi, li jiġu rrimborsati l-ispejjeż li jkunu sostnew sa ammont raġonevoli u proporzjonat għall-ispejjeż tal-onorarji tal-avukat fi proċedura ġudizzjarja għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbli għall-intaxxar tal-ispejjeż li għandha tiżgura li r-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-drittijiet li huwa jislet minn din id-direttiva.

66

F’dan il-każ, l-iffissar tal-valur tat-tilwima bħala EUR 30000 fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż huwa ta’ natura li juri li r-reġistratur tal-qorti kompetenti, taħt l-istħarriġ tal-qorti li fl-aħħar mill-aħħar hija kompetenti, għandu l-marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġ sabiex jevalwa l-valur tat-tilwima kkonċernata filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni li l-limitu massimu legali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru huwa stabbilit għal terz ta’ dan il-valur. Hija l-qorti nazzjonali li fl-aħħar mil-aħħar hija kompetenti fir-rigward tal-intaxxar tal-ispejjeż li għandha tiżgura, matul dawn il-kalkoli, li l-ispejjeż li għandhom effettivament jiġu rrimborsati fid-dawl ta’ dan il-limitu massimu legali jikkorrispondu għal ammont raġonevoli u proporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż tal-avukat li l-konsumatur kellu oġġettivament isostni sabiex jippreżenta r-rikors inkwistjoni.

67

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-valur tat-tilwima, li jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li rebaħ il-kawża fil-kuntest ta’ rikors relatat ma’ klawżola kuntrattwali inġusta, għandu jiġi ddeterminat fir-rikors jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, mingħajr ma din l-informazzjoni tista’ tiġi mibdula sussegwentement, kemm-il darba l-qorti fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-intaxxar tal-ispejjeż tibqa’ libera li tiddetermina l-valur reali tat-tilwima għall-konsumatur billi tiżgura li dan jibbenefika mid-dritt għar-rimbors ta’ ammont raġonevoli u proporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż li huwa oġġettivament kellu jsostni sabiex jippreżenta tali rikors.

Fuq l‑ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-kuntest tal-intaxxar tal-ispejjeż marbuta ma’ rikors dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, limitu massimu applikabbli għall-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li rebaħ il-kawża fuq il-mertu mingħand il-bejjiegħ jew fornitur li jkun ġie kkundannat għall-ispejjeż, kemm-il darba dan il-limitu massimu jippermetti lill-konsumatur jikseb, f’dan ir-rigward, ir-rimbors ta’ ammont raġonevoli u proporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż li huwa oġġettivament kellu jsostni sabiex jippreżenta tali rikors.

 

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-valur tat-tilwima, li jikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-konsumatur li rebaħ il-kawża fil-kuntest ta’ rikors relatat ma’ klawżola kuntrattwali inġusta, għandu jiġi ddeterminat fir-rikors jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, mingħajr ma din l-informazzjoni tista’ tiġi mibdula sussegwentement, kemm-il darba l-qorti fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-intaxxar tal-ispejjeż tibqa’ libera li tiddetermina l-valur reali tat-tilwima għall-konsumatur billi tiżgura li dan jibbenefika mid-dritt għar-rimbors ta’ ammont raġonevoli u proporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż li huwa oġġettivament kellu jsostni sabiex jippreżenta tali rikors.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.