SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘sentenza’ – Ordni għall-ħlas mogħtija fi Stat Membru ieħor wara eżami sommarju u kontradittorju ta’ sentenza mogħtija fi Stat terz – Artikolu 39 – Saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑568/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

J

vs

H Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J, minn C. Straberger, Rechtsanwalt,

għal H Limited, minn S. Turic, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(a), tal-Artikolu 39, tal-Artikolu 42(1)(b) u tal-Artikoli 45, 46 u 53 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J u H Limited dwar l-eżekuzzjoni fl-Awstrija ta’ digriet ta’ ordni għall-ħlas maħruġ mill-High Court of Justice (England & Wales) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“High Court”)] abbażi ta’ żewġ sentenzi mogħtija fil-Ġordan.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 4, 6, 26 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:

“(4)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[…]

(6)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv taċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu regolati minn strument legali tal- Unjoni li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[…]

(26)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni [Ewropea] tiġġustifika l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa għal proċedura speċjali. Barra minn hekk, l-għan li t-tilwim transkonfinali jirriżulta f’inqas ħela ta’ ħin u spejjeż jiġġustifika l-abolizzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru indirizzat. Bħala riżultat, sentenza li tingħata mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqs li kieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat.

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, l 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet sussegwenti marbuta mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968’)], ir-Regolament (KE) [tal-Kunsill Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘sentenza’ tfisser kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.

Għall-finijiet tal-Kapitolu III, ‘sentenza’ tinkludi miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ordnati minn qorti jew tribunal li, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament ikollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni. Ma jinkludix miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, li tkun ordnata minn tali qorti jew tribunal meta l-konvenut ma jkunx irċieva taħrika biex jidher, sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tiġix notifikata lill-konvenut qabel l-infurzar;

[…]

(d)

‘Stat Membru tal-oriġini’ tfisser l-Istat Membru li fih, skont ma jkun il-każ, ingħatat is-sentenza, ġiet approvata jew konkluża it-tranżazzjoni ġudizzjarja, jew ġie formalment imfassal jew irreġistrat l-istrument awtentiku;

(e)

‘Stat Membru indirizzat’ tfisser l-Istat Membru li fih huwa invokat ir-rikonoxximent tas-sentenza, jew li fih tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza, tat-tranżazzjoni ġudizzjarja, jew tal-istrument awtentiku;

(f)

‘qorti tal-oriġini’ tfisser il-qorti li tat lis-sentenza r-rikonoxximent li tkun indirizzat jew, ir-rikonoxximent li jkun tfittex.”

6

L-Artikolu 39 tal-istess regolament jistipula:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.”

7

L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi Stat Membru mogħtija fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrent għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti:

(a)

kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u

(b)

iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 li jiċċertifika li s-sentenza hija eżegwibbli u li jkun fih silta mis-sentenza kif ukoll, meta jkun xieraq, l-informazzjoni rilevanti dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru tal-proċedimenti u l-kalkolu tal-imgħax.”

8

L-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:

(a)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika (ordre public) tal-Istat Membru indirizzat;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament:

“Fuq it-talba tal-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata meta jinstab li teżisti waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 45.”

10

L-Artikolu 52 tal-istess regolament jipprovdi:

“Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ tiġi riveduta sentenza mogħtija fi Stat Membru fir-rigward tal-mertu tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

11

L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa fformulat kif ġej:

“Il-qorti tal-oriġini għandha, fuq talba ta’ kull parti interessata, toħroġ iċ-ċertifikat bl-użu tal-formula li tidher fl-Anness I.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Permezz ta’ digriet ta’ ordni għall-ħlas tal-20 ta’ Marzu 2019, il-High Court ikkundannat lil J, persuna fiżika residenti fl-Awstrija, għall-ħlas lil H Limited, istituzzjoni bankarja, tas-somma prinċipali ta’ USD 10392463 dollari tal-Istati Uniti (madwar EUR 9200000), flimkien mal-interessi u l-ispejjeż, skont żewġ sentenzi mogħtija fit‑3 ta’ Mejju u fl‑20 ta’ Mejju 2013 minn qrati Ġordaniżi (iktar ’il quddiem is-“sentenzi Ġordaniżi”). Barra minn hekk, il-High Court ħarġet iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012.

13

H Limited talbet l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet ta’ ordni għall-ħlas fil-ġurisdizzjoni tal-Bezirksgericht Freistadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Freistadt, l-Awstrija) abbażi tar-Regolament Nru 1215/2012, billi pproduċiet b’mod partikolari ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament.

14

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ April 2019, il-Bezirksgericht Freistadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Freistadt) awtorizzat lil H Limited, abbażi tad-digriet tal-High Court tal-20 ta’ Marzu 2019 u b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, tipproċedi għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet tal-aħħar bil-għan li tirkupra kreditu ta’ EUR 9249 915.62 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. Din il-qorti rrilevat, b’mod partikolari, li l-proċedura quddiem il-High Court kienet issodisfat il-prinċipju ta’ kontradittorju.

15

L-appell ippreżentat minn J kontra dan id-digriet tat‑12 ta’ April 2019 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija) tat‑22 ta’ Ġunju 2020. Wara li rrilevat li d-digriet tal-High Court tal-20 ta’ Marzu 2019 kien jikkostitwixxi sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tal-appell enfasizzat li ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament, prodott minn H Limited, ma kien iqajjem ebda dubju b’rabta ma’ waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent previsti fl-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament.

16

J ippreżenta appell ta’ Reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju.

17

Din il-qorti tal-aħħar għandha tendenza li tikkunsidra li l-prinċipju ta’ esklużjoni ta’ exequatur doppju japplika wkoll għas-sentenzi ta’ ordni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ azzjoni li tfittex l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija, peress li r-relazzjoni ġuridika li fuqha huwa bbażat id-dejn irrikonoxxut minn sentenza definittiva ma hijiex suġġetta għal stħarriġ fil-mertu. Is-sentenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk ma taqax taħt il-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

18

F’każ bħal dan, stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni skont dan ir-regolament ma huwiex eskluż. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jivverifika l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod li d-debitur jista’ jinvoka l-assenza tal-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-eżekuzzjoni, pereżempju minħabba li ma jkunx hemm sentenza fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, jew li l-imsemmi regolament ma jkunx applikabbli.

19

Madankollu, dik il-qorti tosserva li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex daqstant evidenti li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 1215/2012], b’mod partikolari l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm deċiżjoni eżegwibbli anki meta, wara eżami sommarju fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja li madankollu jikkonċerna biss in-natura ta’ res judicata sentenza mogħtija kontra l-parti indikata bħala debitur skont titolu eżekuttiv, din tal-aħħar tkun obbligata tħallas lill-parti li tirbaħ il-kawża mressqa fl-Istat terz id-dejn irrikonoxxut f’dan l-Istat terz permezz ta’ sentenza li tkun saret definittiva, f’sitwazzjoni fejn l-iskop tal-proċedura fl-Istat Membru jkun limitat għal eżami tal-eżistenza ta’ dritt mislut minn sentenza li tkun saret definittiva fil-konfront tal-parti li tkun qiegħda toġġezzjona għall-eżekuzzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 39, l-Artikolu 45, l-Artikolu 46 u l-Artikolu 52, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżekuzzjoni għandha tiġi miċħuda, irrispettivament mill-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 45 [ta’ dan ir-regolament], meta d-deċiżjoni li jkollha tiġi eżaminata ma tkunx deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a), jew tal-Artikolu 39 [tal-istess regolament], jew meta l-pretensjoni li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta[l-istess regolament]?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda u ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda:

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 39, l-Artikolu 42(1)(b), l-Artikolu 46 u l-Artikolu 53, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura dwar it-talba sabiex tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni, il-qorti tal-Istat Membru indirizzat għandha, anki fuq il-bażi tad-data kkomunikata mill-qorti tal-oriġini fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 [ta’ dan ir-regolament], tikkunsidra neċessarjament li hemm deċiżjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u li għandha tiġi eżegwita?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ordni għall-ħlas adottata minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz tikkostitwixxi sentenza u tgawdi saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra.

22

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan tal-aħħar iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi msemmija l-aħħar tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland,C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Issa, dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 25 u tal-punt 1 tal-Artikolu 27 ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll tal-Artikolu 32 u tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, u tal-Artikolu 2(a) kif ukoll tal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, min-naħa l-oħra.

24

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fir-rigward tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, li hija d-dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-kunċett ta’ “sentenza” jkopri kull deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, mingħajr ebda distinzjoni skont il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 23).

25

Minn dan isegwi li dan il-kunċett jinkludi wkoll ordni għall-ħlas adottata minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz.

26

Fil-fatt, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed, sabiex sentenzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, li dawn ikunu deċiżjonijiet ġudizzjarji li, qabel ma jkunu ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini, kienu, jew setgħu jkunu, f’dan l-Istat Membru tal-oriġini, is-suġġett, taħt diversi modalitajiet, ta’ istruttorja kontradittorja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi,C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Din l-interpretazzjoni wiesgħa u awtonoma hija kkorroborata mis-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1215/2012 u kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punti 2628).

28

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1215/2012, il-premessa 6 tiegħu tesponi l-għan tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. Barra minn hekk, mill-premessi 4 u 26 tiegħu jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jissimplifika l-formalitajiet fid-dawl tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni rapida u sempliċi tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri marbuta b’dan ir-regolament. Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament tkun teħtieġ li l-kunċett ta’ “sentenza” jiġi marbut mal-kontenut tagħha, possibbiltà li tmur kontra dan l-għan.

29

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1215/2012, il-premessa 26 ta’ dan tal-aħħar tenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, u dan jippreżupponi li l-kunċett ta’ “sentenza” ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv.

30

Issa, din il-fiduċja reċiproka tiġi ppreġudikata jekk qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tiċħad in-natura ta’ “sentenza” ta’ ordni għall-ħlas li qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun adottat abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz.

31

Fl-aħħar mill-aħħar, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikollha l-konsegwenza li toħloq kategorija ta’ atti adottati minn qrati li, sa fejn ma humiex inklużi fin-numru ta’ eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, ma jkunux jistgħu jaqgħu taħt dan il-kunċett ta’ “sentenza” u li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra ma jkunux għalhekk obbligati jeżegwixxu. L-eżistenza ta’ tali kategorija ta’ atti hija inkompatibbli mas-sistema stabbilita fl-Artikoli 39, 45 u 46 tal-imsemmi regolament, li tipprevedi l-eżekuzzjoni ipso jure tas-sentenzi u teskludi l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini minn dawk tal-Istat Membru indirizzat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 31).

32

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-digriet tal-High Court inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien suġġett tal-inqas għal istruttorja kontradittorja sommarja fl-Istat Membru tal-oriġini, b’mod li jikkostitwixxi sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. Konsegwentement, sa fejn dan ġie ddikjarat eżekuttiv f’dan l-Istat Membru, huwa jgawdi, skont l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, minn saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra.

33

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, fil-mertu, l-imsemmi digriet ġie adottat b’eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fi Stat terz li, bħala tali, ma humiex eżekuttivi fl-Istati Membri.

34

Fil-fatt, minħabba l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet għad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Istati terzi, dawn l-istess Stati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jippermettu lill-qrati nazzjonali jieħdu konjizzjoni tal-kawżi mressqa quddiemhom. Minn dan isegwi li ċerti tipi ta’ proċeduri u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jeżistu fi Stat Membru ma għandhomx neċessarjament dawk ekwivalenti għalihom fl-Istati Membri l-oħra.

35

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni dwar liema effetti jista’ jkollhom, fl-Istati Membri, sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati terzi, l-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha l-konsegwenza li l-qrati ta’ Stat Membru jistgħu leġittimament jagħtu, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, deċiżjonijiet eżekuttivi abbażi ta’ dawn is-sentenzi, minkejja li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istess sentenzi fi Stati Membri oħra jibqa’ suġġett għar-rekwiżit tal-exequatur.

36

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju għandha t-tendenza li tqis, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 1994, Owens Bank (C‑129/92, EU:C:1994:13), li minnha jista’ jiġi dedott, b’analoġija, li l-Artikoli 29 sa 31 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma japplikawx għall-proċeduri intiżi sabiex sentenzi mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali fi Stat terz jiġu ddikjarati eżekuttivi, ma timplikax li deċiżjoni adottata abbażi ta’ sentenza mogħtija fi Stat terz, konformement mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ proċedura ta’ Stat Membru, ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

37

Fil-fatt, minn naħa, u bħal dak li japplika għal kull deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali oħra, il-klassifikazzjoni ta’ att, bħad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, bl-ebda mod ma tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-proċedura li fi tmiemha ġie adottat taqax hija stess fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li dan ma għandux l-għan li jrendi komuni r-regoli proċedurali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 1994, Owens Bank (C‑129/92, EU:C:1994:13, punti 14 u 18), għamlet distinzjoni ċara bejn l-inapplikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 għall-proċeduri intiżi għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali fi Stat terz u l-applikabbiltà ta’ din il-konvenzjoni għal kull sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat kontraenti, irrispettivament mill-isem tagħha.

39

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 u ebda wieħed mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament ma jostakola l-fatt li digriet ta’ ordni għall-ħlas adottat minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz ikun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

40

Madankollu, mis-sistema stabbilita fl-Artikoli 39, 45 u 46 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-fatt li għal tali digriet tiġi rrikonoxxuta n-natura ta’ sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, ma jċaħħadx lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mid-dritt li jopponi l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza billi jinvoka waħda mir-raġunijiet ta’ rifjut konformement mal-imsemmi Artikolu 45.

41

B’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 46 tiegħu, fuq talba ta’ kull parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza jiġi rrifjutat jekk dan ir-rikonoxximent ikun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat.

42

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, konformement mal-kunċetti nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tagħmel użu minn dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 2223, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn hekk, billi jipprojbixxi l-istħarriġ tal-mertu tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprojbixxi lill-qorti tal-Istat Membru indirizzat milli tirrifjuta li tirrikonoxxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat tal-oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat indirizzat li kieku kienet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat indirizzat ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat tal-oriġini (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 36, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

B’hekk, sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fil-mertu tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-użu tal-klawżola ta’ ordni pubbliku, li tinsab fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa mistenni biss fil-każ fejn ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt meqjusa essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat indirizzat jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 37, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Tali ksur jista’ b’mod partikolari jinsab fil-fatt li l-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ma kienx f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu b’mod effettiv quddiem il-qorti tal-oriġini u li jikkontesta, fl-Istat Membru tal-oriġini, is-sentenza li tagħha qiegħda tintalab l-eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi,C‑394/07, EU:C:2009:219, punti 27, 37, 45 u 46).

46

B’hekk, f’dan il-każ, fil-każ li J jirnexxilu jistabbilixxi, quddiem il-qorti adita fl-Istat Membru indirizzat, li kien impossibbli għalih, fl-Istat Membru tal-oriġini, li jikkontesta fil-mertu l-pretensjonijiet li taw lok għas-sentenzi Ġordaniżi li huma s-suġġett tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dik il-qorti tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet minħabba l-inkompatibbiltà manifesta tiegħu mal-ordni pubbliku nazzjonali. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan.

47

Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet ta’ ordni għall-ħlas adottat minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz jikkostitwixxi sentenza u jgawdi minn saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra jekk dan ikun ingħata fi tmiem proċedura kontradittorja fl-Istat Membru tal-oriġini u jkun ġie iddikjarat eżekuttiv fih, b’dan li madankollu n-natura ta’ sentenza ma ċċaħħadx lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mid-dritt li jitlob, skont l-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 45 tiegħu.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

48

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet ta’ ordni għall-ħlas adottat minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz jikkostitwixxi sentenza u jgawdi minn saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra jekk dan ikun ingħata fi tmiem proċedura kontradittorja fl-Istat Membru tal-oriġini u jkun ġie iddikjarat eżekuttiv fih, b’dan li madankollu n-natura ta’ sentenza ma ċċaħħadx lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mid-dritt li jitlob, skont l-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 45 tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.