SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
29 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Korp ġudizzjarju li membru tiegħu nħatar għall-ewwel darba għal kariga ta’ mħallef minn korp politiku tal-poter eżekuttiv ta’ reġim mhux demokratiku – Mod ta’ funzjonament tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) – Antikostituzzjonalità tal-liġi li abbażi tagħha ġie kompost dan il-Kunsill – Possibbiltà li dan il-korp jiġi kklassifikat bħala qorti imparzjali u indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑132/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura
BN,
DM,
EN,
vs
Getin Noble Bank S.A.,
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Praw Obywatelskich,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis (Relatur), I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, T. von Danwitz, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski u P. Filipek, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, A. Dalkowska u S. Żyrek, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, N. Ruiz García u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 6(1) u (3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 38 u tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, BN, DM u EN u, min-naħa l-oħra, Getin Noble Bank S.A., istituzzjoni bankarja, dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu konkluż minn BN, DM u EN ma’ din l-istituzzjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri. 2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.” |
Id-dritt Pollakk
Il-Kostituzzjoni
4 |
Skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni: “L-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa [(il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-‘KRS’)], għal żmien indeterminat.” |
5 |
Skont l-Artikolu 180(1) tal-Kostituzzjoni, l-imħallfin huma irremovabbli. |
6 |
Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni: “Il-[KRS] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.” |
7 |
L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprevedi: “1. Il-[KRS] huwa kompost:
[…] 3. Il-mandat tal-membri eletti [tal-KRS] huwa ta’ erba’ snin. 4. Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma tal-[KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.” |
8 |
L-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi: “Id-deċiżjonijiet tat-[Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja)] huma vinkolanti erga omnes u definittivi.” |
Id-Digriet‑Liġi tas‑6 ta’ Frar 1928 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji
9 |
Ir-rozporządzenie z mocą ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych (id-Digriet‑Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑6 ta’ Frar 1928, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal‑1 ta’ Settembru 1985, rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑1964, Nru 6, pożizzjoni 40, iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi tas‑6 ta’ Frar 1928 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji”), kien jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu: “Fir-Repubblika Popolari tal-Polonja, l-għan tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja huwa li jiġu protetti:
[…]” |
10 |
Skont l-Artikolu 53 ta’ dan id-digriet‑liġi, l-imħallfin tal-qrati ordinarji kienu jinħatru mir-Rada Państwa (il-Kunsill tal-Istat) tar-Repubblika Popolari tal-Polonja fuq proposta tal-Ministru għall-Ġustizzja. |
11 |
Skont l-Artikolu 57 tal-imsemmi digriet‑liġi, mad-dħul tiegħu fil-kariga, imħallef maħtur mill-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari tal-Polonja kien jieħu ġurament quddiem il-president tal-qorti kompetenti skont formula stabbilita, iżda ma kienx jerġa’ jieħu ġurament meta jibdel il-kariga tiegħu. |
12 |
Il-formula tal-ġurament kienet prevista mid-dekret o rocie ślubowania ministrów, funkcjonariuszów państwowych, sędziów i prokuratorów oraz funkcjonariuszów służby bezpieczeństwa publicznego (id-Digriet dwar it-Teħid tal-Ġurament tal-Ministri, tal-Uffiċjali tal-Istat, tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi kif ukoll tal-Uffiċjali tas-Servizzi ta’ Sigurtà Pubblika), tas‑6 ta’ Ottubru 1948 (Dz. U. tal‑1948, Nru 49, pożizzjoni 370). Skont l-Artikolu 1(C) ta’ dan id-digriet, imħallef kien jieħu ġurament skont il-formula li ġejja: “Nieħu ġurament solenni li nikkontribwixxi […], għall-kariga ta’ mħallef li ġiet fdata lili, fil-qasam ta’ attività tiegħi u b’dak kollu li nista’, għall-konsolidazzjoni tal-libertà, tas-sovranità u tas-saħħa tal-Istat demokratiku Pollakk, li dejjem ser inkun leali għaliha; li nipproteġi u nsaħħaħ l-ordni bbażat fuq il-prinċipji kostituzzjonali soċjali, ekonomiċi u politiċi tal-Polonja Popolari; li nipproteġi b’determinazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt, billi nittratta b’mod ugwali liċ-ċittadini kollha; li nsaħħaħ ir-rispett tad-dritt u tal-lealtà lejn l-Istat demokratiku Pollakk; li nwettaq b’mod diliġenti u metikoluż l-obbligi tal-kariga tiegħi, li namministra l-ġustizzja b’mod imparzjali skont il-kuxjenza tiegħi u skont id-dispożizzjonijiet legali, filwaqt li nosserva s-sigriet professjonali, u li nkun iggwidat, fil-kuntest tal-proċedura, mill-prinċipji ta’ dinjità, ta’ integrità u ta’ ġustizzja soċjali.” |
13 |
Skont l-Artikolu 59(1) tad-Digriet‑Liġi tas‑6 ta’ Frar 1928 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, fuq proposta tal-Ministru għall-Ġustizzja, kien ineħħi mħallef jekk dan tal-aħħar ma jagħtix il-garanziji għal twettiq xieraq tal-obbligi imposti fuq imħallef. |
Il-Liġi tal‑20 ta’ Ġunju 1985 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji
14 |
L-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tal‑20 ta’ Ġunju 1985 (Dz. U. Nru 31, pożizzjoni 137), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sad‑29 ta’ Diċembru 1989, kienet tipprevedi, fl-Artikolu 6(2) tagħha: “L-imħallfin għandhom jinħatru u jitneħħew mill-Kunsill tal-Istat [tar-Repubblika Popolari tal-Polonja] fuq proposta tal-Ministru għall-Ġustizzja.” |
15 |
L-Artikolu 59 ta’ din il-liġi kien ifformulat kif ġej: “1. Fil-mument tad-dħul fis-servizz, l-imħallef għandu jieħu l-ġurament li ġej quddiem il-Ministru għall-Ġustizzja: ‘Nieħu ġurament solenni li nikkontribwixxi, għall-kariga ta’ mħallef li ġiet fdata lili, fil-qasam ta’ attività tiegħi u b’dak kollu li nista’, għall-konsolidazzjoni tal-libertà, tas-sovranità u tal-iżvilupp fl-oqsma kollha tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, li dejjem ser inkun leali għaliha; li nipproteġi l-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika tagħha, li nipproteġi l-kisbiet tal-ħaddiema, il-proprjetà kollettiva kif ukoll id-drittijiet taċ-ċittadini u l-interessi tagħhom protetti mil-liġi; li niżgura l-osservanza tal-Istat tad-dritt u li nsaħħaħ il-konsapevolezza ġuridika taċ-ċittadini; li nwettaq b’mod diliġenti u metikoluż l-obbligi tal-kariga tiegħi, li namministra l-ġustizzja b’mod imparzjali skont il-kuxjenza tiegħi u skont id-dispożizzjonijiet legali, filwaqt li nosserva s-sigriet tal-Istat u s-sigriet professjonali, u li nkun iggwidat, fil-kuntest tal-proċedura, mill-prinċipji ta’ dinjità, ta’ integrità u ta’ ġustizzja soċjali”. […] 3. Fil-każ ta’ bdil fil-kariga tiegħu, l-imħallef ma jiħux il-ġurament mill-ġdid; dan ma japplikax għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fil-Qorti Suprema [tar-Repubblika Popolari tal-Polonja].” |
16 |
L-Artikolu 61 tal-imsemmija liġi kien jispeċifika: “1. Il-Kunsill tal-Istat [tar-Repubblika Popolari tal-Polonja], fuq proposta tal-Ministru għall-Ġustizzja, għandu jneħħi mħallef jekk dan tal-aħħar ma jagħtix il-garanziji fir-rigward tat-twettiq xieraq tal-obbligi imposti fuq imħallef. Qabel ma jissottometti l-proposta tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jisma’ l-ispjegazzjonijiet tal-imħallef, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli. […] […] 3. L-imħallef jitlef is-setgħa li jagħti ġudizzju mill-mument li fih ir-riżoluzzjoni dwar it-tneħħija tiegħu tkun ġiet ikkomunikata lilu.” |
Il-Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-KRS
17 |
L-Artikolu 11(1) sa (5) tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura), tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126 tal‑2011, pożizzjoni 714, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-KRS”), kien jipprovdi: “1. L-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tal-Qorti Suprema għandha tagħżel minn fost l-imħallfin ta’ din il-qorti żewġ membri tal-Kunsill. 2. L-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema, flimkien mar-rappreżentanti tal-assembleji ġenerali tal-qrati amministrattivi tal-voïvodie, għandha tagħżel minn fost l-imħallfin tal-qrati amministrattivi żewġ membri tal-Kunsill. 3. L-assemblea tar-rappreżentanti tal-assembleji tal-imħallfin tal-qrati tal-appell għandha tagħżel minn fostha żewġ membri tal-Kunsill. 4. L-assemblea tar-rappreżentanti tal-assembleji ġenerali tal-imħallfin tal-qrati nazzjonali għandha tagħżel minn fostha tmien membri tal-Kunsill. 5. L-assemblea tal-imħallfin tal-qrati militari għandha tagħżel, minn fostha, membru tal-Kunsill.” |
18 |
L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi kien ifformulat kif ġej: “1. L-assembleji ġenerali tal-imħallfin tal-qrati amministrattivi tal-voïvodie għandhom jagħżlu, minn fost il-membri tagħhom, żewġ rappreżentanti. 2. L-għażla tar-rappreżentanti tal-assembleji ġenerali tal-imħallfin tal-qrati amministrattivi għandha ssir mhux iktar tard mix-xahar ta’ qabel l-iskadenza tal-mandat tal-membri tal-Kunsill, magħżula minn fost l-imħallfin tal-qrati amministrattivi. Ir-rappreżentanti jintgħażlu għal perijodu ta’ erba’ snin.” |
19 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi kien jipprevedi: “1. L-assembleji tal-imħallfin tal-qrati tal-appell għandhom jagħżlu r-rappreżentanti tal-assembleji tal-imħallfin tal-qrati tal-appell minn fost il-membri tagħhom għal wieħed minn ħamsa tan-numru ta’ mħallfin ta’ qorti tal-appell speċifika. 2. L-assembleji ġenerali ta’ mħallfin tal-qrati reġjonali għandhom jagħżlu r-rappreżentanti tal-assembleji ġenerali tal-imħallfin tal-qrati reġjonali minn fost il-membri tagħhom għal 1/50 tan-numru ta’ mħallfin ta’ qorti reġjonali. 3. L-għażla tar-rappreżentanti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha ssir mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza tal-mandat tal-membri tal-Kunsill, magħżula minn fost l-imħallfin tal-qrati ordinarji. Ir-rappreżentanti jintgħażlu għal perijodu ta’ erba’ snin. […]” |
Il-Liġi dwar il-KRS
20 |
Il-Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-KRS ġiet emendata, b’mod partikolari, permezz tal-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3) u mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sád ó w powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ta’ Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1443) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”). |
21 |
L-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS jipprovdi: “1. Id-Diète jeleġġi, minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari, ħmistax‑il membru [tal-KRS] għal mandat komuni ta’ perijodu ta’ erba’ snin. […]” |
22 |
L-Artikolu 37(1) ta’ din il-liġi jipprovdi: “Jekk diversi kandidati jkunu applikaw għal kariga ta’ mħallef, [il-KRS] għandu jeżamina u jevalwa b’mod konġunt il-kandidaturi kollha ppreżentati. F’din is-sitwazzjoni, [il-KRS] għandu jadotta riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef, fir-rigward tal-kandidati kollha.” |
23 |
L-Artikolu 44 tal-imsemmija liġi jipprevedi: “1. Parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] abbażi tal-illegalità tar-riżoluzzjoni [tal-KRS], sakemm dispożizzjonijiet separati ma jipprevedux mod ieħor. […] 1a. Fil-kawżi individwali li jirrigwardaw ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], huwa possibbli li jiġi ppreżentat rikors quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)]. F’dawn il-kawżi, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Insostenn tar-rikors quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], ma jistax jiġi invokat motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni rigward il-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. 1b. Fil-każ li mhux il-parteċipanti kollha fil-proċedura jkunu kkontestaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) fil-kawżi individwali li jirrigwardaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], l-imsemmija riżoluzzjoni ssir definittiva, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef f’din l-istess qorti, fir-rigward tal-parteċipanti fil-proċedura li ma jkunux ippreżentaw rikors. 2. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat tramite l-President [tal-KRS], fi żmien ġimgħatejn min-notifika tar-riżoluzzjoni akkumpanjata bil-motivazzjoni tagħha. […] […] 4. Fil-kawżi individwali li jirrigwardaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], l-annullament, min-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], tar-riżoluzzjoni tal-KRS rigward in-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] huwa ekwivalenti għall-ammissjoni tal-kandidatura tal-parteċipant fil-proċedura li ppreżenta r-rikors, għal pożizzjoni vakanti ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], pożizzjoni li għaliha, fid-data tal-għoti tad-deċiżjoni tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], il-proċedura quddiem il-KRS tkun għadha ma ntemmietx jew, fil-każ tal-assenza ta’ tali proċedura, għall-pożizzjoni vakanti li jmiss ta’ mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li tkun ippubblikata.” |
Il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili
24 |
L-Artikolu 3851(1) tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 16), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi: “Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati individwalment ma jorbtux lill-konsumatur meta huma jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità, billi jippreġudikaw manifestament l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax il-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.” |
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
25 |
Skont l-Artikolu 367 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”): “1. Sentenza ta’ qorti tal-ewwel istanza tista’ tiġi appellata quddiem qorti tat-tieni istanza. 2. L-appelli minn sentenza ta’ qorti distrettwali għandhom jiġu eżaminati mill-qorti reġjonali, u l-appelli minn sentenza tal-qorti reġjonali mogħtija fl-ewwel istanza għandhom jiġu eżaminati mis-[Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell, il-Polonja)]. 3. Qorti tat-tieni istanza għandha teżamina kawża f’kulleġġ ġudikanti kompost minn tliet imħallfin. Bil-magħluq, il-qorti għandha tiddeċiedi f’kulleġġ ġudikanti kompost minn imħallef wieħed, ħlief meta tagħti sentenza.” |
26 |
L-Artikolu 379 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “Il-proċedura hija nulla: […]
|
27 |
L-Artikolu 3983 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi: “1. Parti tista’ tibbaża rikors ta’ kassazzjoni fuq il-motivi li ġejjin: […]
|
28 |
Skont l-Artikolu 39813(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, “is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha teżamina r-rikors ta’ kassazzjoni fil-limiti tat-talbiet u tal-motivi; fil-limiti tat-talbiet, hija għandha, madankollu, tieħu inkunsiderazzjoni ex officio n-nullità tal-proċedura”. |
29 |
L-Artikolu 39815 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi: “1. Jekk hija tilqa’ appell ta’ kassazzjoni, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha tannulla s-sentenza appellata kollha jew parti minnha u tibgħat lura l-kawża għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-qorti li tat is-sentenza jew quddiem qorti oħra tal-istess grad. […] 2. Fil-każ li l-kawża tintbagħat lura għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid, il-qorti għandha teżamina l-kawża f’kulleġġ ġudikanti differenti.” |
30 |
L-Artikolu 401 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi: “Huwa possibbli li jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura minħabba nullità:
[…]” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
31 |
Permezz ta’ rikors tat‑28 ta’ Frar 2017, ippreżentat fit‑3 ta’ Marzu 2017 quddiem is-Sąd Okręgowy w Świdnicy (il-Qorti Reġjonali ta’ Świdnica, il-Polonja), BN, DM u EN talbu li Getin Noble Bank tiġi kkundannata tħallas in solidum is-somma ta’ 175 107.10 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 39485), flimkien mal-interessi legali moratorji, billi sostniet n-natura inġusta tal-mekkaniżmu ta’ indiċjar tal-kreditu previst f’kuntratt ta’ kreditu ipotekarju indiċjat fuq munita barranija, jiġifieri l-frank Svizzeru (CHF), kif ukoll in-natura inġusta tal-klawżola ta’ pakkett ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ rifjut li tiġi stabbilita ipoteka fl-ewwel tliet xhur ta’ dan il-kreditu. |
32 |
Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Awwissu 2018, dik il-qorti kkundannat lil Getin Noble Bank tħallas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somma totali ta’ PLN 16 120.12 (madwar EUR 3634), miżjuda bl-interessi legali moratorji, u ddikjarat bħala illegali l-klawżoli kuntrattwali tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali li kienu jippermettu lil dan il-bank jistabbilixxi l-valur tal-frank Svizzeru b’mod arbitrarju, minflok ma jieħu inkunsiderazzjoni r-rata medja stabbilita min-Narodowy Bank Polski (il-Bank Nazzjonali tal-Polonja), mingħajr, madankollu, ma jinvalida l-mekkaniżmu ta’ indiċjar kollu kemm hu. |
33 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, dik il-qorti kkonfermat l-imsemmija sentenza. |
34 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li permezz tagħha huma jsostnu, essenzjalment, li l-imsemmija sentenza tikser l-Artikolu 3851 tal-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, sa fejn din ma tirrikonoxxix li n-natura inġusta tal-klawżola ta’ indiċjar prevista fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrendi l-mekkaniżmu ta’ indiċjar kollu previst f’dan il-kuntratt inapplikabbli bejn il-partijiet. |
35 |
Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ dan l-appell, il-qorti tar-rinviju, komposta minn imħallef tal-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), tirrileva li, skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors, ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli kuntrattwali humiex inġusti u li d-dritt Pollakk jipprevedi li tali rikors huwa ta’ natura ġudizzjarja. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-organu nazzjonali li jeżamina n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. |
36 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław), li tat is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019 li hija s-suġġett tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), kien kompost minn tliet imħallfin, jiġifieri FO, GP u HK, li l-indipendenza tagħhom tista’ titqiegħed f’dubju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi marbuta mal-ħatra tagħhom fil-karigi ta’ mħallef. |
37 |
Il-qorti tar-rinviju tindika qabelxejn li l-ewwel ħatra ta’ FO għal kariga ta’ mħallef tirriżulta minn riżoluzzjoni tad‑9 ta’ Marzu 1978 tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, sussegwentement li dan il-membru tal-ġudikatura nħatar għal kariga ta’ mħallef fis-Sąd Wojewódzki (il-Qorti tal-Voïvodie, il-Polonja) permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑18 ta’ April 1984 tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari tal-Polonja, u fl-aħħar nett li huwa nħatar għal kariga ta’ mħallef fis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław) permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja tat‑23 ta’ Jannar 1998, adottata fuq proposta tal-KRS. Fir-rigward ta’ GP u HK, huma allegatament nħatru għal kariga ta’ mħallef fis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław) permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika tal-Polonja, rispettivament tat‑12 ta’ Marzu 2015 u tas‑16 ta’ April 2012. |
38 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li FO għalhekk inħatar għall-ewwel kariga ta’ mħallef tiegħu fi żmien meta r-Repubblika Popolari tal-Polonja (iktar ’il quddiem ir-“RPP”) kienet Stat Komunist u tqis li l-ħatra sussegwenti tiegħu għal kariga ta’ mħallef fis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław) kienet il-konsegwenza ta’ deċiżjoni preċedenti meħuda minn korpi mhux demokratiċi u mhux imparzjali. Barra minn hekk, wara t-tmiem tar-reġim Komunist tar-RPP, ma sar l-ebda stħarriġ tal-osservanza, matul il-perijodu li matulu dan ir-reġim kien fil-poter, mill-imħallfin li nħatru minn dan l-istess reġim, tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġustizzja. |
39 |
Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, fl‑1998, meta FO nħatar fis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław), mhux biss ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS ma kellhomx għalfejn ikunu motivati, iżda lanqas ma setgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. |
40 |
Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), f’sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2017, ikkonstatat li, bejn is-sena 2000 u s-sena 2018, il-KRS ma kienx jiffunzjona b’mod trasparenti u li l-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tiegħu kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, huwa matul dan il-perijodu li GP u HK inħatru għall-karigi ta’ mħallef fis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław). |
41 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija għandhiex teżamina ex officio jekk il-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław) li tat is-sentenza appellata josservax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, u dan minkejja d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali Pollakki li jiggarantixxu l-irremovabbiltà tal-imħallfin. |
42 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi marbuta mal-ħatra ta’ mħallef għandhom ikunu s-suġġett, f’kull stadju tal-proċedura ġudizzjarja, ta’ eżami sabiex tiġi kkonstatata l-indipendenza tal-kulleġġ ġudikanti li huwa jagħmel parti minnu. L-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità għandha, għalhekk, issir in concreto, jiġifieri billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eventwali effett tal-modalitajiet tal-ħatra tal-imħallfin fuq il-kawża eżaminata. |
43 |
Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, jekk l-indipendenza ta’ qorti jew ir-regolarità tal-ħatra ta’ mħallef kellha tiġi evalwata in abstracto, jiġifieri mingħajr ma tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ eventwali effett fuq il-kawża eżaminata tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallef ikkonċernat, dan ikun jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-irremovabbiltà tal-imħallfin, li bħala prinċipju huma stabbiliti f’dispożizzjonijiet kostituzzjonali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-tqegħid f’dubju tal-ħatra ta’ mħallef huwa bħala prinċipju impossibbli fid-dawl tal-Kostituzzjoni u tal-ġurisprudenza kostituzzjonali Pollakka. |
44 |
Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, huwa biss eżami in concreto tal-“karatteristiċi individwali” ta’ qorti, bħall-pożizzjoni etika tagħha, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-indipendenza tagħha, li jkun jippermetti li tiġi ppreżervata l-fiduċja tal-partijiet f’kawża fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji. |
45 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), tista’ ssir biss evalwazzjoni in abstracto tal-indipendenza ta’ qorti jew tar-regolarità tal-ħatra ta’ mħallef. |
46 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) segwiet din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ddeċidiet, minn naħa, li l-KRS ma kienx korp imparzjali u indipendenti mis-setgħa leġiżlattiva u mis-setgħa eżekuttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma kinitx qorti, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali. |
47 |
Fit‑23 ta’ Jannar 2020, l-awli ċivili u l-awla kriminali kif ukoll l-awla industrijali u tas-sigurtà soċjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) adottaw, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju, riżoluzzjoni konġunta li permezz tagħha ġiet ikkonfermata l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 imsemmija fil-punt preċedenti. |
48 |
Madankollu, din ir-riżoluzzjoni hija, skont dik il-qorti, inkompatibbli ma’ riżoluzzjoni oħra, tat‑8 ta’ Jannar 2020, li għandha wkoll saħħa vinkolanti, mogħtija mill-awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-istess qorti. Minn din ir-riżoluzzjoni jirriżulta, minn naħa, li, meta s-Sad Najwyższy (il-Qorti Suprema) tiġi adita b’rikors kontra riżoluzzjoni tal-KRS dwar kandidat għal kariga ta’ mħallef, hija għandha teżamina jekk il-KRS huwiex indipendenti fid-dawl tas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C-625/18, EU:C:2019:982), u, min-naħa l-oħra, li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tista’ tannulla tali riżoluzzjoni tal-KRS biss f’żewġ ċirkustanzi, jiġifieri jekk ir-rikorrent juri li l-parzjalità tal-KRS kellha impatt fuq il-kontenut tal-imsemmija riżoluzzjoni jew, fil-każ fejn l-imħallef inkwistjoni huwa diġà maħtur u fid-dawl tal-projbizzjoni kostituzzjonali li tiġi evalwata l-validità ta’ att ta’ ħatra ta’ mħallef, jekk ir-rikorrent juri li l-qorti li l-imħallef ikkonċernat ikun sedenti fiha ma hijiex imparzjali u indipendenti. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sad Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it-talba għal proċedura mħaffa u l-benefiċċju tat-trattament prijoritarju
50 |
Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, hija sostniet li l-bidu ta’ tali proċedura huwa ġġustifikat, essenzjalment, mhux biss sabiex tiġi evalwata r-regolarità tas-sentenza appellata, iżda wkoll min-neċessità li tiġi stabbilita n-natura legali tal-kontestazzjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-istatus kostituzzjonali ta’ bosta mħallfin Pollakki, u, għaldaqstant, min-neċessità li jiġu stabbiliti n-natura u l-effetti tad-deċiżjonijiet mogħtija minn kulleġġi ġudikanti komposti minn dawn l-imħallfin. Barra minn hekk, tali proċedura hija allegatament ġġustifikata mill-fatt li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża tista’ tikkompleta l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi evitata kontradizzjoni bejn il-Kostituzzjoni u d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), u d-deċiżjonijiet tal-qrati Pollakki mogħtija abbażi ta’ din is-sentenza. |
51 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża tagħmilha diffiċli sabiex tiġi applikata tali proċedura, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dan il-każ, permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, ċaħad it-talba sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa. Fil-fatt, għalkemm ma teżistix, bħala prinċipju, korrelazzjoni bejn il-livell ta’ diffikultà ta’ kawża u l-urġenza li jista’ jkun hemm sabiex din tiġi deċiża, għandu jiġi kkonstatat li n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn din il-kawża diffiċilment twassal għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2017, Weiss et, C‑493/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:792, punt 13). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tar-rinviju waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja kważi tliet xhur wara li ttieħdet, u dan jindika li din il-kawża ma tirrigwardax sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. |
54 |
Madankollu, fid-dawl tal-argumenti invokati mill-qorti tar-rinviju, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fit‑8 ta’ Mejju 2020, li jagħti lil din il-kawża trattament prijoritarju, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
55 |
Permezz ta’ att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2021, il-Gvern Pollakk talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
56 |
Insostenn ta’ din it-talba, dan il-gvern invoka l-fatt li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2020, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) annullat deċiżjoni ta’ dik l-istess qorti, iżda mogħtija f’kulleġġ ġudikanti differenti, għar-raġuni, b’mod partikolari, li ma kienet teżisti l-ebda garanzija li din tal-aħħar kienet osservat l-istandard ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġ mill-qrati. Skont l-imsemmi gvern, il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha jsaħħu l-argumenti li huwa ppreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża u, konsegwentement, jistħoqqilhom li jiġu eżaminati fil-kuntest tagħha. |
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
58 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha, wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u s-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tosserva, barra minn hekk, li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mill-Gvern Pollakk ma tiżvela l-ebda fatt ġdid tali li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti. |
59 |
Fil-fatt, il-Gvern Pollakk ma jsostnix li d-deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2020 tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha xi tip ta’ effett fuq il-proċedura fil-kawża prinċipali. Huwa jsostni biss li l-motivi esposti f’din id-deċiżjoni “jsaħħu l-argumenti” li huwa diġà ppreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. |
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
61 |
Ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja) isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba d-difetti li jivvizzjaw il-ħatra tal-imħallef, li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju, għall-kariga ta’ mħallef u minħabba d-dubji li jista’ leġittimament ikun hemm rigward l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. |
62 |
F’dan ir-rigward, l-Ombudsman isostni, fl-ewwel lok, li, f’dan il-każ, dan l-imħallef ma jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. In-natura u l-gravità tad-difetti li jivvizzjaw il-ħatra tal-imħallef, li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju, għall-kariga ta’ mħallef allegatament ippreġudikaw l-effettività tal-proċess ta’ ħatra u, għaldaqstant, wasslu sabiex dan l-imħallef jitlef il-kwalità tiegħu ta’ qorti. Fil-fatt, dawn id-difetti huma tali li ma jippermettux li jitqies li l-imsemmi mħallef huwa qorti stabbilita b’mod validu, li tissodisfa l-kriterju ta’ qorti “stabbilita mil-liġi”. |
63 |
Fit-tieni lok, l-Ombudsman isostni li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi legali u fattwali kollha marbuta mal-proċess ta’ ħatra tal-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma tippermettix li jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef. |
64 |
Konsegwentement, skont l-Ombudsman, l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma jissodisfax iż-żewġ kriterji essenzjali sabiex ikollu n-natura ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, jiġifieri stabbiliment bil-liġi u l-fatt li jkun indipendenti u imparzjali. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, b’mod kumulattiv jew individwali, huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma hijiex awtorizzata tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 267 TFUE. |
65 |
Il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma tallega li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, tosserva li l-att ta’ ħatra tal-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kien ibbażat fuq riżoluzzjoni tal-KRS tat‑28 ta’ Awwissu 2018. Issa, minkejja li l-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni ġiet sospiża permezz ta’ digrieti tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tas‑27 ta’ Settembru u tat‑8 ta’ Ottubru 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja xorta ħatar lil dan l-imħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li hemm dubji dwar jekk l-imsemmi mħallef jissodisfax ir-rekwiżit li jkun “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, konformement mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu ta’ rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant sabiex jiġi evalwat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħalma huma, fost l-oħrajn, l-oriġini legali ta’ dan l-organu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 42). |
67 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li, peress li għandha tiddeċiedi in limine litis dwar l-ammissibbiltà tal-appell imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija obbligata, abbażi tad-dritt nazzjonali, li teżamina għal dan il-għan in-natura regolari tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata. |
68 |
Ma huwiex ikkontestat li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bħala tali tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza. Dak li, f’dan il-każ, huwa mqiegħed f’dubju mill-Ombudsman huwa jekk l-imħallef ikkonċernat, sedenti bħala mħallef uniku fil-kulleġġ ġudikanti li għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti minn korp sabiex jiġi kklassifikat bħala “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
69 |
Issa, sa fejn talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, imfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tagħha. |
70 |
Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 1982, Reina, 65/81, EU:C:1982:6, punt 7, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 44). |
71 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita permezz tat-Trattati huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha bħala għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li b’hekk ikunu jistgħu jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, finalment, in-natura adatta tad-dritt stabbilit mit-Trattati (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Il-preżunzjoni esposta fil-punt 69 ta’ din is-sentenza tista’ madankollu tiġi kkonfutata meta deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti nazzjonali jew internazzjonali twassal sabiex jitqies li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma għandux il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
73 |
F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx taf, fil-mument tal-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-fatt li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju kien is-suġġett ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, l-eventwali difetti li setgħu vvizzjaw il-proċedura nazzjonali ta’ ħatra tiegħu ma jistgħux iwasslu għall-inammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
74 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-preżunzjoni msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza tapplika biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE. Minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin li jifformaw il-qorti tar-rinviju neċessarjament jippermettu li jiġu ssodisfatti l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
75 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, li evalwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-punti 68 sa 74 ta’ din is-sentenza tista’ tkun neċessarja f’ċirkustanzi li fihom, lil hinn mis-sitwazzjoni personali tal-imħallef jew tal-imħallfin li formalment jippreżentaw talba skont l-Artikolu 267 TFUE, elementi oħra kellu jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-qorti tar-rinviju li dawn l-imħallfin jagħmlu parti minnha u b’hekk jikkontribwixxu sabiex jiġu ppreġudikati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qorti. |
76 |
Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sal-ħames domanda
Osservazzjonijiet preliminari
77 |
L-ewwel sal-ħames domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 6(1) u (3), u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 38 tal-Karta u tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13. |
78 |
Madankollu, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi, essenzjalment, li l-konsumaturi jistgħu jwaqqfu l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur b’mod partikolari billi jadixxu lill-qrati kompetenti, u li l-kawża prinċipali tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rikonoxximent tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali. |
79 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel sal-ħames domanda biss fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13. |
Fuq l-ewwel sat-tielet domanda
80 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali kulleġġ ġudikanti ta’ qorti ta’ Stat Membru li fih ikun sedenti mħallef li l-ewwel ħatra tiegħu għal tali kariga jew il-ħatra sussegwenti tiegħu f’qorti superjuri tirriżulta minn din is-sistema tirriżulta minn deċiżjoni adottata minn korp jew reġim mhux demokratiku f’dan l-Istat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, inkluż meta l-ħatriet ta’ dan l-imħallef fi qrati wara li dan ir-reġim intemm kienu bbażati b’mod partikolari fuq l-anzjanità miksuba mill-imsemmi mħallef matul il-perijodu li matulu l-imsemmi reġim kien fil-poter jew meta huwa ħa l-ġurament ġudizzjarju biss mal-ewwel ħatra tiegħu inkwantu mħallef minn korp ta’ dan l-istess reġim. |
81 |
L-ewwel sat-tielet domanda jirreferu għal tliet ċirkustanzi involuti fil-ħatra ta’ FO, li huwa wieħed mit-tliet imħallfin li jifformaw il-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata, li l-qorti tar-rinviju tqis li huma problematiċi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza. |
82 |
L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tindika li FO nħatar għall-ewwel darba għal kariga ta’ mħallef mill-Kunsill tal-Istat tar-RPP, li kien korp politiku tas-setgħa eżekuttiva tar-RPP, fuq proposta tal-Ministru għall-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien u bis-saħħa tad-Digriet‑Liġi tas‑6 ta’ Frar 1928 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, mingħajr ma din il-ħatra kienet ibbażata fuq kriterji trasparenti, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ korp ta’ awtoregolazzjoni ġudizzjarja jew awtorità pubblika kkostitwita wara elezzjonijiet ta’ natura demokratika fil-proċedura ta’ ħatra ta’ dan l-imħallef, u mingħajr il-garanzija tal-irremovabbiltà ta’ FO. |
83 |
It-tieni, il-qorti tar-rinviju tosserva li FO seta’ jinħatar sussegwentement għal kariga ta’ mħallef fi qrati superjuri abbażi tal-anzjanità tiegħu miksuba inkwantu mħallef matul perijodu li fih kien fil-poter fil-Polonja reġim Komunist, kif ukoll abbażi ta’ evalwazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu ta’ mħallef f’kariga li għaliha kien inħatar minn dan l-istess reġim. |
84 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju tindika li FO ma ħax ġurament ġudizzjarju wara t-tmiem tar-reġim Komunist tar-RPP, iżda ħa ġurament, fl-ewwel ħatra tiegħu għal kariga ta’ mħallef minn dan ir-reġim, b’mod partikolari li jipproteġi s-sistema politika tal-Istat Komunist. |
85 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li d-domandi magħmula jirrigwardaw ċirkustanzi li lkoll seħħew qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni. |
86 |
Issa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Ynos, C‑302/04, EU:C:2006:9, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni li l-qorti tar-rinviju hija, f’dan il-każ, mitluba tiddeċiedi in limine litis ma għandhiex bħala suġġett sitwazzjoni li pproduċiet l-effetti kollha tagħha qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2014, X, C‑318/13, EU:C:2014:2133, punt 23, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 41). Fil-fatt, biżżejjed jiġi kkonstatat li, minkejja li nħatar għall-kariga ta’ mħallef qabel din l-adeżjoni, FO fil-preżent għandu l-istatus ta’ mħallef u jeżerċita funzjonijiet li jikkorrispondu għal dan l-istatus. |
88 |
Wara li saret din il-konstatazzjoni rigward il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 48). |
89 |
Kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jiżguraw lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u li fil-preżent huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar għandha, għaldaqstant, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
90 |
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
91 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu għalhekk jiżgura, b’mod partikolari, li l-korpi li, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, u li, għalhekk, jistgħu jagħtu deċiżjoni, f’din il-kwalità, fuq l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
92 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li qorti ordinarja Pollakka bħalma hija s-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław) li, bħal fil-kuntest tal-kawża prinċipali, kellha tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni u mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tad-Direttiva 93/13, taqa’, inkwantu “qorti”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, b’tali mod li hija għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
93 |
Sabiex jiġi ggarantit li tali qorti tkun tista’ tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva hekk meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, iż-żamma tal-indipendenza u tal-imparzjalità tagħha hija fundamentali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
94 |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati, li huwa inerenti fil-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
95 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jippreżupponu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-korp, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll ir-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tiegħu, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ dan il-korp fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
96 |
F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom u l-imparzjalità tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-kariga tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u għandhom għalhekk jippermettu li tiġi eskluża assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
97 |
Għalhekk huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra ta’ mħallfin ikunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti, ladarba jinħatru l-partijiet ikkonċernati. Għal dan il-għan huwa importanti, b’mod partikolari, li l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet jitfasslu b’mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
98 |
Ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 94 sa 97 ta’ din is-sentenza japplikaw b’mod partikolari għal qorti inkarigata mid-dritt ta’ Stat Membru bil-kompetenza li tordna l-waqfien tal-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur, skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tafferma mill-ġdid id-dritt għal rimedju effettiv li minnu jibbenefikaw il-konsumaturi li jqisu lilhom infushom leżi minn tali klawżoli. |
99 |
Mill-bqija, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu li huma jallegaw li sofrew minħabba n-natura, fil-fehma tagħhom inġusta, tal-klawżoli msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, fis-sens ta’ din id-direttiva. Din it-tilwima tikkorrispondi għalhekk għal sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li dawn l-istess rikorrenti huma ġġustifikati li jinvokaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit lilhom permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et, (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 81). |
100 |
Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk iċ-ċirkustanzi preċedenti għall-adeżjoni mal-Unjoni tar-Repubblika tal-Polonja, imsemmija fil-punti 82 sa 84 ta’ din is-sentenza, għandhomx effett fuq l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef li fil-preżent jagħmel parti mill-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti. |
101 |
Issa, tali effett jista’ jiġi stabbilit biss jekk tintwera rabta bejn ir-regoli nazzjonali li taħthom seħħew dawn iċ-ċirkustanzi u l-feġġ preżenti ta’ dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat. |
102 |
Il-qorti tar-rinviju tibbaża d-dubji tagħha f’dan ir-rigward sempliċement fuq il-kunsiderazzjoni li l-imħallfin maħtura mill-korpi tar-reġim antik mhux demokratiku Pollakk allegatament ma humiex “indipendenti”, minħabba l-ħatra tagħhom minn dawn il-korpi, il-kisba ta’ parti mill-anzjanità tagħhom matul il-perijodu li fih dan ir-reġim kien fil-poter u minħabba l-fatt li huma ħadu l-ġurament ġudizzjarju biss matul dan il-perijodu. |
103 |
Hija żżid li, minkejja li ċerti miżuri ta’ lustrazzjoni ġew implimentati wara t-tmiem tar-reġim Komunist tar-RPP, l-ordni kostituzzjonali demokratiku li ġie wara dan ir-reġim Komunist ammetta li l-imħallfin maħtura mill-korpi ta’ dan tal-aħħar jistgħu, bħala prinċipju, jibqgħu fil-kariga, fatt li l-Gvern Pollakk ikkonferma waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-ewwel tliet domandi jirreferu għas-sitwazzjoni ta’ mħallfin miżmuma fil-kariga tagħhom wara t-tmiem tar-reġim mhux demokratiku tar-RPP. |
104 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex setgħet taderixxi mal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kellha tissodisfa kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti mill-Istati kandidati għall-adeżjoni, kif huma stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen tal‑21 u tat‑22 ta’ Ġunju 1993. Dawn il-kriterji jeżiġu b’mod partikolari li l-Istat kandidat “jkollu istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, is-supremazija tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom”. Bl-istess mod, l-Artikolu 49 TUE, li jipprevedi l-possibbiltà għal kull Stat Ewropew li jitlob li jsir membru tal-Unjoni, jispeċifika li din tiġbor fi ħdanha Stati li aderixxew b’mod liberu u volontarju mal-valuri komuni li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fosthom hemm il-valur tal-Istat tad-dritt, li josservaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 61). Għalhekk, fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni, ġie kkunsidrat li, bħala prinċipju, is-sistema ġudizzjarja kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
105 |
Issa, fil-kuntest imfakkar fil-punti 103 u 104 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi l-ebda element li jindika għal liema raġuni l-kundizzjonijiet tal-ewwel ħatra, li seħħet qabel it-tmiem tar-reġim mhux demokratiku tar-RPP, ta’ mħallef miżmum fil-kariga wara dan it-tmiem huma tali li jqajmu dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan l-imħallef fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu. |
106 |
B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma tirriżulta l-ebda spjegazzjoni ċara u konkreta li turi kif dawn il-kundizzjonijiet tal-ewwel ħatra ta’ tali mħallef jistgħu jippermettu lil kwalunkwe persuna, istituzzjoni jew organu li jeżerċitaw fil-preżent influwenza indebita fuqu. |
107 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li ċ-ċirkustanzi marbuta mal-ewwel ħatra ta’ mħallef għal tali karigi, li seħħet matul il-perijodu li fih ir-reġim mhux demokratiku tar-RPP kien fil-poter, bħal dawk identifikati fil-punti 82 sa 84 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux minnhom infushom jitqiesu li huma tali li jqajmu dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan l-imħallef, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji sussegwenti tiegħu. |
108 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li l-ewwel ħatra ta’ mħallef fi Stat Membru għal tali kariga jew il-ħatra sussegwenti tiegħu f’qorti superjuri tirriżulta minn deċiżjoni adottata minn korp ta’ reġim mhux demokratiku li kien fil-poter f’dan l-Istat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, inkluż meta l-ħatriet ta’ dan l-imħallef fi qrati wara t-tmiem ta’ dan ir-reġim kienu bbażati, fost l-oħrajn, fuq l-anzjanità miksuba mill-imsemmi mħallef matul il-perijodu li fih l-imsemmi reġim kien fil-poter jew meta huwa ħa l-ġurament ġudizzjarju biss fl-ewwel ħatra tiegħu inkwantu mħallef minn korp ta’ dan l-istess reġim, ma huwiex minnu nnifsu tali li jqajjem dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet f’kawża, rigward l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-istess imħallef, u lanqas, għaldaqstant, li jqiegħed f’dubju l-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih dan l-imħallef huwa sedenti. |
Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda
109 |
Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, kulleġġ ġudikanti ta’ qorti ta’ Stat Membru li fih huwa sedenti mħallef li l-ewwel ħatra tiegħu għal kariga ta’ mħallef jew il-ħatra sussegwenti tiegħu f’qorti superjuri tkun seħħet jew wara l-għażla tiegħu bħala kandidat għall-kariga ta’ mħallef minn korp kompost abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li sussegwentement ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, jew wara l-għażla tiegħu bħala kandidat għall-kariga ta’ mħallef minn korp kompost b’mod regolari iżda wara proċedura li la kienet trasparenti, la pubblika u lanqas waħda li tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. |
110 |
Fir-rigward tal-ewwel ċirkustanza, il-qorti tar-rinviju tindika li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonstatat, f’sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2017, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni – li jipprevedi li l-mandat tal-membri eletti tal-KRS huwa ta’ erba’ snin – tal-Artikolu 13(3) tal-Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-KRS, interpretat fis-sens li l-mandat tal-membri tal-KRS magħżul minn fost l-imħallfin tal-qrati ordinarji huwa ta’ natura individwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li żewġ membri tal-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata nħatru għal karigi ta’ mħallef fis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław) abbażi ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill-KRS f’kompożizzjoni li, għal maġġoranza tal-membri ta’ din tal-aħħar, kienet tirriżulta minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi li sussegwentement ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), għandux effett fuq l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin. |
111 |
Fir-rigward tat-tieni ċirkustanza, il-qorti tar-rinviju tosserva li, matul il-perijodu immedjatament wara t-tmiem tar-reġim Komunist tar-RPP, l-imħallfin maħtura minn dan ir-reġim inħatru għal karigi ta’ mħallef f’qrati superjuri, wara proċedura li żvolġiet quddiem il-KRS li nħoloq mill-ġdid, iżda din il-proċedura la kienet trasparenti u lanqas pubblika, u r-riżoluzzjonijiet tal-KRS ma setgħux, barra minn hekk, sal‑2007, ikunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li membru tal-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata nħatar fis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (il-Qorti tal-Appell ta’ Wrocław) matul dan il-perijodu huwiex tali li jqiegħed f’dubju l-indipendenza tiegħu. |
112 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 89 sa 97 ta’ din is-sentenza hija wkoll rilevanti sabiex jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħames domanda. |
113 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel mil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-pedament tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika dwar jekk, bil-kompożizzjoni tiegħu, korp jikkostitwixxix tali qorti, meta jkun hemm dubju serju dwar dan il-punt, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-partijiet f’kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
114 |
Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi marbuta mal-ħatra tal-imħallfin ikkonċernati, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn l-imħallfin jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni”. |
115 |
Fir-rigward ta’ dan il-kunċett, mill-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tirrifletti, essenzjalment u kif diġà tfakkar fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għalih jirreferi wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jirriżulta li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, pubbliku u fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 122). |
116 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 123). |
117 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB enfasizzat b’mod partikolari li, għalkemm id-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” ggarantit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet mill-qrib ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. B’dan il-mod, fis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L-Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD 002637418, punti 231 u 233), l-imsemmija qorti ddeċidiet b’mod partikolari li, minkejja li r-rekwiżiti istituzzjonali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandhom, kull wieħed minnhom, għan preċiż li jirrendihom garanziji speċifiċi għal smigħ xieraq, dawn għandhom komuni bejniethom il-fatt li huma intiżi għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali tal-preeminenza tad-dritt u tas-separazzjoni tal-poteri, filwaqt li jispeċifikaw, f’dan ir-rigward, li kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa bbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-fiduċja li l-poter ġudizzjarju għandu jispira fil-partijiet f’kawża u l-indipendenza ta’ dan il-poter mill-poteri l-oħra (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 124). |
118 |
B’mod partikolari, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi ggarantita mill-poter leġiżlattiv u minn dak eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
119 |
Kif tfakkar fil-punti 95 u 96 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jippreżupponu l-eżistenza ta’ regoli, fosthom, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-korp u l-ħatra tal-membri tiegħu, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmi korp fil-konfront ta’ elementi esterni u tan-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi kunfliġġenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 128). |
120 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti EDB indikat ukoll, fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 227 u 232), li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li l-imsemmi proċess jinvolvi għall-funzjonament tajjeb u għall-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mill-preeminenza tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti fil-kunċett ta’ “qorti stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, filwaqt li ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, titkejjel, b’mod partikolari, bil-mod kif il-membri tagħha jkunu nħatru (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 125). |
121 |
Barra minn hekk, fil-punt 73 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’riferiment, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, li l-introduzzjoni tal-espressjoni “stabbilita bil-liġi” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandha l-għan li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla fid-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li din il-materja tkun irregolata b’liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli applikabbli għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha. Din l-espressjoni tirrifletti, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u tirrigwarda mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza nfisha tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha tirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 129). |
122 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li irregolarità mwettqa mal-ħatra ta’ mħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tar-rekwiżit li qorti tkun stabbilita bil-liġi, b’mod partikolari meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li hija toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk tiżra’ dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati, li huwa l-każ meta jkunu inkwistjoni regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u ta’ affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
123 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li mhux kwalunkwe żball li jista’ jseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef huwa tali li jqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih dan l-imħallef ikun sedenti. |
124 |
F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk il-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata jistax, fid-dawl tal-membri li jikkomponuh, jitqies li jissodisfa l-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi”. |
125 |
Fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li ċerti membri tal-qorti ta’ Stat Membru nħatru f’din il-qorti abbażi ta’ riżoluzzjonijiet adottati minn korp li l-kompożizzjoni tiegħu kienet tirriżulta minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi li sussegwentement ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, għandu jiġi osservat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dan il-każ, permezz tas-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2017, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tatx deċiżjoni dwar l-indipendenza tal-KRS. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni mill-imsemmija sentenza kienu jirrigwardaw, essenzjalment, in-natura individwali tal-mandat tal-membri tal-KRS kif ukoll ir-regoli ta’ tqassim li abbażi tagħhom dawn il-membri kienu magħżula minn fost il-qrati Pollakki. |
126 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li abbażi tagħhom il-KRS kien kompost f’dak iż-żmien ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni, dikjarazzjoni li għaliha sar riferiment fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, ma jistax, minnu nnifsu, iwassal sabiex titqiegħed f’dubju l-indipendenza ta’ dan il-korp, u lanqas, għaldaqstant, sabiex tqajjem, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dubji dwar l-indipendenza tal-imħallfin ikkonċernati minn elementi esterni. |
127 |
Huwa preċiżament dan il-fatt li jiddistingwi din il-kawża minn dawk li taw lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596). Fil-fatt, b’mod differenti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li abbażi tagħhom kien kompost il-KRS li r-riżoluzzjonijiet tiegħu wasslu għall-ħatra tal-imħallfin inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenzi, li abbażi tagħha l-kompożizzjoni tal-KRS ġiet mibdula, saħħet l-influwenza tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv fuq l-għażla tal-membri tal-KRS b’mod li setgħet tqajjem dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet f’kawża, f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-KRS inkwistjoni fl-imsemmija kawżi u r-rwol tiegħu fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin li dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw u, konsegwentement, l-indipendenza ta’ dawn tal-aħħar u tal-qorti li huma kienu sedenti fiha. |
128 |
Din il-konstatazzjoni msemmija l-aħħar ġiet ikkonfermata mill-Qorti EDB, li ddeċidiet li l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fuq proposta tal-KRS komposta abbażi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti, kienet indebitament influwenzata mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, li huwa, minnu nnifsu, inkompatibbli mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punt 276). |
129 |
Mill-bqija, il-qorti tar-rinviju ma ressqitx elementi konkreti tali li jissostanzjaw l-eżistenza ta’ dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin ikkonċernati li jirriżultaw mill-fatt li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li abbażi tagħhom kien kompost il-KRS, li pparteċipa fil-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-imsemmija mħallfin, imorru kontra l-Kostituzzjoni. |
130 |
L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju u li hemm riferiment għaliha fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li wieħed mill-membri ta’ qorti ta’ Stat Membru ntgħażel bħala kandidat għal kariga ta’ mħallef minn korp ikkunsidrat bħala kompost b’mod regolari, iżda wara proċedura li, f’dak iż-żmien, la kienet trasparenti, la pubblika u lanqas setgħet tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-KRS, hekk kif kien kompost wara t-tmiem tar-reġim mhux demokratiku tar-RPP, ma kienx indipendenti mill-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv. |
131 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ u fil-ħames domanda preliminari tagħha, esposti fil-punti 110 u 111 ta’ din is-sentenza, huma tali li jistabbilixxu ksur tar-regoli fundamentali applikabbli fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 122 ta’ din is-sentenza. |
132 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, kulleġġ ġudikanti ta’ qorti ta’ Stat Membru li fih huwa sedenti mħallef li l-ewwel ħatra tiegħu għal kariga ta’ mħallef jew li l-ħatra sussegwenti tiegħu f’qorti superjuri tkun seħħet jew wara l-għażla tiegħu bħala kandidat għall-kariga ta’ mħallef minn korp kompost abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li sussegwentement ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, jew wara l-għażla tiegħu bħala kandidat għall-kariga ta’ mħallef minn korp kompost b’mod regolari iżda wara proċedura li la kienet trasparenti, la pubblika u lanqas waħda li tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja, sakemm tali irregolaritajiet ma jkunux ta’ natura u ta’ gravità tali li joħolqu riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk jiżirgħu dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat. |
Fuq is-sitt u s-seba’ domanda
133 |
Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel sal-ħames domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt u s-seba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
134 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.