SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

24 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Appell – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Qafas finanzjarju pluriannwali – Allegat kunflitt ta’ interessi tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka – Talba sabiex dan tal-aħħar jiġi prekluż milli jiltaqa’ mal-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej – Talba għat-tmiem tal-pagamenti diretti fil-baġit tal-Unjoni favur ċerti gruppi agroalimentari – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Allegata assenza ta’ azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Allegat nuqqas ta’ imparzjalità – Inammissibbiltà tar-rikors – Teħid ta’ pożizzjoni – Locus standi – Interess ġuridiku”

Fil-Kawża C‑130/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressqa fl‑1 ta’ Marzu 2021,

Lukáš Wagenknecht, residenti fi Pardubice (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentat minn A. Koller, advokátka,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher u M. Salyková, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Passer, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, Lukaš Wagenknecht jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2020, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (T‑350/20, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, mhux ippubblikat, EU:T:2020:635), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tiegħu għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE u intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni Ewropea astjeniet illegalment it-talba tiegħu sabiex jiġu adottati miżuri vinkolanti u dissważivi intiżi sabiex jipprevjenu jew jitrattaw l-allegat kunflitt ta’ interessi ta’ Andrej Babiš, Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 1 sa 4 tas-sentenza appellata, bil-mod kif ġej:

“1.

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent […], membru tas-Senát Parlamentu České republiky (Senat tar-Repubblika Ċeka), talab lill-Kummissjoni Ewropea tadotta miżuri vinkolanti u dissważivi intiżi sabiex jipprevjenu jew jitrattaw l-allegat kunflitt ta’ interessi ta’ Andrej Babiš, il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, b’mod partikolari, minn naħa, billi jimpedixxi lill-membri tal-kulleġġ tal-kummissarji, b’mod partikolari l-President tiegħu, milli jiltaqa’ ma’ [A. Babiš] u li jiddiskuti miegħu kwistjonijiet marbutin mal-qafas finanzjarju pluriennali 2021/2027 u mal-baġit tal-Unjoni b’mod ġenerali kif ukoll, min-naħa l-oħra, billi tadotta miżuri intiżi li jtemmu l-ħlasijiet ta’ għajnuna agrikola diretta tal-baġit tal-Unjoni favur ċerti kumpanniji li fuqhom A. Babiš jeżerċita kontroll u li tagħhom huwa l-proprjetarju effettiv (iktar ’il quddiem l-“sejħa għal teħid ta’ azzjoni”) u dan minħabba allegat kunflitt ta’ interessi ta’ dan ir-rappreżentant tar-Repubblika Ċeka, li jirriżulta mill-interessi personali u familjari tiegħu fl-impriżi tal-grupp Agrofert u tal-grupp Synbiol, assi b’mod partikolari fil-qasam agroalimentari.

2.

Fit-tweġiba tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni, filwaqt li kkonstatat li s-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata lilha kienet tikkorrispondi, fil-parti l-kbira tagħha, għal dik diġà indirizzata lill-Kunsill Ewropew u li kienet is-suġġett tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali f’din id-data, fil-kuntest tal-Kawża T‑715/19, Wagenknecht vs Il‑Kunsill Ewropew, spjegat li hija kienet diġà adottat il-miżuri neċessarji u proporzjonati sabiex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni. Il-Kummissjoni rreferiet, l-ewwel, għall-fatt li ebda ħlas taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ma kien tħallas lill-benefiċjarji potenzjalment ikkonċernati mill-allegat kunflitt ta’ interessi u, it-tieni, għad-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2019 li tissospendi l-ħlasijiet taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppreċiżat li din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Kawża T‑76/20, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni. Għalhekk, minħabba din il-kawża, pendenti dak iż-żmien u li fil-frattemp tħassret mir-rwol tal-Qorti Ġenerali wara r-rinunzja għall-atti tar-rikorrent (digriet tal‑25 ta’ Awwissu 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, T‑76/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:379), il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tastjeni milli tagħmel osservazzjonijiet oħra.

3.

Permezz ta’ posta elettronika tat‑30 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent reġa’ indirizza lill-Kummissjoni billi tenna l-mistoqsijiet li huwa kien għamel fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, minħabba li, fil-fehma tiegħu, din tal-aħħar ma kinitx ħadet pożizzjoni fir-rigward tagħhom fir-risposta tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2020. Fl-istess posta elettronika, ir-rikorrent għamel mistoqsijiet addizzjonali, filwaqt li rrikonoxxa li dawn il-mistoqsijiet kienu jmorru lil hinn mill-qafas tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni.

4.

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ April 2020, il-Kummissjoni, billi ħadet nota tal-ittra elettronika tar-rikorrent tat‑30 ta’ Marzu 2020, wieġbet li hija ma kellha xejn x’iżżid mal-korrispondenza preċedenti.”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

3

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ippreżenta, skont l-Artikolu 265 TFUE, rikors intiż għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni sa fejn din l-istituzzjoni naqset milli tieħu azzjoni bi tweġiba għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni.

4

Fil‑11 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Ir-rikorrent ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

5

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, laqgħet it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni siltiet mir-rikors li jirreferu għal opinjoni tas-servizz legali ta’ din l-istituzzjoni tad‑19 ta’ Novembru 2018 u, min-naħa l-oħra, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, wara li ddeċidiet, l-ewwel, fil-punti 28 sa 31 ta’ dan id-digriet, li r-rikorrent la kellu interess ġuridiku u lanqas locus standi u, it-tieni, fil-punti 32 sa 36 tal-imsemmi digriet, li l-Kummissjoni kienet ħadet, fl-ittra tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2020, pożizzjoni fuq is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni,

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat, u

tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;

7

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

8

Jeħtieġ li jinġabru flimkien l-argumenti tal-appellant, kif imressqa fl-appell, f’sitt aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-tieni wieħed, fuq klassifikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-ittra tal-Kummissjoni tat‑25 ta’ Marzu 2020 bħala teħid ta’ pożizzjoni, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interess ġuridiku u tal-locus standi tal-appellant, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, (iktar ’il quddiem il- “KEDB”), tal-Artikoli 2, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 2 TUE, il-ħames, fuq evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-użu magħmul mill-appellant tal-avviż legali tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Novembru 2018 u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ previdibbiltà tal-liġi fir-rigward tal-ispejjeż.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

9

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sa fejn wieħed mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Ġenerali li ddeċieda fuq ir-rikors tiegħu, jiġifieri l-Imħallef J. Laitenberger, kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ apparenza ta’ kunflitt ta’ interessi fil-kawża, mingħajr madankollu ma rrikuża ruħu, u, għaldaqstant, naqas mill-obbligu tiegħu ta’ imparzjalità oġġettiva. Barra minn hekk, il-President tal-Qorti Ġenerali kiser l-obbligu tiegħu li jinnotifika lil dan l-imħallef bil-kunflitt ta’ interessi tiegħu.

10

Skont l-appellant, dan il-kunflitt ta’ interessi joriġina minn żewġ ċirkustanzi li minnhom waħda biss hija biżżejjed sabiex tistabbilixxi n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ imparzjalità invokat.

11

Fl-ewwel lok, l-appellant jirrileva li, qabel ma nħatar Imħallef tal-Qorti Ġenerali, J. Laitenberger għadda 20 sena fis-servizz tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” u għad-dipartiment tal-kelliema. Issa, billi ddeċidiet f’kawża li tirrigwarda l-allegat nuqqas tal-persuna li timpjegaha madwar disa’ xhur wara li telqet, din il-qorti sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ apparenza ta’ kunflitt ta’ interessi u għalhekk ma ssodisfatx ir-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva.

12

Fit-tieni lok, ir-rikorrent jallega li J. Laitenberger, meta kien direttur ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni”, iddefenda n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni kontra l-grupp Agrofert f’tilwima oħra li tirrigwarda strutturalment l-istess domanda bħal dik magħmula f’din il-kawża.

13

F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li, bejn ix-xhur ta’ Jannar u dak ta’ Marzu 2018, huwa kellu skambju ta’ komunikazzjonijiet ma’ J. Laitenberger permezz tal-kelliem ta’ dan tal-aħħar, wara tliet mistoqsijiet li huwa kien qajjem sabiex ikun jaf jekk l-assenza ta’ rkupru minn Stat Membru ta’ somma li tikkorrispondi għal sussidju li l-Kummissjoni rrifjutat li tassumi mill-baġit tal-Unjoni peress li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) kien iqis li din tħallset bi ksur tar-regoli tal-Unjoni, u għalhekk ittieħdet fuq il-baġit ta’ dak l-Istat Membru, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Essenzjalment, kienet tingħatalha r-risposta li l-Kummissjoni ma setgħetx, bħala prinċipju, tordna lil Stat Membru jirkupra għajnuna biss minħabba li din kienet ingħatat illegalment jekk l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ma kinitx ipprovata. Din ir-risposta, li ġiet ipprovduta f’isem id-DĠ “Kompetizzjoni” mill-kelliem ta’ J. Laitenberger, kienet limitata sabiex tindirizza, b’mod ġenerali, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-għajnuna mill-Istat minflok ma ddeċidiet speċifikament fuq it-tilwima li kienet tikkonċerna sussidjarja ta’ Agrofert.

14

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa infondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

15

Fil-fatt, il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett tagħha kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan jimplika li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt. Din il-verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw lill-parti f’kawża (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tiddeċiedi li r-rekwiżit ta’ imparzjalità, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, ikopri żewġ aspetti. Minn naħa, il-qorti għandha tkun suġġettivament imparzjali, jiġifieri li ebda wieħed mill-membri tagħha ma għandu juri li qed ixaqleb lejn jew jieħu pożizzjoni fuq bażi personali, billi l-imparzjalità personali hija preżunta sakemm tingħata prova kontrarja. Min-naħa l-oħra, il-qorti għandha tkun oġġettivament imparzjali, jiġifieri li għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill, C‑413/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1044, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

F’dan il-każ, billi sempliċement jallega li wieħed mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Ġenerali li ta d-digriet appellat kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ apparenza ta’ kunflitt ta’ interessi, l-appellant jipprova jikkontesta mhux l-imparzjalità personali ta’ dan il-membru, iżda l-imparzjalità oġġettiva tal-kulleġġ ġudikanti.

18

F’dak li jirrigwarda l-motivi li fuqhom ir-rikorrent jibbaża din l-allegazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-imsemmi membru tal-kulleġġ ġudikanti kien jaħdem mal-Kummissjoni, konvenut fl-ewwel istanza, qabel ma eżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali ma huwiex biżżejjed sabiex iqajjem dubju leġittimu dwar l-imparzjalità oġġettiva tiegħu kif ukoll dik ta’ dan il-kulleġġ f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑2 ta’ April 2020, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, C‑577/18 P‑REV, mhux ippubblikat, EU:C:2020:250, punti 25 sa 30).

19

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 18 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi l-espressjoni tad-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jipparteċipaw fir-riżoluzzjoni ta’ ebda kawża li fiha jkunu intervjenew preċedentement bħala aġent, konsulent jew avukat ta’ waħda mill-partijiet, jew li dwarha jkunu ntalbu jagħtu deċiżjoni bħala membru ta’ qorti, ta’ kummissjoni ta’ investigazzjoni jew ta’ kull titolu ieħor u, fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tagħha, li jekk, għal raġuni speċjali, imħallef jew avukat ġenerali jqis li ma jistax jipparteċipa f’sentenza jew fl-eżami ta’ kawża determinata, huwa għandu jinforma lill-President.

20

Issa, fir-rigward tal-projbizzjoni magħmula mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għal qorti milli tipparteċipa fir-riżoluzzjoni ta’ kawża li fiha hija kienet preċedentement interveniet f’kapaċità oħra kif ukoll ir-riferiment, fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 18, għal “raġuni speċjali” li ma tipparteċipax fis-sentenza ta’ kawża partikolari, huwa inutli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari kif deskritti mir-rikorrent, li dan tal-aħħar invoka l-allegata difiża, minn J. Laitenberger fil-funzjoni tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tad-DG “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni, tan-nuqqas ta’ azzjoni ta’ din l-istituzzjoni kontra l-grupp Agrofert f’tilwima oħra li kienet tirrigwarda l-istess kwistjoni bħala dik magħmula f’dan il-każ.

21

Fil-fatt, l-ewwel, anki jekk il-korrispondenza bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni matul is-sena 2018 kienet tirrigwarda, bħar-rikors tiegħu f’din il-kawża, allegat kunflitt ta’ interessi min-naħa tal-Prim Ministru Ċek, l-għan ta’ din il-korrispondenza kien għajnuna mill-Istat illegali li r-Repubblika Ċeka kienet tat, filwaqt li s-suġġett ta’ din il-kawża jikkonċerna pagamenti tal-baġit tal-Unjoni. Għalhekk din ma hijiex l-istess kawża, kif jirrikonoxxi r-rikorrent innifsu.

22

It-tieni, f’din il-korrispondenza, kif jirrikonoxxi wkoll l-appellant, il-Kummissjoni sempliċement fakkret b’mod ġenerali l-prinċipji sottostanti tal-għajnuna mill-Istat, mingħajr ma ttrattat speċifikament it-tilwima invokata mill-appellant. Minn dan isegwi li dawn ir-risposti huma irrilevanti għall-każ inkwistjoni u bl-ebda mod ma jistgħu jikkostitwixxu indiċi tal-eżistenza ta’ preġudizzju.

23

It-tielet, u fi kwalunkwe każ, għalkemm jidher li l-interlokuturi tal-appellant kienu assenjati mad-dipartiment tal-kelliem tal-Kummissjoni u li wieħed minnhom kien marbut mill-istampa tad-DĠ “Kompetizzjoni”, minn din il-korrispondenza ma jirriżultax li J. Laitenberger kien fassal personalment jew approva r-risposti mogħtija. Għalhekk, l-allegazzjoni tal-appellant ibbażata fuq l-eżistenza ta’ skambju ta’ komunikazzjonijiet ma’ dan tal-aħħar, permezz tal-kelliem tiegħu, ma hijiex stabbilita.

24

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appellant ma pprovax l-assenza ta’ imparzjalità oġġettiva, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, la tal-imħallef Laitenberger u lanqas tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Ġenerali li ta d-digriet appellat.

25

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

26

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni fil-punt 36 tad-digriet appellat, billi kklassifikat l-ittra tal‑25 ta’ Marzu 2020 tal-Kummissjoni bħala teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni.

27

Fl-ewwel lok, f’din l-ittra, kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt, il-Kummissjoni ma spjegatx lir-rikorrent ir-raġunijiet li għalihom hija rrifjutat li taġixxi fis-sens mitlub. Din l-istituzzjoni sempliċement evitat li twieġeb għaż-żewġ talbiet magħmula fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, mingħajr ma tilqa’ dawn iż-żewġ talbiet.

28

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala teħid ta’ pożizzjoni l-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2020, filwaqt li din l-istituzzjoni ma rrispondietx għat-talba tar-rikorrent sabiex jintemmu l-ħlasijiet tal-għajnuna agrikola diretta tal-baġit tal-Unjoni, li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru tal-politika agrikola komuni (PAK), lil kumpanniji kkontrollati mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka. Madankollu, il-Kummissjoni semmiet is-sospensjoni tal-ħlasijiet intiżi għal dawn il-kumpanniji skont il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-FAEŻR, li jaqgħu taħt it-tieni pilastru tal-PAK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu tal-Artikolu 263 TFUE, kif irrakkomandat mill-Qorti Ġenerali, huwa nieqes minn kull sens sa fejn ir-rikorrent ma qajjem ebda oġġezzjoni fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula u għall-miżuri meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan it-tieni pilastru.

29

In-nuqqas ta’ tweġiba għat-talba dwar l-ewwel pilastru jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni u għandu jwassal għall-annullament tad-digriet appellat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, b’mod qarrieqi, għall-FAEŻR flimkien mal-ħlas ta’ għajnuna agrikola diretta, sabiex taħbi din l-assenza ta’ tweġiba.

30

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punti 33 sa 35 tad-digriet appellat, li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 265 TFUE, ma humiex issodisfatti meta l-istituzzjoni mitluba tieħu pożizzjoni dwar din is-sejħa qabel il-preżentata tar-rikors (digrieti tat‑8 ta’ Frar 2018, CBA Spielapparat- und Restaurantbetrieb vs Il‑Kummissjoni, C‑508/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:72, punt 15, u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, WB vs Il‑Kummissjoni, C‑270/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1038, punt 13) u li l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li l-persuni kkonċernati jkunu xtaqu jew qiesu neċessarju, bħal rifjut, debitament motivat, li wieħed jaġixxi skont is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni li ttemm in-nuqqas li tittieħed azzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑196/12, EU:C:2013:753, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Huwa b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punt 36 tad-digriet appellat, li l-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2020, bi tweġiba għas-sejħa li tittieħed azzjoni tat‑30 ta’ Jannar 2020 u li fiha d-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li ma tibdiex passi fis-sens propost f’din is-sejħa, temmet in-nuqqas li tittieħed azzjoni, u b’hekk irrendiet inammissibbli r-rikors tar-rikorrent skont l-Artikolu 265 TFUE. Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-appellant seta’ jippreżenta appell skont l-Artikolu 263 TFUE kontra l-imsemmija deċiżjoni, bil-kundizzjoni li jkun jista’ jiġġustifika l-locus standi tiegħu.

33

Issa, għandu jitfakkar li teħid ta’ pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE għandu jistabbilixxi b’mod ċar u definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fuq it-talba tar-rikorrent u li l-klassifikazzjoni tar-risposta tal-imsemmija istituzzjoni għal din it-talba bħala “teħid ta’ pożizzjoni” li ttemm l-allegat nuqqas li tittieħed azzjoni hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ appell (ara f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2020, CJ vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑634/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:474, punti 2931 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, l-argument imressaq mill-appellant fil-kuntest tat-tieni aggravju tiegħu ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ “teħid ta’ pożizzjoni” tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2020 u lanqas, għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rikors kien inammissibbli f’dan ir-rigward.

35

F’dan ir-rigward, mit-test ta’ din l-ittra jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni rrifjutat li taġixxi b’risposta għas-sejħa li saritilha. Fil-fatt, billi spjegat lir-rikorrent, fl-imsemmija ittra, li hija kienet diġà ħadet l-miżuri neċessarji u proporzjonati sabiex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, billi naqset milli tħallas lill-benefiċjarji potenzjalment ikkonċernati mill-kunflitt ta’ interessi allegat tal-pagamenti taħt il-Fondi Strutturali u ta’ investiment Ewropej kif ukoll billi ssospendiet il-ħlasijiet skont il-FAEŻR, il-Kummissjoni, impliċitament iżda b’mod inekwivoku, irrifjutat li taġixxi skont iż-żewġ talbiet tar-rikorrent inklużi fis-sejħa sabiex tittieħed azzjoni, filwaqt li pprovdietlu r-raġuni. Għaldaqstant, hija ma evitatx li twieġeb għal dawn it-talbiet. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni meta qieset, fil-punt 36 tad-digriet appellat, li l-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Marzu 2020 kienet tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat, fil-punt 36 tad-digriet appellat, għall-fondi FAEŻR bħala li jaqgħu taħt għajnuna agrikola diretta mill-baġit tal-Unjoni huwa ineffettiv, peress li, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tal-ħlasijiet abbażi ta’ dawn il-fondi, il-Kummissjoni rrifjutat li taġixxi konformement mat-talbiet tal-appellant għar-raġuni li s-sospensjoni ta’ dawn il-ħlasijiet kienet tikkostitwixxi waħda mill-miżuri neċessarji u proporzjonati adottati sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni.

37

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni hija distinta minn dik dwar jekk l-att adottat mill-istituzzjoni tal-Unjoni mitluba, li jtemm in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑16 ta’ Ġunju 2020, CJ vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, C‑634/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:474, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-argument tal-appellant ibbażat fuq il-fatt li l-preżentata ta’ appell skont l-Artikolu 263 TFUE kontra l-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2020 ma tagħmilx sens huwa ineffettiv.

38

Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

39

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika l-punti 28 sa 31 tad-digriet appellat, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellant la kellu locus standi u lanqas interess ġuridiku fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

40

Skont l-appellant, l-atti li huwa talab l-adozzjoni tagħhom fir-rigward ta’ terzi jistgħu jikkonċernawh direttament u individwalment. Meta l-adozzjoni ta’ tali atti tkun neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-valuri fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, ikun hemm lok li tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa tal-kriterji ta’ ammissibbiltà sabiex l-individwi jkunu jistgħu jadixxu lill-Qorti Ġenerali b’rikors li jinvoka n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-valuri minn istituzzjoni tal-Unjoni.

41

L-appellant isostni wkoll li huwa għandu interess ġuridiku. Fl-ewwel lok, huwa għandu interess, bħala membru tal-Parlament ta’ Stat Membru u President tal-kumitat permanenti tas-Senat Ċek inkarigat mill-kontroll tal-ġestjoni tar-riżorsi pubbliċi, li jitlob lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ jekk il-Kummissjoni osservatx l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fit-tieni lok, bħala persuna taxxabbli Ewropea, hija għandha interess li titlob lill-Qorti Ġenerali tivverifika jekk il-Kummissjoni osservatx u applikatx ir-regoli dwar id-distribuzzjoni tajba tal-flus tagħha.

42

Il-Kummissjoni tqis li l-argument tal-appellant huwa infondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Sa fejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 31 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni kienet ħadet pożizzjoni fuq is-sejħa sabiex tittieħed azzjoni tat-30 ta’ Jannar 2020 qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument tal-appellant ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-locus standi tiegħu u tal-interess ġuridiku tiegħu. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali żball eventwali jkun mingħajr effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima u ma jaffettwax id-dispożittiv tad-digriet appellat sa fejn l-imsemmi rikors ġie miċħud bħala inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 74, kif ukoll id-digriet tal-25 ta’ Ottubru 2016, VSM Geneesmiddelen vs Il‑Kummissjoni, C‑637/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:812, punti 5455).

44

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

45

Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jinvoka ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, tal-Artikoli 2, 41 u 47 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 2 TUE sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punt 37 tad-digriet appellat, laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni mingħajr ma eżaminat il-mertu tal-kawża, billi ddeċidiet b’mod iktar partikolari li, minkejja li l-appellant huwa membru ta’ parlament nazzjonali u kien is-suġġett ta’ theddid għall-integrità fiżika tiegħu, l-Artikolu 47 tal-Karta ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mit-trattati.

46

L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ indipendenza tagħha, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u dan, fuq tliet aspetti. L-ewwel, hija ħadet inkunsiderazzjoni, mingħajr tnaqqis kritiku, l-argumenti tal-Kummissjoni, bħala setgħa eżekuttiva, filwaqt li injorat kważi kompletament dawk tar-rikorrent, bi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, li jeħtieġ eżami tal-argumenti prinċipali tal-partijiet fil-kawża kollha. It-tieni, billi qieset ir-rikors tar-rikorrent inammissibbli, il-Qorti Ġenerali llimitat il-ġurisdizzjoni tagħha bħala qorti fir-rigward tal-qasam eżekuttiv tal-Unjoni. It-tielet, il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja mill-perspettiva tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali billi ma kkritikatx l-azzjoni tal-poter eżekuttiv, u billi ma żammitx il-bilanċ tajjeb bejn is-setgħa ġudizzjarja u s-setgħa eżekuttiva.

47

F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ttollerat l-użu sovraverżiv, mill-Kummissjoni, tal-istrateġija kontenzjuża li tissolleva eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà sabiex tippermetti l-ksur tal-valuri fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, bħad-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-ugwaljanza u l-ġustizzja.

48

Barra minn hekk, billi injorat it-theddid għall-integrità fiżika tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għall-ħajja tiegħu, kif iggarantit mill-Artikolu 2 tal-Karta.

49

L-appellant iżid li, billi naqset milli tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża u billi injorat il-parti l-kbira tal-argumenti tiegħu, il-Qorti Ġenerali, permezz tal-assenza ta’ raġunament tagħha, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta u bbażat fuq id-dritt għal smigħ xieraq.

50

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Billi jinvoka ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, tal-Artikoli 2, 41 u 47 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 2 TUE, l-appellant jikkritika essenzjalment il-fatt li l-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, iddeċidiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, mingħajr ma daħlet fil-mertu.

52

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif essenzjalment fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tad-digriet appellat, li, minkejja li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, dawn ma jistgħux madankollu jwasslu sabiex tinbidel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni (digriet Wagenknecht vs Il‑Kunsill Ewropew, C‑504/20 P, EU:C:2021:305, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-appellant li l-Qorti Ġenerali, fid-digriet appellat, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ trattament tal-mertu tal-kawża f’dan id-digriet, li hija biss il-konsegwenza tad-deċiżjoni leġittima tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi mingħajr ma tidħol fil-mertu, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

54

Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

55

Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika, essenzjalment, il-punti 14 sa 24 tad-digriet appellat, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tal-Kummissjoni li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni siltiet tar-rikors li jirreferu għall-opinjoni tas-servizz legali ta’ din l-istituzzjoni bid-data tad‑19 ta’ Novembru 2018. L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-punt sa fejn huwa bbaża ruħu fuq din l-opinjoni fir-rikors tiegħu.

56

L-appellant jafferma li, fl-appell tiegħu, iż-żewġ riferimenti għall-imsemmi opinjoni ġuridika kienu intiżi sabiex jipprovdu illustrazzjoni addizzjonali u mhux essenzjali tal-argumenti tiegħu stess, l-ewwel riferiment li jinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna, u t-tieni fit-titolu ta’ punt tar-rikors.

57

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju huwa ineffettiv.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-aggravju huwa ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li huwa fondat, dan la jaffettwa l-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat li jikkonstata li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmi opinjoni tas-servizz legali tal-Kummissjoni, kif anness mar-rikors, kif ukoll siltiet minn din tal-aħħar li jirreferu għall-kontenut ta’ din l-istess opinjoni, u lanqas il-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv li jiċħad ir-rikors tar-rikorrent bħala inammissibbli.

59

Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

60

Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ prevedibbiltà tal-liġi meta kkundannatu għall-ispejjeż, minkejja li l-ammont tagħhom ma ġiex indikat fid-digriet appellat u li l-Artikoli 133 sa 141 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dwar l-ispejjeż, ma jipprevedux regola sostantiva li tippermetti d-determinazzjoni tal-ispejjeż.

61

Il-Kummissjoni ssostni illi dan l-aggravju huwa inammissibbli.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet rigward l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom (digrieti tat‑12 ta’ Jannar 2017, Europäischer Tier- und Naturschutz u Giesen vs Il‑Kummissjoni, C‑343/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:10, punt 24, kif ukoll tal‑14 ta’ April 2021, Wagenknecht vs Il‑Kunsill Ewropew, C‑504/20 P, EU:C:2021:305, punt 52).

63

Peress li l-aggravji l-oħra tal-appell ġew miċħuda, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

64

Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

65

Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

66

F’dan il-każ, peress li l-appellant tilef, u l-Kummissjoni talbet għall-kundanna tal-appellant, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu relatati mal-appell, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Lukaš Wagenknecht huwa kkundannat isostni, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.