SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Supremazija – Effett dirett – Kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Artikolu 63 TFUE – Obbligi ta’ Stat Membru li jirriżultaw minn deċiżjoni preliminari – Interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preliminari ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni – Obbligu għal qorti nazzjonali li ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja – Deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva fl-assenza ta’ azzjoni ġudizzjarja – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Responsabbiltà tal-Istat Membru”

Fil-Kawża C‑177/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Győri Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Győr, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2020, fil-proċedura

“Grossmania” Mezőgazdasági Termelő és Szolgáltató Kft.

vs

Vas Megyei Kormányhivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieini Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Grossmania” Mezőgazdasági Termelő és Szolgáltató Kft, minn T. Szendrő-Németh, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, L. Malferrari u L. Havas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 267 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Grossmania” Mezőgazdasági Termelő és Szolgáltató Kft.(iktar ’il quddiem “Grossmania”) u l-Vas Megyei Kormányhivatal (is-Servizzi Amministrattivi tad-Dipartiment ta’ Vas, l-Ungerija) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal inklużjoni mill-ġdid fir-reġistru tal-artijiet tad-drittijiet ta’ użufrutt estinti ipso jure u mħassra minn dan ir-reġistru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Anness X tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33) huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 tal-Att tal-Adeżjoni: L-Ungerija”. Il-Kapitolu 3 ta’ dan l-anness, intitolat “Il-Moviment Liberu tal-Kapital” jipprovdi, fil-punt 2 tiegħu:

“Minkejja l-obbligi fit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, l-Ungerija tista’ żżomm fis-seħħ għal seba’ snin mid-data ta’ l-adeżjoni il-projbizzjonijiet stipulati fil-liġi tagħha eżistenti fil-waqt ta’ l-iffirmar ta’ dan l-Att dwar l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni naturali li la huma residenti fl-Ungerija jew l-anqas huma ċittadini Ungeriżi u minn persuni legali. Fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ art agrikola, ċittadini ta’ xi Stat Membru jew persuni legali ffurmati skond il-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor fl-ebda każ ma għandhom jiġu trattati b’mod anqas favorevoli minn kif kienu trattati fid-data ta’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni. […]

Ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jkunu jridu jistabbilixxu ruħhom bħala bdiewa li jaħdmu għal rashom u li jkunu ilhom residenti skond il-liġi u attivi fil-biedja fl-Ungerija għal mill-anqas tliet snin sħaħ, ma għandhomx ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet tas-sub-paragrafu ta’ qabel jew għal xi regoli u proċeduri li mhumiex soġġetti għalihom ċittadini Ungeriżi.

[…]

Jekk ikun hemm evidenza biżżejjed li, meta jiskadi l-perijodu transitorju, ser ikun hemm taqlib serju jew xi theddida ta' taqlib serju fis-suq ta' l-art agrikola ta' l-Ungerija, il-Kummissjoni, fuq talba ta' l-Ungerija, għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu transitorju sa massimu ta' tliet snin.”

4

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/792/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola fl-Ungerija (ĠU 2010, L 336, p. 60), il-perijodu tranżitorju msemmi fil-punt 2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ġie estiż sat-30 ta’ April 2014.

Id-dritt Ungeriż

5

L-Artikolu 38(1) tal-földről szóló 1987. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal-1987 dwar l-Art) kien jipprevedi li l-persuni fiżiċi li ma kellhomx ċittadinanza Ungeriża jew li kellhom dik in-nazzjonalità iżda li kienu jgħixu b’mod permanenti barra l-Ungerija, kif ukoll persuni ġuridiċi li kellhom is-sede tagħhom barra mill-Ungerija jew li kellhom is-sede tagħhom fl-Ungerija, iżda li l-kapital tagħhom kien proprjetà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti barra l-Ungerija, setgħu jakkwistaw art produttiva permezz ta’ xiri, skambju jew donazzjoni biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Ministru tal-Finanzi.

6

L-Artikolu 1(5) tal-171/1991 Korm. rendelet (id-Digriet Governattiv 171/1991), tas-27 ta’ Diċembru 1991, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992, eskluda l-possibbiltà għal kull persuna fiżika li ma jkollhiex ċittadinanza Ungeriża, bl-eċċezzjoni ta’ persuni li jkollhom permess ta’ residenza permanenti u dawk li l-istatus tagħhom ta’ refuġjat ikun ġie rrikonoxxut, li jixtru art produttiva.

7

It-termőföldről szóló 1994. évi LV. törvény (il-Liġi Nru LV tal-1994 dwar l-Art Produttiva, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva”) żammet l-imsemmija projbizzjoni ta’ akkwist filwaqt li estendietha għall-persuni ġuridiċi, kemm jekk huma stabbiliti fl-Ungerija kif ukoll jekk le.

8

Il-liġi msemmija ġiet emendata, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, bit-termőföldről szóló 1994. évi LV. törvény módosításáról szóló 2001. évi CXVII. törvény (il-Liġi Nru CXVII tal-2001, li temenda l-liġi Nru LV tal-1994 dwar l-Art Produttiva), għall-finijiet li teskludi wkoll il-possibbiltà li jiġi kkostitwit kuntrattwalment dritt ta’ użufrutt fuq l-artijiet produttivi favur persuni fiżiċi li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza Ungeriża jew persuni ġuridiċi. Wara dawn l-emendi, l-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva kien jipprovdi li, “[g]ħall kostituzzjoni kuntrattwali tad-dritt ta’ użufrutt u tad-dritt ta’ użu, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II dwar ir-restrizzjonijiet tal-akkwist tal-proprjetà. […]”

9

L-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-Art Produttiva, sussegwentement, ġie emendat mill-egyes agrár tárgyú törvények módosításáról szóló 2012. évi CCXIII. törvény (il-Liġi Nru CCXIII tal-2012 li temenda ċerti liġijiet dwar l-agrikoltura). Fil-verżjoni l-ġdida tiegħu li tirriżulta minn din l-emenda u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, dan l-Artikolu 11(1) kien jipprovdi li “[i]d-dritt ta’ użufrutt ikkostitwit b’kuntratt huwa null, sakemm ma jkunx ikkostitwit għall-benefiċċju ta’ qarib”. Il-Liġi Nru CCXIII tal-2012 introduċiet ukoll f’din il-Liġi tal-1994 Artikolu 91(1) ġdid skont liema “[k]ull dritt ta’ użufrutt eżistenti fid-data tal-1 ta’ Jannar 2013 u kkostitwit, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat li jiskadi wara t-30 ta’ Diċembru 2032, permezz ta’ kuntratt konkluż bejn persuni li ma humiex membri qraba tal-istess familja, jispiċċa ipso jure fl-1 ta’ Jannar 2033”.

10

Il-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvény (il-Liġi Nru CXXII tal-2013, dwar il-bejgħ ta’ art agrikola u forestali, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2013 dwar l-art agrikola”), kienet adottata fil-21 ta’ Ġunju 2013 u daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2013.

11

L-Artikolu 37(1) tal-Liġi tal-2013 dwar l-Artijiet Agrikoli jżomm ir-regola li tgħid li dritt ta’ użufrutt jew dritt ta’ użu fuq tali art ikkostitwit b’kuntratt ikun null ħlief jekk dan il-kuntratt jiġi konkluż favur membru qarib tal-istess familja.

12

Il-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvénnyel összefüggő egyes rendelkezésekről és átmeneti szabályokról szóló 2013. évi CCXII. törvény (il-Liġi Nru CCXII tal-2013, dwar ċerti dispożizzjonijiet u miżuri tranżitorji fir-rigward tal-Liġi tal-2013 dwar il-bejgħ ta’ art agrikola u forestali, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji”), kienet adottata fit-12 ta’ Diċembru 2013 u daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2013.

13

L-Artikolu 108(1) ta’ din il-liġi, li ħassar l-Artikolu 91(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-art produttiva, jistabbilixxi:

“Kull dritt ta’ użufrutt jew ta’ użu eżistenti fid-data tat-30 ta’ April 2014 u kkostitwit, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat li jiskadi wara t-30 ta’ April 2014, permezz ta’ kuntratt konkluż bejn persuni li ma humiex membri qraba tal-istess familja, jispiċċa ipso jure fl-1 ta’ Mejju 2014.”

14

Wara l-għoti tas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), l-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji ġie emendat biż-żieda, b’effett mill-11 ta’ Jannar 2019, ta’ żewġ paragrafi ġodda 4 u 5, redatti kif ġej:

“4.   Meta jkun meħtieġ li jiġi stabbilit mill-ġdid, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, dritt li jkun spiċċa b’applikazzjoni tal-paragrafu 1, iżda li, abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-mument tar-reġistrazzjoni inizjali tiegħu, dan id-dritt ma setgħax jiġi rreġistrat minħabba żball formali jew materjali, is-servizz amministrattiv kompetenti fil-qasam tal-artijiet għandu jinforma b’dan lill-Ministeru Pubbliku u għandu jissospendi l-proċedura sakemm tintemm l-investigazzjoni tal-Ministeru Pubbliku u l-proċedura kontenzjuża introdotta fuq din il-bażi.

5.   Jikkostitwixxi żball fis-sens tal-paragrafu 4 l-fatt li:

a)

id-detentur tad-dritt ta’ użu jkun persuna ġuridika;

b)

id-dritt ta’ użufrutt jew id-dritt ta’ użu jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet wara l-31 ta’ Diċembru 2001 favur detentur li jkun persuna ġuridika, jew persuna fiżika li ma għandhiex in-nazzjonalità Ungeriża;

c)

filwaqt li, fil-mument tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dritt ta’ użufrutt jew ta’ dritt ta’ użu, l-akkwist ta’ tali dritt jeħtieġ, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-mument, ċertifikazzjoni jew awtorizzazzjoni min-naħa ta’ dipartiment amministrattiv ieħor, dan id-dokument ma jkunx ġie ppreżentat mill-parti.”

15

Skont l-Artikolu 94 tal-ingatlan-nyilvántartásról szóló 1997. évi CXLI. törvény (il-Liġi Nru CXLI tal-1997, dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet”):

“1.   Fid-dawl tat-tħassir mir-Reġistru tal-Artijiet tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu milquta mit-terminazzjoni skont l-Artikolu 108(1) tal-[Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji] (iktar ’il quddiem flimkien, f’dan l-artikolu, id-“drittijiet ta’ użufrutt”), il-persuna fiżika li għandha drittijiet ta’ użufrutt għandha, wara intimazzjoni mibgħuta mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2014 mill-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Reġistru, fil-15-il jum segwenti għall-intimazzjoni, tiddikjara, fuq il-formola stabbilita għal dan l-għan mill-Ministru, ir-relazzjoni ta’ membru qarib tal-istess familja li torbtu jekk ikun il-każ mal-persuna msemmija bħala proprjetarja tal-immobbli fid-dokument li kien il-bażi tar-reġistrazzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni fit-termini stabbiliti, it-talba għal reġistrazzjoni ma tintlaqax wara l-31 ta’ Diċembru 2014.

[…]

3.   Jekk id-dikjarazzjoni ma turix relazzjoni ta’ membru qarib tal-istess familja jew jekk ebda dikjarazzjoni ma ssir fit-termini stabbiliti, l-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Reġistru tal-Artijiet għandha tħassar ex officio d-drittijiet ta’ użufrutt mill-imsemmi reġistru, fis-sitt xhur ta’ wara l-iskadenza tat-terminu li fih għandha ssir id-dikjarazzjoni u mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2015.

[…]

5.   L-amministrazzjoni tal-affarijiet tal-artijiet għandha tipproċedi ex officio, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, bit-tħassir mir-Reġistru tal-Artijiet tad-drittijiet ta’ użufrutt li kienu ġew irreġistrati favur persuni ġuridiċi jew entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika, iżda li jistgħu jakkwistaw drittijiet li jistgħu jiġu rreġistrati fir-Reġistru, u li tneħħew b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) tal-[Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Grossmania, kumpannija kummerċjali li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija iżda li s-soċji tagħha huma persuni fiżiċi ċittadini ta’ Stati Membri oħra, kellha drittijiet ta’ użufrutt li hija kienet akkwistat fuq biċċiet ta’ art agrikola li jinsabu f’Jánosháza u f’Duka (l-Ungerija).

17

Wara t-tmiem ipso jure, fl-1 ta’ Mejju 2014, ta’ dawn id-drittijiet ta’ użufrutt, konformement mal-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji, dawn tħassru mir-Reġistru tal-Artijiet mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 94(5) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet. Grossmania ma ppreżentatx rikors kontra dan it-tħassir.

18

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, permezz tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), li l-Artikolu 63 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-drittijiet ta’ użufrutt preċedentement ikkostitwiti fuq art agrikola u li d-detenturi tagħhom ma għandhomx il-kwalità ta’ parentela mill-qrib mal-proprjetarju ta’ dawn l-artijiet jintemmu ipso jure u, konsegwentement, jitħassru mir-reġistri tal-artijiet, Grossmania, fl-10 ta’ Mejju 2019, ressqet quddiem il-Vas Megyei Kormányhivatal Celldömölki Járási Hivatala (servizzi amministrattivi tar-Reġjun ta’ Vas – Uffiċċju tad-distrett ta’ Celldömölk, l-Ungerija) talba intiża għall-inklużjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2019, din l-awtorità ddikjarat din it-talba inammissibbli, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji kif ukoll fuq l-Artikolu 37(1) tal-Liġi tal-2013 dwar l-Art Agrikola.

20

Aditi minn Grossmania b’azzjoni amministrattiva kontra din id-deċiżjoni, is-servizzi amministrattivi tar-Reġjun ta’ Vas ikkonfermawha permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2019, minħabba li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji u l-Artikolu 37(1) tal-Liġi tal-2013 dwar l-Art Agrikola kienu għadhom fis-seħħ u kienu jipprekludu r-reġistrazzjoni mill-ġdid mitluba. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), dawn is-servizzi indikaw li din kienet applikabbli biss għall-kawżi partikolari li kienet ingħatat għalihom. Fir-rigward tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432), mogħtija fuq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonċerna l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali, l-imsemmija servizzi enfasizzaw li din kienet awtorità fil-qasam tal-kumpens, mhux ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt preċedentement imħassra.

21

Grossmania ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2019 quddiem il-Győri Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Győr, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju.

22

Din il-qorti tirrileva, qabel kollox, li fil-mument tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għad ma hemm, fid-dritt intern, ebda dispożizzjoni li abbażi tagħha Grossmania tista’ tiġi kkumpensata għad-dannu li jirriżulta mit-terminazzjoni ipso jure u mit-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha.

23

Huwa minnu li, f’sentenza tal-21 ta’ Lulju 2015, l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija), minn naħa, ikkonstatat li l-Magyarország Alaptörvénye (il-Liġi Fundamentali Ungeriża) kienet inkisret sa fejn il-leġiżlatur nazzjonali ma kienx adotta, fir-rigward tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu mitlufa b’applikazzjoni tal-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji, dispożizzjonijiet li jippermettu l-kumpens għad-danni pekunjarji eċċezzjonali li jirriżultaw mit-tneħħija ta’ dawn id-drittijiet u li ma setgħux jiġu kkumpensati permezz ta’ likwidazzjoni bejn il-partijiet fil-kuntratt, u minn naħa, stiednet lil-leġiżlatur nazzjonali jipprovdi rimedju għal din il-lakuna sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2015. Madankollu, fil-mument tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ebda miżura ma kienet għadha ġiet adottata għal dan il-għan.

24

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, sussegwentement, li, fl-impossibbiltà li tibbenefika minn kumpens, Grossmania ma kellhiex possibbiltà oħra ħlief li titlob l-inklużjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi dwar il-portata tal-effetti vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari.

25

F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba n-natura vinkolanti tal-interpretazzjoni mogħtija preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, qorti nazzjonali adita fl-aħħar istanza ma għandhiex l-obbligu li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari meta l-kwistjoni mqajma tkun materjalment identika għal domanda li diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’każ simili jew ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, tkun xi tkun in-natura tal-proċeduri li jkunu taw lok għal din il-ġurisprudenza, anki fin-nuqqas ta’ identiċità stretta tal-kwistjonijiet fit-tilwima. Hija tirrileva wkoll li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha effett ex tunc fis-sens li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti nazzjonali anki għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni.

26

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji, li abbażi tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imur kontra d-dritt tal-Unjoni u li tali konstatazzjoni hija valida wkoll għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

27

Madankollu, din il-qorti tirrileva li, b’differenza mis-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), Grossmania ma kkontestatx quddiem qorti t-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk it-tagħlim li jirriżulta mill-imsemmija sentenza jistax japplika għall-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, jekk hija tistax twarrab l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-Miżuri Tranżitorji minħabba li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u tordna lill-konvenuta fil-kawża prinċipali tirreġistra mill-ġdid id-drittijiet ta’ użufrutt ta’ Grossmania, fid-dawl, barra minn hekk, tad-dħul fis-seħħ, sadanittant, tal-paragrafi (4) u (5) tal-Artikolu 108.

28

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Győri Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Győr) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn il-[Qorti tal-Ġustizzja], f’deċiżjoni mogħtija fi proċedura għal domanda preliminari, tkun iddikjarat dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, dik id-dispożizzjoni leġiżlattiva lanqas ma tista’ tiġi applikata fi proċedimenti amministrattivi jew proċeduri ġudizzjarji nazzjonali sussegwenti, minkejja li l-fatti fl-oriġini tal-proċeduri sussegwenti ma humiex totalment identiċi għal dawk tal-proċedura għal domanda preliminari preċedenti?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2021, C‑109/20, PL Holdings, EU:C:2021:875, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, l-ewwel nett, li d-domanda tal-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-punt dwar jekk hija għandhiex l-obbligu li ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tqis inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza mogħtija b’mod preliminari, f’dan il-każ is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), dwar l-Artikolu 63 TFUE, taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima li, filwaqt li tirrigwarda talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ drittijiet ta’ użufrutt li ntemmew ipso iure u tħassru mir-reġistru tal-artijiet abbażi tal-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza, hija distinta minn dawn il-kawżi sa fejn, kuntrarjament għall-persuni inkwistjoni f’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali naqset milli tikkontesta, fit-terminu legali, it-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha.

31

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-assenza, fid-dritt Ungeriż, ta’ bażi legali li tippermetti l-kumpens lil Grossmania għad-dannu li jirriżulta mit-terminazzjoni ipso jure u mit-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha, hija tistax tordna lill-konvenuta fil-kawża prinċipali tirreġistra mill-ġdid l-imsemmija drittijiet, konformement ma’ talba f’dan is-sens minn din il-kumpannija.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala intiża biex isir magħruf jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 267 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali adita b’rikors legali kontra deċiżjoni li tiċħad talba għal reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt estinti ipso jure u mħassra mir-Reġistru tal-Artijiet bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preliminari, hija obbligata, minn naħa, li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni, u min-naħa l-oħra, li tordna lill-awtorità amministrattiva kompetenti li tirreġistra mill-ġdid dawn id-drittijiet ta’ użufrutt, minkejja li t-tħassir tad-drittijiet ma jkunx ġie kkontestat quddiem qorti fit-terminu legali.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-qorti tar-rinviju rreferiet biss, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza u fil-kawża prinċipali tat ukoll lok għas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432), mogħtija fuq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE.

34

Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi adottat l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji u billi neħħiet, b’dan il-mod, ex lege, id-drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola u forestali li jinsabu fl-Ungerija miżmuma direttament jew indirettament minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 63 TFUE u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

35

Issa, abbażi tal-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru naqas mill-obbligi tiegħu abbażi tat-Trattati, dan l-Istat Membru huwa marbut li jadotta l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun res judicata għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑529/09, EU:C:2013:31, punti 65 u 66).

36

Għalhekk, għalkemm l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva huma obbligati jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu s-suġġett ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod li jirrenduhom konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandhom, min-naħa tagħhom, l-obbligu li jiżguraw l-osservanza tas-sentenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħhom, li jimplika, b’mod partikolari, li hija l-qorti nazzjonali, skont l-awtorità li hija marbuta mal-imsemmija sentenza, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun hemm lok, l-elementi legali stabbiliti fiha bil-għan li tiddetermina l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li din għandha l-missjoni li tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1982, Waterkeyn et, 314/81 sa 316/81 u 83/82, EU:C:1982:430, punti 1415).

37

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji kien għadu fis-seħħ meta d-deċiżjoni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet adottata, peress li din id-dispożizzjoni nazzjonali ġiet invokata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġġustifikaw l-imsemmija deċiżjoni. B’hekk, f’din id-data, l-awtoritajiet Ungeriżi li pparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva ma kinux adottaw il-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmi fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

38

Xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja l-assenza ta’ adozzjoni ta’ tali miżuri, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu l-miżuri kollha sabiex tiffaċilita t-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni konformement mat-tagħlim li jinsab fis-sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑101/91, EU:C:1993:16, punt 24, u tat-18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 39).

39

F’dan il-każ, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha d-drittijiet ta’ użufrutt preċedentement ikkostitwiti fuq art agrikola u li d-detenturi tagħha ma għandhomx il-kwalità ta’ parentela mill-qrib tal-proprjetarju ta’ dawn l-artijiet jiġu estinti ipso jure u, konsegwentement, jitħassru mir-Reġistru tal-Artijiet.

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt qieset, qabel kollox, fil-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza, li, billi pprevediet l-estinzjoni ex lege tad-drittijiet ta’ użufrutt miżmuma fuq artijiet agrikoli miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra l-Ungerija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata kienet tirrestrinġi, permezz tal-għan tagħha stess u minħabba dan il-fatt biss, id-dritt tal-persuni kkonċernati għall-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE, billi din il-leġiżlazzjoni ċċaħħadhom kemm mill-possibbiltà li jkomplu jgawdu mid-dritt ta’ użufrutt tagħhom, billi tipprekludihom, b’mod partikolari, milli jużaw u milli joperaw l-artijiet ikkonċernati jew milli jikruhom bil-qbiela u jirċievu dħul minnhom, kif ukoll mill-possibbiltà eventwali li jittrasferixxu dan id-dritt. Sussegwentement, fil-punt 65 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet ta’ natura li tiddiswadi lill-persuni mhux residenti milli jwettqu investimenti fl-Ungerija fil-futur. Fl-aħħar nett, fil-punti 24, 94, 107 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ma setgħetx tiġi ġġustifikata abbażi tal-elementi mressqa mill-Ungerija.

41

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk tali interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, ipprovduta f’sentenza preliminari mogħtija abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, timplikax, għall-qorti tar-rinviju, l-obbligu li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni tiċċara u tippreċiża, meta jkun hemm bżonn, it-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif din għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Hochtief, C‑300/17, EU:C:2018:635, punt 55). Fi kliem ieħor, sentenza preliminari ma għandhiex valur kostituttiv, iżda valur purament dikjarattiv (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 63).

42

B’hekk, meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat risposta ċara għal kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha tagħmel dak kollu li huwa neċessarju sabiex din l-interpretazzjoni tiġi implimentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 42).

43

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li tkun responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 5861).

44

Fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, ikkonċernat mit-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-artikolu għandu effett dirett, b’tali mod li jista’ jiġi invokat quddiem qorti nazzjonali u jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli nazzjonali li jmorru kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C‑628/15, EU:C:2017:687, punt 49).

45

F’dan il-każ, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE, kif jirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), il-qorti tar-rinviju, adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq din il-leġiżlazzjoni, hija marbuta li tiggarantixxi l-effett sħiħ tal-Artikolu 63 TFUE billi ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha.

46

Għandu jingħad ukoll li l-istess obbligu kien impost fuq l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali aditi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’talba għar-reġistrazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha fir-reġistru tal-artijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), iżda madankollu dawn l-awtoritajiet, bi ksur ta’ dan l-obbligu, komplew japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ċaħdu din it-talba.

47

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-fatt li Grossmania ma kkontestatx quddiem il-qrati, fit-termini previsti għal dan il-għan, it-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif tali ċirkustanza hija ta’ natura li tqajjem diffikultà għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, din il-qorti osservat biss li r-rifjut tal-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti li tirreġistra mill-ġdid id-drittijiet ta’ użufrutt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji u l-Artikolu 37(1) tal-Liġi tal-2013 dwar l-Art Agrikola kienu għadhom fis-seħħ. Madankollu, il-Gvern Ungeriż enfasizza, fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, skont id-dritt nazzjonali, fl-assenza ta’ kontestazzjoni, it-tħassir sar definittiv u jostakola l-inklużjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt fir-reġistru tal-artijiet.

48

B’hekk, għalkemm ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-kooperazzjoni skont l-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika l-eżattezza tal-kuntest regolatorju u fattwali li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, ma huwiex eskluż, f’dan il-każ, li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jistgħu jirriżultaw mill-fatt li n-natura definittiva tat-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt jipprekludiha milli tislet, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-illegalità kkonstatata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49

Jekk din l-ipoteżi tirriżulta fondata u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-individwi, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli jkunu f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn il-modalitajiet ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, fid-dritt Ungeriż, il-possibbiltà li tiġi kkontestata miżura ta’ tħassir ta’ drittijiet ta’ użufrutt li saret definittiva, fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ dawn id-drittijiet, ma tkunx differenti skont jekk din il-miżura tiksirx id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni.

51

F’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, X (Vetturi bit-tank LPG), C‑120/19, EU:C:2021:398, punt 72).

52

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddikjarat li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva, miksuba mal-iskadenza ta’ terminu ta’ rikors raġjonevoli, tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, bil-konsegwenza li d-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li korp amministrattiv ikun, bħala prinċipju, obbligat li jmur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tkun saret definittiva (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 37). L-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali tippermetti għalhekk li tiġi evitata l-kontestazzjoni indefinita tal-atti amministrattivi li jkollhom effetti legali (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586, punt 51).

53

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu għat-tressiq ta’ lment kontra deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tar-reġistru tal-artijiet huwa ta’ ħmistax-il jum min-notifika tagħha u li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ dan l-ilment, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju huwa ta’ tletin jum min-notifika ta’ din iċ-ċaħda. Tali termini jidhru, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jippermettu lill-persuni kkonċernati jikkontestaw tali deċiżjoni.

54

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li ċirkustanzi partikolari jistgħu, skont il-prinċipji ta’ effettività u ta’ kooperazzjoni leali li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE, jimponu fuq korp amministrattiv nazzjonali l-obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet u tal-interessi inkwistjoni sabiex jinstab bilanċ bejn ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u dak tal-legalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Incyte, C‑492/16, EU:C:2017:995, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, id-drittijiet ta’ użufrutt ta’ Grossmania tħassru mir-Reġistru tal-Artijiet abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, kif ġie rrilevat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, billi pprevediet l-estinzjoni ex lege tad-drittijiet ta’ użufrutt miżmuma fuq artijiet agrikoli miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra l-Ungerija, tirrestrinġi, permezz tal-għan tagħha stess u minħabba dan il-fatt biss, id-dritt tal-persuni kkonċernati għall-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 63 TFUE, mingħajr ma ebda element ma jista’ jiġġustifika tali restrizzjoni.

56

Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432), b’mod partikolari mill-punti 81, 86, 124, 125 u 129 tagħha, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippreġudika wkoll id-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta sa fejn hija ċċaħħad, mid-definizzjoni tagħha, b’mod forzat, sħiħ u definittiv lill-persuni kkonċernati mid-drittijiet ta’ użufrutt eżistenti tagħhom, mingħajr ma tkun iġġustifikata minn raġuni ta’ utilità pubblika u lanqas, barra minn hekk, ma tkun akkumpanjata minn sistema ta’ ħlas xieraq.

57

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħad-deċiżjonijiet li jimplimentawha, tikkostitwixxi ksur manifest u gravi kemm tal-libertà fundamentali prevista fl-Artikolu 63 TFUE kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta. Barra minn hekk, dan il-ksur jidher li kellu riperkussjonijiet fuq skala kbira, peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi bbaża ruħu fuq il-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ungeriż fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 71), iktar minn 5000 ċittadin ta’ Stati Membri oħra minbarra l-Ungerija ġew milquta mit-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt tagħhom.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi kbar ikkawżati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mit-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt li jimplimentawha, ir-rekwiżit tal-legalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni għandu jingħata importanza partikolari.

59

Għandu jingħad ukoll, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali, li l-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji ppreveda, għad-drittijiet ta’ użufrutt milquta minnu, t-terminazzjoni “ipso jure” ta’ dawn id-drittijiet fl-1 ta’ Mejju 2014, fejn dawn sussegwentement, skont l-Artikolu 94 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, tħassru mir-Reġistru tal-Artijiet permezz ta’ deċiżjoni adottata għal dan il-għan.

60

Issa, tali estinzjoni “ipso jure” tad-drittijiet ta’ użufrutt hija intiża, fid-dawl tan-natura tagħha stess, li tipproduċi l-effetti tagħha indipendentement mid-deċiżjonijiet ta’ tħassir li jsiru sussegwentement skont l-Artikolu 94 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet.

61

Għaldaqstant, anki jekk it-tħassir tad-drittijiet ta’ użufrutt jikkostitwixxi, kif enfasizza l-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, avveniment awtonomu meta mqabbel mat-terminazzjoni ipso jure ta’ dawn id-drittijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tiddefinixxi b’dan il-mod il-modalitajiet ta’ tali estinzjoni, hija ta’ natura li toħloq konfużjoni fir-rigward tan-neċessità, għad-detenturi tad-drittijiet ta’ użufrutt li jkunu spiċċaw ipso jure, li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ tħassir sussegwenti tagħhom sabiex jipproteġu d-drittijiet ta’ użufrutt tagħhom.

62

Minn dan isegwi li, kieku kellu jiġi kkonfermat li d-dritt Ungeriż ma jippermettix li tiġi kkontestata quddiem qorti, fl-okkażjoni ta’ rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ talba għal inklużjoni mill-ġdid ta’ drittijiet ta’ użufrutt, il-miżura ta’ tħassir ta’ dawn id-drittijiet li sadanittant saret definittiva, din l-impossibbiltà ma tistax tiġi ġġustifikata b’mod raġonevoli mir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u għalhekk ikollha tiġi miċħuda minn din il-qorti bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE.

63

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti, ladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiġix applikata, humiex obbligati f’kull ċirkustanza li jipproċedu għall-inklużjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt ikkonċernati jew jekk tistax tiġi rrimedjata din it-tneħħija illegali permezz ta’ mezzi oħra, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, A et., (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83).

64

Għalhekk, wara sentenza mogħtija fuq talba għal deċiżjoni preliminari li minnha tirriżulta l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom mhux biss ma japplikawx tali leġiżlazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, iżda li għandhom ukoll jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari oħra li tkun xierqa biex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan id-dritt fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et., C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 38).

65

Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi, fid-dritt tal-Unjoni, dwar il-modalitajiet li skonthom għandhom jitħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tal-Artikolu 63 TFUE f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tali miżuri jistgħu jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-inklużjoni mill-ġdid fir-reġistru tal-artijiet tad-drittijiet ta’ użufrutt imneħħija illegalment, sa fejn tali inklużjoni mill-ġdid hija l-iktar mezz li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid, tal-inqas b’effett għall-futur, is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-persuna kkonċernata kienet tkun tinsab fiha fl-assenza tat-tneħħija illegali tad-drittijiet tagħha.

66

Madankollu, hekk kif, essenzjalment, irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’każijiet speċifiċi, ostakoli oġġettivi u leġittimi, b’mod partikolari ta’ natura legali, jistgħu jipprekludu tali miżura, b’mod partikolari meta, wara t-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt, proprjetarju ġdid ikun akkwista in bona fide l-artijiet li fuqhom kien hemm id-drittijiet ikkonċernati jew meta din l-art kienet is-suġġett ta’ ristrutturazzjoni.

67

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tas-sitwazzjoni legali u fattwali eżistenti fil-mument tad-deċiżjoni, jekk hemmx lok li l-awtorità kompetenti tiġi ordnata tirreġistra mill-ġdid id-drittijiet ta’ użufrutt li kellha Grossmania.

68

Huwa biss fil-każ li tali inklużjoni mill-ġdid tirriżulta effettivament impossibbli li jkun neċessarju, sabiex jitneħħew il-konsegwenzi illegali tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, li jingħata lill-ex detenturi tad-drittijiet ta’ użufrutt ikkanċellati d-dritt għal kumpens, finanzjarju jew ieħor, li l-valur tiegħu jkun xieraq sabiex jikkumpensa mill-aspett finanzjarju t-telf ekonomiku li jirriżulta mit-tneħħija ta’ dawn id-drittijiet.

69

Barra minn hekk, indipendentement mill-miżuri msemmija fil-punti 65 u 68 ta’ din is-sentenza intiżi li jħassru l-konsegwenzi illegali tal-ksur tal-Artikolu 63 TFUE, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni timplika li l-individwi leżi minn ksur ta’ dan id-dritt ikollhom, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati minn tali ksur, ukoll dritt għal kumpens, meta jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola miksura tad-dritt tal-Unjoni jkollha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ikun suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 20).

70

Issa, f’dan il-każ, qabel kollox, l-Artikolu 63 TFUE għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi, sa fejn jagħti, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-dritt lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ użufrutt li ma jiġux imċaħħda minn dawn id-drittijiet bi ksur tal-imsemmi artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C‑628/15, EU:C:2017:687, punt 48). Bl-istess mod, l-Artikolu 17 tal-Karta jikkostitwixxi dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 68).

71

Sussegwentement, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ksur tad-dritt tal-Unjoni ikun manifestament serju meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, sentenza preliminari jew ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 31). Issa, dan huwa l-każ hawnhekk, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

72

Fl-aħħar nett, fid-dawl tas-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157), u tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432), jidher li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-Artikolu 63 TFUE u d-danni subiti minn Grossmania bħala konsegwenza ta’ dan il-ksur, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, mill-qorti kompetenti fil-qasam skont id-dritt Ungeriż.

73

Fir-rigward, fil-ħames u l-aħħar lok, taċ-ċirkustanza kkostitwita mid-dħul fis-seħħ tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 108 tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li din il-qorti ma tispjegax kif dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u lanqas ma tippreċiża jekk dawn japplikawx fl-istadju attwali tal-proċedura. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ungeriż ikkontesta tali applikabbiltà sa fejn din tippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użufrutt ta’ Grossmania, li f’dan l-istadju ma seħħitx.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 108(4) u (5) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji għandu wkoll ikun kompatibbli, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ effettività, kif imfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li jimplika li ma għandux irendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mal-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 63 TFUE.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad talba għal inklużjoni mill-ġdid ta’ drittijiet ta’ użufrutt mitmuma ipso jure u mħassra mir-reġistru tal-artijiet bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preliminari, hija marbuta:

li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni u

ħlief għal ostakoli oġġettivi u leġittimi, b’mod partikolari ta’ natura legali, li l-awtorità amministrattiva kompetenti tiġi ordnata tirreġistra mill-ġdid id-drittijiet ta’ użufrutt, minkejja li t-tħassir ta’ dawn id-drittijiet ma jkunx ġie kkontestat ġudizzjarjament fit-termini legali u, konsegwentement, issir definittiva konformement mad-dritt nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad talba għal inklużjoni mill-ġdid ta’ drittijiet ta’ użufrutt mitmuma ipso jure u mħassra mir-reġistru tal-artijiet bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mal-Artikolu 63 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preliminari, hija marbuta:

 

li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni u

ħlief għal ostakoli oġġettivi u leġittimi, b’mod partikolari ta’ natura legali, li l-awtorità amministrattiva kompetenti tiġi ordnata tirreġistra mill-ġdid id-drittijiet ta’ użufrutt, minkejja li t-tħassir ta’ dawn id-drittijiet ma jkunx ġie kkontestat ġudizzjarjament fit-termini legali u, konsegwentement, issir definittiva konformement mad-dritt nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.