SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 82(5) – Azzjoni ppreżentata quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-fatt ta’ kontrafazzjoni kien twettaq jew fejn teżisti theddida li jitwettaq – Talbiet annessi mal-azzjoni għal kontrafazzjoni – Dritt applikabbli – Artikolu 88(2) – Artikolu 89(1)(d) – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (‘Ruma II’) – Artikolu 8(2) – Pajjiż li fih inkiser id-dritt tal-proprjetà intellettwali”

Fil-Kawża C-421/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Acacia Srl

vs

Bayerische Motoren Werke AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bayerische Motoren Werke AG, minn R. Hackbarth u F. Schmidt-Sauerhöfer, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn T. Scharf, É. Gippini Fournier u M. Wilderspin, sussegwentement minn T. Scharf, É. Gippini Fournier u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Acacia Srl u Bayerische Motoren Werke AG (iktar ’il quddiem “BMW”) dwar allegata kontrafazzjoni ta’ disinn Komunitarju li BMW hija l-proprjetarja tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 6/2002

3

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru°6/2002, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”

4

L-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Qrati tad-disinji Komunitarji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membi għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom numru limitat kemm jista’ jkun ta’ qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u t-tieni istanza (qrati tad-disinji Komunitarji) li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom b’dan ir-Regolament.”

5

L-Artikolu 81 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni dwar il-ksur tal-liġi u l-validità”, jipprevedi:

“Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva rigward:

a)

il-kawżi ta’ kontravenzjoni u – jekk permessi bil-liġijiet nazzjonali – rigward kontravenzjoni mhedda tad-disinji Komunitarji;

b)

il-kawżi dwar id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontravenzjoni tad-disinji Komunitarji, jew permessi bil-liġijiet nazzjonali;

ċ)

il-kawżi dwar dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat;

d)

il-kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju mqajma f’konnessjoni mal-kawżi taħt (a).”

6

L-Artikolu 82 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament […], il-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 81, għandhom jinġiebu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut jew, jekk ma jkunx iddomiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri, f’kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

2.   Jekk il-konvenut la jkun iddomiċiljat u lanqas ma jkollu stabbiliment f’wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċeduri għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-kwerelant jew, jekk ma jkun iddomiċiljat fl-ebda Stat membru, f’kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

3.   Jekk la l-konvenut u lanqas il-kwerelant ma jkunu hekk iddomiċiljati jew ikollhom l-istabbiliment, dawn il-proċeduri għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn għandu s-sede tiegħu l-Uffiċċju [tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea].

[…]

5.   Il-proċeduri rigward il-kawżi u l-talbiet riferiti fl-Artikolu 81(a) u (d) jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih kien kommess jew mhedded l-att ta’ kontravenzjoni.”

7

Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Safejn u sakemm twassal il-ġurisdizzjoni rigward il-ksur tal-liġi”:

“ 1.   Qorti tad-disinji Komunitarji li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija msejsa fuq l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward l-atti ta’ kontravenzjoni kommessi jew mhedda ġewwa t-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Membri.

2.   Qorti tad-disinji Komunitarji li l-ġurisdizzjoni tagħha hija msejsa fuq l-Artikolu 82(5) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward l-atti ta’ kontravenzjoni kommessi jew mhedda ġewwa t-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tkun lokata din il-qorti.”

8

Skont l-Artikolu 88 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġijiet applikabbli”:

“1.   Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Dwar il-materji kollha mhux koperti b’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika l-liġijiet nazzjonali tagħha, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tagħha.

3.   Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ kawża li jkollha x’taqsam ma’ dritt ta’ disinn nazzjonali fl-Istat Membru fejn tkun lokata.”

9

L-Artikolu 89 tal-imsemmi regolament, intitolat “Sanzjonijiet fil-kawżi dwar il-ksur tal-liġi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta f’kawża dwar kontravenzjoni jew kontravenzjoni mhedda qorti tad-disinji Komunitarji ssib illi l-konvenut ikun kiser jew hedded li jikser disinn Komunitarju, għandha, jekk jeżistu raġunijiet speċjali sabiex ma tagħmilx hekk, tordna l-miżuri li ġejjin:

a)

ordni li tipprojbixxi lill-konvenut milli jipproċedi bl-atti li jkunu kisru jew jheddu li jiksru disinn Komunitarju;

b)

ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-prodotti tal-kontravenzjoni;

(ċ)

ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-materjali u l-għodod użati b’mod predominanti fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti b’kontravenzjoni, jekk il-pussessur tagħhom kien jaf bl-effett li għalih kien maħsub dan l-użu jew jekk dan l-effett kien ovvju fiċ-ċirkostanzi;

d)

kull ordni ti timponi sanzjonijiet oħra approprjati skond iċ-ċirkostanzi li jkunu pprovduti bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru li fih jiġu kommessi l-atti tal-kontravenzjoni jew tal-kontravenzjoni mhedda, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tiegħu.”

10

L-Artikolu 110 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjoni transitorja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni [Ewropea] dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.”

Ir-Regolament Nru 864/2007

11

Skont il-premessi 14, 16, 17, 19 u 26 tar-Regolament Nru°864/2007:

“(14)

Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja. Dan ir-Regolament jipprevedi l-fatturi ta’ rabta li huma l-aktar adatti sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. […]

[…]

(16)

Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Konnessjoni mal-pajjiż fejn seħħ id-dannu dirett (lex loci damni) toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna miżmuma responsabbli u tal-persuna li ġġarrab id-dannu, u tirrifletti wkoll l-approċċ modern tar-responsabbiltà ċivili u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ responsabbiltà oġġettiva.

(17)

Il-liġi applikabbli għandha tiġi determinata abbażi ta’ fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. […]

[…]

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal delitti/kważi-delitti ċivili speċjali fejn ir-regola ġenerali ma tippermettix li jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn l-interessi litigati.

[…]

(26)

Fir-rigward ta’ ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandu jinżamm il-prinċipju ta’ lex loci protectionis rikonoxxut universalment. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” għandu jiġi interpretat bħala li jfisser, per eżempju, id-dritt ta’ l-awtur, id-drittijiet relatati, id-dritt sui generis għall-protezzjoni ta’ databases u d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali.”

12

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regola ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.”

13

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”, jipprovdi:

“ 1.   Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni.

2.   Fil-każ ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt Komunitarju unitarju ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi applikabbli għandha tkun, għal kwalunkwe kwistjoni mhux regolata mill-istrument Komunitarju relevanti, il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Acacia hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li tipproduċi, fl-Italja, rimmijiet għal vetturi bil-mutur u tiddistribwixxihom f’diversi Stati Membri.

15

Billi qieset li d-distribuzzjoni, minn Acacia, ta’ ċerti rimmijiet fil-Ġermanja tikkostitwixxi kontrafazzjoni ta’ disinn Komunitarju rreġistrat li hija l-proprjetarja tiegħu, BMW ressqet azzjoni għal kontrafazzjoni quddiem qorti tad-disinni Komunitarji indikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din il-qorti ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-kwalità tagħha ta’ konvenuta, Acacia sostniet li r-rimmijiet inkwistjoni huma koperti mill-Artikolu 110 ta’ dan ir-regolament u li hemm, konsegwentement, assenza ta’ kontrafazzjoni.

16

L-imsemmija qorti ddeċidiet li Acacia kienet wettqet l-atti ta’ kontrafazzjoni allegati minn BMW, ordnat il-waqfien tal-kontrafazzjoni u, filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, applikat id-dritt Ġermaniż għat-talbiet imsejħa “annessi” ta’ BMW intiżi għall-għoti ta’ danni, għall-provvista ta’ informazzjoni, għall-provvista ta’ dokumenti, għall-preżentazzjoni tal-kontijiet u għall-għoti ta’ prodotti kontrafatti bil-għan li jinqerdu. Abbażi tar-regoli li jinsabu f’dan id-dritt nazzjonali, dawn it-talbiet, essenzjalment, intlaqgħu.

17

Acacia appellat quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija tikkontesta l-eżistenza ta’ kontrafazzjoni u tqis, barra minn hekk, li l-liġi applikabbli għat-talbiet annessi ta’ BMW hija d-dritt Taljan.

18

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-disinni Komunitarji indikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirriżulta, f’dan il-każ, mill-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002 u li Acacia wettqet l-atti ta’ kontrafazzjoni allegati minn BMW.

19

Hija għandha, min-naħa l-oħra, dubji fuq il-kwistjoni dwar liema dritt nazzjonali japplika għat-talbiet annessi ta’ BMW. Hija tosserva li l-eżitu tat-tilwima jiddependi sa ċertu punt minn din il-kwistjoni, peress li r-regoli tad-dritt Ġermaniż dwar il-provvista ta’ dokumenti u dwar il-preżentazzjoni ta’ kontijiet huma differenti minn dawk tad-dritt Taljan.

20

Din il-qorti tqis li mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C-24/16 u C-25/16, EU:C:2017:724), jista’ jirriżulta li d-dritt Taljan japplika f’dan il-każ. Hija tikkonstata, f’dan ir-rigward, li l-fatt li kkawża d-dannu jinsab fl-Italja, peress li l-prodotti kontenzjużi kienu ġew ikkunsinnati fil-Ġermanja minn dan l-Istat Membru l-ieħor.

21

Madankollu, il-prodotti kontrafatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu nbiegħu fil-Ġermanja u, għal dan il-għan, kienu s-suġġett ta’ reklamar online indirizzat lill-konsumaturi li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ ta’ ksur [kontrafazzjoni] ta’ disinn Komunitarju, il-qorti nazzjonali li quddiemha jitqajjem il-ksur ta’ disinn u li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-locus commissi delicti fis-sens tal-Artikolu 82(5) tar-Regolament [Nru 6/2002], tista’ tapplika l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tas-sede tagħha (il-lex fori) għat-talbiet konsegwenti li jikkonċernaw it-territorju ta’ dan l-Istat Membru?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għat-talbiet konsegwenti skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament [Nru 864/2007], il-“post tal-ksur inizjali”, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2017, Nintendo, (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724), jista’ dan ikun jinsab ukoll fl-Istat Membru fejn ikunu l-konsumaturi li lilhom ikun indirizzat reklamar online u fejn huma mqiegħda fis-suq oġġetti li jiksru d-drittijiet mogħtija mid-disinn Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002 meta l-azzjoni mressqa f’dan l-Istat Membru tikkonċerna biss il-proposta għall-bejgħ u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti inkwistjoni, inkluż fil-każ li l-offerti fuq l-internet li joriġinaw mill-proposta għall-bejgħ u mit-tqegħid fis-suq kienu ġew ifformulati fi Stat Membru ieħor?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Novembru 2021, BMW ippreżentat osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Mistoqsija mir-Reġistru dwar il-portata ta’ dawn l-osservazzjonijiet, BMW spjegat li dawn kienu intiżi għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Skont din id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

25

F’dan il-każ, BMW tafferma, minn naħa, li l-Avukat Ġenerali ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni ċerti elementi fattwali esposti fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, li l-konklużjonijiet tiegħu jinkludu analiżi żbaljata tas-sitwazzjoni speċifika li fiha l-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju jixtieq jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji.

26

F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali kien ta attenzjoni eċċessiva lill-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 6/2002. BMW tixtieq, f’dan ir-rigward, twieġeb għall-opinjoni tal-Avukat Ġenerali li tqis li hija żbaljata.

27

Issa, għandu jitfakkar li l-kontenut tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax jikkostitwixxi, inkwantu tali, fatt ġdid li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, f’każ kuntrarju jkun possibbli għall-partijiet, permezz tal-invokazzjoni ta’ tali fatt, li jwieġbu għall-imsemmija konklużjonijiet. Issa, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kellha l-okkażjoni tenfasizza li, konformement mal-Artikolu 252 TFUE, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa li jippreżenta pubblikament, b’kull imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu, sabiex jassistiha fit-twettiq tal-missjoni tagħha li hija li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 ta’ dan l-istatut u l-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jtemmu l-fażi orali tal-proċedura. Filwaqt li ma humiex parti mid-diskussjoni bejn il-partijiet, il-konklużjonijiet jiftħu l-fażi tad-deliberazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C-882/19, EU:C:2021:800, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-elementi mressqa minn BMW ma jiżvelaw ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti f’din il-kawża u li din tal-aħħar ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet ikkonċernati. Fl-aħħar nett, billi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fi tmiem il-fażi bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura, l-elementi neċessarji kollha, hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

29

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda d-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, fil-każ ta’azzjoni għal kontrafazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002, għat-talbiet annessi ta’ din l-azzjoni li permezz tagħhom ir-rikorrent jitlob, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet materjali tas-sistema ta’ disinn Komunitarju stabbilita minn dan ir-regolament, li l-kontrafattur jiġi ordnat iħallas danni, li jippreżenta informazzjoni, dokumenti u kontijiet u li jagħti l- prodotti kontrafatti bil-għan li jinqerdu.

31

Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-attivitajiet tal-awtur tal-kontrafazzjoni ta’ disinn Komunitarju u għall-kisba, sabiex jiġi ddeterminat dan id-dannu, ta’ informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt ir-regola stabbilita fl-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti tad-disinni Komunitarji adita b’tali domandi li jirrigwardaw kwistjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tapplika d-dritt nazzjonali tagħha, inkluż id-dritt internazzjonali privat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C‑479/12, EU:C:2014:75, punti 53 u 54).

32

It-talba intiża għall-qerda tal-prodotti kontrafatti taqa’, fir-rigward tagħha, taħt ir-regola li tinsab fl-Artikolu 89(1)(d) tal-imsemmi regolament, li tipprevedi, fir-rigward tas-sanzjonijiet mhux speċifikati minn dan tal-aħħar, l-applikazzjoni tal-“liġijiet ta’ l-Istat Membru li fih jiġu kommessi l-atti tal-kontravenzjoni jew tal-kontravenzjoni mhedda, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tiegħu”. Fil-fatt, il-qerda ta’ dawn il-prodotti tagħmel parti minn “sanzjonijiet oħra” li jistgħu jkunu “approprjati [xierqa] skond iċ-ċirkostanzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C‑479/12, EU:C:2014:75, punt 52).

33

Il-mistoqsija tal-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 88(2) u tal-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 sabiex tkun taf il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ fejn l-azzjoni għal kontrafazzjoni tirrigwarda fatti mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

34

Għaldaqstant, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 88(2) u l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tad-disinni Komunitarji aditi b’azzjoni għal kontrafazzjoni skont l-Artikolu 82(5) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward ta’ atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, għandhom jeżaminaw it-talbiet annessi ta’ din l-azzjoni, intiżi għall-għoti ta’ danni, għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, ta’ dokumenti u ta’ kontijiet, kif ukoll għall-għoti tal-prodotti kontrafatti bil-għan tal-qerda tagħhom, abbażi tad-dritt tal-Istat Membru li fih jinsabu dawn il-qrati.

35

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 83(2) tar-Regolament Nru 6/2002, qorti tad-disinni Komunitarji adita skont l-Artikolu 82(5) ta’ dan ir-regolament għandha ġurisdizzjoni unikament sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti ta’ kontrafazzjoni mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab din il-qorti.

36

Għalhekk dan l-Artikolu 82(5) jipprevedi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni li hija intiża li tippermetti lill-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju li jippreżenta azzjoni waħda jew iktar partikolari li jirrigwardaw, kull waħda, speċifikament dwar l-atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AMS Neve et, C‑172/18, EU:C:2019:674, punti 42 u 63).

37

F’dan il-każ, l-azzjoni għal kontrafazzjoni ppreżentata fil-Ġermanja tirrigwarda d-distribuzzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ ċerti prodotti ta’ Acacia. Hekk kif jirriżulta mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatti ta’ kontrafazzjoni allegati fil-konfront ta’ din l-impriża jikkonsistu, minn naħa, fl-offerta għall-bejgħ ta’ dawn il-prodotti permezz ta’ reklamar online indirizzat lill-konsumaturi li jinsabu fil-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, it-tqegħid fis-suq tal-imsemmija prodotti fil-Ġermanja.

38

Tali atti jistgħu, fil-fatt, ikunu s-suġġett ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni li tiffoka fuq, konformement mal-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002, it-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Il-fatt li l-konvenut ħa d-deċiżjonijiet u l-miżuri fid-dawl ta’ dawn l-atti fi Stat Membru ieħor ma jipprekludix l-introduzzjoni ta’ tali azzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AMS Neve et, C‑172/18, EU:C:2019:674, punt 65).

39

Peress li, f’dan il-każ, il-qorti tad-disinni Komunitarji adita tiddeċiedi biss fuq l-atti mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu mill-konvenut fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab din il-qorti, konformement mal-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, li l-applikabbiltà tiegħu għat-talbiet intiżi għall-qerda tal-prodotti kontrafatti tfakkret fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, huwa d-dritt ta’ dan l-Istat Membru li japplika għall-finijiet li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ tali talba.

40

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 88(2) ta’ dan ir-regolament, id-dritt tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-imsemmija qorti japplika wkoll għat-talbiet intiżi għall-għoti ta’ danni u għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, ta’ dokumenti u ta’ kontijiet. Tali talbiet ma jirrigwardawx l-impożizzjoni ta’ “sanzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 89 tal-imsemmi regolament, iżda jirreferu, hekk kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għal “kwistjonijiet” li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 88(2).

41

L-Artikolu 88(2) u l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiżaw li, sa fejn id-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni jinkludi regoli tad-dritt internazzjonali privat, dawn jifformaw parti integrali mid-dritt applikabbli, fis-sens ta’ dawn l-artikoli.

42

Fost dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat hemm dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 864/2007, u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu interpretati flimkien ma’ dan l-Artikolu 8(2).

43

Skont din l-aħħar dispożizzjoni, fil-każ ta’ obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tal-Unjoni ta’ natura unitarja, il-liġi applikabbli għal kwalunkwe kwistjoni li ma hijiex irregolata mill-istrument tal-Unjoni rilevanti hija “il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur”.

44

Din ir-regola ma tistax, fil-każ fejn il-kontrafazzjoni jew fejn it-theddida ta’ kontrafazzjoni li tista’ tiġi eżaminata tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, tinftiehem bħala li tirreferi għall-applikabbiltà tad-dritt ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ dak ta’ pajjiż terz. Peress li l-liġi applikabbli hija, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, dik li hija fis-seħħ fil-post ta’ tali ksur, din il-liġi tikkoinċidi, fil-każ ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002 u li tirrigwarda, għalhekk, fatti ta’ kontrafazzjoni mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

45

Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ġie ppreġudikat ukoll id-disinn Komunitarju inkwistjoni fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, jibqa’ l-fatt li dan l-eventwali ksur ma huwiex is-suġġett tal-kawża mressqa skont l-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002. L-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà, enfasizzati fil-premessi 14 u 16 tar-Regolament Nru 864/2007, jiġu injorati jekk il-kliem “pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur” għad-disinn Komunitarju invokat kienu interpretati bħala li jirreferu għal pajjiż li fih seħħew fatti ta’ kontrafazzjoni li ma humiex is-suġġett tal-kawża inkwistjoni.

46

L-interpretazzjoni tal-kliem “liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur [tad-dritt inkwistjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, bħala li jirreferu għal-liġi tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu biss ir-rikorrent jinvoka, insostenn tal-azzjoni għal kontrafazzjoni tiegħu mressqa skont l-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002, id-disinn Komunitarju inkwistjoni, tippermetti, barra minn hekk, li jinżamm il-prinċipju “lex loci protectionis”, li għandu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 26 tar-Regolament Nru 864/2007, importanza partikolari fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

47

F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-ipoteżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dik eżaminata fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724), li kienet, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, essenzjalment, fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, ikkaratterizzata mill-fatt li l-istess konvenut kien akkużat, fil-kuntest tal-istess azzjoni ġudizzjarja, b’atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa fi Stati Membri differenti.

48

L-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, li tipprovdi li, f’tali ċirkustanzi, il-kliem “liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur [tad-dritt inkwistjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, jirreferu għal-liġi tal-pajjiż li fih twettaq l-att ta’ kontrafazzjoni inizjali (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo, C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 111), tippermetti li tiġi ggarantita l-applikabbiltà ta’ liġi waħda għat-talbiet annessi kollha ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni li hija ppreżentata skont l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4) tar-Regolament Nru 6/2002, billi tali azzjoni tippermetti, konformement mal-Artikolu 83(1) ta’ dan ir-regolament, lill-qorti adita li tagħti deċiżjoni dwar fatti mwettqa fit-territorju ta’ kull Stat Membru.

49

Issa, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi trasposta għall-każ fejn il-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju jippreżenta mhux azzjoni skont dan l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4), iżda jagħżel li jippreżenta azzjoni partikolari waħda jew iktar, kull waħda intiża għal atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, skont il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu. F’dan l-aħħar każ, ma jistax jiġi mitlub mill-qorti adita li tivverifika jekk jeżistix, fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih issir l-azzjoni, att ta’ kontrafazzjoni inizjali u li jibbaża fuq dan l-att sabiex japplika l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ieħor, filwaqt li kemm l-imsemmi att kif ukoll it-territorju tal-imsemmi Stat Membru ma humiex ikkonċernati mill-kawża inkwistjoni.

50

Għandu jingħad ukoll li l-proprjetarju tad-disinn Komunitarju ma jistax, fir-rigward tal-fatti ta’ kontrafazzjoni oħra, jakkumula azzjonijiet ibbażati fuq il-paragrafu 5 tal-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 6/2002 u fuq il-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AMS Neve et., C‑172/18, EU:C:2019:674, punti 40 u 41). Għalhekk, ma hemmx riskju li jkun hemm sitwazzjoni fejn talbiet annessi ta’ azzjoni għal kontrafazzjoni li għandha l-istess suġġett jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ diversi proċeduri abbażi ta’ liġijiet differenti.

51

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 88(2) u l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tad-disinni Komunitarji aditi b’azzjoni għal kontrafazzjoni skont l-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002, intiża għal atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, għandhom jeżaminaw it-talbiet annessi ta’ din l-azzjoni, intiżi għall-għoti ta’ danni, għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, ta’ dokumenti u ta’ kontijiet, kif ukoll għall-għoti tal-prodotti kontrafatti bl-għan tal-qerda tagħhom, fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-atti li jirrigwardaw allegat ksur tad-disinn Komunitarju invokat ikunu twettqu jew fejn teżisti theddida li jitwettqu, li jikkoinċidi, fiċ-ċirkustanzi ta’ azzjoni ppreżentata skont l-imsemmi Artikolu 82(5), mad-dritt tal-Istat Membru li fih jinsabu dawn il-qrati.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 88(2) u l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji, kif ukoll l-Artikolu 8(2) tar‑Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tad-disinni Komunitarji aditi b’azzjoni għal kontrafazzjoni skont l-Artikolu 82(5) tar-Regolament Nru 6/2002, intiża għal atti ta’ kontrafazzjoni mwettqa jew fejn teżisti theddida li jitwettqu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, għandhom jeżaminaw it-talbiet annessi ta’ din l-azzjoni, intiżi għall-għoti ta’ danni, għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, ta’ dokumenti u ta’ kontijiet, kif ukoll għall-għoti tal-prodotti kontrafatti bl-għan tal-qerda tagħhom, fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-atti li jirrigwardaw allegat ksur tad-disinn Komunitarju invokat ikunu twettqu jew fejn teżisti theddida li jitwettqu, li jikkoinċidi, fiċ-ċirkustanzi ta’ azzjoni ppreżentata skont l-imsemmi Artikolu 82(5), mad-dritt tal-Istat Membru li fih jinsabu dawn il-qrati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.