SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/83/UE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kunċett ta’ ‘kummerċjant’ – Obbligu ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-kuntratti mill-bogħod – Rekwiżit li tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem u fuq mezz li jservi għal żmien twil”

Fil-Kawża C‑536/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

“Tiketa” UAB

vs

M. Š.,

fil-preżenza ta’:

“Baltic Music” VšĮ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot (Relatur), L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Tiketa” UAB, minn A. Korsakas, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn R. Dzikovič u K. Dieninis, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. F. Severi, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u I. Rubene kif ukoll minn N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 6(1) u (5) u tal-Artikolu 8(1) u (7) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Tiketa” UAB u M. Š. dwar ir-rimbors tas-somma mħallsa minn dan tal-aħħar sabiex jixtri biljett għal avveniment kulturali li sussegwentement ġie annullat u tal-ispejjeż annessi sostnuti, jiġifieri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż postali, kif ukoll il-kumpens għad-dannu morali subit mill-persuna kkonċernata minħabba dan l-annullament.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/83

3

Il-premessi 14 u 16 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“(14)

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali għal aspetti tal-liġi kuntrattwali li mhumiex regolati b’din id-Direttiva. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tkun bla ħasara għal-liġi nazzjonali li jirregola, pereżempju, il-konklużjoni jew il-validità ta’ kuntratt (pereżempju fil-każ ta’ nuqqas ta’ kunsens). Bl-istess mod„ din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali rigward ir-rimedji kuntrattwali leġali ġenerali, ir-regoli dwar l-ordni ekonomiku pubbliku, pereżempju r-regoli dwar prezzijiet eċċessivi jew esaġerati, u r-regoli dwar tranżazzjonijiet legali mhux etiċi.

[…]

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-leġislazzjonijiet nazzjonali dwar ir-rappreżentanza legali bħar-regoli relatati mal-persuna li qed taġixxi f’isem il-kummerċjant jew għall-interess tiegħu (bħal aġent jew trustee). L-Istati Membri għandhom jibqgħu kompetenti f’dan il-qasam. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika lill-kummerċjanti kollha, sew jekk pubbliċi jew privati.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

2)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti [kuntratti] koperti minn din id-Direttiva;

[…]

10)

‘mezz li jservi għal żmien twil’ tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew il-kummerċjant li jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

[…]”

6

L-Artikolu 3(5) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi kuntrattwali ġenerali nazzjonali, bħar-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti relatati mal-liġi kuntrattwali ġenerali mhumiex regolati minn din id-Direttiva.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi:

“1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

(c)

l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit u n-numru tat-telefon, tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, fejn ikun disponibbli, biex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel kuntatt malajr mal-kummerċjant u jikkomunika b’mod effikaċi miegħu u, jekk applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu jkun qed jaġixxi;

(d)

jekk differenti mill-indirizz ipprovdut skont il-punt (c), l-indirizz ġeografiku tal-post tan-negozju tal-kummerċjant, u fejn applikabbli dak tal-kummerċjant li f’ismu qed jaġixxi, fejn il-konsumatur jista’ jirreferi kwalunkwe lment;

[…]

5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tifforma parti integrali tal-kuntratti mill-bogħod jew dawk lil hinn mill-post tan-negozju u ma għandhiex tkun modifikata għajr jekk mhux bil-ftehim espliċitu tal-partijiet kuntrattwali.

[…]”

8

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill- konsumatur jew jagħmel dik l-informazzjoni disponibblif’mod adegwat għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Sakemm dik l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq mezz li jservi għal żmien twil, hija għandha tkun leġġibbli.

[…]

7.   Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bil-konferma tal-kuntratt konkluż f’mezz li jservi għal żmien twil, fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux iktar tard mill-kunsinna tal-oġġetti jew qabel ma tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz. Dik il-konferma għandha tinkludi:

a)

l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ħlief jekk il-kummerċjant diġà ta dik l-informazzjoni lill-konsumatur f’mezz li jservi fit-tul qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill- bogħod, u

b)

fejn applikabbli, il-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur u tal-avviż ta’ riċeviment tal-konsumatur skont il-punt (m) tal-Artikolu 16.

[…]”

Id‑Direttiva 2005/29/KE

9

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

[…]”

10

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi:

“F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

[…]

b)

l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;

[…]”

Id‑dritt Litwan

11

L-Artikolu 2.133 tal-Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja) jipprovdi:

“1.   Meta hija tindika li taġixxi bħala rappreżentant u li taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha, l-att imwettaq minn persuna (ir-rappreżentant) f’isem persuna oħra (ir-rappreżentat) joħloq, jemenda jew itemm drittijiet u obbligi ċivili direttament fir-rigward tar-rappreżentat.

2.   Is-setgħat tar-rappreżentant jistgħu jirriżultaw ukoll miċ-ċirkustanzi li fihom huwa jaġixxi (bejjiegħ f’kummerċ bl-imnut, kaxxier, eċċ.). Jekk l-aġir ta’ persuna jippermetti raġonevolment lil terzi li jaħsbu li hija ħatret persuna oħra bħala rappreżentant, l-atti mwettqa minn din tal-aħħar f’isem ir-rappreżentat jorbtu lir-rappreżentat.

3.   Meta r-rappreżentant ma jiddikjarax li qiegħed jaġixxi f’isem u fl-interess tar-rappreżentat, l-att ma joħloqx drittijiet u obbligi fir-rigward tar-rappreżentat ħlief jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi madwar l-att, il-parti l-oħra fl-att kellha tifhem li kien ma’ rappreżentant li hija kkonkludiet l-att jew jekk il-persuna li magħha tikkonkludi l-att hijiex irrilevanti għall-parti l-oħra fl-att.”

12

Skont l-Artikolu 6.2281(3) ta’ dan il-kodiċi:

“‘Kummerċjant’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe organu ieħor, jew kwalunkwe suddiviżjoni ta’ persuna ġuridika jew ta’ organu ieħor, li tfittex li tikkonkludi jew tikkonkludi kuntratti għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha, inklużi l-persuni li jaġixxu f’isem il-kummerċjant jew għall-interessi tiegħu. Persuna ġuridika tista’ titqies bħala kummerċjant indipendentement mill-forma ġuridika tal-membri tagħha.”

13

L-Artikolu 2(24) tal-Lietuvos Respublikos vartotojų teisių apsaugos įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“‘Kummerċjant’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe organu ieħor, jew kwalunkwe suddiviżjoni ta’ persuna ġuridika jew ta’ organu ieħor, li tfittex li tikkonkludi jew tikkonkludi kuntratti għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha, inklużi l-persuni li jaġixxu f’isem il-kummerċjant jew għall-interessi tiegħu. Persuna ġuridika tista’ titqies bħala kummerċjant indipendentement mill-forma ġuridika tal-membri tagħha.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Tiketa teżerċita, permezz tas-sit internet tagħha, attività ta’ distribuzzjoni ta’ biljetti għal avvenimenti organizzati minn terzi.

15

Fis‑7 ta’ Diċembru 2017, M. Š. xtara biljett mingħand Tiketa għal avveniment kulturali li kellu jseħħ fl‑20 ta’ Jannar 2018. Qabel ma x-xiri ta’ dan il-biljett ġie ffinalizzat, is-sit internet ta’ Tiketa kien indika li dan l-avveniment kien organizzat minn “Baltic Music” VšĮ u kien jirreferi għal sit internet ieħor u numru tat-telefon sabiex tinkiseb iktar informazzjoni. Kien hemm ukoll f’ittri ħomor l-informazzjoni li kienet tgħid li “[l]-organizzatur tal-avveniment għandu responsabbiltà sħiħa għall-avveniment, għall-kwalità tiegħu, għall-kontenut tiegħu u għall-informazzjoni relatata miegħu. Tiketa hija d-distributur tal-biljetti u taġixxi bħala intermedjarju apparenti.” Informazzjoni iktar preċiża dwar il-fornitur ta’ servizzi inkwistjoni u r-r-rimbors tal-biljetti kienet inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi disponibbli fis-sit internet ta’ Tiketa.

16

Il-biljett maħruġ lil M. Š. kien jirriproduċi biss parti minn dawn il-kundizzjonijiet ġenerali. Dan kien jinkludi b’mod partikolari r-referenza li “[i]l-biljetti la huma skambjati u lanqas irrimborsati. Fil-każ ta’ annullament jew ta’ posponiment tal-avveniment, huwa l-organizzatur ta’ [dan] li jissodisfa kompletament ir-rimbors tal-prezz tal-biljetti”. Kienu mfakkra wkoll l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tal-organizzatur tal-avveniment inkwistjoni u kien indikat li dan tal-aħħar kien kompletament responsabbli “mill-avveniment, mill-kwalità tiegħu, mill-kontenut tiegħu u mill-informazzjoni relatata miegħu”, fejn Tiketa kienet taġixxi biss bħala distributur tal-biljetti u bħala “intermedjarja apparenti”.

17

Fl‑20 ta’ Jannar 2018, M. Š. mar għall-avveniment inkwistjoni u permezz tal-qari ta’ kitba mwaħħla mad-dħul tal-post fejn dan kellu jiżvolġi sar jaf li ma kienx ser iseħħ.

18

Fit‑22 ta’ Jannar 2018, Baltic Music informat lil Tiketa li l-avveniment inkwistjoni kien annullat u li l-persuni li kienu xtraw biljetti setgħu jiġu rrimborsati, Fl-istess jum, Tiketa informat lil M. Š. bil-possibbiltà li jiġi rrimborsat il-prezz tal-biljetti kemm mingħand il-kaxxieri li mingħandhom kienu nxtraw, kemm online għal dawk li kienu nxtraw b’dan il-mezz.

19

Fit‑23 ta’ Jannar 2018, M. Š. talab lil Tiketa r-rimbors tal-biljett tiegħu kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu u l-kumpens għad-dannu morali mġarrab minħabba l-annullament tal-avveniment inkwistjoni. Tiketa informatu li kellu jindirizza ruħu lil Baltic Music peress li hija kienet biss id-distributriċi tal-biljetti u għalhekk ma kinitx responsabbli mill-kwalità jew mill-annullament ta’ dan l-avveniment. Hija żammet din il-pożizzjoni bi tweġiba għat-talba repetittiva li ġiet inidrizzata lilha minn M. Š. xi ġimgħat wara. Il-persuna kkonċernata għalhekk indirizzat ruħha lil Baltic Music, iżda t-talbiet tagħha baqgħu mingħajr tweġiba.

20

Fit‑18 ta’ Lulju 2018, M. Š. ressaq talba quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja) intiża sabiex Tiketa u Baltic Music jiġu kkundannati in solidum sabiex jikkumpensawh għad-danni materjali, jiġifieri l-prezz tal-biljett, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż postali, u għad-dannu morali li huwa kien ġarrab minħabba l-annullament tal-avveniment inkwistjoni.

21

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2018, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Vilnjus) laqgħet parzjalment din it-talba billi kkundannat lil Tiketa tħallas lill-persuna kkonċernata s-somom mitluba bħala kumpens għad-danni materjali tagħha kif ukoll parti minn dawk mitluba bħala kumpens għad-dannu morali tagħha, li flimkien jinkludu l-interessi bir-rata annwali ta’ 5 % minn meta ġie ppreżentat ir-rikors sal-eżekuzzjoni perfetta tas-sentenza tagħha.

22

Peress li l-appell ippreżentat minn Tiketa kontra din is-sentenza quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) ġie miċħud, din tal-aħħar appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja).

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “kummerċjant” kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 (1) fis-sens li persuna li tintervjeni bħala intermedjarja waqt ix-xiri ta’ biljett [ta’ spettaklu] minn konsumatur tista’ titqies bħala kummerċjant, obbligata mill-obbligi li timponi d-Direttiva 2011/83, u għalhekk bħala parti għall-kuntratt ta’ bejgħ jew ta’ servizzi, li mingħandha l-konsumatur jista’ jsostni d-drittijiet tiegħu, li għaliha huwa jista’ jindirizza lmenti u kontra min huwa jista’ jressaq azzjoni ġudizzjarja?

a)

Il-kwistjoni ta’ jekk il-persuna li tintervjeni bħala intermedjarja waqt ix-xiri ta’ biljett, ipprovdut, qabel ma l-konsumatur ma jkun marbut mill-kuntratt mill-bogħod, l-informazzjoni kollha fir-rigward tal-kummerċjant prinċipali taħt forma ċara u kumprensiva, kif jeħtieġ l-Artikolu 6(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2011/83, għandha effett fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘kummerċjant’ kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83?

b)

Għandu jitqies li l-intermedjarju ta l-konjizzjoni tal-kwalità tiegħu ta’ intermedjarju meta l-persuna li tipparteċipa fil-proċess ta’ bejgħ tal-biljett indikat, qabel ma l-konsumatur ma jkun marbut bil-kuntratt mill-bogħod, l-isem tal-kummerċjant prinċipali, il-forma legali tiegħu, li dan tal-aħħar iġib ir-responsabbiltà sħiħa tal-avveniment, tal-kwalità tiegħu, tal-kontenut tiegħu u tal-informazzjoni relatata miegħu, u li huwa jaġixxi huwa stess biss fil-kwalità ta’ distributur tal-biljetti u huwa intermedjarju li jispikka?

c)

Jista’ jiġi interpretat il-kunċett ta’ ‘kummerċjant’ kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 fis-sens li, fejn ir-relazzjonijiet legali ta’ provvista ta’ servizz doppju (distribuzzjoni ta’ biljetti u organizzazzjoni ta’ avveniment) stabbiliti bejn il-partijiet, il-bejjiegħ tal-biljett u l-organizzatur tal-avveniment jistgħu jiġu rikonoxxuti ż-żewġ kwalitajiet ta’ kummerċjant, jiġifieri ta’ parti għal kuntratt ta’ konsum?

2)

Għandu jiġi interpretat u applikat ir-rekwiżit li tiġi pprovduta ċerta informazzjoni lill-konsumatur u li din l-informazzjoni tiġi riformulata f’lingwa ċara u komprensibbli ddikjarata fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/83 fis-sens li l-obbligu li jiġi infurmat il-konsumatur huwa meqjus bħal li ġie debitament eżegwit meta l-informazzjoni hija pprovduta fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ servizzi mill-intermedjarju, li tiegħu il-konsumatur jieħu konjizzjoni fuq is-sit internet tiketa.lt, u jikkonferma, qabel ir-regolament, permezz ta’ ‘clicwrap’, jiġifieri b’mod attiv, billi jiċċekkja onlajn, il-każ previst għal dan l-effett u billi jiklikkja fuq il-link korrispondenti, li ħa konjizzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ servizzi mill-intermedjarju u billi jobbliga ruħu li josservahom bħala li jifformaw parti mill-klawżoli kuntrattwali?

a)

Il-fatt li din l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta fuq support durabbli u li l-konsumatur ma ngħatax, sussegwentement, konferma tal-kuntratt konkluż fuq support durabbli, li inkluda l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, kif jeħtieġ l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2011/83, għandu effett fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-rekwiżit imsemmi fid-domanda 2?

b)

Din l-informazzjoni, ipprovduta fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ servizzi mill-intermedjarju, hijiex parti integrali mill-kuntratt mill-bogħod skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2011/83 għalkemm din l-informazzjoni ma ngħatatx fuq support durabbli u/jew li l-konsumatur ma ngħatax konferma tal-kuntratt konkluż fuq support durabbli sussegwentement?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “kummerċjant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mhux biss il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni proprja tagħha fil-kuntratti koperti minn din id-direttiva, iżda wkoll il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala intermedjarju, f’isem jew għall-interessi ta’ dan il-kummerċjant, u jekk dan l-intermedjarju u l-kummerċjant prinċipali jistgħux it-tnejn li huma jiġu kklassifikati bħala “kummerċjanti” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta hija kkaratterizzata l-eżistenza ta’ provvista doppja ta’ servizzi.

25

Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandhom differenzi. Fil-fatt, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, skont il-verżjoni bil-lingwa Litwana ta’ din id-dispożizzjoni, kull persuna li taġixxi f’isem jew għall-interessi ta’ kummerċjant, iddefinit bħala kull persuna fiżika jew ġuridika, kemm jekk tkun pubblika jew privata li, fil-kuntratti koperti minn din id-direttiva, taġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha, tikkostitwixxi hija stess kummerċjant, fis-sens ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-istess dispożizzjoni, b’mod partikolari l-verżjonijiet tagħha bil-lingwa Ingliża u Franċiża, jipprovdu li tikkostitwixxi tali kummerċjant kull persuna li tissodisfa din id-definizzjoni, inkluż meta taġixxi bl-intermedju ta’ terz li jaġixxi f’ismha jew għall-interess tagħha, u b’hekk jitħalla jinftiehem li l-fatt li persuna tirrikorri għal intermedjarju ma jċaħħadhiex mill-kwalità tagħha ta’ kummerċjant.

26

B’hekk, tkun xi tkun il-verżjoni lingwistika tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, intermedjarju bħal Tiketa għandu jiġi kklassifikat bħala “kummerċjant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jaġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tiegħu fil-kuntratti koperti minn din id-direttiva. Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk tali intermedjarju jikkostitwixxix fil-każijiet kollha “kummerċjant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li jaġixxi f’isem jew għall-interessi ta’ tali kummerċjant.

27

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l‑istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(1)(c) u (d) ta’ din id-direttiva, kull kummerċjant huwa obbligat, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju jew b’offerta tal-istess tip, jikkomunikalu, jekk ikun il-każ, l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-kummerċjant li għall-interessi tiegħu jkun qiegħed jaġixxi, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-indirizz tas-sede kummerċjali tiegħu. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tinkludi fil-kategorija ta’ kummerċjanti, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaġixxu għall-interessi ta’ kummerċjanti oħra.

29

Barra minn hekk, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova (C‑105/17, EU:C:2018:808), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kummerċjant”, kif iddefinit mid-Direttivi 2011/83 u 2005/29, kellu jagħti lok għal interpretazzjoni uniformi peress li dawn id-direttivi huma bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE u, f’dan ir-rigward, isegwu l-istess għanijiet, jiġifieri li jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest leġiżlattiv, regolatorju u amministrattiv li huma jkopru. Fil-punti 32, 33 u 36 tal-istess sentenza, din essenzjalment iddeċidiet li, b’kuntrast mal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, li jindika kull persuna fiżika li ma hijiex involuta f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali, il-kunċett ta’ “kummerċjant” jimplika li l-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata taġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha jew f’isem jew għall-interessi ta’ kummerċjant.

30

Fl-aħħar, l-għan imfakkar fil-punt preċedenti, li jissemma fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83, jistieden li tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, tal-kunċett ta’ “kummerċjant”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tikkostitwixxi “kummerċjant”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, mhux biss il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni proprja tagħha fil-kuntratti koperti minn din id-direttiva, iżda wkoll il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala intermedjarja, f’isem jew għall-interessi ta’ dan il-kummerċjant.

32

L-istess japplika indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali intermedjarju ssodisfax l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2011/83.

33

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, fil-punt 45 tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:840), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna li taġixxi bħala intermedjarju għal individwu fil-kuntest tal-bejgħ ta’ oġġett setgħet titqies bħala li hija stess hija l-“bejjiegħ”, fis-sens tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223), fil-każ fejn ma tkunx debitament infurmat lix-xerrej bl-identità tal-proprjetarju ta’ dan l-oġġett, is-soluzzjoni adottata f’din is-sentenza ma hijiex trasponibbli għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant” fis-sens tad-Direttiva 2011/83 li jirriżulta minn loġika differenti. Fil-fatt, filwaqt li d-Direttiva 1999/44 tistabbilixxi responsabbiltà speċifika tal-bejjiegħ fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġett mhux konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ, mill-premessi 14 u 16 kif ukoll mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li din tal-aħħar tirregola d-drittijiet tal-konsumaturi u mhux l-aspetti ġenerali tad-dritt tal-kuntratti, bħar-regoli applikabbli fil-qasam tat-tfassil ta’ kuntratti jew ta’ rappreżentanza legali. B’mod partikolari, id-Direttiva 2011/83 ma tiddeterminax l-identità tal-partijiet fil-kuntratt konkluż mal-konsumatur fil-każ li n-negozjant prinċipali jista’ jirrikorri għal intermedjarju, u lanqas ma tirregola t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn dawn tal-aħħar f’każ ta’ ksur tal-obbligi li hija tipprevedi.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kwistjoni dwar jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala intermedjarju f’isem jew għall-interessi ta’ kummerċjant ieħor informatx lill-konsumatur li hija kienet taġixxi f’din il-kwalità hija wkoll irrilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ dan l-intermedjarju bħala “kummerċjant”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83.

35

Fl-aħħar nett, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-kuntest li tagħmel parti minnu u mill-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2011/83, imfakkra fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-fatt li dan l-intermedjarju jikkostitwixxi kummerċjant ma jipprekludix li dan ikun ukoll il-każ tan-negozjant prinċipali, li f’isem jew għall-interessi tiegħu dan l-intermedjarju jaġixxi, mingħajr ma jkun meħtieġ għal dan li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ provvista doppja ta’ servizzi, peress li dawn il-kummerċjanti huma t-tnejn obbligati li jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “kummerċjant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mhux biss il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni proprja tagħha fil-kuntratti koperti minn din id-direttiva, iżda wkoll il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala intermedjarju, f’isem jew għall-interessi ta’ dan il-kummerċjant, sa fejn dan l-intermedjarju u n-negozjant prinċipali jistgħu t-tnejn jiġu kklassifikati bħala “kummerċjanti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ għal dan il-għan li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ provvista doppja ta’ servizzi.

Fuq it‑tieni domanda

37

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u (5) u l-Artikolu 8(1) u (7) tad-Direttiva 2011/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 6(1) tiġi pprovduta biss lill-konsumatur fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi fis-sit tal-intermedjarju, approvati b’mod attiv minn dan il-konsumatur billi jittikkja l-kaxxa prevista għal dan il-għan, u jekk din l-informazzjoni trażmessa skont tali modalità tagħmilx parti integrali mill-kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, inkluż meta din ma tkunx intbagħtet lilu fuq mezz li jservi għal żmien twil, fis-sens tal-Artikolu 8(7) ta’ din id-direttiva, u/jew li l-konsumatur ma jkunx sussegwentement ingħata l-konferma tal-kuntratt konkluż fuq tali mezz.

38

L-ewwel, skont Tiketa, it-tieni domanda ma hijiex relatata mas-suġġett tal-kawża prinċipali minħabba li l-konsumatur ikkonċernat, f’dan il-każ, irċieva l-informazzjoni meħtieġa kollha fuq il-mezz li jservi għal żmien twil, li jikkonsisti fil-biljett li ntbagħatlu sabiex jaċċedi għall-avveniment inkwistjoni. Dan l-argument jikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk il-provvista tal-informazzjoni meħtieġa mid-Direttiva 2011/83 fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi li tinsab fis-sit internet tal-intermedjarju, approvati mill-konsumatur billi jittikkja l-kaxxa prevista għal dan il-għan, qabel il-ħlas tal-biljett, hijiex suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 8 (1) u (7) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-konsumatur kien irċieva l-informazzjoni meħtieġa kollha fuq il-biljett ta’ aċċess għall-avveniment li ngħatalu sussegwentement, din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha effett fuq ir-rilevanza tat-tieni domanda. Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li tista’ tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, tippreċiża li l-konsumatur f’dan il-każ ma ngħatax konferma tal-kuntratt konkluż fuq mezz li jservi għal żmien twil, li jinkludi l-informazzjoni kollha prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, kif jeżiġi l-Artikolu 8(7) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni domanda għandha tiġi miċħuda.

41

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-obbligu ta’ informazzjoni tal-konsumatur huwiex osservat meta l-informazzjoni meħtieġa mid-Direttiva 2011/83 tiġi mgħarrfa lill-konsumatur fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi tal-intermedjarju, approvati mill-konsumatur billi jittikkja l-kaxxa prevista għal dan il-għan, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju, din id-direttiva tiddistingwixxi l-obbligi sostantivi imposti fuq il-kummerċjant f’termini ta’ informazzjoni tal-konsumatur, li huma s-suġġett tal-Artikolu 6 tagħha, mill-obbligi dwar il-forma li din l-informazzjoni għandha tieħu, li huma s-suġġett tal-Artikolu 8 tagħha.

42

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u b’mod ċar u li jinftiehem, ċerta informazzjoni, li fost din hemm l-identità u d-dettalji tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-identità u d-dettalji tal-kummerċjant li jkun qiegħed jaġixxi għalih, iżda wkoll il-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni u l-eżistenza u l-modalitajiet tad-dritt ta’ rtirar ta’ dan il-konsumatur. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, kemm tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali kif ukoll il-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni, li jippermetti lil dan il-konsumatur li jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant, kif ukoll tal-informazzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/83 ifakkar ir-rekwiżit li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tagħha għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem u jipprovdi li, sa fejn din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu fuq mezz li jservi għal żmien twil, din għandha tkun leġibbli.

44

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 8(7) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur il-konferma tal-kuntratt fuq mezz li jservi għal żmien twil, fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt, liema konferma għandha b’mod partikolari tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, ħlief jekk din tkun diġà ġiet ipprovduta lill-konsumatur fuq mezz li jservi għal żmien twil.

45

Mid-dispożizzjonijiet flimkien imsemmija fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, huwa biss il-kummerċjant li għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 b’mod ċar u li jinftiehem. Huwa biss wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt li dan il-kummerċjant huwa barra minn hekk obbligat, skont l-Artikolu 8(7) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi lill-konsumatur, f’terminu raġonevoli, il-konferma tal-kuntratt konkluż fuq mezz li jservi għal żmien twil, ħlief jekk l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva tkun diġà ġiet ikkomunikata lilu fuq tali mezz.

46

Minbarra li ma tipprojbixxix l-użu ta’ ċerti tekniki ta’ komunikazzjoni, id-Direttiva 2011/83 sempliċement tfassal il-kontenut tal-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 43). Isegwi li xejn ma jipprekludi li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva tiġi mgħarrfa lill-konsumatur fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi fis-sit tal-intermedjarju, approvati minn dan il-konsumatur billi jittikkja l-kaxxa prevista għal dan il-għan.

47

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, din l-informazzjoni kollha tassew ġiet mgħarrfa lill-konsumatur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod ċar u li jinftiehem.

48

Min-naħa l-oħra, tali modalità ta’ informazzjoni ma tistax tissostitwixxi l-konferma li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur fuq mezz li jservi għal żmien twil wara l-konklużjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2011/83.

49

Fil-fatt, skont il-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “mezz li jservi għal żmien twil” ifisser “kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew il-kummerċjant li jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna”.

50

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “mezz li jservi għal żmien twil”, fis-sens tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), li d-Direttiva 2011/83 ħassret u ssostitwixxiet, tali mezz għandu għalhekk, fil-prattika, jissodisfa l-istess funzjonijiet bħall-mezz tal-karta, sabiex jippermetti lill-konsumatur, jekk ikun il-każ, jinvoka d-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punti 4142).

51

Issa, is-sempliċi provvista tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi fis-sit internet tal-intermedjarju, approvati mill-konsumatur billi jittikkja l-kaxxa prevista għal dan il-għan qabel ma jagħmel il-pagament, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, peress li ma għandhiex bħala riżultat li din l-informazzjoni tiġi indirizzata personalment lil dan il-konsumatur, peress li ma tiggarantixxix l-assenza ta’ tibdil tal-kontenut tagħha kif ukoll l-aċċessibbiltà tagħha għal tul ta’ żmien xieraq, u ma tippermettix lill-konsumatur li jkun jista’ jaħżen din l-istess informazzjoni jew li jirriproduċiha bħala tali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 43). F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali modalità ta’ informazzjoni ma tikkorrispondix mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “mezz li jservi għal żmien twil”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

52

L-assenza ta’ għoti lill-konsumatur tal-konferma tal-kuntratt fuq mezz li jservi għal żmien twil hija, madankollu, mingħajr effett fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2011/83, li jipprovdu li l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva tagħmel parti integrali mill-kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju u ma tistax tiġi mibdula sakemm il-partijiet kontraenti ma jiddeċidux mod ieħor b’mod speċifiku. Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 6(5) jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssuġġettax l-inklużjoni ta’ din l-informazzjoni fil-kuntratt konkluż mal-konsumatur għall-osservanza, mill-kummerċjant, tal-obbligu tiegħu li jagħti lil dan il-konsumatur il-konferma tal-kuntratt fuq mezz li jservi għal żmien twil. L-interpretazzjoni kuntrarja tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur imfittex mid-Direttiva 2011/83.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u (5) u l-Artikolu 8(1) u (7) tad-Direttiva 2011/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 6(1) tiġi pprovduta biss lill-konsumatur fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi fis-sit tal-intermedjarju, approvati b’mod attiv minn dan il-konsumatur billi jittikkja l-kaxxa prevista għal dan il-għan, sa fejn din l-informazzjoni tiġi mgħarrfa lill-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem. Madankollu, tali modalità ta’ informazzjoni ma tistax tissostitwixxi l-għoti lill-konsumatur tal-konferma tal-kuntratt fuq mezz li jservi għal żmien twil, fis-sens tal-Artikolu 8(7) ta’ din id-direttiva, peress li dan il-fatt ma jipprekludix li din l-informazzjoni tkun parti integrali mill-kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi “kummerċjant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mhux biss il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni proprja tagħha fil-kuntratti koperti minn din id-direttiva, iżda wkoll il-persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi bħala intermedjarju, f’isem jew għall-interessi ta’ dan il-kummerċjant, sa fejn dan l-intermedjarju u n-negozjant prinċipali jistgħu t-tnejn jiġu kklassifikati bħala “kummerċjanti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ għal dan il-għan li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ provvista doppja ta’ servizzi.

 

2)

L-Artikolu 6(1) u (5) u l-Artikolu 8(1) u (7) tad-Direttiva 2011/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 6(1) tiġi pprovduta biss lill-konsumatur fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ servizzi fis-sit tal-intermedjarju, approvati b’mod attiv minn dan il-konsumatur billi jittikkja l-kaxxa prevista għal dan il-għan, sa fejn din l-informazzjoni tiġi mgħarrfa lill-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem. Madankollu, tali modalità ta’ informazzjoni ma tistax tissostitwixxi l-għoti lill-konsumatur tal-konferma tal-kuntratt fuq mezz li jservi għal żmien twil, fis-sens tal-Artikolu 8(7) ta’ din id-direttiva, peress li dan il-fatt ma jipprekludix li din l-informazzjoni tkun parti integrali mill-kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.