SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor, fil-waqt li l-wild minuri ta’ ta’ dan iċ-ċittadin, li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jirrisjedi fl-ewwel Stat Membru – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Dritt għall-osservanza tal-ħajja tal-familja – Artikolu 24 – Aħjar interess tal-wild – Assenza ta’ ksur tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minħabba l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 23(2) – Obbligu għall-Istati Membri li jissorvelja għaż-żamma tal-unità tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali”

Fil-Kawża C‑483/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

XXXX

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, S. Rodin, I. Jarukaitis u J. Passer (Relatur), Presidenti tal-Awla, J.-C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, M. Van Regemorter u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 2, 20, 23 u 31 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tal-Artikolu 25(6)(a) u l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn XXXX u l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Apolidi, il-Belġju, iktar ’il quddiem iċ-“CGRA”) dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fil-Belġju.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif emendat bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din il-[Konvenzjoni ta’ Genève], il-kelma ‘refuġjat’ għandha tapplika għal kwalunkwe persuna:

[…]

2. [li] […] minħabba biża’ debitament fondata ta’ persekuzzjoni minħabba raġunijiet marbuta mar-razza tagħha, mar-reliġjon tagħha, man-nazzjonalità tagħha, mal-appartenenza tagħha fi grupp soċjali partikolari jew mal-opinjoni politika tagħha, tinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, minħabba li tkun persuna apolidi u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha b’konsegwenza ta’ tali avvenimenti, ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tmur lura fih.

Fil-każ ta’ persuna li jkollha iktar minn nazzjonalità waħda, ‘il-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha’ tfisser kull wieħed mill-pajjiżi li tiegħu jkollha n-nazzjonalità. Persuna ma għandhiex titqies li ma tgawdix mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha jekk, mingħajr ebda raġuni valida bbażata fuq biża’ debitament fondata, ma tkunx invokat il-protezzjoni ta’ wieħed mill-pajjiżi li tiegħu jkollha n-nazzjonalità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/95

4

Il-premessi 8, 9, 12, 18 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jipprevedu:

“(8)

Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottobru 2008, il-Kunsill Ewropew innota li kien fadal numru konsiderevoli ta’ diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-għoti ta’ protezzjoni u l-forom li l-protezzjoni tieħu u sejjaħ għal inizjattivi ġodda sabiex jitkompla l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, provduta fil-Programm tal-Aja, u għalhekk joffri grad ogħla ta’ protezzjoni.

(9)

Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għal dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali, mhux aktar tard mill‑2012.

[…]

(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(18)

L-‘aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha.

[…]

(39)

Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

j)

‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prassi tal-Istat Membru interessat tittratta koppji mhux miżżewġa b’mod paragunabbli għal koppji miżżewġa skont il-liġi li tirrigwarda ċittadini nazzjonali minn pajjiż terz;

it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali;

il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak il-benefiċjarju hu minuri jew mhux miżżewweġ;

[…]”

6

Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 35 tagħha.

7

L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Regoli ġenerali” jipprevedi fil-paragrafu 5 tiegħu:

“L-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu li jinvolvi minuri.”

8

L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma ta’ unità tal-familja”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2.   L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.

4.   Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan l-Artikolu japplika wkoll għal qraba oħra qrib li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak il-ħin.”

Id‑Direttiva 2013/32

9

Skont kliem l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha fuq bażi sostanzjali, jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant ikkonċernat jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ħlief fejn din id-Direttiva tkun tipprovdi mod ieħor, partikolarment fejn wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l- eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fejn pajjiż ta’ asil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew inkella protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż.”

10

L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprevedi:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31)], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

[…]”

Id‑dritt Belġjan

11

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57/6(3) tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), li jittrasponi l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, huwa fformulat kif ġej:

“Iċ-[CGRA] jista’ jiddikjara inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta:

[…]

3 l-applikant diġà jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea;

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Wara li kiseb, fl‑1 ta’ Diċembru 2015, l-istatus ta’ refuġjat fl-Awstrija, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ttrasferixxa ruħu fil-Belġju fil-bidu tal‑2016 sabiex jingħaqad maż-żewġ uliedu bniet, li minnhom waħda kienet minuri. Fl‑14 ta’ Diċembru 2016, dawn tal-aħħar kisbu l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja fil-Belġju. L-awtorità tal-ġenituri ġiet irrikonoxxuta mill-Istat Belġjan lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fuq il-wild minuri, iżda l-persuna kkonċernata ma għandhiex dritt ta’ residenza f’dan l-Istat.

13

Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Belġju. Fil‑11 ta’ Frar2019, iċ-CGRA ċaħad din l-applikazzjoni bħala inammissibbli abbażi tal-punt 3 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57/6(3) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin, minħabba li protezzjoni internazzjonali kienet diġà ngħatat lill-persuna kkonċernata minn Stat Membru ieħor.

14

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni.

15

Fil‑21 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li l-osservanza tal-prinċipji tal-unità tal-familja u tal-aħjar interess tal-wild tipprekludi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, lill-Istat Belġjan milli jkun jista’ juża l-possibbiltà tiegħu li jiddikjara inammissibbli l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Huwa jippreċiża li l-fatt li l-istatus ta’ refuġjat ġie rrikonoxxut lilu fi Stat Membru ieħor ma jipprekludix li huwa jkun jista’ jinvoka kontra l-imsemmija deċiżjoni l-prinċipju tal-unità tal-familja peress li dan l-istatus ma jawtorizzahx jgħix mal-wild minuri tiegħu fl-Istat Membru fejn din tal-aħħar kisbet il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja.

16

Skont iċ-CGRA, il-prinċipju tal-unità tal-familja ma japplikax f’dan il-każ, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex imċaħħad mill-protezzjoni, u lanqas uliedu bniet. Barra minn hekk, l-aħjar interess biss tal-wild ma jistax jiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni.

17

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi li fihom il-prinċipji tal-unità tal-familja u tal-aħjar interess tal-wild huma invokati, id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, li jiddikjara applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-[Unjoni], essenzjalment l-Artikoli 18 u 24 tal-[Karta], l-Artikoli 2, 20, 23 u 31 tad-[Direttiva 2011/95] u l-Artikolu 25(6) tad-[Direttiva 2013/32], jipprekludi li, fl-implimentazzjoni tal-awtorità mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE, Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba protezzjoni diġà mogħtija minn Stat Membru ieħor, meta l-applikant huwa l-missier ta’ wild minuri mhux akkumpanjat li kien kiseb protezzjoni fl-ewwel Stat Membru, huwa l-uniku ġenitur tal-familja nukleari preżenti viċin il-wild, huwa joqgħod miegħu u meta l-imsemmi Stat Membru rrikonoxxa l-awtorità parentali tal-imsemmi applikant fuq il-wild? Il-prinċipji ta’ unità tal-familja u li jippreskrivi l-osservanza tal-aħjar interess tal-wild jeħtieġu, għall-kuntrarju, li protezzjoni tingħata lil dan il-ġenitur mill-Istat fejn il-wild tiegħu kiseb protezzjoni?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

19

Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2020, il-Gvern Belġjan, minn naħa, informa lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ippreżenta, fl‑4 ta’ Novembru 2020, applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, informa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mistoqsijiet tiegħu dwar ir-rilevanza, f’dawn iċ-ċirkustanzi, taż-żamma tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

20

Wara din l-informazzjoni, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2021, talab lill-qorti tar-rinviju l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

21

Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Frar 2021, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja bix-xewqa tagħha li żżomm ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id‑domanda preliminari

22

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, meta dan l-applikant huwa l-missier ta’ wild minuri mhux akkumpanjat li jkun kiseb il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru, li huwa l-uniku ġenitur tal-familja nukleari preżenti viċin il-wild, li huwa joqgħod miegħu u li l-awtorità tal-ġenituri fuq dan tal-aħħar ġiet irrikonoxxuta mill-imsemmi Stat Membru.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, minbarra l-każijiet li fihom applikazzjoni ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, meta applikazzjoni titqies inammissibbli skont dan l-artikolu. L-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fost dawn is-sitwazzjonijiet hemm dik, prevista fil-punt(a) ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li fiha protezzjoni internazzjonali diġà ngħatat minn Stat Membru ieħor.

24

B’hekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex obbligati jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 meta tali protezzjoni tkun diġà żgurata fi Stat Membru ieħor.

25

Barra minn hekk din l-interpretazzjoni tissodisfa l-għan tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, li jikkonsisti, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fit-tnaqqis tal-obbligu tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jiddefinixxi l-każijiet li fihom tali applikazzjoni titqies bħala inammissibbli (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar l-eżistenza eventwali ta’ eċċezzjonijiet għall-possibbiltà offruta lill-Istati Membri, skont din id-dispożizzjoni, li ma jivverifikawx jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali, eċċezzjonijiet li jistgħu jkunu ġġustifikati, essenzjalment, mid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u mit-teħid inkunsiderazzjoni neċessarju tal-aħjar interess tal-wild, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 24(2) tal-Karta.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom, kif ukoll fil-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri d-dinjità umana, li tinkludi b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti.

28

Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li l-Unjoni tikkostitwixxi u li jiżgura, konformement mal-Artikolu 67(2) TFUE, l-assenza ta’ kontrolli ta’ persuni fil-fruntieri interni u jiżviluppa politika komuni fil-qasam tal-ażil, tal-immigrazzjoni u tal-kontroll tal-fruntieri esterni li hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u li hija ġusta fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-qasam, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi fuq kull wieħed minn dawn l-Istati li jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għaldaqstant, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, għandu jiġi preżunt li t-trattament irriżervat lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Dan jgħodd b’hekk, b’mod partikolari, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, li jikkostitwixxi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil komuni stabbilita minn din id-direttiva, espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 85, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun jeżisti riskju serju li applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati, f’dan l-Istat Membru, b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Mill-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux jeżerċitaw il-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 meta jkunu waslu għall-konklużjoni, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati u fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, li jeżistu, fl-Istat Membru fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jibbenefika diġà minn protezzjoni internazzjonali, nuqqasijiet kemm sistematiċi u kemm b’mod ġenerali li jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni u li, fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-applikant ser ikun affaċċjat b’riskju reali li jiġi suġġett għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 85 sa 90, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 92).

32

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ rifuġjat bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru ieħor ma jesponuhx għal riskju serju li jissubixxi trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Il-fatt li l-benefiċjarji ta’ tali protezzjoni ma jirċevux, fl-imsemmi Stat Membru, ebda benefiċċju ta’ sussistenza, jew huma destinatarji ta’ tali benefiċċju b’mod ferm inqas milli fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti miċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ma jippermettix li jiġi kkonstatat ksur ta’ dan l-Artikolu 4, sakemm l-applikant ma jkunx jinsab, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu u indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tippermettilux li jaffaċċja l-bżonnijiet tiegħu l-iktar elementari, ma tħallihx jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu, bħalma huma b’mod partikolari dawk li jiekol, li jinħasel u li jkollu fejn jgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tiegħu jew li tpoġġih fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 89, 90 u 101).

33

F’dan il-każ, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-fatti tal-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li dan jista’ jkun il-każ fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-Awstrija. Bla ħsara għal tali verifika, jidher pjuttost mill-elementi kollha tal-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fil-Belġju mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma hijiex motivata minn bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali bħala tali, li diġà huwa ssodisfatt fl-Awstrija, iżda mir-rieda tiegħu li jiżgura l-unità tal-familja fil-Belġju.

34

Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma hijiex tali li timponi fuq l-Istati Membri, fil-linja tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219), li jastjenu, eċċezzjonalment, milli jeżerċitaw il-possibbiltà, mogħtija lilhom mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, li jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli.

35

Madankollu, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprekludux il-possibbiltà offruta lil Stat Membru mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 li jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata tali protezzjoni minn Stat Membru ieħor li tiġi eżerċitata fil-kundizzjonijiet deskritti fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

36

Il-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti dritt sostantiv lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li ma għandux bħala konsegwenza ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 92). F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-protezzjoni kontra kull trattament inuman u degradanti, stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 24 ta’ din tal-aħħar ma humiex ta’ natura assoluta u jistgħu għalhekk ikunu s-suġġett ta’ restrizzjonijiet fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

37

Fil-fatt, tali interpretazzjoni tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata s-sistema tal-ażil Ewropew u li dan l-Artikolu 33(2)(a) jikkonkretizza, kif ġie enfasizzat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

38

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi bl-istess mod, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, għall-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, u b’mod partikolari għall-paragrafu 2 ta’ din tal-aħħar.

39

Anki jekk din id-dispożizzjoni ma tipprevedix l-estensjoni, b’mod derivat, tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja ta’ persuna li lilha jingħata dan l-istatus, b’tali mod li, f’dan il-każ, il-fatt li ż-żewġ ulied bniet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja ma jimplikax li huwa għandu, għal din ir-raġuni biss, jibbenefika fuq din il-bażi ta’ protezzjoni internazzjonali fl-istess Stat Membru, l-imsemmija dispożizzjoni timponi espressament fuq l-Istati Membri li jiżguraw iż-żamma tal-unità tal-familja, billi jistabbilixxu ċertu numru ta’ benefiċċji favur il-membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja), C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 36 u ġurisprudenza ċċitata). L-għoti tal-imsemmija benefiċċji, li huma msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, id-dritt ta’ residenza, jirrikjedi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, li jirrigwardaw, l-ewwel, il-kwalità ta’ membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din l-istess direttiva, it-tieni, il-fatt li ma jiġux issodisfatti, individwalment, il-kundizzjonijiet neċessarji għall-kisba tal-protezzjoni internazzjonali u, it-tielet, il-kompatibbiltà mal-istatus ġuridiku personali tal-membru tal-familja kkonċernata.

40

Issa, l-ewwel, il-fatt li l-ġenitur u l-wild minuri tiegħu kellhom rotot migratorji distinti qabel ma ngħaqdu fl-Istat Membru fejn il-wild jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali ma jipprekludix li l-ġenitur jitqies bħala membru tal-familja tal-imsemmi benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2011/95, sakemm dan il-ġenitur kien preżenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel ma ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-wild tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja), C‑768/19, EU:C:2021:709, punti 15, 16, 5154).

41

It-tieni, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95 li jiżgura ż-żamma tal-unità tal-familja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, u fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Membru tal-familja) (C‑768/19, EU:C:2021:709, punt 38), għandu jiġi kkunsidrat li ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli u għaldaqstant ġiet miċħuda fl-Istat Membru li fih il-wild minuri tiegħu jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali minħabba l-istatus ta’ refuġjat li huwa għandu fi Stat Membru ieħor ma jissodisfax b’mod individwali l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikseb il-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru, li jiftaħ b’hekk id-dritt f’dan l-Istat Membru għall-għoti lil dan iċ-ċittadin tal-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95.

42

It-tielet, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, l-għoti ta’ tali benefiċċji għandu madankollu jkun kompatibbli mal-istatus legali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat.

43

F’dan ir-rigward, mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 54), jirriżulta li din ir-riżerva tirrigwarda l-verifika tal-kwistjoni dwar jekk iċ-ċittadin ikkonċernat, membru tal-familja ta’ persuna li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, għandux diġà dritt fl-Istat Membru li ta din il-protezzjoni internazzjonali għal trattament aħjar minn dak li jirriżulta mill-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95. B’riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, dan ma jidhirx madankollu li huwa l-każ inkwistjoni peress li l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru fil-prinċipju ma jagħtix lil dak li jibbenefika minn din il-protezzjoni internazzjonali trattament aħjar, fi Stat Membru ieħor, minn dak li jirriżulta mill-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, meta dan l-applikant huwa l-missier ta’ wild minuri mhux akkumpanjat li jkun kiseb il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru, mingħajr preġudizzju madankollu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95.

Fuq l‑ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, meta dan l-applikant huwa l-missier ta’ wild minuri mhux akkumpanjat li jkun kiseb il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru, mingħajr preġudizzju madankollu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.