SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/40/UE – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Prodotti li ma josservawx il-livelli massimi ta’ emissjoni – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq – Metodi ta’ kejl – Sigaretti bil-filtru li għandu mikrotoqob ta’ ventilazzjoni – Kejl tal-emissjonijiet bbażat fuq standards ISO – Standards mhux ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Konformità mar-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni previsti fl-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – Konformità mal-prinċipju ta’ transparenza”

Fil-Kawża C‑160/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

Stichting Rookpreventie Jeugd,

Stichting Inspire2live,

Rode Kruis Ziekenhuis BV,

Stichting ClaudicatioNet,

Nederlandse Vereniging voor Kindergeneeskunde,

Nederlandse Vereniging voor Verzekeringsgeneeskunde,

Accare, Stichting Universitaire en Algemene Kinder- en Jeugdpsychiatrie Noord-Nederland,

Vereniging Praktijkhoudende Huisartsen,

Nederlandse Vereniging van Artsen voor Longziekten en Tuberculose,

Nederlandse Federatie van Kankerpatiëntenorganisaties,

Nederlandse Vereniging Arbeids- en Bedrijfsgeneeskunde,

Nederlandse Vereniging voor Cardiologie,

Koepel van Artsen Maatschappij en Gezondheid,

Koninklijke Nederlandse Maatschappij tot bevordering der Tandheelkunde,

College van Burgemeester en Wethouders van Amsterdam

vs

Staatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport,

fil-preżenza ta’:

Vereniging Nederlandse Sigaretten- en Kerftabakfabrikanten (VSK),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin (Relatur), I. Jarukaitis u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Stichting Rookpreventie Jeugd, Stichting Inspire2live, Rode Kruis Ziekenhuis BV, Stichting ClaudicatioNet, Nederlandse Vereniging voor Kindergeneeskunde, Nederlandse Vereniging voor Verzekeringsgeneeskunde, Accare, Stichting Universitaire en Algemene Kinder- en Jeugdpsychiatrie Noord-Nederland, Vereniging Praktijkhoudende Huisartsen, Nederlandse Vereniging van Artsen voor Longziekten en Tuberculose, Nederlandse Federatie van Kankerpatiëntenorganisaties, Nederlandse Vereniging Arbeids- en Bedrijfsgeneeskunde, Nederlandse Vereniging voor Cardiologie, Koepel van Artsen Maatschappij en Gezondheid, Koninklijke Nederlandse Maatschappij tot bevordering der Tandheelkunde, College van Burgemeester en Wethouders van Amsterdam, minn A. van den Biesen, advocaat,

għall-Vereniging Nederlandse Sigaretten- en Kerftabakfabrikanten (VSK), minn W. Knibbeler, B. Verheijen u P. D. van den Berg, advocaten,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn Mmes K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio, R. van de Westelaken u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Emmerechts, Á. de Elera-San Miguel Hurtado u P. Plaza García, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene, S. Delaude, F. Thiran u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-iStichting Rookpreventie Jeugd (il-Fondazzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tipjip fost iż-Żgħażagħ, il-Pajjiżi l-Baxxi) u erbatax‑il entità oħra u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Volksgezondheid, Welzijn en Sport (is-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa Pubblika, għall-Benesseri u għall-Isport, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar il-metodu ta’ kejl tal-livelli ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (iktar ’il quddiem il-“FCTC”), konkluża f’Genève fil‑21 ta’ Mejju 2003, li fiha huma partijiet l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Frar 2005. L-Artikolu 5(3) tal-FCTC jistabbilixxi li:

“Billi jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika tas-saħħa pubblika tagħhom fil-qasam tal-kontroll tat-tabakk, il-Partijiet għandhom jiżguraw li dawn il-politiki ma jkunux influwenzati mill-interessi kummerċjali u minn interessi oħra tal-industrija tat-tabakk, skont il-liġi nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Skond l-Artikolu 7 tal-FCTC:

“[…] Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tipproponi direttivi xierqa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli [8 sa 13 tal-FCTC].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikoli 8 sa 13 tal-FCTC jirrigwardaw il-miżuri dwar it-tnaqqis fid-domanda għat-tabakk. Dawn jikkonċernaw, rispettivament, il-protezzjoni kontra l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, ir-regolamentazzjoni tal-kompożizzjoni tal-prodotti tat-tabakk, ir-regolamentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata fuq il-prodotti tat-tabakk, l-ippakkjar u l-ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-kontroll tat-tabakk kif ukoll il-projbizzjoni globali tar-reklamar, tal-promozzjoni u tal-isponsorizzar tat-tabakk.

6

L-Artikolu 9 tal-FCTC jipprevedi li:

“Il-Konferenza tal-Partijiet, wara konsultazzjoni mal-organi internazzjonali kompetenti, għandha tipproponi linji gwida għall-ittestjar u għall-analiżi tal-kompożizzjoni u tal-emissjonijiet mill-prodotti tat-tabakk, u għar-regolamentazzjoni ta’ din il-kompożizzjoni u ta’ dawn l-emissjonijiet. Kull Parti għandha tadotta u tapplika, bla ħsara għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew miżuri oħra effettivi fir-rigward ta’ dawn it-testijiet u analiżi u din ir-regolamentazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (UE) Nru 216/2013

7

Il-premessi 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas‑7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 69, p. 1) jgħidu li:

“(5)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iddeċidiet, [fis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C‑161/06, EU:C:2007:773)], li l-atti legali tal-Unjoni mhumiex infurzabbli kontra l-individwi jekk ma jkunux ġew ippubblikati b’mod korrett fil-Ġurnal Uffiċjali u li l-fatt li dawn l-atti jkunu disponibbli onlajn mhuwiex ugwali għal pubblikazzjoni valida fil-Ġurnal Uffiċjali fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regola f’dak ir-rigward fil-liġi tal-Unjoni.

(6)

Jekk il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fil-forma elettronika kellha tikkostitwixxi pubblikazzjoni valida, ikun possibbli l-aċċess aktar malajr u aktar ekonomiku għal-liġi tal-Unjoni. Madankollu, iċ-ċittadini għandhom ikomplu jkollhom il-possibbiltà li jottjenu verżjoni stampata tal-Ġurnal Uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.”

8

L‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament jistabbilixxi li:

“1.   Il-Ġurnal Uffiċjali għandu jiġi ppubblikat fil-forma elettronika, skont dan ir-Regolament, bil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat fil-forma elettronika biss (minn hawn ’il quddiem ‘l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali[’]) għandu jkun awtentiku u għandu jipproduċi effetti legali.”

Id‑Direttiva 2014/40

9

Il-premessi 7, 8 u 11 tad-Direttiva 2014/40 jgħidu li:

“(7)

Tinħtieġ ukoll azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (“FCTC”) ta’ Mejju 2003, li d-dispożizzjonijiet għaliha huma vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-FCTC huma dwar ir-regolamentazzjoni tal-kontenuti tal-prodotti tat-tabakk, ir-regolamentazzjoni dwar l-informazzjoni li trid tidher fuq il-prodotti tat-tabakk, l-ippakkjar u t-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk, ir-reklamar u il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk huma ta’ rilevanza partikolari. Il-Partijiet għall-FCTC, inklużi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, adottaw b’kunsens, sett ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FCTC waqt diversi Konferenzi tal-Partijiet.

(8)

Skont l-Artikolu 114(3) [TFUE], għandu jittieħed bħala bażi għal proposti leġiżlattivi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, filwaqt li jittieħed kont, b’mod partikolari, kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Il-prodotti tat-tabakk mhumiex komoditajiet ordinarji u minħabba l-effetti partikolarment dannużi tat-tabakk fuq is-saħħa tal-bniedem, il-protezzjoni tas-saħħa għandha tingħata importanza kbira, b’mod partikolari, biex titnaqqas il-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ.

[…]

(11)

Sabiex jitkejjel il-kontenut tal-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju tas-sigaretti […] għandha ssir referenza għall-istandards ISO rilevanti li huma rikonoxxuti internazzjonalment. Il-proċess ta’ verifika għandu jkun protett mill-influenza tal-industrija tat-tabakk bl-użu ta’ laboratorji indipendenti, inklużi laboratorji tal-Istat. […]”

10

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:

(a)

l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk u l-obbligi tar-rappurtar relatati inkluż il-livelli massimi ta’ emissjonijiet għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju għas-sigaretti;

[…]

sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’).”

11

L-Artikolu 2 tal-imsemmija d-direttiva jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(21)

‘emissjonijiet’ tfisser sustanzi li huma rilaxxati meta prodott tat-tabakk jew prodott relatat jintuża kif maħsub, bħal sustanzi li jinsabu fid-duħħan, jew sustanzi rilaxxati waqt il-proċess tal-użu ta’ prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx;

[…]”

12

Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:

“Il-livelli ta’ emissjoni minn sigaretti li jitqiegħdu fis-suq jew immanufatturati fl-Istati Membri (‘livelli massimi ta’ emissjoni’) ma għandhomx ikunu akbar minn:

(a)

10 mg ta’ qatran kull sigarett;

(b)

1 mg ta’ nikotina kull sigarett;

(c)

10 mg ta’ monossidu tal-karbonju għal kull sigarett.”

13

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi li:

“1.   L-emissjonijiet ta’ qatran, nikotina u monossidu tal-karbonju minn sigaretti għandu jitkejjel fuq il-bażi tal-istandard ISO 4387 għall-qatran, l-istandard ISO 10315 għan-nikotina, u l-istandard ISO 8454 għall-monossidu tal-karbonju.

L-eżattezza tal-kejl tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju għandha tiġi ddeterminata skont l-istandard ISO 8243.

2.   Il-kejl imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi verifikat minn laboratorji li huma approvati u monitorjati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Dawk il-laboratorji ma għandhomx jappartjenu jew ikunu kkontrollati direttament jew indirettament mill-industrija tat-tabakk.

[…]

3.   Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 biex tadatta l-metodi ta’ kejl tal-emissjonijiet tal-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju, fejn dan ikun meħtieġ, abbażi ta’ żviluppi xjentifiċi u tekniċi jew standards maqbulin internazzjonalment.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe metodu ta’ kejl li jużaw għal emissjonijiet minn sigaretti għajr l-emissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 u għall-emissjonijiet minn prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti.

[…]”

14

L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal konsiderazzjonijiet marbutin ma’ aspetti regolati minn din id-Direttiva, u soġġett għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta’ tabakk jew prodotti relatati li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tolqot id-dritt ta’ Stat Membru li jżomm jew jintroduċi aktar rekwiżiti, applikabbli għall-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq tiegħu, f’rabta mal-istandardizzazzjoni tal-pakketti ta’ prodotti tat-tabakk, fejn ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, filwaqt li jitqies il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li nkiseb permezz ta’ din id-Direttiva. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawk il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet għaż-żamma jew l-introduzzjoni tagħhom.

3.   Stat Membru jista’ wkoll jipprojbixxi ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk jew relatati miegħu, abbażi tas-sitwazzjoni speċifika f’dak l-Istat Membru u dment li d-dispożizzjonijiet huma ġustifikati mill-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksub b’din id-Direttiva. Dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet tal-introduzzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mid-data li tirċievi n-notifika prevista f’dan il-paragrafu, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali wara li tkun ivverifikat, filwaqt li ħadet inkonsiderazzjoni l-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksuba permezz ta’ din id-Direttiva, jekk humiex ġustifikati, meħtieġa u proporzjonati jew le għall-għan tagħhom u jekk humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ sitt xhur, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom ikunu meqjusa bħala approvati.”

Id‑dritt Olandiż

15

L-Artikolu 17a(4) tat-Tabaks- en rookwarenwet (il-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Prodotti tat-Tipjip), li ttraspona l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40, jippermetti lis-Segretarju tal-Istat jipprojbixxi, permezz ta’ regolament ministerjali, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk li jissodisfaw barra minn hekk ir-rekwiżiti previsti mil-liġi jew li huma stabbiliti b’applikazzjoni tagħha.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Permezz ta’ ittri tal‑31 ta’ Lulju u tat‑2 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lin-Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit (l-Awtorità Olandiża tal-Kontroll tal-Prodotti tal-Ikel u tal-Konsumatur, iktar ’il quddiem n-“NVWA”) sabiex jiġi żgurat li s-sigaretti bil-filtru offruti lill-konsumaturi tal-Pajjiżi l-Baxxi, meta jintużaw għall-użu intiż tagħhom, josservaw il-livelli massimi ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40. Huma talbu wkoll li n-NVWA tordna lill-manifatturi, lill-importaturi u lid-distributuri ta’ prodotti tat-tabakk, permezz ta’ miżura restrittiva amministrattiva, jirtiraw mis-suq is-sigaretti bil-filtru li ma josservawx dawn il-livelli massimi ta’ emissjoni.

17

Din it-talba għal ordni hija bbażata fuq studju tar-Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu (l-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika u għall-Ambjent, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem ir-“RIVM”), tat‑13 ta’ Ġunju 2018, li minnu jirriżulta li, meta l-metodu ta’ kejl “Canadian Intense” jiġi applikat u mhux il-metodu stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/40, is-sigaretti kollha bil-filtru mibjugħa fil-Pajjiżi l-Baxxi jaqbżu b’mod sinjifikattiv il-livelli ta’ emissjonijiet massimi ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-metodu ta’ kejl previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva ma jiħux inkunsiderazzjoni l-mod kif jintuża filtru ta’ sigarett, jiġifieri permezz tal-imblukkar bis-swaba’ u bix-xufftejn ta’ min ipejjep tal-mikroperforazzjonijiet ta’ dan il-filtru. Dawn il-mikroperforazzjonijiet tal-filtru jippermettu li arja nadifa tinġibed mill-filtru, b’tali mod li l-kwantitajiet qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju jonqsu billi jitħalltu miegħu. Il-miżuri mwettqa fuq is-sigaretti ta’ ditti differenti li l-filtru tagħhom għandu sistema ta’ ventilazzjoni juru għalhekk emissjonijiet minn darbtejn sa iktar minn għoxrin darba inqas minn dak li huwa kkonstatat meta l-filtru jkun mgħotti. Fil-fatt, fil-każ ta’ użu konformi mal-użu intiż ta’ sigaretti, dawn il-mikroperforazzjonijiet ikunu fil-parti l-kbira imblukkati bis-swaba’ u bix-xufftejn ta’ min ipejjep, b’tali mod li dan jiġbed man-nifs kwantitajiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju nettament ogħla mil-livelli massimi tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/40.

18

Fl‑20 ta’ Settembru 2018, in-NVWA ċaħdet it-talba għal ordni.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, quddiem is-Segretarju tal-Istat, azzjoni amministrattiva kontra d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2018. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2019, dan ċaħad din l-azzjoni bħala infondata sa fejn ġiet ippreżentata mill-iStichting Rookpreventie Jeugd u bħala inammissibbli sa fejn ġiet ippreżentata mir-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw għalhekk azzjoni ġudizzjarja quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2019. Il-Vereniging Nederlandse Sigaretten- en Kerftabakfabrikanten (VSK) (l‑Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Olandiżi tas-Sigaretti u tal-Prodotti tat-Tabakk) ressqet talba għal intervent fil-proċedura, li ntlaqgħet.

21

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma jimponix l-użu ta’ metodu speċifiku ta’ kejl tal-livelli ta’ emissjonijiet u li l-istandards ISO, li abbażi tagħhom għandu jitwettaq il-kejl, ma jikkostitwixxux rekwiżiti ta’ applikazzjoni ġenerali. Huma jsostnu li minn diversi studji, jiġifieri dak tar‑RIVM tat‑13 ta’ Ġunju 2018 u dak li deher fil-Journal of the National Cancer Institute fit‑22 ta’ Mejju 2017, intitolat “Cigarette Filter Ventilation and its Relationship to Increasing Rates of Lung Adenocarcinoma” (“Il-ventilazzjoni tal-filtru fis-sigaretti u r-relazzjoni tagħha ma’ rati ogħla ta’ adenokarċinoma tal-pulmun”), kif ukoll mill-ittri mibgħuta mis-Segretarju tal-Istat lill-Kummissjoni, jirriżulta li l-metodu ta’ kejl “Canadian Intense” huwa dak li għandu jiġi applikat sabiex jiġu ddeterminati l-livelli eżatti ta’ qatran, nikotina u monossidu tal-karbonju emessi minn sigarett bil-filtru użat għall-użu intiż tiegħu.

22

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi kejl tal-kwantitajiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju emessi mis-sigaretti abbażi tal-istandards ISO li ma humiex aċċessibbli liberament għall-pubbliku u jistgħu jiġu kkonsultati biss bi ħlas, filwaqt li l-protezzjoni mogħtija liċ-ċittadini mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40 hija bbażata fuq dawn l-istandards. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk tali metodu ta’ regolamentazzjoni huwiex kompatibbli mas-sistema ta’ pubblikazzjoni tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni u mal-prinċipju ta’ trasparenza.

23

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li, f’kull wieħed mill-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/40, isir riferiment, għal dak li jirrigwarda l-kejl tal-livell ta’ emissjoni rilevanti, għall-istandard ISO 3308. Issa, dan l-istandard jikkonċerna l-użu ta’ magna għat-tipjip. Il-qorti tar-rinviju tqis li minn dan l-istandard stess jirriżulta li l-livelli ta’ emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju għandhom mhux biss jitkejlu u jiġu vverifikati mill-metodu previst, iżda jistgħu jew għandhom ukoll jitkejlu u jiġu vverifikati b’mezzi oħra u b’intensitajiet differenti ta’ tipjip mekkaniku.

24

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-metodi ta’ kejl u ta’ validazzjoni previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 humiex konformi mal-għan ta’ din id-direttiva, kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, u jekk il-livelli ta’ emissjoni previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistgħux jitkejlu biss abbażi tal-metodu ISO 3308. Minn naħa, hija tenfasizza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt, li dawn il-metodi ta’ kejl ġew stabbiliti bil-parteċipazzjoni tal-industrija tat-tabakk. Min-naħa l-oħra, hija tindika li n-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu massimu tas-sustanzi emessi minn sigaretti bil-filtru kkonsmati għall-użu intiż tagħhom jikkomprometti serjament l-għan espost fil-premessa 8 tal-imsemmija direttiva, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni fil-qasam tas-saħħa. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-eventwali inkompatibbiltà tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 mal-Artikolu 114(3) TFUE, mal-FCTC kif ukoll mal-Artikoli 24 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

25

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 imur kontra b’mod partikolari l-Artikolu 297(1) TFUE, ir-Regolament Nru 216/2013 u l-prinċipju ta’ trasparenza, id-Direttiva 2014/40 tkunx ineffettiva fl-intier tagħha jew biss fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tagħha. Hija tistaqsi wkoll liema metodu alternattiv jista’ jew għandu jintuża u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tippreskrivih jew, sa ċertu punt, jekk għandhiex tħalli f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jew l-Istati Membri sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont id-dritt Olandiż li ttraspona l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40, is-Segretarju tal-Istat jista’, għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jipprojbixxi permezz ta’ regolament ministerjali ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mil-liġi jew li huma stabbiliti b’applikazzjoni tagħha.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-ħolqien tal-metodu ta’ kejl previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 (1), ibbażat fuq standards ISO li ma humiex aċċessibbli liberament, huwa konformi mal-Artikolu 297(1) TFUE [u mar-Regolament Nru 216/2013] kif ukoll mal-prinċipju ta’ trasparenza li huwa l-bażi ta’ dan?

2)

L-istandards ISO 4387, 10315, 8454 u 8243, li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2014/40], għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva, l-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mhux biss għandhom jitkejlu (u jiġu vverifikati) permezz tal-metodu stabbilit, iżda dawn l-emissjonijiet jistgħu jew għandhom jitkejlu (u jiġu vverifikati) ukoll b’mezzi oħra u b’intensità differenti?

3)

a)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2014/40] jmur kontra l-prinċipji bażiċi tad-Direttiva kif ukoll kontra l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva u l-Artikolu 5(3) tal-[FCTC] għaliex l-industrija tat-tabakk kellha rwol fl-istabbiliment tal-istandards ISO msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva?

b)

L-Artikolu 4(1) imur kontra l-prinċipji bażiċi tad-Direttiva, l-Artikolu 114(3) TFUE, il-portata tal-[FCTC] u l-Artikoli 24 u 35 tal-[Karta] għaliex il-metodu ta’ kejl li huwa stabbilit fih ma jkejjilx l-emissjonijiet li huma prodotti mis-sigaretti bil-filtru waqt l-użu previst ta’ dawn, u dan, minħabba li l-imsemmi metodu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effett tal-mikrotoqob ta’ ventilazzjoni preżenti fil-filtri, li, waqt l-użu previst, fil-biċċa l-kbira jingħalqu mix-xofftejn u mis-swaba’ tal-persuna li tpejjep?

4)

a)

Liema metodu ta’ kejl (u metodu ta’ verifika) alternattiv jista’ jew għandu jintuża fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi:

għall-ewwel domanda, fin-negattiv;

għat-tieni domanda, fl-affermattiv;

għall-punti (a) u/jew (b) tat-tielet domanda fl-affermattiv?

b)

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tirrispondi għall-punt (a) tar-raba’ domanda: hija din, fil-każ ta’ assenza temporanja ta’ metodu ta’ kejl disponibbli, sitwazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva [2014/40]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tieni domanda

27

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi li l-livelli massimi ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti intiżi sabiex jitqiegħdu fis-suq jew jiġu mmanifatturati fl-Istati Membri, stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jitkejlu skont il-metodi ta’ kejl li jirriżultaw mill-istandards ISO 4387, 10315, 8454 u 8243, li għalihom jirreferi l-imsemmi Artikolu 4(1).

28

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40 jistabbilixxi l-livelli massimi ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti mqiegħda fis-suq jew immanifatturati fl-Istati Membri. L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-emissjonijiet ta’ dawn is-sustanzi għandhom jitkejlu abbażi tal-istandard ISO 4387 għall-qatran, l-istandard ISO 10315 għan-nikotina u l-istandard ISO 8454 għall-monossidu tal-karbonju, u l-eżattezza ta’ dan il-kejl għandha tiġi ddeterminata skont l-istandard ISO 8243.

29

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha konformement mat-tifsira normali tagħha fil-lingwa ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Dyrektor Z. Oddziału Regionalnego Agencji Restrukturyzacji i Modernizacji Rolnictwa, C‑373/20, EU:C:2021:850, punt 36).

30

Qabelxejn, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, b’mod partikolari mill-espressjoni “jitkejjel” li jintuża f’din id-dispożizzjoni, jirriżulta li din tal-aħħar tirreferi b’mod imperattiv għall-istandards ISO 4387, 10315 u 8454 sabiex jitkejlu l-emissjonijiet, rispettivament, tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju u li ma ssemmi ebda metodu ta’ kejl ieħor. Huwa wkoll f’termini imperattivi li t-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 4(1) jippreċiża li l-eżattezza ta’ dan il-kejl għandha tiġi ddeterminata skont l-istandard ISO 8243.

31

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġi osservat li, skont l-Artikolu 4(4), l-Istati Membri huma obbligati jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-metodi eventwali l-oħra ta’ kejl li jużaw għas-sustanzi li ma humiex il-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju emessi mis-sigaretti u għas-sustanzi emessi mill-prodotti tat-tabakk minbarra s-sigaretti. La mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/40 u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tagħha ma jirriżulta li l-Istati Membri għandhom obbligu ta’ komunikazzjoni fil-każ li jużaw metodi ta’ kejl għall-qatran, għan-nikotina u għall-monossidu tal-karbonju emessi mis-sigaretti minbarra dawk previsti mill-istandards ISO 4387, 10315 u 8454, jew metodi sabiex jivverifikaw l-eżattezza tal-kejl ta’ dawn is-sustanzi minbarra dak previst mill-istandard ISO 8243. Peress li l-premessa 11 ta’ din id-direttiva tenfasizza barra minn hekk li l-kontenut tal-qatran, tan-nikotina u tal-monossidu tal-karbonju tas-sigaretti għandu jitkejjel b’riferiment għal dawn l-istandards irrikonoxxuti fuq skala internazzjonali, għandu jitqies li l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva għandu t-tendenza li jikkonferma li din id-dispożizzjoni jipprevedi, b’mod imperattiv, l-applikazzjoni esklużiva tal-imsemmija standards.

32

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/40 għandha għan doppju, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match, C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 40). Issa, bla ħsara għall-eżami tal-punt (b) tat-tielet domanda, li jikkonċerna, essenzjalment, il-validità tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva fid-dawl tar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, previst b’mod partikolari fl-Artikolu 114(3) TFUE, il-fatt li jintużaw biss il-metodi previsti mill-istandards ISO msemmija f’dan l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 sabiex jitkejjel il-livell tal-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti jissodisfa dan l-għan tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern safejn jiżgura li l-aċċess tas-sigaretti għas-suq tal-Unjoni għas-sigaretti u l-manifattura tagħhom fi ħdan l-Unjoni hemmhekk ma jiġux imfixkla bl-applikazzjoni ta’ diversi metodi ta’ kejl tal-livelli ta’ dawn is-sustanzi fl-Istati Membri.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi li l-livelli massimi ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti intiżi sabiex jitqiegħdu fis-suq jew jiġu mmanifatturati fl-Istati Membri, stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jitkejlu skont il-metodi ta’ kejl li jirriżultaw mill-istandards ISO 4387, 10315, 8454 u 8243, li għalihom jirreferi l-imsemmi Artikolu 4(1).

Fuq l‑ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, tar-Regolament Nru 216/2013 kif ukoll tal-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

35

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, li huwa marbut b’mod indissoċjabbli mal-prinċipju ta’ aċċess miftuħ, huwa stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 10(3) TUE, fl-Artikoli 15(1) u fl-Artikolu 298(1) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 42 tal-Karta. Huwa jippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll li tiġi ggarantita leġittimità, effikaċja u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 39, u tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 68, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

B’mod partikolari, l-Artikolu 15(1) TFUE jipprevedi li, sabiex tiġi promossa tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ aċċess miftuħ. Għal dan il-għan, dritt ta’ aċċess għal dokumenti huwa ggarantit skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE u stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta, peress li dan id-dritt ġie implimentat, b’mod partikolari, bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ċertament jirreferi għal standards ISO li, f’dan l-istadju, ma ġewx ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, din id-dispożizzjoni nnifisha ma tipprevedi ebda restrizzjoni dwar l-aċċess għal dawn l-istandards, inkluż billi tissuġġetta dan l-aċċess għall-preżentazzjoni ta’ talba magħmula skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, hija ma tistax titqies invalida fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

38

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tar-Regolament Nru 216/2013, għandu jitfakkar li l-legalità interna ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl ta’ att ieħor tal-Unjoni tal-istess livell leġiżlattiv, ħlief jekk ikun ġie adottat b’applikazzjoni ta’ dan l-aħħar att jew jekk ikun espressament previst, f’wieħed minn dawn iż-żewġ atti, li wieħed minnhom ikun jipprevali fuq l-ieħor (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 119). Issa, id-Direttiva 2014/40 ma ġietx adottata b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 216/2013 u dan tal-aħħar ma jinkludix dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija tiegħu fuq din id-direttiva. Fi kwalunkwe każ, billi jipprovdi sempliċement li Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi ppubblikat f’forma elettronika, fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament ma jistabbilixxi ebda rekwiżit dwar il-kontenut tal-atti tal-Unjoni li għandhom jiġu ppubblikati, bħad-Direttiva 2014/40.

39

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li mill-kliem stess ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-atti leġiżlattivi jistgħu jidħlu fis-seħħ u b’hekk jipproduċu effetti legali biss wara li jkunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 33, u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 42).

40

Għalhekk, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jiġu invokati kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi fi Stat Membru qabel ma dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jsiru jafu bihom permezz ta’ pubblikazzjoni regolari f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C‑161/06, EU:C:2007:773, punt 37, u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 43).

41

Dan ir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom. Effettivament, l-individwi għandu jkollhom il-possibbiltà li jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 44).

42

L-istess japplika meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2014/40, tobbliga lill-Istati Membri jadottaw, għall-implimentazzjoni tagħha, miżuri li jimponu obbligi fuq l-individwi. Fil-fatt, il-miżuri adottati mill-Istati Membri b’implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt. Għaldaqstant, miżuri nazzjonali li, fl-eżekuzzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jimponu obbligi fuq l-individwi għandhom, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, jiġu ppubblikati sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bihom. F’tali sitwazzjoni, il-persuni kkonċernati għandu jkollhom ukoll il-possibbiltà li jinformaw ruħhom dwar is-sors tal-miżuri nazzjonali li jimponu obbligi fuqhom, peress li l-Istati Membri jkunu adottaw tali miżuri b’eżekuzzjoni ta’ obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punti 4546).

43

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li dispożizzjoni ma tippreskrivix metodu jew proċess konkret ma jfissirx madankollu li din tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 101). Għalhekk, ma huwiex neċessarju li l-att leġiżlattiv jagħti huwa stess preċiżazzjonijiet ta’ natura teknika, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jirrikorri għal qafas legali ġenerali li, jekk meħtieġ, jiġi speċifikat sussegwentement (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

B’analoġija, u fid-dawl ukoll tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u meta jintalab iwettaq evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 44), dan il-leġiżlatur jista’ jirreferi, fl-atti li jadotta, għal standards tekniċi stabbiliti minn korp ta’ standardizzazzjoni, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO).

45

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-riferiment għal tali standards jkun ċar, preċiż u prevedibbli fl-effetti tiegħu, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 148 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 għall-istandards ISO huwa konformi ma’ dan ir-rekwiżit u, min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 297(1) TFUE, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi direttiva jirreferi għal standards ISO li, f’dan l-istadju, ma kinux is-suġġett ta’ tali pubblikazzjoni ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

47

Minn dan isegwi li l-eżami tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, tar-Regolament Nru 216/2013 kif ukoll tal-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

48

Madankollu, fid-dawl tad-dubji tal-qorti tar-rinviju li wasslu għall-ewwel domanda preliminari magħmula, miġbura fil-qosor fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, għad hemm lok li jiġi enfasizzat li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ġie ppreċiżat fil-punti 41, 42 u 45 ta’ din is-sentenza, standards tekniċi stabbiliti minn korp ta’ standardizzazzjoni, bħalma hija l-ISO, u li saru obbligatorji permezz ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni huma infurzabbli biss fil-konfront tal-individwi b’mod ġenerali jekk huma stess ikunu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

49

Meta dawn l-istandards ikunu ġew adattati minn tali korp, dan il-prinċipju għandu wkoll il-konsegwenza li hija biss il-verżjoni tal-imsemmija standards li tkun ġiet ippubblikata li tkun tista’ tiġi invokata kontra individwi b’mod ġenerali.

50

F’dan il-każ, kif jirriżulta minn qari tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40 flimkien mal-Artikolu 4(1) tagħha, l-impriżi ma jistgħu la jqiegħdu fis-suq tal-Istati Membri u lanqas jimmanifatturaw sigaretti li l-livelli ta’ emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju tagħhom jaqbżu l-livelli massimi stabbiliti mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif imkejla bl-applikazzjoni tal-metodi previsti mill-istandards ISO li għalihom tirreferi t-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva għandu jitqies li jimponi obbligu fuq dawn l-impriżi.

51

Issa, fl-assenza ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-istandards li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, l-individwi b’mod ġenerali ma humiex f’pożizzjoni, bi ksur tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41, 42 u 45 ta’ din is-sentenza, li jkunu jafu l-metodi ta’ kejl tal-livelli ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju applikabbli għas-sigaretti.

52

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-sistema stabbilita mill-ISO, li hija kkostitwita minn network ta’ korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni, li tippermetti lil dawn il-korpi nazzjonali jagħtu, fuq talba, aċċess għall-verżjoni uffiċjali u awtentika tal-istandards stabbiliti mill-ISO. Għaldaqstant, meta impriżi jkollhom aċċess għall-verżjoni uffiċjali u awtentika għall-istandards imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, dawn l-istandards u, għaldaqstant, ir-riferiment magħmul għalihom minn din id-dispożizzjoni jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħhom.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, tar-Regolament Nru 216/2013 kif ukoll tal-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fuq il‑punt (a) tat‑tielet domanda

54

Permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipji bażiċi ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva u tal-Artikolu 5(3) tal-FCTC, minħabba l-fatt li l-industrija tat-tabakk ipparteċipat fl-istabbiliment tal-istandards li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40.

55

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma tesponix il-prinċipji bażiċi tad-Direttiva 2014/40 li fir-rigward tagħhom il-validità tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva għandha tiġi eżaminata.

56

Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/40 teħtieġ il-verifika tal-miżuri ta’ emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju minn laboratorji approvati u ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u li ma jappartjenux lill-industrija tat-tabakk u ma humiex ikkontrollati, direttament jew indirettament, minnha. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax it-tfassil stess tal-istandards ISO li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40.

57

Għaldaqstant, il-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 5(3) tal-FCTC, minħabba l-fatt li l-industrija tat-tabakk ipparteċipat fl-istabbiliment tal-istandards inkwistjoni fi ħdan l-ISO.

58

L-Artikolu 5(3) tal-FCTC jipprevedi li, billi jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika tas-saħħa pubblika tagħhom fil-qasam tal-kontroll tat-tabakk, il-partijiet għal din il-konvenzjoni għandhom jiżguraw li dawn il-politiki ma jkunux influwenzati mill-interessi tal-industrija tat-tabakk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

59

Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din ma tipprojbixxix kull parteċipazzjoni tal-industrija tat-tabakk fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-tabakk, iżda hija intiża biss sabiex tipprekludi li l-politiki għall-kontroll tat-tabakk tal-partijiet għal din il-konvenzjoni jkunu influwenzati minn interessi ta’ din l-industrija.

60

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-FCTC hija sostnuta mid-direttivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li ma għandhomx fihom innifishom saħħa vinkolanti, iżda li għandhom bħala għan, konformement mal-Artikoli 7 u 9 tal-FCTC, li jassistu lill-partijiet kontraenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet vinkolanti ta’ din il-konvenzjoni. Dawn id-direttivi ġew adottati b’konsensus, inkluż mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, kif jissemma fil-premessa 7 tad-Direttiva 2014/40 (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 111112).

61

L-imsemmija direttivi jirrakkomandaw fil-fatt li l-interazzjonijiet mal-industrija tat-tabakk ikunu limitati u trasparenti, filwaqt li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess fost l-uffiċjali jew l-impjegati ta’ kull waħda mill-partijiet għall-FCTC.

62

Konsegwentement, il-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 5(3) tal-FCTC għas-sempliċi raġuni, esposta mill-qorti tar-rinviju, li l-industrija tat-tabakk ipparteċipat fl-istabbiliment tal-istandards inkwistjoni quddiem l-ISO.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-punt (a) tat-tielet domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikolu 5(3) tal-FCTC.

Fuq il‑punt (b) tat‑tielet domanda

64

Permezz tal-punt (b) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipji bażiċi ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 114(3) TFUE, tal-FCTC kif ukoll tal-Artikoli 24 u 35 tal-Karta minħabba l-fatt li studji xjentifiċi juru li l-metodi ta’ kejl li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ma jirriflettux il-livelli ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju tas-sigaretti realment miġbuda man-nifs minn min ipejjep.

65

Qabelxejn, għandha titfakkar il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li l-qorti tar-rinviju ma tesponix il-prinċipji bażiċi li fir-rigward tagħhom għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40.

66

Insostenn tal-kwistjoni msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ssemmi diversi dokumenti prodotti mill-iStichting Rookpreventie Jeugd fil-kawża prinċipali, iċċitati fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

67

Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fid-data tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 80).

68

Peress li l-istudji u d-dokumenti l-oħra msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza huma kollha sussegwenti għat‑3 ta’ April 2014, data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

69

Minn dan isegwi li l-eżami tal-punt (b) tat-tielet domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikolu 114(3) TFUE, tal-FCTC kif ukoll tal-Artikoli 24 u 35 tal-Karta.

Fuq il‑punt (a) tar‑raba’ domanda

70

Permezz tal-punt (a) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma jistax jiġi invokat kontra individwi, liema metodu ta’ kejl tal-emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti jista’ jintuża sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-livelli massimi ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

71

Din id-domanda taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda r-rifjut tan-NVWA li tordna lill-manifatturi, lill-importaturi u lid-distributuri ta’ prodotti tat-tabakk, permezz ta’ miżura restrittiva amministrattiva, jirtiraw mis-suq is-sigaretti bil-filtru proposti lill-konsumaturi fil-Pajjiżi l-Baxxi li ma josservawx, meta jintużaw għall-użu intiż tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sigaretti intiżi li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew li jiġu mmanifatturati hemmhekk għandhom jikkonformaw ruħhom mal-livelli massimi ta’ emissjonijiet ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju li huma stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/40.

73

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40, sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi għal standards ISO mhux ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma tistax tiġi invokata kontra individwi b’mod ġenerali.

74

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tiddeċiedi t-tilwima quddiemha, li għandha tevalwa jekk il-metodi effettivament użati sabiex jitkejlu l-livelli ta’ emissjoni tal-imsemmija sustanzi humiex konformi mad-Direttiva 2014/40, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4(1) tagħha.

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li mill-Artikolu 2(21) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kelma “emissjonijiet” tfisser “sustanzi li huma rilaxxati meta prodott tat-tabakk jew prodott relatat jintuża kif maħsub, bħal sustanzi li jinsabu fid-duħħan, jew sustanzi rilaxxati waqt il-proċess tal-użu ta’ prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx”.

76

It-tieni, skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, il-miżuri tal-livelli ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju għandhom jiġu vverifikati minn laboratorji approvati u ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn il-laboratorji ma għandhomx jappartjenu jew ikunu kkontrollati direttament jew indirettament mill-industrija tat-tabakk.

77

It-tielet, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2014/40, l-adattament tal-metodi ta’ kejl tal-imsemmija livelli ta’ emissjoni adottat mill-Kummissjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi jew l-istandards adottati fuq livell internazzjonali.

78

Ir-raba’, kull metodu ta’ kejl tal-livelli massimi ta’ emissjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva għandu jissodisfa b’mod effettiv l-għan tagħha, rifless fl-Artikolu 1 tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.

79

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (a) tar-raba’ domanda hija li, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma jistax jiġi invokat kontra individwi, il-metodu użat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva għandu jkun xieraq, fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi jew tal-istandards adottati fuq livell internazzjonali, sabiex jitkejlu l-livelli ta’ emissjonijiet irrilaxxati meta sigarett jintuża għall-finijiet previsti, u għandu jieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, fejn l-eżattezza tal-miżuri miksuba permezz ta’ dan il-metodu għandu jiġi vverifikat mil-laboratorji approvati u ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva.

Fuq il‑punt (b) tar‑raba’ domanda

80

Permezz tal-punt (b) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40 huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

81

L-Artikolu 17a(4) tal-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Prodotti tat-Tipjip, li ttraspona l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40, jippermetti lis-Segretarju tal-Istat jipprojbixxi permezz ta’ regolament ministerjali, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mil-liġi jew li huma stabbiliti b’applikazzjoni tagħha.

82

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 80).

83

Issa, minn ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda, anki parzjalment, il-fakultà li għandu s-Segretarju tal-Istat, skont l-Artikolu 17a(4) tal-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Prodotti tat-Tipjip, li ttraspona l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2014/40.

84

Minn dan isegwi li l-fatt li tingħata risposta għall-punt (b) tar-raba’ domanda f’dawn iċ-ċirkustanzi jwassal manifestament sabiex tingħata opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni ipotetika, bi ksur tal-missjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 82).

85

Għaldaqstant, il-punt (b) tar-raba’ domanda huwa inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi li l-livelli massimi ta’ emissjoni ta’ qatran, ta’ nikotina u ta’ monossidu tal-karbonju mis-sigaretti intiżi sabiex jitqiegħdu fis-suq jew jiġu mmanifatturati fl-Istati Membri, stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jitkejlu skont il-metodi ta’ kejl li jirriżultaw mill-istandards ISO 4387, 10315, 8454 u 8243, li għalihom jirreferi l-imsemmi Artikolu 4(1).

 

2)

L-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas‑7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 297(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 

3)

L-eżami tal-punt (a) tat-tielet domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk.

 

4)

L-eżami tal-punt (b) tat-tielet domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikolu 114(3) TFUE, tal-portata tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk kif ukoll tal-Artikoli 24 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

5)

Fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/40 ma jistax jiġi invokat kontra individwi, il-metodu użat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva għandu jkun xieraq, fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi jew tal-istandards adottati fuq livell internazzjonali, sabiex jitkejlu l-livelli ta’ emissjonijiet irrilaxxati meta sigarett jintuża għall-finijiet previsti, u għandu jieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, fejn l-eżattezza tal-miżuri miksuba permezz ta’ dan il-metodu għandu jiġi vverifikat mil-laboratorji approvati u ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.