SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla)

3 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 97/7/KE – Artikolu 9 – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 27 – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 5(5) – Punt 29 tal-Anness I – Prattiċi kummerċjali żleali – Kunċett ta’ ‘provvista mhux mitluba’ – Distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb”

Fil-Kawża C‑922/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

Stichting Waternet

vs

MG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Sitt Awla),

Komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (relatriċi) u M. Safjan, imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Waternet, minn F. E. Vermeulen u F. H. Oosterloo, advocaten,

għal MG, minn R. K. van der Brugge, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil u minn S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Awstrija, minn A. Posch, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea minn N. Ruiz García, M. van Beek u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), kif ukoll tal-Artikolu 5(5) u tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, Korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Stichting Waternet, kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma, u MG, konsumatur, fir-rigward ta’ azzjoni għall-ħlas ta’ fatturi relatati mal-konsum ta’ ilma tajjeb għax-xorb ipprovdut minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 97/7

3

Il-premessa 16 tad-Direttiva 97/7 tistipula:

“[…] it-teknika promozzjonali li tinvolvi d-despatch ta’ [f’li jintbagħat] prodott jew il-provvista ta’ servizz lill-konsumatur bi ħlas mingħajr talba minn qabel minn, jew bil-ftehim espliċitu ta’, il- [tal-]konsumatur ma jistax jiġi permess [tistax tiġi permessa], kemm-il darba ma jkunx involut prodott jew servizz sostitut [ta’ sostituzzjoni]”

4

Skont kliem l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Inertia selling [Provvista mhux mitluba]”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex:

jipprojbixxu l-forniment ta’ oġġetti jew servizzi lil konsumatur mingħajr ma jkunu ġew ordnati mill-konsumatur minn qabel, fejn dan il-forniment jinvolvi talba għall-ħlas,

jeżentaw lill-konsumatur mid-dispożizzjoni ta’ kull konsiderazzjoni [minn kull korrispettiv] f’każijiet ta’ forniment li jsir meta ma jkunx mitlub [provvista mhux mitluba], in-nuqqas ta’ risposta ma jikkostitwixxix kunsens.”

Id-Direttiva 2011/83

5

Il-premessi 14 u 60 tad-Direttiva 2011/83 jipprevedu:

“(14)

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali għal aspetti tal-liġi kuntrattwali li mhumiex regolati b’din id-Direttiva. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għal-liġi nazzjonali li jirregola, pereżempju, il-konklużjoni jew il-validità ta’ kuntratt (pereżempju fil-każ ta’ nuqqas ta’ kunsens). […]

[…]

(60)

Minħabba li l-bejgħ mhux mitlub, li jikkonsisti fi provvista lil konsumaturi ta’ oġġetti jew forniment ta’ servizzi mhux mitluba, huwa pprojbit bid-Direttiva [2005/29], iżda m’hemm previst l-ebda rimedju kuntrattwali fiha, jeħtieġ li jiġi introdott f’din id-Direttiva r-rimedju kuntrattwali ta’ eżenzjoni tal-konsumatur mill-obbligu li jipprovdu kwalunkwe konsiderazzjoni għal provvista jew forniment mhux mitlub/a.”

6

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi kuntrattwali ġenerali nazzjonali, bħar-regoli dwar il-validità, it-tfassil jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti relatati mal-liġi kuntrattwali ġenerali mhumiex regolati minn din id-Direttiva.”

7

L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Bejgħ mhux mitlub”, jipprovdi:

“Il-konsumatur għandu jkun eżentat mill-obbligu li jipprovdu kwalunkwe kunsiderazzjoni [korrispettiv] f’każijiet ta’ forniment mhux solleċitat [provvista mhux mitluba] ta’ oġġetti, ilma, gass, elettriku, tisħin distrettwali jew kontenut diġitali jew għoti mhux mitlub ta’ servizz kif ipprojbit mill-Artikolu 5(5) u l-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE. F’każijiet bħal dawn, in-nuqqas ta’ reazzjoni mill-konsumatur wara tali forniment jew provvista mhux mitlub/a ma għandux jikkostitwixxi kunsens.”

8

L-Artikolu 31 tal-istess direttiva, intitolat “Tħassir”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“[…] id-Direttiva [97/7 hija] mħassra mit-13 ta’ Ġunju 2014”.

Id-Direttiva 2005/29

9

Skont kliem il-premessi 6, 16 sa 18, u 23 tad-Direttiva 2005/29:

“(6)

Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi […]

[…]

(16)

Id-disposizzjonijiet dwar prattiċi kummerċjali aggressivi għandhom ikopru dawk il-prattiċi li jfixxklu sinifikattivament il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Dawk huma prattiċi li jużaw il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa.

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.

(18)

[…] Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda tinkludi disposizzjonijiet li l-għan tagħhom hija l-prevenzjoni ta’ l-isfruttament tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal prattiċi kummerċjali żleali. […]

[…]

(23)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu eliminati l-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern preżentati mil-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u li jiġi provdut livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, ma jistgħux suffiċentement jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell [tal-Unjoni], [l-Unjoni] tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq intern u sabiex jiġi milħuq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.”

10

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.

[…]”.

11

L-Artikolu 5(1) u (5) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

[…]

5   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

12

Skont kliem l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Prattiċi kummerċjali aggressivi”:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

13

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fisika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

a)

iż-żmien, lok, natura u persistenza tagħha;

b)

l-użu ta’ lingwaġġ jew imġieba ta’ theddid jew abbużiv;

ċ)

l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott;

d)

kwalunkwe ostakoli mhux kontrattwali onerużi jew sproporzjonati imposti mill-kummerċjant fejn konsumatur ikun jixtieq jeżerċita xi drittijiet mogħtija fil-kuntratt, inklużi d-drittijiet tat-taħsir tal-kuntratt jew tal-bidla għal prodott ieħor jew għal kummerċjant ieħor;

e)

kwalunkwe theddida li tiġi meħuda kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.”

14

Il-punt 29, li jinstab fil-parti intitolata “Prattiċi kummerċjali aggressivi” tal-Anness I, intitolat “Prattiċi kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”, tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fejn il-kummerċjant jitlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati [mitluba] mill-konsumatur ħlief fejn il-prodott huwa sostitut fornit konformement ma’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva [97/7] (“bejgħ mhux mitlub [provvista mhux mitluba”]).”

Id-dritt Olandiż

Il-BW

15

Il-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BW”), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑12 ta’ Ġunju 2014, fl-Artikolu 7:7(2) jipprevedi li l-fatt li lil persuna fiżika li ma taġixxix fl-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew kummerċjali jintbagħat oġġett li hija ma ordnatx, filwaqt li jintalab il-ħlas ta’ prezz, li dan l-oġġett jintbagħat lura jew jinżamm, huwa pprojbit. Meta tali oġġett jintbagħat xorta waħda, l-Artikolu 7:7(1) tal-BW, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑12 ta’ Ġunju 2014, dwar id-dritt li l-oġġett jinżamm mingħajr ħlas japplika b’analoġija.

16

L-Artikolu 7:7(2) tal-BW, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mit‑13 ta’ Ġunju 2014, jipprevedi li ma jitnissel l-ebda obbligu ta’ ħlas akkarigu ta’ persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività kummerċjali jew professjonali tagħha, fil-każ ta’ provvista mhux mitluba ta’ oġġett, ta’ prodott finanzjarju, tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku, tat-tisħin urban jew ta’ kontenut diġitali mhux ipprovdut fuq mezz materjali, indipendentement mill-fatt li l-kontenut diġitali huwa individwalizzabbli u li jista’ jiġi eżerċitat kontroll effettiv fuq dan il-kontenut, jew ta’ provvista ta’ servizzi mhux mitluba, fis-sens tal-Artikolu 193i(f), tal-Ktieb 6 tal-BW, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mit‑13 ta’ Ġunju 2014. L-assenza ta’ risposta min-naħa ta’ persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività kummerċjali jew professjonali tagħha f’tali każ ta’ provvista jew ta’ servizz mhux mitluba ma jikkostitwixxix kunsens. Meta tali oġġett jintbagħat xorta waħda, l-Artikolu 7:7(1) tal-BW, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mit‑13 ta’ Ġunju 2014, dwar id-dritt li l-oġġett jinżamm mingħajr ħlas japplika b’analoġija. Din l-aħħar dispożizzjoni tapplika indipendentement mill-fatt li l-persuna li tibgħat hija rrappreżentata.

Il-Liġi dwar l-Ilma

17

L-Artikolu 3 tal-Wet houdende nieuwe bepalingen met betrekking tot de productie en distributie van drinkwater en de organisatie van de openbare drinkwatervoorziening (Drinkwaterwet) (Il-Liġi dwar Dispożizzjonijiet Ġodda fir-rigward tal-Produzzjoni u tad-Distribuzzjoni tal-Ilma kif ukoll dwar il-Provvista ta’ Ilma lill-Pubbliku) (Liġi dwar l-Ilma Tajjeb għax-Xorb), tat-18 ta’ Lulju 2009 (Stb. 2009, p. 370, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ilma”), jipprovdi li l-eżekuzzjoni xierqa u fit-tul tal-provvista ta’ ilma lill-pubbliku f’żona ta’ distribuzzjoni hija r-responsabbiltà tal-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma li huwa kompetenti, konformement mal-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, li għandu jiddistribwixxi l-ilma fl-imsemmija żona ta’ distribuzzjoni.

18

Skont kliem l-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi, il-ministru kompetenti għandu jiddefinixxi, għal kull distributur tal-ilma, żona ta’ distribuzzjoni li fiha l-proprjetarju tad-distributur tal-ilma huwa kompetenti, konformement mal-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, li għandu jiddistribwixxi l-ilma fl-imsemmija żona ta’ distribuzzjoni.

19

L-Artikolu 8 tal-Liġi dwar l-Ilma huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma huwa obbligat, fi ħdan iż-żona ta’ distribuzzjoni li ġiet attribwita lilu, li joffri li jqabbad lil kull minn jitlob dan man-network ta’ distribuzzjoni amministrat minnu.

2.   Il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma huwa wkoll obbligat li, fi ħdan iż-żona ta’ distribuzzjoni li ġiet attribwita lilu, joffri distribuzzjoni tal-ilma permezz tan-network li huwa jamministra lil kull minn jitlob dan.

3.   Il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma għandu japplika kundizzjonijiet raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji.

[…]”.

20

L-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma għandu jmexxi politika intiża li tiġi evitata l-interruzzjoni fil-provvista tal-ilma ta’ utenti żgħar. Skont l-Artikolu 9(2) tal-imsemmija liġi, il-ministru kompetenti għandu jiddefinixxi l-modalitajiet dwar il-qtugħ fil-provvista tal-ilma lil utent żgħir, kif ukoll dwar miżuri preventivi intiżi li jiġi, sa fejn possibbli, evitat il-qtugħ fil-provvista tal-ilma ta’ utenti żgħar.

21

Konformement mal-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-Ilma, il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma għandu japplika tariffi li jkopru l-ispejjeż, trasparenti u mhux diskriminatorji.

22

Skont kliem l-Artikolu 12 ta’ din il-liġi:

“1.   Il-baġit tad-distributur tal-ilma għandu jispeċifika l-mod li bih id-diversi spejjeż huma riflessi fit-tariffa, b’mod partikolari l-kosti tal-kapital massimi li jistgħu jiġu ffatturati.

2.   Qabel l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma għandu jibgħat lill-ministru [kompetenti] rapport dwar il-kosti – b’mod partikolari l-kosti tal-kapital – riflessi matul is-sena kalendarja preċedenti fit-tariffi tal-provvista tal-ilma u l-introjtu operatorju għas-sena kkonċernata. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni mingħajr riżervi maħruġa minn kontabilista. Il-ministru għandu jibgħat l-imsemmi rapport liż-żewġ kmamar tal-i[Staten-Generaal (l-Istat Ġenerali)] qabel tmiem is-sena kalendarja.

3.   Jekk mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 jirriżulta li l-introjtu operatorju huwa ikbar mill-kosti tal-kapital stabbiliti għas-sena inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 11(2) il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma għandu jiżgura li d-differenza tiġi mpaċija fit-tariffi għas-sena kalendarja ta’ wara.”

23

L-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.   Fl-interess tal-provvista ta’ ilma lill-pubbliku, modalitajiet oħra għandhom jiġu stabbiliti permezz jew abbażi ta’ deċiżjoni ġenerali ta’ amministrazzjoni f’dak li jirrigwarda:

a.

il-kosti li fuqhom hija msejsa t-tarif msemmija fl-Artikolu 11;

b.

l-elementi u l-metodi ta’ kalkolu tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 12.

2.   Jekk Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 jew tal-Artikolu 12 jew il-modalitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jiġux issodisfatti, il-ministru [kompetenti] jista’ jipprovdi rakkomandazzjoni lill-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma. Ir-rakkomandazzjoni għandha tindika r-raġunijiet li għalihom ma ġewx issodisfatti d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 jew tal-Artikolu 12 jew ir-regoli msemmija kif ukoll il-bidliet tariffarji meħtieġa sabiex dawn jiġu ssodisfatti. Ir-rakkomandazzjoni għandha tindika t-terminu li fih għandha tiġi ssodisfatti r-rakkomandazzjoni.”

Ir-regolament dwar il-politika ta’ qtugħ tal-ilma fir-rigward tal-utenti ż-żgħar

24

Skont kliem l-Artikolu 2 tar-Regeling van de Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu, nr. IENM/BSK-2012/14677, houdende regels met betrekking tot het afsluiten van kleinverbruikers van drinkwater (Regeling afsluitbeleid voor kleinverbruikers van drinkwater) (ir-Regolament tas-Segretarjat tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, Nru IENM/BSK-2012/14677, li Jirregola l-Qtugħ tal-Ilma fir-Rigward tal-Utenti ż-Żgħar) (Regolament dwar il-Politika ta’ Qtugħ tal-Ilma fir-Rigward tal-Utenti ż-Żgħar), tas‑17 ta’ April 2012 (Stcrt. 2012, Nru 7964):

“Il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma ma jistax jaqta’ d-distribuzzjoni tal-ilma ta’ utent żgħir minħabba nuqqas ta’ ħlas qabel ma tiġi segwita l-proċedura deskritta fl-Artikoli 3 u 4.”

25

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tfakkira bil-miktub”, jipprevedi:

“1.   Jekk utent żgħir ma jirrispondix għall-ewwel talba għall-ħlas mill-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma fit-terminu stabbilit, l-imsemmi proprjetarju huwa obbligat li mill-inqas jibgħat tfakkira bil-miktub waħda f’dan ir-rigward lill-utent ż-żgħir ikkonċernat.

2.   Fit-tfakkira bil-miktub imsemmija iktar ’il fuq, il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma:

a.

għandu jfakkar lill-utent iż-żgħir il-possibbiltà ta’ konsulenza fil-ġestjoni tad-dejn,

b.

jipproponi, bil-kunsens bil-miktub tal-utent ż-żgħir, li jipprovdi d-dettalji ta’ dan tal-aħħar, in-numru tal-klijent tiegħu kif ukoll informazzjoni dwar l-ammont tad-dejn tiegħu lil istanza kompetenti fil-qasam ta’ konsulenza fil-ġestjoni tad-dejn, ħlief jekk l-utent iż-żgħir ma huwiex persuna fiżika; u

c.

isemmi li l-utent iż-żgħir ma jistax jiġi mċaħħad mill-ilma jekk huwa jippreżenta ċertifikat mediku kif indikat fl-Artikolu 6(d), bla ħsara għaċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-imsemmi artikolu.”

26

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Il-proprjetarju ta’ distributur tal-ilma għandu jagħmel l-almu tiegħu sabiex jikkuntattja lill-utent iż-żgħir sabiex jiġbidlu l-attenzjoni dwar il-possibiltajiet li jiġi evitat dewmien fil-ħlas, li jtemm id-dewmien fil-ħlas u li tinkiseb konferma tal-għoti jew ta’ nuqqas ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b).”

Id-Digriet dwar l-Ilma u r-Regolament dwar l-Ilma

27

Il-besluit houdende bepalingen inzake de productie en distributie van drinkwater en de organisatie van de openbare drinkwatervoorziening (Drinkwaterbesluit) (id-Digriet li Jistabbilixxi Regoli fil-Qasam tal-Produzzjoni u tad-Distribuzzjoni tal-Ilma kif ukoll tal-Organizzazzjoni tal-Provvista ta’ Ilma lill-Pubbliku) (id-Digriet dwar l-Ilma), tat‑23 ta’ Mejju 2011 (Stb. 2011, p. 293), adottat b’applikazzjoni tal-Liġi dwar l-Ilma, kif ukoll ir-Regeling van de Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu, nr. BJZ2011046947, houdende nadere regels met betrekking tot enige onderwerpen inzake de voorziening van drinkwater, warm tapwater en huishoudwater (Drinkwaterregeling) (Ir-Regolament tas-Segretarjat tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, Nru BJZ2011046947, dwar Ċerti Aspetti tal-Provvista tal-Ilma Tajjeb għax-Xorb, tal-Ilma tal-Vit Sħun u ta’ Ilma għal Użu Domestiku) (ir-Regolament dwar l-Ilma), tal‑14 ta’ Ġunju 2011 (Stcrt. 2011, p. 10842) jinkludu regoli ddettaljati dwar kif għandhom jiġu kkalkolata l-kosti u jispeċifikaw liema kosti jistgħu jiġu riflessi fil-prezzijiet u b’liema mod. Il-ministru kompetenti għandu jiżgura l-osservanza ta’ dawn ir-regoli. Id-distributur tal-ilma għandu kull sena jippubblika skala ta’ prezzijiet li għandhom jiġu applikati għad-distribuzzjoni tal-ilma fis-sena kalendarja segwenti u għandu jispeċifika, fl-istess ħin, il-mod li bih dawn il-prezzijiet jiġu kkalkolata fuq il-kosti.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28

Stichting Waternet hija kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma inkarigata, b’esklużività, mid-distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb fil-muniċipalità ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn tinstab l-abitazzjoni okkupata minn MG sa mix-xahar ta’ Settembru 2012.

29

MG ma informax lill-Stichting Waternet dwar il-fatt li huwa kien l-okkupant il-ġdid ta’ din l-abitazzjoni. Il-persuna li kienet preċedentement tokkupa din l-abitazzjoni lanqas ma indikat li hija kienet iċċaqalqet u kompliet tħallas il-fatturi ta’ distribuzzjoni tal-ilma relatati mal-imsemmija abitazzjoni sal‑1 ta’ Jannar 2014. Fit‑12 ta’ Novembru 2014, Stichting Waternet bagħtet ittra ta’ benvenut lil MG u, b’effett mit‑18 ta’ Novembru 2014, bagħtitlu fatturi dwar id-distribuzzjoni tal-ilma b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014. MG ma ħallas l-ebda waħda mill-fatturi għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2014 sat‑18 ta’ Novembru 2016.

30

Stichting Waternet, għalhekk, ippreżentat rikors quddiem il-kantonrechter (il-Qorti Kantonali, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn talbet li MG jiġi kkundannat iħallas is-somma ta’ EUR 283.79, flimkien mal-interessi bir-rata legali u l-ispejjeż kif ukoll, sussidjarjament, li tiġi awtorizzata taqta l-konnessjoni tal-ilma tal-imsemmija abitazzjoni. Dik il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ Stichting Waternet, minħabba li d-distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb kienet tikkostitwixxi “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-Artikolu 7:7(2) tal-BW, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mit‑13 ta’ Ġunju 2014. Min-naħa l-oħra, hija laqgħet it-talba sussidjarja, bil-kundizzjoni li MG ma jurix espliċitament, fi żmien erbatax il-ġurnata min-notifika tas-sentenza, l-intenzjoni tiegħu li jiġi pprovdut bl-ilma. MG ikkonkluda kuntratt ta’ distribuzzjoni tal-ilma ma Stichting Waternet fit‑18 ta’ Novembru 2016.

31

Stichting Waternet appellat mis-sentenza tal-kantonrechter (il-Qorti Kantonali) quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li ċaħdu l-appell minħabba li ma kien jeżisti l-ebda kuntratt ta’ distribuzzjoni tal-ilma konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2014 sat‑18 ta’ Novembru 2016, li d-distribuzzjoni tal-ilma matul dan il-perijodu kienet tikkostitwixxi “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-Artikolu 7:7(2) tal-BW, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mit‑13 ta’ Ġunju 2014, u li l-fatt li MG ikkonsma l-ilma ma jistax iwassal għal evalwazzjoni differenti.

32

Stichting Waternet għalhekk ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). L-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li jitqies, fid-dawl tal-prattika kurrenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u tal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-provvista ta’ ilma lill-pubbliku, li l-prattika kummerċjali ta’ Stichting Waternet ma tikkostitwixxix “provvista mhux mitluba” ta’ ilma tajjeb għax-xorb, ipprojbita mill-Artikolu 5(5) u mill-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 kif ukoll mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7 u mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/83.

33

Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li l-provvista ta’ ilma lill-pubbliku hija meqjusa bħala missjoni essenzjali tal-awtoritajiet pubbliċi, ma jeżistix suq kompetittiv f’dan is-settur, b’tali mod li kull kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma hija, min-naħa, awtorizzata b’esklużività li tiddistribwixxi l-ilma f’żona ta’ distribuzzjoni attribwita lilha u, minn naħa l-oħra, obbligata kemm li toffri konnessjoni lil dawk li jitolbu dan kif ukoll li ma twaqqafx din il-provvista lejn l-abitazzjoni ta’ konsumatur minħabba nuqqas ta’ ħlas min-naħa ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tispeċifika li tali kumpanniji għandhom, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, japplikaw tariffi li jkopru l-ispejjeż, trasparenti u mhux diskriminatorji.

34

Wara dan, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-konsumatur medju fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa meqjus li jaf li l-abitazzjoni li fiha huwa jidħol hija konnessa man-network pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb u li il-provvista ta’ ilma tajjeb għax-xorb ma hijiex mingħajr ħlas.

35

Fl-aħħar nett, l-istess qorti hija tal-fehma li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710), sa fejn, fil-kawża prinċipali, il-konsumatur ma jistax jagħżel il-kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma li tipprovdilu l-ilma tajjeb għax-xorb, l-ispejjeż jiġu ffatturati ladarba l-konsumatur ikun effettivament ikkonsma l-ilma, dawn l-ispejjeż ikopru l-ispejjeż, huma trasparenti u mhux diskriminatorji, stabbiliti taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva [97/7] u l-Artikolu 27 tad-Direttiva [2011/83], moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva [2005/29], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm provvista mhux mitluba ta’ ilma tajjeb għax-xorb fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta l-prattika kummerċjali tad-distributur tal-ilma tkun is-segwenti:

i)

bis-saħħa tal-liġi, id-distributur tal-ilma huwa (a) awtorizzat, esklużivament, kif ukoll obbligat jiddistribwixxi l-ilma permezz tal-mejnijiet tal-ilma fiż-żona ta’ distribuzzjoni assejata lilu u (b) obbligat joffri, lil min jagħmel talba f’dan is-sens, minn naħa, konnessjoni man-netwerk pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb u, min-naħa l-oħra, distribuzzjoni ta’ ilma;

ii)

id-distributur tal-ilma jżomm il-konnessjoni tal-abitazzjoni tal-konsumatur man-netwerk pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma li kien jeżisti qabel ma l-konsumatur stabilixxa ruħu fl-abitazzjoni, bil-konsegwenza li l-mejnijiet tal-ilma fl-abitazzjoni tal-konsumatur ikollhom pressa u li l-konsumatur jista’, meta jixtieq, ikollu l-ilma billi jwettaq att deliberat, jiġifieri billi jiftaħ il-vit jew billi jwettaq azzjoni simili, anki wara li jkun esprima l-intenzjoni tiegħu li ma jikkonkludix kuntratt ta’ distribuzzjoni ta’ ilma; u

iii)

id-distributur tal-ilma jiffattura l-ispejjeż sa fejn il-konsumatur ikun ħa effettivament l-ilma billi jwettaq att deliberat, fejn it-tariffi applikati jkopru l-ispejjeż u jkunu trasparenti u nondiskriminatorji, u dan kollu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi?

2)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva [97/7] u l-Artikolu 27 tad-Direttiva [2011/83], moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva [2005/29] jipprekludu l-preżunzjoni li jeżisti kuntratt ta’ distribuzzjoni ta’ ilma bejn id-distributur tal-ilma u l-konsumatur meta (i) il-konsumatur, bħall-konsumatur medju fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikun jaf li d-distribuzzjoni ta’ ilma ma hijiex bla ħlas, (ii) minkejja dan, il-konsumatur ikompli jikkonsma l-ilma b’mod abitwali għal perijodu twil ta’ żmien, (iii) il-konsumatur ikompli jikkonsma l-ilma anki wara li jkun irċieva ittra ta’ merħba mid-distributur tal-ilma u l-fatturi u l-ittri ta’ intimazzjoni sussegwenti, u (iv) il-konsumatur ikun esprima l-intenzjoni effettiva tiegħu li jikkuntattja lid-distributur tal-ilma wara li tkun inħarġet awtorizzazzjoni ġudizzjarja għat-tneħħija tal-konnessjoni tal-ilma tal-abitazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

37

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7 u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, jirregolawx it-tfassil tal-kuntratti u jekk, b’mod partikolari, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kuntratt jista’ jitqies bħala konkluż bejn kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma u konsumatur fl-assenza tal-kunsens espliċitu ta’ dan tal-aħħar.

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar, min-naħa, li, għalkemm huwa ċertament minnu li d-Direttiva 97/7 tħassret fit‑13 ta’ Ġunju 2014, konformement mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2011/83. Madankollu, fid-dawl tal-perijodu li matulu seħħew il-fatti esposti fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tar-risposta għat-tieni domanda, kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/7 kif ukoll dawk tad-Direttiva 2011/83.

39

Minn naħa l-oħra, din id-domanda hija rilevanti biss jekk ir-relazzjoni ġuridika bejn Stichting Waternet u MG ma hijiex irregolata kompletament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward kemm tal-provvista tal-ilma mill-professjonist, kif ukoll tal-ispejjeż marbuta ma din il-provvista li għandhom jiġu sostnuti mill-konsumatur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan ir-rekwiżit huwiex issodisfatt fil-kawża prinċipali.

40

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-għan tad-Direttiva 97/7 huwa l-protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod u, b’mod partikolari, id-definizzjoni tal-portata tal-obbligi li għandhom jiġu osservati mill-professjonisti f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumaturi u d-dritt ta’ rtirar ta’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tkoprix ir-regoli dwar it-tfassil tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod.

41

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li mill-kliem ċar tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li dan tal-aħħar ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tal-kuntratti fuq livell nazzjonali, b’mod partikolari r-regoli dwar il-validità, dwar it-tfassil u dwar l-effetti tal-kuntratti, sa fejn l-aspetti ġenerali tad-dritt tal-kuntratti ma humiex irregolati minn din id-direttiva. Mill-premessa 14 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta wkoll li din għandha tkun bla ħsara għad-dritt nazzjonali li jirregola l-konklużjoni jew il-validità ta’ kuntratt, pereżempju fil-każ ta’ nuqqas ta’ kunsens.

42

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-Direttiva 2005/29, l-Artikolu 3(2) tagħha jipprevedi li din tapplika mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kuntratti u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti tal-kuntratti.

43

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7 u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jirregolawx il-konklużjoni tal-kuntratti.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-effetti tal-eventwali konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “provvista mhux mitluba”, sa fejn dawn huma intiżi, min-naħa, li jipprojbixxu l-prattika kummerċjali li tikkonsisti f’tali provvista, konformement mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, u, minn naħa l-oħra, li jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu li jħallas kull korrispettiv fil-każ ta’ “provvista mhux mitluba”.

45

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 40 sa 42 u 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni tal-aspetti ġenerali tad-dritt tal-kuntratti, it-tfassil, il-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti huma rregolati mid-dritt nazzjonali. Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tad-dritt Olandiż, jekk kuntratt jistax jitqies bħala konkluż bejn kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma u konsumatur, fl-assenza tal-kunsens espliċitu ta’ dan tal-aħħar.

46

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7 u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, ma jirregolawx it-tfassil tal-kuntratti, b’tali mod li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk kuntratt jistax jitqies bħala konkluż bejn kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma u konsumatur fl-assenza tal-kunsens espliċitu ta’ dan tal-aħħar.

Fuq l-ewwel domanda

47

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li hija tkopri prattika kummerċjali li tikkonsisti fiż-żamma tal-konnessjoni man-network pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb meta konsumatur jibda jokkupa abitazzjoni preċedentement okkupata, fl-assenza ta’ talba ta’ dan il-konsumatur f’dan is-sens.

48

Preliminarjament, għandu jitfakkar li hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għall-ewwel domanda hija rilevanti biss jekk ir-relazzjoni ġuridika bejn Stichting Waternet u MG ma hijiex irregolata kompletament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward kemm tal-provvista tal-ilma mill-professjonist, kif ukoll tal-ispejjeż marbuta ma din il-provvista li għandhom jiġu sostnuti mill-konsumatur, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

49

Jekk ikun il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk prattika kummerċjali, bħal ma hija l-prattika relatata mal-provvista ta’ ilma tajjeb għax-xorb inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

50

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 23 tagħha, jipprevedi b’mod partikolari li l-għan tal-imsemmija direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali li jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

51

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva biss jekk tfittex li tilħaq għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ottubru 2012, Pelckmans Turnhout, C‑559/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:615, punt 20).

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali la joħorġu b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-prattika ta’ Stichting Waternet tirriżultax mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jfittxu li jilħqu għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u taqa’, għalhekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, jew jekk hija, bil-kontra ta’ dan, hijiex intiża li tipproteġi biss interessi pubbliċi oħra, bħal ma hija s-saħħa pubblika. Huwa biss fil-każ fejn, skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, il-prattika ta’ Stichting Waternet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, li hija għandha tivverifika jekk din il-prattika tikkostitwixxix “provvista mhux mitluba”.

53

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “provvista mhux mitluba”, il-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi li l-fatt li jintalab “ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti [mill-professjonist], iżda mhux solleċitati [mitluba] mill-konsumatur […] (bejgħ mhux mitlub [provvista mhux mitluba])” jaqa’ b’mod partikolari fil-kategorija ta’ prattiċi kummerċjali aggressivi, meqjusa żleali f’kull ċirkustanza.

54

Għalhekk, jikkostitwixxi “provvista mhux mitluba”, fis-sens ta’ dan il-punt 29, b’mod partikolari aġir li jikkonsisti, għall-professjonist, li jeżiġi mingħand il-konsumatur il-ħlas ta’ servizz li ġie pprovdut lil dan il-konsumatur mingħajr ma dan tal-aħħar ma jkun talbu (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 43, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2019, EVN Bulgaria Toplofikatsia u Toplofikatsia Sofia, C‑708/17 u C‑725/17, EU:C:2019:1049, punt 64).

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prattika kummerċjali aggressiva” b’mod partikolari permezz tal-fatt li din tfixkel jew tista tfixkel b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-għażla u ta’ mġieba tal-konsumatur medju fir-rigward ta’ prodott. Minn dan isegwi li t-talba ta’ servizz għandha tikkonsisti f’għażla libera min-naħa tal-konsumatur. Dan jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-informazzjoni kkomunikata mill-professjonist lill-konsumatur tkun ċara u xierqa (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prezz, li jikkostitwixxi, bħala prinċipju, element determinanti f’moħħ il-konsumatur meta dan jieħu deċiżjoni kummerċjali, għandu jitqies bħala informazzjoni neċessarja sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu tali deċiżjoni f’għarfien sħiħ tal-kawża (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 47).

57

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, il-kunċett ta’ konsumatur għandu importanza primordjali. Konformement mal-premessa 18 tagħha, din id-direttiva tieħu bħala kriterju ta’ evalwazzjoni l-konsumatur medju li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fid-dawl tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Konformement għal din l-istess premessa 18, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina r-reazzjoni tipika ta’ konsumatur medju f’każ partikolari.

58

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija obbligata tipprovdi s-servizz ta’ distribuzzjoni tal-ilma, li ma jistax jiġi interrott minħabba nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur, qabel ma tibgħatlu tfakkira bil-miktub u qabel ma din il-kumpannija tkun għamlet sforz sabiex tikkuntattjah personalment.

59

Fir-rigward tal-fatturazzjoni tal-ilma, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li sabiex l-ispejjeż jiġu ġġenerati għandu neċessarjament ikun hemm azzjoni volontarja min-naħa tal-konsumatur, permezz tal-konsum tal-ilma. Iktar minn hekk, kull kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma għandha tapplika, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, tariffi li jkopru l-ispejjeż, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali għall-konsum tal-ilma.

60

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-konsumatur medju fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jibda jokkupa abitazzjoni preċedentement okkupata, jaf li din l-abitazzjoni tibqa’ konnessa man-network pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb u li l-provvista tal-ilma hija bi ħlas.

61

Dawn iċ-ċirkustanzi jrendu l-kawża prinċipali differenti mill-kawżi li taw lok għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punti 4956). Fil-fatt, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jagħmilx differenza l-fatt li l-użu tas-servizzi inkwistjoni setgħa, f’ċerti każijiet, jeħtieġ azzjoni intenzjonali min-naħa tal-konsumatur u ddeċidiet li teżisti “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, peress li, f’dawk il-kawżi, il-konsumaturi ma kinux irċevew l-informazzjoni xierqa dwar ċerti servizzi pprovduti u l-kosti tagħhom.

62

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, dan ma jkoprix prattika kummerċjali ta’ kumpannija ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb li tikkonsisti fiż-żamma tal-konnessjoni man-network pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-ilma meta konsumatur jibda jokkupa abitazzjoni preċedentement okkupata, meta dan il-konsumatur ma jkollux l-għażla tal-fornitur ta’ dan is-servizz, dan tal-aħħar jiffattura tariffi li jkopru l-ispejjeż, trasparenti u mhux diskriminatorji, skont il-konsum tal-ilma, u l-imsemmi konsumatur jaf li l-imsemmija abitazzjoni hija konnessa man-network pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-ilma u li l-provvista tal-ilma hija bi ħlas.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(5) u mal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ma jirregolawx it-tfassil tal-kuntratti, b’tali mod li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk kuntratt jistax jitqies bħala konkluż bejn kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma u konsumatur fl-assenza tal-kunsens espliċitu ta’ dan tal-aħħar.

 

2)

Il-kunċett ta’ “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, dan ma jkoprix prattika kummerċjali ta’ kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb li tikkonsisti fiż-żamma tal-konnessjoni man-network pubbliku ta’ distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb meta konsumatur jibda jokkupa abitazzjoni preċedentement okkupata, meta dan il-konsumatur ma jkollux l-għażla tal-fornitur ta’ dan is-servizz, dan tal-aħħar jiffattura tariffi li jkopru l-ispejjeż, trasparenti u mhux diskriminatorji, skont il-konsum tal-ilma, u l-imsemmi konsumatur jaf li l-imsemmija abitazzjoni hija konnessa man-network pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-ilma u li l-provvista tal-ilma hija bi ħlas.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.