SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Pumpier riżerva – Stand by – Eżerċizzju, matul il-perijodu on call, ta’ attività professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha – Restrizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema ta’ stand by”

Fil-Kawża C‑214/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Labour Court (il-Qorti tax-Xogħol, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Mejju 2020, fil-proċedura

MG

vs

Dublin City Council,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MG, minn B. O’Brien,

għal Dublin City Council, minn E. Hunt, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u N. Vincent, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M.K. Bulterman, C. S. Schillemans u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, inizjalment minn S. Hartikainen u A. Laine, sussegwentement minn H. Leppo u A. Laine, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn D. Recchia u C. Valero kif ukoll minn M. Wilderspin, sussegwentement minn D. Recchia u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MG u d-Dublin City Council (il-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin, l-Irlanda) dwar il-kalkolu tas-sigħat ta’ xogħol maħduma għal dan tal-aħħar matul perijodi ta’ stand by.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 89/391/KEE

3

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391 tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), jipprevedi:

“Min iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol.”

4

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fi ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji ikkaġunati mix-xogħol u l-għoti ta’ informazzjoni u taħriġ, kif ukoll ta’ l-għoti ta’ l-organizzazzjoni u mezzi meħtieġa.

[…]”

Id-Direttiva 2003/88

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

(b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

[…]”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Serħan ta’ kull jum”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa.”

8

Taħt it-titolu “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, l-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

[…]”

9

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

(a)

il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

(b)

il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”

Id-dritt Irlandiż

10

L-Organisation of Working Time Act 1997 (il-Liġi tal-1997 dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol) implimentat fid-dritt Irlandiż id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/88.

11

L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“[…]

B’‘ħin tax-xogħol’ wieħed ifisser kwalunkwe perijodu li matulu l-impjegat:

(a)

huwa fuq il-post tax-xogħol tiegħu jew għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, u

(b)

jeżerċita jew iwettaq l-attivitajiet jew il-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

MG huwa pumpier riżerva impjegat, part-time, mill-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin. Skont sistema ta’ stand by, dan tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Brigata fil-kwartieri li permezz tagħha ġie ffurmat.

13

MG huwa obbligat li jipparteċipa għal 75 % tal-interventi ta’ din il-brigata, bil-fakultà li jastjeni għal dak li jirrigwarda l-kumplament tal-interventi. Mingħajr ma jkun obbligat, matul il-perijodi on call tiegħu, li jkun preżenti f’post speċifiku, huwa għandu, meta jirċievi sejħa ta’ emerġenza għall-parteċipazzjoni f’intervent, jagħmel sforz sabiex jasal fil-kwartieri fil-ħames minuti wara s-sejħa u, fi kwalunkwe każ, josserva terminu massimu tal-wasla ta’ għaxar minuti.

14

Dan il-perijodu ta’ stand by taħt is-sistema ta’ stand by huwa, bħala prinċipju, ta’ 7 ijiem minn 7 u ta’ 24 siegħa fuq 24. Din hija interrotta biss bil-perijodi ta’ leave, kif ukoll bil-perijodi li għalihom MG innotifika minn qabel l-indisponibbiltà tiegħu, sakemm il-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin jagħti l-kunsens tiegħu għal dawn il-perijodi tal-aħħar.

15

MG jirċievi salarju bażiku, imħallas kull xahar, intiż sabiex jitħallas ta’ stand by, kif ukoll remunerazzjoni addizzjonali għal kull intervent.

16

Huwa awtorizzat jeżerċita attività professjonali f’ismu stess jew għal persuna li timpjega oħra, sakemm din l-attività ma taqbiżx medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja. Min-naħa l-oħra, MG huwa pprojbit milli jeżerċita tali attività matul is-“sigħat ta’ xogħol attivi” tiegħu bħala pumpier riżerva, peress li dawn is-sigħat ma humiex biss dawk li jgħaddu fuq inċident, iżda wkoll dawk iddedikati għall-attivitajiet l-oħra tal-brigata, bħat-taħriġ.

17

MG għandu jgħix u jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu f’“distanza raġonevoli” mill-kwartieri tal-brigata tiegħu, sabiex ikun jista’ josserva t-terminu ta’ wasla f’dan il-kwartier.

18

Peress li qieset li s-sigħat li matulhom huwa on call għall-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin għandhom jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Liġi tal-1997 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tad-Direttiva 2003/88, MG ressaq ilment f’dan is-sens quddiem il-Workplace Relations Commission (il-Kummissjoni tar-Relazzjonijiet Professjonali, l-Irlanda).

19

Peress li dan l-ilment ġie miċħud, huwa ppreżenta rikors quddiem il-Labour Court (il-Qorti Industrijali, l-Irlanda), il-qorti tar-rinviju.

20

MG josserva quddiem din il-qorti li huwa għandu dejjem ikun f’pożizzjoni li jirrispondi malajr għal sejħa ta’ emerġenza. Dan jipprekludih milli jiddedika ruħu liberament għall-attivitajiet familjari u soċjali tiegħu kif ukoll għall-attività professjonali tiegħu ta’ xufier ta’ taxi. Huwa jindika li l-fatt li ma jiġux osservati l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin jista’ jagħti lok għal miżuri dixxiplinari, jew saħansitra għat-tkeċċija. Billi impona on call ta’ 7 ijiem minn 7 u 24 siegħa fuq 24, u billi rrifjuta li jirrikonoxxi li s-sigħat on call jikkostitwixxu ħin tax-xogħol, il-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin jikser ir-regoli fil-qasam ta’ serħan ta’ kuljum, ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa.

21

Il-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin jirribatti li l-pumpieri riżerva ma humiex obbligati jibqgħu f’post speċifiku meta jkunu on call. Barra minn hekk, jekk pumpier riżerva ma jasalx fil-kwartieri fit-terminu massimu tal-wasla, il-konsegwenza tkun sempliċement li ma jirċevix remunerazzjoni. Fid-dawl tal-flessibbiltà tas-sistema ta’ stand by inkwistjoni, ma huwiex iġġustifikat li s-sigħat on call jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol”.

22

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” hija determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima tal-kawża prinċipali, peress li l-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin huwa konvint li josserva r-regoli fil-qasam ta’ mistrieħ ta’ kuljum, ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, filwaqt li MG isostni li l-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin jikser dawn ir-regoli.

23

Din il-qorti tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82), li l-ħin ta’ on call li pumpier għandu jgħaddi mid-domiċilju tiegħu mal-obbligu li jwieġeb għas-sejħiet tal-persuna li timpjegah f’terminu ta’ tmien minuti jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet għal dan il-ħaddiem li jkollu attivitajiet oħra u għalhekk għandu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

24

Is-sitwazzjoni li wasslet għal din is-sentenza għandha madankollu tiġi distinta minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin ma jeżiġix li MG jinsab f’post iddeterminat meta jkun on call u jawtorizzah, barra minn hekk, jaħdem f’ismu stess, u dan jagħmel bħala xufier ta’ taxi, jew jaħdem għal persuna oħra li timpjega.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Labour Court (il-Qorti tax-Xogħol) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem, meta jkun ‘tal-għassa’ f’post(ijiet) tal-għażla tiegħu, mingħajr ma jkun suġġett, fl-ebda mument, matul il-perijodu ta’ għassa tiegħu, għal obbligu li jinnotifika lil persuna li timpjega fejn ikun qiegħed, suġġett biss għall-obbligu li jkun jista’ jwieġeb għal ‘sejħa’ f’terminu ta’ wasla mixtieq ta’ ħames minuti u f’terminu ta’ wasla massimu ta’ għaxar minuti, qiegħed iwettaq ħin tax-xogħol waqt li jkun qiegħed għassa?

2)

F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jista’ ħaddiem li jkun limitat biss minn obbligu li jwieġeb għal sejħa f’terminu ta’ wasla mixtieq ta’ ħames minuti u terminu ta’ wasla massimu ta’ għaxar minuti, u li jista’, mingħajr restrizzjoni, ikun impjegat fl-istess ħin ma’ persuna li timpjega oħra jew li jeżerċita attività professjonali għal rasu waqt li jkun ‘tal-għassa’, jitqies li jkun qiegħed iwettaq ‘ħin tax-xogħol’ għall-persuna li timpjega fir-rigward tal-impjieg li huwa jkun qiegħed ‘tal-għassa’ fih?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, il-fatt li l-ħaddiem huwa effettivament impjegat mit-tieni persuna li timpjega waqt li huwa ‘tal-għassa’, suġġett biss għall-obbligu li t-tieni persuna li timpjega għandha teħles lill-ħaddiem meta jkun imsejjaħ mill-ewwel persuna li timpjega, ifisser li l-ħin imwettaq mill-ħaddiem li jkun ‘tal-għassa’ u jkun ħadem għat-tieni persuna li timpjega għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol fil-kuntest tar-relazzjoni tiegħu mal-ewwel persuna li timpjega?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, ħaddiem li jaħdem għat-tieni persuna li timpjega waqt li jkun tal-għassa mal-ewwel persuna li timpjegah jakkumula ħin tax-xogħol, kontemporanjament, mal-ewwel u mat-tieni persuna li timpjega?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibiltà

26

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva skrupolożament ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, huwa indispensabbli, b’mod partikolari, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(a) u (ċ) ta’ dan ir-regolament, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi kif ukoll tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 3839 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li MG huwa pumpier riżerva u jeżerċita, matul il-perijodu on call żgurat taħt dan l-impjieg, attività professjonali f’ismu stess bħala xufier ta’ taxi.

30

Peress li huwa paċifiku li l-attività professjonali eżerċitata minn MG matul l-għassa tiegħu żgurata għall-Kunsill Muniċipali ta’ Dublin titwettaq b’mod indipendenti, id-deċiżjoni tar-rinviju ma turi ebda relazzjoni bejn it-tielet u r-raba’ domanda u r-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali.

31

Fil-fatt, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi interpretat meta ħaddiem jeżerċita, matul il-perijodu on call żgurat għall-ewwel persuna li timpjega, attività professjonali għat-tieni persuna li timpjega. Issa, fl-assenza ta’ espożizzjoni ta’ informazzjoni fattwali li tippermetti li jinftiehem b’liema mod tiġi ppreżentata tali sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domandi.

32

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli.

33

Min-naħa l-oħra, l-ewwel u t-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma ammissibbli, sa fejn jikkonċernaw l-ipoteżi, imsemmija espliċitament fit-tieni domanda, fejn pumpier riżerva jeżerċita, matul l-istand by tiegħu, attività professjonali indipendenti.

Fuq il-mertu

34

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li t-trattament tagħhom għandu jiġi limitat bil-mod indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ stand by żgurat minn pumpier riżerva, li matulu dan il-ħaddiem iwettaq, bl-awtorizzazzjoni tal-persuna li timpjegah, attività professjonali f’ismu stess iżda għandu, fil-każ ta’ sejħa għal emerġenza, jingħaqad ma’ kwartieri ta’ assenjazzjoni fit-terminu massimu ta’ għaxar minuti, jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

35

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala “ kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu”. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan” huwa ddefinit negattivament bħala kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol. Peress li dawn iż-żewġ kunċetti jeskludu lil xulxin, il-perijodu on call ta’ ħaddiem għandu jiġi kklassifikat jew bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, peress li din tal-aħħar ma tipprevedix kategorija intermedja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Dopravní podnik hl. Prahy, C‑107/19, EU:C:2021:722, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-perijodu ta’ stand by inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan”, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha indikazzjonijiet dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier), C‑580/19, EU:C:2021:183, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem. B’mod partikolari, billi tistabbilixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, din id-direttiva tippreċiża d-dritt fundamentali espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandha, konsegwentement, tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 31(2). Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux għalhekk ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva għad-detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier), C‑580/19, EU:C:2021:183, punti 26 sa 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-perijodi on call, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, il-perijodi on call kollha, inklużi dawk ta’ stand by, li matulhom ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem huma ta’ natura tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier), C‑580/19, EU:C:2021:183, punt 38).

39

Għall-kuntrarju, meta r-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul perijodu on call partikolari ma jilħqux tali livell ta’ intensità u jippermettulu li jiġġestixxi l-ħin tiegħu u jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess mingħajr limitazzjonijiet kbar, huwa biss il-ħin marbut mal-prestazzjoni ta’ xogħol li huwa, jekk ikun il-każ, effettivament imwettaq matul tali perijodu li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier, C‑580/19, EU:C:2021:183), punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Sabiex jiġi evalwat jekk stand by joħloqx, oġġettivament, restrizzjonijiet maġġuri li għandhom impatt sinjifikattiv ħafna fuq il-ġestjoni, mill-ħaddiem ikkonċernat, tal-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod iktar partikolari, it-terminu li għandu dan il-ħaddiem sabiex ikompli l-attivitajiet professjonali tiegħu mal-persuna li timpjegah li għaliha huwa jwettaq din l-għassa mill-mument li fih huwa jitlob dan, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-frekwenza medja tal-interventi li l-imsemmi ħaddiem ser ikun effettivament mitlub minnu li jiżgura matul dan il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier), C‑580/19, EU:C:2021:183, punt 45).

41

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta dan it-terminu huwa, matul perijodu on call, limitat għal ftit minuti, dan il-perijodu għandu, bħala prinċipju, jitqies kollu kemm hu bħala “ħin tax-xogħol”. Madankollu huwa neċessarju, kif ippreċiżat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi evalwat l-impatt ta’ tali terminu ta’ reazzjoni fi tmiem evalwazzjoni konkreta li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, restrizzjonijiet oħra imposti fuq il-ħaddiem, l-istess bħall-faċilitajiet mogħtija lilu matul dan l-istess perijodu (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier), C‑580/19, EU:C:2021:183, punti 4748 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami u billi tibbaża ruħha fuq l-indikazzjonijiet imfakkra fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, jekk MG huwiex suġġett, matul il-perijodi ta’ stand by, għal restrizzjonijiet ta’ intensità tali li jaffettwaw, oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna, il-possibbiltà tiegħu li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu bħala pumpier riżerva ma humiex mitluba.

43

F’dan ir-rigward, il-possibbiltà offruta lil MG li jeżerċita attività professjonali oħra matul il-perijodi on call tiegħu tikkostitwixxi indikazzjoni importanti li l-modalitajiet tas-sistema ta’ stand by ma jissuġġettawx lil dan il-ħaddiem għal restrizzjonijiet kbar li għandhom impatt sinjifikattiv ħafna fuq il-ġestjoni tal-ħin tiegħu, sakemm jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, ftehimiet kollettivi u mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat jiġu organizzati b’mod li jippermetti l-eżerċizzju effettiv ta’ tali attività matul parti kunsiderevoli ta’ dawn il-perijodi.

44

Iċ-ċirkustanzi li MG ma għandu, fl-ebda mument, isib ruħu f’post preċiż matul il-perijodi ta’ stand by tiegħu, li ma huwiex obbligat jipparteċipa fl-interventi kollha mwettqa mill-kwartieri ta’ assenjazzjoni tiegħu, peress li kwart ta’ dawn l-interventi jista’ f’dan il-każ iseħħ fl-assenza tiegħu, u li huwa permess jeżerċita attività professjonali oħra li ma taqbiżx il-medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa, jistgħu jikkostitwixxu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li huwa f’pożizzjoni li jiżviluppa, skont l-interessi tiegħu stess, din l-attività professjonali oħra matul dawn il-perijodi u li jiddedika parti kunsiderevoli tal-ħin ta’ dawn, sakemm il-frekwenza medja ta’ sejħiet urġenti ma jostakolawx l-eżerċizzju effettiv ta’ attività professjonali li tista’ tingħaqad mal-impjieg ta’ pumpier riżerva, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

45

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li d-diffikultajiet organizzattivi li jistgħu jirriżultaw mill-għażliet magħmula mill-ħaddiem ikkonċernat, bħall-għażla tal-post ta’ residenza jew ta’ post għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali oħra li jinsabu ftit jew wisq ’il bogħod mill-post li huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jingħaqad fit-terminu mogħti fil-kuntest tal-impjieg tiegħu ta’ pumpier riżerva, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier), C‑580/19, EU:C:2021:183, punti 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Jekk jirriżulta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fil-kawża prinċipali, li l-imsemmija perijodi on call ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, isegwi, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, li dawn l-istess perijodi għandhom jitqiesu, bl-eċċezzjoni tal-ħin marbut mas-servizzi ta’ xogħol effettivament imwettqa, bħala “perijodi ta’ serħan”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

47

Madankollu, il-kwalifika ta’ perijodu on call bħala “perijodu ta’ serħan”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, hija bla ħsara għall-obbligu ta’ min iħaddem li josserva l-obbligi speċifiċi imposti fuqhom, skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 89/391, sabiex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-persuni li jimpjegaw ma jistgħux jintroduċu perijodi on call li sa dan il-punt ikunu twal jew frekwenti li jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiem, indipendentement mill-fatt li dawn il-perijodi jiġu kkwalifikati bħala “perijodi ta’ serħan”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu ta’ stand by ta’ pumpier) (C‑580/19, EU:C:2021:183, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ stand by żgurat minn pumpier riżerva, li matulu dan il-ħaddiem jeżerċita, bl-awtorizzazzjoni tal-persuna li timpjegah, attività professjonali f’ismu stess, iżda għandu, fil-każ ta’ sejħa ta’ emerġenza, jingħaqad mal-kwartieri ta’ assenjazzjoni tiegħu fiż-żmien massimu ta’ għaxar minuti, ma jikkostitwixxix “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk jirriżulta minn evalwazzjoni globali tal-fatti kollha f’dan il-każ, b’mod partikolari tal-portata u tal-modalitajiet ta’ din il-possibbiltà li jeżerċita attività professjonali oħra kif ukoll l-assenza ta’ obbligu li jipparteċipa fl-interventi żgurati kollha minn dawn il-kwartieri, li r-restrizzjonijiet imposti fuq l-imsemmi ħaddiem matul dan il-perijodu ma humiex ta’ natura bħal dawk li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jiġġestixxi liberament, matul l-imsemmi perijodu, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu bħala pumpier ma humiex mitluba.

Dwar l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ stand by żgurat minn pumpier riżerva, li matulu dan il-ħaddiem jeżerċita, bl-awtorizzazzjoni tal-persuna li timpjegah, attività professjonali f’ismu stess, iżda għandu, fil-każ ta’ sejħa ta’ emerġenza, jingħaqad mal-kwartieri ta’ assenjazzjoni tiegħu fiż-żmien massimu ta’ għaxar minuti, ma jikkostitwixxix “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk jirriżulta minn evalwazzjoni globali tal-fatti kollha f’dan il-każ, b’mod partikolari tal-portata u tal-modalitajiet ta’ din il-possibbiltà li jeżerċita attività professjonali oħra kif ukoll l-assenza ta’ obbligu li jipparteċipa fl-interventi żgurati kollha minn dawn il-kwartieri, li r-restrizzjonijiet imposti fuq l-imsemmi ħaddiem matul dan il-perijodu ma humiex ta’ natura bħal dawk li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jiġġestixxi liberament, matul l-imsemmi perijodu, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu bħala pumpier ma humiex mitluba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.