SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 81, 84 u 85 KE – Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Akkordji – Aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-pajjiżi terzi li seħħ taħt l-Artikoli 84 u 85 KE – Azzjoni għal kumpens għad-dannu – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE”

Fil-Kawża C 819/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Stichting Cartel Compensation,

Equilib Netherlands BV

vs

Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV,

Martinair Holland NV,

Deutsche Lufthansa AG,

Lufthansa Cargo AG,

British Airways plc,

Air France SA,

Singapore Airlines Ltd,

Singapore Airlines Cargo Pte Ltd,

Swiss International Air Lines AG,

Air Canada,

Cathay Pacific Airways Ltd,

Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden,

SAS AB,

SAS Cargo Group A/S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Jannar 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Stichting Cartel Compensation, minn J. van den Brande u J. T. Verheij, advocaten,

għal Equilib Netherlands BV, minn J. W. Fanoy, H. J. van Maanen u T. Raats, advocaten,

għal Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, minn S. L. Boersen, M. Smeets, J. S. Kortmann, T. Heikens, S. Goldstein u T. M. Welling, advocaten,

għal Martinair Holland NV, minn S. L. Boersen, M. Smeets, J. S. Kortmann, T. Heikens u S. Goldstein, advocaten,

għal Deutsche Lufthansa AG, minn P. N. Malanczuk, A. Koeman, J. P. van der Klein u J. Schaufeli, advocaten,

għal Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG, minn P. N. Malanczuk u J.P. van der Klein, advocaten,

għal British Airways plc, Air Canada u Cathay Pacific Airways Ltd, minn J. K. de Pree u S. J. The, advocaten,

għal Air France SA, minn D. A. H. W. Strik u T. M. Welling, advocaten,

għal Singapore Airlines Ltd u Singapore Airlines Cargo Pte Ltd, minn I. VerLoren van Themaat, M. van Heezik, N. T. Dempsey, L. N. M. van Uden u V. E. J. Dijkstra, advocaten,

għal Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden, SAS AB u SAS Cargo Group A/S, minn E. Pijnacker Hordijk, W. Heemskerk u S. R. Kingma, advocaten,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes, T. Franchoo, F. van Schaik u C. Zois, bħala aġenti,

għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn C. Simpson, I. O. Vilhjálmsdóttir, C. Zatschler u M. Sánchez Rydelski, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn E. Sandaa u H. Kolderup, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 81, 84 u 85 KE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), kif ukoll tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Stichting Cartel Compensation (iktar ’il quddiem “SCC”) u Equilib Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Equilib”) u, min-naħa l-oħra, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, Martinair Holland NV, Deutsche Lufthansa AG, Lufthansa Cargo AG, British Airways plc, Air France SA, Singapore Airlines Ltd, Singapore Airlines Cargo Pte Ltd, Swiss International Air Lines AG, Air Canada, Cathay Pacific Airways Ltd, Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden, SAS AB u SAS Cargo Group A/S, konvenuti fil-kawża prinċipali, rigward il-kumpens għad-dannu li rriżulta minn ksur tal-Artikolu 81 KE li dawn il-kumpanniji tal-ajru allegatament wettqu.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolamenti Nri 17 u 141

3

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kien jipprevedi:

“Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma tax-xorta deskritta fl-Artikolu [81](1) [KE] li jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li għalihom il-partijiet ifittxu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81](3) [KE] għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni qabel l‑1 ta’ Awwissu 1962.”

4

Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Kull meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond l- Artikolu [81](3) [KE], hija għandha tispeċifika f’din id-data minn meta d-deċizjoni għandu jkollha effett. Din id-data m’għandiex tkun qabel id-data tan-notifikazzjoni.

2.   It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 m’għandiex tapplika għal ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftieham li jaqgħu taħt […] l-Artikolu 5(1) li ġew notifikati fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 5(1).”

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 141 tas‑26 ta’ Novembru 1962 li jeżenta s-settur tat-trasport mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 (ĠU 1962, 124, p. 2751), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1002/67/KEE tal‑14 ta’ Diċembru 1967 (ĠU 1967, 306, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 141”), kien jipprevedi:

“Ir-Regolament Nru 17 ma japplikax għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tat-trasport li għandhom bħala għan jew bħala effett tagħhom l-iffissar ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet tat-trasport, il-limitazzjoni jew il-kontroll ta’ l-offerta tat-trasport jew it-tqassim tas-swieq tat-trasport, u lanqas ma japplika għall-pożizzjonijiet dominanti, fis-sens ta’ l-Artikolu [82 KE] fis-suq tat-trasport.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“Fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu [1] ta’ dan ir-regolament għandha tkun valida sat‑30 ta’ Ġunju 1968.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolamenti (KEE) Nri 3975/87 u 3976/87

7

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87 tal‑14 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi l-proċedura ghall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni ghall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 262), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2410/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 430) (iktar’ il quddiem ir-“Regolament Nru 3975/87”), kien ifformulat kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati ghall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [81] u [82 KE] ghas-servizzi tat-trasport bl-ajru.

2.   Dan ir-Regolament ghandu japplika biss ghat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-[Unjoni].”

8

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3976/87 tal‑14 ta’ Diċembru 1987 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81](3) [KE] ghal certi kategoriji ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 270), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2411/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 431) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3976/87), kien jipprevedi:

“Dan ir-Regolament ghandu japplika ghat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-[Unjoni].”

Ir-Regolament Nru 1/2003

9

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi:

“Qrati nazzjonali ħa jkollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 [KE].”

10

L-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 [KE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. […]”

11

L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, intitolat “Esklużjonijiet”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament mhux ser japplika għal:

[…]

(ċ)

trasport bl-ajru bejn ajrupoprti tal-Komunità u terzi pajjiż.”

12

L-Artikolu 43(1) u (2) tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Regolament Nru 17 hu mħassar bl-eċċeżjoni ta’ l-Artikolu 8(3) li jkompli japplika għad-deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 81(3) [KE] qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sad-data tat-tmiem ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

2.   Regolament Nru 141 hu mħassar.”

13

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1/2003 huma fformulati kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea].

Hu għandu jgħodd mil-1 May 2004 [l‑1 ta’ Mejju 2004].”

Ir-Regolament (KE) Nru 411/2004

14

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/2004 tas‑26 ta’ Frar 2004 [l]i jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f’konnessjoni ma’ trasport bl-ajru bejn [l-Unjoni] u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 17) jipprevedi:

“Ir-Regolament [Nru 3975/87] ghandu jkun irrevokat, bl-eccezzjoni ta’ l-Artikolu 6(3), li ghandu jissokta japplika ghal deciżjonijiet addottati skond l-Artikolu 81(3) [KE] qabel id-data ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 sad-data ta’ l-iskadenza ta’ dawk id-deciżjonijiet.”

15

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 411/2004:

“Fl-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 3976/87], ‘bejn ajruporti [tal-Unjoni]’ ghandha tithassar.”

16

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 411/2004 jipprevedi.

“Fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-punt (c) għandu jitħassar.”

17

L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 411/2004 huma fformulati kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa ghandu japplika mill‑1 ta’ Mejju 2004.”

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru

18

L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat fil‑21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika tal‑4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89), jipprovdi:

“Għal dan il-għan, id-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim kif ukoll fir-regolamenti u d-direttivi speċifikati fl-Anness għandhom japplikaw taħt il-kondizzjoni iddikjarati hawnhekk. […]”

19

L-anness ta’ dan il-ftehim kien ifformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim:

kulfejn l-atti speċifikati f’dan l-Anness ikun fihom referenza għall-Istati Membri tal-[Unjoni], jew il-ħtieġa ta’ konnessjoni ma’ dawn ta’ l-aħħar, ir-referenzi għandhom, għall-għan ta’ dan il-Ftehim, jinftiehmu bħala li japplikaw ugwalment għall-Isvizzera jew għall-ħtieġa ta’ konnessjoni mal-Isvizzera;

[…]

2. Regoli dwar il-kompetizzjoni

Kull referenza fit-testi li ġejjin għall-Artikoli 81 u 82 [KE] għandhom jinftiehmu li jfissru l-Artikoli 8 u 9 ta’ dan il-Ftehim.

[…]

No 3975/87

Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 1987 li jipprovdi l-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għal impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru, hekk kif emendat mir-Regolamenti (KEE) Nru 1284/91 u (KEE) Nru 2410/92 (ara hawn isfel).

(L-Artikoli 1-7, 8(1), 8(2), 9-11, 12(1), 12(2), 12(4), 12(5), 13(1), 13(2), 14-19)

[…]

No 3976/87

Regolament tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ Diċembru 1987 dwar l-applikazzjoni ta l-Artikolu 81(3) [KE] għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma fil-qasam tat-trasport bl-ajru, hekk kif emendat mir-Regolamenti (KEE) Nru 2344/90 u (KEE) Nru 2411/92 (ara hawn isfel).

(L-Artikoli 1-5, 7)

[…]”

20

Skont l-Artikolu 36(1) tiegħu u l-informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tas-seba’ ftehimiet konklużi mal-Konfederazzjoni Svizzera fis-setturi tal-moviment liberu tal-persuni, tat-trasport bl-ajru u tal-art, tal-kuntratti pubbliċi, tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tar-rikonoxximent reċiproku tal-evalwazzjoni tal-konformità u tal-kummerċ fi prodotti agrikoli (ĠU 2002, L 114, p. 480), il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2002.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tad-Deċiżjoni C(2010) 7694 finali tad‑9 ta’ Novembru 2010 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE], l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Kawża COMP/39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2010”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li 21 persuna ġuridika tas-settur tat-trasport bl-ajru kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u/jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru billi kkoordinaw il-politiki tariffarji tagħhom fil-qasam tas-servizzi tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru, f’dak li jirrigwarda l-ħlas addizzjonali għal fjuwil, il-ħlas addizzjonali għas-sigurtà u l-ħlas ta’ kummissjonijiet fuqhom, u imponiet multi fuq dawn il-persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ aġir li seħħ:

matul perijodi bejn is‑7 ta’ Diċembru 1999 u l‑14 ta’ Frar 2006, għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

matul perijodi bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑14 ta’ Frar 2006, għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE, peress li l-Kummissjoni qieset li, qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolament Nru 3975/87 ma kienx jagħtiha l-kompetenza sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE fir-rigward ta’ dawn is-servizzi;

matul perijodi bejn id‑19 ta’ Mejju 2005 u l‑14 ta’ Frar 2006, għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE iżda mhux Stati Membri, u pajjiżi terzi, peress li l-Kummissjoni qieset li, qabel id‑19 ta’ Mejju 2005, ir-Regolament Nru 1/2003 kien għadu mhux applikabbli għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE fir-rigward ta’ dawn is-servizzi;

matul perijodi bejn l‑1 ta’ Ġunju 2002 u l‑14 ta’ Frar 2006, għas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn ajruporti tal-Unjoni u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera, peress li l-Kummissjoni qieset li, qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002, ir-Regolament Nru 3975/87 kien għadu ma ġiex integrat fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

22

Permezz ta’ sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat, minħabba difett proċedurali, id-deċiżjoni tal-2010 sa fejn din kienet tikkonċerna ċerti persuni ġuridiċi li kienu s-suġġett ta’ multa.

23

Il-Kummissjoni kompliet bil-proċedura u, permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 1742 finali tas‑17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Kawża AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2017”), imponiet multi fuq 19 mill-21 persuna ġuridika msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza u li fosthom jinsabu l-konvenuti fil-kawża prinċipali.

24

SCC u Equilib, persuni ġuridiċi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u maħluqa bil-għan li jiksbu, b’mod ġudizzjarju, kumpens għad-danni li rriżultaw minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju rikorsi intiżi, essenzjalment, sabiex din tal-aħħar, minn naħa, tikkonstata li l-konvenuti fil-kawża prinċipali, billi kkoordinaw, bejn is-snin 1999 u 2006, il-politiki tariffarji tagħhom dwar is-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru, aġixxew illegalment fir-rigward tal-ispedituri tal-merkanzija li xtraw dawn is-servizzi u, min-naħa l-oħra, li tikkundanna lil dawn il-kumpanniji tal-ajru in solidum sabiex iħallsu l-kumpens sħiħ, flimkien mal-interessi, għad-dannu li dawn l-ispedituri allegatament sostnew minħabba dan l-aġir, peress li l-imsemmija spedituri fil-fatt ttrasferixxew il-krediti ta’ kumpens tagħhom marbuta ma’ dan id-dannu lil SCC u lil Equilib.

25

Il-qorti tar-rinviju tindika essenzjalment li l-kawżi prinċipali jqajmu b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE għall-aġir ipprattikat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 fuq ir-rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE, qabel id‑19 ta’ Mejju 2005 fuq ir-rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE iżda mhux Stati Membri, u pajjiżi terzi, u qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002 fuq ir-rotot bejn ajruporti tal-Unjoni u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera.

26

Quddiem il-qorti tar-rinviju, SCC u Equilib isostnu, prinċipalment, li dik il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE għal dan l-aġir, peress li, matul il-perijodu kollu tal-akkordju, din id-dispożizzjoni kellha effett orizzontali dirett. Sussidjarjament, SCC u Equilib isostnu li, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003, il-qorti tar-rinviju, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, saret b’ġurisdizzjoni sabiex tapplika b’mod retroattiv l-Artikolu 81 KE għall-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, essenzjalment, jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, billi jsostnu li l-Artikolu 81 KE ma kellux effett dirett matul il-perijodi li matulhom seħħ l-aġir ikkontestat inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li deċiżjoni minn qabel tal-Kummissjoni jew ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikoli 84 u 85 KE, dwar dan l-aġir ma teżistix f’dan il-każ. Huma jqisu li jekk jingħata effett retroattiv lill-Artikolu 81 KE, dan ikun imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u ma jkunx jista’ jiġi bbażat fuq il-kliem, l-għan jew l-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003.

28

Il-qorti tar-rinviju tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81(1) u fl-Artikolu 82 KE jistgħu, min-natura tagħhom stess, jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn individwi u li dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk joħolqu direttament drittijiet fir-rigward tal-individwi, li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu, indipendentement mill-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni.

29

B’dan il-mod, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw l-Artikolu 81(1) u l-Artikolu 82 KE f’tilwima bejn individwi tirriżulta mill-effett dirett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Din il-ġurisdizzjoni hija indipendenti mill-implimentazzjoni amministrattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif prevista fl-Artikoli 84 u 85 KE, u ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ deċiżjoni minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew tal-Kummissjoni dwar il-ftehim jew il-prattika inkwistjoni.

30

Il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex japplikaw l-Artikolu 81 KE hija limitata biss fis-sitwazzjonijiet fejn l-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE jkun għadu possibbli. Din il-limitazzjoni hija neċessarja minħabba r-riskju għaċ-ċertezza legali li timplika deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tikkonstata n-nullità ta’ ftehim li jista’, sussegwentement, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni amministrattiva, adottata skont din l-aħħar dispożizzjoni, li tikkonstata li l-Artikolu 81(1) KE ma setax jiġi applikat għalih.

31

Minn dan isegwi li qorti nazzjonali tista’ u għandha teżamina ftehimiet jew prattiki fid-dawl tal-Artikolu 81 KE meta l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE tkun ġiet deċiża. Issa, din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma talbux, matul il-perijodu tal-akkordju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew mill-Kummissjoni u li dawn il-kumpanniji ma għadhomx jistgħu jagħmlu dan, peress li r-Regolament Nru 1/2003 ma jipprevedix din il-possibbiltà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward ta’ dan l-aġir, ma għadx hemm riskju li deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tikkontradixxi deċiżjoni amministrattiva.

32

Il-qorti tar-rinviju tqis, għalhekk, li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, a posteriori, fuq l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, jekk jitqies il-kuntrarju dan ikollu bħala konsegwenza li ebda awtorità ma tkun tista’ tevalwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għal dan l-aġir, li jkun jippremja n-“nuqqas ta’ żvelar” ta’ aġir simili.

33

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tgħid li, fid-deċiżjoni tagħha tal‑4 ta’ Ottubru 2017, ([2017] EWHC 2420 (Ch)), li hija kkonfermata mill-Court of Appeal (England and Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit], il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit), f’deċiżjoni dwar rikors intiż għall-kumpens għad-dannu li rriżulta mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qieset li, fl-assenza ta’ deċiżjoni mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew mill-Kummissjoni li tikkonstata ksur, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors f’dak li jirrigwarda l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’din is-sitwazzjoni, huwa neċessarju, bl-għan li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, li ssir talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’tilwima bejn partijiet leżi (f’dan il-każ, l-ispedituri, riċevituri ta’ servizzi ta’ merkanzija bl-ajru) u kumpanniji tal-ajru, il-qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni – minħabba l-effett dirett tal-Artikolu 101 TFUE, jew mill-inqas tal-Artikolu 53 ŻEE, jew abbażi (l-effett immedjat tal-)Artikolu 6 tar-Regolament 1/2003 – sabiex tapplika b’mod sħiħ l-Artikolu 101 TFUE, jew mill-inqas l-Artikolu 53 ŻEE, fir-rigward tal-ftehimiet/prattiki miftiehma ta’ kumpanniji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi ta’ merkanzija fuq titjiriet operati qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 fuq rotot bejn ajruporti fl-Unjoni Ewropea u ajruporti barra ż-ŻEE, jew, qabel id‑19 ta’ Mejju 2005, fuq rotot bejn l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u ajruporti barra ż-ŻEE, jew, fuq titjiriet operati qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002, bejn ajruporti fl-Unjoni u l-Isvizzera, ukoll għall-perijodu li fih kienet tapplika s-sistema tranżitorja tal-Artikoli 104 u 105 TFUE, jew is-sistema tranżitorja tipprekludi dan?”

Fuq id-domanda preliminari

35

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 81, 84 u 85 KE kif ukoll l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, f’tilwima rregolata mid-dritt privat dwar azzjoni għad-danni li hija adita biha wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn Stat Membru u pajjiż terz ieħor minbarra l-Isvizzera li seħħ qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn Stat Membru u l-Isvizzera li seħħ qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002 u għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn pajjiż taż-ŻEE li ma huwiex Stat Membru u pajjiż terz li seħħ qabel id‑19 ta’ Mejju 2005, minkejja li l-ebda deċiżjoni skont l-Artikolu 84 KE jew l-Artikolu 85 KE ma tkun ġiet adottata rispettivament mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda dan l-aġir.

36

F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 87 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 83(1) KE), ir-regolamenti jew direttivi utli għall-applikazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 81 u 82 KE huma stabbiliti mill-Kunsill, li jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

37

Bis-saħħa ta’ din il-kompetenza, il-Kunsill, qabel kollox, adotta r-Regolament Nru 17 imbagħad neħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 141, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jaffettwaw direttament is-suq tas-servizzi ta’ trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 18, kif ukoll tal‑1 ta’ Frar 2018, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑264/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:60, punti 25 sa 29).

38

Sussegwentement, għalkemm il-Kunsill stabbilixxa, bl-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 3975/87 u 3976/87, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KEE (li saru l-Artikoli 81 u 82 KE) għall-attivitajiet li jikkonċernaw direttament il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, dawn ir-regolamenti kienu japplikaw biss għat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 11).

39

Fl-aħħar nett, il-Kunsill adotta, minn naħa, ir-Regolament Nru 1/2003, li l-Artikolu 43 tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 45 tiegħu, ħassar parzjalment ir-Regolament Nru 17 u totalment ir-Regolament Nru 141 b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2004, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 411/2004, li l-Artikolu 1 tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu, ħassar parzjalment ir-Regolament Nru 3975/87 b’effett minn din l-istess data u li l-Artikoli 2 u 3 tiegħu, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu, kellhom l-effett li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni, rispettivament, tar-Regolament Nru 3976/87 u tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi b’effett mill-imsemmija data.

40

Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jaffettwaw direttament is-suq tas-servizzi tat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi, id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 83(1) KE daħlu fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Mejju 2004.

41

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet, għal dawn is-servizzi kienu applikabbli biss is-sistemi ta’ implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 84 u 85 KE qabel din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1986, Asjes et, 209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188, punt 52, kif ukoll tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 21).

42

F’dan il-każ, sa fejn l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali li seħħ bejn is-sena 1999 u l‑1 ta’ Mejju 2004 kien jirrigwarda direttament is-servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi u seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan l-aġir ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 83 KE iżda biss taħt is-sistemi ta’ implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 84 u 85 KE.

43

L-istess jgħodd għall-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali li seħħ bejn is-sena 1999 u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, jiġifieri l‑1 ta’ Ġunju 2002, sa fejn dan kien jirrigwarda direttament is-servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Unjoni u dawk tal-Isvizzera u seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 1(2) ta’ dan il-ftehim u tal-anness tiegħu, huwa wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim fid-data ċċitata iktar ’il fuq li l-ajruporti li jinsabu fit-territorju Svizzeru ġew ikkunsidrati bħala “ajruporti tal-[Unjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 3975/87 u tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3976/87, u mhux iktar bħala ajruporti ta’ pajjiżi terzi.

44

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fis-seduta, essenzjalment, li s-settur tat-trasport bl-ajru baqa’ eskluż mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, fl‑1 ta’ Mejju 2004. Dawn il-partijiet u l-Kummissjoni sostnew ukoll li, taħt l-Artikoli 84 u 85 KE, l-Artikolu 81(1) KE ma kienx jipproduċi, fi kwalunkwe każ, effett dirett, peress li l-qrati nazzjonali ma setgħux japplikaw din l-aħħar dispożizzjoni fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, billi fl-Artikolu 6 tiegħu huwa jipprevedi li l-qrati nazzjonali setgħu minn dakinhar ’il quddiem japplikaw b’mod sħiħ l-Artikoli 81 u 82 KE, ir-Regolament Nru 1/2003 stabbilixxa sistema ġdida ta’ dritt sostantiv, li ma tistax tiġi applikata b’mod retroattiv għal aġir li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u taħt l-Artikoli 84 u 85 KE.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-trasport bl-ajru, bl-istess mod bħall-mezzi l-oħra ta’ trasport, kien suġġett għar-regoli ġenerali tat-Trattati, inklużi dawk fil-qasam tal-kompetizzjoni, mid-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 1986, Asjes et, 209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188, punti 35 sa 45).

46

Barra minn hekk, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 sa 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill ma għamilx użu mill-kompetenza tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 83(2)(ċ) KE sabiex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 81 KE fis-settur tat-trasport bl-ajru.

47

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fl-istess waqt li joħloq obbligi għall-individwi, id-dritt tal-Unjoni huwa wkoll intiż sabiex joħloq drittijiet li jsiru parti mill-patrimonju ġuridiku tagħhom. Dawn id-drittijiet jinħolqu mhux biss meta dawn jingħataw b’mod espliċitu mit-Trattati, iżda wkoll minħabba obbligi li dawn it-trattati jimponu b’mod ċar kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 19, kif ukoll tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 20).

48

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 81(1) KE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi, li għandhom jitħarsu mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis Gesellschaft et, C‑435/18, EU:C:2019:1069, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-fatt, kwalunkwe persuna tista’ tinvoka quddiem qorti ksur tal-Artikolu 81(1) KE u, għaldaqstant, issostni n-nullità ta’ akkordju jew ta’ prattika pprojbiti minn din id-dispożizzjoni, kif previst fl-Artikolu 81(2)(KE) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 59), kif ukoll titlob kumpens għad-dannu subit meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u dan l-akkordju jew din il-prattika (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis Gesellschaft et, C‑435/18, EU:C:2019:1069, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn l-azzjonijiet jiżguraw l-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 81 KE, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tiegħu, u b’hekk isaħħu n-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, peress li huma ta’ natura li jiskoraġġixxu l-ftehim jew il-prattiki, ta’ spiss moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 25, 43 u 44; tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis Gesellschaft et, C‑435/18, EU:C:2019:1069, punti 22, 24 u 26, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punti 33 u 35).

51

B’hekk, il-qrati nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sabiex japplikaw l-Artikolu 81 KE b’mod partikolari f’tilwim irregolat mid-dritt privat, u din il-ġurisdizzjoni tirriżulta mill-effett dirett ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:6, punt 15).

52

Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali, inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiżguraw mhux biss l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli, iżda wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet li huma jagħtu lill-individwi (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Huwa l-kompitu ta’ dawn il-qrati li jiżguraw il-protezzjoni legali li tirriżulta, għall-individwi, mill-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5).

53

It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza ma hijiex affettwata mill-applikazzjoni tal-Artikoli 84 u 85 KE, peress li ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li jikkonċernaw l-implimentazzjoni amministrattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni rispettivament mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni, ma tillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE mill-qrati nazzjonali, b’mod partikolari, f’tilwim irregolat mid-dritt privat.

54

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 45 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma jistax jiġi kkunsidrat li, billi ppreveda, fl-Artikolu 6 tiegħu, li l-qrati nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sabiex japplikaw l-Artikoli 81 u 82 KE, ir-Regolament Nru 1/2003 stabbilixxa sistema ġdida ta’ dritt sostantiv applikabbli għas-setturi tal-ekonomija li fihom ma kinux jeżistu, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 83 KE. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 6 sempliċement jirrepeti l-ġurisdizzjoni li għandhom dawn il-qrati bis-saħħa tal-effett dirett tal-Artikoli 81 u 82 KE.

55

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija b’dan il-mod lill-qrati nazzjonali jista’ jkun limitat, b’mod partikolari, mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari min-neċessità li jiġi evitat li dawn il-qrati u l-entitajiet inkarigati bl-implimentazzjoni amministrattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jagħtu deċiżjonijiet kontradittorji, kif ukoll min-neċessità li jiġu ppreżervati l-kompetenzi deċiżjonali jew leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkarigati bl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli, b’mod partikolari tal-Artikolu 81(3) KE, u li jiżguraw l-effett vinkolanti tal-atti tagħhom.

56

Huwa fid-dawl ta’ tali kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-qrati nazzjonali, meta jiddikjaraw ruħhom dwar ftehimiet jew prattiki li jkunu għadhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 82 KE kif ukoll tal-Artikolu 81(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, EU:C:1991:91, punt 47, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 51), u li, a fortiori, meta jiddikjaraw ruħhom fuq ftehimiet jew prattiki li diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra din (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 52).

57

Din il-ġurisprudenza hija, barra minn hekk, dan iż-żmien ikkodifikata fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 50, kif ukoll tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il-Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 112).

58

Madankollu, peress li l-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat kemm fid-deċiżjoni tagħha tal-2010 kif ukoll f’dik tal-2017 li hija ma kinitx kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 81(1) KE għall-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw l-eżistenza ta’ riskju li l-qorti tar-rinviju tieħu, f’dan il-każ, deċiżjoni li tmur kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni jew prevista fi proċedura mibdija minnha, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

59

Il-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza wasslu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jikkonstataw in-nullità ipso jure, skont l-Artikolu 81(2) KE, ta’ ċerti ftehimiet u deċiżjonijiet f’sitwazzjoni li fiha dawn il-ftehimiet u deċiżjonijiet kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 83(1) KE li saru sussegwentement applikabbli għalihom.

60

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehimiet li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 17 u li ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kienu jibbenefikaw minn validità provviżorja li jfisser li l-qrati nazzjonali ma setgħux, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri meħuda skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, jikkonstataw in-nullità ipso jure, skont l-Artikolu 81(2) KE, ta’ dawn il-ftehimiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 1962, de Geus, 13/61, EU:C:1962:11, p. 105; tas‑6 ta’ Frar 1973, Brasserie de Haecht, 48/72, EU:C:1973:11, punti 8 u 9; tal‑10 ta’ Lulju 1980, Lancôme u Cosparfrance Nederland, 99/79, EU:C:1980:193, punt 16, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, EU:C:1991:91, punt 48).

61

Għandu jiġi enfasizzat li din il-validità provviżorja kienet neċessarja minħabba l-fatt li l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 17, moqrija flimkien, kienu jipprevedu l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddikjara b’mod retroattiv l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 81(1) KE) inapplikabbli għall-imsemmija ftehimiet, skont l-Artikolu 85(3) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 81(3) KE), u li kien ikun kuntrarju għall-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li dawn l-istess ftehimiet jitqiesu nulli ipso jure qabel ma kien possibbli li jsir magħruf jekk l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE kienx applikabbli għalihom jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 1962, de Geus, 13/61, EU:C:1962:11, p. 104).

62

Madankollu, f’dan il-każ, kunsiderazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza ma jeħtiġux li tiġi limitata, b’mod analogu għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li japplikaw l-Artikolu 81 KE għall-aġir ta’ impriżi li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 u taħt l-Artikoli 84 u 85 KE, bla ħsara, jekk ikun il-każ, għar-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli.

63

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1/2003, li sar applikabbli għas-settur li fih seħħ l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jinkludix dispożizzjoni li tippermetti approvazzjoni retroattiva tal-ftehimiet jew tal-prattiki eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 34(1) tiegħu jipprovdi li n-notifiki ta’ ftehimiet magħmula lill-Kummissjoni, b’applikazzjoni b’mod partikolari tar-Regolament Nru 17, huma nulli mill‑1 ta’ Mejju 2004. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti fil-kawża prinċipali, fi kwalunkwe każ, ma kinux wettqu notifika dwar l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jiddikjaraw in-nullità ta’ ċerti ftehimiet qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 83(1) KE li kellhom isiru applikabbli għalihom. B’dan il-mod, fis-sentenzi tat‑30 ta’ April 1986, Asjes et (209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188, punt 68), u tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, EU:C:1989:140, punt 20), li għalihom jirreferu l-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li, sad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni msemmija fl-Artikolu 83(1) KE, il-qrati nazzjonali ma setgħux jikkonstataw, fuq inizjattiva tagħhom stess, l-inkompatibbiltà ta’ ftehim jew ta’ prattika, mal-Artikolu 81(1) KE u setgħu jiddikjaraw in-nullità ipso jure, skont l-Artikolu 81(2) KE, biss fir-rigward tal-ftehimiet u tal-prattiki kkunsidrati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, abbażi tal-Artikolu 84 KE, li jaqgħu taħt l-Artikolu 81(1) KE u li ma jistgħux jiġu eżentati mill-projbizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE, jew dawk li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tkun ikkonstatat ksur previst taħt l-Artikolu 85(2) KE.

65

Madankollu, mill-punti 20 u 32 tas-sentenza tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, EU:C:1989:140), jirriżulta li din il-limitazzjoni tal-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li japplikaw l-Artikolu 81 KE kienet iġġustifikata biss min-neċessità li tiġi ppreżervata s-setgħa tal-istituzzjonijiet li kellhom jiġu ddikjarati kompetenti, skont ir-regoli ta’ applikazzjoni li kellhom jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 83 KE, sabiex ifasslu l-politika tal-kompetizzjoni billi jagħtu jew jirrifjutaw li jagħtu eżenzjonijiet skont l-Artikolu 81(3) KE. Fil-fatt, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, għadu ma eżerċitax il-kompetenza li huwa għandu taħt l-Artikolu 83 KE u taħt l-Artikolu 85(3) KE fir-rigward tas-settur tas-servizzi tat-trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi, l-adozzjoni ta’ sistema ta’ dikjarazzjoni retroattiva tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE għal ċerti ftehimiet, skont l-Artikolu 81(3) KE, simili għal dik stabbilita permezz tar-Regolament Nru 17, ma setgħetx tiġi eskluża.

66

Issa, b’mod differenti mill-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li tirrigwarda l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jiddikjaraw in-nullità ta’ ċerti ftehimiet qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 83(1)KE li kellhom isiru applikabbli għalihom, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-eżami, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 81(1) KE tal-aġir li seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u taħt l-Artikoli 84 u 85 KE. B’dan il-mod, fil-mument tal-preżentata tar-rikorsi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament u tar-Regolament Nru 411/2004, kien diġà eżerċita l-kompetenza tiegħu msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza fir-rigward tas-settur tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Unjoni u dawk ta’ pajjiżi terzi, b’tali mod li ma jistax ikun hemm ġustifikazzjoni sabiex tiġi limitata l-possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tapplika l-Artikolu 81(1) KE għall-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li ebda deċiżjoni skont l-Artikoli 84 jew 85 KE ma ġiet adottata fir-rigward ta’ dan l-aġir ma jipprekludix lil dik il-qorti milli tapplika l-Artikolu 81 KE għall-imsemmi aġir sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan l-aħħar artikolu u, jekk ikun il-każ, tordna l-kumpens għad-dannu li jirriżulta minnu.

68

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jipprojbixxi, fl-istess termini bħal dawk tal-Artikolu 81 KE, il-ftehimiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti f’dan il-ftehim u li għandhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE.

69

Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li l-Ftehim ŻEE huwa parti integrali mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 49).

70

Dan il-ftehim jafferma mill-ġdid ir-relazzjonijiet privileġġati, ibbażati fuq il-prossimità tagħhom, il-valuri komuni tagħhom għal żmien twil u l-identità Ewropea tagħhom, li jorbtu lill-Unjoni, lill-Istati Membri tagħha u lill-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA). Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-relazzjonijiet privileġġati li għandu jinftiehem wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE, jiġifieri dak li s-suq intern maħluq fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA. F’dan id-dawl, diversi stipulazzjonijiet f’dan il-ftehim huma intiżi li jiggarantixxu interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi ta’ dan il-ftehim fiż-ŻEE kollha. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-kuntest, li għandha tiżgura li r-regoli tal-Ftehim ŻEE identiċi essenzjalment għal dawk tat-Trattat FUE jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Minn dan isegwi li, peress li l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 81 KE, huwa għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan tal-aħħar.

72

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament Nru 411/2004 saru applikabbli fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE wara d-dħul fis-seħħ, fid‑19 ta’ Mejju 2005, tad-Deċiżjoni Nru 130/2004 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tal‑24 ta’ Settembru 2004 li temenda l-Anness XIV (Kompetizzjoni), il-Protokoll 21 (dwar l-Implimentazzjoni ta’ Regoli tal-Kompetizzjoni Applikabbli għal Impriżi) u l-Protokoll 23 (dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2005, L 64, p. 57), u tad-Deċiżjoni Nru 40/2005 tal-Kumitat Konġunt tal‑11 ta’ Marzu 2005 li temenda l-Anness XIII (Trasport) u l-Protokoll 21 (dwar l-Implimentazzjoni ta’ Regoli tal-Kompetizzjoni Applikabbli għal Impriżi) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2005, L 198, p. 38).

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 47 sa 67 ta’ din is-sentenza japplikaw mutatis mutandis għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 ta’ dan il-ftehim fil-kawżi prinċipali.

74

F’dan ir-rigward, kif osservaw, essenzjalment, il-Gvern Norveġiż u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 84 KE fil-Ftehim ŻEE ma tistax tqiegħed f’dubju din il-konklużjoni, peress li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-ġurisdizzjoni li għandhom il-qrati nazzjonali bis-saħħa tal-effett dirett tal-Artikolu 81 KE.

75

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 81, 84 u 85 KE kif ukoll l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, f’tilwima rregolata mid-dritt privat dwar azzjoni għal danni li hija tiġi adita biha wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn Stat Membru u pajjiż terz ieħor minbarra l-Isvizzera li seħħ qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn Stat Membru u l-Isvizzera li seħħ qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002 u għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn pajjiż taż-ŻEE li ma huwiex Stat Membru u pajjiż terz li seħħ qabel id‑19 ta’ Mejju 2005, minkejja li l-ebda deċiżjoni skont l-Artikolu 84 KE jew l-Artikolu 85 KE ma tkun ġiet adottata f’dak li jirrigwarda dan l-aġir, sa fejn l-imsemmi aġir seta’ jaffettwa rispettivament l-kummerċ bejn Stati Membri u l-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 81, 84 u 85 KE kif ukoll l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea f’tilwima rregolata mid-dritt privat dwar azzjoni għal danni li hija tiġi adita biha wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE], għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn Stat Membru u pajjiż terz ieħor minbarra l-Isvizzera li seħħ qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn Stat Membru u l-Isvizzera li seħħ qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002 u għall-aġir ta’ impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru bejn pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea li ma huwiex Stat Membru u pajjiż terz li seħħ qabel id‑19 ta’ Mejju 2005, minkejja li l-ebda deċiżjoni skont l-Artikolu 84 KE jew l-Artikolu 85 KE ma tkun ġiet adottata f’dak li jirrigwarda dan l-aġir, sa fejn l-imsemmi aġir seta’ jaffettwa rispettivament il-kummerċ bejn Stati Membri u l-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.