SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Regoli u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri mar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Artikolu 5(a), Artikolu 6(1) u (4), Artikolu 8(1) u Artikolu 10 – Deċiżjoni ta’ ritorn meħuda kontra minuri mhux akkumpanjat – L-aħjar interessi tat-tfal – Obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jiżgura ruħu, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li dan il-minuri jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn – Distinzjoni unikament skont il-kriterju tal-età tal-minuri sabiex jingħata dritt ta’ residenza – Deċiżjoni ta’ ritorn mhux segwita minn miżuri ta’ tneħħija”

Fil-Kawża C‑441/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti fi ’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

TQ

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal TQ, minn J. A. Pieters, advocaat,

–

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul u P. Cottin, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 21 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 5(a), tal-Artikolu 6(1) u (4), tal-Artikolu 8(1) u tal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), kif ukoll tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95/UE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TQ, minuri mhux akkumpanjat ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li tordna lil dan il-minuri jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/115

3

Skont il-premessi 2, 4, 22 u 24 tad-Direttiva 2008/115:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta' ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b'mod tajjeb.

[...]

(22)

F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-1989, ‘l-aħjar interessi tat-tfal’ għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva. F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], ir-rispett għall-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva.

[...]

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jiddikjara:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)], jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament Nru 562/2006] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[...]

(5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[...]

(9)

‘persuni vulnerabbli’ tfisser minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri waħedhom bi tfal minuri u persuni li ġew soġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħrajn ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.”

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, huwa redatt kif ġej:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

8

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[...]

4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.”

9

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva intitolat “Tneħħija”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.”

10

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Ritorn u tneħħija ta’ minuri mhux akkumpanjati”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Qabel jiġi deċiż li jinħarġu deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjati, għandha tingħata assistenza minn korpi xierqa oħra apparti l-awtoritajiet li jinfurzaw it-tneħħija b’konsiderazzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal.

2.   Qabel ma jneħħu minuri mhux akkumpanjat mit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru għandhom ikunu sodisfatti li dan jew din ser jirritorna jew tirritorna għand membru tal-familja tiegħu jew tagħha, għand persuna maħtura b’responsabbiltà ta’ ġenitur jew f’faċilitazzjonijiet ta’ lqugħ [faċilitajiet ta’ akkoljenza] adegwati fl-istat tar-ritorn.”

Id-Direttiva 2011/95

11

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Skop”, jiddikjara:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

12

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(f)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f'dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[...]”

13

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, dwar il-kundizzjonijiet tal-protezzjoni sussidjarja u intitolat “Dannu serju”, jipprovdi:

“Dannu serju jikkonsisti minn:

(a)

piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)

tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

(c)

theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

Id-Direttiva 2013/33/UE

14

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), jiddikjara:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali [...] fl-Istati Membri.”

15

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(d)

‘minorenni’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta’ 18‑il sena;

[...]”

Id-dritt Olandiż

16

L-Artikolu 8(a), (f), (h) u (j) tal-wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (il-Liġi li Twettaq Reviżjoni Ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2000”), jiddikjara:

“Barrani għandu d-dritt jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

(a)

jekk ikun fil-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat kif imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi;

[...]

(f)

fl-istennija tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ħruġ [ta’ permess ta’ residenza temporanja (ażil)], meta, konformement ma’ din il-liġi jew ma’ dispożizzjoni adottata bis-saħħa tagħha jew inkella ma’ deċiżjoni ġudizzjarja, ikun meħtieġ li l-barrani ma jitwassalx sal-fruntiera sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

[...]

(h)

fl-istennija tad-deċiżjoni dwar ilment jew rikors, meta, konformement ma’ din il-liġi jew ma’ dispożizzjoni adottata bis-saħħa tagħha jew inkella ma’ deċiżjoni ġudizzjarja, ikun meħtieġ li l-barrani ma jitwassalx sal-fruntiera sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-ilment jew ir-rikors;

[...]

(j)

jekk ikun hemm ostakoli għat-tneħħija fis-sens tal-Artikolu 64;

[...]”

17

L-Artikolu 14(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-Ministru inkwistjoni għandu l-kompetenza biex:

(a)

jilqa’, jiċħad jew ma jikkunsidrax mingħajr ma jeżamina l-applikazzjoni għal għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien limitat;

[...]

(e)

joħroġ ex officio permess ta’ residenza għal żmien limitat jew jestendi t-terminu ta’ validità tiegħu.”

18

L-Artikolu 64 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“It-tneħħija tiġi posposta sakemm l-istat ta’ saħħa tal-barrani jew ta’ membru tal-familja tiegħu ma jippermettix li wieħed jivvjaġġa.”

19

L-Artikolu 3.6a tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tal-2000 dwar il-Barranin) tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 497), jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-ażil għal żmien limitat, permess ta’ residenza regolari jista’ madankollu jingħata ex officio għal żmien limitat:

(a)

liċ-ċittadin barrani li t-tneħħija tiegħu tmur kontra l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;

(b)

fil-kuntest ta’ restrizzjoni marbuta ma’ raġunijiet umanitarji temporanji, għall-barrani li huwa l-vittma dikjaranti, il-vittma jew ix-xhud dikjaranti ta’ traffikar tal-bnedmin, kif imsemmi fl-Artikolu 3.48(1)(a), (b) jew (c).

[...]

4.   Il-permess ta’ residenza jingħata fuq il-bażi tal-ewwel raġuni applikabbli msemmija fil-paragrafu 1.

[...]”

20

Skont il-paragrafu B8/6 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar il-Barranin):

“[...]

Il-permess ta’ residenza regolari għal żmien limitat jista’ jingħata ex officio mingħajr eżami ieħor jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

–

il-barrani jkollu inqas minn 15‑il sena fil-mument tal-ewwel applikazzjoni għal residenza;

–

il-barrani għamel dikjarazzjonijiet kredibbli dwar l-identità tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, il-ġenituri tiegħu u membri oħra tal-familja tiegħu;

–

mid-dikjarazzjonijiet tal-barrani jirriżulta li ma jeżisti ebda membru tal-familja tiegħu jew persuna oħra li tista’ toffrilu akkoljenza adegwata u li għandha jkun possibbli r-ritorn tiegħu;

–

matul il-proċedura, il-barrani ma ostakolax l-investigazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ akkoljenza fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor;

–

huwa magħruf li, b’mod ġenerali, akkoljenza adegwata ma hijiex disponibbli u huwa preżunt li tali akkoljenza ma hijiex ser tkun disponibbli fil-futur qarib, fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor li fih il-barrani jkun jista’ raġonevolment jirritorna. F’tali sitwazzjoni, huwa preżunt li d-Dienst Terugkeer en Vertrek (id-Dipartiment tar-Ritorn u tat-Tluq tal-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) ma jkunx jista’ jsib forma ta’ akkoljenza adegwata fit-terminu ta’ tliet snin.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

TQ, minuri mhux akkumpanjat, daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi f’data indeterminata u fit‑30 ta’ Ġunju 2017 ressaq applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal żmien limitat taħt id-dritt għal ażil fuq il-bażi tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi tal-2000.

22

Fil-kuntest ta’ din it-talba, TQ indika li twieled fl‑14 ta’ Frar 2002, fil-Ginea. Minn età żgħira ħafna kien mar jgħix fi Sierra Leone flimkien ma’ zitu. Wara l-mewt ta’ zitu, TQ daħal f’kuntatt ma’ raġel li kien ġej min-Niġerja, li wasslu fl-Ewropa. F’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), huwa kien vittma ta’ traffikar ta’ bnedmin u ta’ sfruttament sesswali fejn b’riżultat ta’ dan huwa attwalment qiegħed isofri minn problemi psikoloġiċi serji.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2018, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda ex officio li TQ, li dak iż-żmien kellu 16‑il sena u xahar, ma setax jibbenefika minn permess ta’ residenza għal żmien limitat. Din id-deċiżjoni awtorizzat il-posponiment provviżorju tad-deportazzjoni ta’ TQ, fuq il-bażi tal-Artikolu 64 tal-Liġi tal-2000, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur jew għal perijodu iqsar fil-każ ta’ deċiżjoni ex officio, sakemm isir l-eżami mediku mill-Bureau Medische Advisering (l-Uffiċċju ta’ Konsulenza Medika, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jiġi vverifikat jekk l-istat ta’ saħħa ta’ TQ kienx jippermetti t-tneħħija tiegħu.

24

Fis‑16 ta’ April 2018, TQ ippreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag sedenti f’’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi).

25

Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2018, is-Segretarju tal-Istat iddikjara li ebda posponiment ta’ deportazzjoni għal raġunijiet mediċi ma kien ingħata lil TQ, u impona fuq dan tal-aħħar obbligu ta’ tluq f’terminu ta’ erba’ ġimgħat. TQ ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni li ġie miċħud mis-Segretarju tal-Istat permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2019.

26

Quddiem il-qorti tar-rinviju, TQ isostni li huwa ma jafx fejn jirrisjedu l-ġenituri tiegħu u li lanqas ma jkun jista’ jagħrafhom la jirritorna. Huwa ma jaf lil ebda membru ieħor tal-familja tiegħu u lanqas jaf jekk tali membri jeżistux. Huwa ma jistax jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu peress li ma trabbiex hemm, ma jaf lil ħadd hemmhekk u ma jitkellimx il-lingwa ta’ dak il-pajjiż. TQ iddikjara li huwa kien jikkunsidra bħala l-familja tiegħu lill-familja ta’ akkoljenza li għandha kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

27

Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li d-Dipartiment tar-Ritorn u tat-Tluq wettaq regolarment intervisti ma’ TQ sabiex jippreparah jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, liema fatt wassal għal żieda fil-problemi psikjatriċi li minnhom issofri l-persuna kkonċernata.

28

Skont dik il-qorti, il-Liġi tal‑2000 tipprevedi li, waqt l-eżami tal-ewwel applikazzjoni għal ażil, għandu jiġi eżaminat ex officio jekk, fil-każ fejn il-barrani ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja, għandux jingħatalu permess ta’ residenza għal żmien limitat. Din il-liġi tipprovdi wkoll li d-deċiżjoni li permezz tagħha tiġi miċħuda applikazzjoni għal ażil hija ekwivalenti għal deċiżjoni ta’ ritorn.

29

Il-qorti tar-rinviju żżid li, għall-minuri mhux akkumpanjati li jkollhom inqas minn 15‑il sena fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni għal ażil, iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar il-Barranin tipprevedi, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni, l-obbligu li titwettaq investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn. Fl-assenza ta’ tali akkoljenza adegwata, il-minuri mhux akkumpanjat ta’ inqas minn 15‑il sena jingħata permess ta’ residenza ordinarju.

30

Min-naħa l-oħra, meta l-minuri mhux akkumpanjat ikollu mill-inqas 15‑il sena fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, l-investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 sabiex jiġi żgurat li ser jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn, ma għandhiex issir qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

31

Is-Segretarju tal-Istat jidher li kien qiegħed jistenna li tali applikant għall-ażil jilħaq l-età ta’ 18‑il sena u għalhekk ikun legalment maġġuri, bil-konsegwenza li din l-investigazzjoni ma tkunx għadha meħtieġa. Matul il-perijodu bejn l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu u l-kisba tal-età maġġuri tiegħu, ir-residenza ta’ minuri mhux akkumpanjat ta’ mill-inqas 15‑il sena tkun għalhekk, fil-Pajjiżi l-Baxxi, irregolari iżda ttollerata.

32

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li TQ la jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat u lanqas għall-protezzjoni sussidjarja. Fir-rigward tal-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien limitat, dik il-qorti tindika li TQ kellu 15‑il sena u erba’ xhur meta ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal ażil. Peress li ma ngħatalux dritt ta’ residenza għal żmien limitat, huwa għandu l-obbligu li jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi anki jekk ma tkun saret ebda investigazzjoni sabiex tiġi żgurata l-eżistenza, fil-pajjiż ta’ ritorn, ta’ akkoljenza adegwata.

33

Il-Qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni Olandiża bejn il-minuri mhux akkumpanjati ta’ iktar minn 15‑il sena u dawk ta’ inqas minn 15‑il sena. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirreferi għall-kunċett ta’ “l-aħjar interessi tat-tfal”, imsemmi fl-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115 u fl-Artikolu 24 tal-Karta.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’’s-Hertogenbosch), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva [2008/115], moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 24 tal-[Karta], il-premessa 22 u l-Artikolu 5(a), tad-Direttiva [2008/115], kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva [2011/95], għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru, qabel ma jimponi obbligu ta’ ritorn fuq minuri mhux akkumpanjat, għandu jiżgura ruħu – u jwettaq investigazzjoni għal dan il-għan – li f’kull każ, il-pajjiż ta’ oriġini joffri fil-prinċipju faċilità ta’ akkoljenza adegwata u li hija disponibbli?

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2008/115], moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma huwiex awtorizzat jagħmel distinzjoni abbażi tal-età, sabiex jawtorizza r-residenza legali fit-territorju tiegħu, meta jkun stabbilit li minuri mhux akkumpanjat ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ refuġjat jew għal protezzjoni sussidjarja?

3)

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva [2008/115] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta minuri mhux akkumpanjat ma jikkonformax mal-obbligu ta’ ritorn, u l-Istat Membru ma jiħux, u ma huwa ser jieħu, l-ebda miżura konkreta ta’ tneħħija, l-obbligu ta’ ritorn għandu jiġi sospiż u, għaldaqstant, għandha tiġi awtorizzata r-residenza legali? L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2008/115] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies li huwa kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-prinċipju ta’ lealtà [...] li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn kontra minuri mhux akkumpanjat, mingħajr mbagħad ma jittieħdu miżuri ta’ tneħħija sakemm il-minuri mhux akkumpanjat jilħaq l-età ta’ tmintax‑il sena?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

36

Fis‑27 ta’ Ġunju 2019, l-Ewwel Awla ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

37

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura ruħu mid-disponibbiltà ta’ akkoljenza adegwata għal dan il-minuri fl-Istat ta’ ritorn.

38

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/115 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “minuri”. Madankollu, l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2013/33, jiddefinixxi lil minur bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta’ 18‑il sena”. Fid-dawl ta’ applikazzjoni koerenti u uniformi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni, għandha tinżamm l-istess definizzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115.

39

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda minuri mhux akkumpanjat li għalih l-Istat Membru kkonċernat qies li huwa ma setax jitlob l-istatus ta’ refuġjat jew il-protezzjoni sussidjarja, u li għalih huwa ddeċieda li ma jagħtix dritt ta’ residenza għal żmien limitat.

40

Ċittadin ta’ pajjiż terz f’tali sitwazzjoni jaqa’, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, u bla ħsara għas-subparagrafu 2 ta’ dan l-artikolu, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għalhekk, bħala prinċipju, huwa suġġett għar-regoli u għall-proċeduri komuni previsti minnha għat-tneħħija tiegħu u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, jekk ikun il-każ, ġiet irregolarizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et, C‑444/17, EU:C:2019:220, punt 39).

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom jagħtu deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu.

42

Barra minn hekk, din id-direttiva tinkludi regoli speċifiċi applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ persuni, fosthom il-minuri mhux akkumpanjati, li, kif jirriżulta mill-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “persuni vulnerabbli”.

43

F’dan is-sens, l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 22 ta’ din id-direttiva, jiddikjara li, meta jimplimentaw l-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom debitament jieħdu inkunsiderazzjoni l-“aħjar interessi tat-tfal”. Minuri mhux akkumpanjat ma jistax għalhekk jiġi ttrattat sistematikament bħala adult.

44

L-imsemmi Artikolu 5(a) għandu l-effett li, meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat, skont id-Direttiva 2008/115, huwa għandu, fl-istadji kollha tal-proċedura, neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal.

45

L-Artikolu 24(2) tal-Karta jindika li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, tafferma n-natura fundamentali tad-drittijiet tal-minuri, inkluż fil-kuntest tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fi Stat Membru.

46

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija biss evalwazzjoni ġenerali u fil-fond tas-sitwazzjoni tal-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni li tippermetti li jiġi identifikat l-“aħjar interessi tat-tfal” u li tittieħed deċiżjoni konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115.

47

Konsegwentement, l-Istat Membru kkonċernat għandu debitament jieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi bil-ħsieb li jiddeċiedi jekk jadottax jew le deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat, b’mod partikolari, l-età, is-sess, il-vulnerabbiltà partikolari, l-istat ta’ saħħa fiżika u mentali, it-tqegħid f’familja ospitanti, il-livell ta’ tagħlim u l-ambjent soċjali ta’ dan il-minuri.

48

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/115 jiddikjara li, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat, għandha tingħata assistenza minn organi oħra kompetenti minbarra l-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tar-ritorn billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal. L-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, qabel ma jitneħħa minuri mhux akkumpanjat mit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru għandhom jiżguraw li dan jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn.

49

Għalhekk dan l-artikolu jistabbilixxi distinzjoni bejn l-obbligi li għandu l-Istat Membru “[q]abel [ma] jiġi deċiż li jinħarġu deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjati” jew “[q]abel ma jneħħu [tali minuri] mit-territorju ta’ Stat Membru”.

50

Minn dan, il-Gvern Olandiż jiddeduċi li l-Istat Membru kkonċernat għandu d-dritt jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat mingħajr ma jkollu jiżgura, minn qabel, li dan ser jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn. L-obbligu li ssir tali investigazzjoni jseħħ biss fl-istadju tat-tneħħija mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

51

Madankollu, l-eżistenza ta’ tali obbligu ma teżentax lill-Istat Membru kkonċernat minn obbligi oħra ta’ verifika imposti mid-Direttiva 2008/115. B’mod partikolari, kif ġie ddikjarat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115 jimponi li l-aħjar interessi tat-tfal jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadji kollha tal-proċedura.

52

Issa, il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jadotta deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr ma jkun żgura ruħu minn qabel mill-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-Istat ta’ ritorn ikollu l-konsegwenza li dan il-minuri, minkejja li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, ma jistax jitkeċċa fil-każ ta’ assenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn bis-saħħa tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115.

53

B’dan il-mod il-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni jitqiegħed f’sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira fir-rigward tal-istatus legali tiegħu u tal-futur tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni skolastika tiegħu, tar-rabta tiegħu ma’ familja ospitanti jew tal-possibbiltà li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat.

54

Tali sitwazzjoni tmur kontra r-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal fl-istadji kollha tal-proċedura kif previst fl-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115 u fl-Artikolu 24(2) tal-Karta.

55

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, qabel ma jieħu deċiżjoni ta’ ritorn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq investigazzjoni sabiex jivverifika, konkretament, li hija disponibbli akkoljenza adegwata għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-Istat ta’ ritorn.

56

Fl-assenza ta’ disponibbiltà ta’ tali akkoljenza, l-imsemmi minuri ma jistax ikun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

57

L-interpretazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat għandu, qabel ma jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat, jiżgura ruħu minn akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58

Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, meta l-Istati Membri jimplimentaw din id-direttiva, huma għandhom, minn naħa, jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, tal-ħajja tal-familja u tal-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz kif ukoll, min-naħa l-oħra, josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement (sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 48, kif ukoll tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 102).

59

Minn dan isegwi li meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkunsidra li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, hija għandha neċessarjament tosserva l-obbligi imposti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u tisma’ lill-persuna kkonċernata fuq dan is-suġġett. Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li meta l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-intenzjoni li jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat huwa għandu neċessarjament jisma’ lil dan tal-aħħar fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom huwa jista’ jintlaqa’ fl-Istat ta’ ritorn.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq evalwazzjoni ġenerali u fil-fond tas-sitwazzjoni ta’ dan il-minuri, billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru għandu jiżgura ruħu li akkoljenza adegwata hija disponibbli għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-Istat ta’ ritorn.

Fuq it-tieni domanda

61

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jagħmel distinzjoni bejn il-minuri mhux akkumpanjati unikament skont il-kriterju tal-età tagħhom sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn.

62

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi distinzjoni bejn il-minuri mhux akkumpanjati taħt l-età ta’ 15‑il sena u dawk li għandhom iktar minn 15‑il sena. Fir-rigward ta’ minuri taħt l-età ta’ 15‑il sena, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn qabel ma jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn. F’dak li jirrigwarda minuri ta’ iktar minn 15‑il sena, ma għandhiex issir investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn. Għalhekk, obbligu ta’ ritorn jiġi impost fuq tali minuri anki jekk ebda deportazzjoni ma tista’, fil-prattika, tiġi eżegwita fl-assenza ta’ investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali akkoljenza adegwata.

63

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Olandiż isostni li l-għażla tal-limitu ta’ età ta’ 15‑il sena hija dovuta għall-fatt li perijodu ta’ tliet snin tqies bħala massimu raġonevoli għall-proċeduri kollha relatati ma’ minuri mhux akkumpanjat, jiġifieri l-applikazzjoni għal residenza u l-proċedura ta’ ritorn. Permess ta’ residenza jingħata lill-minuri mhux akkumpanjati li fi tmiem l-iżvolġiment tal-proċeduri kollha jkunu għadhom minuri, b’differenza minn dawk li jkunu maġġorenni fi tmiem dawn il-proċeduri.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, kif ġie stabbilit fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-età tal-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni tikkostitwixxi element li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aħjar interessi tat-tfal għandhomx iwasslu sabiex ma tiġix adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ dan il-minuri.

65

Madankollu, kif jiddikjara l-Artikolu 24(2) tal-Karta u kif ifakkar l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, inklużi minuri ta’ iktar minn 15‑il sena.

66

Għaldaqstant, il-kriterju tal-età ma jistax ikun l-uniku element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn. Għall-Istat Membru kkonċernat jeħtieġ li ssir evalwazzjoni każ b’każ tas-sitwazzjoni ta’ minuri mhux akkumpanjat, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali u fil-fond, u mhux evalwazzjoni awtomatika unikament skont il-kriterju tal-età.

67

F’dan is-sens, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li hija arbitrarja prassi amministrattiva nazzjonali li tistrieħ fuq sempliċi preżunzjoni marbuta mal-allegat tul massimu ta’ proċedura ta’ ażil sabiex issir distinzjoni bbażata fuq l-età bejn il-membri ta’ grupp ta’ individwi minkejja l-fatt li dawn tal-aħħar jinsabu kollha f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà paragunabbli fir-rigward tat-tneħħija.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jagħmel distinzjoni bejn il-minuri mhux akkumpanjati unikament skont il-kriterju tal-età tagħhom sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn.

Fuq it-tielet domanda

69

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, wara li jkun adotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat, sussegwentement jastjeni milli jipproċedi bit-tneħħija tiegħu sakemm dan il-minuri jilħaq l-età ta’ 18‑il sena.

70

Għandu jitfakkar li l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/115 jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru kkonċernat jikkunsidra li ma hemmx lok li jingħata permess ta’ residenza lil minuri mhux akkumpanjat fuq il-bażi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, dan ikun jinsab f’qagħda ta’ residenza irregolari f’dan l-Istat Membru.

72

F’din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi obbligu għall-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 31).

73

Fil-fatt, kif ġie ddikjarat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ladarba tkun ġiet ikkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi (2) sa (5) tal-istess artikolu, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 32).

74

Kif ġie ddikjarat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni tippreżupponi li l-Istat Membru kkonċernat ikun żgura ruħu li akkoljenza adegwata hija disponibbli għal dan il-minuri mhux akkumpanjat fl-Istat ta’ ritorn.

75

Jekk din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, il-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni għandu jitneħħa mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat bla ħsara għall-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu.

76

Fil-fatt, mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, qabel ma jneħħu minuri mhux akkumpanjat mit-territorju ta’ Stat Membru l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru għandhom jiżguraw ruħhom li dan jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn.

77

Konsegwentement, l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, għall-Istat Membru kkonċernat, li jiżgura ruħu minn akkoljenza adegwata qabel ma jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat ma jeżentax lil dan l-Istat Membru mill-obbligu li jiżgura ruħu, konformement mal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, qabel ma jipproċedi bit-tneħħija ta’ tali minuri, li ser jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn. F’dan il-kuntest, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull żvilupp tas-sitwazzjoni li jseħħ wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn.

78

Fl-ipoteżi fejn akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn ma tkunx iktar żgurata għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-istadju tat-tneħħija tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx jista’ jeżegwixxi d-deċiżjoni ta’ ritorn.

79

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat minn dan tal-aħħar, sew jekk fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju sew meta ma jingħata ebda terminu għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 jimponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-persuna kkonċernata titneħħa, jiġifieri, bis-saħħa tal-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, it-trasferiment fiżiku tiegħu barra mill-imsemmi Stat Membru (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 33).

80

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta kemm mid-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri kif ukoll mir-rekwiżiti ta’ effikaċja mfakkra b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115, l-obbligu impost, mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, fuq l-Istati Membri sabiex jipproċedu, fl-ipoteżijiet iddikjarati fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, għat-tneħħija tal-imsemmi ċittadin għandu jiġi ssodisfatt mill-iktar fis possibbli (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 34).

81

Għalhekk, fuq il-bażi tal-imsemmija direttiva Stat Membru ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat mingħajr ma jipproċedi sussegwentement bit-tneħħija tiegħu sakemm dan jilħaq l-età ta’ 18‑il sena.

82

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, wara li jkun adotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat u li jkun żgura ruħu, konformement mal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, li dan ser jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn, jastjeni milli jipproċedi sussegwentement bit-tneħħija tiegħu sakemm jilħaq l-età ta’ 18‑il sena.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ minuri mhux akkumpanjat, l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq evalwazzjoni ġenerali u fil-fond tas-sitwazzjoni ta’ dan il-minuri, billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal. F’dan il-kuntest, dan l-Istat Membru għandu jiżgura ruħu li akkoljenza adegwata hija disponibbli għall-minuri mhux akkumpanjat inkwistjoni fl-Istat ta’ ritorn.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5(a) ta’ din id-direttiva u fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jagħmel distinzjoni bejn il-minuri mhux akkumpanjati unikament skont il-kriterju tal-età tagħhom sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ akkoljenza adegwata fl-Istat ta’ ritorn.

 

3)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, wara li jkun adotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat u li jkun żgura ruħu, konformement mal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, li dan ser jiġi fdat lil membru tal-familja tiegħu, lil tutur maħtur jew lil faċilitajiet ta’ akkoljenza adegwati fl-Istat ta’ ritorn, jastjeni milli jipproċedi sussegwentement bit-tneħħija tiegħu sakemm jilħaq l-età ta’ 18‑il sena.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.