SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/13/UE – Provvista ta’ servizzi ta’ media awdjoviżiva – Artikolu 4(1) – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 56 TFUE – Artikoli 11 u 20 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lix-xandara televiżivi milli jinkludu fil-programmi tagħhom imxandra fit-territorju nazzjonali kollu reklamar televiżiv li x-xandir tiegħu huwa limitat għal livell reġjonali”

Fil-Kawża C‑555/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Fussl Modestraße Mayr GmbH

vs

SevenOne Media GmbH,

ProSiebenSat.1 TV Deutschland GmbH,

ProSiebenSat.1 Media SE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen, u L.S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fussl Modestraße Mayr GmbH, minn M. Koenig u K. Wilmes, Rechtsanwälte,

għal ProSiebenSat.1 Media SE, ProSiebenSat.1 TV Deutschland GmbH u SevenOne Media GmbH, minn C. Masch, W. Freiherr Raitz von Frentz u I. Kätzlmeier, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer, L. Malferrari u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Fussl Modestraße Mayr GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak (iktar ’il quddiem “Fussl”), u SevenOne Media GmbH, ProSiebenSat.1 TV Deutschland GmbH u ProSiebenSat.1 Media SE, kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż, dwar ir-rifjut ta’ SevenOne Media li teżegwixxi kuntratt konkluż ma’ Fussl u li għandu bħala għan ix-xandir, fit-territorju ta’ Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) biss, ta’ reklamar televiżiv għal prodotti tal-moda mibjugħa minn din l-aħħar kumpannija, għar-raġuni li tali reklamar, peress li huwa intiż li jixxandar fi programmi televiżivi mxandra fuq it-territorju Ġermaniż kollu, imur kontra d-dritt nazzjonali applikabbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 8, 41 u 83 tad-Direttiva 2010/13 jipprovdu:

“(5)

Servizzi tal-media awdjoviżiva huma servizzi kulturali daqskemm huma servizzi ekonomiċi. L-importanza li qed tikber tagħhom għas-soċjetajiet, id-demokraziji – partikolarment billi jiżguraw libertà ta’ informazzjoni, diversità ta’ opinjoni u pluraliżmu tal-media – l-edukazzjoni u l-kultura tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għal dawn is-servizzi.

[...]

(8)

Huwa essenzjali għall-Istati Membri li jassiguraw il-prevenzjoni ta’ kull att li jista’ jkun ta’ detriment għal-libertà tal-moviment u l-kummerċ fi programmi tat-televiżjoni jew li jistgħu jippromwovu l-ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal restrizzjonijiet fuq il-pluraliżmu u l-libertà tal-informazzjoni bit-televiżjoni u tas-settur tal-informazzjoni kollu kemm hu.

[...]

(41)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva għall-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, filwaqt li jiżguraw li dawk ir-regoli huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. [...]

[...]

(83)

Sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi bħala telespettaturi jiġu protetti bis-sħiħ u kif għandu jkun, huwa essenzjali li r-reklamar fuq it-televizjoni jkun soġġett għal ċertu numru ta’ regoli u standards minimi u li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti u f’ċerti ċirkostanzi li jistabbilixxu kondizzjonijiet differenti għal xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jagħmel parti mill-Kapitolu I tagħha, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:

(i)

servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 [TFUE] li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)]. Tali servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu;

(ii)

komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;

(b)

‘programm' tfisser sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv. Eżempji ta’ programmi jinkludu films prinċipali, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali, dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

[...]

(d)

‘fornitur ta’ servizzi tal-media' tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat;

(e)

‘xandir televiżiv’ jew ‘xandira televiżiva’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiva lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi;

(f)

‘xandar' tfisser fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni;

(g)

‘servizz on-demand tal-media awdjoviżiva)' (i.e. servizz tal-media awdjoviżiv non-lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri ta’ programmi fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali tiegħu abbażi ta’ katalogu ta’ programmi magħżul[a] mill-fornitur ta’ servizzi tal-media;

(h)

‘komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva' tfisser immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika. Tali xbihat jakkumpanjaw jew huma inklużi fi programm bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta’ promozzjoni tagħhom infushom. Forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva jinkludu, inter alia, reklamar televiżiv, sponsorizzazzjoni, teleshopping u tqegħid ta’ prodotti;

(i)

‘reklamar televiżiv' tfisser kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar kemm jekk bi ħlas kemm jekk b’remunerazzjoni simili jew imxandar għal finijiet ta’ promozzjoni tiegħu nnifsu minn impriża pubblika jew privata jew persuna fiżika in konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

[...]”

5

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva sakemm tali regoli jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.”

Id-dritt Ġermaniż

6

Il-Länder ikkonkludew, fil-31 ta’ Awwissu 1991, l-iStaatsvertrag für Rundfunk und Telemedien (it-Trattat tal-Istat dwar ix‑Xandir u l-Media Televiżivi, GBI. 1991, p. 745). Il-verżjoni ta’ dan it-trattat applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mill-emenda tiegħu mill-Achtzehnter Rundfunkänderungsstaatsvertrag (it-Tmintax‑il Trattat tal-Istat ta’ Emenda dwar ix-Xandir), tal-21 ta’ Diċembru 2015, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem ir-“RStV”).

7

6a L-Artikolu 2 tar-RStV, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ix-xandir huwa servizz ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni lineari; huwa jikkonsisti fl-organizzazzjoni u x-xandir ta’ offerti taħt il-forma ta’ immaġini animati jew ta’ ħsejjes indirizzati lill-pubbliku u intiżi sabiex jiġu rċevuti simultanjament, abbażi ta’ skeda ta’ programmi u permezz ta’ mewġ elettromanjetiku.

[...]”

8

L-Artikolu 7 tar-RStV, intitolat “Prinċipji ta’ Komunikazzjoni Kummerċjali, Obbligi ta’ Indikazzjoni tan-Natura Pubbliċitarja”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 11 tiegħu:

“(2)   Ir-reklamar jagħmel parti integrali mill-programm. [...]

[...]

(11)   Ix-xandir f’parti biss tat-territorju nazzjonali ta’ reklamar jew ta’ kontenut ieħor fi programm intiż jew awtorizzat għal xandir fil-livell nazzjonali ma huwiex illegali ħlief jekk u sa fejn id-dritt tal-Land li fih iseħħ ix-xandir jawtorizzah. Ir-reklamar jew kwalunkwe kontenut ieħor ta’ operaturi privati mxandra f’parti biss tat-territorju nazzjonali jeħtieġu awtorizzazzjoni speċifika bis-saħħa tad-dritt tal-Land ikkonċernat; din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn kundizzjonijiet relatati mal-kontenut li għandhom jiġu ddefiniti bil-liġi.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fussl, li s-sede tagħha tinsab f’Ort im Innkreis (l-Awstrija), tmexxi grupp ta’ ħwienet tal-moda stabbiliti fl-Awstrija kif ukoll fil-Land ta’ Bayern.

10

SevenOne Media, kumpannija li s-sede tagħha hija stabbilita f’Unterföhring (il-Ġermanja), hija l-impriża ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-grupp ProSiebenSat.1, organu privat ta’ xandir televiżiv stabbilit fil-Ġermanja.

11

Fil-25 ta’ Mejju 2018, Fussl ikkonkludiet kuntratt ma’ SevenOne Media dwar ix-xandir, fil-Land ta’ Bayern biss, ta’ reklamar televiżiv intiż li jsir fil-programmi fuq l-istazzjon nazzjonali ProSieben bl-użu tan-networks tal-kejbil ta’ Bayern ta’ Vodafone Kabel Deutschland GmbH.

12

Sussegwentement, SevenOne Media rrifjutat li teżegwixxi dan il-kuntratt minħabba li l-inklużjoni, fil-programmi mxandra fit-territorju Ġermaniż kollu, ta’ reklamar televiżiv li x-xandir tiegħu huwa limitat għal livell reġjonali hija pprojbita mill-Artikolu 7(11) tar-RStV.

13

Fussl għalhekk adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), sabiex din tordna lil SevenOne Media tikkonforma mal-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt.

14

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, minn perspettiva teknika, fil-kuntest tax-xandir nazzjonali tagħha, SevenOne Media hija f’pożizzjoni li tillimita x-xandir tar-reklamar televiżiv inkwistjoni għat-territorju tal-Land ta’ Bayern biss.

15

Għal dak li jirrigwarda d-diversi argumenti mqajma quddiemha, dik il-qorti tiddubita, fl-ewwel lok, mill-fatt li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE li tirriżulta mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(11) tar-RStV tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali mfittxija minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media.

16

Minn naħa, hija tikkunsidra li ma huwiex ċert li dan l-għan huwa mfittex b’mod koerenti u sistematiku, peress li l-imsemmija projbizzjoni ma tapplikax għar-reklamar imxandar biss fuq livell reġjonali fuq siti tal-internet.

17

Min-naħa l-oħra, in-natura proporzjonata tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(11) tar-RStV tista’ wkoll tqajjem dubji, peress li x-xandara televiżivi reġjonali jibbenefikaw biss sa ċertu punt minn din il-projbizzjoni, filwaqt li operaturi ekonomiċi bħal Fussl huma limitati b’mod sinjifikattiv fil-possibbiltajiet tagħhom li jippromwovu l-prodotti tagħhom.

18

Il-Qorti tar-rinviju tqis, fit-tieni lok, li l-Artikolu 7(11) tar-RStV jista’ jikkostitwixxi ksur illegali tal-libertà ta’ opinjoni u tal-libertà li wieħed jirċievi jew li jikkomunika informazzjoni, iggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta u mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

19

Fit-tielet lok, dik il-qorti tqis li l-Artikolu 7(11) tar-RStV jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, [...] il-prinċipju ta’ ugwaljanza [fit-trattament] tad-dritt tal-Unjoni u [...] id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi x-xandir reġjonali ta’ reklamar fi programmi tax-xandir awtorizzati għall-Istat Membru kollu?

2)

L-evalwazzjoni tal-ewwel domanda tkun differenti jekk id-dritt nazzjonali jippermetti dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jipprovdu li x-xandir reġjonali ta’ reklamar jista’ jiġi awtorizzat legalment u jeżiġi, f’dan il-każ, awtorizzazzjoni amministrattiva supplimentari?

3)

L-evalwazzjoni tal-ewwel domanda tkun differenti jekk il-possibbiltà deskritta fit-tieni domanda ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklamar reġjonali effettivament ma tintużax u għaldaqstant ir-reklamar reġjonali jkun kompletament ipprojbit?

4)

L-Artikolu 11 tal-Karta [...], fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-[KEDB] kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet domanda?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

21

Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, SevenOne Media, ProSiebenSat.1 TV Deutschland u ProSiebenSat.1 Media talbu, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ottubru 2020, li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22

Insostenn tat-talba tagħhom, l-imsemmija kumpanniji jsostnu li l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali fihom numru ta’ żbalji fattwali li għandhom jiġu kkorreġuti, peress li s-sentenza li għandha tingħata ma tistax tkun ibbażata fuq elementi żbaljati. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tgħid li r-reklamar fuq l-internet huwa totalment differenti mir-reklamar fuq it-televiżjoni, hija żbaljata minn diversi aspetti.

23

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeżiġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mir-raġunament li permezz tiegħu jkun wasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services, C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 31).

24

Barra minn hekk, la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà, għall-partijiet jew il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, mobile.de vs EUIPO, C‑418/16 P, EU:C:2018:128, punt 30).

26

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċeduri tagħha, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara għeluq din il-fażi, fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie indirizzat mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27

F’din il-kawża, dan ma huwiex il-każ.

28

Fil-fatt, SevenOne Media, ProSiebenSat.1 TV Deutschland u ProSiebenSat.1 Media qegħdin jibbażaw it-talba tagħhom għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura fuq sett ta’ żbalji ta’ natura fattwali li bihom huma allegatament ivvizzjati l-konklużjonijiet.

29

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fil-każ ineżami, hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju biss li għandha tevalwa l-fatti invokati minn SevenOne Media, ProSiebenSat.1 TV Deutschland u ProSiebenSat.1 Media insostenn tat-talba tagħhom għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura jekk dik il-qorti tqis li tali evalwazzjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali fid-dawl, b’mod partikolari, tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-risposta tagħha għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

31

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha biżżejjed informazzjoni permezz tad-diversi argumenti li ġew debitament diskussi quddiemha.

32

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

33

Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-Artikolu 56 TFUE kif ukoll l-Artikolu 11 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lix-xandara televiżivi milli jdaħħlu fil-programmi tagħhom imxandra fit-territorju nazzjonali kollu reklamar televiżiv li x-xandir tiegħu huwa limitat għal livell reġjonali.

Fuq il-konformità mad-Direttiva 2010/13

34

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-effett possibbli tad-Direttiva 2010/13 fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari kif ifformulati mill-ġdid fil-punt preċedenti, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 1(1)(e) ta’ din id-direttiva, kif trasposta fid-dritt Ġermaniż bl-Artikolu 2(1) u bl-Artikolu 7(2) u (11) tar-RStV, jistabbilixxi l-“prinċipju ta’ wiri simultanju”, b’tali mod li r-RStV ma tinkludix dispożizzjonijiet “iktar stretti jew iktar iddettaljati”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li l-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni kieku jkollha tiġi eżaminata.

35

Madankollu, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13 ma tistax tiġi milqugħa.

36

Fil-fatt, ir-riferiment, fl-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13, għall-kunċett ta’ “wiri simultanju ta’ programmi” ma jistax jinftiehem fis-sens li jimplika l-obbligu, għall-Istati Membri, li jiżguraw li r-reklamar jew kontenut ieħor f’programm televiżiv indikat jew awtorizzat għal xandir fil-livell nazzjonali jiġu, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni, sistematikament imxandra fit-territorju kollu tagħhom, kif jipprevedi f’dan il-każ l-Artikolu 7(11) tar-RStV.

37

Minbarra l-fatt li l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13 sempliċement jiddefinixxi l-kunċett ta’ “xandir televiżiv” jew ta’ “xandira televiżiva” billi jirreferi espressament għall-wiri simultanju ta’ “programmi” u għaldaqstant ma jimponix, bħala tali, obbligu fil-qasam tar-reklamar televiżiv, mill-istruttura ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kunċett ta’ “wiri simultanju” għandu jinftiehem fid-dawl tad-distinzjoni li fuqha hija bbażata l-imsemmija direttiva bejn is-servizzi tal-media awdjoviżiva msejħa “lineari”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, u s-servizzi ta’ media awdjoviżiva msejħa “mhux lineari” li huma s-“servizz on‑demand tal-media awdjoviżiva”, kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1)(g) tal-istess direttiva b’riferiment għall-fatt li, għal dawn is-servizzi, il-“wiri ta’ programmi” jseħħ “fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali tiegħu abbażi ta’ katalogu ta’ programmi magħżul[a] mill-fornitur ta’ servizzi tal-media”.

38

Il-kunċett ta’ “wiri simultanju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13, għandu għalhekk jinftiehem fid-dawl tan-natura lineari tas-servizz tal-media awdjoviżiva li jikkostitwixxi x-xandir televiżiv li jimplika li t-telespettaturi kollha li għalihom ikun intiż programm jarawh simultanjament fuq il-bażi ta’ skeda kronoloġika ta’ programmi, indipendentement mill-għażla u minn talba tal-utent.

39

Dan il-kunċett għalhekk ma jimplikax, fih innifsu, li x-xandir tar-reklamar televiżiv ma jistax ikun is-suġġett ta’ distinzjoni, b’mod partikolari, billi dan ix-xandir jiġi limitat għal parti mit-territorju ta’ Stat Membru.

40

Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-effett possibbli tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, għandu jitfakkar li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, kif ukoll mill-premessi 41 u 83 ta’ din id-direttiva, li, sabiex tiġi żgurata b’mod sħiħ u xieraq il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi li huma t-telespettaturi, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, f’dak li jikkonċerna l-fornituri ta’ servizzi ta’ media li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, li jipprevedu regoli iktar iddettaljati jew iktar stretti u, f’ċerti każijiet, kundizzjonijiet differenti, fl-oqsma koperti mill-imsemmija direttiva, sakemm dawn ir-regoli jkunu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġenerali tiegħu (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia, C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 13).

41

Issa, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 7(11) tar-RStV, għalkemm taqa’ taħt qasam kopert mid-Direttiva 2010/13, jiġifieri dak tar-reklamar televiżiv, liema qasam huwa rregolat mill-Artikoli 19 sa 26 tagħha li huma intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi li huma t-telespettaturi mir-reklamar eċċessiv (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia, C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 17), tikkonċerna, madankollu, qasam speċifiku li ma huwiex irregolat mill-imsemmija artikoli u ma jkoprix, barra minn hekk, l-imsemmi għan ta’ protezzjoni tat-telespettaturi.

42

Minn dan jirriżulta li l-miżura stabbilita mill-Artikolu 7(11) tar-RStV ma tistax tiġi kklassifikata bħala regola “iktar iddettaljata” jew “iktar stretta”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13, u li din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

Fuq il-konformità mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

43

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-eżami tal-konformità ta’ miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-libertà fundamentali li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE, għandu jitfakkar li għandhom jitqiesu bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri kollha li jipprekludu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Il-kunċett ta’ “restrizzjoni” jkopri, b’mod partikolari, il-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li jkunu applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Istati Membri l-oħra (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-kuntest, Fussl issostni li l-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 7(11) tar-RStV tipprekludi l-bżonnijiet ta’ reklamar partikolari ta’ operatur ekonomiku, mhux residenti u ta’ daqs medju, bħalma hija din il-kumpannija, li timmira li tippenetra s-suq Ġermaniż billi tiffoka, inizjalment, fuq reġjun wieħed ta’ kummerċ, li f’dan il-każ huwa l-Land ta’ Bayern.

46

Minn naħa, ix-xandir ta’ reklamar televiżiv fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali fit-territorju Ġermaniż kollu jkun jiswa wisq u jista’ jagħti lok għal domanda ferm kbira li possibbilment ma tkunx tista’ tiġi onorata.

47

Min-naħa l-oħra, ix-xandir ta’ reklamar televiżiv minn xandara televiżivi reġjonali jkollu impatt pubbliċitarju limitat ħafna. Dan jirriżulta prinċipalment mill-fatt li l-programmi li jxandru dawn l-istazzjonijiet reġjonali jilħqu biss numru partikolarment ristrett ta’ telespettaturi, jiġifieri madwar 5 % tan-numru totali tat-telespettaturi Ġermaniżi.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tipprojbixxi lix-xandara televiżivi milli jxandru fil-kuntest tal-programmi nazzjonali tagħhom reklamar televiżiv reġjonali għall-benefiċċju, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirreklamaw u li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra bħal, f’dan il-każ, Fussl, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għad-detriment kemm tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li huma dawn ix-xandara televiżivi kif ukoll tad-destinatarji ta’ dawn is-servizzi li huma dawk li jirreklamaw jew li jixtiequ jippromwovu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom fi Stat Membru ieħor, filwaqt li tillimita din il-promozzjoni għal livell reġjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD, C‑6/98, EU:C:1999:532, punt 49, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 33).

49

Fil-każ ineżami, l-Artikolu 7(11) tar-RStV, sa fejn jipprekludi operaturi ekonomiċi mhux residenti, bħal Fussl, milli jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi ta’ xandir tar-reklamar televiżiv fit-territorju Ġermaniż, huwa ta’ natura li jostakola l-aċċess tagħhom għas-suq ta’ dan l-Istat Membru.

50

L-eżistenza ta’ dan l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax, barra minn hekk, tiġi kkontestata mill-fatt, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li kull Land jista’, skont il-“klawżola ta’ ftuħ” li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV, jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu sistema ta’ awtorizzazzjoni li tippermetti, jekk ikun il-każ taħt ċerti kundizzjonijiet, tali xandir ta’ reklamar televiżiv fuq livell reġjonali.

51

Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din hija sempliċi possibbiltà li sal-lum l-ebda Land ma uża, b’tali mod li għandu jiġi kkonstatat li, de lege lata, il-projbizzjoni, għax-xandara televiżivi, li jinkludu fil-programmi tagħhom imxandra fit-territorju nazzjonali kollu r-reklamar televiżiv li x-xandir tiegħu huwa limitat għal livell reġjonali, kif prevista fl-Artikolu 7(11) tar-RStV, u r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta, huma pprovati.

Fuq l-eventwali ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

52

Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, lill-eventwali ġustifikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tkun tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija tkun trid tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 65, u tal-11 ta’ Diċembru 2019, TV Play Baltic, C‑87/19, EU:C:2019:1063, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

– Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni

53

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż, kif barra minn hekk tikkonferma l-espożizzjoni tal-motivi tat-Tmintax‑il Trattat tal-Istat ta’ Emenda dwar ix-Xandir, jirriżulta li l-Artikolu 7(11) tar-RStV huwa intiż sabiex jirriżerva d-dħul mir-reklamar televiżiv reġjonali lix-xandara televiżivi reġjonali u lokali billi b’hekk jiżguralhom sors ta’ finanzjament u, għaldaqstant, is-sostenibbiltà tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-pluraliżmu fl-offerta ta’ programmi televiżivi permezz ta’ provvista ta’ kontenut b’natura reġjonali u lokali.

54

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma tal-pluraliżmu fl-offerta ta’ programmi televiżivi li trid tiggarantixxi politika kulturali tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et, C‑250/06, EU:C:2007:783, punti 4142, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Kabel Deutschland Vertrieb und Service, C‑336/07, EU:C:2008:765, punti 3738).

55

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni tal-libertajiet protetti fl-Artikolu 11 tal-Karta, li fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media, tikkostitwixxi inkontestabbilment għan ta’ interess ġenerali, li tiegħu għandha tiġi b’mod partikolari enfasizzata l-importanza f’soċjetà demokratika u pluralista, li hija tali li tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Vivendi, C‑719/18, EU:C:2020:627, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

– Fuq il-proporzjonalità tar-restrizzjoni

56

Għalkemm l-għan taż-żamma tal-pluraliżmu tal-media li jfittex li jilħaq l-Artikolu 7(11) tar-RStV jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, huwa wkoll neċessarju, kif diġà tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, sabiex ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkluża f’din id-dispożizzjoni nazzjonali tkun tista’ tiġi ġġustifikata, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

57

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għalkemm dan l-għan, sa fejn huwa marbut mad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni, jirriżerva lill-awtoritajiet nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiesgħa, xorta jibqa’ l-fatt li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-miżuri intiżi sabiex jintlaħaq dan l-għan fl-ebda każ ma għandhom ikunu inadegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-imsemmi għan li huma jfittxu jew ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et, C‑250/06, EU:C:2007:783, punt 44).

58

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk din il-projbizzjoni hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali marbut mal-garanzija ta’ pluraliżmu tal-media li din il-miżura trid tilħaq.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk verament tkun tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, u tal‑11 ta’ Lulju 2019, A, C‑716/17, EU:C:2019:598, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Issa, bħall-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jiddubitaw li l-Artikolu 7(11) tar-RStV jissodisfa dan ir-rekwiżit ta’ koerenza, prinċipalment sa fejn il-projbizzjoni li timponi din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tapplikax għar-reklamar ipprovdut biss fil-livell ta’ reġjun permezz ta’ diversi pjattaformi tal-internet.

61

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-servizzi ta’ reklamar ipprovduti fuq pjattaformi tal-internet jikkostitwixxux kompetizzjoni reali għax-xandara televiżivi reġjonali u lokali fis-suq tar-reklamar reġjonali u theddida għad-dħul li huma jiksbu minn dan ir-reklamar.

62

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju barra minn hekk qieset li l-Artikolu 7(11) RStV iqiegħed lix-xandara televiżivi kif ukoll lil dawk li jirreklamaw, residenti u mhux residenti, li jkunu jixtiequ jirreklamaw fuq it-televiżjoni fuq livell reġjonali, f’pożizzjoni inqas favorevoli mill-fornituri l-oħra ta’ servizzi tal-media fuq pjattaformi tal-internet, peress li dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jiddistingwu l-offerta pubbliċitarja tagħhom għal kull reġjun, l-istess bħall-korpi tax-xandir nazzjonali.

63

Barra minn hekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li x-xandara televiżivi reġjonali jikkompetu fis-suq tar-reklamar reġjonali mal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari lineari, fuq l-internet, b’tali mod li min jirreklama jista’ jittrasferixxi t-talba tagħhom għar-reklamar reġjonali tal-imsemmija xandara lejn l-imsemmija fornituri.

64

Bla ħsara wkoll għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li r-riskju ta’ telf ta’ dħul li jistgħu jsofru minnu x-xandara televiżivi reġjonali u lokali bħala konsegwenza ta’ dan it-trasferiment tad-domanda u tad-dħul minn servizzi ta’ reklamar lejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari lineari, fuq l-internet huwa inqas sinjifikattiv minn dak marbut mal-istess trasferiment ta’ din id-domanda u ta’ dan id-dħul favur ix-xandara televiżivi nazzjonali jekk projbizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 7(11) tar-RStV ma tkunx applikabbli.

65

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-espożizzjoni tal-motivi tat-Tmintax‑il Trattat tal-Istat ta’ Emenda dwar ix-Xandir, il-leġiżlatur Ġermaniż ibbaża l-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 7(11) tar-RStV fuq ir-riskju ta’ tali trasferiment tat-talba u ta’ telf tad-dħul li jirriżulta mir-reklamar għad-detriment tax-xandara televiżivi reġjonali li l-importanza tagħhom hija tali li s-sostenibbiltà ta’ dawn ix-xandara tista’ tiġi kompromessa, l-eżistenza ta’ tali riskju hija mqiegħda f’dubju mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

66

Issa, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi ta’ data attwali, suffiċjentement iddettaljata u sostnuta, jekk jeżistix riskju reali jew konkretament prevedibbli ta’ trasferiment, għad-detriment tax-xandara televiżivi reġjonali, tad-domanda għal servizzi ta’ reklamar reġjonali u ta’ dħul li jirriżulta minnhom li l-importanza tagħhom hija tali li l-finanzjament u, għaldaqstant, is-sostenibbiltà ta’ dawn ix-xandara jistgħu jiġu kompromessi jekk ix-xandara televiżivi nazzjonali jkunu awtorizzati jxandru reklamar reġjonali fil-kuntest tal-programmi tagħhom trażmessi fuq it-territorju nazzjonali kollu.

67

Konsegwentement, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-inkoerenza li biha jista’ jiġi affettwat l-Artikolu 7(11) tar-RStV tista’ tkun dovuta għall-fatt, li għandu jkun ivverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-projbizzjoni li din id-dispożizzjoni tinkludi tapplika biss għas-servizzi ta’ reklamar ipprovduti mix-xandara televiżivi nazzjonali u mhux għas-servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari lineari, ipprovduti fuq l-internet, filwaqt li jistgħu jkunu żewġ tipi ta’ servizzi kompetituri fis-suq Ġermaniż tar-reklamar li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jippreżentaw l-istess riskju għall-kundizzjoni finanzjarja u s-sostenibbiltà tax-xandara televiżivi reġjonali u lokali u, għaldaqstant, għall-għan li trid tilħaq l-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li tippromwovi l-pluraliżmu tal-media fuq skala reġjonali u lokali.

68

F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt Ġermaniż jippermettix lix-xandara televiżivi nazzjonali jxandru r-reklamar reġjonali fil-kuntest tax-xandiriet tagħhom permezz ta’ live streaming fuq siti tal-internet. Fl-affermattiv, għandu neċessarjament jiġi konkluż li l-miżura implimentata mill-Artikolu 7(11) tar-RStV hija inkoerenti.

69

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma, f’dan ir-rigward, essenzjalment paragunabbli ma’ dawk li taw lok għas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421).

70

Fil-fatt, għalkemm fil-punt 39 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li hemm inkoerenza u, għaldaqstant, li s-sistema ta’ reklamar inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinitx xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha marbut mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, minħabba li dik is-sistema kienet tinkludi projbizzjoni tar-reklamar li jikkonċerna l-kura medika u kirurġika fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali, filwaqt li kienet toffri l-possibbiltà li tali reklamar jixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, tali konklużjoni hija spjegata b’mod manifest mill-fatt li, għal dak li jirrigwarda r-reklamar għal dawn it-trattamenti, dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika kien daqstant rilevanti kemm jekk dan ir-reklamar jixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali u kemm jekk fuq l-istazzjonijiet televiżiv lokali.

71

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, hekk kif diġà ntqal fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali meta jkollhom l-intenzjoni jipproteġu l-pluraliżmu tal-media għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tan-natura koerenti tar-restrizzjoni.

72

Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, sabiex restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE tkun tista’ tiġi ġġustifikata, il-miżura nazzjonali li minnha toriġina din għandha mhux biss tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex minnha, iżda wkoll ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

73

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-każ ineżami, miżuri oħra inqas intrużivi għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi setgħux jippermettu li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media fuq livell reġjonali u lokali, mixtieq mil-leġiżlatur Ġermaniż permezz tal-miżura stabbilita mill-Artikolu 7(11) tar-RStV.

74

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, kif essenzjalment osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sempliċi fatt li Stati Membri oħra jiżguraw il-finanzjament tax-xandara televiżivi pubbliċi permezz ta’ tariffi u jippermettu lix-xandara privati jxandru liberament reklamar kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali ma jikkostitwixxix, bħala tali, prova suffiċjenti tal-assenza ta’ proporzjonalità tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(11) tar-RStV.

75

Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom jingħataw ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-għan marbut mal-osservanza tal-pluraliżmu tal-media, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li dawn tal-aħħar huma sproporzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 71).

76

Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(11) tar-RStV jipprevedi huwa stess klawżola msejħa ta’ “ftuħ”, li tippermetti lil-Länder jintroduċu miżura inqas restrittiva mill-projbizzjoni assoluta, jiġifieri skema ta’ awtorizzazzjoni speċifika, sa fejn dan ikun previst mid-dritt tal-Land ikkonċernat.

77

Għaldaqstant, miżura inqas restrittiva tista’ tirriżulta mill-implimentazzjoni effettiva ta’ din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni fil-livell tal-Länder, li tippermetti x-xandir ta’ reklamar reġjonali mix-xandara televiżivi nazzjonali f’ċerti limiti u taħt ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull Land sabiex, fost oħrajn, jitnaqqsu l-eventwali effetti finanzjarji fuq ix-xandara televiżivi reġjonali u lokali u, għaldaqstant, li tiġi ppreżervata n-natura pluralista tal-offerta televiżiva b’mod partikolari fuq livell reġjonali u lokali.

78

Hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li din il-possibbiltà baqgħet ma ġietx applikata sal-lum ma jibdel xejn mill-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż, bl-introduzzjoni ta’ din il-klawżola, irrikonoxxa l-kompatibbiltà ta’ tali sistema ta’ awtorizzazzjoni mal-għanijiet tal-miżura inkwistjoni.

79

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ miżura a priori inqas restrittiva ma tistax taffettwa l-proporzjonalità tal-Artikolu 7(11) tar-RStV ħlief sa fejn, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din tista’ effettivament tiġi adottata u implimentata b’mod li tiżgura li, fil-prattika, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jiġi ppreżervat il-pluraliżmu tal-media fil-livelli reġjonali u lokali permezz tal-protezzjoni tal-finanzjament u tas-sostenibbiltà tax-xandara televiżivi reġjonali u lokali jista’ jintlaħaq.

Fuq il-konformità mal-Artikoli 11 u 20 tal-Karta

80

Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet u l-aħħar lok, il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 7(11) tar-RStV tistax titqies bħala li tippreġudika x-xandir liberu kif iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta, jew bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ġie stabbilit, fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 56 TFUE, li din il-leġiżlazzjoni hija tali li tostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li l-Istat Membru kkonċernat iqis iġġustifikata fid-dawl ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali intiża, fil-każ ineżami, għall-għan taż-żamma tal-pluraliżmu tal-media, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha titqies li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li hija għandha tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli),C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 63 sa 65).

Fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta

81

Għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta, għandu jitfakkar li din il-libertà hija wkoll protetta mill-Artikolu 10 tal-KEDB li japplika b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għax-xandir minn imprenditur tal-informazzjoni kummerċjali, b’mod partikolari fil-forma ta’ messaġġi ta’ reklamar (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Issa, peress li l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, għandha l-istess sens u l-istess portata f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ strumenti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta u mill-ispjegazzjonijiet dwar din għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 11 tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tillimita l-possibbiltajiet ta’ xandir ta’ reklamar televiżiv reġjonali mix-xandara televiżivi nazzjonali għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati li jirreklamaw, tikkostitwixxi ksur, min-naħa ta’ dawn l-operaturi, ta’ din il-libertà fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress, C‑368/95, EU:C:1997:325, punt 26; tat‑23 ta’ Ottubru 2003, RTL Television, C‑245/01, EU:C:2003:580, punt 68; kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 6465).

83

Għal dak li jirrigwarda x-xandara televiżivi nazzjonali, l-indħil fil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni jieħu l-forma partikolari ta’ ndħil fil-libertà tal-media jew il-libertà tax-xandir, protetta speċifikament mill-Artikolu 11(2) tal-Karta.

84

Għalkemm il-libertajiet iggarantiti mill-Karta jistgħu jiġu limitati, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tagħhom għandha tkun, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmija libertajiet. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jkunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew ikunu jissodisfaw il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 68).

85

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fil-każ ineżami, l-ewwel nett, li l-limitazzjoni li tirriżulta mill-projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali prevista fl-Artikolu 7(11) tar-RStV għandha titqies li hija prevista mil-liġi inkwantu din tinsab fi trattat konkluż bejn il-Länder Ġermaniżi kollha.

86

It-tieni nett, il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tal-operaturi kkonċernati ma huwiex affettwat, peress li, minn naħa, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita biss il-possibbiltà, għal dawk li jirreklamaw, li jużaw kanal ta’ komunikazzjoni partikolari, jiġifieri l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali, filwaqt li tħallilhom il-libertà li jużaw kanali promozzjonali oħra sabiex jilħqu l-mira reġjonali tagħhom, bħar-reklamar fuq l-internet, li n-natura effiċjenti tagħhom, inkluż fil-livell reġjonali, ma hijiex ikkontestata.

87

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda x-xandara televiżivi nazzjonali privati u mhux issussidjati, jekk il-libertà tal-media li jibbenefikaw minnha tkun limitata peress li jkunu pprojbiti milli jxandru r-reklamar reġjonali fil-kuntest tax-xandir ta’ programmi ta’ portata nazzjonali, dan ma huwiex ħlief metodu wieħed ta’ xandir ta’ reklamar u, għaldaqstant, sors wieħed biss ta’ dħul fost oħrajn għal dawn l-operaturi.

88

It-tielet nett, l-indħil imsemmi fil-punt 85 ta’ din is-sentenza jissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

89

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tirriżerva d-dħul mir-reklamar televiżiv reġjonali għax-xandara televiżivi reġjonali u lokali sabiex tiżgura l-finanzjament tagħhom u, għaldaqstant, is-sostenibbiltà tagħhom, sabiex tippermettilhom jikkontribwixxu għan-natura pluralista tal-offerta tal-programmi televiżivi permezz tal-provvista ta’ kontenut ta’ natura reġjonali u lokali.

90

Dan l-għan, sa fejn jirrigwarda l-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media fuq livell reġjonali u lokali, jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, espressament irrikonoxxut fl-Artikolu 11(2) tal-Karta.

91

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 10(2) tal-KEDB jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-eżistenza ta’ bżonn soċjali imperattiv li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà tal-espressjoni. Skont din il-ġurisprudenza, dan huwa partikolarment indispensabbli fil-qasam kummerċjali u speċjalment f’qasam daqstant kumpless u varjabbli daqs ir-reklamar (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, RTL Television, C‑245/01, EU:C:2003:580, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Il-projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali prevista fl-Artikolu 7(11) tar-RStV tirriżulta essenzjalment minn ibbilanċjar bejn, minn naħa, il-libertà ta’ espressjoni ta’ natura kummerċjali tax-xandara televiżivi nazzjonali u ta’ dawk li jirreklamaw li jxandru r-reklamar televiżiv reġjonali fil-kuntest ta’ programmi intiżi għat-telespettaturi nazzjonali kollha, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media fuq skala reġjonali u lokali li għaliha x-xandara reġjonali u lokali jistgħu jikkontribwixxu biss jekk il-finanzjament tagħhom u, għaldaqstant, is-sostenibbiltà tagħhom ikunu żgurati billi jiġi rriżervat lilhom dħul suffiċjenti mir-reklamar reġjonali.

93

F’dan ir-rigward, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, bl-adozzjoni tal-Artikolu 7(11) tar-RStV, il-leġiżlatur Ġermaniż seta’ legalment iqis, mingħajr ma jaqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni kbir tiegħu fil-kuntest partikolari ta’ tali eżerċizzju ta’ bbilanċjar tal-interessi eventwalment kunfliġġenti, li s-salvagwardja tal-interess pubbliku li x-xandara televiżivi reġjonali u lokali jkunu f’pożizzjoni li jikkontribwixxu għad-dibattitu pubbliku fuq dawn il-livelli kellha tipprevali fuq l-interess privat tax-xandara televiżivi nazzjonali u ta’ dawk li jirreklamaw li jxandru r-reklamar televiżiv reġjonali fil-kuntest ta’ programmi intiżi għat-telespettaturi nazzjonali kollha.

94

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 11 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura ta’ projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV.

Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta

95

Fir-rigward tal-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 7(11) tar-RStV, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi prinċipju ġenerali jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk miżura ta’ projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV, tistax tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li din id-dispożizzjoni tqiegħed lix-xandara televiżivi nazzjonali, kif ukoll lil dawk li jirreklamaw, kemm residenti kif ukoll dawk mhux residenti, f’pożizzjoni inqas favorevoli mill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar fuq l-internet, bħas-servizzi ta’ video-on-demand jew is-servizzi ta’ live streaming, peress li dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jiddifferenzjaw ir-reklamar tagħhom skont ir-reġjun, l-istess bħall-entitajiet tal-istampa nazzjonali.

97

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha kull indikazzjoni utli għall-finijiet ta’ dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 36).

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-diversi operaturi msemmija fil-punt 96 ta’ din is-sentenza jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli.

99

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia, C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 16, u tat-30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

100

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sitwazzjoni tax-xandara televiżivi nazzjonali u dik tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari lineari, fuq l-internet fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar reġjonali humiex, għal dak li jirrigwarda l-elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom, jiġifieri, b’mod partikolari, il-metodi abitwali ta’ użu tas-servizzi ta’ reklamar, il-mod li bih huma pprovduti jew anki l-kuntest legali li minnu jagħmlu parti, sinjifikattivament differenti.

101

Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-Artikolu 7(11) tar-RStV intiż b’mod partikolari sabiex jippreżerva l-finanzjament tax-xandara televiżivi reġjonali u lokali, is-sitwazzjoni tax-xandara televiżivi nazzjonali li ma humiex issussidjati u li jipprovdu reklamar hijiex paragunabbli ma’ dik tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari lineari, fuq l-internet, fid-dawl tal-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi jiddependu b’mod ugwali mill-imsemmi dħul miksub mir-reklamar għall-finanzjament tagħhom.

102

F’dan il-kuntest, element importanti li jindika li ż-żewġ kategoriji ta’ operaturi jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli huwa kkostitwit mill-fatt, jekk jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, li dawn jipprovdu provvisti ta’ servizzi simili li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 38).

103

It-tieni nett, jekk, fi tmiem dawn il-verifiki, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni tax-xandara televiżivi nazzjonali u dik tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari lineari, fuq l-internet huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi li jikkaratterizzawhom, tal-għan u tal-iskop tal-Artikolu 7(11) tar-RStV kif ukoll tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam tad-dritt nazzjonali li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni, hija għandha tivverifika wkoll jekk l-inugwaljanza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

104

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 95 ta’ din is-sentenza, differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan li t-trattament ikkonċernat ifittex li jilħaq.

105

Għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta eventwalment mill-applikazzjoni tar-regola stabbilita fl-Artikolu 7(11) tar-RStV tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrilevat li tali eżami jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak relatat mal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, magħmul fil-punti 52 sa 79 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li dawn iż-żewġ eżamijiet għandhom isiru bl-istess mod.

106

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 7(11) tar-RStV twassalx għal inugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, dawk li jirreklamaw li jużaw is-servizzi tax-xandara televiżivi nazzjonali sabiex ixandru r-reklamar fuq livell reġjonali u, min-naħa l-oħra, dawk li jirreklamaw li jużaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar, b’mod partikolari lineari, fuq l-internet f’dan l-istess livell, għandu jiġi nnotat li l-eżami ta’ din il-kwistjoni huwa strettament marbut mal-eżami tas-sitwazzjoni ta’ dawn ix-xandara u ta’ dawn il-fornituri. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 98 sa 105 ta’ din is-sentenza japplikaw ukoll fir-rigward ta’ dawk li jirreklamaw.

107

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata din ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula:

l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 u l-Artikolu 11 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lix-xandara televiżivi milli jdaħħlu fil-programmi tagħhom imxandra fit-territorju nazzjonali kollu reklamar televiżiv li x-xandir tiegħu huwa limitat għal livell reġjonali;

l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media fuq livell reġjonali u lokali li hija tfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju; u

l-Artikolu 20 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm din ma twassalx għal inugwaljanza fit-trattament bejn ix-xandara televiżivi nazzjonali u l-fornituri ta’ reklamar fuq l-internet f’dak li jirrigwarda x-xandir ta’ reklamar fuq livell reġjonali, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

108

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lix-xandara televiżivi milli jinkludu fil-programmi tagħhom imxandra fit-territorju nazzjonali kollu reklamar televiżiv li x-xandir tiegħu huwa limitat għal livell reġjonali.

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media fuq livell reġjonali u lokali li hija trid tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm din ma twassalx għal inugwaljanza fit-trattament bejn ix-xandara televiżivi nazzjonali u l-fornituri ta’ reklamar fuq l-internet għal dak li jirrigwarda x-xandir ta’ reklamar fuq livell reġjonali, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.