SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/42/UE – Iffriżar u konfiska tal-mezzi strumentali u rikavati minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Konfiska tal-assi miksuba illegalment – Vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn reat kriminali li ma kienx is-suġġett ta’ kundanna – Artikolu 4 – Konfiska – Artikolu 5 – Konfiska estiża – Artikolu 6 – Konfiska tal-assi tat-terzi – Kundizzjonijiet – Konfiska ta’ somma pekunjarja mitluba fuq il-bażi li tappartjeni lil terza persuna – Terza persuna li ma għandhiex id-dritt li tikkostitwixxi ruħha bħala parti fil-proċedura ta’ konfiska – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawżi magħquda C‑845/19 u C‑863/19,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Apelativen sad – Varna (il-Qorti tal-Appell ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Novembru 2019 (C‑845/19) u tad‑19 ta’ Novembru 2019 (C‑863/19), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 u fis‑26 ta’ Novembru 2019, rispettivament, fil-proċeduri kriminali kontra
DR (C‑845/19),
TS (C‑863/19),
fil-preżenza ta’:
Okrazhna prokuratura – Varna,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Okrazhna prokuratura - Varna, minn I. Todorov u V. Chavdarov, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva, T. Mitova u E. Petranova, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u F. Zeder, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn S. Grünheid, Y. Marinova u R. Troosters, sussegwentement minn S. Grünheid u Y. Marinova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Marzu 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 138, p. 114), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra DR (C‑845/19) u TS (C‑863/19) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni kkonċernati”) dwar talbiet għal konfiska, wara l-kundanna tagħhom għal pussess ta’ sustanzi narkotiċi għall-finijiet tad-distribuzzjoni tagħhom, ta’ somom ta’ flus li l-persuni kkonċernati jallegaw li jappartjenu lil terzi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id‑Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI
3 |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94), tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Reati marbuta mat-traffikar ta’ drogi u ta’ prekursuri”: “1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li meta mġieba minn dawn li ġejjin issir bil-ħsieb u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli:
[…]
[…]” |
4 |
Skont l-Artikolu 4(2)(b) ta’ din id-deċiżjoni qafas: “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) huma punibbli b’pieni kriminali ta’ massimu ta’ minn ta’ l-inqas bejn 5 u 10 snin ħabs f’kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin: […]
|
Id‑Direttiva 2014/42
5 |
Skont il-premessi 11, 19 sa 21, 33 u 38 tad-Direttiva 2014/42:
[…]
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement u dwar il-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali. 2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jikkonfiskaw il-proprjetà inkwistjoni.” |
7 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
8 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi dan li ġej: “Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn: […]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/42, intitolat “Konfiska”, jistipula fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tirriżulta minn proċedimenti in absentia.” |
10 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konfiska estiża”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali li jista’ joħloq, direttament jew indirettament, benefiċċju ekonomiku, fejn qorti abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul legali tal-persuna li tinstab ħatja, tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni nkisbet minn imġiba kriminali. 2. Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kunċett ta’ ‘reat kriminali’ għandu jinkludi tal-inqas dan li ġej: […]
|
11 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konfiska fir-rigward ta’ parti terza”, jistabbilixxi li: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw ir-rikavat, jew proprjetà oħra li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat, li, direttament jew indirettament, tkun ġiet ittrasferita minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li tkun ġiet akkwistata minn partijiet terzi mingħand il-persuna suspettata jew akkużata, tal-inqas jekk dawk il-partijiet terzi kienu jafu jew suppost li kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment jew l-akkwist sar mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur fis-suq. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta’ persuni terzi in bona fide.” |
12 |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Salvagwardji”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni affettwati mill-miżuri previsti skont din id-Direttiva jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom. […] 6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe ordni ta’ konfiska tkun debitament motivata u li l-ordni tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà effettiva li persuna li fil-konfront tagħha tkun inħarġet ordni ta’ konfiska tkun tista’ tikkontesta dik l-ordni quddiem qorti. 7. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva [2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1, u għad-]Direttiva 2013/48/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1)], il-persuni li l-proprjetà tagħhom tkun ġiet affettwata mill-ordni ta’ konfiska għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat matul il-proċedimenti ta’ konfiska relatati mal-istabbiliment tar-rikavat u l-mezzi strumentali sabiex iħarsu d-drittijiet tagħhom. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu infurmati b’dak id-dritt. 8. Fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 5, il-persuna affettwata għandu jkollha l-possibbiltà effettiva li tikkontesta ċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli li abbażi tagħhom il-proprjetà kkonċernata titqies bħala proprjetà li tkun rikavata minn imġiba kriminali. 9. Il-partijiet terzi għandhom ikunu intitolati li jitolbu t-titolu tas-sjieda jew drittijiet ta’ proprjetà oħrajn, inkluż fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6. […]” |
Id-dritt Bulgaru
In-NK
13 |
L-Artikolu 53 tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NK”) jistipula: “(1) Irrispettivament minn kull responsabbiltà kriminali, għandhom jiġu kkonfiskati għall-benefiċċju tal-Istat:
(2) Għandhom jiġu kkonfiskati wkoll għall-benefiċċju tal-Istat:
(3) Fis-sens tal-paragrafu 2(b):
|
14 |
L-Artikolu 354a tal-NK jipprovdi: “(1) Kull min, mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, jimmanifattura, jittrasforma, jakkwista jew jippossjedi sustanzi narkotiċi jew l-ekwivalenti tagħhom għal finijiet ta’ traffikar, għandu jiġi punit, meta s-sustanzi narkotiċi jkunu ta’ riskju għoli jew simili għalihom, b’terminu ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u tmien snin u b’multa ta’ bejn [5000 lev Bulgaru (BGN) u BGN 20000 (bejn madwar EUR 2500 u EUR 10000) u, għal sustanzi narkotiċi riskjużi jew l-ekwivalenti tagħhom, b’terminu ta’ priġunerija ta’ bejn sena u sitt snin u multa minn [BGN 2000 sa BGN 10000 (minn madwar EUR 1000 sa EUR 5000)]. […] […] (3) Kull min, mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, jakkwista jew jippossjedi sustanzi narkotiċi jew dawk simili għalihom għandu jiġi punit:
[…]” |
In-NPK
15 |
Il-punt (1) tal-Artikolu 306(1) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprevedi: “(1) Il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi permezz ta’ digriet dwar id-domandi li jirrigwardaw:
[…]” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Fil‑21 ta’ Frar 2019, fil-Belt ta’ Varna (il-Bulgarija), DR u TS kellhom mingħajr awtorizzazzjoni, bl-għan tat-traffikar tagħhom, sustanzi narkotiċi b’riskju għoli. Huma ġew ikkundannati kriminalment għal dan ir-reat abbażi tal-Artikolu 354a tan-NK, għal piena ta’ priġunerija ta’ sena kif ukoll għal multa ta’ BGN 2500 (madwar EUR 1250) u għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn, sospiża għal erba’ snin, kif ukoll għal multa ta’ BGN 5000 (madwar EUR 2500), rispettivament. |
17 |
Waqt tfittxija f’residenza fejn DR kien jgħix ma’ ommu u man-nanniet tiegħu, kif ukoll tfittxija fil-karozza tiegħu, imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-proċedura li tippreċedi l-proċess kriminali, dawn tal-aħħar skoprew somma flus fl-ammont ta’ BGN 4 447.06 (madwar EUR 2200). |
18 |
Fil-kuntest ta’ tfittxija f’residenza fejn TS kien jgħix ma’ ommu, li saret ukoll fil-kuntest tal-proċedura li tippreċedi l-proċess kriminali, l-imsemmija awtoritajiet skoprew somma flus fl-ammont ta’ BGN 9 324.25 (madwar EUR 4800). |
19 |
Wara l-kundanna kriminali tal-persuni kkonċernati, l-Okrazhna prokuratura – Varna (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali ta’ Varna, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku”) talab lill-Okrazhen sad Varna (il-Qorti Reġjonali ta’ Varna, il-Bulgarija), il-qorti tal-ewwel istanza, tordna l-konfiska ta’ dawn is-somom ta’ flus favur l-Istat, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 306(1) tan-NPK. Il-qorti tal-ewwel istanza eżaminat din it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku f’seduta pubblika, li fiha pparteċipaw il-persuni kkonċernati u ż-żewġ avukati tagħhom. |
20 |
Quddiem dik il-qorti, DR iddikjara li s-somma flus imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza kienet tappartjeni lin-nanna tiegħu u li din tal-aħħar kienet akkwistatha permezz ta’ self bankarju. Barra minn hekk, huwa ppreżenta prova bil-miktub li tistabbilixxi li, fix-xahar ta’ Diċembru 2018, hija kienet ġibdet mill-kont bankarju tagħha s-somma ta’ BGN 7 000.06 (madwar EUR 3500). In-nanna ta’ DR ma ħaditx sehem fil-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, peress li d-dritt Bulgaru ma jippermettilhiex tipparteċipa bħala parti distinta mill-awtur tal-ksur ikkonċernat. Hija lanqas ma nstemgħet bħala xhud. |
21 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, TS, min-naħa tiegħu, iddikjara li s-somma flus imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza kienet tappartjeni lil ommu u lil oħtu. F’dan ir-rigward, huwa ppreżenta prova bil-miktub li tistabbilixxi li, fix-xahar ta’ Marzu 2018, ommu kienet ikkuntrattat mal-bank DSK EAD kreditu għall-konsum fl-ammont ta’ BGN 17000 (madwar EUR 8500). Omm TS lanqas ma setgħet tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza. Madankollu, hija nstemgħet bħala xhud fir-rigward tas-somma flus misjuba fir-residenza fejn kienet tgħix ma’ binha. |
22 |
Il-qorti tal-ewwel istanza rrifjutat li tawtorizza l-konfiska tas-somom ta’ flus inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, billi kkunsidrat li r-reat kriminali li ġew ikkundannati għalih il-persuni kkonċernati, jiġifieri l-pussess ta’ sustanzi narkotiċi bl-għan li jiġu ttraffikati, ma kienx ta’ natura li jiġġenera vantaġġi ekonomiċi. F’dan ir-rigward, din il-qorti qieset li, minkejja li jeżistu provi, jiġifieri t-testimonjanzi ta’ xhieda, li, fil-kawżi inkwistjoni, il-persuni kkonċernati kienu jbigħu sustanzi narkotiċi, il-kundizzjonijiet għall-konfiska favur l-Istat imsemmija fl-Artikolu 53(2) tan-NK ma kinux ġew issodisfatti, sa fejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma kienx akkuża lill-persuni kkonċernati li jwettqu bejgħ ta’ sustanzi narkotiċi u sa fejn l-eżistenza ta’ ttraffikar ta’ sustanzi narkotiċi ma kinitx ġiet ikkonfermata mill-kundanni kriminali. |
23 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kkontesta s-sentenza mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostna li l-qorti tal-ewwel istanza ma kinitx applikat l-Artikolu 53(2) tan-NK fid-dawl tad-Direttiva 2014/42. Il-persuni kkonċernati ma jaqblux mal-opinjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u jqisu li hija biss il-proprjetà materjali, derivanti direttament mir-reat li l-persuni kkonċernati ġew ikkundannati għalih, li tista’ tiġi kkonfiskata. |
24 |
F’dan il-kuntest, l-Apelativen sad – Varna (il-Qorti tal-Appell ta’ Varna, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku fil-Kawżi C‑845/19 u C‑863/19:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
25 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/42 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-pussess ta’ sustanzi narkotiċi bl-għan li jiġu ttraffikati jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, minkejja li l-elementi kollha inerenti għat-twettiq ta’ dan ir-reat huma limitati għal Stat Membru wieħed biss. |
26 |
Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk reat li jikkonsisti fil-pussess ta’ sustanzi narkotiċi għall-finijiet tat-traffikar tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 354a(1) tan-NK, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/42. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jelenka r-reati kriminali li għalihom tapplika l-imsemmija direttiva, jiġifieri dawk koperti mill-istrumenti legali msemmija fil-punti (a) sa (k) ta’ dan l-artikolu. |
28 |
B’mod iktar partikolari, skont il-punt (g) tal-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 2014/42 tapplika għar-reati kriminali koperti mid-Deċiżjoni Qafas 2004/757. |
29 |
Issa, l-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni qafas jinkludi, fost dawn ir-reati, il-pussess jew ix-xiri ta’ drogi bl-għan li titwettaq waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, jiġifieri b’mod partikolari t-traffikar u l-bejgħ ta’ drogi. |
30 |
Għaldaqstant, reat, bħal dak imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/42. |
31 |
Fir-rigward tad-domanda magħmula, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2014/42 hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 83(1) TFUE. |
32 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 83 TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha l-possibbiltà li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet f’oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi li għandhom dimensjoni transkonfinali li tirriżulta min-natura jew mill-effett ta’ dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażi komuni. Barra minn hekk, bħalma jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu, it-“traffikar illeċitu ta’ droga” huwa wieħed minn dawn l-oqsma ta’ kriminalità. |
33 |
Għalhekk, il-pussess ta’ sustanzi narkotiċi għall-finijiet tat-traffikar tagħhom jaqa’ taħt qasam ta’ kriminalità partikolarment gravi, li għandu dimensjoni transkonfinali li tista’ tirriżulta b’mod partikolari min-natura jew mill-effetti ta’ tali reat, fis-sens tal-Artikolu 83(1) TFUE, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu kompetenza sabiex jadotta, abbażi tal-imsemmi artikolu, regoli minimi ta’ armonizzazzjoni dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet fil-qasam ikkunsidrat, mingħajr ma din il-kompetenza tkopri biss is-sitwazzjonijiet li fihom l-elementi inerenti għall-kummissjoni ta’ reat konkret ma humiex limitati għal Stat Membru wieħed biss. Barra minn hekk, tali limitazzjoni lanqas ma tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/42. |
34 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2014/42 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-pussess ta’ sustanzi narkotiċi għall-finijiet tat-traffikar tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, minkejja li l-elementi kollha inerenti għat-twettiq ta’ dan ir-reat huma limitati għal Stat Membru wieħed biss. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
35 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu tagħha li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li tkun adita biha. Minn din il-perspettiva, huwa l-kompitu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriformula d-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar it-tilwim imressaq quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espliċitament fid-domandi li dawn il-qrati jkunu għamlulha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
It-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku li jirriżulta indirettament minn reat kriminali” li jinsab fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42. |
37 |
B’mod iktar partikolari, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-konfiska ta’ vantaġġ ekonomiku miksub indirettament minn reat kriminali u, min-naħa l-oħra, jekk is-somom ta’ flus maqbuda fid-dar tal-persuni kkonċernati u tal-familja tagħhom kif ukoll fil-karozza użata minn wieħed minn dawn il-persuni kkonċernati jikkostitwixxux tali vantaġġ ekonomiku. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku li jirriżulta indirettament minn reat kriminali” jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “rikavat” li tinsab fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, li tipprovdi li r-“rikavat” huwa “kwalunkwe vantaġġ ekonomiku li jirriżulta, direttament jew indirettament minn reat kriminali” li “jista’ jikkonsisti minn kwalunkwe forma ta’ proprjetà u jinkludi kwalunkwe investiment mill-ġdid jew kwalunkwe trasformazzjoni li jsiru sussegwentement ta’ rikavat dirett u kwalunkwe benefiċċju ta’ valur”. |
39 |
Bħalma jsegwi mill-punt 2.6 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ rikavati mill-kriminalità fl-Unjoni Ewropea, (COM (2012) 85 final), fl-oriġini tad-Direttiva 2014/42, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “rikavat”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ġiet estiża meta mqabbla mad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223), sabiex tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu kkonfiskati l-benefiċċji kollha li jirriżultaw mir-rikavat tal-kriminalità, inkluż ir-rikavat indirett. |
40 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi għamel riferiment espress, fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42, għall-vantaġġi diretti jew indiretti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jistabbilixxi żewġ kunċetti distinti, li jkunu indipendenti minn xulxin. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 11 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “rikavat” ġie kkjarifikat minnha, sabiex jinkludi fih mhux biss il-proprjetà li tirriżulta direttament mir-reat kriminali kkonċernat iżda wkoll it-trasformazzjonijiet kollha ta’ din il-proprjetà kif ukoll il-benefiċċji ta’ valur l-oħrajn maħluq minnhom. |
41 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jsegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, kif jirriżulta mill-Artikolu 53(2) tan-NK, il-konfiska tal-“prodotti diretti u indiretti miksuba permezz tar-reat kriminali”. Barra minn hekk, l-Artikolu 53(3) tan-NK jippreċiża li “jikkostitwixxi ‘rikavat indirett’ kull vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mid-dispożizzjoni tar-rikavat dirett, kif ukoll minn kull proprjetà li tirriżulta mit-trasformazzjoni ulterjuri totali jew parzjali tar-rikavat dirett”. |
42 |
Jidher għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-konfiska ta’ vantaġġ ekonomiku miksub indirettament minn reat kriminali, fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42. |
43 |
Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li din id-direttiva tkun ġiet trasposta b’mod inkomplet jew skorrett fid-dritt Bulgaru, din ma tkunx tista’, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi invokata bħala tali minn Stat Membru kontra individwu sabiex tiġi eskluża dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija kuntrarja għaliha, sabiex toħloq obbligi fil-konfront tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Konsegwenzi tas-sentenza Zaizoune), C‑568/19, EU:C:2020:807, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Dan ingħad, mill-kliem stess tal-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/42 isegwi li, sabiex jiġi kklassifikat bħala “rikavat”, il-vantaġġ ekonomiku, kemm jekk ikun dirett jew indirett, għandu, fi kwalunkwe każ, jirriżulta minn reat kriminali. |
45 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, minn naħa, il-persuni kkonċernati ġew ikkundannati għall-pussess, bl-għan tat-traffikar tagħhom, ta’ sustanzi narkotiċi b’riskju għoli, liema reat kriminali ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li joħloq vantaġġ ekonomiku. Min-naħa l-oħra, minkejja li kien hemm provi li dawn il-persuni kkonċernati kienu involuti fil-bejgħ ta’ sustanzi narkotiċi, huma la ġew akkużati u lanqas ikkundannati għal tali reat kriminali. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/42 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprevedi biss il-konfiska tal-proprjetà li tikkostitwixxi “vantaġġ ekonomiku” li jirriżulta mir-reat kriminali li għalih l-awtur ta’ dan ir-reat ġie kkundannat jew li hija tipprevedi wkoll dik tal-proprjetà li tappartjeni lil dan l-awtur li għaliha hemm provi li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn attivitajiet kriminali oħrajn. |
47 |
Konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2014/42 tistabbilixxi regoli minimi dwar, b’mod partikolari, il-konfiska ta’ proprjetà f’materji kriminali. |
48 |
B’mod iktar partikolari, skont l-Artikoli 4, 5 u 6 tagħha, din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu tali konfiska fi tliet każijiet li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament. |
49 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jippermettu l-konfiska, b’mod partikolari, tar-rikavat kollu jew ta’ parti minnu, jiġifieri vantaġġi ekonomiċi miksuba, direttament jew indirettament, minn reati kriminali, bla ħsara għal kundanna definittiva għal reat kriminali, inkluża dik mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi kundanna definittiva għal reat kriminali, hija madankollu ma tispeċifikax jekk dan ir-reat kriminali għandux neċessarjament ikun dak li minnu jirriżulta r-rikavat inkwistjoni jew jekk jistax ikun reat kriminali ieħor eventwalment marbut mal-ewwel wieħed. |
51 |
Kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42 jista’ jinftiehem aħjar fir-rigward tal-każijiet ta’ konfiska msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva kif ukoll fid-dawl tal-premessa 19 tagħha. |
52 |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/42, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw il-proprjetà kollha, jew parti minnha, li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali li jista’ joħloq, direttament jew indirettament, vantaġġ ekonomiku, meta qorti, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-kawża, inklużi l-fatti konkreti u l-provi disponibbli, tkun issodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni toriġina minn attivitajiet kriminali. |
53 |
Fir-rigward tal-premessa 19 ta’ din id-direttiva, din tistipula li, sabiex il-kriminalità organizzata tkun miġġielda b’mod effettiv, jista’ jkun hemm ċerti sitwazzjonijiet li fihom, wara l-kundanna kriminali, għandha ssir il-konfiska mhux biss tal-proprjetà assoċjata ma’ reat kriminali speċifiku, iżda wkoll ta’ proprjetà addizzjonali identifikata mill-qorti bħala li tikkostitwixxi r-rikavat ta’ reati kriminali oħrajn. Skont l-istess premessa, dan l-approċċ jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “konfiska estiża”, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. |
54 |
Għalhekk, għandu jitqies li l-konfiska estiża, prevista f’dan l-Artikolu 5, tkopri sitwazzjonijiet li fihom l-Artikolu 4 tal-istess direttiva ma jistax jiġi applikat minħabba l-assenza ta’ rabta bejn il-proprjetà inkwistjoni u r-reat li għalih ingħatat il-kundanna definittiva. |
55 |
Konsegwentement, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/42, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5 tal-premessa 19 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, huwa neċessarju li r-rikavat li l-konfiska tiegħu hija prevista jirriżulta mir-reat kriminali li għalih tkun saret il-kundanna definittiva tal-awtur tiegħu. |
56 |
F’dan il-każ, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, ir-reat kriminali ta’ pussess, għall-finijiet tat-traffikar tagħhom, ta’ sustanzi narkotiċi b’riskju għoli, li għalih il-persuni kkonċernati ġew ikkundannati permezz ta’ sentenza definittiva, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jiġġenera vantaġġ ekonomiku, is-somom ta’ flus li l-konfiska tagħhom hija mitluba ma setgħux, għaldaqstant, jirriżultaw minn dan ir-reat kriminali. |
57 |
Minn dan isegwi li l-konfiska ta’ tali somom ta’ flus ma hijiex koperta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/42. |
58 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/42, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “proprjetà” li huwa jirrigwarda jkopri, skont il-punt (2) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, proprjetà ta’ “kwalunkwe deskrizzjoni” u, għaldaqstant ukoll somom ta’ flus, għandu jiġi osservat li, bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 5 jeħtieġ, għall-finijiet tal-konfiska ta’ proprjetà, li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. |
59 |
L-ewwel, il-persuna li għaliha tappartjeni l-proprjetà għandha tiġi rrikonoxxuta bħala ħatja ta’ “reat kriminali”. |
60 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/42 jippreċiża li dan il-kunċett ta’ “reat kriminali” jinkludi tal-inqas, kif jirriżulta minn dan il-paragrafu 2(e), reat kriminali ssanzjonat, konformement mal-istrument applikabbli previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, permezz ta’ piena ta’ priġunerija ta’ tul massimu ta’ mill-inqas erba’ snin. |
61 |
F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-pussess ta’ sustanzi narkotiċi għall-finijiet tat-traffikar tagħhom huwa reat kriminali ssanzjonat konformement mal-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, li għalih jirreferi l-punt (g) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/42. |
62 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, skont liema r-reat kriminali għandu jkun punibbli b’piena ta’ priġunerija għal perijodu massimu ta’ mill-inqas erba’ snin, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, il-piena massima prevista għar-reat imsemmi fl-Artikolu 2(1)(c) tagħha hija ta’ mill-inqas ħames snin, b’mod partikolari meta r-reat jirrigwarda drogi fost l-iktar dannużi għas-saħħa. |
63 |
F’dan il-każ, bħalma jsegwi mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-persuni kkonċernati ġew ikkundannati għall-pussess ta’ prodotti narkotiċi b’riskju għoli, li donnu jindika li dawn il-kundanni kienu jikkonċernaw reati li jirrigwardaw drogi fost l-iktar dannużi għas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, b’tali mod li r-reat li wettqu jidher li huwa ssanzjonat b’piena ta’ priġunerija ta’ tul massimu ta’ mill-inqas erba’ snin. |
64 |
It-tieni, ir-reat kriminali li għalih il-persuna tkun instabet ħatja għandu jkun jista’ jagħti lok, direttament jew indirettament, għal vantaġġ ekonomiku. |
65 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 20 tad-Direttiva 2014/42 tindika li, meta huma jistabbilixxu jekk reat kriminali jistax iwassal, direttament jew indirettament, għal tali vantaġġ, “l-Istati Membri jistgħu jieħdu f’kunsiderazzjoni l-modus operandi, pereżempju jekk xi kondizzjoni għar-reat tkun li dan twettaq fil-kuntest ta’ kriminalità organizzata jew bil-ħsieb li jiġu ġġenerati profitti minn reati kriminali”. It-tieni sentenza tal-imsemmija premessa tippreċiża madankollu li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi modus operandi“ma għandux, inġenerali, jippreġudika l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-konfiska estiża”. |
66 |
Għaldaqstant, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-reat inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li jikkonsisti fil-pussess ta’ prodotti narkotiċi b’riskju għoli għall-finijiet tat-traffikar tagħhom jistax jagħti lok, direttament jew indirettament, għal vantaġġ ekonomiku, billi tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-modus operandi tar-reat, fost liema b’mod partikolari hemm iċ-ċirkustanza li dan twettaq fil-kuntest tal-kriminalità organizzata jew bl-intenzjoni li jinkisbu profitti regolari minn reati kriminali. |
67 |
It-tielet, kif isegwi mill-premessa 21 tad-Direttiva 2014/42, il-qorti għandha, fi kwalunkwe każ, tkun konvinta, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-kawża, inklużi tal-elementi fattwali konkreti u tal-provi disponibbli, li l-proprjetà inkwistjoni toriġina minn attivitajiet kriminali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/42, l-isproporzjon bejn il-valur tal-proprjetà inkwistjoni u d-dħul legali tal-persuna kkundannata. Dan ingħad, din il-persuna għandu jkollha possibbiltà reali li tikkontesta ċ-ċirkustanzi tal-każ, inklużi l-fatti konkreti u l-provi disponibbli li abbażi tagħhom il-proprjetà kkonċernata titqies bħala proprjetà li toriġina minn attivitajiet kriminali, skont il-kliem tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/42. |
68 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/42, dwar il-konfiska tal-assi ta’ terzi, dan jitlob lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jippermettu l-konfiska ta’ rikavat jew ta’ proprjetà li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dak tar-rikavat li jkun ġie ttrasferit, direttament jew indirettament, lil terzi minn persuna ssuspettata jew akkużata, jew li jkun ġie akkwistat minn terzi mingħand persuna ssuspettata jew akkużata, tal-inqas fil-każijiet fejn dawn it-terzi kienu jafu jew messhom kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska. |
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konfiska msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/42 tippreżupponi li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ rikavat lil terz jew ta’ akkwist ta’ tali rikavat minn terz kif ukoll l-għarfien minn dan it-terz tal-fatt li dan it-trasferiment jew dan l-akkwist kellu bħala għan, għall-persuna ssuspettata jew akkużata, li tevita l-konfiska. |
70 |
Issa, id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jindikawx li dan huwa l-każ fil-kawżi prinċipali, b’tali mod li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/42 ma jidhirx rilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi. |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2014/42 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprevedix biss il-konfiska tal-proprjetà li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mir-reat kriminali li l-awtur ta’ dan ir-reat ġie kkundannat għalih, iżda li hija tipprevedi wkoll dik tal-proprjetà li tappartjeni lil dan l-awtur li l-qorti nazzjonali adita bil-kawża hija konvinta li toriġina minn attivitajiet kriminali oħrajn, b’osservanza tal-garanziji previsti fl-Artikolu 8(8) ta’ din id-direttiva u bil-kundizzjoni li r-reat li l-imsemmi awtur ġie ddikjarat li huwa ħati tiegħu jinsab fost dawk elenkati fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva u li dan ir-reat ikun jista’ jagħti lok, direttament jew indirettament, għal vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-istess direttiva. |
Fuq ir-raba’ domanda
72 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, favur l-Istat, ta’ proprjetà li huwa allegat li tappartjeni lil persuna differenti mill-awtur tar-reat kriminali inkwistjoni, mingħajr ma din il-persuna ma jkollha l-possibbiltà li tikkostitwixxi ruħha bħala parti fil-proċedura ta’ konfiska. |
73 |
Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, skont liema d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv, C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jsegwi li l-Artikolu 53(2)(b) tan-NK ġie introdott permezz taż-zakon za izmenenie i dopalnenie na nakazatelnia kodeks (il-Liġi li Temenda u li Tissupplimenta l-Kodiċi Kriminali) (DV Nru 7 tat‑22 ta’ Jannar 2019), u li din il-liġi tinvolvi l-implimentazzjoni, fid-dritt Bulgaru, tad-Direttiva 2014/42, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għalhekk, bl-adozzjoni ta’ din l-istess liġi, il-leġiżlatur Bulgaru kien obbligat jirrispetta d-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
75 |
Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu u b’mod partikolari li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust. Barra minn hekk, id-drittijiet fundamentali msemmija fl-imsemmi Artikolu 47 huma affermati mill-ġdid mid-Direttiva 2014/42 innifisha, li l-Artikolu 8(1) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-persuni kkonċernati mill-miżuri previsti minn din id-direttiva jkollhom dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom. |
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minħabba n-natura ġenerali tal-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/42, il-persuni li lilhom l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu rimedji effettivi u smigħ xieraq ma humiex biss dawk irrikonoxxuti ħatja ta’ reat iżda wkoll it-terzi li l-proprjetà tagħhom hija kkonċernata mid-deċiżjoni ta’ konfiska (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv, C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 61). |
77 |
Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42, li tistipula li din id-direttiva tippreġudika b’mod sinjifikattiv id-drittijiet tal-persuni, mhux biss tal-persuni ssuspettati jew tal-akkużati, iżda wkoll ta’ terzi li ma humiex is-suġġett ta’ prosekuzzjoni filwaqt li jsostnu li huma s-sidien tal-proprjetà kkonċernata. Għaldaqstant huwa meħtieġ, skont din il-premessa, li jiġu previsti garanziji speċifiċi u rimedji ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fl-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
78 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tagħha, id-Direttiva 2014/42 tipprevedi diversi garanziji speċifiċi sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali ta’ tali terzi fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. |
79 |
Fost dawn il-garanziji hemm dik prevista fl-Artikolu 8(7) tal-imsemmija direttiva, skont liema l-persuni li l-proprjetà tagħhom tkun ġiet affettwata mid-deċiżjoni ta’ konfiska għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat matul il-proċedimenti kollha ta’ konfiska f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tar-rikavat u l-mezzi strumentali sabiex ikunu jistgħu jħarsu d-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, il-persuni kkonċernati għandhom jiġu informati b’dan id-dritt. |
80 |
Fid-dawl tal-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza u sa fejn l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2014/42 ma jagħmilx riferiment biss għall-persuna akkużata jew misjuba ħatja ta’ reat kriminali iżda, b’mod iktar ġenerali, għall-persuni li l-proprjetà tagħhom hija kkonċernata, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għat-terzi li jallegaw li huma l-proprjetarji tal-proprjetà li hija maħsuba l-konfiska tagħha, li, konformement mal-Artikolu 8(9) ta’ din id-direttiva, għandhom id-dritt li jinvokaw it-titolu ta’ proprjetà tagħhom fuq din il-proprjetà u dan, inkluż, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva. |
81 |
Barra minn hekk, id-dritt ta’ aċċess għal avukat matul il-proċedura kollha ta’ konfiska evidentement jinkludi d-dritt għal dan it-terz għal smigħ fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiżgura lid-detentur tiegħu l-possibbiltà li jagħmel il-perspettiva tiegħu magħrufa b’mod utli u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 34), fatt li huwa kkonfermat mill-premessa 33 tad-Direttiva 2014/42, skont liema l-garanziji speċifiċi u r-rimedji ġudizzjarji sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tat-terzi, fl-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva, jinkludu d-dritt għal smigħ għat-terzi li jsostnu li huma l-proprjetarji tal-proprjetà kkonċernata. |
82 |
Mill-Artikolu 8(1), (7) u (9) tad-Direttiva 2014/42 jirriżulta għalhekk li terz li jallega jew fejn huwa allegat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konfiska, li huwa l-proprjetarju tal-proprjetà li l-konfiska tagħha hija maħsuba, għandu jiġi informat bid-dritt tiegħu li jikkostitwixxi parti fil-kuntest tal-imsemmija proċedura kif ukoll bid-dritt tiegħu għal smigħ u għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita dawn id-drittijiet u li jinvoka t-titolu ta’ proprjetà tiegħu qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ konfiska ta’ din il-proprjetà. |
83 |
F’dan il-każ, il-Gvern Bulgaru espona, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, skont id-dritt Bulgaru, terzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma jistgħux jikkostitwixxu partijiet fil-kuntest tal-proċedura stess ta’ konfiska prevista fil-punt (1) tal-Artikolu 306(1) tan-NPK. Madankollu, skont dan il-gvern, id-dritt Bulgaru joffri lil kull terz li jallega li d-dritt ta’ proprjetà tiegħu nkiser fil-kuntest ta’ tali proċedura l-possibbiltà li jsostni t-talba tiegħu quddiem qorti ċivili. B’mod iktar preċiż, dan it-terz jista’ jinvoka l-azzjoni rivendikatorja, irregolata mill-Artikolu 108 taż-zakon za sobstvenostta (il-Liġi dwar il-Proprjetà) (DV Nru 92 tas‑16 ta’ Novembru 1951). |
84 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza, fid-dritt Bulgaru, ta’ tali azzjoni ma tippermettix li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 8(1), (7) u (9) tad-Direttiva 2014/42, kif ippreċiżat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, permezz ta’ tali azzjoni, it-terz jista’ l-iktar l-iktar jirreaġixxi għall-ksur eventwali tad-dritt għall-proprjetà tiegħu li jkun jirriżulta minn deċiżjoni ta’ konfiska tal-proprjetà tiegħu, iżda mhux jinvoka dan id-dritt sabiex jipprevjeni l-adozzjoni stess ta’ tali deċiżjoni. |
85 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1), (7) u (9) tad-Direttiva 2014/42, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-konfiska, favur l-Istat, ta’ proprjetà li huwa allegat li tappartjeni lil persuna differenti mill-awtur tar-reat kriminali, mingħajr ma din il-persuna ma jkollha l-possibbiltà li tikkostitwixxi ruħha bħala parti fil-proċedura ta’ konfiska. |
Fuq l-ispejjeż
86 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.