KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )
Kawża C‑666/19 P
Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ aspartam li joriġinaw miċ-Ċina – Applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Determinazzjoni tal-valur normali fuq il-bażi tal-prezz fl-Unjoni Ewropea għall-prodott simili – Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping – Aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu”
Werrej
I. Il‑kuntest ġuridiku |
|
II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata |
|
IV. Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet |
|
V. Analiżi |
|
A. Ir‑Regolament 2016/1036 huwa applikabbli ratione temporis għal din il-kawża? |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Evalwazzjoni |
|
B. It‑tieni aggravju |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Evalwazzjoni |
|
a) Ammissibbiltà |
|
b) Il‑mertu |
|
1) It‑tielet parti tat‑tieni aggravju |
|
2) L‑ewwel parti tat‑tieni aggravju |
|
C. It‑tielet aggravju |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Evalwazzjoni |
|
a) L‑ammissibbiltà |
|
b) Il‑mertu |
|
1) It‑tielet parti tat‑tielet aggravju |
|
2) L‑ewwel parti tat‑tielet aggravju |
|
3) Ir‑raba’ parti tat‑tielet aggravju |
|
4) It‑tieni parti tat‑tielet aggravju |
|
D. Ir‑raba’ aggravju |
|
1. L‑argumenti tal‑partijiet |
|
2. Evalwazzjoni |
|
VI. L‑ispejjeż |
|
VII. Konklużjoni |
1. |
B’dan l-appell, Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2019, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1247 (iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”) ( 3 ) li impona dazju antidumping ta’ 55.4 % fuq l-importazzjonijiet tal-produzzjoni tagħha ta’ aspartam. |
2. |
Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità sabiex tiddeċiedi dwar il-limitu sa fejn il-Kummissjoni Ewropea tista’, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, tiddetermina l-valur normali mhux billi jintuża l-metodu prinċipali stabbilit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 ( 4 ), jiġifieri, fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem il-“pajjiż analogu”), iżda bl-użu ta’ metodu ieħor, jiġifieri, fuq il-bażi tal-prezz attwalment imħallas jew li jkun pagabbli fl-Unjoni Ewropea għall-prodott simili. Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni tas-setgħa, jew id-dmir, tal-Kummissjoni, li tagħmel aġġustamenti bl-għan ta’ determinazzjoni mhux biss tal-marġni ta’ dumping, iżda anki l-eżistenza ta’ dannu. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
3. |
L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 li jikkorrispondi għall-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), jistabbilixxi: “Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-[Unjoni], jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas [fl-Unjoni] għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli. Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni. […]” |
4. |
L-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, li jikkorrispondi għall-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2016/1036, jipprevedi: “Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. […]” |
5. |
Skont il-paragrafu 2 u 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1225/2009, intitolat “Tistabbilixxi l-ħsara”, li jikkorrispondi għall-paragrafu 2 u 3 tar-Regolament 2016/1036: “2. Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’:
3. Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum [fl-Unjoni]. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija [tal-Unjoni], jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.” |
II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
6. |
Fit‑30 ta’ Mejju 2015, wara lment ippreżentat fis‑16 ta’ April 2015 mill-produttur uniku tal-aspartam fl-Unjoni, jiġifieri Ajinomoto Sweeteners Europe SAS, illum Hyet Sweet SAS, il-Kummissjoni fetħet proċedura antidumping rigward l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw miċ-Ċina għall-Unjoni. |
7. |
L-aspartam huwa ingredjent ta’ taħlil prodott fil-forma ta’ kristalli bojod u mingħajr riħa ta’ diversi daqsijiet b’togħma simili għaz-zokkor iżda b’żieda fil-qawwa tal-ħlewwa u b’valur kaloriku kunsiderevolment inqas. Jintuża prinċipalment bħala sostitut taz-zokkor fl-industriji tas-soft drinks, tal-ikel u tal-ħalib ( 6 ). |
8. |
Fil‑25 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat ir-regolament provviżorju. |
9. |
Fit‑28 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat ir-regolament kontenzjuż, li permezz tiegħu imponiet dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam prodott minn diversi kumpanniji Ċiniżi, inkluż, kif imsemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq, dazju ta’ 55.4 % fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam prodott minn Changmao Biochemical Engineering. |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
10. |
Fil‑21 ta’ Ottubru 2016, Changmao Biochemical Engineering ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-regolament kontenzjuż. |
11. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. |
12. |
Peress li ntlabt mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex nillimita ruħi f’dawn il-konklużjonijiet għal eżami tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ aggravju, li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tat-tieni u tat-tielet motiv imqajma quddiemha, sejjer nagħti sommarju iktar ’il quddiem tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali biss fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ motivi. |
13. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv, li allega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament 2016/1036 billi kkalkolat il-valur normali fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-uniku produttur tal-Unjoni għall-prodott simili fis-suq tal-Unjoni, minflok fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ produttur tal-pajjiż analogu kkontemplat, jiġifieri l-Ġappun. Skont il-Qorti Ġenerali, jidher mill-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni li, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista’ tagħżel li ma tapplikax ir-regola ġenerali stabbilita f’din id-dispożizzjoni (li skontha l-valur normali għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-prezzijiet f’pajjiż analogu, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet minn dan il-pajjiż għal pajjiżi oħra), billi tintuża xi “bażi raġonevoli oħra”, biss fejn ikun impossibbli li tiġi applikata din ir-regola ġenerali. Dan huwa l-każ meta l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-għażla ma tkunx affidabbli u x’aktarx twassal għal għażla mhux xierqa u irraġonevoli ta’ pajjiż analogu. F’din il-kawża, id-data pprovduta mill-produttur Ġappuniż ma kinitx affidabbli, u l-partijiet ikkonċernati kienu qajmu tħassib dwar l-għażla tal-Ġappun bħala pajjiż analogu. Barra minn hekk, minħabba r-rarità tal-produtturi tal-aspartam f’pajjiżi simili u d-diffikultà li jinstab produttur li jixtieq jikkoopera, il-Kummissjoni ma naqsitx milli toqgħod debitament attenta fit-tfittxija tagħha għal pajjiżi analogi. |
14. |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv, li allega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(10), l-Artikolu 3(2)(a) u (3) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament 2016/1036 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti neċessarji sabiex tiżgura paragun ġust tal-prezz. L-ewwel, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament meta rrifjutat li tagħmel aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Dan minħabba li Changmao Biochemical Engineering naqset milli turi li d-differenzi allegati fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn il-produttur tal-Unjoni u hi stess affettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezz, u għalhekk kienu meħtieġa l-aġġustamenti. Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet invokati minn Changmao Biochemical Engineering ma kienet tobbliga lill-Kummissjoni tagħmel aġġustamenti bl-għan li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu. It-tieni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-dikjarazzjoni ta’ Changmao Biochemical Engineering li l-Kummissjoni imponiet fuqha oneru tal-prova irraġonevoli billi obbligatha turi li d-differenzi allegati fl-ispejjeż ta’ produzzjoni affettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet meta ma kellhiex aċċess għad-data tal-industrija tal-Unjoni. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, dan kien minħabba li d-data relatata mal-produttur tal-Unjoni kienet ġiet żvelata lil Changmao Biochemical Engineering, u din kellha l-oneru li tipprova impatt fuq il-prezzijiet. |
IV. Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet
15. |
B’dan l-appell, Changmao Biochemical Engineering titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata; tagħti sentenza finali fuq il-kwistjoni u tannulla r-regolament kontenzjuż sa fejn dan jikkonċerna lil Changmao Biochemical Engineering; u tikkundanna lill-Kummissjoni u lil Hyet Sweet għall-ispejjeż. Sussidjarjament, Changmao Biochemical Engineering titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, relatat mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament 2016/1036, jew, sussidjarjament ukoll, tiddeċiedi dwar kwalunkwe motivi oħra mqajma fl-ewwel istanza; u tirriżerva l-ispejjeż. |
16. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Changmao Biochemical Engineering għall-ispejjeż. |
V. Analiżi
17. |
Changmao Biochemical Engineering tqajjem ħames aggravji. Kif imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq, ġejt mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex nillimita ruħi f’dawn il-konklużjonijiet għall-eżami tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ aggravju. |
18. |
Madankollu, tqum kwistjoni preliminari dwar l-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament 2016/1036, li fuqu huwa bbażat ir-regolament kontenzjuż ( 7 ). Fil-fatt, ir-Regolament 2016/1036, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1225/2009, daħal fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, fl-għoxrin ġurnata wara t‑30 ta’ Ġunju 2016 ( 8 ). Għaldaqstant, ir-Regolament 2016/1036 daħal fis-seħħ qabel l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż fit‑28 ta’ Lulju 2016, iżda wara l-fatti li qegħdin jiġu investigati. Għalhekk tqum il-mistoqsija jekk il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ( 9 ) wettqux żball billi applikaw ir-Regolament 2016/1036, minflok ir-Regolament Nru 1225/2009. Ġiet indirizzata mistoqsija għal tweġiba bil-miktub f’dan is-sens lill-partijiet, li wieġbu fit-terminu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sejjer neżamina jekk ir-Regolament 2016/1036 kienx applikabbli ratione temporis (Taqsima A) qabel neżamina t-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravju (Taqsimiet B, C u D). |
A. Ir‑Regolament 2016/1036 huwa applikabbli ratione temporis għal din il-kawża?
1. L‑argumenti tal‑partijiet
19. |
Changmao Biochemical Engineering issostni li r-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 1225/2009 kienu jirregolaw l-adozzjoni tad-dazju antidumping f’din il-kawża, peress li dan ir-regolament kien fis-seħħ fid-data tal-fatti li huma fil-bażi, tal-evalwazzjoni definittiva tagħhom fid-dokument ta’ żvelar ġenerali, u tal-kummenti ta’ Changmao Biochemical Engineering fuq dan id-dokument. Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet żball billi għamlet riferiment għar-Regolament 2016/1036 fir-regolament kontenzjuż. |
20. |
B’kuntrast, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Regolament 2016/1036 kien jirregola l-adozzjoni tad-dazju antidumping f’din il-kawża. Dan isegwi, fil-fehma tagħha, mill-ġurisprudenza kmieni iżda attwali, li ma tagħmel ebda distinzjoni bejn regoli sostantivi u proċedurali, u mill-fatt li r-Regolament 2016/1036 huwa sempliċi kodifikazzjoni tar-Regolament Nru 1225/2009 u tal-emendi għal dan ir-regolament. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li mis-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 28) isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina ex officio l-applikabbiltà ratione temporis ta’ regoli sostantivi. |
2. Evalwazzjoni
21. |
Għandi nenfasizza mill-bidu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1036 li huwa allegat il-ksur tagħhom f’din il-kawża ( 10 ) huma identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 1225/2009. Għalhekk, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali wettqu żball fid-determinazzjoni tar-regolament applikabbli, dan ma jkollu ebda impatt fuq l-eżitu tal-kawża. Madankollu, jidhirli li huwa importanti li jiġi ddeterminat liema regolament huwa applikabbli għal din il-kawża, inkella s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun ibbażata fuq regolament li ma huwiex applikabbli ratione temporis. |
22. |
Sejjer neżamina, l-ewwel, jekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tistax teżamina ex officio jekk ir-Regolament 2016/1036 huwiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża, u, it-tieni, jekk dan ir-regolament huwiex applikabbli. |
23. |
L-ewwel, jiena tal-fehma li l-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament 2016/1036 tista’ tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
24. |
Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li ċerti motivi jistgħu, u saħansitra għandhom, jitqajmu ex officio, motiv ibbażat fuq il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kontenzjuża, jista’, min-naħa l-oħra, jiġi eżaminat mill-qrati tal-Unjoni biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent ( 11 ). |
25. |
Madankollu, isegwi wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jorbtu lilhom infushom mal-argumenti mqajma mill-partijiet insostenn tat-talbiet tagħhom, għax altrimenti jkollhom, f’ċerti ċirkustanzi, jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati ( 12 ). Għalhekk, il-qrati tal-Unjoni għandhom il-fakultà u, fejn xieraq, l-obbligu li jqajmu ex officio ċerti motivi ta’ legalità interna. Il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà ddeċidew li dan japplika għal motiv li jallega li ġie mifhum ħażin il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ( 13 ). |
26. |
Għandu jsir riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wurster vs EIGE (F‑20/12 u F‑43/12, EU:F:2013:129), li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina ex officio l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ġenerali li jikkonċernaw il-persunal tal-maniġment intermedju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi ( 14 ), li kienu ġew adottati wara li r-rikorrenti ffirmat kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju, iżda qabel ma lestiet il-perijodu ta’ prova, li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ġenerali estendew. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ġenerali ma kinux applikabbli ratione temporis ( 15 ). |
27. |
Għalhekk, b’analoġija, nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk ir-Regolament 2016/1036 huwiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża. |
28. |
It-tieni, jiena tal-fehma li r-Regolament 2016/1036 ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża. |
29. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, regoli ġodda japplikaw immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt ir-reġim il-qadim. Min-naħa l-oħra, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett ( 16 ). Fi kliem ieħor, filwaqt li r-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati li japplikaw immedjatament għal sitwazzjonijiet li jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regoli sostantivi huma ġeneralment ikkunsidrati li ma japplikawx għal dawn is-sitwazzjonijiet, sakemm ma jipprevedux mod ieħor. |
30. |
Ma hemm ebda kontestazzjoni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1036 li huwa allegat il-ksur tagħhom f’din il-kawża ( 17 ) jistabbilixxu regoli sostantivi ( 18 ). Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2016/1036 ma tistabbilixxi li dan ir-regolament japplika għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. |
31. |
Għaldaqstant, isegwi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1036 li huwa allegat il-ksur tagħhom ma humiex applikabbli f’din il-kawża. |
32. |
Il-konklużjoni tiegħi fil-punt 31 hawn fuq ma hijiex ikkontestata mis-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258), tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372), u tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709), li l-Kummissjoni tinvoka sabiex issostni li ma għandha ssir ebda distinzjoni bejn ir-regoli proċedurali u sostanzjali, bir-riżultat li kwalunkwe regoli ġodda, anki sostantivi, għandhom japplikaw immedjatament għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. |
33. |
Huwa minnu li, fis-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punti 129 sa 140), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 ), li estenda t-terminu ta’ tliet xhur għall-Kummissjoni sabiex tagħmel determinazzjoni dwar talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq, kien applikabbli ratione temporis minkejja li daħal fis-seħħ wara li skada t-terminu ta’ tliet xhur f’dan il-każ partikolari mingħajr il-Kummissjoni ma kienet għamlet determinazzjoni dwar it-talba tal-produtturi esportaturi Ċiniżi ( 20 ). Madankollu, is-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti mis-sitwazzjoni f’din is-sentenza. L-ewwel, b’differenza mir-Regolament 2016/1036, ir-Regolament Nru 1168/2012 jinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji. Huwa espressament jiddikjara li japplika “għall-investigazzjonijiet ġodda u pendenti kollha mill‑15 ta’ Diċembru 2012” ( 21 ) – data li fiha l-investigazzjoni kienet għadha pendenti f’din il-kawża. It-tieni, ir-Regolament Nru 1168/2012, sa fejn jestendi t-terminu ta’ tliet xhur imsemmi iktar ’il fuq, jista’ jiġi kkunsidrat bħala regola proċedurali. Bħala tali, huwa għandu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, japplika immedjatament għal sitwazzjonijiet eżistenti. Għalhekk, il-punti 135 u 136 ta’ din is-sentenza, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li s-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kienet iddeterminata b’mod definittiv biss mad-dħul fis-seħħ tar-regolament li jimponi dazji antidumping fuqhom, ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi sostnut, kif, essenzjalment, tagħmel il-Kummissjoni, li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping hija rregolata minn kwalunkwe regoli li jkunu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħhom. |
34. |
Huwa minnu wkoll li, fis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punti 121 sa 129), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali ( 22 ) kienu applikabbli ratione temporis minkejja li kienu daħlu fis-seħħ wara l-adozzjoni tal-għajnuna ppjanata ( 23 ). Madankollu, dawn il-linji gwida espressament iddikjaraw li kienu japplikaw għal għajnuna mhux innotifikata implimentata qabel l-adozzjoni tagħhom – li kien il-każ bil-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Għalhekk, is-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti mis-sitwazzjoni f’dik is-sentenza, peress li, b’differenza mil-linji gwida inkwistjoni f’dik is-sentenza, ir-Regolament 2016/1036 ma jinkludi ebda dispożizzjonijiet tranżitorji. |
35. |
Finalment, huwa minnu li, fis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punti 43 sa 59), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 ( 24 ) kien applikabbli ratione temporis minkejja li kien ġie adottat wara n-notifka tal-għajnuna inkwistjoni ( 25 ). Madankollu, nenfasizza li, sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat, fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, il-fatt li n-notifika ta’ għajnuna ppjanata ma tagħtix lok għal sitwazzjoni stabbilita b’mod definittiv peress li hija intiża biss li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kontroll preventiv tal-għajnuna mill-Istat. Ovvjament, ma hemm ebda rekwiżit ta’ notifika fil-qasam tad-dritt antidumping. Għalhekk, din is-sentenza ma tistax tiġi invokata sabiex jiġu sostnut, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping hija rregolata mir-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħhom. |
36. |
Fi kwalunkwe każ, nenfasizza li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-Kummissjoni li r-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni japplikaw immedjatament għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, ma jsegwix li r-Regolament 2016/1036 huwa applikabbli ratione temporis għal din il-kawża. |
37. |
Dan huwa minħabba li, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni f’din il-kawża ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “eżistenti” fid-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament 2016/1036. Fil-fatt, il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping wassal sal‑31 ta’ Marzu 2015 ( 26 ). Għalhekk, il-fatti jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/1036. Barra minn hekk, id-determinazzjoni ta’dawn il-fatti tlestiet qabel ma dan ir-regolament daħal fis-seħħ, peress li l-iżvelar finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, is-sottomissjoni ta’ osservazzzjonijiet dwar l-iżvelar, u s-seduta lkoll jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/1036 ( 27 ). Fi kliem ieħor, il-fatti ġew stabbiliti b’mod definittiv qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament 2016/1036. |
38. |
L-approċċ fil-punt 37 iktar ’il fuq huwa konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis tal-liġi kif ukoll mar-rekwiżiti marbuta mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi timponi l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni anki meta dawn ir-regoli ma jkunux għadhom fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ att minn istituzzjoni tal-Unjoni ( 28 ). |
39. |
Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li skontha, fejn il-fatti koperti mill-investigazzjoni antidumping jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/1036, iżda l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping ssegwi d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-regolament, is-sitwazzjoni hija rregolata mir-regoli proċedurali stabbiliti fir-Regolament 2016/1036, u mir-regoli sostantivi stabbiliti mir-Regolament Nru 1225/2009 ( 29 ). |
40. |
Nikkonkludi li r-Regolament 2016/1036 ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża, u li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi għamlet riferiment, fil-punt 1 tas-sentenza appellata, għal dan ir-regolament bħala r-regolament applikabbli. |
41. |
Madankollu, infakkar li, kif imsemmi fil-punt 21 iktar ’il fuq, peress li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1225/2009 li huwa allegat il-ksur tagħhom f’din il-kawża huma identiċi għal dawk tar-Regolament 2016/1036, dan ma għandu ebda impatt fuq l-eżitu tal-kawża. |
42. |
Madankollu, sejjer nagħmel riferiment iktar ’il quddiem fl-analiżi tiegħi tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ aggravju mhux għar-Regolament 2016/1036, iżda għar-Regolament Nru 1225/2009. |
B. It‑tieni aggravju
1. L‑argumenti tal‑partijiet
43. |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li, billi naqset milli titlob u tevalwa lista ddettaljata tal-esportazzjonijiet mingħand il-produttur esportatur Ġappuniż, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(7)(a) u l-Artikolu 6(8) tar-Regolament 2016/1036 jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas ma kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha. It-tieni aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. |
44. |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat, fil-punti 113, 115, 116, 128 u 129 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament 2016/1036, jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas ma kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha, billi ddeterminat il-valur normali fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni anki jekk ma talbitx lill-produttur esportatur Ġappuniż jipprovdi data għal kull tranżazzjoni individwali dwar il-bejgħ tal-esportazzjoni tiegħu. Fil-fehma ta’ Changmao Biochemical Engineering, isegwi mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament 2016/1036 li, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, il-valur normali jista’ jiġi ddeterminat fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni biss jekk il-prezz domestiku f’pajjiż analogu u l-prezz ta’ esportazzjoni minn dak il-pajjiż ma jkunux affidabbli. Madankollu, f’din il-kawża, ma jistax jiġi eskluż li ċerti tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-produttur esportatur Ġappuniż kienu jħallu profitt, u għaldaqstant, affidabbli, peress li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha biss data aggregata, mhux data għal kull tranżazzjoni individwali, rigward il-bejgħ ta’ esportazzjoni ta’ dan il-produttur. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkonstatat, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ kollu ta’ esportazzjoni ta’ dak il-produttur irriżulta f’telf. Isegwi li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina l-valur normali fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni. |
45. |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, li, billi ma talbitx data għal kull tranżazzjoni individwali mingħand il-produttur esportatur Ġappuniż u billi ma eżaminatx din l-informazzjoni, hija naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 6(8) tar-Regolament 2016/1036 li “[teżamina] għall-preċiżjoni sa fejn ikun possibbli” l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati. |
46. |
Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat, fil-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata, li kienet l-appellanti li kellha tipproduċi evidenza li l-marġni ta’ dumping kien ikun inqas mill-marġni ta’ dannu kieku ttieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur Ġappuniż. Minflok, hija l-Kummissjoni li għandha tikkunsidra ex officio l-informazzjoni disponibbli kollha. |
47. |
Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa ineffettiv fl-intier tiegħu, peress li ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 112 u 114 tas-sentenza appellata, li d-data pprovduta mill-produttur esportatur Ġappuniż ma kinitx affidabbli, u ma jispjegax għaliex data addizzjonali mitluba mingħand dak il-produttur ma kienx ikollha l-istess nuqqasijiet. |
48. |
Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li t-tielet parti tat-tieni aggravju, kif miġbura fil-qosor fil-punt 46 iktar ’il fuq, hija infondata u li, konsegwentement, l-ewwel u t-tieni parti ta’ dak l-aggravju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, huma ineffettivi. |
49. |
Sussidjarjament ukoll, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, huma jew ineffettivi (l-ewwel parti, sa fejn tallega żnaturament tal-fatti fil-punt 113 tas-sentenza appellata) jew inammissibbli (it-tieni parti), u li, fi kwalunkwe każ, huma infondati. |
2. Evalwazzjoni
50. |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jew ma kisritx id-dmir ta’ diliġenza tagħha, meta ddeterminat il-valur normali billi użat id-data mill-industrija tal-Unjoni anki jekk hija ma talbitx lill-produttur esportatur Ġappuniż jipprovdi data għal kull tranżazzjoni individwali rigward il-bejgħ ta’ esportazzjoni tiegħu. |
51. |
Kif ġie spjegat fil-punti 44 sa 46 iktar ’il fuq, it-tieni aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti, li hija intiża kontra l-punti 113, 115, 116, 128 u 129 tas-sentenza appellata, tallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ksur tad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. It-tieni parti, intiża kontra l-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, tallega ksur tal-Artikolu 6(8) ta’ dak ir-regolament. Permezz tat-tielet parti, li hija intiża kontra l-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat li kienet ir-rikorrenti li kellha tipproduċi evidenza li l-marġni ta’ dumping kien ikun inqas mill-marġni ta’ dannu kieku ttieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ ta’ esportazzjoni tal-produttur esportatur Ġappuniż. |
a) Ammissibbiltà
52. |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni parti tat-tieni aggravju, fuq il-bażi li din ma tqajmitx fl-ewwel istanza. |
53. |
Quddiem il-Qorti Ġenerali, Changmao Biochemical Engineering sostniet li, billi ddeterminat il-valur normali fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 u kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha. Hija ma sostnietx li, billi għamlet dan, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6(8) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tissemma’ mkien fis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Changmao Biochemical Engineering quddiem il-Qorti Ġenerali. |
54. |
Barra minn hekk, ma hemm ebda riferiment għall-Artikolu 6(8) tar-Regolament Nru 1225/2009 fil-punti 102 sa 130 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali teżamina u tiċħad il-motiv miġbur fil-qosor fil-punt 53 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, ma hemm ebda riferiment għal din id-dispożizzjoni fil-punti 125 u 126 ta’ dik is-sentenza, li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija intiża kontrihom. |
55. |
Għalhekk, nikkunsidra li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli. |
b) Il‑mertu
56. |
Sejjer neżamina t-tielet parti tat-tieni aggravju qabel nevalwa l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju. |
1) It‑tielet parti tat‑tieni aggravju
57. |
Mill-bidu, għandi nsemmi li, skont ir-regola tad-“dazju mnaqqas” stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009, l-“ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġini tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġini jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni]”. Għaldaqstant, il-marġni ta’ dannu jintuża sabiex tiġi ddeterminata r-rata tad-dazju antidumping fejn il-marġni ta’ dumping ikun ogħla mill-marġni ta’ dannu. F’din il-kawża, id-dazju antidumping impost fuq Changmao Biochemical Engineering ġie stabbilit fil-livell tal-marġni ta’ dannu (55.4 %) peress li kien iktar baxx mill-marġni ta’ dumping (124 %) ( 30 ). |
58. |
Sabiex jiġi miċħud l-argument ta’ Changmao Biochemical Engineering li l-valur normali kellu jiġi ddeterminat bl-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur Ġappuniż, minflok id-data tal-industrija tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali invokat, fil-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata, il-fatt li Changmao Biochemical Engineering ma wrietx li, kieku l-valur normali kien ġie kkalkolat kif ipproponiet, il-marġni ta’ dumping kien ikun iktar baxx mill-marġni ta’ dannu, u li, għaldaqstant, id-dazju antidumping impost fuqha kien ikun iffissat fuq il-bażi tal-marġni ta’ dumping. |
59. |
Kif imsemmi fil-punt 51 iktar ’il fuq, bit-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-punti 117 u 118 tas-sentenza appellata jinkludu żball ta’ liġi. |
60. |
Bħalma ssostni l-Kummissjoni, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonstata ebda żball ta’ liġi f’dawn il-punti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju jkollha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Changmao Biochemical Engineering kienet meħtieġa turi li l-marġni ta’ dumping kien ikun iktar baxx mill-marġni ta’ dannu kieku l-valur normali kien ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur Ġappuniż, li, kif ma huwiex ikkontestat, Changmao Biochemical Engineering naqset milli tagħmel, ikun irrilevanti jekk il-valur normali setax ġie kkalkolat b’dan il-mod mingħajr ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u bi ksur tad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk li, kif imsemmi fil-punt 56 iktar ’il fuq, sejjer neżamina t-tielet parti tat-tieni aggravju qabel nevalwa l-ewwel parti ta’ dak l-aggravju. |
61. |
Jiena tal-fehma li t-tielet parti tat-tieni aggravju hija fondata, iżda madankollu għandha xorta tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
62. |
Nikkunsidra li, fil-każijiet fejn id-dazju antidumping huwa stabbilit fuq il-bażi tal-marġni ta’ dannu, produttur li ġie impost fuqu dazju antidumping jista’ jikkontesta l-kalkolu tal-marġni ta’ dumping anki jekk ma jkunx wera li, kieku l-marġni ta’ dumping kien ġie kkalkolat kif jipproponi hu, kien ikun iktar baxx mill-marġni ta’ dannu, u li, għaldaqstant, id-dazju antidumping kien ikun stabbilit fuq il-bażi tal-marġni ta’ dumping. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-punt 118 tas-sentenza appellata jinkludi żball ta’ liġi, u t-tielet parti tat-tieni aggravju huwa fondat għar-raġunijiet stabbiliti iktar ’il quddiem. |
63. |
L-ewwel, huwa minnu li, f’ċerti każijiet, l-appellanti kienet ġiet meħtieġa, sabiex tikkontesta l-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, turi li l-marġni ta’ dumping kien ikun iktar baxx mill-marġni ta’ dannu kieku dan tal-ewwel ġie kkalkolat kif ipproponiet. |
64. |
Għandu jsir riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il‑Kunsill (250/85, EU:C:1988:464, punt 24). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motiv billi sostniet, essenzjalment, żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping fuq il-bażi li (i) id-dazju antidumping kien ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni ta’ dannu ta’ 21 %, filwaqt li (ii) il-marġni ta’ dumping ammonta għal 33.6 %, bir-riżultat li (iii) l-allegat żball, li kien iwassal għal tnaqqis ta’ 1.5 % fil-marġni ta’ dumping, “ma kien ikollu ebda impatt fuq ir-rata tad-dazju antidumping”. |
65. |
Għandu jsir riferiment ukoll għas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 111). F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv li allega żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu (li jikkonsisti, essenzjalment, fin-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni lil kumpanniji relatati) billi ddeċidiet li: (i) id-dazji antidumping imposti fuq ir-rikorrenti kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-marġni ta’ dumping ta’ 25.7 %, mhux fuq il-bażi tal-marġni ta’ dannu ta’ 57 % ( 31 ); (ii) l-allegat żball fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu affettwa, l-iktar, 10 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni; bir-riżultat li (iii) kien ikun meħtieġ li l-prezzijiet tal-bejgħ applikati mill-kumpanniji relatati mal-produtturi tal-Unjoni jkunu totalment sproporzjonati meta mqabbla mal-bejgħ l-ieħor meħud inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu sabiex dan tal-aħħar jitpoġġa f’livell inqas minn dak tal-marġni ta’ dumping. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat ebda żball ta’ liġi f’dan ir-raġunament. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li, bħala konsegwenza, il-motivi l-oħra li kkontestaw id-determinazzjoni tad-dannu kellhom jiġu ddikjarati ineffettivi ( 32 ). |
66. |
B’mod simili, fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial vs Il‑Kunsill (T‑410/06, EU:T:2010:70, punti 94 sa 98), il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettiv il-motiv li allega żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’ ta’ 66 % fuq il-bażi li, mingħajr dak l-iżball, il-marġni ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’ kien jammonta għal jew 20.5 % (skont il-Kunsill) jew għal 17.3 % (skont ir-rikorrenti) u għalhekk xorta kien ikun ogħla mill-marġni ta’ dumping ta’ 9.7 %, li fuq il-bażi tiegħu kien ġie stabbilit id-dazju antidumping impost fuq ir-rikorrenti ( 33 ). |
67. |
Madankollu, ninnota li, fis-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il‑Kunsill (250/85, EU:C:1988:464), u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62) – iżda mhux fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial vs Il‑Kunsill (T‑410/06, EU:T:2010:70) – kien evidenti li, mingħajr l-allegat żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu, dan ma kienx jaqa’ taħt il-marġni ta’ dumping (jew li, mingħajr l-allegat żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, dan ma kienx jaqa’ taħt il-marġni ta’ dannu). Fil-fatt, f’dawn l-ewwel żewġ sentenzi, l-allegat żball kien żgħir u/jew id-disparità bejn il-marġni ta’ dumping u l-marġni ta’ dannu kienet sinjifikattiva. |
68. |
It-tieni, huwa minnu li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 1990, Nashua Corporation et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115, punt 38), li l-Qorti Ġenerali invokat fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motiv li allega li l-Kunsill wettaq żball billi kkalkola d-dazju antidumping biss fuq il-bażi tad-dannu kkawżat mill-bejgħ magħmul minn produtturi Ġappuniżi, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni d-dannu kkawżat mill-bejgħ magħmul mill-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (iktar ’il quddiem il-“FTO”) Ġappuniżi. Dan il-motiv ġie miċħud fuq il-bażi li r-rikorrent, il-fabbrikant Ġappuniż Ricoh, “kien naqas milli juri li [l-approċċ tal-Kunsill ta’ esklużjoni tal-bejgħ mill-FTO] affettwa l-livell ta’ dazju antidumping impost, jew sa liema punt dan il-livell kien ikun differenti kieku l-bejgħ mill-FTP kien ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll”. |
69. |
Madankollu, ninnota li, fis-sentenza msemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq, id-dazju antidumping kien ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni ta’ dannu ( 34 ), u r-rikorrenti ikkontestat preċiżament id-determinazzjoni tad-dannu. Għalhekk, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet teħtieġ mir-rikorrenti kien turija li, mingħajr l-allegat żball, id-dazju antidumping kien ikun iktar baxx, mhux turija li, mingħajr dak l-iżball, id-dazju kien ikun ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni ta’ dumping, minflok il-marġni ta’ dannu. |
70. |
It-tielet, nenfasizza li hemm diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet fejn il-qrati tal-Unjoni eżaminaw motivi li allegaw żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping minkejja li r-rikorrent ma kienx wera li, mingħajr l-allegat żball, il-marġni ta’ dumping kien ikun iktar baxx mill-marġni ta’ dannu. Għandhom isiru riferimenti, pereżempju, għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (T‑80/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:504). Minkejja li d-dazju antidumping impost fuq ir-rikorrenti kien ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni ta’ dannu ( 35 ), il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv li allega li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu wettqu żball meta ħadmu l-valur normali fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-materja prima prinċipali kif rifless minn prezzijiet internazzjonali ppubblikati, mingħajr ma obbligaw lir-rikorrenti sabiex turi li, kieku l-valur normali ma ġiex ikkalkolat b’dan il-mod, il-marġni ta’ dumping kien ikun inqas mill-marġni ta’ dannu. |
71. |
Ir-raba’, ninnota li, fis-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Hansol Paper vs Il‑Kummissjoni (T‑383/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:139, punti 162 sa 169), il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għas-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial vs Il‑Kunsill (T‑410/06, EU:T:2010:70, punt 94), imsemmija fil-punt 66 iktar ’il fuq, iddeċidiet li motiv li jikkontesta l-kalkolu tal-marġni ta’ dannu kien ammissibbli anki jekk ir-rikorrenti ma kinitx iddikjarat preċiżament il-punt sa fejn, mingħajr l-allegat żball, il-marġni ta’ dannu kien ikun inqas mill-marġni ta’ dumping. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti b’mod iktar ġenerali ddubitat id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali, li kienu kundizzjonijiet essenzjali għall-għanijiet tal-impożizzjoni ta’ dazju antidumping, u li l-evalwazzjoni żbaljata tagħhom kienet għalhekk “kapaċi twassal għall-annullament tar-regolament ta’ implimentazzjoni kkontestat, mingħajr […] il-bżonn li ssir il-mistoqsija dwar jekk il-marġni ta’ dannu kienx inqas mill-marġni ta’ dumping” ( 36 ). |
72. |
Il-ħames, nenfasizza li l-obbligu ta’ produtturi esportaturi li fuqhom ġew imposti dazji antidumping sabiex juru li, mingħajr l-allegat żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, dan kien ikun inqas mill-marġni ta’ dannu jammonta, skont dak li ssostni Changmao Biochemical Engineering, għal impożizzjoni fuq il-produtturi esportaturi ta’ oneru ta’ prova tqil li, fid-dawl tal-kumplessità tal-kalkoli involuti, jista’ jkun li dawn ma jkunux kapaċi jissodisfaw. Dan jista’ jkun minnu anki kieku l-produtturi esportaturi jkunu obbligati biss sabiex juru li, mingħajr l-allegat żball, il-marġni ta’ dumping seta’ kien inqas mill-marġni ta’ dannu ( 37 ), fid-dawl tad-diffikultà fid-definizzjoni ta’ taħt liema kundizzjonijiet jew f’liema ċirkustanzi dan ikun il-każ. |
73. |
Nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li Changmao Biochemical Engineering kellha l-oneru li tipprova li l-marġni ta’ dumping kien ikun inqas mill-marġni ta’ dannu, kieku tal-ewwel ġie kkalkolat kif ipproponiet. Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni aggravju hija fondata. |
74. |
Madankollu, kif imsemmi fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha madankollu tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, sabiex tiċħad it-tieni motiv imqajjem quddiemha, il-Qorti Ġenerali ma invokatx biss il-fatt li Changmao Biochemical Engineering kienet naqset li turi li l-marġni ta’ dumping kien ikun inqas mill-marġni ta’ dannu, kieku l-valur normali ġie kkalkolat bħalma pproponiet. Il-Qorti Ġenerali invokat ukoll, fil-punti 111 sa 116 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-għażla ma kinitx affidabbli u x’aktarx kienet twassal għal għażla mhux xierqa u irraġonevoli ta’ pajjiż analogu. |
2) L‑ewwel parti tat‑tieni aggravju
75. |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha billi ddeterminat il-valur normali fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni, anki jekk hija ma kinitx talbet lill-produttur esportatur Ġappuniż jipprovdi data għal kull tranżazzjoni individwali rigward il-bejgħ ta’ esportazzjoni tiegħu. |
76. |
Jiena tal-fehma li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata. |
77. |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, ninnota li l-ewwel subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jiddikjara li, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tal-istess regolament, il-valur normali huwa, bħala prinċipju, iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri, skont il-metodu tal-pajjiż analogu. |
78. |
Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tastjeni milli tapplika r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodotti minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, billi tibbaża ruħha fuq bażi raġonevoli oħra, ħlief fil-każ fejn din ir-regola ġenerali ma tkunx tista’ tiġi applikata ( 38 ). |
79. |
F’din il-kawża, fir-regolament provviżorju, il-valur normali ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-informazzjoni rċevuta minn produttur kooperattiv f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Ġappun (iktar ’il quddiem il-“produttur Ġappuniż”). Dak il-produttur kien Ajinomoto Co., il-Ġappun ( 39 ). Fil-fatt, il-produzzjoni dinjija tal-aspartam kienet ikkonċentrata fi ftit pajjiżi, jiġifieri ċ-Ċina, Franza, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel, u, filwaqt li l-uniku produttur magħruf fil-Korea t’Isfel irrifjuta li jikkoopera, il-produttur Ġappuniż qabel li jagħmel dan ( 40 ). |
80. |
Madankollu, fir-regolament kontenzjuż, il-valur normali ġie kkalkolat fuq “bażi oħra raġjonevoli”, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009. Dan kien ibbażat fuq il-prezzijiet tal-produttur uniku tal-Unjoni għall-prodott simili fis-suq tal-Unjoni, jiġifieri Ajinomoto Sweeteners Europe SAS, illum Hyet Sweet, li kienet sussidjarja tal-produttur Ġappuniż ( 41 ). Ir-raġunijiet għaliex, fir-regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tużax id-data pprovduta mill-produttur Ġappuniż kienu li: (i) dan il-produttur kien il-produttur uniku attiv fis-suq Ġappuniż, f’kompetizzjoni mal-importazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Korea; u (ii) iktar importanti, il-marġni ta’ profitt tal-produttur Ġappuniż kienu jvarjaw ħafna bejn it-tipi u d-daqsijiet tal-klijenti, u l-investigazzjoni ma wriet ebda raġuni razzjonali għad-differenza kbira bejn il-marġni ta’ profitti ( 42 ). |
81. |
Fil-punti 105 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 billi kkalkolat il-valur normali fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-produttur uniku tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, dan kien minħabba li: (i) id-data pprovduta mill-produttur Ġappuniż ma kinitx affidabbli, minħabba l-varjazzjonijiet kbar u inġustifikabbli fil-marġni ta’ profitt ta’ dan il-produttur; (ii) kif muri mit-Tabella 15 tat-tweġiba tal-produttur Ġappuniż għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, filwaqt li l-bejgħ domestiku kollu ta’ dan il-produttur kien iħalli ħafna profitt, il-bejgħ kollu tiegħu ta’ esportazzjoni għamel telf; u (iii) tqajjem tħassib minn partijiet ikkonċernati dwar l-għażla tal-Ġappun bħala pajjiż analogu. |
82. |
L-argument ta’ Changmao Biochemical Engineering huwa li l-Kummissjoni talbet lill-produttur Ġappuniż jipprovdi data għal kull tranżazzjoni individwali rigward il-bejgħ domestiku tiegħu, iżda mhux dwar il-bejgħ ta’ esportazzjoni tiegħu. Għalhekk, fil-fehma ta’ Changmao Biochemical Engineering, ma jistax jiġi eskluż li ċertu bejgħ ta’ esportazzjoni ta’ dan il-produttur jista’ jħalli profitt. Isegwi li l-Kummissjoni naqset milli turi li d-data pprovduta mill-produttur Ġappuniż ma kinitx affidabbli, u li ma kienx possibbli li tintuża din id-data bl-għanijiet ta’ kalkolu tal-valur normali. Changmao Biochemical Engineering tikkonkludi li, billi kkalkolat il-valur normali mhux fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż, iżda fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, u li l-punti 113, 115 u 116 tas-sentenza appellata jinkludu żball ta’ liġi. |
83. |
Għalhekk, Changmao Biochemical Engineering ma tikkontestax li, kif spjegat fil-punti 77 u 78 iktar ’il fuq, il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali fuq il-bażi tal-prezzijiet fl-Unjoni huwa metodu alternattiv li jista’ jintuża biss fejn ma jkunx possibbli li jintuża l-metodu prinċipali. Dak li Changmao Biochemical Engineering tikkontesta huwa l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li, f’din il-kawża, ma kienx possibbli li tintuża d-data tal-produttur Ġappuniż (u li, għaldaqstant, il-valur normali ma setax jiġi kkalkolat fuq din il-bażi). |
84. |
Il-Kummissjoni twieġeb li l-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 huwa ineffettiv u li, fi kwalunkwe każ, huwa infondat. |
85. |
Fil-fehma tiegħi, l-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 għandu jiġi miċħud bħala infondat, mhux bħala ineffettiv. Sejjer nispjega iktar ’il quddiem għaliex ma naqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li dan l-aggravju huwa ineffettiv qabel ma nistabbilixxi r-raġunijiet għaliex huwa infondat. |
86. |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 huwa ineffettiv minħabba li, l-ewwel, Changmao Biochemical Engineering ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-informazzjoni pprovduta mill-produttur Ġappuniż ma kinitx affidabbli, it-tieni, hija tikkontesta biss waħda minn tliet raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad il-motiv li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, jiġifieri, ir-raġuni stabbilita fil-punt 113 tas-sentenza appellata, mhux dawk stabbiliti fil-punti 112 u 114 ta’ din is-sentenza, u, it-tielet, il-punti 124 sa 128 ta’ dik is-sentenza huma biżżejjed sabiex isostnu l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma kienx hemm ksur. |
87. |
Madankollu, l-ewwel, huwa minnu li, kif issostni l-Kummissjoni, Changmao Biochemical Engineering ma ssostnix li d-data pprovduta mill-produttur Ġappuniż hija skorretta. Hija, madankollu, issostni li din id-data hija inkompleta, sa fejn il-produttur Ġappuniż ipprovda lill-Kummissjoni data aggregata dwar il-bejgħ ta’ esportazzjoni tiegħu, minflok data għal kull tranżazzjoni individwali dwar dan il-bejgħ. Jidhirli li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, Changmao Biochemical Engineering għalhekk tikkontesta l-affidabbiltà tad-data pprovduta mill-produttur Ġappuniż fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
88. |
It-tieni, huwa minnu li, bħalma ssostni l-Kummissjoni, Changmao Biochemical Engineering tikkontesta biss il-punt 113 tas-sentenza appellata, mhux il-punti 112 u 114 ta’ din is-sentenza. Madankollu, il-punti 112 u 113 ma jistabbilixxux raġunijiet separati għaliex il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi rrifjutat li tikkalkola l-valur normali fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-produttur Ġappuniż. Iż-żewġ punti jagħmlu riferiment għall-varjazzjonijiet mhux spjegati fil-marġni ta’ profitt tal-produttur Ġappuniż. Dwar il-punt 114 tas-sentenza appellata, dan sempliċement jirriproduċi kummenti magħmula minn partijiet ikkonċernati matul il-proċedura amministrattiva, mingħajr ma l-Kummissjoni jew il-Qorti Ġenerali adottaw dawn il-kummenti. Għalhekk, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, il-fatt li Changmao Biochemical Engineering tikkontesta l-punt 113 tas-sentenza appellata, iżda mhux il-punti 112 u 114 ta’ din is-sentenza, ma jfissirx li l-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 huwa ineffettiv. |
89. |
It-tielet, ninnota li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, Changmao Biochemical Engineering tikkontesta l-punt 128 tas-sentenza appellata. |
90. |
Madankollu, kif imsemmi fil-punt 85 iktar ’il fuq, naqbel mal-Kummissjoni li l-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 huwa infondat. |
91. |
L-ewwel, dan huwa minħabba li, fil-fehma tiegħi, ma kienx neċessarju għall-Kummissjoni li tikseb data għal kull tranżazzjoni individwali rigward il-bejgħ ta’ esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż sabiex tikkunsidra d-data pprovduta minn dan il-produttur bħala mhux affidabbli u li x’aktarx twassal għal għażla mhux xierqa u irraġonevoli ta’ pajjiż analogu. |
92. |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq għandu jintgħażel “filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla”. |
93. |
Huwa minnu li, fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012 GLS (C‑EU:C:2012:158, punti 31 u 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha magħmula disponibbli” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 ma huwiex limitat għall-informazzjoni pprovduta mil-lanjant jew mill-partijiet ikkonċernati, peress li l-Kummissjoni għandha obbligu tikkunsidra ex officio l-informazzjoni disponibbli kollha. |
94. |
Madankollu, nenfasizza li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tgawdi livell ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tad-disponibbiltà tal-informazzjoni, peress li l-mezzi ta’ investigazzjoni msemmija huma fakultattivi u huwa ferm iktar diffiċli li jiġu implimentati meta jkunu relatati ma’ informazzjoni dwar pajjiż terz. Fil-fatt, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1225/2009 jistabbilixxi li jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet f’pajjiżi terzi bil-kundizzjoni li, inter alia, “in-negozji konċernati jagħtu l-kunsens tagħhom”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(8) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-eżami tal-preċiżjoni tal-informazzjoni għandu jsir “sakemm ikun possibbli” ( 43 ). |
95. |
F’din il-kawża, minkejja li huwa stabbilit li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni la talbet u lanqas irċeviet data għal kull tranżazzjoni individwali rigward il-bejgħ ta’ esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż u dwar il-marġnijiet ta’ profitt miksuba fuq dan il-bejgħ, hija madankollu kellha għad-dispożizzjoni tagħha data aggregata dwar il-bejgħ ta’ esportazzjoni ta’ dak il-produttur. Il-Kummissjoni ma sabitx neċessarju titlob data għal kull tranżazzjoni individwali li taqa’ taħt id-diskrezzjoni tagħha, kif imsemmi fil-punt 94 iktar ’il fuq, sabiex tiddetermina l-affidabbiltà tal-informazzjoni diġà fil-pussess tagħha. |
96. |
Barra minn hekk, is-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti minn dik fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu wettqu żball billi kkalkolaw il-valur normali fuq il-bażi tal-prezzijiet fl-Unjoni, peress li kienu naqsu milli joqogħdu debitament attenti fid-determinazzjoni dwar jekk il-valur normali setax jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ prezzijiet f’pajjiż analogu. F’din il-kawża, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tibgħat kwestjonarju wieħed lil żewġ impriżi Tajlandiżi u kkonkludiet, min-nuqqas ta’ tweġiba tagħhom, li kien impossibbli li jiġi stabbilit il-valur normali abbażi tal-prezzijiet imposti fi kwalunkwe pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Jiġifieri, naqset milli teżamina jekk xi wieħed minn tliet pajjiżi terzi oħra li għandhom ekonomija tas-suq, li l-importazzjonijiet tiegħu fl-Unjoni kienu b’mod ċar iktar minn dawk mit-Tajlandja, setax jintgħażel bħala pajjiż analogu ( 44 ). B’kuntrast, f’din il-kawża, ma ġiex allegat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni naqset milli tinvestiga pajjiżi terzi li għandhom ekonomija tas-suq apparti l-Ġappun ( 45 ). |
97. |
It-tieni, u iktar importanti, Changmao Biochemical Engineering ma stabbilixxietx li l-għażla tal-Kummissjoni li tikkalkola l-valur normali fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx plawżibbli. |
98. |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ lment li jikkontesta l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali, ir-rikorrent ma jistax sempliċement jinvoka metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali differenti minn dak magħżul mill-Kummissjoni, iżda għandu jjpprovdi biżżejjed evidenza sabiex iċaħħad l-evalwazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din l-għażla minn kwalunkwe plawżibbiltà, peress li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jissostitwixxu l-evalwazzjonijiet tagħhom għal dawk tal-Kummissjoni ( 46 ). |
99. |
F’din il-kawża, fl-appell, Changmao Biochemical Engineering issostni sempliċement li “ma jistax jiġi eskluż” li “ċerti” tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż iħallu profitt, u li, għaldaqstant, dawn jistgħu jintużaw għall-kalkolu tal-valur normali. Changmao Biochemical Engineering ma ssostnix, wisq inqas ma tistabbilixxi, li t-tranżazzjonijiet kollha ta’ esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż, jew il-maġġoranza ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, iħallu profitt, xi ħaġa li tqiegħed f’dubju l-għażla tal-Kummissjoni li tikkalkola l-valur normali mhux fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-produttur Ġappuniż, iżda fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, Changmao Biochemical Engineering ma wrietx in-nuqqas ta’ plawżibbiltà tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li d-data li tikkonċerna l-bejgħ ta’ esportazzjoni tal-produttur Ġappunuż ma kinitx affidabbli. |
100. |
Nikkonkludi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata sa fejn tallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
101. |
Fit-tieni lok, dwar il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni, ninnota li, skont il-ġurisprudenza, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-elementi tal-fajl bid-diliġenza dovuta kollha sabiex ikun jista’ jitqies li l-valur normali tal-prodott ikkonċernat kien ġie ddeterminat b’mod xieraq u mhux irraġonevoli ( 47 ). Għalhekk, jidhirli li l-aggravju li jallega ksur tad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat għall-istess raġunijiet bħall-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
102. |
Fit-tielet lok, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ninnota li l-Kummissjoni hija obbligata, skont dan il-prinċipju, li teżamina bid-diliġenza u bl-imparzjalità kollha meħtieġa l-provi prodotti u li tieħu kont tal-elementi rilevanti kollha ( 48 ). Għalhekk, għal darba oħra, l-aggravju li jallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud bħala infondat għall-istess raġunijiet bħall-aggravju li jallega ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
103. |
Nikkonkludi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata, u li, għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
C. It‑tielet aggravju
1. L‑argumenti tal‑partijiet
104. |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li, billi kkonstatat, fil-punti 141 sa 144, 151 sa 153, u 155 sa 162 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti mitluba minnha bl-għanijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u kisret id-dispożizzjonijiet segwenti: l-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2016/1036; l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) ( 49 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping”); l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 u l-Artikolu 6.2 tal-Ftehim Antidumping, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu d-drittijiet tad-difiża ta’ Changmao Biochemical Engineering; l-Artikolu 12.2.1 u l-Artikolu 12.2.2 tal-Ftehim Antidumping; l-Artikolu 6.4 tal-istess ftehim; u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament 2016/1036; u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. |
105. |
It-tielet aggravju huwa maqsum, essenzjalment, f’erba’ partijiet. |
106. |
Fl-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkonstatat, fil-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, li Changmao Biochemical Engineering ma pprovdietx evidenza sabiex issostni t-talba tagħha li kien hemm differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn il-produttur tal-Unjoni u l-produttur Ċiniż, u li dawn id-differenzi affettwaw il-komparabbiltà tal-prezz. |
107. |
Fit-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2016/1036 billi kkonstatat, fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata, li talbiet għal aġġustamenti magħmula minn produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx l-istatus ta’ ekonomija tas-suq ma jistgħux ikunu relatati mal-ispejjeż attwali fiċ-Ċina. |
108. |
Fit-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddeċidiet, fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, li Changmao Biochemical Engineering kellha l-oneru li tipprova li d-differenzi fil-fatturi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (j) tar-Regolament 2016/1036, bħad-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, affettwaw il-komparabbiltà tal-prezz. Fil-fehma tagħha, dan isegwi mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(10). Kwalunkwe soluzzjoni oħra timponi oneru tal-prova irraġonevoli fuq produtturi li ma għandhomx ekonomija tas-suq fejn il-valur normali jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-data tal-industrija tal-Unjoni. |
109. |
Fir-raba’ parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li, billi ddeċidiet, fil-punti 155 sa 160 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma imponietx oneru tal-prova irraġonevoli fuqha billi kienet teħtieġ evidenza li d-differenzi fl-ispejjeż tal-produzzjoni ssarrfu f’differenzi fil-prezz, il-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet segwenti: l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping, kif interpretata mid-deċiżjonijiet tal-Korp għal Riżoluzzjoni tal-Kwistjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-WTO); l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 u l-Artikolu 6.2 tal-Ftehim Antidumping, sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu d-drittijiet tad-difiża ta’ Changmao Biochemical Engineering; l-Artikolu 6.4, l-Artikolu 12.2.1 u l-Artikolu 12.2.2 ta’ dak il-ftehim; u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi rrifjutat, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew ta’ miżura ta’ investigazzjoni, lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-analiżi li wasslitha sabiex tikkonstata, fil-premessa 70 tar-regolament kontenzjuż, li ma kienx hemm differenzi bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li jkunu riflessi b’mod sistematiku fil-prezzijiet. |
110. |
Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
111. |
Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda peress li, essenzjalment, l-appell la jindika liema fatti jew evidenza ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u lanqas ma juri li d-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni ssarrfu f’differenzi fil-prezz. |
112. |
Dwar it-tieni parti tat-tielet aggravju, il-Kummissjoni ssostni li din hija inammissibbli peress li ma ġietx imqajma quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, hija ineffettiva peress li l-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata jipprevedu biss raġunament alternattiv, bil-motivi prinċipali stabbiliti fil-punti 137 sa 150 ta’ din is-sentenza. Finalment, hija infondata, peress li, b’mod partikolari, l-oriġini tad-data użata sabiex iseħħ l-aġġustament hija irrilevanti. Dak li jgħodd huwa li l-aġġustament ma jagħmilx l-Artikolu 2(7) tar-Regolament 2016/1036 ineffettiv. |
113. |
Skont il-Kummissjoni, it-tielet parti tat-tielet aggravju hija infondata peress li l-formulazzjoni tal-paragrafu introduttiv tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2016/1036, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(10)(k) ta’ dan ir-regolament, u l-ġurisprudenza jagħmlu ċar li r-rekwiżit li jintwera impatt fuq il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet japplika għall-fatturi kollha elenkati taħt l-Artikolu 2(10) tal-istess regolament. |
114. |
Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli sa fejn tallega ksur tad-dispożizzjonijiet segwenti: l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping; l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament 2016/1036 u l-Artikolu 6.2 tal-Ftehim Antidumping sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu d-drittijiet tad-difiża ta’ Changmao Biochemical Engineering; u l-Artikolu 6.4, l-Artikolu 12.2.1 u 12.2.2 ta’ dan il-ftehim. Dan minħabba li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tqajjimx fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju hija infondata sa fejn tallega ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Finalment, dwar il-bqija tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, jiġifieri, it-talba ta’ Changmao Biochemical Engineering għal miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew miżura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li din hija ineffettiva, u, fi kwalunkwe każ, infondata. |
2. Evalwazzjoni
115. |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li, billi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti li kienet talbet bl-għanijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u kisret l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009, l-Artikolu 2.4 u dispożizzjonijiet oħra l-Ftehim Antidumping; u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kisret id-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. |
116. |
Kif spjegat fil-punti 105 sa 109 iktar ’il fuq, it-tielet aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel parti, li hija intiża kontra l-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkonstatat li Changmao Biochemical Engineering ma pprovdietx evidenza li kien hemm differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, li affettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet. It-tieni parti, li hija intiża kontra l-punti 151 sa 153 ta’ din is-sentenza, tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 billi kkonstatat li talbiet għal aġġustamenti magħmula minn produtturi f’pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq ma jistgħux ikunu relatati mal-ispejjeż attwali f’dan il-pajjiż. Permezz tat-tielet parti, Changmao Biochemical Engineering issostni li, fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 u imponiet oneru tal-prova irraġonevoli fuq produtturi li ma għandhomx ekonomija tas-suq billi obbligathom juru li d-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni affettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Ir-raba’ parti hija intiża kontra l-punti 155 sa 160 tas-sentenza appellata u tallega li, billi obbligat lil Changmao Biochemical Engineering turi impatt fuq il-komparabbiltà tal-prezzijiet anki jekk ma kellhiex aċċess għal data tal-industrija tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 2.4, 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 tal-Ftehim Antidumping, l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kisret id-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. Ir-raba’ parti tat-tielet aggravju tikkontesta wkoll ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li tordna miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew miżura ta’ investigazzjoni. |
a) L‑ammissibbiltà
117. |
Il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà tat-tieni parti tat-tielet aggravju fl-intier tagħha u tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju parzjalment. |
118. |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli peress li hija eċċezzjoni ġdida. |
119. |
Fil-fehma tiegħi, din l-eċċezzjoni ta’ ammissibbiltà għandha tiġi miċħuda. |
120. |
L-ewwel, Changmao Biochemical Engineering ma qajmet ebda argument quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma kinitx ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. |
121. |
Fil-fatt, fit-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti li kienet talbet fuq il-bażi li talba għal aġġustament magħmula minn produttur esportatur Ċiniż li ma jibbenefikax minn trattament ta’ ekonomija tas-suq ma tistax tkun relatata mal-ispejjeż attwali fiċ-Ċina. Changmao Biochemical Engineering tindika, f’dan ir-rigward, li talbet lill-Kummissjoni sabiex tagħmel aġġustament bl-użu mhux tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha, iżda spejjeż fl-Unjoni. |
122. |
Quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tat-tielet motiv, li allega li l-Kummissjoni kisret, inter alia, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti li talbet, Changmao Biochemical Engineering sostniet li l-fatt li produttur esportatur Ċiniż ma kienx ingħata trattament ta’ ekonomija tas-suq ma pprekludiex lil dan il-produttur milli jitlob aġġustamenti. Fil-fehma ta’ Changmao Biochemical Engineering, minkejja li dawn l-aġġustamenti ma setgħux isiru bl-użu tal-ispejjeż tal-produttur stess, huma setgħu madankollu jkunu relatati ma’ parametri fiċ-Ċina li ma humiex prezzijiet u spejjeż, bħall-użu ta’ proċess ta’ produzzjoni differenti f’dan il-pajjiż. |
123. |
It-tieni, skont il-ġurisprudenza, appellant huwa intitolat jinvoka aggravji li rriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha, irrispettivament minn jekk l-appellant qajjimx dawn il-motivi quddiem il-Qorti Ġenerali ( 50 ). Dan huwa l-każ hawn, peress li l-kwistjoni dwar jekk produttur esportatur li ma ngħatax trattament ta’ ekonomija tas-suq jistax madankollu jitlob aġġustamenti, u fir-rigward ta’ liema parametri, hija indirizzata fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata. |
124. |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà tar-raba’ parti tat-tielet aggravju sa fejn din tallega ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping, tal-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 ta’ dan il-ftehim, u tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ebda ksur ta’ xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali. |
125. |
Fil-fehma tiegħi, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tintlaqa’. Fil-fatt, ma tqajjem ebda ksur ta’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet elenkati fil-punt 124 quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħmel l-aġġustamenti mitluba minn Changmao Biochemical Engineering. |
126. |
Madankollu, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju tibqa’ ammissibbli sa fejn din tallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ksur tad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni, u sa fejn tikkontesta r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tordna miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew miżura ta’ investigazzjoni. |
127. |
Nikkonkludi li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija ammissibbli, u li r-raba’ parti ta’ dan l-aggravju hija inammissibbli sa fejn tallega ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping, tal-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 ta’ dan il-ftehim, tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
b) Il‑mertu
128. |
Sejjer neżamina t-tielet parti tat-tielet aggravju, imbagħad l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ir-raba’ parti, u, finalment, it-tieni parti. |
1) It‑tielet parti tat‑tielet aggravju
129. |
Skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, għandu jsir paragun ġust bejn il-prezz ta’ esportazzjoni u l-valur normali. Il-paragrafu introduttiv ta’ din id-dispożizzjoni jiddikjara li, “[f]ejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni […] mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet”. |
130. |
Skont il-ġurisprudenza, jekk parti titlob, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, aġġustamenti intiżi sabiex jirrendu paragunabbli l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping, din il-parti għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġġustifikata. L-oneru tal-prova li għandhom isiru l-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (k) ta’ dan ir-regolament huwa ta’ dawk li jixtiequ jinvokawhom ( 51 ). |
131. |
F’din il-kawża, il-premessa 48 tar-regolament kontenzjuż tiddikjara li Changmao Biochemical Engineering talbet lill-Kummissjoni sabiex tagħmel aġġustamenti bl-għanijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping minħabba li kien hemm differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn il-produttur Ċiniż u l-produttur tal-Unjoni. Skont il-premessa 49 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għal aġġustament minħabba li Changmao Biochemical Engineering ma ssostanzjatx it-talba tagħha, u, b’mod partikolari ma pprovdietx evidenza li “l-konsumaturi b’mod konsistenti [ħallsu] prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenz[i] [fl-ispejjeż ta’ produzzjoni]”. |
132. |
Fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet Changmao Biochemical Engineering li kellha turi li d-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni fissru differenzi fil-prezzijiet, li hija naqset milli tagħmel, u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 billi ċaħdet it-talbiet tagħha għal aġġustament. |
133. |
Fit-tielet parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering tiddikjara li billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
134. |
Jiena tal-fehma li t-tielet parti tat-tielet aggravju hija infondata. |
135. |
L-ewwel, dan jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009. Jiena ma naqbilx mal-argument ta’ Changmao Biochemical Engineering li l-parti li titlob aġġustament għandha turi impatt fuq il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet biss fejn l-aġġustament ikun qiegħed jintalab skont is-subparagrafu (k) ta’ din id-dispożizzjoni għal “fatturi oħra li ma jkunux previsti taħt is-subparagrafi minn (a) sa (j)”, iżda mhux fejn l-aġġustament jintalab għad-differenzi fil-fatturi elenkati fis-subparagrafi (a) sa (j). Huwa minnu li s-subparagrafu (k) espressament jiddikajra li għandu “jiġi ippruvat li [d-differenzi fil-fatturi] jeffettwaw il-komparabilità fil-prezzijiet”, filwaqt li s-subparagrafi (a) sa (j) ma jiddikjarawx dan espressament ( 52 ). Madankollu, ninnota li l-paragrafu introduttiv tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, iċċitat fil-punt 129 iktar ’il fuq, jipprevedi li d-differenzi fil-“fatturi” għandhom jiġu “murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet”. Il-paragrafu introduttiv ikopri l-fatturi kollha elenkati taħt is-subparagrafi (a) sa (k). Ninnota wkoll li s-subparagrafu (k) jeħtieġ li jintwera li d-differenzi f’fatturi oħra “jeffettwaw il-komparabilità fil-prezzijiet kif meħtieġ skond dan il-paragrafu” ( 53 ). Għalhekk, is-subparagrafu (k) stess jindika li din it-turija hija meħtieġa fil-każijiet kollha fejn jintalab aġġustament skont il-paragrafu (10), irrispettivament mill-fattur li jkun inkwistjoni. |
136. |
It-tieni, dan huwa konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li skontha jidher kemm mill-formulazzjoni u kemm mill-iskema tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għaldaqstant il-komparabbiltà tagħhom. Pereżempju, fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (T‑558/12 u T‑559/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:237, punt 114), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirrifjutaw aġġustament għal differenzi fil-fatturi li ma ntwerewx li jaffettwaw il-prezzijiet, u għaldaqstant il-komparabbiltà tagħhom ( 54 ). B’mod simili, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill (T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 138), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-oneru kien fuq il-produtturi esportaturi li jitolbu aġġustament għall-ammont li jikkorrispondi għall‑14 % dazju fuq l-importazzjoni impost mill-awtoritajiet tal-pajjiż analogu sabiex jipprovdu evidenza li turi li dan id-dazju fuq l-importazzjoni kellu effett fuq il-livelli tal-prezzijiet li kkostitwixxew il-valur normali u fuq il-possibbiltà li dawn il-prezzijiet jiġu pparagunati ma’ prezzijiet ta’ esportazzjoni. |
137. |
It-tielet, ma naqbilx mal-argument ta’ Changmao Biochemical Engineering li, billi obbligatha turi impatt fuq il-prezzijiet u fuq il-komparabbiltà tal-prezzijiet, il-Qorti Ġenerali imponiet fuqha oneru tal-prova irraġonevoli minħabba li l-valur normali ġie kkalkolat bl-użu ta’ data pprovduta mill-produttur tal-Unjoni, li, bħala produttur esportatur Ċiniż, Changmao Biochemical Engineering ma kellha ebda aċċess għaliha. |
138. |
Ninnota li dan l-argument ġie indirizzat, u miċħud, mill-Qorti Ġenerali fil-punti 155 sa 159 tas-sentenza appellata, li Changmao Biochemical Engineering tikkontesta fir-raba’ parti tat-tielet aggravju tagħha. Jiena sejjer, madankollu, nindirizzah hawn, inkella l-analiżi tat-tielet parti tat-tielet aggravju tkun inkompleta. |
139. |
Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, persuna li titlob aġġustament skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 u li għandha tistabbilixxi n-neċessità tal-aġġustament mitlub ma għandhiex taffaċċja oneru tal-prova irraġonevoli ( 55 ). Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawn għar-raġunijiet segwenti. |
140. |
Nenfasizza li ma hemm ebda riżerva dwar ir-rekwiżit, skont il-paragrafu introduttiv tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, li d-differenzi fil-fatturi elenkati taħt is-subparagrafi (a) sa (k) ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jintwerew li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Dan ifisser li din il-prova għandha tiġi prodotta irrispettivament mill-metodu użat għall-kalkolu tal-valur normali, u, għalhekk, anki fejn jiġi kkalkolat bl-użu tad-data tal-industrija tal-Unjoni. Kieku dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tiġi obbligata tagħmel aġġustament li ma jaffettwax il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, u li, għaldaqstant, iwassal għall-ħolqien ta’ asimetrija bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni. |
141. |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak sostnut minn Changmao Biochemical Engineering, ma jistax jiġi kkunsidrat li produtturi esportaturi Ċiniżi ma għandhom ebda aċċess għad-data użata għall-kalkolu tal-valur normali u tal-prezz ta’ esportazzjoni fejn din id-data kienet ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni minn produttur ta’ pajjiż analogu jew, kif huwa l-każ f’din il-kawża, minn produttur tal-Unjoni. |
142. |
Għandi ninnota li, skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 1225/2009, l-esportaturi jistgħu jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunkwe parti fl-investigazzjoni, u, skont l-Artikolu 20(2) tal-istess regolament, jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa intiż li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. Huwa minnu li l-ispezzjoni ta’ informazzjoni u l-iżvelar finali japplikaw biss għal informazzjoni li ma hijiex kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament ( 56 ). Madankollu, f’din il-kawża, jidher mill-premessa 40 tar-regolament kontenzjuż li l-Kummissjoni żvelat lil Changmao Biochemical Engineering data relatata mal-produttur tal-Unjoni. |
143. |
Ninnota wkoll li, bħalma ssostni l-Kummissjoni, Changmao Biochemical Engineering ma tikkontestax, insostenn tal-argument tagħha li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru tal-prova irraġonevoli fuqha, li l-Kummissjoni naqset milli tiżvelalha d-data neċessarja sabiex titlob aġġustament (minbarra dikjarazzjoni ġenerali u insostanzjata fl-appell tagħha li “produtturi li ma għandhomx ekonomija tas-suq ma għandhomx id-data tal-prezz tal-produttur analogu”). Minflok, insostenn ta’ dan l-argument, Changmao Biochemical Engineering issostni, b’mod partikolari, li l-produttur tal-Unjoni naqas li jipproduċi l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex jippermetti li jsir paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni. |
144. |
Fil-fatt, Changmao Biochemical Engineering tikkontesta wkoll ir-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew bħala miżura ta’ investigazzjoni, lill-Kumissjoni sabiex tipproduċi l-analiżi li wasslitha sabiex tikkonstata, fil-premessa 70 tar-regolament kontenzjuż, li ma kien hemm ebda differenza bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li tiġi sistematikament riflessa fil-prezzijiet. Madankollu, ninnota li Changmao Biochemical Engineering tallega, f’dan ir-rigward, mhux biss li l-Kummissjoni (fi kliemha stess) “ħbiet” informazzjoni neċessarja sabiex isiru l-aġġustamenti, iżda, fuq kollox, li l-Kummissjoni setgħet sempliċement naqset milli tiġbor din l-informazzjoni, b’mod partikolari l-fatturi u l-kuntratti tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, jidhirli li, billi tikkontesta r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tordna l-produzzjoni tal-analiżi msemmija iktar ’il fuq, Changmao Biochemical Engineering essenzjalment tfittex li tiddetermina jekk il-Kummissjoni ġabritx biżżejjed informazzjoni, pjuttost milli turi li l-Kummissjoni ma żvelatilhiex biżżejjed informazzjoni. |
145. |
Nikkonkludi li t-tielet parti tat-tielet aggravju hija infondata. |
2) L‑ewwel parti tat‑tielet aggravju
146. |
Fil-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti mitluba minn Changmao Biochemical Engineering, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, peress li din ma kienet ipprovdiet ebda evidenza insostenn tat-talba tagħha u kienet naqset milli turi li l-allegati differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni fissru differenzi fil-prezz. |
147. |
Fl-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li b’dan, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. |
148. |
Jiena nikkunsidra li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda. |
149. |
Skont il-ġurisprudenza, huwa l-appellant li għandu jindika bi preċiżjoni l-provi li jkunu ġew żnaturati u għandu jesponi l-iżbalji ta’ evalwazzjoni li allegatament ikunu twettqu ( 57 ). |
150. |
F’din il-kawża, minkejja li Changmao Biochemical Engineering telenka, fl-appell tagħha, l-evidenza invokata fil-kuntest tal-proċediment amministrattiv, hija ma tispjegax preċiżament kif l-allegati differenzi f’kull wieħed mill-fatturi rilevanti affettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, u kif, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi ddeċidiet, fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, li ma kinitx uriet li d-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni fissru differenzi fil-prezz. |
151. |
Għandi ninnota wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni Changmao Biochemical Engineering, ma hemm ebda kontradizzjoni bejn il-premessa 49 tar-regolament kontenzjuż, li tiddikjara li Changmao Biochemical Engineering ma wrietx impatt fuq il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, u l-premessa 76 ta’ dan ir-regolament, li skontha l-importazzjonijiet ta’ dumping Ċiniżi kienu inqas mill-prezzijiet tal-Unjoni b’21.1 %. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tat-tnaqqis tfisser li l-industrija tal-Unjoni sostniet dannu, mingħajr ebda indikazzjoni li dan it-tnaqqis kien ikkawżat mid-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, u li għalhekk kien jeħtieġ aġġustament. |
152. |
Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda. |
3) Ir‑raba’ parti tat‑tielet aggravju
153. |
Fil-punti 155 sa 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma imponietx fuq Changmao Biochemical Engineering oneru tal-prova irraġonevoli billi obbligatha turi li l-allegati differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni fissru differenzi fil-prezzijiet meta ma kellhiex aċċess għad-data tal-industrija tal-Unjoni. |
154. |
Fir-raba’ parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping, l-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 ta’ dan il-ftehim, l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kisret id-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi rrifjutat, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew bħala miżura ta’ investigazzjoni, lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-analiżi li wasslitha sabiex tiċħad it-talbiet tagħha għal aġġustament. |
155. |
Kif spjegajt fil-punti 124 sa 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju hija parzjalment inammissibbli. Madankollu, għall-kompletezza, sejjer nispjega iktar ’il quddiem għalfejn, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-raba’ parti tat-tielet aggravju bħala ammissibbli fl-intier tagħha, hija madankollu jkollha tiċħadha bħala infondata. |
156. |
L-ewwel, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju hija infondata sa fejn hija bbażata fuq ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping u tal-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 u 12.2.2 ta’ dan il-ftehim. |
157. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita, minħabba n-natura u l-istruttura tagħhom, ftehimiet tal-WTO ma humiex, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa biss f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jirriżultaw mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita huwa stess il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li huma l-qrati tal-Unjoni, jekk ikun il-każ, li għandhom jistħarrġu l-legalità ta’ att tal-Unjoni u tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-ftehimiet tal-WTO. Din hija, fl-ewwel lok, l-ipoteżi fejn l-Unjoni għandha l-intenzjoni timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet tal-WTO u, fit-tieni lok, fejn l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehimiet stess ( 58 ). |
158. |
Ebda artikolu tar-Regolament Nru 1225/2009 ma jagħmel riferiment għal xi dispożizzjoni speċifika tal-ftehimiet tal-WTO. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 jimplimenta l-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping, li d-dispożizzjonijiet tiegħu essenzjalment jirrepeti ( 59 ). |
159. |
Madankollu, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 ma jirrepetix espressament ir-rekwiżit, taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping, li “[l]-awtoritajiet għandhom jindikaw lill‑partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u ma jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet.” ( 60 ) Għalhekk, jidhirli li ma kien hemm ebda rieda ċara min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jimplimenta l-obbligu partikolari stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping. Isegwi li l-legalità tar-regolament kontenzjuż ma tistax tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Antidumping ( 61 ). |
160. |
Barra minn hekk, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 1225/2009 jimplimentawx l-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 jew 12.2.2 tal-Ftehim Antidumping, u jekk, konsegwentement, il-legalità tar-regolament kontenzjuż tistax tiġi mistħarrġa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jiena nikkunsidra li l-aggravju li jallega ksur tal-Artikoli 6.2, 6.4, 12.2.1 jew 12.2.2 tal-Ftehim Antidumping ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, ma nistax nara r-rilevanza tal-Artikoli 12.2.1 u 12.2.2, li huma relatati ma’ avviżi pubbliċi tal-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping, jew tal-Artikolu 6.2, li jikkonċerna laqgħat ma’ partijiet avversarji. Rigward l-Artikolu 6.4, li jiddikjara li l-awtoritajiet għandhom jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jaraw l-informazzjoni rilevanti kollha li ma hijiex kunfidenzjali, ninnota li, bħalma spjegajt fil-punt 143 iktar ’il fuq u l-punt 161 iktar ’il quddiem, Changmao Biochemical Engineering ma ssostnix li l-Kummissjoni naqset milli tiżvelalha l-informazzjoni neċessarja sabiex titlob aġġustamenti. |
161. |
It-tieni, fil-fehma tiegħi, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju hija infondata sa fejn tallega ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009. Kif imsemmi fil-punt 142 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009, l-esportaturi jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali “filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali”. Madankollu, spjegajt fil-punt 143 iktar ’il fuq li, f’din il-kawża, Changmao Biochemical Engineering ma ssostnix, insostenn tal-aggravju tagħha li jallega ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009, li l-Kummissjoni naqset milli tiżvelalha l-informazzjoni neċessarja sabiex titlob aġġustamenti. Pjuttost, insostenn ta’ dan l-aggravju, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset, b’mod partikolari, milli tiġbor l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tiddetermina jekk għandhiex taċċetta dawn it-talbiet. Dan in-nuqqas, kieku jiġi stabbilit, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
162. |
It-tielet, ir-raba’ parti tat-tielet agravju hija infondata sa fejn tallega ksur tad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet meħtieġa teżamina bid-diliġenza u b’imparzjalità kollha dovuta l-evidenza ppreżentata minn Changmao Biochemical Engineering insostenn tat-talbiet tagħha għal aġġustament. Madankollu, kif urejt fil-punti 148 sa 152 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-fatti billi kkonstatat, fil-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, li Changmao Biochemical Engineering ma kinitx uriet li l-allegati differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni affettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezz. |
163. |
Ir-raba’, nikkunsidra li r-raba’ parti tat-tielet aggravju hija infondata sa fejn tallega l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Skont il-ġurisprudenza, isegwi mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-oneru tal-prova li l-Kummissjoni timponi fuq produtturi esportaturi li jeħtieġu aġġustament skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 ma jistax ikun irraġonevoli ( 62 ). Madankollu, stabbilixxejt fil-punti 139 sa 144 iktar ’il fuq ir-raġunijiet għalfejn, billi obbligat lil Changmao Biochemical Engineering turi li l-allegati differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni affettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma imponietx fuqha oneru ta’ prova irraġonevoli. |
164. |
Il-ħames, ir-raba’ parti tat-tielet aggravju hija infondata sa fejn tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi rrifjutat, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew bħala miżura ta’ investigazzjoni, lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-analiżi li wasslitha sabiex tikkonstata, fil-premessa 70 tar-regolament kontenzjuż, li ma kien hemm ebda differenza bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li tkun sistematikament riflessa fil-prezzijiet. Skont il-ġurisprudenza, rigward l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ rikorsi ppreżentati minn parti għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri ta’ investigazzjoni, għandu jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha ( 63 ). Barra minn hekk, kif muri fil-punti 148 sa 152 iktar ’il fuq, ma ġie stabbilit ebda żnaturament ta’ fatti f’din il-kawża. |
165. |
Nikkonkludi li r-raba’ parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha. |
4) It‑tieni parti tat‑tielet aggravju
166. |
Fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma jibbenefikawx minn trattament ta’ ekonomija tas-suq jistgħu jressqu talbiet għal aġġustament, iżda dawn it-talbiet ma jistgħux ikunu “relatati mal-ispejjeż attwali fiċ-Ċina”, inkella l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 jsir ineffettiv. |
167. |
Fit-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
168. |
Jiena tal-fehma li, minkejja li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija fondata, din għandha madankollu tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Jiena sejjer nistabbilixxi iktar ’il quddiem ir-raġunijiet għalfejn nikkunsidra li hija fondata, qabel ma nispjega għalfejn hija ineffettiva. |
169. |
Skont il-ġurisprudenza, l-għan tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 huwa li jevita t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq ( 64 ). |
170. |
L-argument tal-Kummissjoni huwa li, kieku kellu jsir aġġustament minħabba differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn iċ-Ċina u l-Unjoni, dan jagħmel l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 ineffettiv, minħabba li l-ispejjeż ta’ produzzjoni fiċ-Ċina huma marbuta mal-istatus taċ-Ċina bħala li ma għandhiex ekonomija tas-suq u huma żnaturati. |
171. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma jistax jirnexxi. |
172. |
Huwa minnu li, fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (T‑558/12 u T‑559/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:237), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma setgħu jsiru ebda aġġustamenti għal differenzi fl-effiċjenza u fil-produttività bejn il-produtturi esportaturi Ċiniżi li fuqhom kienu ġew imposti dazji antidumping u l-produttur ta’ pajjiż analogu, minħabba li tal-ewwel ma kkwalifikawx għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u d-data relatata magħhom għalhekk ma setgħetx tiġi kkunsidrata għall-għanijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali ( 65 ). Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-produtturi esportaturi Ċiniżi sostnew li l-aġġustamenti għad-differenzi fl-effiċjenza u fil-produttività ma jagħmlux l-użu tal-metodu tal-pajjiż analogu ineffettiv, minħabba li l-konsum iktar baxx tagħhom ta’ materji primi u elettriku u tal-produttività ogħla tagħhom għal kull impjegat (meta mqabbla ma’ dawk tal-produttur ta’ pajjiż analogu) ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-prezzijiet u mal-ispejjeż jew il-forzi tas-suq fiċ-Ċina ( 66 ). L-Avukat Ġenerali Mengozzi ppropona li jiġi miċħud dan l-argument, fuq il-bażi li “impriża li ma bbenefikatx mill‑istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma tistax tibbaża ruħha fuq differenzi li jirrigwardaw il‑produttività u l-effiċjenza sabiex titlob aġġustamenti tal-valur normali”, peress li l-produttività u l-effiċjenza “jiddependu minn diversi fatturi […] li minnhom jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li dawn huma influwenzati, tal‑inqas indirettament, minn parametri li ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq” ( 67 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma ddeċidietx dwar ir-rifjut tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jsiru l-aġġustamenti mitluba ( 68 ). |
173. |
Huwa minnu wkoll li, fis-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑675/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:209), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ebda aġġustament ma seta’ jsir minħabba d-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni u aċċess għal materji primi bejn iċ-Ċina u l-pajjiż analogu, peress li, l-ewwel, iċ-Ċina ma kinitx, fil-mument rilevanti, ikkunsidrata bħala ekonomija tas-suq, u, it-tieni, ir-rikorrenti, produttur esportatur Ċiniż, ma kinitx ressqet talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq. Għalhekk, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, ma kien hemm xejn x’jindika li l-provvista ta’ nikil jew il-proċess ta’ produzzjoni ta’ impriża li topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija mhux tas-suq ma kinux influwenzati minn parametri li ma kinux ir-riżultat tal-forzi tas-suq ( 69 ). Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-produtturi esportaturi Ċiniżi sostnew li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk l-aġġustamenti mitluba kienx ikollhom l-effett li jintroduċu mill-ġdid fil-valur normali spejjeż influwenzati minn parametri li ma jirriżultawx mill-forzi tas-suq, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma għamiltx ( 70 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument bħala ineffettiv, minħabba li l-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkontestawx espressament il-konstatazzjoni ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali li skontha ma kienx jidher li l-aġġustamenti kienu relatati ma’ fatturi li kienu r-riżultat tal-forzi tas-suq ( 71 ). |
174. |
Madankollu, ninnota li fis-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269) u fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑436/18 P, EU:C:2019:643) il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx fil-merti l-kwistjoni jekk produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx trattament ta’ ekonomija tas-suq jistgħux jitolbu aġġustamenti għad-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni u fil-konsum ta’, u aċċess għal, materji primi bejn iċ-Ċina u l-pajjiż analogu. |
175. |
Jiena ninnota wkoll li Changmao Biochemical Engineering issostni, mingħajr ma hija kkontestata mill-Kummissjoni, li s-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti minn dik fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑436/18 P, EU:C:2019:643) minħabba li, f’din il-kawża, l-aġġustamenti kienu jsiru mhux b’riferiment għall-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produttur esportatur Ċiniż stess jew għall-ispejjeż ta’ produzzjoni fiċ-Ċina, iżda b’riferiment għall-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Unjoni. L-argument ta’ Changmao Biochemical Engineering huwa, essenzjalment, li d-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli taċċetta talbiet għal aġġustament fejn il-Kummissjoni ma tużax data mis-suq Ċiniż fid-determinazjoni tal-ammont tal-aġġustamenti. |
176. |
Changmao Biochemical Engineering tispjega li, f’din il-kawża, hija ma talbitx lill-Kummissjoni tagħmel aġġustamenti b’riferiment għall-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha stess. L-ewwel, hija talbet lill-Kummissjoni, fejn l-industrija tal-Unjoni u hija stess użaw materji primi u riżorsi differenti, sabiex jew tnaqqas il-valur normali jew iżżid il-prezz ta’ esportazzjoni tagħha b’ammont ugwali għad-differenza bejn (i) l-ispiża tal-materja prima jew riżors użat mill-industrija tal-Unjoni u (ii) l-ispiża fl-Unjoni tal-materja prima jew riżors korrispondenti użat minnha stess ( 72 ). It-tieni, Changmao Biochemical Engineering talbet lill-Kummissjoni, fejn l-ispejjeż ġew sostnuti biss mill-industrija tal-Unjoni, mhux minnha stess, sabiex tagħmel aġġustamenti f’ammonti ugwali għal dawn l-ispejjeż. Changmao Biochemical Engineering tenfasizza li, fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha stess jew l-ispejjeż attwali fiċ-Ċina fit-twettiq tal-aġġustamenti mitluba. Għalhekk, fil-fehma ta’ Changmao Biochemical Engineering, l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 ma pprekludiex lill-Kummissjoni milli tagħmel dawn l-aġġustamenti. |
177. |
Fil-fehma tiegħi, huwa biss fejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi stess jew l-ispejjeż ta’ produzzjoni fiċ-Ċina jintużaw sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-aġġustament u fejn dawn l-ispejjeż jiġu għalhekk introdotti fil-kalkolu tal-valur normali, li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1225/2009 jipprekludi lill-Kummissjoni milli taċċetta talbiet għal aġġustamenti mressqa minn produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx trattament ta’ ekonomija tas-suq. B’kuntrast, fejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni fiċ-Ċina jintużaw biss sabiex jiġi stabbilit li hemm differenzi fil-fatturi elenkati taħt l-Artikolu 2(10)(a) sa (k) ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 2(7) tiegħu ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli taċċetta talbiet għal aġġustamenti mressqa minn dawn il-produtturi esportaturi. |
178. |
Dan minħabba li, kieku l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu preklużi milli jitolbu aġġustamenti fejn il-valur normali jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009, anki fejn ebda data mis-suq Ċiniż ma tintuża għall-kalkolu tal-ammont tal-aġġustamenti, dawn il-produtturi esportaturi effettivament jiġu preklużi milli jitolbu aġġustamenti fejn il-valur normali jiġi ddeterminat skont din id-dispożizzjoni. Madankollu, ma jsegwix mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 169 iktar ’il fuq, li skontha l-għan tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 huwa li jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prezzijiet u spejjeż f’pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq li ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi tas-suq, li l-valur normali ma jistax jiġi aġġustat bl-ebda mod fejn jiġi stabbilit skont din id-dispożizzjoni. Pjuttost bil-maqlub, ma hemm xejn f’dan ir-regolament li jindika li l-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi deroga ġenerali mir-rekwiżit li jsiru aġġustamenti abbażi tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament, għall-finijiet ta’ komparabbiltà ( 73 ). |
179. |
Barra minn hekk, is-soluzzjoni proposta fil-punt 177 iktar ’il fuq hija konsistenti mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 607 u 608 tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, EU:T:2021:278), li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 għandu jiġi interpretat fid-dawl u fil-kuntest tal-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament, bir-riżultat li l-aġġustamenti magħmula ma għandhomx jintroduċu jew jintroduċu mill-ġdid element ta’ żnaturament tas-sistema Ċiniża fil-kalkolu tal-valur normali ddeterminat fuq il-bażi tal-metodu tal-pajjiż analogu. |
180. |
Fis-sentenza msemmija fil-punt 179 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li jista’ jsir aġġustament għall-valur normali bl-applikazzjoni tar-rata ta’ 12 % VAT prevista, skont id-dritt Ċiniż, għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina, fuq il-bażi, essenzjalment li dan l-element ma kienx żnaturat ( 74 ). Huwa minnu li s-sitwazzjoni f’din is-sentenza hija differenti minn dik f’din il-kawża peress li, f’din is-sentenza, l-aġġustament ma ntalabx mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ( 75 ). Madankollu, jibqa’ l-fatt li, skont din is-sentenza, jista’ jsir aġġustament bl-użu ta’ element tas-sistema Ċiniża – sakemm, madankollu, dan l-element ma joħloqx żnaturamenti, iżda jkun ir-riżultat tal-forzi tas-suq. |
181. |
Isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li t-talbiet għal aġġustament imressqa mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma jibbenefikawx minn trattament ta’ ekonomija tas-suq ma jistgħux ikunu relatati mal-ispejjeż attwali fiċ-Ċina. Fil-fehma tiegħi, dawn it-talbiet tal-produtturi esportaturi jistgħu jiġu rrifjutati biss fejn tintuża data relatata mal-ispejjeż attwali fiċ-Ċina għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ aġġustament, mhux fejn din id-data tiġi invokata sabiex jiġi stabbilit li jeżistu differenzi fl-ispejjeż bejn iċ-Ċina u l-pajjiż analogu. |
182. |
Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija fondata. |
183. |
Madankollu, kif imsemmi fil-punt 168 iktar ’il fuq, din għandha madankollu tiġi miċħuda bħala ineffettiva għaż-żewġ raġunijiet segwenti. |
184. |
L-ewwel, jidhirli li, sabiex il-Kummissjoni taċċetta talbiet għal aġġustament li huma relatati mal-ispejjeż attwali fiċ-Ċina, il-produtturi esportaturi Ċiniżi li jagħmlu dawn it-talbiet għandhom juru li l-ispejjeż speċifiċi inkwistjoni huma r-riżultat normali tal-forzi tas-suq, anki fejn id-data relatata ma’ dawn l-ispejjeż tintuża biss sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ differenzi f’fatturi elenkati taħt l-Artikolu 2(10)(a) sa (k) tar-Regolament Nru 1225/2009. Dan isegwi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, li skontha l-oneru tal-prova li għandhom isiru aġġustamenti speċifiċi jaqa’ fuq dawk li jixtiequ jinvokawhom. |
185. |
Madankollu, f’din il-kawża, Changmao Biochemical Engineering ma wrietx, fil-fehma tiegħi, li l-użu ta’ materji primi u riżorsi differenti, jew l-ispejjeż sostnuti biss mill-industrija tal-Unjoni ( 76 ), huma r-riżultat normali tal-forzi tas-suq. Hija sempliċement iddeskriviet id-differenzi fil-materji primi u r-riżorsi użati u fil-proċess ta’ raffinar bejn iċ-Ċina u l-Unjoni, mingħajr ma spjegat għalfejn dawn l-elementi ma humiex affettwati mill-istatus Ċiniż ta’ ekonomija mhux tas-suq. |
186. |
It-tieni, ir-raġunijiet stabbiliti fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata huma raġunijiet sussidjarji, peress li, fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li, billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti mitluba minn Changmao Biochemical Engineering, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, fuq il-bażi li din l-impriża naqset milli turi li l-allegati differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni fissru differenzi fil-prezzijiet. Dan huwa ppruvat bl-użu tal-frażi “fi kwalunkwe każ” fil-punt 151 tas-sentenza appellata. |
187. |
Għalhekk, minkejja li hija fondata, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
188. |
Għall-kompletezza, għandi ninnota li jsegwi li l-aggravju li jallega l-ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009 għandu jiġi miċħud ukoll. L-argument ta’ Changmao Biochemical Engineering insostenn ta’ dan l-aggravju huwa li, kieku l-Kumissjoni għamlet l-aġġustamenti mitluba, il-marġni ta’ dumping kien jaqa’ taħt il-marġni ta’ dannu, li fuq il-bażi tiegħu kien stabbilit id-dazju antidumping. Madankollu, peress li, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi rrifjutat li tagħmel dawn l-aġġustamenti, ma hemm ebda ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009. |
189. |
Nikkonkludi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
D. Ir‑raba’ aggravju
1. L‑argumenti tal‑partijiet
190. |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li, bil-konstatazzjoni, fil-punti 148 u 150 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti mitluba bl-għan tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2016/1036, kif emendat, l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u kisret id-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni. Skont Changmao Biochemical Engineering, id-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn il-produttur tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu jeħtieġu mhux biss aġġustamenti bl-għan tad-determinazjoni tal-marġni ta’ dumping, iżda anki, skont l-Artikolu 2(10) u/jew l-Artikolu 3(2) tal-istess regolament, aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dannu. |
191. |
Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud, peress li (b’mod partikolari) l-Artikolu 2(10), l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2016/103 ma jagħmlu ebda riferiment għal aġġustamenti. |
2. Evalwazzjoni
192. |
Fir-regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Changmao Biochemical Engineering li jsiru aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni mhux tal-marġni ta’ dumping, iżda tal-marġni ta’ dannu, minħabba differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn il-produttur tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi Ċiniżi. Ir-raġunament Ċiniż għaċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet kien, essenzjalment, li dawn id-differenzi ma kinux neċessarjament ifissru differenzi fil-prezzijiet, jew li ma kinux neċessarjament jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet ( 77 ). |
193. |
Fil-punti 148 u 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li, billi rrifjutat li tagħmel l-aġġustamenti mitluba bl-għan tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009, l-Artikolu 3(2)(a) u (3) ta’ dan ir-regolament, jew l-Artikolu 9(4) tiegħu. |
194. |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret dawn id-dispożizzjonijiet, kisret id-dmir ta’ diliġenza u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni. |
195. |
Jiena tal-fehma li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Minkejja li huwa, fil-fehma tiegħi, fondat sa fejn jallega ksur tal-Artikolu 3(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 1225/2009, huwa madankollu ineffettiv fl-intier tiegħu. Sejjer nistabbilixxi iktar ’il quddiem ir-raġunijiet għalfejn huwa parzjalment fondat qabel ma nispjega għalfejn huwa ineffettiv. |
196. |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1225/2009, sabiex jiġu imposti dazji antidumping, l-importazzjonijiet suġġetti ta’ dumping għandhom jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament, id-determinazzjoni tad-dannu għandu jinvolvi eżami oġġettiv tal-“volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-[Unjoni] għall-prodotti simili”. L-Artikolu 3(3) tal-istess regolament jiddikjara li “[f]ejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija [tal-Unjoni], jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti.” |
197. |
Huwa minnu li l-Artikolu 3(2)(a) u (3), jew kwalunkwe dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1225/2009, ma jiddikjarawx li l-Kummissjoni għandha tagħmel aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu. Ma hemm ebda ekwivalenza, f’dan il-kuntest, mal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament, li jiddikjara li għandhom isiru aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. |
198. |
Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu li jitwettaq eżami oġġettiv tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1225/2009, jeżiġi li jitwettaq paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni meta dawn jinbiegħu fit-territorju tal-Unjoni. Tali paragun ekwu jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tad-dannu lil din l-industrija ( 78 ). |
199. |
Jidhirli li, fejn aġġustamenti huma neċessarji sabiex tiġi żgurata n-natura ekwa tal-paragun bejn il-prezz tal-prodott inkwistjoni u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha titqies li għandha obbligu li tagħmel dawn l-aġġustamenti. Għalhekk, is-simetrija bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tiġi stabbilita mill-ġdid, l-istess kif, skont il-ġurisprudenza, aġġustament għall-valur normali magħmul skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1225/2009 jistabbilixxi mill-ġdid is-simterija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ prodott, u għalhekk tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prezzijiet ( 79 ). |
200. |
Minkejja li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1225/2009 ma tiddikjara espressament li l-Kummissjoni għandha tagħmel aġġustamenti sabiex tiżgura paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, dan l-obbligu jista’, fil-fehma tiegħi, ikun ibbażat fuq l-Artikolu 3(2)(a) u (3) ta’ dan ir-regolament, sa fejn din id-dispożizzjoni teħtieġ paragun ekwu. |
201. |
Huwa minnu li, bħalma ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball fil-konstatazzjoni, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill (T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46) ikkonċernat ksur tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti u nuqqas ta’ motivazzjoni għar-regolament kontenzjuż. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-merti tal-allegazzjoni li l-aġġustament għall-prezz ta’ esportazzjoni, magħmul fil-kuntest tal-kalkolu tat-tnaqqis fil-prezz, ma kienx xieraq ( 80 ). |
202. |
Madankollu, għandu jsir riferiment għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Canon et vs Il‑Kunsill (277/85 u 300/85, EU:C:1988:467, punti 65 u 66), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball billi għamlet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dannu, aġġustament għad-differenzi bejn il-mudelli importati tal-prodott ikkonċernat (typewriters elettroniċi) u l-mudelli l-iktar simili tal-Unjoni ( 81 ). |
203. |
B’mod simili, fis-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234, punti 172 sa 189), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kalkolu tat-tnaqqis mill-Kummissjoni kien kuntrarju għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1225/2009, minħabba li l-Kummissjoni kienet ipparagunat il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni mal-ewwel xerrejja indipendenti tal-prodott simili bil-prezzijiet CIF (spiża, assigurazzjoni u ġarr) tal-produttur esportatur Ċiniż. Skont il-Qorti Ġenerali, l-obbligu tal-paragun tal-prezzijiet fl-istess livell ta’ kummerċ obbliga lill-Kummissjoni sabiex minflok tuża l-prezzijiet CIF tal-produttur esportatur Ċiniż, tuża l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produttur esportatur lill-ewwel xerrejja indipendenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tagħmel l-aġġustamenti korrispondenti, li naqset milli tagħmel ( 82 ) |
204. |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi kkonstatat, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1225/2009 ċċitata minn Changmao Biochemical Engineering – jiġifieri, l-Artikolu 2(10), l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament – ma obbligaw lill-Kummissjoni tagħmel aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 3(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 1225/2009 obbliga lill-Kummissjoni tagħmel dan. Għalhekk, ir-raba’ aggravju huwa fondat sa fejn jallega ksur tal-Artikolu 3(2)(a) u (3) ta’ dan ir-regolament. |
205. |
Madankollu, kif imsemmi fil-punt 195 iktar ’il fuq, ir-raba’ aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
206. |
Fil-fatt, jidhirli li, kieku l-Kummissjoni kkunsidrat li kienet obbligata tagħmel l-aġġustamenti neċessarji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dannu, għandhom japplikaw il-prinċipji li jirregolaw it-talbiet għal aġġustament magħmula fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ dumping. Għalhekk, b’analoġija mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, il-parti li titlob aġġustament bl-għan tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu għandha tipprova li t-talba tagħha hija ġġustifikata. Hija għandha, b’mod partikolari, tipprova li d-differenzi (pereżempju) fl-ispejjeż ta’ produzzjoni jfissru differenzi fil-prezzijiet. |
207. |
Madankollu, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li Changmao Biochemical Engineering naqset milli turi li d-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni bejn iċ-Ċina u l-Unjoni fissru differenzi fil-prezzijiet. Nenfasizza li l-punt 160 tas-sentenza appellata huwa relatat speċifikament mat-talba ta’ Changmao Biochemical Engineering li jsiru aġġustamenti bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ tnaqqis. Fil-fatt, il-formulazzjoni ta’ dan il-punt tirriproduċi dik tal-premessa 70 tar-regolament kontenzjuż, li fiha l-Kummissjoni tiddikjara r-raġuni għalfejn tiċħad it-talbiet ta’ Changmao Biochemical Engineering għal aġġustament bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ tnaqqis. |
208. |
Changmao Biochemical Engineering ma kkontestatx il-punt 160 tas-sentenza appellata fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, li jikkonċerna l-legalità ta’ aġġustamenti magħmula bl-għan tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ tnaqqis. Hija kkontestat dan il-punt biss fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, li huwa relatat ma’ aġġustamenti magħmula bl-għan ta’ determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. |
209. |
Għalhekk, minkejja li huwa fondat, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
210. |
Nikkonkludi li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
VI. L‑ispejjeż
211. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
212. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-parti rebbieħa. F’din il-kawża, Changmao Biochemical Engineering tilfet il-kawża, u l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż. Għalhekk, Changmao Biochemical Engineering għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha stess u għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
VII. Konklużjoni
213. |
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) T‑741/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:454.
( 3 ) Regolament tat‑28 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2016, L 204, p. 92).
( 4 ) Regolament tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, ĠU 2011, L 293, p. 39, ĠU 2016, L 44, p. 20).
( 5 ) Regolament tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea Ir-Regolament Nru 2016/1036 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1225/2009.
( 6 ) Ara l-premessi 19 sa 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/262 tal‑25 ta’ Frar 2016 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2016, L 50, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”) u l-premessa 18 tar-regolament kontenzjuż.
( 7 ) Ara l-preambolu (“[w]ara li kkunsidrat ir-[Regolament 2016/1036] […]”) u l-premessa 142 tar-regolament kontenzjuż.
( 8 ) Artikolu 25 tar-Regolament 2016/1036.
( 9 ) Punt 1 tas-sentenza appellata.
( 10 ) Kif elenkat fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 18 u 19 iktar ’il quddiem.
( 11 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punt 15). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:3, punti 62 u 63).
( 12 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 58).
( 13 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1994, Browet et vs Il‑Kummissjoni (T‑576/93 sa T‑582/93, EU:T:1994:93, punt 35); tat‑12 ta’ Ġunju 2019, RV vs Il‑Kummissjoni (T‑167/17, EU:T:2019:404, punt 60 u 65); tal‑31 ta’ Jannar 2008, Valero Jordana vs Il‑Kummissjoni (F‑104/05, EU:F:2008:13, punt 53); tal‑21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il‑Kummissjoni (F‑31/07, EU:F:2008:23, punt 52) (mhux annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer (T‑160/08 P, EU:T:2010:294, punt 67)); tat‑23 ta’ Settembru 2009, Neophytou vs Il‑Kummissjoni (F‑22/05 RENV, EU:F:2009:120, punt 56); tat‑13 ta’ April 2011, Vakalis vs Il‑Kummissjoni (F‑38/10, EU:F:2011:43, punti 28, 38 u 40); u tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wurster vs EIGE (F‑20/12 u F‑43/12, EU:F:2013:129, punt 84).
( 14 ) Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wurster vs EIGE (F‑20/12 u F‑43/12, EU:F:2013:129, punt 84).
( 15 ) Ir-raġuni għaliex dawn id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ġenerali ġew ikkonstatati bħala mhux applikabbli ratione temporis kien li huma ddikjaraw, mhux li kienu japplikaw retroattivament, iżda li kienu japplikaw mill-ġurnata ta’ wara dik tal-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ġiet stabbilita b’mod definittiv qabel ma ġew adottati d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ġenerali, peress li hija kienet diġà ssodisfat il-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà għall-pożizzjoni meta ġiet irreklutata, u l-perijodu ta’ prova affettwa biss it-terminu tal-kuntratt tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wurster vs EIGE, F‑20/12 uF‑43/12, EU:F:2013:129, punti 93 sa 97).
( 16 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Jiġifieri, l-Artikolu 2(7)(a) u (c); l-Artikolu 2(10); l-Artikolu 3(2), (3) u (5); l-Artikolu 6(8); u l-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament.
( 18 ) Peress li r-raba’ parti tat-tielet aggravju hija, fil-fehma tiegħi, inammissibbli sa fejn tallega ksur tal-Artikolu 20(2) u (4) tal-istess regolament (ara l-punt 127 iktar ’il quddiem).
( 19 ) Regolament tat‑12 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 (ĠU 2012, L 344, p. 1).
( 20 ) Ir-Regolament Nru 1168/2012 madankollu daħal fis-seħħ qabel l-adozzjoni tar-regolament li jimponi miżuri antidumping f’din il-kawża.
( 21 ) L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1168/2012.
( 22 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226.
( 23 ) Dawn madankollu daħlu fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li fihom il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kienu inkompatibbli mas-suq intern.
( 24 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141).
( 25 ) Ir-Regolament Nru 1370/2007 madankollu daħal fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat l-għajnuna bħala parzjalment kompatibbli mas-suq intern.
( 26 ) Il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-perijodu kkunsidrat għall-evalwazzjoni tad-dannu damu sal‑31 ta’ Marzu 2015 (ara l-premessa 3 tar-regolament kontenzjuż).
( 27 ) L-iżvelar finali seħħ fit‑2 ta’ Ġunju 2016, l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2016, u nżammet seduta fil‑5 ta’ Lulju 2016 (ara l-punti 7 sa 9 tas-sentenza appellata).
( 28 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40). Ara wkoll is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 76), u tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International (C‑612/16, mhux ippubblikata, EU:C:2019:508, punt 54).
( 29 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni (T‑650/17, EU:T:2019:644, punti 41 u 42). Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Zhejiang Jndia Pipeline Industry vs Il‑Kummissjoni (T‑228/17, EU:T:2019:619, punt 2).
( 30 ) Premessa 131 tar-regolament kontenzjuż.
( 31 ) Is-sitwazzjoni fis-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62) għalhekk hija l-oppost ta’ dik f’din il-kawża (fejn id-dazju antidumping ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni ta’ dannu, mhux fuq il-bażi tal-marġni ta’ dumping).
( 32 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C 200/09 P, EU:C:2012:78, punti 153 sa 158). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2011:245, punti 254, 277 u 278).
( 33 ) Għandu jsir riferiment ukoll għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Fiskeri og Havbruksnæringens Landsforening et vs Il‑Kunsill (T‑115/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:136, punti 35, 36, u 45 sa 47).
( 34 ) Ara l-premessi 27, 107 u 114 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 535/87 tat‑23 ta’ Frar 1987 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ photocopiers ta’ karti ordinarji li joriġinaw mill-Ġappun (ĠU 1987, L 54, p. 12).
( 35 ) Premessa 215 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 tad‑19 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2013, L 315, p. 2).
( 36 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Hansol Paper vs Il‑Kummissjoni (T‑383/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:139, punt 168). Enfasi miżjuda minni.
( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 194 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “ma jistax jiġi eskluż li, kieku t-twaqqigħ tal-prezz kien ġie kkalkolat korrettament, il-marġni ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni kien jiġi stabbilit f’livell iktar baxx minn dak tal-marġni ta’ dumping” (enfasi miżjuda minni).
( 38 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158, punti 24 sa 26).
( 39 ) Ara l-premessi 17(e), 45 u 46 tar-regolament provviżorju.
( 40 ) Ara l-premessi 42 sa 46 tar-regolament provviżorju. Ara wkoll il-premessa 29 tar-regolament kontenzjuż.
( 41 ) Ara l-premessi 2, 26, 32 u 33 tar-regolament kontenzjuż.
( 42 ) Ara l-premessa 31 tar-regolament kontenzjuż.
( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2015, Schroeder vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑205/14, EU:T:2015:673, punt 44); tat‑23 ta’ Settembru 2015, Hüpeden vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑206/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:672, punt 45); u tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, EU:T:2021:278, punt 198). (Għandi ninnota li hemm appell pendenti mill-aħħar sentenza).
( 44 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158, punti 33 u 34).
( 45 ) Infakkar li l-aspartam huwa prodott fi ftit pajjiżi, li pajjiż terz wieħed ieħor biss, jiġifieri l-Korea t’Isfel, seta’ jintgħażel bħala pajjiż analogu, u li l-uniku produttur Korean t’Isfel magħruf irrifjuta li jikkoopera (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).
( 46 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni (T‑650/17, EU:T:2019:644, punt 191). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill (T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 62), u tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni (T‑307/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:487, punti 241 u 242). (Għandi ninnota li appell huwa pendenti mill-aħħar sentenza).
( 47 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 22); tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 51); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑436/18 P, EU:C:2019:643, punt 31).
( 48 ) Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 104).
( 49 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189.
( 50 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa and AlzChem vs Il‑Kummissjoni (C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 55), u tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 90).
( 51 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il‑Kunsill (255/84, EU:C:1987:203, punt 33); tal‑10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il‑Kunsill (C‑171/87, EU:C:1992:106, punt 32); tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 58); tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 83); u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding (C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 60).
( 52 ) Bl-eċċezzjoni, madankollu, tal-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament Nru 1225/2009, li jiddikjara li aġġustament jista’ jsir għad-differenzi fil-livelli ta’ kummerċ fejn “ikun jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni […] ikun qiegħed fuq livell kummerċjali differenti mill-valur normali u d-differenza tkun effetwat il-komparabilità tal-prezzijiet li tkun ħarġet ċara minn differenzi konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u l-prezzijiet tal-bejjiegħ għad-diversi livelli tal-kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż li jesporta” (enfasi miżjuda minni).
( 53 ) Enfasi miżjuda minni.
( 54 ) Għandi ninnota li, minkejja li din is-sentenza ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), dan l-annullament kien ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 1225/2009, mingħajr il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminat it-tieni aggravju, li allega ksur tal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament.
( 55 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, EU:T:2021:278, punt 580). Ara wkoll is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punti 77 u 78); u tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill (T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 137).
( 56 ) Skont l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1225/2009.
( 57 ) Sentenzi tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni (C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 48); tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni (C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 70); u tal‑10 ta’ Lulju 2019, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni (C‑345/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:589, punt 56).
( 58 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punti 29 u 30); tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 38 sa 41); tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punti 85 sa 87); u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding (C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 46).
( 59 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punt 73); u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni (T‑650/17, EU:T:2019:644, punt 250). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2016:928, punt 37).
( 60 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punt 77); u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Godrej Industries u VVF vs Il‑Kunsill (T‑6/12, EU:T:2013:408, punt 51).
( 61 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella f’Donex Shipping and Forwarding (C‑104/19, EU:C:2020:159, punti 46 sa 49).
( 62 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56 iktar ’il fuq.
( 63 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni (C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punt 47); tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678, punt 108); tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni (C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 28); u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB (C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 98).
( 64 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1991, Nölle (C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 10); tad‑29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie (C‑26/96, EU:C:1997:261, punt 9); tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 48); u tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 106).
( 65 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (T‑558/12 u T‑559/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:237, punt 111). Ara wkoll il-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza.
( 66 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2016:928, punt 93).
( 67 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2016:928, punti 107 u 108).
( 68 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory and Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 73).
( 69 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 2018, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑675/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:209, punti 63 u 64).
( 70 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑436/18 P, EU:C:2019:643, punt 49).
( 71 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑436/18 P, EU:C:2019:643, punti 51 u 52).
( 72 ) Assumi, pereżempju, li l-industrija tal-Unjoni tuża l-materja prima A, filwaqt li Changmao Biochemical Engineering tuża l-materja prima B, u għalhekk issostni spejjeż ta’ produzzjoni inqas. Skont Changmao Biochemical Engineering, il-Kummissjoni kellha jew tnaqqas il-valur normali jew iżżid il-prezz ta’ esportazzjoni tagħha b’ammont ugwali għad-differenza bejn (i) l-ispejjeż tal-materja prima A fl-Unjoni, u (ii) l-ispejjeż tal-materja prima B mhux fiċ-Ċina, iżda fl-Unjoni.
( 73 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, EU:T:2021:278, punt 605).
( 74 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, EU:T:2021:278, punti 602 sa 610). Għandi nispjega li, f’din il-kawża, il-valur normali ġie kkalkolat fuq il-bażi ta’ prezzijiet f’pajjiż analogu, jiġifieri l-Indja, filwaqt li l-prezz ta’ esportazzjoni użat kien il-prezz attwali ta’ esportazzjoni impost mill-produtturi esportaturi Ċiniżi tal-kampjun, u li sar aġġustament għad-differenzi fil-VAT bejn bejgħ ta’ esportazzjoni miċ-Ċina għall-Unjoni (fejn ġiet imposta taxxa ta’ 17 % fuq l-esportazzjoni u 5 % tagħha mbagħad ġiet imħallsa lura) u l-VAT fuq bejgħ domestiku fl-Indja (fejn it-taxxi kienu ġew esklużi mill-prezz domestiku). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minkejja li l-aġġustamenti ma jistgħux jinkorporaw mill-ġdid fatturi marbuta mal-parametri li, fiċ-Ċina, ma kinux ir-riżultat normali tal-forzi tas-suq, dan ma kienx il-każ hawn. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, ir-raġuni għalfejn is-sistema tal-VAT Ċiniża ħolqot żnaturamenti kienet biss il-mod li bih iċ-Ċina applikat il-VAT fuq l-esportazzjoni, bil-provvista ta’ ħlas lura għal ċerti prodotti u mhux għal oħrajn). (Għal darba oħra, ninnota li hemm appell pendenti minn din is-sentenza).
( 75 ) Premessa 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/140 tad‑29 ta’ Jannar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja (ĠU 2018, L 25, p. 6).
( 76 ) Ara l-punt 176 iktar ’il fuq.
( 77 ) Premessi 64 sa 74 tar-regolament kontenzjuż.
( 78 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 176).
( 79 ) Sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, EU:T:2021:278, punt 593).
( 80 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill (T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 93).
( 81 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il‑Kunsill (250/85, EU:C:1988:464, punt 36).
( 82 ) Ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704, punti 50 sa 71).