SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Direttiva (UE) 2015/849 – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li jsiru pagamenti li jaqbżu ċertu ammont esklużivament permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ depożitu f’kont ta’ pagament – Artikolu 65 TFUE – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali – Proporzjonalità – Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali – Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni”

Fil-Kawża C‑544/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

“ECOTEX BULGARIA” EOOD

vs

Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite - Sofia,

fil-preżenza ta’:

Prokuror ot Okrazhna prokuratura - Blagoevgrad,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Bulgaru, minn L. Zaharieva u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, Y. Marinova u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), moqri fid-dawl tal-premessa 6 u flimkien mal-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 58(1) u tal-Artikolu 60(4) tal-imsemmija direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “ECOTEX BULGARIA” EOOD (iktar ’il quddiem “Ecotex”) u t-Teritorialna direktsia na Natsionalna agentsia za prihodite – Sofia (id-Direttorat Territorjali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul ta’ Sofija, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali kompetenti”) dwar il-legalità tas-sanzjoni amministrattiva pekunjarja imposta fuq din il-kumpannija minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-limitazzjoni tal-pagamenti fi flus kontanti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2015/849:

“Il-flussi ta’ flus illeċiti jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, u jheddu s-suq intern tal-Unjoni kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Il-ħasil ta’ flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi sinifikanti li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Minbarra l-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-liġi kriminali fil-livell tal-Unjoni, il-prevenzjoni mmirata u proporzjonata tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija indispensabbli u tista’ tipproduċi riżultati komplementari.”

4

Il-premessa 6 ta’ din id-direttiva hija fformulata kif ġej:

“L-użu ta’ pagamenti kbar fi flus kontanti huwa vulnerabbli ħafna għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Sabiex tiżdied il-viġilanza u jiġu mitigati r-riskji li jirriżultaw minn tali pagamenti bi flus kontanti, persuni li jinnegozjaw il-prodotti għandhom ikunu koperti minn din id-Direttiva sal-punt li jagħmlu jew jirċievu pagamenti bi flus kontanti ta’ EUR 10000 jew aktar. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw limiti aktar baxxi, limitazzjonijiet ġenerali addizzjonali għall-użu tal-flus kontanti u dispożizzjonijiet ulterjuri aktar stretti.”

5

Il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:

“Huwa importanti espressament li ssir enfasi li ‘reati fiskali’ relatati ma’ taxxi diretti u indiretti huma inklużi fid-definizzjoni wiesa’ ta’ ‘attività kriminali’ f’din id-Direttiva, f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-[Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja Internazzjonali (FATF)]. Billi f’kull Stat Membru jistgħu jiġu indikati reati fiskali differenti bħala li jikkostitwixxu ‘attività kriminali’ punibbli permezz tas-sanzjonijiet kif imsemmi fil-punt (4)(f) tal-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet tal-liġi nazzjonali ta’ reati fiskali jistgħu jvarjaw. Filwaqt li mhi qed tintalab l-ebda armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ reati fiskali fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jippermettu, sal-aktar grad possibbli taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, l-iskambju ta’ informazzjoni jew l-għoti ta’ assistenza bejn l-Unitajiet ta’ Intelligence Finanzjarja (UIF) tal-UE.”

6

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2015/849 hija intiża sabiex tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

7

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin:

(1)

l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(2)

l-istituzzjonijiet finanzjarji;

(3)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:

[…]

(e)

persuni oħrajn li jinnegozjaw fi prodotti, sa fejn il-ħlasijiet isiru jew jiġu riċevuti fi flus kontanti f’ammont ta’ EUR 10000 jew aktar, kemm jekk it-transazzjoni ssir f’operazzjoni waħda jew inkella f’bosta operazzjonijiet li jidhru li għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin;

[…]”

8

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(4)

‘attività kriminali’ tfisser kwalunkwe tip ta’ involviment kriminali fit-twettiq tar-reati serji li ġejjin:

[…]

(f)

ir-reati kollha, inklużi reati fiskali, relatati ma’ taxxi diretti u taxxi indiretti u kif definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, li huma punibbli b’ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni għal massimu ta’ aktar minn sena jew, fir-rigward ta’ Stati Membri li għandhom livell limitu minimu għal reati fis-sistema legali tagħhom, ir-reati kollha punibbli b’ċaħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni għal minimu ta’ aktar minn sitt xhur;

[…]”

9

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jiżguraw li l-ambitu ta’ din id-Direttiva tiġi estiżi kollha kemm hi jew parzjalment għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi, minbarra l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1), li jidħlu f’attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

2.   Fejn Stat Membru jestendi l-ambitu ta’ din id-Direttiva għal professjonijiet jew għal kategoriji ta’ intrapriżi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.”

10

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal-Unjoni.”

11

L-Artikolu 58(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli 59 sa 61. Kwalunkwe sanzjoni jew miżura li tirriżulta għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.”

12

L-Artikolu 60(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn ikun applikabbli:

(a)

il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

il-livell ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli, kif indikat pereżempju mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika li tinżamm responsabbli jew mid-dħul annwali tal-persuna fiżika li tinżamm responsabbli;

(d)

il-benefiċċju li jirriżulta mill-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli, dment li dan ikun jista’ jiġi ddeterminat;

(e)

it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, dment li dan ikun jista’ jiġi ddeterminat;

(f)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(g)

ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli.”

13

L-Artikolu 67(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑26 ta’ Ġunju 2017. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

Id-dritt Bulgaru

14

Skont l-Artikolu 1 taż-zakon za ogranichavane na plashtaniyata v broy (il-Liġi dwar il-Limitazzjoni tal-Pagamenti fi Flus Kontanti, DV Nru 16 tat‑22 ta’ Frar 2011, iktar ’il quddiem iz-“ZOPB”), din il-liġi tirregola r-restrizzjonijiet għall-pagamenti fi flus kontanti fit-territorju Bulgaru.

15

Skont l-Artikolu 2 taz-ZOPB:

“Il-liġi ma tapplikax:

1.   għall-irtirar u għall-ħlas ta’ flus fil-kont ta’ pagament tiegħu stess;

2.   għall-irtirar u għall-ħlas ta’ flus fil-kontijiet ta’ persuni milquta minn inkapaċità ġenerali jew speċjali, jew fil-kontijiet ta’ konjuġi jew ta’ qraba fil-linja diretta;

3.   għat-tranżazzjonijiet f’muniti barranin fi flus kontanti għal skopijiet kummerċjali;

4.   għat-tranżazzjonijiet f’karti tal-flus u muniti li jinvolvu l-Bank Ċentrali Bulgaru;

5.   għall-iskambju, minn banek, ta’ karti tal-flus u ta’ muniti Bulgari użati;

6.   għall-pagament ta’ remunerazzjonijiet salarjali fis-sens tal-[Kodeks na Truda (il-Kodiċi tax-Xogħol)];

7.   […] għall-pagament ta’ depożiti ggarantiti fis-sens taż-[zakon za garantirane na vlogovete v bankite (il-Liġi dwar il-Garanzija ta’ Depożiti Bankarji)].”

16

L-Artikolu 3 taz-ZOPB jipprevedi:

“(1)   Il-pagamenti fit-territorju tal-pajjiż għandhom jitwettqu esklużivament permezz ta’ trasferiment jew pagament fuq kont ta’ pagamenti meta jkunu:

1.

[…] ta’ somma ta’ 10000 [lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 5110)] jew iktar;

2.

[…] ta’ somma inqas minn BGN 10000, li tirrappreżenta parti minn benefiċċju finanzjarju kuntrattwali li l-valur tiegħu huwa ta’ BGN 10000 jew iktar.

(2)   […] Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll f’każ ta’ pagamenti f’muniti barranin li l-ammonti tagħhom ikkonvertiti f’BGN ikunu ta’ BGN 10000 jew iktar. Il-konverżjoni f’BGN għandha titwettaq skont il-Balgarska narodna banka [il-Bank Nazzjonali Bulgaru] fil-ġurnata tal-pagament.”

17

L-Artikolu 5 taz-ZOPB huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Kull persuna li twettaq jew tippermetti t-twettiq ta’ ksur tal-Artikolu 3 hija punibbli b’multa ugwali għal 25 % tal-ammont totali tal-pagament magħmul, f’każ ta’ persuna fiżika, jew b’sanzjoni pekunjarja sa massimu ta’ 50 % tal-ammont totali tal-pagament magħmul, f’każ ta’ persuna ġuridika.

(2)   F’każ ta’ repetizzjoni tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1, l-ammont tal-multa jiżdied għal 50 % tal-ammont tal-pagament magħmul, u l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja jiżdied għal 100 % tal-ammont tal-pagament magħmul.”

18

Skont l-Artikolu 6 taz-ZOPB:

“(1)   L-atti ta’ konstatazzjoni tal-ksur imsemmi f’din il-liġi huma stabbiliti mill-awtoritajiet tan-Natsionalna agentsia za prihodite [l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul, il-Bulgarija]. Is-sanzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu adottati mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul jew mill-uffiċjali maħtura minnu.

(2)   Iż-zakon za administrativnite narushenia i nakazania [(il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, DV Nru 92 tat‑28 ta’ Novembru 1969, iktar ’il quddiem iz-“ZANN”)] tiddetermina l-istabbiliment tas-sanzjonijiet amministrattivi, l-adozzjoni tagħhom, ir-rimedji ġudizzjarji li huma s-suġġett tagħhom, kif ukoll l-eżekuzzjoni tagħhom.”

19

L-Artikolu 27(1) sa (5) taz-ZANN jiddisponi:

“(1)   Is-sanzjoni amministrattiva hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi fil-limiti tas-sanzjoni prevista f’każ ta’ twettiq tal-ksur.

(2)   Waqt id-determinazzjoni tas-sanzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, il-motivi tat-twettiq tagħha u ċirkustanzi oħra attenwanti u aggravanti, kif ukoll is-sitwazzjoni patrimonjali tal-awtur.

(3)   Iċ-ċirkustanzi attenwanti jimplikaw l-applikazzjoni ta’ sanzjoni eħfef u ċ-ċirkustanzi aggravanti ta’ sanzjoni itqal.

[…]

(5)   Lanqas ma huwa awtorizzat l-istabbiliment ta’ sanzjoni inqas mill-ammont minimu previst tas-sanzjonijiet li jikkostitwixxu l-multa u ċ-ċaħda temporanja tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni jew attività determinata.”

20

L-Artikolu 28(a) taz-ZANN jipprevedi li, f’każ ta’ ksur amministrattiv negliġibbli, l-awtorità bis-setgħa ta’ sanzjoni tista’ ma timponix sanzjoni, filwaqt li tavża lill-persuna li twettaq il-ksur, verbalment jew bil-miktub, li, f’każ ta’ repetizzjoni tal-ksur, ser tiġi imposta lilha sanzjoni amministrattiva.

21

Skont l-Artikolu 63 ta’ din il-liġi, ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali, il-Bulgarija), sedenti bi mħallef wieħed, għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kawża u tiddeċiedi permezz ta’ sentenza li tista’ tikkonferma, temenda jew tannulla jew id-deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva jew il-proċess verbal elettroniku. Is-sentenza tista’ tkun suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva, il-Bulgarija) għar-raġunijiet previsti min-nakazatelnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) u skont il-modalitajiet previsti fil-Kapitolu 12 tal-administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva).

22

L-Artikolu 83 taz-ZANN jipprevedi:

“(1)   Fil-każijiet previsti mil-liġi rilevanti, permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Ministri jew permezz ta’ digriet tal-Kunsill Muniċipali, tista’ tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq il-persuni ġuridiċi jew in-negozjanti individwali talli naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-Istat jew tal-muniċipalità fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom.

(2)   Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti hija imposta bis-saħħa ta’ din il-liġi, sakemm l-att normattiv ikkonċernat ma jipprovdix mod ieħor.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Ecotex, kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt Bulgaru, għandha bħala attività prinċipali l-kummerċ bl-ingrossa ta’ magni ta’ produzzjoni u l-installazzjoni tagħhom. KS, ta’ nazzjonalità Griega u residenti fil-Greċja, huwa d-direttur kif ukoll is-soċju uniku ta’ din il-kumpannija.

24

Waqt il-laqgħa ġenerali tal-imsemmija kumpannija fl‑14 ta’ Marzu 2018, ġie deċiż li l-profitt mhux iddistribwit, ta’ ammont ta’ BGN 100000 (madwar EUR 51110), nett tat-taxxa fuq il-kumpanniji, kien ser jitqassam fil-forma ta’ dividendi lis-soċju uniku, KS. Ġie deċiż ukoll li din is-somma kellha titħallas lilu fi flus kontanti, mill-fond tal-istess kumpannija, permezz ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ ħlas.

25

Waqt kontroll fiskali, ġie stabbilit, b’mod partikolari, li, skont id-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal‑14 ta’ Marzu 2018 dwar id-distribuzzjoni ta’ dividendi, matul il-perijodu bejn l‑14 ta’ Marzu 2018 u t‑22 ta’ Marzu 2018, kienet tħallset somma ta’ BGN 95000 (madwar EUR 48550) fi flus kontanti, lil KS, permezz ta’ disa’ awtorizzazzjonijiet ta’ ħlas kull waħda għall-ħlas fi flus kontanti ta’ BGN 10000 (madwar EUR 5110), u ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħlas ta’ ammont ta’ BGN 5000 (madwar EUR 2555).

26

Fil‑5 ta’ Ġunju 2018, l-awtorità fiskali kompetenti ħabbret il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali ta’ natura amministrattiva kontra Ecotex u adottat, fis‑26 ta’ Ġunju 2018, proċess verbal li kkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet taz-ZOPB, minħabba li, fl‑14 ta’ Marzu 2018, Ecotex kienet ħallset fi flus kontanti, permezz ta’ awtorizzazzjoni ta’ ħlas, ammont ta’ BGN 10000 favur KS, abbażi tad-deċiżjoni meħuda mil-laqgħa ġenerali tal‑14 ta’ Marzu 2018 li tqassam lil KS dividendi li jammontaw għal BGN 100000.

27

Fl‑10 ta’ Lulju 2018, Ecotex ressqet ilment kontra dan il-proċess verbal fejn sostniet li l-ħlas tas-somma ta’ BGN 10000 fl‑14 ta’ Marzu 2018 kien jeċċedi biss b’BGN 0.01 (madwar EUR 0.005) il-limitazzjoni relatata mal-pagamenti fi flus kontanti prevista miz-ZOPB u, għaldaqstant, li l-ksur kien ta’ “negliġibbli”, fis-sens tal-Artikolu 28 taz-ZANN.

28

Fit‑3 ta’ Settembru 2018, abbażi tal-imsemmi proċess verbal, l-awtorità fiskali kompetenti adottat deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja fuq Ecotex, abbażi tal-Artikolu 5(1) taz-ZOPB, minħabba li, fl‑14 ta’ Marzu 2018, din il-kumpannija kienet wettqet ħlas fi flus kontanti fl-ammont ta’ BGN 10000 favur KS. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kull wieħed mill-pagamenti fi flus kontanti ta’ BGN 10000 lil KS ġie kklassifikat bħala ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 3(1) taz-ZOPB u li ġew adottati disa’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura pekunjarja skont l-Artikolu 5(1) taz-ZOPB. Skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, kull sanzjoni pekunjarja kienet ta’ BGN 5000, li tikkorrispondi għal nofs is-somma mħallsa fi flus kontanti.

29

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, ir-Rayonen sad Petrich (il-Qorti Distrettwali ta’ Petrich, il-Bulgarija) ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Ecotex kontra din id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. Ecotex għalhekk ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija).

30

Quddiem din il-qorti, Ecotex ittenni, essenzjalment, l-argument li jinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, billi tippreċiża li, fid-dawl tal-importanza minuri tal-ksur, sanzjoni pekunjarja li tikkorrispondi għal nofs is-somma totali mħallsa fi flus kontanti tidher sproporzjonata. Ecotex issostni wkoll li d-dritt li tirċievi d-dividendi tal-kumpannija ma jikkostitwixxix tranżazzjoni jew kuntratt u għalhekk ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “pagament” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3(1) taz-ZOPB.

31

L-awtorità fiskali kompetenti ssostni li l-kunċett ta’ “pagament”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3(1) taz-ZOPB, għandu jinftiehem bħala li jirreferi, mingħajr eċċezzjonijiet, għal kull pagament jew tranżazzjoni finanzjarja, irrispettivament mill-fatt li dan huwa distribuzzjoni ta’ dividendi jew mill-punt dwar jekk dan huwiex ibbażat fuq relazzjoni kuntrattwali, mhux kuntrattwali jew ta’ affiljazzjoni.

32

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, preliminarjament, li z-ZOPB hija l-istrument nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102), li tħassret u ġiet issostitwita, mis‑26 ta’ Ġunju 2017, bid-Direttiva 2015/849.

33

Hija tqis, konsegwentement, li l-punt 1 tal-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2015/849, iżda wkoll tal-Artikolu 63 TFUE.

34

Fl-ewwel lok, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C‑35/98, EU:C:2000:294), il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” jinkludi, inter alia, il-ġbir ta’ dividendi ta’ azzjonijiet u ta’ ishma f’kumpanniji kummerċjali. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 63 TFUE li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprojbixxi b’mod partikolari l-miżuri ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jagħmlu investimenti fi Stat Membru jew milli jżommu tali investimenti, jipprekludix leġiżlazzjoni bħall-punt 1 tal-Artikolu 3(1) taz-ZOPB li timponi limitazzjoni għall-pagamenti fi flus kontanti.

35

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-għan tad-Direttiva 2015/849 huwa l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Issa, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu, għal dan l-għan, jintroduċu limitazzjonijiet għall-użu ta’ pagamenti fi flus kontanti iktar stretti minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-limitazzjoni ta’ pagament fi flus kontanti, previst fil-punt 1 tal-Artikolu 3(1) taz-ZOPB, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2015/849 u, fl-affermattiv, jekk l-Istati Membri humiex liberi li jiddeterminaw limitu ta’ pagament fi flus kontanti ta’ inqas minn EUR 10000.

36

Fit-tielet lok, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din it-tieni domanda, ikun neċessarju li tiġi evalwata, fid-dawl tal-Artikolu 58(1) u tal-Artikolu 60(4) tad-Direttiva 2015/849, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, sa fejn dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 5(1) taz-ZOPB tista’ tipprevedi, għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha, sanzjoni pekunjarja, imposta fuq persuni ġuridiċi, ta’ ammont fiss li jammonta għal nofs l-ammont totali tal-ħlas imwettaq fi flus kontanti. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk tali dispożizzjoni nazzjonali tippreġudikax il-prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, peress li mill-Artikolu 27(5) taz-ZANN jirriżulta li l-qorti nazzjonali kompetenti ma tistax tnaqqas is-sanzjoni, fil-każ ta’ rikors, b’mod li jkun inqas mill-ammont minimu previst fl-Artikolu 5(1) taz-ZOPB.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Blagoevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagoevgrad) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-pagamenti fit-territorju nazzjonali b’valur ta’ 10000 leva Bulgari (BGN) jew iktar għandhom jitwettqu esklużivament permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ ħlas fuq kont għal pagamenti u li tillimita l-pagament fi flus kontanti ta’ dividendi ta’ BGN 10000 jew iktar minn profitti li ma jiġux iddistribwiti u, jekk jippermetti tali dispożizzjoni legali, tali restrizzjoni hija ġġustifikata mill-għanijiet tad-Direttiva [2015/849]?

2)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2015/849], ikkunsidrat flimkien mal-premessa 6 tal-preambolu tagħha u mal-Artikoli 4 u 5 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjoni legali nazzjonali ġenerali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-pagamenti fit-territorju nazzjonali b’valur ta’ BGN 10000 jew iktar għandhom jitwettqu esklużivament permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ ħlas fuq kont għal pagamenti u li ma tidħolx fil-kwistjoni tal-entità u tal-motivazzjoni tal-pagament fi flus kontanti sa fejn tkopri mingħajr ebda distinzjoni l-pagamenti kollha fi flus kontanti bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi?

a)

Fil-każ li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-punt 3(e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2015/849], ikkunsidrat flimkien mal-premessa 6 tal-preambolu tagħha u mal-Artikoli 4 u 5 tagħha, jippermetti lill-Istati Membri jadottaw limitazzjonijiet ġenerali supplimentari fir-rigward ta’ pagamenti fi flus kontanti permezz ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-pagamenti fit-territorju nazzjonali b’valur ta’ BGN 10000 jew iktar għandhom jitwettqu esklużivament permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ ħlas fuq kont għal pagamenti f’sitwazzjoni fejn il-pagament fi flus kontanti jkun ibbażat fuq ‘profitti mhux iddistribwiti’ (dividendi)?

b)

Fil-każ li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-punt 3(e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2015/849], ikkunsidrat flimkien mal-premessa 6 tal-preambolu tagħha u mal-Artikolu 5 tagħha, jippermetti lill-Istati Membri jadottaw limitazzjonijiet fir-rigward ta’ pagamenti fi flus kontanti permezz ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-pagamenti fit-territorju nazzjonali b’valur ta’ BGN 10000 jew iktar għandhom jitwettqu esklużivament permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ ħlas fuq kont għal pagamenti, fejn il-limitu minimu ta’ dawn il-pagamenti huwa inqas minn EUR 10000?

3)

a)

L-Artikolu 58(1) u l-Artikolu 60(4) tad-Direttiva [2015/849], ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi ammont fiss għas-sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ ksur tal-limitazzjonijiet dwar il-pagamenti fi flus kontanti mingħajr ma tippermetti approċċ iddifferenzjat skont iċ-ċirkustanzi konkreti rilevanti ta’ kull każ?

b)

Fil-każ li din id-domanda tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 58(1) u l-Artikolu 60(4) tad-Direttiva [2015/849], ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-[Karta], ma jipprekludux dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi ammont fiss għas-sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ ksur tal-limitazzjonijiet dwar il-pagamenti fi flus kontanti, l-Artikolu 58 u l-Artikolu 60(4) tad-Direttiva [2015/849], ikkunsidrati flimkien mal-prinċipju ta’ effettività u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi ammont fiss għas-sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ ksur tal-limitazzjonijiet dwar il-pagamenti fi flus kontanti, mingħajr ma tippermetti li qorti, fil-każ li jiġi ppreżentat rikors kontra tali sanzjoni amministrattiva, tistabbilixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti rilevanti ta’ kull każ, l-ammont ta’ din is-sanzjoni amministrattiva b’mod li jkun inqas mill-ammont minimu previst?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

38

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk il-punt 3(e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, moqri fid-dawl tal-premessa 6 ta’ din id-direttiva u flimkien mal-Artikoli 4 u 5 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-pagament fit-territorju nazzjonali ta’ somma daqs jew ogħla mil-livell stabbilit, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jħallsu fi flus kontanti u teħtieġ li dawn tal-aħħar jagħmlu trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2015/849 jelenka l-entitajiet li għalihom tapplika din id-direttiva minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni jew ta’ attività ta’ natura finanzjarja.

40

L-imsemmija direttiva b’hekk tapplika b’mod partikolari, konformement mal-punt 3(e) tal-Artikolu 2(1) tagħha, għall-pagamenti li jsiru jew jiġu rċevuti fi flus kontanti minn persuni li jinnegozjaw fi prodotti ta’ ammont ta’ EUR 10000 jew iktar, irrispettivament minn jekk it-tranżazzjoni tkunx eżegwita f’daqqa jew f’bosta tranżazzjonijiet li jidhru li huma relatati.

41

Barra minn hekk, fl-Artikolu 4 tagħha, id-Direttiva 2015/849 tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jestendu dan il-kamp ta’ applikazzjoni għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi li jeżerċitaw attivitajiet li partikolarment jistgħu jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw, fil-qasam irregolat minnha, dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jipprevjenu dawn l-attivitajiet kriminali fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 6 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom “ikunu jistgħu jadottaw limiti aktar baxxi [mil-limitu ta’ EUR 10000], limitazzjonijiet ġenerali addizzjonali għall-użu tal-flus kontanti u dispożizzjonijiet ulterjuri aktar stretti”.

42

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taqa’ taħt id-Direttiva 2015/849 u, b’mod partikolari, taħt waħda jew iktar minn dawn id-dispożizzjonijiet.

43

F’dan ir-rigward, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher, fid-dawl tal-għanijiet u tal-istruttura tad-Direttiva 2015/849, li dan ma huwiex il-każ.

44

Fil-fatt, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għanijiet tad-Direttiva 2015/849, din tal-aħħar hija intiża, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 1 tagħha, li tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġi evitat li flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-integrità, għall-istabbiltà u għar-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, jipperikolaw is-suq intern tagħha, kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija direttiva, għal dan l-għan, tarmonizza miżuri ta’ viġilanza u ta’ kontroll li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fir-rigward tal-kategoriji professjonali l-iktar esposti għall-manipulazzjoni ta’ flus idderivati mill-kriminalità serja u għall-ġbir ta’ flus jew proprjetà għal finijiet terroristiċi.

45

Għalkemm huwa minnu li r-reati fiskali marbuta mat-taxxi diretti u indiretti jinsabu fost l-attivitajiet kriminali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849, madankollu mill-punt 4(f) tal-Artikolu 3 kif ukoll mill-premessa 11 tagħha jirriżulta li dan huwa l-każ biss bil-kundizzjoni li dan ir-reat ikun punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ ċertu tul. Konsegwentement, l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tipprevjeni t-twettiq ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fiskali iktar gravi minn dak li jirriżulta mill-ksur ta’ limitazzjoni tal-pagamenti fi flus kontanti.

46

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija tfittex li tilħaq għanijiet differenti minn dawk imfittxija mid-Direttiva 2015/849. Fil-fatt jidher li din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali billi teħtieġ li l-pagamenti ta’ ammont ta’ BGN 10000 jew iktar jitwettqu mhux fi flus kontanti, iżda permezz ta’ trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, b’mod li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. Skont il-Gvern Bulgaru, iz-ZOPB għalhekk għandha l-għan li tillimita s-settur informali fl-ekonomija Bulgara u li tipprevjeni l-ħabi tal-pagamenti jew tad-dħul u tal-ispejjeż, bl-għan li jiġi evitat il-ħlas tat-taxxi previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ kif ukoll il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji.

47

Il-Gvern Bulgaru barra minn hekk ippreċiża, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jeżistu, fuq livell nazzjonali, żewġ testi li ġew adottati sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2015/849, jiġifieri ż-zakon za merkite sreshtu izpiraneto na pari (il-Liġi dwar il-Miżuri tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus, DV Nru 27 tas‑27 ta’ Marzu 2018) u z-zakon za merkite sreshtu finantsiraneto na terorizma (il-Liġi dwar il-Miżuri tal-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu, DV Nru 16 tat‑18 ta’ Frar 2003). Mill-banda l-oħra, iz-ZOPB ma fiha l-ebda miżura dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u ma tinkludi l-ebda riferiment għad-Direttiva 2015/849.

48

Issa, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-Artikolu 67(1) tad‑Direttiva 2015/849, meta l-Istati Membri jadottaw il-liġijiet, ir‑regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw magħha, dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

49

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-istruttura tad-Direttiva 2015/849, din tistabbilixxi miżuri li huma differenti, permezz tan-natura tagħhom u tad-destinatarji tagħhom, minn dawk implimentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, in-natura tal-imsemmija miżuri, il-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandhom, l-istess bħal dak li tipprevedi d-Direttiva 2005/60, jissuġġettaw ruħhom, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni jew ta’ attività ta’ natura finanzjarja, għal ċertu numru ta’ obbligi, jiġifieri, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni u l-verifika tal-identità tal-klijent u tal-benefiċjarju effettiv, il-kisba ta’ informazzjoni dwar is-suġġett u n-natura maħsuba tar-relazzjoni kummerċjali, kif ukoll l-obbligu li tiġi ddikjarata kull indikazzjoni ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu lill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 2005/60, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, Corporate Companies, C‑676/16, EU:C:2018:13, punt 27).

51

Mill-banda l-oħra, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li z-ZOPB tirregola biss l-użu mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi tal-mezzi ta’ ħlas fit-territorju nazzjonali.

52

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-Direttiva 2015/849 ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tillimita l-ammont tal-pagamenti li jistgħu jsiru fi flus kontanti u lanqas ma teżiġi li l-Istati Membri jimponu tali limitazzjonijiet.

53

Barra minn hekk, għalkemm jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 5 tagħha u mill-premessa 6 tagħha li d-Direttiva 2015/849 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, dan ma huwiex l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, il-miżuri previsti minn din il-leġiżlazzjoni ma jikkostitwixxux miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

54

F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2015/849, kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-miżuri stabbiliti minn din id-direttiva huma indirizzati, konformement mal-Artikolu 2 tagħha, lil ċirku limitat ta’ entitajiet, identifikabbli kemm mill-grad tagħhom ta’ espożizzjoni għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll mill-grad ta’ vulnerabbiltà tat-tranżazzjonijiet tagħhom jew tal-attività finanzjarja tagħhom.

55

Mill-banda l-oħra, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli għal kull persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-kwalità li fiha twettaq pagament kif ukoll mill-eżistenza, u jekk ikun il-każ, min-natura tat-tranżazzjoni li magħha din tal-aħħar hija marbuta.

56

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 3(e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 ikopri, fi kwalunkwe każ, esklużivament il-pagamenti magħmula bħala korrispettiv għal kunsinna ta’ oġġetti u ma jirreferix għar-relazzjonijiet bejn kumpannija u l-azzjonisti tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-premessa 6 ta’ din id-direttiva li jadottaw limiti iktar baxxi minn dak imsemmi f’dan il-punt 3(e) tal-Artikolu 2(1) ma tistax tkun rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

57

Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849 jawtorizza lill-Istati Membri jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tipprevedi din l-estensjoni biss għal professjonisti jew kategoriji ta’ impriżi “li jidħlu f’attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu”. Għaldaqstant, hija ma tistax isservi bħala bażi legali għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija applikabbli, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, għal kull persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-kwalità li fiha twettaq pagament kif ukoll mill-eżistenza u, jekk ikun il-każ, min-natura tat-tranżazzjoni li magħha din tal-aħħar hija marbuta.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-pagament fit-territorju nazzjonali ta’ ammont daqs jew ogħla mil-livell stabbilit, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jħallsu fi flus kontanti u teħtieġ li dawn tal-aħħar jagħmlu trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849.

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

59

Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jwettqu, fit-territorju nazzjonali, pagament fi flus kontanti meta l-ammont tiegħu jkun daqs jew ogħla minn limitu stabbilit u teħtieġ, għal dan l-għan, li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, inkluż meta dan jirrigwarda d-distribuzzjoni ta’ dividendi ta’ kumpannija, u li, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni, tipprevedi sistema ta’ sanzjonijiet li fil-kuntest tagħha l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta jiġi kkalkolat abbażi ta’ perċentwali stabbilit applikabbli għall-ammont totali tal-pagament magħmul bi ksur tal-imsemmija projbizzjoni, mingħajr ma din il-multa tkun tista’ tiġi varjata minħabba ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ.

60

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, fl-assenza ta’ regoli komuni jew armonizzati dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-ħlasijiet fi flus kontanti fit-territorju tagħhom, dawn huma liberi li jintroduċu tali limitazzjonijiet, huma madankollu obbligati jeżerċitaw din il-possibbiltà b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Skont l-Artikolu 63(1) TFUE, hija pprojbita kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

62

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” li jinsab fl-Artikolu 63 TFUE jkopri, b’mod ġenerali, kull ostakolu għall-moviment tal-kapital li jseħħ kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn Stati Membri u pajjiżi terzi (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita l-modalitajiet li bihom kumpannija tista’ tagħmel il-pagamenti ta’ dividendi li jkunu waslu li jiskadu lill-azzjonisti tagħha kemm residenti kif ukoll mhux residenti u teskludi f’dan ir-rigward mill-mezzi ta’ ħlas legali l-pagament fi flus kontanti fil-Bulgarija meta dan ikun daqs jew ogħla minn ammont stabbilit. F’dan il-każ, din il-leġiżlazzjoni hija applikabbli għad-distribuzzjoni ta’ dividendi li ġejjin minn kumpannija stabbilita fil-Bulgarija lil azzjonist li huwa ċittadin u residenti fi Stat Membru ieħor.

65

Minkejja li hija applikabbli indistintament, il-limitazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas legali li permezz tagħhom kumpannija stabbilita fi Stat Membru tista’ tħallas dividendi li jkunu skadew lill-azzjonisti tagħha tista’ tiddisswadi lil ċerti investituri mhux residenti milli jixtru sehem fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita f’dak l-Istat Membru. Issa, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-artikoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fundamentali għall-Unjoni u li kull ostakolu, anki ta’ importanza minuri, għal din il-libertà huwa pprojbit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Konsegwentement, miżura ta’ projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

67

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk din tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma tkunx teżisti miżura ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni li tiżgura l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑112/14, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2369, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, bil-kundizzjoni li din ir-restrizzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑112/14, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2369, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li n-neċessità li jiġi żgurat irkupru effikaċi tat-taxxa tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali. Għalhekk, Stat Membru huwa awtorizzat japplika miżuri li jippermettu l-verifika, b’mod ċar u preċiż, tal-ammont tat-taxxa dovuta, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu xierqa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali billi teżiġi li l-pagamenti ta’ ammont ta’ BGN 10000 jew iktar jitwettqu mhux fi flus kontanti, iżda permezz ta’ trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, b’mod li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, li jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra t-trawwim ta’ ekonomija sewda kkaratterizzata minn kummerċ illegali. Skont il-Gvern Bulgaru, iz-ZOPB b’hekk hija intiża sabiex tillimita l-prattiki ta’ pagament fi flus kontanti, li jinkludu l-ħlas effettiv ta’ ammonti ogħla minn dawk li jidhru fid-dokumenti ta’ kontabbiltà, u li għalhekk ma jaqgħux taħt it-tassazzjoni dovuta bħala taxxa fuq id-dħul mill-persuni fiżiċi u taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll taħt il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji. Għaldaqstant, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu, waqt id-distribuzzjoni ta’ dividendi, li jsir trasferiment bankarju jew ħlas f’kont ta’ pagament jikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li tali distribuzzjoni sseħħ b’mod moħbi u, b’hekk, sabiex jiġi żgurat li dawn id-dividendi jiġu ntaxxati mill-Istat Membru li fih il-kumpannija kkonċernata hija stabbilita.

71

Minn dan isegwi li restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan intiż tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali. Huwa wkoll neċessarju li din ir-restrizzjoni tkun, kif jirriżulta mill-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

72

Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha ġurisdizzjoni, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ppreżentati quddiemha, sabiex tipprovdi lil din b’indikazzjonijiet utli, ta’ natura li jippermettulha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għanijiet imfittxija, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tkun effettivament tissodisfa l-ħsieb li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 66, u tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta, l-ewwel, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jaqbdu u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw il-frodi fiskali bl-iktar mod wiesa’ possibbli.

75

Fil-fatt, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 taz-ZOPB, din il-leġiżlazzjoni tidher li tapplika, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, b’mod uniformi għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jwettqu pagament fit-territorju nazzjonali li l-ammont tiegħu jkun ta’ BGN 10000 jew iktar. Għalhekk, l-operaturi u s-setturi ekonomiċi kollha huma suġġetti għal obbligi identiċi, tkun xi tkun in-natura u l-għan tat-tranżazzjoni li magħha huwa marbut il-pagament.

76

Barra minn hekk, il-limitu ta’ BGN 10000 jidher li japplika kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’darba jew fil-forma ta’ tranżazzjonijiet maqsuma, li jippermetti li jinqabad l-aġir ta’ dawk li jipprovaw jevitaw l-imsemmija leġiżlazzjoni billi jaqsmu l-pagament tas-somma dovuta f’kemm ikun neċessarju sabiex dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

77

It-tieni, il-modalitajiet ta’ pagament stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-pagamenti ta’ ammont ta’ BGN 10000 jew iktar, dawn jidhru xierqa sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti u l-applikazzjoni tar-regoli fiskali.

78

Fil-fatt, it-trasferiment bankarju u l-ħlas f’kont ta’ pagament jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-anonimità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji u sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tagħhom għall-finijiet ta’ kontabbiltà u sabiex jiġu ntaxxati mid-dipartiment fiskali tal-Istat, u dan għall-kuntrarju tal-pagamenti fi flus kontanti.

79

Fl-aħħar nett, it-tielet, fir-rigward tal-adegwatezza tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-għanijiet segwiti minnha, għandu jiġi osservat li din is-sistema tippenalizza l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-limitazzjoni tal-pagamenti fi flus kontanti permezz ta’ multa ta’ ammont li jista’, skont il-każ, jammonta għal 25 %, 50 % jew 100 % tal-ammont tal-pagament magħmul. Għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, tali sistema ta’ sanzjonijiet tippermetti li jiġu miġġielda, permezz tal-prevenzjoni u tad-dissważjoni, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

80

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi li jsir pagament fi flus kontanti fit-territorju nazzjonali meta dan ikun ta’ ammont ugwali għal jew ogħla minn limitu stabbilit u teħtieġ, għal dan l-għan, li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, taħt piena ta’ multi ta’ ammont li jista’ jvarja minn 25 % sa 100 % tas-somma totali mħallsa fi flus kontanti, tidher, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, bħala xierqa sabiex jintlaħqu, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali.

81

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li l-limitu ta’ BGN 10000, li jinvolvi l-obbligu li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, ma jidhirx li huwa eċċessivament baxx peress li ma jwassalx għas-sitwazzjoni li fiha rifjut ta’ pagament fi flus kontanti jiġi invokat fil-konfront ta’ individwi waqt ix-xiri jew it-tranżazzjonijiet ta’ kuljum tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 taz-ZOPB, l-imsemmija liġi ma tapplikax għall-pagament ta’ remunerazzjonijiet salarjali, fis-sens tal-Kodiċi tax-Xogħol.

82

Barra minn hekk, ma jidhirx li l-pagament ta’ ammont ogħla mil-limitu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz ta’ trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament jipprekludi jew jittardja, f’dan il-każ, it-twettiq tat-tranżazzjoni ta’ pagament.

83

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni li jsir, fit-territorju nazzjonali, pagament fi flus kontanti meta l-ammont tiegħu jkun daqs jew ogħla mil-limitu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-obbligu, għal dan l-għan, li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni.

84

It-tieni, fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni fir-rigward ta’ ksur tal-projbizzjoni li jitwettaq, fit-territorju nazzjonali, pagament fi flus kontanti meta l-ammont tiegħu jkun daqs jew ogħla mil-limitu stabbilit mill-imsemmija leġiżlazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ inosservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom huma xierqa. Madankollu, huma marbuta jeżerċitaw is-setgħa tagħhom konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji ġenerali tiegħu, u, konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia, C‑81/15, EU:C:2016:398, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li għalhekk għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Issa, dan ikun partikolarment il-każ fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tali li timpedixxi waħda jew iktar mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE u li l-Istat Membru kkonċernat jinvoka r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE jew raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġġustifika tali ostaklu. F’każ bħal dan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tista’, skont ġurisprudenza stabbilita, tibbenefika mill-eċċezzjonijiet hekk previsti biss jekk tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, meta Stat Membru jippromulga miżura li tidderoga minn libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, bħall-moviment liberu tal-kapital, din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 56).

88

Fil-fatt, l-użu, minn Stat Membru, tal-eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE għandu jitqies li “jimplimenta d-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 66 u 71 ta’ din is-sentenza, miżura ta’ projbizzjoni bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl kemm tal-eċċezzjonijiet hekk previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni msemmi fl-Artikolu 49(3) ta’ din tal-aħħar, li għalih tirreferi t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Peress li l-Artikolu 49(3) tal-Karta, li jipprevedi li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, jirrigwarda s-sanzjonijiet ta’ natura kriminali, għandu l-ewwel jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ natura kriminali.

91

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel wieħed huwa l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni huwa n-natura stess tal-ksur u t-tielet huwa l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk is-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

F’dan ir-rigward, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tiegħu, qabelxejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-multa li għaliha tesponi ruħha l-persuna li tikser il-projbizzjoni li twettaq, fit-territorju nazzjonali, pagament fi flus kontanti meta l-ammont tiegħu jkun daqs jew ogħla mil-limitu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali. Għalhekk, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li s-sanzjoni amministrattiva hija imposta fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

94

Sussegwentement, din is-sanzjoni ma hijiex limitata sabiex tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-ksur, iżda għandha natura punittiva, fis-sens li għandha l-għan li twaqqaf il-ksur ta’ din il-projbizzjoni. Għalhekk jidher li tali sanzjoni għandha skop repressiv, li huwa l-karatteristika ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 32).

95

Fl-aħħar nett, is-severità tal-imsemmija sanzjoni tista’ ssaħħaħ l-analiżi li skontha din għandha natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Karta, li huwa fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 33). F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sanzjoni amministrattiva prevista miz-ZOPB tieħu, skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, il-forma ta’ multa, jekk il-persuna li twettaq il-ksur hija persuna fiżika, ugwali għal 25 % tal-ammont totali tal-pagament imħallas, u f’każ ta’ repetizzjoni tal-ksur, għal 50 % ta’ dan l-ammont, u jekk il-persuna li twettaq il-ksur hija persuna ġuridika, ugwali għal 50 % tal-ammont totali tal-pagament imħallas u, f’każ ta’ repetizzjoni tal-ksur, għal 100 % ta’ dan l-ammont.

96

Konsegwentement, jidher li s-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha natura kriminali u tista’ għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ggarantit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta.

97

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-severità ta’ sanzjoni għandha tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat, peress li tali rekwiżit jirriżulta kemm mill-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni stabbilit fl-Artikolu 49(3) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98

Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur, iżda wkoll id-determinazzjoni tar-regoli dwar l-intensità tal-multi u l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-miżuri amministrattivi jew repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament imfittxija permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ April 2021, Braathens Regional Aviation, C‑30/19, EU:C:2021:269, punt 38).

101

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tan-natura u tal-gravità tal-ksur, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-limitazzjoni tal-pagamenti fi flus kontanti u r-rekwiżit li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, meta l-ammont li għandu jitħallas ikun daqs jew ogħla minn limitu stabbilit, kemm jekk dan in-nuqqas ta’ osservanza huwiex marbut jew le ma’ attivitajiet frawdolenti jew illegali. Minn ebda element fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li din is-sanzjoni tiddependi mill-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi fiskali.

102

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-ksur issanzjonat jikkonsisti fid-deċiżjoni min-naħa ta’ amministratur ta’ kumpannija li tirċievi dividendi fi flus kontanti, li l-ammont tagħhom jaqbeż b’mod sinjifikattiv il-limitu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-pagament fi flus kontanti, minkejja l-projbizzjoni legali.

103

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni, din hija perċentwali fissa ekwivalenti, għall-persuni fiżiċi, għal 25 % tal-ammont totali tal-pagament magħmul bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, fil-każ ta’ repetizzjoni tal-ksur, għal 50 % ta’ dan l-ammont. Għall-persuni ġuridiċi, din il-perċentwali fissa tammonta għal 50 % tal-ammont totali mħallas fi flus kontanti u, fil-każ ta’ repetizzjoni tal-ksur, għal 100 % ta’ dan l-ammont.

104

Issa, sistema li permezz tagħha l-ammont tas-sanzjonijiet ivarja skont dak imħallas bi ksur ta’ tali leġiżlazzjoni ma tidhirx, bħala prinċipju, li hija sproporzjonata fiha nnifisha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ammont tal-multi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex assolut, iżda jiżdied b’mod lineari skont l-ammont imħallas bi ksur tiegħu u, għaldaqstant, skont il-portata u l-gravità tal-ksur imwettaq (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Emsland-Stärke, C‑94/05, EU:C:2006:185, punti 5556).

105

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li s-sitwazzjoni tal-awtur tal-ksur tittieħed inkunsiderazzjoni, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tipprevedi ċerta individwalizzazzjoni tal-piena, fejn l-ewwel ksur huwa ssanzjonat b’mod iktar ħafif minn dawk ta’ wara.

106

Barra minn hekk, mill-kjarifiki li joriġinaw mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mit-tweġibiet mogħtija mill-Gvern Bulgaru għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura negliġibbli tal-ksur imwettaq, previst fl-Artikolu 28(a) taz-ZANN, l-awtorità nazzjonali responsabbli sabiex tissanzjona l-ksur u l-awtorità ġudizzjarja adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ kundanna jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni msemmija fl-Artikolu 27(2) u (3) taz-ZANN.

107

Għandu jiġi osservat ukoll, fir-rigward tan-natura dissważiva ta’ tali sanzjonijiet, li n-nuqqas ta’ osservanza tal-limitazzjoni tal-pagamenti fi flus kontanti jikkonċerna f’dan il-każ somom ta’ flus ta’ ammont pjuttost għoli u li jidher diffiċli li tali nuqqas ta’ osservanza jiġi identifikat, li jista’ jiġġustifika s-sistema ta’ sanzjonijiet konsegwenti, sabiex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali.

108

Fil-fatt, kif jenfasizza l-Gvern Bulgaru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, in-nuqqas ta’ osservanza tal-limitazzjoni tal-pagamenti fi flus kontanti huwa marbut ħafna drabi mall-ħabi ta’ ammont speċifiku ta’ dħul ta’ persuna ġuridika u, għaldaqstant, man-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Il-livell tas-sanzjoni għandu għalhekk natura preventiva fir-rigward ta’ dawn ir-riskji u huwa ta’ natura li jipproduċi effett dissważiv fuq il-persuni kkonċernati.

109

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali li hija ssegwi. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, hija, in fine, il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l-eżami konkret tal-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ repressjoni u ta’ prevenzjoni, kif ukoll l-ammonti inkwistjoni u l-livell tas-sanzjonijiet effettivament imposti.

110

B’mod partikolari, multa li l-ammont tagħha jikkorrispondi għal 100 % tal-ammont totali mħallas fi flus kontanti, bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-obbligu li jsiru pagamenti permezz ta’ trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 45).

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 63 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, minn naħa, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jwettqu fit-territorju nazzjonali pagament fi flus kontanti meta l-ammont tiegħu jkun daqs jew ogħla minn limitu stabbilit u teħtieġ, għal dan l-għan, li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, inkluż meta dan jirrigwarda d-distribuzzjoni ta’ dividendi ta’ kumpannija, u li, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni, tipprevedi sistema ta’ sanzjonijiet li fil-kuntest tagħha l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta jiġi kkalkolat abbażi ta’ perċentwali stabbilit applikabbli għall-ammont totali tal-pagament magħmul bi ksur tal-imsemmija projbizzjoni, mingħajr ma din il-multa tkun tista’ tiġi varjata minħabba ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-imsemmija għanijiet u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom.

Fuq l-ispejjeż

112

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-pagament fit-territorju nazzjonali ta’ ammont daqs jew ogħla mil-livell stabbilit, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jħallsu fi flus kontanti u teħtieġ li dawn tal-aħħar jagħmlu trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE.

 

2)

L-Artikolu 63 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, minn naħa, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jwettqu fit-territorju nazzjonali pagament fi flus kontanti meta l-ammont tiegħu jkun daqs jew ogħla minn limitu stabbilit u teħtieġ, għal dan l-għan, li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, inkluż meta dan jirrigwarda d-distribuzzjoni ta’ dividendi ta’ kumpannija, u li, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni, tipprevedi sistema ta’ sanzjonijiet li fil-kuntest tagħha l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta jiġi kkalkolat abbażi ta’ perċentwali stabbilit applikabbli għall-ammont totali tal-pagament magħmul bi ksur tal-imsemmija projbizzjoni, mingħajr ma din il-multa tkun tista’ tiġi varjata minħabba ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-imsemmija għanijiet u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.