SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

30 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet – Materji ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Artikolu 15(1)(ċ) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Trasferiment tad-domiċilju tal-konsumatur fi Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni”

Fil-Kawża C-296/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Commerzbank AG

vs

E.O.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatriċi) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Commerzbank AG, minn N. Tretter, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”), u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 15(1)(ċ) kif ukoll tal-Artikolu 16(2) tiegħu.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Commerzbank AG u E.O., dwar ir-rimbors ta’ dejn li jirriżulta minn bilanċ negattiv fil-kont kurrenti ta’ E.O.

Il-kuntest ġuridiku

3

Kif jirriżulta mill-Informazzjoni rigward id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2011, L 138, p. 1), il-Konvenzjoni ta’ Lugano II daħlet fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fl-1 ta’ Jannar 2011.

4

It-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi, fit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikoli 2 sa 4.

5

L-Artikolu 2(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Suġġett għad-dispożizzjonijet ta’ din il-Konvenzjoni, persuni domiċiljati fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu mħarrka fil-qrati ta’ dak l-Istat.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Persuni domiċiljati fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu mħarrka fil-qrati ta’ Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni permezz biss tar-regoli stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan it-Titolu.”

7

Il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, li jinsab fit-Taqsima 2 tat-Titolu II, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni tista’, fi Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni, tiġi mħarrka:

1.

(a)

f’materji relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq ta’ l-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq ta’ l-obbligazzjoni in kwistjoni għandu jkun:

[...]

fil-każ tal-provvista ta’ servizzi, il-post fi Stat marbut b’din il-konvenzjoni fejn, skond il-kuntratt, is-servizzi ġew provduti jew kellhom jiġu pprovduti;

(ċ)

jekk is-subinċiż (b) ma japplikax, għandu japplika s-subinċiż (a);

[...]”

8

It-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jinkludi Taqsima 4, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti konsumeristiċi”, li taħtha l-Artikolu 15(1) jiddikjara:

“F’materji relatati ma’ kuntratt li jsir minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus lil hinn mis-sengħa jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tkun stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-[Artikolu 4 u l-punt 5 tal-Artikolu 5] jekk:

[...]

(b)

ikun kuntratt ta’ self li jitħallas lura bin-nifs, jew bi kwalunkwe forma oħra ta’ kreditu, magħmul sabiex jiffinanzja l-bejgħ ta’ merċi, jew

(ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun sar ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderiġi dawk l-attivitajiet lejn dak l-Istat jew lejn diversi Stati li jinkludu dak l-Istat, u l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet.”

9

Skont l-Artikolu 16(2) ta’ din il-konvenzjoni:

“Jistgħu jiġu istitwiti proċedimenti kontra konsumatur, mill-parti l-oħra fil-kuntratt, biss fil-qrati ta’ l-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

10

L-Artikolu 17 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim:

1.

li jkun intlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2.

li jippermetti lill-konsumatur li jistitwixxi proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f’din it-Taqsima, jew

3.

li jkun intlaħaq bejn il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt, li t-tnejn ikunu fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, u li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta’ dak l-Istat, sakemm dak il-ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta’ dak l-Istat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Commerzbank, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, għandha s-sede tagħha fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja).

12

Matul is-sena 2009, E.O., li dak iż-żmien kien iddomiċiljat fi Dresden (il-Ġermanja), kien fetaħ kont kurrenti ma’ sussidjarja ta’ Commerzbank, ukoll stabbilita fi Dresden. Karta ta’ kreditu ġiet maħruġa lilu minn din tal-aħħar.

13

Matul is-sena 2014, E.O. ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu fl-Isvizzera.

14

Mill-fatti kkonstatati mill-qorti tal-appell jirriżulta li Commerzbank kien ittollera bilanċi negattivi fuq il-kont kurrenti tiegħu.

15

Fix-xahar ta’ Jannar 2015, E.O. xtaq itemm ir-relazzjoni ta’ negozju ma’ Commerzbank. F’dak iż-żmien il-kont kurrenti kellu bilanċ ta’ debitu li kien jammonta għal EUR 6 283.37. E.O. rrifjuta li jpaċi dan il-bilanċ minħabba li dan kien irriżulta minn użu frawdolenti minn terzi tal-karta ta’ kreditu tiegħu minn terzi.

16

Wara li ordnat lil E.O., diversi drabi, mingħajr suċċess, biex ipaċi l-bilanċ ta’ debitu inkwistjoni, Commerzbank, fix-xahar ta’ April 2015, ittermina, b’effett immedjat, ir-“relazzjoni ta’ kreditu” bejn il-partijiet u stabbilixxa bilanċ ta’ debitu dovut favurih li kien jammonta għal EUR 4 856.61.

17

Peress li E.O. ma paċiex dan il-bilanċ, Commerzbank, fix-xahar ta’ Novembru 2016, ippreżentat azzjoni quddiem l-Amtsgericht Dresden (il-Qorti Distrettwali ta’ Dresden, il-Ġermanja) intiża sabiex E.O. jiġi kkundannat iħallas l-imsemmi bilanċ.

18

L-imsemmija qorti ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli minħabba li ma kellhiex ġurisdizzjoni, fid-dawl tad-domiċilju tal-konvenut, li issa jinsab fl-Isvizzera. Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, il-Landgericht Dresden (il-Qorti Reġjonali ta’ Dresden, il-Ġermanja) ikkonfermat fl-appell is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza.

19

Għaldaqstant Commerzbank ippreżentat rikors għal Reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tenfasizza li r-riżultat tar-rikors li bih hija adita jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) u tal-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

21

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha hija interpretat l-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u adottat tliet kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel, parti kontraenti għandha l-kwalità ta’ “konsumatur” li taġixxi f’kuntest li jista’ jitqies li ma jagħmilx parti mill-attività professjonali tiegħu, it-tieni, li l-kuntratt bejn tali konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur ikun ġie effettivament konkluż u, it-tielet, tali kuntratt jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji previsti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 15.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ. Fir-rigward tat-tielet, sa fejn il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt l-Artikolu 15(1) (a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, dan jista’ jaqa’ biss taħt l-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din il-konvenzjoni.

23

Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jippreżupponix l-eżistenza ta’ attività transkonfinali tal-parti kontraenti tal-konsumatur fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li tfakkar li, f’din id-data, jiġifieri matul is-sena 2009, kemm il-konsumatur kif ukoll il-bejjiegħ jew il-fornitur, permezz tas-sussidjarja tiegħu, kienu ddomiċiljati fi Dresden.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“eżerċizzju” ta’ attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut [b’din il-]Konvenzjoni li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu jippreżupponi, sa mit-tħejjija u l-konklużjoni tal-kuntratt, l-eżistenza ta’ attività transkonfinali tal-parti kontraenti mal-konsumatur, jew din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata wkoll sabiex tiġi stabbilita l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża meta, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-partijiet f’dan il-kuntratt kellhom id-domiċilju tagħhom fis-sens tal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II fl-istess Stat marbut bil-Konvenzjoni u meta r-relazzjoni ġuridika tkun kisbet natura internazzjonali biss a posteriori, minħabba li l-konsumatur, sussegwentement, ikun iċċaqlaq lejn Stat ieħor marbut [bl-imsemmija] Konvenzjoni?

2)

Fil-każ li l-eżistenza ta’ attività transkonfinali fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ma tkunx neċessarja:

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 15(1)(ċ) u tal-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jeskludu b’mod ġenerali d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-istess konvenzjoni meta l-konsumatur, bejn il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u dak tat-tressiq tal-kawża, ikun iċċaqlaq lejn Stat ieħor marbut bil-Konvenzjoni [ta’ Lugano II], jew huwa wkoll neċessarju li l-parti kontraenti mal-konsumatur teżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tagħha ukoll fl-Istat il-ġdid ta’ residenza jew li hija tindirizza dawn l-attivitajiet lejn dan l-Istat u li l-kuntratt jaqa’ fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet? ”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Lulju 2020, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet sospiża sakemm jingħata d-digriet fil-Kawża C‑98/20, mBank (digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, mBankC‑98/20, EU:C:2020:672).

26

Din il-proċedura tkompliet fis‑7 ta’ Settembru 2020.

27

Wara li ngħata dan id-digriet, il-qorti tar-rinviju ġiet mistoqsija mir-Reġistru dwar jekk hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

28

Bi tweġiba, permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2020, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) indikat li kienet qiegħda tirtira t-tieni domanda dwar l-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, iżda żammet l-ewwel domanda tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din il-konvenzjoni.

29

Konsegwentement, saret in-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari, flimkien mat-tweġiba tal-qorti tar-rinviju.

Fuq id-domanda preliminari

30

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża mill-bidu nett li huwa biss jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jiġu esklużi li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi tista’ tinżamm fuq il-bażi tal-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni.

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schlömp (C‑467/16, EU:C:2017:993, punt 37), il-Konvenzjoni ta’ Lugano II daħlet fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fl‑1 ta’ Jannar 2011.

32

Għalhekk, għalkemm il-kuntratt fil-kawża prinċipali ġie konkluż qabel din id-data, peress li x-xoljiment tiegħu u l-azzjoni ġudizzjarja sussegwenti seħħew ulterjorment, l-applikabbiltà tal-imsemmija konvenzjoni ma tistax tiġi kkontestata.

33

It-tieni, skont ġurisprudenza stabbilita, għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II li huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012, L 351, p. 1) u, qablu, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll, iktar preċedentement, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni tibqa’ rilevanti (digriet tal‑15 ta’ Mejju 2019, MC, C‑827/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:416, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

It-tielet, fit-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti konsumeristiċi”, jinsabu b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16.

35

L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jiffissa t-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiskatta l-applikazzjoni tal-imsemmija Taqsima 4. Skont il-ġurisprudenza, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, b’tali mod li, jekk waħda minn fosthom ma tiġix issodisfatta, il-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata skont ir-regoli f’materji kuntrattwali konklużi mill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia, C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement, fir-rigward tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, li l-formulazzjoni tiegħu hija, essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 16, li l-kunċett ta’ “domiċilju tal-konsumatur” għandu jiġi interpretat bħala li jindika d-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja (digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, mBank, C‑98/20, EU:C:2020:672, punt 36).

37

Ir-raba’, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam ta’ kuntratti konklużi minn konsumatur, fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, l-azzjoni tiġi ppreżentata kontra l-konsumatur mill-bejjiegħ jew fornitur, regola bħal dik iddikjarata fl-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II hija kkwalifikata bħala “regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva”, li bis-saħħa tagħha l-azzjoni tista’ titressaq biss quddiem il-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu l-konsumatur huwa ddomiċiljat (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, mBank, C‑98/20, EU:C:2020:672, punt 26).

38

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

39

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandux jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina l-ġurisdizzjoni fil-każ fejn il-bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur, li jkunu partijiet fil-kuntratt, kellhom, fid-data tal-konklużjoni tiegħu, id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat marbut b’din il-konvenzjoni u fejn element barrani tar-relazzjoni legali jkun deher biss wara din id-data, minħabba t-trasferiment tad-domiċilju tal-konsumatur lejn Stat ieħor marbut mill-imsemmija konvenzjoni jew jekk, f’tali ipoteżi, din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-eżistenza ta’ attività transkonfinali min-naħa ta’ dan il-bejjiegħ u jew fornitur hekk kif jiġi konkluż l-imsemmi kuntratt.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-metodi ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża jeħtieġu li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab kif ukoll l-għanijiet li jixtieq jilħaq l-att li hija tagħmel parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Installazzjonijiet Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fl-ewwel lok, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-parti kontraenti mal-konsumatur “fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun sar ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderiġi dawk l-attivitajiet lejn dak l-Istat jew lejn diversi Stati li jinkludu [l-imsemmi Istat], u l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet”.

42

Kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, la jirriżulta espressament u lanqas impliċitament mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li, fid-data li fiha l-kuntratt ġie konkluż, l-attività professjonali għandha neċessarjament tkun diretta lejn Stat li ma huwiex dak tas-sede tal-bejjiegħ jew fornitur. Bl-istess mod, xejn ma jindika li l-Istat li fih il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu għandu jkun Stat differenti minn dak tas-sede tal-parti kontraenti bejjiegħa jew fornitriċi.

43

Għalhekk, huwa espressament meħtieġ biss il-fatt li l-parti kontraenti bejjiegħa jew fornitriċi teżerċita l-attività tagħha fl-Istat fejn jinsab id-domiċilju tal-konsumatur.

44

Din il-konsiderazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-istrumenti ekwivalenti għall-Konvenzjoni ta’ Lugano II. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni kienu applikabbli minkejja ċ-ċirkustanza li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur kellhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punti 22, 29, 3034 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic (C‑478/12, EU:C:2013:735, punt 26), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ element barrani u li n-natura internazzjonali tar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni ma għandhiex neċessarjament tirriżulta mill-involviment, minħabba l-mertu tal-kawża jew id-domiċilju rispettiv tal-partijiet fil-kawża, ta’ diversi Stati kontraenti.

46

Għandu jiġi osservat li għalkemm, fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-għoti tad-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, mBank (C‑98/20, EU:C:2020:672), il-bank, stabbilit fi Stat wieħed, kellu fergħa fi Stat ieħor fejn kien, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, ukoll iddomiċiljat il-konsumatur, huwa paċifiku li, f’din il-kawża, l-imsemmi bank ma kien jeżerċita ebda attività professjonali jew kummerċjali fit-tielet Stat fejn il-konsumatur kien issa ddomiċiljat, mingħajr ma din iċ-ċirkustanza tostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012 li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

47

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex kontradetti mill-motivi tas-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740). Fil-fatt, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-frażi “immexxija [immirata] għal” f’każ fejn l-attività tal-bejjiegħ jew fornitur kienet ippreżentata fuq sit internet, u l-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi “aċċessibbiltà” tas-sit internet kinitx suffiċjenti. Għalhekk, mill-imsemmija sentenza ma jistax jiġi dedott li, bħala prinċipju, fil-kuntest tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, l-eżerċizzju ta’ attività professjonali jew kummerċjali għandu neċessarjament jikkonċerna Stat kontraenti ieħor meta jiġi konkluż il-kuntratt u l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tiġi eskluża meta l-konsumatur, fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, ikollu d-domiċilju tiegħu fl-istess Stat bħall-parti kokontraenti bejjiegħa jew fornitriċi.

48

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq qari komparattiv tal-punti (a) sa (ċ), tal-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, sabiex tissuġġerixxi li element barrani waqt il-konklużjoni tal-kuntratt huwa meħtieġ fil-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni.

49

F’dan ir-rigward, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni, l-ebda waħda mit-tliet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma ssemmi l-ħtieġa li l-attività eżerċitata għandu jkollha element barrani fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

50

Fir-rigward tal-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 15 tal-imsemmija konvenzjoni, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 17(3) tagħha jirriżulta li l-klawżoli jikkonferixxu ġurisdizzjoni “li jkun intlaħaq bejn il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt, li t-tnejn ikunu fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, [jikkonferixxu] l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta’ dak l-Istat, sakemm dak il-ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta’ dak l-Istat”.

51

Għalhekk, u kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-partijiet kienu ddomiċiljati fl-istess Stat fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, bħall-Artikolu 17(3) tagħha.

52

Minn dan isegwi li interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma tirrikjedix l-eżistenza ta’ attività transkonfinali min-naħa tal-bejjiegħ jew fornitur malli jiġi konkluż il-kuntratt.

53

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II, u bi tweġiba għat-tieni oġġezzjoni ta’ Commerzbank, relatata man-natura prevedibbli tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll mar-riskju li l-konsumatur “jieħu miegħu” il-forum ta’ protezzjoni, wieħed għandu jżomm f’moħħu li r-regoli ta’ din il-konvenzjoni ma humiex intiżi li jirregolaw l-istruttura tal-kuntratt, iżda li joħolqu regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Markt24, C‑804/19, EU:C:2021:134, punti 3032 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u li dawn ma humiex iddeterminati qabel il-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, mBank, C‑98/20, EU:C:2020:672, punt 36).

54

Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li r-regola tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konsumatur, minkejja bidla eventwali fid-domiċilju, ma hijiex biss ir-riżultat tal-proċess ta’ integrazzjoni leġiżlattiva, li tiegħu r-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jikkostitwixxu wieħed mill-eżempji, iżda tikkorrispondi wkoll għal dik abitwali tal-ġurisdizzjoni skont id-domiċilju tal-konvenut, stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ din il-konvenzjoni.

55

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq ir-Rapport ta’ P. Schlosser dwar il-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71, punt 161) sabiex tqis li, fil-każ li l-konsumatur jittrasferixxi d-domiċilju tiegħu fi Stat ieħor wara l-konklużjoni tal-kuntratt, is-Sezzjoni 4, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti ta’ konsumaturi”, tat-Titolu II tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis‑16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1988, L 319, p. 9), imsejħa “Konvenzjoni ta’ Lugano”, tapplika għall-każijiet imsemmija fil-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni (li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirriżultaw mill-ġdid fl-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II) biss jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti fl-ewwel Stat ta’ residenza.

56

Għandu jitfakkar li l-punt 161 tal-imsemmi rapport jesponi li din ma hijiex regola assoluta, iżda li hija suġġetta għal eċċezzjonijiet. Dan il-punt jenfasizza l-ħsieb wara din ir-regola marbut mad-diffikultajiet inerenti fil-pubblikazzjoni transkonfinali għal skopijiet ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet marbuta mat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni żviluppaw kunsiderevolment wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport.

58

Fi kwalunkwe każ, għalkemm il-kontenut ta’ tali rapport jista’ jikkorrobora jew jikkonferma l-analiżi tad-dispożizzjonijiet li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi interpretazzjoni, dan ma huwiex tali li jeskludi l-formulazzjoni tal-istipulazzjonijiet tagħhom.

59

Issa, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 54 ta’ din is-sentenza, kemm mill-kliem tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-għan ta’ din il-konvenzjoni, jirriżulta li l-applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni hija suġġetta biss għall-kundizzjoni espressa li l-parti kontraenti bejjiegħa jew fornitriċi teżerċita l-attività tagħha fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, mingħajr ma t-trasferiment ulterjuri tad-domiċilju tal-konsumatur fi Stat kontraenti ieħor ma jkun jista’ jipprekludi l-applikabbiltà tal-istess dispożizzjoni.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tiddetermina l-ġurisdizzjoni fil-każ fejn il-bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur, li huma partijiet f’kuntratt ta’ konsum, kienu, fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, iddomiċiljati fl-istess Stat marbut b’din il-konvenzjoni, u fejn element barrani tar-relazzjoni legali dehret biss wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, minħabba trasferiment ulterjuri tad-domiċilju tal-konsumatur fi Stat ieħor marbut mill-imsemmija konvenzjoni.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tiddetermina l-ġurisdizzjoni fil-każ fejn il-bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur, li huma partijiet f’kuntratt ta’ konsum, kienu, fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, iddomiċiljati fl-istess Stat marbut b’din il-konvenzjoni, u fejn element barrani tar-relazzjoni legali dehret biss wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, minħabba trasferiment ulterjuri tad-domiċilju tal-konsumatur fi Stat ieħor marbut mill-imsemmija konvenzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.